Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0249

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009

/* KUMM/2008/0249 finali - CNS 2008/0095 */

52008PC0249

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009 /* KUMM/2008/0249 finali - CNS 2008/0095 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.5.2008

KUMM(2008) 249 finali

2008/0095 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2)

Fit-3 ta' Mejju 1998, il-Kunsill iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, l-Awstrija u l-Finlandja kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 1999. Id-Danimarka u r-Renju Unit utilizzaw il-klawsoli "opt-out" tagħhom, u għaldaqstant ma ġewx evalwati mill-Kunsill. Il-Kunsill qies il-Greċja u l-Iżvezja bħala Stati Membri b'deroga. Fid-19 ta' Ġunju 2000, il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Il-pajjiżi li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) saru Stati Membri b'deroga skond l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' Adeżjoni rispettiv. Fil-11 ta' Lulju 2006, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2007. Il-Bulgarija u r-Rumanija, li saru membri ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Jannar 2007, saru Stati Membri b'deroga skond l-Artikolu 5 ta' l-Att ta' Adeżjoni rispettiv. Fil-10 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta kienu ssodisfaw il-kundizzjonjiet meħtieġa biex jadottaw l-euro fl-1 ta' Jannar 2008.

L-Artikolu 122(2) jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir ta' derogi. Dawn il-proċeduri għandhom jinbdew talanqas darba kull sentejn jew inkella fuq talba ta' Stat Membru b'deroga. Skond dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeħtiġilhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond l-Artikolu 121(1) dwar il-progress li jkun sar fit-twettiq minn Stati Membri b'deroga ta' l-obbligi tagħhom rigward il-kisba ta' l-unjoni ekonomika u monetarja. Fuq il-bażi tar-rapport tagħha stess u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni tista' tippreżenta lill-Kunsill proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tħassar id-deroga ta’ l-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.

L-aħħar Rapporti ta’ Konverġenza regolari tal-Kummissjoni u tal-BĊE ġew adottati f’Diċembru 2006. Id-Danimarka u r-Renju Unit ma esprimewx ix-xewqa tagħhom li jadottaw il-munita unika. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ konverġenza ta’ l-2008 tkopri lill-għaxar Stati Membri li ġejjin b'deroga: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja. Billi saru membri ta’ l-UE fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Bulgarija u r-Rumanija qed jiġu eżaminati għall-ewwel darba. Fl-istess waqt, fl-4 ta’ April 2008 is-Slovakkja ressqet talba għal evalwazzjoni dwar is-sodisfar tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2009.

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Konverġenza 2008 ġie adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fis-7 ta' Mejju 2008. Il-BĊE adotta r-rapport tiegħu fis-6 ta' Mejju. Ir-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-istatut ta’ kull bank ċentrali nazzjonali, u l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE. Ir-rapporti jeżaminaw ukoll il-kisba ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli b'referenza għas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza u jqisu bosta fatturi oħra li jissemmew fl-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 121(1).

Fir-Rapport ta' Konverġenza tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li fost l-Istati Membri li ġew evalwati s-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro, bil-preżunzjoni li l-Kunsill se jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għat-tħassir tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

Fuq il-bażi tar-rapport tagħha u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni adottat il-proposta annessa għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex tħassar id-deroga tas-Slovakkja b'effett mill-1 ta' Jannar 2009.

2008/0095 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 122 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill, imlaqqa' fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern,

Billi:

(1) It-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (minn issa ’l quddiem l-‘UEM’) bdiet fl-1 ta' Jannar 1999. Il-Kunsill, imlaqqa' fi Brussell fit-3 ta' Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 1999[3].

(2) Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE[4] l-Kunsill iddeċieda li l-Greċja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE[5] l-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja kienet issodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE[6] u 2007/504/KE[7] l-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008.

(3) Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq anness mat-Trattat, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx biħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi ta' l-UEM fl-1 ta' Jannar 1999. Din in-notifika ma tbiddlitx. Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta' Stat jew Gvern f'Edinburgh f'Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kinitx se tieħu sehem fit-tielet fażi ta' l-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 122(2) tat-Trattat.

(4) Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE l-Iżvezja għandha deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta’ l-2003[8], ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja għandhom deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 5 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005[9], il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

(5) Il-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem il-‘BĊE’) twaqqaffl-1 ta' Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu għar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta' Ġunju 1997[10]. Il-proċeduri għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (UEM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta' Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri barra ż-żona ta' l-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja[11].

(6) L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-deroga ta' l-Istati Membri kkonċernati. Skond dan l-Artikolu, talanqas darba kull sentejn, jew inkella fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat. L-aħħar Rapporti ta’ Konverġenza regolari tal-Kummissjoni u tal-BĊE ġew adottati f’Mejju 2008. Fl-4 ta' April 2008, is-Slovakkja ressqet talba formali għal evalwazzjoni ta’ konverġenza.

(7) Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu adattati skond il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali (minn hawn ‘il quddiem l-‘Istatut tas-SEBĊ’). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tas-Slovakkja ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u u l-Istatut tas-SEBĊ.

(8) Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet li jissemma fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma tkunx taqbeż b'iktar minn punt perċentwali u nofs dik ta', l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjonijiet f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni għandha titkejjel permezz ta' l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur[12]. Għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta' Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika tat-12-il indiċi ta' kull xahar f'relazzjoni mal-medja aritmetika tat-12-il indiċi mensili tal-perjodu ta' qabel. Fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2008, it-tliet Stati Membri li laħqu l-aqwa riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet kienu Malta, l-Olanda u d-Danimarka, b'rati rispettivi ta' inflazzjoni ta' 1.5 fil-mija, 1.7 fil-mija u 2.0 fil-mija. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' 1.5 punti perċentwali. Fuq il-bażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2008 kien 3.2 fil-mija.

(9) Skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat, il-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern li jissemma fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat għandu jfisser li fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv.

(10) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu għar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li dwarhom jiddisponi l-mekkaniżmu għar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonjiet gravi għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. B’mod partikolari, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-munita ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess, matul l-istess perjodu. Mill-1 ta' Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni tas-sodisfar tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta' dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta' sentejn li ntemm fit-18 ta' April 2008.

(11) Skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax li jissemma fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, Stat Membru jkun kellu medja nominali fit-tul tar-rati ta' l-imgħax li ma jaqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta', l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterji dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax, intużaw rati komparabbli ta' l-imgħax fuq bonds ta' referenza ta' 10 snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat is-sodisfar tal-kriterju tar-rati ta' l-imgħax, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja nominali fit-tul tar-rati ta' l-imgħax tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' żewġ punti perċentwali. Fuq il-bażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2008 kien 6.5 fil-mija.

(12) Skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza li jissemmew fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id- data użata fl-evalwazzjoni attwali tas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza se tiġi pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet data għat-tħejjija ta' din il-proposta. Id- data baġitarja ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni wara li l-Istati Membri rrappurtaw sa l-1 ta' April 2008 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[13].

(13) Fuq il-bażi tar-rapporti mressqa mil-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fis-sodisfar min-naħa tas-Slovakkja ta' l-obbligi tagħha rigward il-kisba ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li:

(a) Fis-Slovakkja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ/tal-BĊE.

(b) Rigward is-sodisfar min-naħa tas-Slovakkja tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-erba' inċiżi ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat:

- ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fis-Slovakkja fis-sena li ntemmet f'Marzu 2008 kienet ta' 2.2 fil-mija, li hija ferm aktar baxxa mill-valur ta' referenza, u x'aktarx tibqa' taħt il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin, anki jekk b’marġni li qed jidjieq;

- id-defiċit tal-baġit fis-Slovakkja ra tnaqqis kredibbli u sostenibbli għal taħt it-3 fil-mija tal-PGD; il-Kummissjoni għaldaqstant tirrakkomanda lill-Kunsill biex iħassar id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għas-Slovakkja;

- Is-Slovakkja ilha membru ta' l-ERM II mit-28 ta' Novembru 2005; fil-perjodu ta' sentejn li ntemm fit-18 ta' April 2008, il-koruna Slovakka (SKK) ma kenitx soġġetta għal tensjonijiet gravi u s-Slovakkja ma żvalutatx, b'inizjattiva tagħha stess, ir-rata ċentrali bilaterali tas-SKK kontra l-euro;

- fis-sena li ntemmet f'Marzu 2008, ir-rata ta' l-imgħax fit-tul fis-Slovakkja kienet, fil-medja, 4.5 fil-mija, li jiġi taħt il-valur ta' referenza.

(c) Fid-dawl ta’ l-evalwazzjoni dwar il-kompatibbiltà legali u dwar is-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza kif ukoll il-fatturi addizzjonali, u sakemm id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv tiġi mħassra mill-Kunsill, is-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-euro.

(14) Il-Kunsill, huwa u jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fis-Slovakkja fit-3 ta' Ġunju 2008[14].

(15) Il-Kunsill, permezz ta' maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika u jħassar id-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. Id-deroga favur is-Slovakkja msemmija fl-Artikolu 4 ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003 qed titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Rapport adottat fis-7 ta' Mejju 2008 - KUMM(2008) 248.

[2] Rapport adottat fis-6 ta' Mejju 2008.

[3] Id-Deċiżjoni 1998/317/KE, ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

[4] ĠU L 167 tas-7.7.2000, p. 19.

[5] ĠU L 195 tal-15.7.2006, p 25.

[6] ĠU L 186 tat-18.7.2007, p. 29.

[7] ĠU L 186 tat-18.7.2007, p. 32.

[8] ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

[9] ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

[10] ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

[11] ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21. Il-Ftehim kif emendat bil-Ftehim ta’ l-14 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 319, 29.12.2007, p. 7).

[12] ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[13] ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).

[14] ĠU L […], […], p. […].

Top