EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0370

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan ta' l-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli u normi komuni rigward l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex iwettqu l-ispezzjonijiet u ż-żjajjar fuq il-bastimenti u l-attivitajiet pertinenti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi, kif ukoll ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u normi komuni rigward l-organizzazzjonijiet awtorizzati biex iwettqu l-ispezzjonijiet u ż-żjajjar fuq il-bastimenti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

/* KUMM/2008/0370 finali - COD 2005/0237 */

52008PC0370

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan ta' l-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli u normi komuni rigward l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex iwettqu l-ispezzjonijiet u ż-żjajjar fuq il-bastimenti u l-attivitajiet pertinenti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi, kif ukoll ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u normi komuni rigward l-organizzazzjonijiet awtorizzati biex iwettqu l-ispezzjonijiet u ż-żjajjar fuq il-bastimenti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2008/0370 finali - COD 2005/0237 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.6.2008

KUMM(2008) 370 finali

2005/0237 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan ta' l-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli u normi komuni rigward l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex iwettqu l-ispezzjonijiet u ż-żjajjar fuq il-bastimenti u l-attivitajiet pertinenti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi, kif ukoll ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u normi komuni rigward l-organizzazzjonijiet awtorizzati biex iwettqu l-ispezzjonijiet u ż-żjajjar fuq il-bastimenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2005/0237 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar

il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan ta' l-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli u normi komuni rigward l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex iwettqu l-ispezzjonijiet u ż-żjajjar fuq il-bastimenti u l-attivitajiet pertinenti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi, kif ukoll ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli u normi komuni rigward l-organizzazzjonijiet awtorizzati biex iwettqu l-ispezzjonijiet u ż-żjajjar fuq il-bastimenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

L-ISFOND

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (id-dokument COM(2005) 587 finali – 2005/0237COD): | it-30 ta' Jannar 2006 |

Data ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | it-13 ta’ Settembru 2006 |

Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: | il-15 ta' Ġunju 2006 |

Data ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | il-25 ta’ April 2007 |

Data ta’ l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni: | is-6 ta' Ġunju 2008. |

L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

L-għan tal-proposta huwa r-riforma tas-sistema attwali ta' rikonoxximent mill-Kummissjoni ta' l-organizzazzjonijiet qabel ma jiġu inkarigati mill-Istati Membri biex jispezzjonaw u jiċċertifikaw is-sikurezza tal-bastimenti skond il-konvenzjonijiet internazzjonali (organizzazzjonijiet tal-perizji), sistema stipulata mid-Direttiva 94/57/KE (ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20). Għal din ir-raba’ emenda tad-Direttiva, qed tintuża t-teknika tar-riformulazzjoni ( refonte ).

Partikolarment, il-proposta ta’ riformulazzjoni għandha l-għan li:

1. Issaħħaħ is-sistemi għall-kontroll ta’ l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, permezz tat-twaqqif ta’ organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni tas-sistemi tagħhom għall-ġestjoni tal-kwalità, komuni għal dawn l-organizzazzjonijiet iżda indipendenti.

2. Tgħaqqad is-sistema doppja attwali ta’ rikonoxximent normali u limitata: minn issa 'l quddiem ir-rikonoxximent jingħata biss skond il-kwalità tas-servizz u l-prestazzjoni tajba ta’ l-organizzazzjonijiet ikkonċernati u b’konsegwenza bl-ebda distinzjoni abbażi tad-daqs.

3. Is-simplifikazzjoni u l-istrutturar aħjar tal-kriterji ta’ rikonoxximent Komunitarja jagħmlu dawn l-istess kriterji aktar esiġenti.

4. Ir-riforma tas-sistema tas-sanzjonijiet, li bħalissa ma tipprevedi xejn ħlief is-sospensjoni jew l-irtirar tar-rikonoxximent. Il-proposta għandha l-għan li tintroduċi sistema ta’ sanzjonijiet finanzjarji, aktar gradwali u aktar effiċjenti, biż-żamma tal-possibbiltà ta' l-irtirar fil-każijiet l-aktar gravi.

5. L-introduzzjoni tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta’ klassifikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti (ċertifikati ta’ konformità mar-regolamenti tekniċi proprji ta’ dawn l-organizzazzjonijiet), partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħmir tal-baħar, wara li jkunu nħarġu skond in-normi tekniċi ekwivalenti.

6. Tiċċara l-ambitu jew tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożiżżjonijiet tad-direttiva.

KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI

Dwar it-tqassim tal-proposta f'abbozz ta' direttiva u abbozz ta' regolament

It-tqassim min-naħa tal-Kunsill tal-proposta tal-Kummissjoni f'abbozz ta' direttiva u abbozz ta' regolament jindirizza l-bżonn li tkun żgurata ċ-ċertezza ġuridika tas-sistema, partikolarment fl-istabbiliment ta' obbligi fuq l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, inkluża l-implimentazzjoni ta' sistema ta' sanzjonijiet finanzjarji.

Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz ta' direttiva huwa mmirat lejn ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jiddelegawlhom il-kompiti ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni skond il-konvenzjonijiet internazzjonali; filwaqt li s-sistema tar-rikonoxximent kollha kemm hi (inklużi l-għoti, il-kriterji tar-rikonoxximent, l-obbligi ta' informazzjoni u tal-kooperazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, l-evalwazzjoni tagħhom kull tant żmien, il-korrezzjoni tan-nuqqasijiet tagħhom u fl-aħħarnett l-irtirar) hija għalkollox koperta bl-abbozz ta' regolament.

Il-Kummissjoni taċċetta dan it-tqassim, safejn a) għajr għat-tibdiliet testwali indispensabbli, l-operazzjoni tibqa' waħda purament formali li tirrispetta għalkollox is-sustanza tal-proposta; u b) tkun tista' tagħti kontribut għal aktar ċertezza ġuridika għall-organizzazzonijiet ikkonċernati.

Dwar l-abbozz ta' direttiva

Il-Kummissjoni tqis li l-emenda tal-premessi min-naħa tal-Kunsill hija konformi mal-modifika tad-dispożizzjonijiet.

Rigward dawn ta' l-aħħar:

- L-emendi li saru għall-Artikoli 6 u 7 huma koerenti ma' l-introduzzjoni ta' proċedura ta' kumitat regolatorju bi skrutinju, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE[1].

- Il-Kunsill neħħa l-klawżola ta' salvagwardja mill-Artikolu 8(1), kwistjoni li l-Kumissjoni ma kienet għamlet l-ebda proposta dwarha. Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li din għandha titqies bħala operazzjoni ta' natura teknika li tikkonsisti fit-tneħħija ta' mekkaniżmu li joriġina mill-verżjonijiet inizjali tad-direttiva u li issa saru inapplikabbli; fil-fatt, il-mekkaniżmu msemmi mhuwiex kompatibbli mas-setgħa ta' evalwazzjoni u ta' sanzjoni li ngħatat lill-Kummissjoni bis-saħħa ta' l-emendi suċċessivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li tista' tappoġġa din l-emenda li ma taffettwax id-dritt ta' inizjattiva tagħha.

- Il-Kummisjsoni fakkret il-pożizzjoni tagħha rigward l-istabbiliment min-naħa ta' l-Istati Membri ta' tabelli ta' korrelazzjoni bejn il-miżuri ta' traspożizzjoni ta' l-Istati Membri u d-dispożizzjonijiet tad-direttiva, fl-interessi taċ-ċittadini, tar-" regolazzjoni aħjar " u tat-trasparenza. Minkejja t-tneħħija ta' dan l-obbligu mill-Artikolu 14, il-Kummissjoni ma' fixklitx qbil fil-Kunsill fil-perspettiva li l-proċedura interistituzzjonali tinġieb fi tmiemha. Madankollu, tistenna li l-istituzzjonjiet jeżaminaw din il-kwistjoni orizzontali b'mod konġunt.

It-test hekk mibdul jinkorpora l-emendi 3, 5, 7, 9, 13, 29, 34, 35 sa 37 u 51 tal-Parlament Ewropew, li l-Kummissjoni kienet aċċettathom. Ma ġewx inkorporati l-emendi 1, 4 u 8, li kienu ta' natura formali u li l-Kummissjoi kienet aċċettathom fil-prinċipju; madankollu, il-prinċipju ta' l-ewwel tnejn huwa rifless fil-kriterju B6(1) ta' l-anness għall-abbozz ta' regolament, u l-Kummissjoni dan tqisu korrett.

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-emendi l-oħra li l-Kunsill għamel fid-dispożizzjonijiet huma adattamenti minuri u/jew ta' karattru formali ta' tfassil jew tekniku, u għaldaqstant huma aċċettabbli.

Dwar l-abbozz ta' regolament

Il-Kummissjoni tqis li l-emenda tal-premessi min-naħa tal-Kunsill hija konformi mal-modifika tad-dispożizzjonijiet, għajr għall-premessi 1 u 28a. Dwar dawn ta' l-aħħar:

- Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-premessa l-ġdida 1a, li tistipula li r-regolament jeħtieġlu jkun interpretat f'konformità mad-dritt internazzjonali. Fil-fatt, il-Kummissjoni jidhrilha li: a) l-abbozz ta' regolament huwa għalkollox konformi mad-dritt internazzjonali, u li b) l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju hija l-kompitu esklussiv tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li l-leġiżlatur ma jistax jimponilha limiti.

- Il-Kummissjoni tista' taċċetta l-premessa l-ġdida 28a minħabba li tirrifletti l-ħtieġa li jkun stipulat li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jeħtiġilhom ikollhom ġabra komprensiva ta' regoli tekniċi, kif ukoll li dawn ikunu armonizzati; madankollu, fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kif ukoll ta' l-organizzazzjonijiet li jkunu applikaw għar-rikonoxximent, se tkompli tesiġi li dawn l-obbligi jinqdew għal kollox.

Dwar id-dispożizzjonijiet:

- Fl-Artikolu 4, il-paragrafu l-ġdid 1 jespliċita dak li diġà kien impliċitu fil-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li r-rikonoxximent ma jistax jingħata għajr lil organizzazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji għar-rikonoxximent.

- L-emenda għall-paragrafu 4 ta' l-istess Artikolu għandha l-effett li ddaħħal il-flessibbiltà rigward il-possibbiltà li r-rikonoxximent ikun limitat, limitazzjoni li tibqa' ta' natura strettament kwalitattiva. Fl-istess ħin, l-obbligu li l-Kummissjoni tespliċita r-raġunijiet għal-limitazzjoni u l-kundizzjonijiet tat-tneħħija eventwali tagħha jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta' l-organizzazzjonijiet ikkonċernati.

- Fl-Artikolu 5, l-introduzzjoni ta' skadenzi għall-azzjoni korrettiva tqawwi l-pressjoni fuq l-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata, fejn ikunu rriżultaw xi nuqqasijiet.

- L-emenda ta' l-Artikolu 6 min-naħa tal-Kunsill timplika qabelxejn l-introduzzjoni ta' proċedura ta' kumitat konsultattiv meta l-Kummissjoni tkun sejra timponi sanzjonijiet fuq organizzazzjoni rikonoxxuta li ma tkunx konformi. Il-Kummissjoni tqis, b'mod ġenerali, li l-komitoloġija ftit li xejn hija pertinenti għal dan it-tip ta' deċiżjonijiet, imma tagħraf li dawn jistgħu jaffettwaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjoniiet ikkonċernati safejn l-għan aħħari tar-rikonoxximent Komunitarju huwa li ta' l-ewwel ikunu jistgħu jiddelegaw kompiti ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni skond il-konvenzjonijiet internazzjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tilqa' s-soluzzjoni magħżula mill-Kunsill, li filwaqt li lill-Istati Membri tħallihom jesprimu fehmithom dwar il-ksur li jkun irriżulta u s-sanzjonijiet li jkun għandhom jiġu imposti, teskludi kull possibbiltà ta' żvijjar politiku tal-proċedura. Barra minn hekk, il-Kunsill deherlu neċessarju li jikkalkola l-ammont massimu tal-multi li jistgħu jiġu imposti fuq il-medja tal-fatturat ta' l-organizzazzjoni kkonċernata matul it-tliet snin finanzjarji preċedenti, ħaġa li tidher xierqa. Fl-aħħarnett l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa lill-Qorti ta-Ġustizzja f'dak li jirrigwarda l-multi ssaħħaħ il-garanziji tal-proċedura u l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

- F'dak li jirrigwarda l-irtirar tar-rikonoxximent, il-Kunsill żied il-ħames sitwazzjoni, li għandha l-għan partikolari li s-sanzjonijiet imposti fuq organizzazzjoni rikonoxxuta ma jitħallsux b'sussidju pubbliku jew privat. Il-Kummissjoni dan l-approċċ tappoġġah għalkollox, minħabba li possibbiltà tat-tip ixxejjen għalkollox il-qawwa dissważiva tas-sistema.

- Id-diċitura l-ġdida li l-Kunsill fassal għall-Artikolu 9 ma tbiddilx is-sustanza tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, fejn baqa' għal kollox imħares l-aċċess għad-dokumenti u għall-bastimenti għall-finijiet tal-valutazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

- Sar titjib sinifikanti fl-Artikolu 10 f'dak li jirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta' klassifikazzjoni, li minn issa 'l quddiem huwa awtomatiku għat-tagħmir kollu kopert bid-Direttiva 96/98/KE[2] dwar it-tagħmir marittimu. Il-Kunsill jippreċiża li r-rikonoxximent reċiproku ma jirrigwardax għajr it-tagħmir, materjali u komponenti, u b'hekk jagħmel espliċitu dak li diġà kien impliċitu fil-proposta oriġinali. Il-Kunsill żied żewġ mekkaniżmi ġodda: minn naħa waħda, l-obbligu li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jagħtu r-raġunijiet għall-każijiet fejn ma jirnexxilhomx jimplimentaw ir-rikonoxximent reċiproku, li madankollu ma jistax iseħħ għajr għal raġunijiet ta' sikurezza; min-naħa l-oħra, klawżola ta' salvagwardja lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti sejra tħallihom jirrifijutaw l-istallazzjoni abbord ta' tagħmir speċifiku li ma jkunx konformi, mingħajr b'daqshekk ma jheddu r-rikonoxximent reċiproku. Fl-aħħarnett, il-perjodu pprovdut mill-Parlament Ewropew fl-emenda 53 tiegħu biex il-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku minn tliet snin ġie estiż għal ħamsa, u dan il-Kummissjoni tqis li huwa f'loku fid-dawl tal-kumplessità teknika tal-proċess li bih huma inkarigati l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

- Il-Kummissjoni tinnota bi pjaċir li l-pożizzjoni komuni żżomm l-obbligu li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jimplimentaw sistema komuni u indipendenti taċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi tagħhom għall-ġestjoni tal-kwalità. B'hekk l-Artikolu 11 jiġbor fih l-essenza tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, filwaqt li l-implimentazzjoni tas-sistema jħalliha għalkollox f'idejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, jiġifieri mingħajr ma jiddaħħlu l-Istati Membri jew il-Kummissjoni. Dwar din il-kwistjoni, il-Parlament kien xtaq li jipparteċipaw ta' l-ewwel, ħaġa li l-Kummissjoni kienet aċċċettatha fil-prinċipju; madankollu, jeħtieġ li din l-idea titwarrab bil-għan li jiġi żviluppat kodiċi internazzjonali għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jkun fih mekkaniżmu b'saħħtu ta' ċertifikazzjoni indipendenti (ara hawn taħt).

- Rigward il-komitoloġija, il-Kunsill daħħal il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta regoli ta' interpretazzjoni u applikazzjoni tal-kriterji fl-Anness. Dan jista' jkun ta' siwi għall-implimentazzjoni effikaċi tagħhom u joffri aktar ċertezza ġuridika lill-partijiet konċernati, fid-dawl tan-natura ġieli ġenerali ħafna ta' ċerti kriterji, pereżempju f'dak li jirrigwarda r-riżorsi li jeħtiġilhom ikollhom l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

It-test hekk emendat jinkorpora għalkollox jew parzjalment l-emendi 6, 12, 15, 17, 18, 25, 38 sa 44, 50, 52 sa 56, 59 sa 61, 66 u 68, li l-Kummissjoni kienet aċċettathom. L-emendi 18, 26, 14 u 69, li l-Kummissjoni kienet aċċettathom parzjalment jew fil-prinċipju, fil-pożizzjoni komuni ġew inkorporati f'termini li l-Kummissjoni tqishom sodisfaċenti. L-emendi 16, 62, 64, 65 u 71 kienu jirrigwardaw id-denominazzjoni ta' l-organizzazzjoni inkarigata biċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta' kwalità ta' l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u l-Kummissjoni ma kenitx aċċettathom għajr fil-prinċipju, minħabba li l-użu tat-terminu "kumitat" jista' jqajjem ċerta konfużjoni mal-komitoloġija; il-Kummissjoni tqis li d-denominazzjoni magħżula mill-Kunsill, jiġifieri "sistema ta' evalwazzjoni u ċertifikazzjoni tal-kwalità" tirrappreżenta kompromess li huwa għalkollox sodisfaċenti.

Għajr għal dawk esposti hawn fuq, il-Kummissjoni jidhrilha li l-emendi tal-Kunsill fid-dispożizzjonijiet huma adattamenti minuri u/jew ta' karattru sempliċement ta' tfassil formali jew tekniku, u għaldaqstant huma aċċettabbli.

Dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-iżvilupp, min-naħa ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), ta' kodiċi għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti

Il-Kummissjoni u l-Kunsill huma ta' l-istess fehma, li s-sistema li l-Komunità qiegħda tiżviluppa tista' tkun ta' siwi bħala mudell fuq skala dinjija, u dan jindirizza t-tħassib li esprima l-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa li s-sistemi dinjija u Komunitarji jkunu integrati tajjeb. Għaldaqstant, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinsabu lesti li jħajru lill-IMO biex taħdem fuq it-tfassil ta' kodiċi li jiżgura livell għoli ta' kwalità, fuq il-livell dinji, fil-ħidma tal-kumpaniji ta' klassifikazzjoni. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għalhekk iffirmaw dikjarazzjoni konġunta f'dan is-sens, li tidher fl-Anness.

4. KONKLUŻJONIJIET

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tittratta bis-sħiħ it-tħassib li wassal lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposta tagħha għat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 94/57/KE, u żżomm l-essenzjal tal-miżuri li kienet irrakkomandat, li, wara t-tqassim ta' l-att f'abbozz ta' direttiva u ieħor ta' regolament, huma prinċipalment inkorporati f'dan ta' l-aħħar. Barra minn hekk, il-pożizzjoni komuni tinkorpora l-emendi kważi kollha tal-Parlament Ewropew li l-Kummissjoni kienet fil-qagħda li taċċettahom parzjalment jew fis-sħiħ.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni komuni msemmija li kienet adottata bl-unanimità tikkostitwixxi bażi tajba għal qbil mal-Parlament Ewropew fit-tieni qari, u taċċettaha filwaqt li tagħmel l-osservazzjonijiet u r-riservi espressi hawn fuq.

ANNESS

DIKJARAZZJONI MILL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

"Il-Kunsill u l-Kummissjoni jidhrilhom li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tas-sikurezza tal-bastimenti u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, għandhom ikunu mfittxija wkoll fuq il-livell dinji. Għaldaqstant, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, huma u jfittxu l-kollaborazzjoni ta' membri oħra ta' l-IMO, jipproponu lill-IMO l-iżvilupp ta' Kodiċi internazzjonali għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

Abbażi tal-prinċipji ta' din id-Direttiva, dan il-Kodiċi għandu jkopri, kif ikun f'loku,

a) ir-rekwiżiti obbligatorji li l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jissodisfaw rigward il-ħidma statutorja tagħhom. Dan jinkludi, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin: rekwiżiti ġenerali bħalma huma l-indipendenza, l-imparzjalità, l-integrità, il-kompetenza u r-responsabbiltà; rekwiżiti marbuta ma' l-organizzazzjoni, il-ġestjoni u r-riżorsi; rekwiżiti relatati mal-proċess ta' ċertifikazzjoni; rekwiżiti relatati mal-ġestjoni tal-kwalità;

u

b) qafas u proċeduri għal Skema ta' Verifika obbligatorja biex tiżgura li organizzazzjoni rikonoxxuta tissodisfa r-rekwiżiti msemmija f'a)."

[1] ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

[2] ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/84/KE (ĠU L 334, 29.11.2002, p. 53).

Top