EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0382

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiċċara l-ambitu tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta' l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

/* KUMM/2008/0382 finali */

52008PC0382

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiċċara l-ambitu tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta' l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina /* KUMM/2008/0382 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.6.2008

KUMM(2008) 382 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jiċċara l-ambitu tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta' l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’) fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, wara reviżjoni interim parzjali ex officio skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |

120 | Kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skond ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku. |

139 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ma hemm l-ebda dispożizzjoni eżistenti fil-qasam tal-proposta. |

141 | Konsistenza ma' strateġiji politiċi u għanijiet oħrajn ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. |

2) IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TA’ L-IMPATT |

Konsultazzjoni ma' partijiet interessati |

219 | Il-partijiet interessati milquta mill-proċedura diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Ġbir u użu ta’ għarfien espert |

229 | Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal għarfien espert estern. |

230 | Stima ta' l-Impatt Din il-proposta hija r-riżultat ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima ġenerali ta’ l-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu evalwati. |

3) L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

305 | Taqsira ta’ l-azzjoni proposta Fis-7 ta' Awissu 2007, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni interim parzjali ex officio tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 tat-18 ta' Lulju 2005. It-tagħrif disponibbli lill-Kummissjoni indika li ċerti prodotti, l-hekk imsejħa highlifters, stackers, scissorslifts u weighing trucks, li jistgħu allegatament jaqgħu taħt l-ambitu tal-prodott, jidhru li huma distinti minn pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u ħajdroliks, inter alia minħabba l-funzjonijiet speċifiċi tagħhom (irfigħ, stivar jew użin tat-tagħbija) u l-użu aħħari tagħhom. L-investigazzjoni tar-reviżjoni wriet li biex jitwettqu dawn il-funzjonijiet, hemm differenzi fis-saħħa u l-bini tal-ħajdroliks u x-xażi. Il-fatturi msemmija qabel jenfasizzaw id-differenzi fl-użu. Instab ukoll li mhemm l-ebda interskambju bejn dawn il-prodotti u l-pallet trucks ta’ l-idejn. Għaldaqstant, huwa ssuġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament biex jiddefinixxi b’mod aktar preċiż il-pallet trucks ta’ l-idejn u jiċċara li highlifters, stackers, scissorlifts u weighing trucks huma differenti mill-pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom u, għalhekk, ma jaqgħux fl-ambitu tal-prodott suġġett għal miżuri antidumping. Huwa propost ukoll li jiġi rimborżat, fuq talba, kull dazju antidumping miġbur bla bżonn. |

310 | Bażi ġuridika Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

329 | Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. |

Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

331 | Il-forma ta' l-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħalli ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali. |

332 | L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa minimizzat u proporzjonali għall-għan tal-proposta mhix applikabbli. |

Għażla ta' strumenti |

341 | Strumenti proposti: Regolament. |

342 | Mezzi oħrajn ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix għażliet oħra. |

4) IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI |

409 | Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jiċċara l-ambitu tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta' l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ('ir-Regolament bażiku'), u b' mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1. IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1) Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005[2] ('ir-Regolament oriġinali') il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom (‘HPT’) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. ('RPĊ'). L-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament imsemmi qabel użat bħala perjodu ta’ investigazzjoni l-perjodu mill-1 ta' April 2003 sal-31 ta' Marzu 2004 (l-'investigazzjoni oriġinali').

2. L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

2.1. Proċedura

(2) Din ir-reviżjoni interim parzjali ngħatat bidu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess. It-tagħrif disponibbli lill-Kummissjoni indika li ċerti prodotti, l-hekk imsejħa highlifters, stackers, scissorslifts u weighing trucks (‘HSSWT’), li jistgħu allegatament jaqgħu taħt l-ambitu tal-prodott, jidhru li huma distinti minn pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u ħajdroliks, inter alia minħabba l-funzjonijiet speċifiċi tagħhom (irfigħ, stivar jew użin tat-tagħbija) u l-użu aħħari tagħhom. Sabiex jitwettqu dawn il-funzjonijiet, jidher li hemm differenzi fis-saħħa u l-bini tal-ħajdroliks u x-xażi. Il-fatturi msemmija qabel enfasizzaw id-differenzi fl-użu – u jidher li ma kien hemm l-ebda interskambju bejn dawn il-prodotti u l-pallet trucks ta’ l-idejn. Għalhekk, tqies xieraq li ssir reviżjoni tal-każ safejn għandha x’taqsam il-kjarifika ta' l-ambitu tal-prodott ikkonċernat, bil-konklużjoni dwarha possibbilment b'effett retroattiv sa mid-data ta’ l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping rilevanti.

(3) Wara li ġie stabbilit, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni, b’avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea[3], ħabbret il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitat għall-eżami ta’ l-ambitu tal-prodott.

2.2. Investigazzjoni ta’ reviżjoni

(4) Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ (‘il-pajjiż ikkonċernat’), u l-partijiet l-oħra kollha magħrufa li huma kkonċernati, jiġifieri produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, utenti u importaturi fil-Komunità u produtturi fil-Komunità, dwar il-bidu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż ta' inizjazzjoni. Il-partijiet interessati kollha li gћamlu dan it-talba u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex kellhom jinstemgħu, ingћataw seduta.

(5) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li huma kkonċernati, u lill-partijiet l-oħra kollha li introduċew ruħhom fiż-żmien stipulat fl-avviż ta' inizjazzjoni.

(6) Fid-dawl ta' l-ambitu tar-reviżjoni parzjali, ma ġie stabbilit l-ebda perjodu ta' investigazzjoni għall-għan ta' din ir-reviżjoni parzjali. It-tagħrif li nkiseb permezz tat-tweġibiet tal-kwestjonarju kopra l-perjodu mill-2003 sa l-2006 ('il-perjodu meqjus'), jiġifieri dan kopra wkoll il-perjodu ta' investigazzjoni ta' l-investigazzjoni oriġinali. Għall-perjodu meqjus, intalab tagħrif dwar volum u valur ta' bejgħ/xiri, volum u kapaċità ta' produzzjoni għal HPT u HSSWT. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati ntalbu jikkumentaw dwar xi differenzi jew similaritajiet bejn il-HPT u l-HSSWT fir-rigward tal-proċess ta' produzzjoni tagħhom, il-karatteristiċi tekniċi, l-użu aħħari, il-kapaċità ta' interskambju, eċċ.

(7) Waslu tweġibiet tal-kwestjonarju kompluti biżżejjed minn żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi tal-HPT/HSSWT, erba’ produtturi Komunitarji tal-HPT jew il-HSSWT, utent wieħed u 14-il importatur ta’ HPT/HSSWT fil-Komunità.

(8) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu meqjus neċessarju għall-għan ta' evalwazzjoni dwar jekk hemmx ħtieġa għal kjarifika/emenda ta’ l-ambitu tal-miżuri antidumping eżistenti u wettqet investigazzjonijiet fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin :

-BT Products AB, Mjölby, l-Iżvezja,

-Franz Kahl GmbH, Lauterbach, il-Ġermanja,

-RAVAS Europe B.V., Zaltbommel, l-Olanda.

2.3. Il-prodott ikkonċernat

(9) Il-prodott ikkonċernat, kif hu definit b’mod uniformi fir-Regolament oriġinali, huwa l-pallet trucks ta’ l-idejn, li ma jaħdmux waħidhom, użati għat-tqandil ta’ materjali li normalment jitpoġġew fuq il-pallets, u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u ħajdroliks, li joriġinaw mir-RPĊ, u normalment iddikjarat fi ħdan il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00. Hemm tipi differenti ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li jiddependu prinċipalment fuq il-kapaċità ta’ rfigħ, it-tul tal-frieket, it-tip ta’ azzar użat għax-xażi, it-tip ta’ ħajdroliks, it-tip ta’ roti u l-eżistenza ta’ brejk.

2.4. Sejbiet

(10) Ta’ min ifakkar li l-investigazzjoni oriġinali kopriet pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u ħajdroliks li jintużaw biex it-tagħbija li normalment titpoġġa fuq il-pallets, tkun tista' tiġi mqandla u mmexxija bl-idejn. B’definizzjoni, il-HPT jridu jiġu mbuttati u miġbuda bl-idejn. Għaldaqstant, il-HPT jipprovdu mekkaniżmu li jippermetti lill-utent li jerfa’ t-tagħbija b’idejh kemm hu biżżejjed biex iġorrha minn post għal ieħor.

(11) Il-HSSWT, li allegatament ġew ikklassifikati bħala prodott ikkonċernat li hu suġġett għall-miżuri antidumping minn xi awtoritajiet nazzjonali tad-dwana, jistgħu jaħdmu waħidhom jew jinġarru bl-idejn. Huma jintużaw biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija sabiex ippoġġuha aktar fl-għoli, jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (highlifters), biex jistivaw pallet wieħed fuq ieħor (stackers), biex jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (scissorlifts) jew biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbija (weighing trucks).

(12) Il-HPT kif definiti skond il-premessa (10) hawn fuq biss tqiesu bħala l-prodott ikkonċernat, investigat skond ir-Regolament oriġinali. Tajjeb li wieħed jinnota li għall-għanijiet ta’ l-investigazzjoni oriġinali l-Kummissjoni qatt ma talbet lil partijiet li kkooperaw biex jipprovdu tagħrif dwar il-HSSWT u ma vverifikat l-ebda tagħrif dwar il-HSSWT. Għaldaqstant, id- data u t-tagħrif kollha ppreżentati skond ir-Regolament oriġinali u r-riżultati ta’ l-investigazzjoni oriġinali, inkluża l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping definittivi, kienu bbażati biss fuq il-HPT.

(13) Wara li tqieset il-qagħda deskritta skond il-premessa (2) u biex jiġi stabbilit jekk il-HSSWT humiex distinti mill-HPT, kemm il-HSSWT kif ukoll il-HPT ġew eżaminati fir-rigward tal-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi, il-proċess ta’ produzzjoni tagħhom, l-użu finali tipiku tagħhom u l-interskambju tagħhom.

2.4.1. Il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-HPT/HSSWT

(14) Hemm tipi differenti ta’ HPT u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri ħajdroliks u xażi li jiddependu prinċipalment fuq il-kapaċità ta’ rfigħ, it-tul tal-frieket, it-tip ta’ azzar użat għax-xażi, it-tip ta’ ħajdroliks, it-tip ta’ roti u l-eżistenza ta’ brejk. Dawn it-tipi differenti għandhom, madankollu, l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi u l-istess użu, u għalhekk tqiesu kollha bħala l-prodott ikkonċernat fl-investigazzjoni oriġinali.

(15) L-investigazzjoni tar-reviżjoni wriet li l-HSSWT għandhom ftit mill-karatteristiċi tal-HPT, eż. għandhom ix-xażi bil-frieket u sistema idrawlika. Madankollu, dawn għandhom funzjonijiet addizzjonali biex jerfgħu t-tagħbija aktar fl-għoli, jistivaw, joperaw bħala pjattaforma/livell fejn isir ix-xogħol jew jiżnu t-tagħbija, li jeħtieġu biċ-ċar komponenti tekniċi addizzjonali jew aktar avvanzati. Sabiex jiġu sodisfatti l-funzjonijiet speċifiċi tal-HSSWT imsemmija qabel, ir-rekwiżiti fis-saħħa u l-bini ta' frieket, xażi u ħajdroliks huma differenti minn dawk għall-HPT. Barra minn hekk, biex jiġu sodisfatti dawn il-funzjonijiet addizzjonali, il-HSSWT jiswew ħafna iżjed flus mill-HPT (sa għaxar darbiet aktar).

2.4.2. Il-proċess ta' produzzjoni

(16) Ġie stabbilit mill-investigazzjoni tar-reviżjoni li hemm differenzi sinifikanti fil-proċess ta’ produzzjoni tal-HPT u l-HSSWT billi dawn ta’ l-aħħar jeħtieġu komponenti addizzjonali u għalhekk stadji ta’ produzzjoni differenti meta mqabbla mal-HPT. Tabilħaqq, l-investigazzjoni tar-reviżjoni żvelat li fil-highlifters u fl-istackers il-frejm tax-xażi jrid ikun ferm ogħla u s-sistema idrawlika differenti biex it-tagħbija tkun tista’ tintrefa’ aktar fl-għoli, filwaqt li fil-weighing trucks, jiġi inkorporat miżien fix-xażi b’dan ta’ l-aħħar ikollu struttura ta’ frieket differenti għal kollox meta mqabbel mal-HPT.

2.4.3. L-użu aħħari tipiku tal-HPT / HSSWT

(17) Il-HPT jintużaw ħafna f'attivitajiet ta' tqandil ta’ tagħbija, fit-tqassim u l-ħżin ta' merkanzija. Huma jintużaw kemm fl-industriji tal-manifattura kif ukoll fil-ħwienet bl-imnut. Il-HPT huma ddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda jew immexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta' laċċ artikulat. Il-pallet trucks ta’ l-idejn huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, u sa għoli biżżejjed biex tinġarr it-tagħbija, per eżempju f’vetturi tat-tqassim, imħażen, siti tal-manifattura, jew anki fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut. Il-kapaċità massima ta’ rfigħ tal-HPT normalment hi madwar 210 millimetri. Barra minn hekk, il-HPT ġeneralment jitqiesu bħala komplement neċessarju għal tagħmir ieħor ta’ tqandil, bħal forklifts. Ma jinħtieġ l-ebda taħriġ speċifiku biex jintużaw il-HPT.

(18) L-investigazzjoni tar-reviżjoni wriet li l-HSSWT jintużaw prinċipalment mill-istess utenti bħall-HPT, madankollu, l-użu tagħhom huwa differenti, eż. jerfgħu t-tagħbija aktar fl-għoli, jistivaw it-tagħbija, jiffunzjonaw bħala livell fejn isir ix-xogħol jew jiżnu t-tagħbija. Minħabba l-karatteristiċi u l-użi speċifiċi tagħhom, il-HSSWT mhumiex użati ħafna daqs il-HPT. Huwa għalhekk li l-volum ta’ bejgħ tagħhom huwa madwar wieħed minn għaxra tal-bejgħ tal-HPT fis-suq tal-KE. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-HPT, l-użu tal-HSSWT jeħtieġ taħriġ speċifiku.

2.4.4. Inter-skambju

(19) L-investigazzjoni tar-reviżjoni wriet li l-HSSWT għandhom ferm aktar użi speċifiċi mill-HPT. Tabilħaqq, il-highlifters/l-istackers jintużaw biex jerfgħu t-tagħbija aktar fl-għoli, biex jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija, biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor, is-scissorlifts jintużaw biex jerfgħu it-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol u l-weighing trucks biex jiżnu t-tagħbija.

(20) Xi tipi ta’ HSSWT (eż. weighing trucks) jistgħu, b’mod limitat ħafna biss, jerfgħu jew iġorru t-tagħbija bħall-HPT. Madankollu, il-bdil tal-HPT mal-HSSWT ma jagħmel l-ebda sens prattiku jew ekonomiku għax il-HPT huma aktar faċli biex jintużaw fejn għandhom x'jaqsmu biss l-irfigħ u l-ġarr tat-tagħbija, u l-HSSWT jiswew ferm iżjed flus mill-HPT u jeħtieġu taħriġ speċifiku biex jintużaw. Barra minn hekk, f’xi każijiet, l-użu permanenti tal-HSSWT minflok il-HPT jista’ jeqred il-funzjonijiet ewlenin tal-HSSWT, eż. fil-każ tal-weighing trucks fejn it-tagħmir ta’ l-użin huwa tant delikat li jista’ jitħassar mill-mument meta l-weighing truck jintuża biex jerfa' u jġorr it-tagħbija.

(21) Min-naħa l-oħra ġie stabbilit li matul l-investigazzjoni tar-reviżjoni l-HPT ma jistgħux jintużaw biex jissostitwixxu l-HSSWT. Il-funzjonijiet ta’ dawn ta’ l-aħħar jirreferu għal suq speċifiku u distint b’rekwiżiti differenti u perċezzjonijiet u ħtiġijiet ta’ użi aħħarija.

(22) Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk il-partijiet essenzjali, jiġifieri x-xażi u l-ħajdroliks, tal-HPT u l-HSSWT jistgħux jinbidlu bejniethom. F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni tar-reviżjoni wriet li kemm ix-xażi kif ukoll il-ħajdroliks ma jistgħux jitbiddlu bejn il-HPT u l-HSSWT minħabba l-kostruzzjoni u l-karatteristiċi differenti tagħhom.

2.5. Konklużjoni dwar l-ambitu tal-prodott

(23) L-investigazzjoni tar-reviżjoni stabbiliet li minħabba l-karatteristiċi tekniċi differenti u addizzjonali, l-użi aħħarija differenti u l-proċessi ta' produzzjoni differenti, il-HSSWT ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu tal-prodott tal-HPT u tal-partijiet essenzjali tagħhom li huma suġġetti għall-miżuri antidumping fis-seħħ. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-HSSWT bħala parti mill-ambitu tal-prodott ta' l-investigazzjoni oriġinali.

(24) Għaldaqstant jitqies xieraq li jkun iċċarat li l-HSSWT huma differenti mill-HPT u mill-partijiet essenzjali tagħhom u ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu tal-prodott suġġett għal miżuri antidumping.

(25) Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa dwar il-konklużjonijiet ta' hawn fuq.

(26) Waħda mill-partijiet iddikjarat li l-HSSWT u l-HPT għandha titqies bħala entità teknika waħda iżda t-tagħrif fil-fajl ma jiggarantix din il-konklużjoni. Il-partijiet l-oħra kollha li ressqu rappreżentazzjonijiet aċċettaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

(27) Fid-dawl ta’ dak li ssemma hawn fuq, jitqies xieraq li jiġi emendat ir-Regolament oriġinali biex tiġi ċċarata d-definizzjoni tal-prodott.

(28) Billi din l-investigazzjoni tar-reviżjoni hija limitata għall-kjarifika ta' l-ambitu tal-prodott, u billi l-HSSWT ma kinux koperti mill-investigazzjoni oriġinali u mill-miżura antidumping konsegwenti, jitqies xieraq li l-konklużjonijiet jibdew japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament oriġinali, inkluża kull importazzjoni suġġetta għal dazji proviżorji bejn id-29 ta' Jannar 2005 u 1-21 ta' Lulju 2005. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni importanti għaliex ma għandhiex tiġi applikata dispożizzjoni retroattiva bħal din.

(29) Konsegwentement, għal oġġetti li mhumiex koperti mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 kif emendat b’dan ir-Regolament, id-dazju antidumping definittiv imħallas jew imdaħħal fil-kontijiet skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 u d-dazji antidumping proviżorji miġbura b’mod definittiv skond l-Artikolu 2 ta’ l-istess Regolament għandhom jitħallsu lura jew jitnaqqsu.

(30) Il-ħlas lura jew ir-remissjoni għandha tintalab mill-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana skond il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(31) Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha jiskadi r-Regolament (KE) Nru 1174/2005 skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolment bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 huwa hawnhekk mibdul b'dan li ġej:

'1. Dazju antidumping definittiv huwa hawnhekk impost fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks ta’ l-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-ħajdroliks, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 (kodiċi TARIC 8427 90 00 10 u 8431 20 00 10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Għall-għan ta’ dan ir-regolament, il-pallet trucks ta’ l-idejn għandhom ikunu trakkijiet b’roti li jirfdu l-lifting fork arms għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta' laċċ artikulat. Il-pallet trucks ta’ l-idejn huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, per eżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (highlifters), (ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (stackers), (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (scissorlifts) jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbija (weighing trucks).’

Artikolu 2

Għal oġġetti li mhumiex koperti mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 kif emendat b’dan ir-Regolament, id-dazji antidumping definittivi mħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fil-verżjoni inizjali tiegħu u d-dazji antidumping proviżorji miġbura b’mod definittiv skond l-Artikolu 2 ta’ l-istess Regolament għandhom jitħallsu lura jew jitnaqqsu.

Il-ħlas lura u r-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet nazzjonali tad-dwana skond il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. F’każijiet debitament iġġustifikati, il-limitu ta’ żmien ta’ tliet snin stipulat fl-Artikolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju[4] għandu jiġi estiż għal perjodu ta’ sena.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-22 ta' Lulju 2005.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

[2] ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1.

[3] ĠU C 184, 7.8.2007, p. 11

[4] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

Top