Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0159

    Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-kreattività u l-innovazzjoni (2009)

    /* KUMM/2008/0159 finali - COD 2008/0064 */

    52008PC0159

    Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-kreattività u l-innovazzjoni (2009) /* KUMM/2008/0159 finali - COD 2008/0064 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 28.3.2008

    KUMM(2008) 159 finali

    2008/0064 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)

    (PREżENTATA MILL-KUMMISSJONI)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Is-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)

    1. INTRODUZZJONI

    L-Ewropa għandha bżonn tagħti spinta lill-kapaċità tagħha għall-kreattività u l-innovazzjoni kemm għal raġunijiet soċjali kif ukoll ekonomiċi. Il-Kunsill Ewropew irikonoxxa diversi drabi l-innovazzjoni bħala kruċjali għall-abbiltà ta’ l-Ewropa biex tirrispondi b’mod effettiv għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni. F’Diċembru 2006, per eżempju, huwa ġibed l-attenzjoni li “l-Ewropa teħtieġ approċċ strateġiku mmirat lejn il-ħolqien ta' ambjent li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni fejn l-għarfien jinbidel fi prodotti u servizzi innovattivi”[1]. L-ekonomija moderna, bl-enfasi tagħha fuq iż-żieda fil-valur permezz ta’ użu aħjar ta’ l-għarfien u ta’ l-innovazzjoni rapida, teħtieġ tkabbar is-sisien tal-ħiliet kreattivi li jinvolvu l-popolazzjoni kollha. B’mod partikolari, jinħtieġu ħiliet u kompetenzi li jippermettu l-poplu jilqa’ l-bidla bħala opportunità u li jkun miftuħ għal ideat ġodda li jippromwovu l-innovazzjoni u s-sehem attiv f’soċjetà kulturalment diversa msejsa fuq l-għarfien.

    Il-kapaċità għall-innovazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-kreattività bħala attribut personali msejjes fuq il-ħiliet u l-valuri kulturali u interpersonali. Biex tisfrutta l-vantaġġ kollu tagħha, jeħtieġ li tinxtered mal-popolazzjoni kollha. Ir-rwol ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala fattur determinanti fit-titjib tal-kreattività, l-innovazzjoni, il-prestazzjoni u l-kompetittività reġa’ ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2007 meta huwa ressaq il-kunċett tat-"trijangolu ta' l-għarfien" li jiġbor fih l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni[2].

    Il-programm ta’ ħidma “L-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”[3] u l-Programmi ta’ Azzjonijiet Komunitarji fl-oqsma tal-linji politiċi tat-Tagħlim Tul il-Ħajja u ż-Żgħażagħ, u f’oqsma relatati bħall-kultura, jipprovdu opportunitajiet fil-livell Ewropew għall-iskambju ta’ esperjenza u għal prassi tajba għat-tkattir tal-fehma tal-partijiet interessati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mogħdijiet għall-promozzjoni tal-kreattività u kapaċità għall-innovazzjoni. B’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja[4], tipprovdi qafas ta' referenza Ewropew li jkopri tmin kompetenzi ewlenin (definiti bħala "għarfien, ħiliet u attitudnijiet") li jiġbru fihom aġenda wiesgħa għall-edukazzjoni u t-taħriġ f’kull stadju tal-ħajja. Ħafna minn dawn il-kompetenzi huma rilevanti għall-kreattività u l-innovazzjoni fl-oqsma personali, interpersonali u interkulturali, inklużi “l-kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija”, “il-kompetenza diġitali”, “it-tagħlim dwar kif titgħallem”, “il-kompetenzi soċjali u ċiviċi”, “sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija” u “għarfien u espressjoni kulturali”.

    Id-dikjarazzjoni ta’ Sena Ewropea hija mod effettiv li tgħin fil-konfront tagħna ma' l-isfidi permezz ta' żieda fl-għarfien pubbliku, tat-tixrid ta' tagħrif dwar prattika tajba, ta’ l-istimolu tar-riċerka, il-kreattività u l-innovazzjoni u l-promozzjoni tad-dibattitu dwar il-politika u l-bidla. Permezz ta’ l-għaqda ta’ l-azzjoni f'livell Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-ħolqien ta’ opportunitajiet għas-sehem tal-partijiet interessati, jistgħu jinħolqu sinerġiji fit-tagħrif u l-attivitajiet li jkabbru l-għarfien, u jgħinu fl-iffokar tad-dibattitu politiku dwar suġġett speċifiku.

    L-għan għall-2009 huwa l-promozzjoni tal-kreattività u l-kapaċità għall-innovazzjoni bħala kompetenzi ewlenin għal kulħadd. Dan huwa konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ Strateġija ta’ innovazzjoni wiesgħa għall-UE” li tiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li “mingħajr l-edukazzjoni bħala politika tal-qalba, l-innovazzjoni tibqa' mingħajr appoġġ. Hija għandha tippromwovi t-talent u l-kreattività minn stadju bikri[5].” Il-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja huwa għalhekk mezz importanti għall-appoġġ ta’ din l-inizjattiva. Linji politiċi u programmi oħra f’oqsma relatati, bħall-intrapriża, is-soċjetà ta’ l-informazzjoni, ir-riċerka, il-koeżjoni jew l-iżvilupp rurali, għandhom jappoġġjaw din is-Sena Ewropea fejn xieraq.

    2. L-ISFOND

    Il-kreattività hija karatteristika tal-bniedem li turi lilha nnifisha f’diversi oqsma u kuntesti, minn xogħlijiet ta’ l-arti, id-disinn u l-artiġjanat għal avvanzi xjentifiċi u l-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija soċjali. Il-karattru multidimensjonali tal-kreattività jimplika li t-tagħrif f’firxa wiesgħa ta’ oqsma differenti – kemm teknoloġiċi kif ukoll mhux teknoloġiċi – jistgħu jkunu l-bażi għall-kreattività u l-innovazzjoni. L-innvoazzjoni hija r-realizzazzjoni ta’ ideat ġodda b’suċċess; il-kreattività hija s- sine qua non ta’ l-innovazzjoni. Prodotti, servizzi, proċessi, strateġiji u organizzazzjonijiet ġodda jeħtieġu persuni li jiġġeneraw ideat u assoċjazzjonijiet ġodda bejniethom. Il-kompetenzi bħall-ħsieb kreattiv u t-tisjib avvanzat ta’ soluzzjonijiet huma għalhekk essenzjali fil-qasam ekonomiku u soċjali daqs kemm huma fil-qasam artistiku.

    Il-komunitajiet tal-kreattività u l-innovazzjoni – dawk ta’ l-arti fuq naħa waħda u tat-teknoloġija u l-kummerċ fuq in-naħa l-oħra – ta’ sikwit mhumiex konnessi kif xieraq. Kontribut importanti tas-Sena għandu jkun l-għaqda ta’ dawn iż-żewġ dinjiet flimkien, billi jintwera b’eżempji konkreti l-valur tal-kunċetti tal-kreattività u ta’ l-innovazzjoni meqjusa flimkien f'għadd ta' oqsma, bħal fl-iskejjel, fl-universitajiet, fl-organizzazzjonijiet privati u pubbliċi.

    Jeżisti sors ta’ innovazzjoni importanti li wieħed jista’ jsib barra organizzazzjoni u li ta’ sikwit ma jiġix utilizzat: l-utent. Il-ħtiġijiet ta’ l-utent jistgħu jservu bħala l-punt tat-tluq għall-iżvilupp, għat-titjib u/jew għat-tfassil ta’ prodotti u servizzi ġodda aktar kompetittivi. Permezz ta’ kompetenzi xierqa, l-utenti bħala konsumaturi jistgħu mhux biss jipprovdu ambjent tas-suq li jiffavorixxi l-innovazzjoni, iżda jistgħu wkoll isolvu problemi mhux previsti u jieħdu sehem huma stess fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi. L-effett pożittiv ta’ l-involviment tal-konsumatur jispjega għalfejn il-produtturi ta’ teknoloġiji ġodda li jaħdmu mill-qrib ma’ l-utenti għandhom rata għolja ta’ suċċess fl-innovazzjoni.

    Ir-relazzjoni bejn il-kompetenzi u l-innovazzjoni hija waħda dinamika: l-attitudnijiet tal-poplu kif ukoll il-ħiliet u l-għarfien tagħhom jgħinu biex imexxu l-innovazzjoni 'l quddiem, u l-innovazzjoni min-naħa tagħha tikkontribwixxi biex tbiddel id-domanda għall-ħiliet, f'livell ta' soċjetà kif ukoll f’livell ta’ kumpanija. Ma teżisti l-ebda riċetta b’taħlita ta’ ħiliet individwali li twassal għas-suċċess fl-innovazzjoni fiċ-ċirkostanzi kollha. Il-proċessi ta’ innovazzjoni qed isiru dejjem aktar imqabbda ma’ netwerks, multidixxiplinarji u orjentati lejn il-problemi, waqt li jistipulaw domandi ogħla għal ħiliet ġeneriċi bħat-tagħlim ta’ kif titgħallem u l-kapaċità ta’ interazzjoni effettiva ma’ l-oħrajn. Minn hawn tiġi l-importanza tar-rikonoxximent tal-kompetenzi bħal "l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet", kif turi r-Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin. L-attitudni għall-bidla tista' tkun daqstant importanti daqs il-kwalifiki aktar formali.

    Kwalità fundamentali li tirfed il-kapaċità kreattiva u l-kapaċità ta’ l-innovazzjoni hija l-motivazzjoni flimkien ma' sens ta' inizjattiva. Is-sisien ta’ kwalitajiet bħal dawn jitqiegħdu fil-fażijiet bikrin ta’ l-iżvilupp personali. Il-kreattività tokkupa sehem sinifikanti tal-kurrikulu fis-snin skolastiċi bikrin, iżda s-sehem tagħha jonqos drastikament matul it-taħriġ edukattiv ta’ l-istudenti. Sfida waħda ewlenija li tinsab quddiem is-sistemi ta’ l-edukazzjoni hija, għalhekk, kif wieħed għandu jżomm il-fjamma tal-kreattività mixgħula fit-tfal u fiż-żgħażagħ. Ir-risposti kienu jinkludu, per eżempju, it-tqegħid ta’ aktar enfasi fuq suġġetti kreattivi, l-iżvilupp ta’ strateġiji ġodda għat-tagħlim u t-trawwim ta’ bosta attivitajiet barra l-kurrikulu.

    Fl-istess ħin, il-kompetenzi interkulturali u interpersonali huma kruċjali biex iħejju l-individwi jieħdu sehem b’mod effettiv u kostruttiv fil-ħajja soċjali u fid-dinja tax-xogħol, b’mod partikolari f’soċjetajiet ta’ diversità kulturali li dejjem aktar qed tiżdied. Il-kompetenza ċivika tħejji l-individwi biex jieħu sehem bis-sħiħ fil-ħajja ċivika, imsejsa fuq l-għarfien tal-kunċetti u l-istrutturi soċjali u politiċi u fuq impenn għal sehem attiv u demokratiku. Dawn is-settijiet ta’ ħiliet u għarfien huma għalhekk importanti wkoll għat-trawwim tal-kreattività u l-kapaċità għall-innovazzjoni.

    Il-pressjoni li qed tinġemgħa fl-iżvilupp ta’ ħiliet kreattivi, innovattivi u kritiċi timplika li l-istrateġiji tradizzjonali tat-tagħlim imsejsa fuq l-istruzzjoni diretta jew fuq il-lekċering m’ għadhomx jgħoddu. Dawn qed jinbidlu b’mudelli li jiffukaw aktar fuq min qed jitgħallem u li huma msejsa fuq l-involviment attiv ta’ l-istudent fil-proċess ta’ riflessjoni u interpretazzjoni. It-tagħlim jinkiseb flimkien ma’ oħrajn, permezz ta’ tibdil kreattiv fil-prattika u fid-drawwiet soċjali. Kultura organizzazzjonali li tappoġġa l-ftuħ u l-kreattività hija prekondizzjoni kruċjali għat-tagħlim u l-innovazzjoni ta’ suċċess.

    3. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT MISTENNI

    3.1. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Saru diskussjonijiet informali dwar l-organizzazzjoni ta’ Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni, imsejsa fuq programmi eżistenti, ma' Membri tal-Parlament Ewropew u ma’ l-Istati Membri. Il-kontenut ta’ l-inizjattiva intlaqa’ tajjeb, u l-għadd dejjem jikber ta' rikjesti għal aktar tagħrif li wasal għand varjetà sħiħa ta' partijiet interessati jindika li hemm domanda kbira għalih.

    3.2. L-impatt mistenni

    Il - programm ta’ ħidma ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 jagħti kontribut kbir, inklużi rapporti darbtejn fis-sena dwar il-kooperazzjoni tul firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet u rakkomandazzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ jew prinċipji oħra li ma jorbtux jew strumenti li għandhom x'jaqsmu ma’ suġġetti speċifiċi bħar-rikonoxxient ta' riżultati ta' tagħlim mhux formali u informali u gwida tul il-ħajja. Madankollu, ħafna mill-attivitajiet u mill-kontribut tal-programm huma indirizzati l-ewwel nett lill-prattikanti u lil dawk li jfasslu l-politika, u mhumiex ċari biżżejjed għal udjenza usa’.

    Sena Ewropea li tiffoka fuq l-iżvilupp tal-kreattività u l-kapaċità għall-innovazzjoni għandha tipprovdi opportunità biex tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku ġenerali lejn parti minn dan il-kontribut b’mod li jkun aċċessibbli u li jista’ jattira l-immaġinazzjoni tagħhom, filwaqt li tibni fuq ir-riżultati ta’ l-analiżi u tar-rakkomandazzjonijiet ta' politika diġà approvati f'livell Ewropew. Għandha tagħti wkoll lill-partijiet interessati, inklużi lill-istituzzjonijiet u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali, l-opportunità li jagħmlu impatt akbar u li jiksbu aktar rikonoxximent għall-isforzi tagħhom permezz tas-sehem f’inizjattiva mifruxa ma’ l-Ewropa kollha. Is-Sena għalhekk għandha tgħin biex issaħħaħ l-impatt tal-proċessi eżistenti skond il-programm ta’ ħidma ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 u biex tiġġenera massa kritika ta' attivitajiet li jimmiraw lejn l-iżvilupp ta' ħiliet relatati mal-kreattività u ma’ l-innovazzjoni. Din għandha wkoll tibni fuq ir-riżultati tas-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali (2008) billi tenfasizza l-importanza tal-ħiliet interpersonali u interkulturali fit-trawwim tal-kreattività u l-kapaċità għall-innovazzjoni f'ambjent ta’ diversità kulturali.

    B’dan il-mod, is-Sena hija mistennija li jkollha ta’ l-anqas impatt daqstant sinifikattiv daqs inizjattivi ta’ l-istess tip li kien hemm qabilha fil-qasam ta' l-edukazzjoni, bħas-Sena Ewropea tat-Tagħlim Tul il-Ħajja (1996) u s-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isports (2004). Il-punt fokali attwali fuq il-kompetittività, l-għarfien u l-ħiliet fil-kuntest ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għandu x’aktarx jipprovdi ambjent li fih il-partijiet interessati jkunu dejjem aktar disposti għar-riżultati tas-Sena.

    L-attivitajiet fl-oqsma tal-linji politiċi rilevanti għajr l-edukazzjoni, bħall-intrapriża, il-mezzi pubbliċi tax-xandir, il-koeżjoni, l-iżvilupp rurali u r-riċerka, diġà qed jikkontribwixxu, direttament jew indirettament, għall-promozzjoni tal-kreattività u tal-kapaċità ta' l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibni fuq dawn l-attivitajiet biex iżżid ma’ l-impatt tas-Sena.

    4. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    4.1. Ġabra fil-qosor ta' l-għanijiet ta' l-azzjoni u tal-miżuri proposti

    L-għan ġenerali tas-Sena Ewropea huwa l-promozzjoni tal-kreattività għal kulħadd bħala mutur li jmexxi l-innovazzjoni u bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp ta’ kompetenzi personali, professjonali, intraprenditorjali u soċjali fil-proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja.

    Biex wieħed ilaħħaq mal-kunċett tat-tagħlim tul il-ħajja approvat mir-Reżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-tagħlim tul il-ħajja tas-27 ta’ Ġunju 2002[6], il-promozzjoni tal-kreattività u kapaċità għall-innovazzjoni għandhom jitfasslu għal kull stadju f'dan il-proċess ta' tagħlim, sa mill-istadju edukattiv bikri għal dak obbligatorju, u għall-edukazzjoni u t-taħriġ li jsegwu l-edukazzjoni obbligatorja u li jestendu tul il-ħajja tax-xogħol u jibqgħu sejrin sal-fażi ta' wara l-irtirar. Dan għandu japplika għall-ambjenti ta’ tagħlim formali, mhux formali kif ukoll informali.

    Bħal fil-każ tas-Snin Ewropej oħra, il-miżuri għandhom jinkludu kampanji ta' tagħrif u ta' promozzjoni, avvenimenti u inizjattivi f'livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali biex jitwasslu l-messaġġi ewlenin u jinxtered it-tagħrif dwar eżempji ta’ prattika tajba. Is-Sena għandha tkun implimentata permezz ta’ l-użu ta’ programmi Komunitarji eżistenti, b’mod partikolari l-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja 2007-2013[7] u l-Programm Kulturali 2007-2013[8], u programmi u inizjattivi oħra fi ħdan il-prijoritajiet stipulati għal kull instrument għall-perjodu inkluż l-2009[9]. Dawn il-prijoritajiet jinkludu għanijiet immirati lejn ċerti setturi bħal: il-qawmien u l-infurzar tal-kreattività u l-innovazzjoni jew l-iżvilupp ta' strateġiji pedagoġiċi innovattivi li jinvolvu l-arti kreattiva u x-xjenza fl-iskejjel; il-promozzjoni tat-“trijangolu ta’ l-għarfien” permezz ta’ l-istabbiliment ta’ reġjuni ta’ tagħlim iċċentrati fuq l-universitajiet bħala l-forza li tixpruna l-iżvilupp reġjonali; l-appoġġ ta’ l-iżvilupp u t-trasferiment ta’ l-innovazzjoni permezz tat-taħriġ vokazzjonali; il-promozzjoni tas-sodisfazzjon personali ta’ l-adulti permezz ta' l-iżvilupp ta' l-għarfien kulturali u tal-kapaċità tagħhom fl-espressjoni kreattiva u fl-innovazzjoni permezz ta’ l-edukazzjoni għall-adulti; u, għar-rabtiet kollha fil-katina tat-tagħlim tul il-ħajja, attivitajiet u avvenimenti ta' komunikazzjoni biex ixerrdu u japplikaw ir-riżultati.

    Biex ikun żgurat li l-attivitajiet organizzati matul is-Sena huma mfassla għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi ta' kull Stat Membru u li l-impatt massimu qed jintlaħaq mil-lezzjonijiet miksuba f'livell Ewropew, l-Istati Membri huma mitluba jaħtru koordinatur nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem tagħhom fis-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni fejn il-Koordinatur nazzjonali ta’ Liżbona ma jistax jeżerċita dan ir-rwol b’mod siewi. Grupp Ewropew li jmexxi, li jinkludi rappreżentanti tal-koordinaturi nazzjonali, għandu jikkoordina l-attivitajiet f’livell Ewropew.

    4.2. Il-bażi legali

    Is-sisien ta' din l-inizjattiva huma l-Artikolu 149 u l-Artikolu 150 tat-Trattat tal-KE. Dawn iż-żewġ artikoli tpoġġew flimkien b'mod komuni, waqt li jħarsu l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja li ġiet approvata f'ħafna testijiet Komunitarji aktar minn għaxar snin ilu, inklużi dawk imsemmija fil-premessi.

    4.3. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Din il-proposta tħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà, bl-istess mod bħal-Programm eżistenti ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, li se jkun mezz importanti fl-implimentazzjoni tas-Sena. Bħal f’dan il-każ, l-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu sa ċertu punt suffiċjenti permezz ta’ azzjoni min-naħa ta’ l-Istati Membri biss, minħabba li l-azzjoni fuq livell nazzjonali weħidha ma tibbenefikax mid-dimensjoni Ewropea ta’ l-iskambji ta’ esperjenza u ta’ prassi tajba bejn l-Istati Membri mmirati lejn il-promozzjoni ta’ kompetenzi ewlenin fil-qasam speċifiku tal-kreattività u ta’ l-innovazzjoni.

    L-għanijiet tal-proposta jistgħu jinkisbu aħjar permezz ta’ azzjoni Komunitarja billi s-Snin Ewropej huma tipikament imfassla biex jilħqu l-isfidi komuni li l-Ewropa tiffaċċja billi tinħoloq massa kritika permezz ta’ taħlita ta’ żieda fl-għarfien pubbliku u l-promozzjoni tad-dibattitu politiku.

    4.4. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

    Il-kors ta' azzjoni propost huwa wieħed sempliċi, li jorbot fuq il-programmi eżistenti u fuq l-iffukar mill-ġdid ta' l-attivitajiet ta' komunikazzjoni fuq it-temi tas-Sena, u ma jimponi l-ebda sforzi ta’ treġija sproporzjonati fuq l-amministrazzjoni li jimplimentawh.

    4.5. L-għażla ta’ strument

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq li jiżgura l-involviment bis-sħiħ ta' l-awtorità leġiżlattiva fit-tfassil tas-Sena.

    5. L-IMPATT BAġITARJU

    L-ebda finanzjament addizzjonali m'hu mitlub għas-Sena. Il-flessibbiltà għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet fuq bazi annwali jew multiannwali fil-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja u fi programmi rilevanti oħra tipprovdi marġini finanzjarju biżżejjed għall-appoġġ ta' kampanja li tkabbar l-għarfien fuq skala simili għal dik tas-Snin Ewropej ta’ qabel. Ir-riżorsi amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-Sena jistgħu wkoll jinstabu fil-baġits amministrattivi eżistenti.

    2008/0064 (COD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)

    Test b’rilevanza għaż-ŻEE

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 149 u 150 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[10],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[12],

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[13],

    Billi:

    (1) L-Ewropa teħtieġ li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha fil-kreattività u l-innovazzjoni għal raġunijiet soċjali u ekonomiċi biex twieġeb b’mod effettiv għall-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-għarfien: il-kapaċità ta’ l-innovazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-kreattività bħala attribut personali, u jeħtiġilha tinxtered fil-beraħ mal-popolazzjoni kollha biex tiġi sfruttata bis-sħiħ. Dan jitlob strateġija msejsa fuq it-tagħlim tul il-ħajja.

    (2) Is-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom jaħsbu b’mod suffiċjenti fil-livelli kollha xierqa għall-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin fl-appoġġ tal-kreattività u ta’ l-innovazzjoni, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u oriġinali fil-ħajja personali, professjonali u soċjali.

    (3) Il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona (23-24 ta’ Marzu 2000) ikkonkluda li qafas Ewropew għandu jiddefinixxi ħiliet ġodda bażiċi li għandhom jinkisbu permezz tat-tagħlim tul il-ħajja bħala miżura ewlenija fir-rispons ta' l-Ewropa għall-globalizzazzjoni u r-resqa lejn l-ekonomiji msejsa fuq l-għarfien, u saħaq fuq il-fatt li l-poplu huwa l-assi ewlieni ta' l-Ewropa.

    (4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-twettiq ta’ Żona Ewropea ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja” u r-Reżoluzzjoni tal-Kunsill sussegwenti tas-27 ta’ Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja[14] identifikat il-kisba ta’ “ħiliet bażiċi ġodda” bħala prijorità u saħqet dwar il-fatt li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkopri t-tagħlim minn qabel l-iskola sa wara l-età ta’ l-irtirar mix-xogħol.

    (5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin tat-tagħlim tul il-ħajja[15] identifikat, b'mod partikolari, “il-kompetenza matematika u u l-kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija”, “it-tagħlim dwar kif titgħallem” , “il-kompetenza diġitali”, “is-sens ta' inizjattiva u intraprenditorija”, “l-għarfien u l-espressjoni kulturali” u “l-kompetenzi soċjali u ċiviċi”.

    (6) Fil-laqgħa tiegħu tat-8/9 ta' Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew ġibed l-attenzjoni li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma prerekwiżiti għal trijangolu ta' għarfien li jaħdem tajjeb (edukazzjoni/riċerka/innovazzjoni) u dawn għandhom rwol ewlieni fit-titjib tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Huwa sejjaħ għal attenzjoni partikolari li għandha tingħata fl-istimolu tal-potenzjal ta’ l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inklużi dawk fis-setturi kulturali u kreattivi, minħabba r-rwol tagħhom bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku, tal-ħolqien ta’ l-impjiegi u ta’ l-innovazzjoni.

    (7) Id-Dikjarazzjoni ta’ Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni hija mod effettiv li tgħin fl-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa permezz ta' żieda fl-għarfien pubbliku, tat-tixrid ta' tagħrif dwar prattika tajba, u l-promozzjoni tad-dibattitu dwar il-politika u r-riċerka. Permezz tal-ħolqien ta’ ambjent għall-promozzjoni simultanea ta’ dawn l-għanijiet f’livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, din tista’ tikseb aktar sinerġija u massa kritika akbar minn sforzi varji f’livelli differenti.

    (8) Billi l-promozzjoni tal-kreattività u tal-kapaċità għall-innovazzjoni permezz tat-tagħlim tul il-ħajja taqa’ fi ħdan l-għanijiet ta’ programmi eżistenti, b’mod partikolari fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja[16], Sena bħal din tista’ tiġi implimentata permezz ta’ l-użu tal-programm fi ħdan il-marġni eżistenti li hi tipprovdi għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet ta’ finanzjament fuq bażi annwali jew multiannwali; il-programmi u l-linji politiċi f'oqsma oħra, bħall-intrapriża, il-koeżjoni, l-iżvilupp rurali, ir-riċerka u s-soċjetà ta' l-informazzjoni, jinkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni ta’ kreattività u għal kapaċità għall-innovazzjoni u jistgħu jappoġġjaw l-inizjattiva fi ħdan l-oqfsa legali rispettivi tagħhom.

    (9) Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar f’livell tal-Komunità, il-Komunità tista' taddotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

    (10) Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-istess Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Is-sena 2009 se tiġi nnominata bħala “s-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni”.

    Artikolu 2

    Għanijiet

    1. L-għan ġenerali tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni għandu jkun l-appoġġ ta’ l-isforzi ta’ l-Istati Membri biex jippromwovu l-kreattività, permezz ta’ tagħlim tul il-ħajja, bħala l-mutur għall-innovazzjoni u bħala l-fattur ewlieni għall-iżvilupp tal-kompetenzi personali, professjonali, intraprenditorjali u soċjali u l-benessri ta’ l-individwi kollha fis-soċjetà.

    2. L-għan speċifiku tas-Sena Ewropea għall-Kreattività u l-Innovazzjoni għandu jkun it-titjib, inter alia , tal-fatturi li ġejjin li jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-kreattività u għall-kapaċità ta’ l-innovazzjoni:

    a) il-kisba ta’ ambjent li jiffavorixxi l-innovazzjoni, il-flessibiltà u l-adattabilità f'dinja li qed tinbidel b'mod rapidu u t-treġija kreattiva tad-diversità; għandhom jitqiesu l-forom kollha ta’ innovazzjoni, inklużi l-innovazzjoni soċjali u intraprenditorjali;

    b) l-istimolu tas-sensitività fl-estetika, l-iżvilupp ta’ l-emozzjonijiet, il-ħsieb laterali u l-intuwizzjoni u t-trawwim ta’ kreattività fit-tfal kollha mill-istadji l-aktar bikrin ta’ l-iżvilupp inkluża l-formazzjoni pre-skolastika;

    c) żieda fl-għarfien f’dik li hija importanza tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija għall-iżvilupp personali, kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; u t-trawwim ta' mħuħ intraprenditorjali, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

    d) il-promozzjoni ta’ l-edukazzjoni fil- ħiliet elementari kif ukoll avvanzati tal-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija li jwasslu għall-innovazzjoni teknoloġika;

    e) it-trawwim tad-dispożizzjoni lejn il-bidla, il-kreattività u s-soluzzjoni tal-problemi bħala kompetenzi li jwasslu għall-innovazzjoni li jistgħu jiġu applikati f’bosta kuntesti professjonali u soċjali;

    f) it-tkabbir ta’ l-aċċess, u t-tnaqqis tad-differenzi fl-aċċess, għal varjetà ta’ forom kreattivi ta’ espressjoni ta’ l-individwu innifsu, permezz ta’ edukazzjoni formali, u b’mod partikolari matul is-snin l-aktar formattivi taż-żgħażagħ, biex b'hekk ma jixxekkilx l-iżvilupp personali ta' xi wħud minnhom;

    g) il-ħolqien ta' kuxjenza fost il-persuni li l-kreattività, it-tagħrif u l-flessibbiltà huma importanti fi żminijiet ta' bidliet teknoloġiċi rapidi u ta' integrazzjoni globali lejn ħajja soddisfaċenti u ta' ġid; u t-tħejjija ta’ poplu li jwassal għat-titjib ta’ l-opportunitajiet fil-karriera fl-oqsma kollha fejn il-kreattività u l-kapaċità għall-innovazzjoni għandhom rwol importanti;

    h) il-promozzjoni ta' rabtiet aktar mill-qrib bejn l-arti, il-kummerċ u l-iskejjel u l-universitajiet;

    i) l-iżvilupp tal-kreattività u tal-kapaċità għall-innovazzjoni permezz ta’ attivitajiet mhux formali u informali għaż-żgħażagħ;

    j) l-inkoraġġiment ta’ dawk li mhumiex fis-suq tax-xogħol biex jiżviluppaw il-potenzjal kreattiv għas-sodisfazzjon personali tagħhom u għal dawk li qed ifittxu x-xogħol biex tittejjeb l-attraenza tagħhom fis-suq tax-xogħol;

    k) il-promozzjoni tat-tfassil bħala attività kreattiva li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-innovazzjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ l-innovazzjoni u l-ħiliet tal-ġestjoni fl-ippjanar, inklużi kunċetti bażiċi tal-ħarsien tal-proprjetà intelletwali;

    l) it-titjib fid-disponibilità lejn id-diversità kulturali bħala mezz ta' trawwim ta' komunikazzjoni interkulturali u influwenza reċiproka artistika; kif ukoll

    m) l-iżvilupp tal-kreattività u tal-kapaċità innovattiva fl-organizzazzjonijiet privati u pubbliċi permezz tat-taħriġ u l-inkoraġġiment fl-organizzazzjoniijet biex jagħmlu użu aħjar mill-kapaċitajiet kreattivi ta’ l-individwi, l-impjegati kif ukoll tal-klijenti jew ta’ l-utenti.

    Artikolu 3

    Il-kontenut tal-miżuri

    Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu l-attivitajiet li ġejjin f'livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali marbuta ma' l-għanijiet u t-temi tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni:

    a) konferenzi, avvenimenti u inizjattivi għall-promozzjoni ta’ dibattiti u t-tkabbir ta’ l-għarfien dwar l-importanza tal-kreattività u l-kapaċità għall-innovazzjoni;

    b) kampanji ta' tagħrif u ta' promozzjoni biex jinxterdu l-messaġġi ewlenin;

    c) l-identifikazzjoni ta’ l-eżempji ta’ prattika tajba u t-tixrid ta’ tagħrif dwar il-promozzjoni ta’ kreattività u kapaċità għall-innovazzjoni;

    d) stħarriġ u studji fuq skala Komunitarja jew nazzjonali.

    Flimkien ma’ l-attivitajiet ko-finanzjati mill-Komunità skond l-Artikolu 6, il-Kummissjoni jew l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw attivitajiet oħra li jikkontribwixxu għall-għanijiet tas-sena u jawtorizzaw l-użu ta’ l-isem tas-Sena fil-promozzjoni ta’ dawk l-attivitajiet sakemm dawn jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2.

    Artikolu 4

    Kooperazzjoni ma' l-Istati Membri

    Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sehem tiegħu fis-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni fejn ma jkunx possibbli għall-Koordinatur nazzjonali ta' Liżbona li jaqdi dan ir-rwol b’mod effettiv. Il-koordinatur għandu jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali ta' l-azzjonijiet relatati mas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni.

    Artikolu 5

    Koordinazzjoni fil-livell Ewropew

    Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħat tal-koordinaturi nazzjonali biex jikkoordinaw l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni f’livell Ewropew u jiskambjaw it-tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta’ din f’livell nazzjonali.

    Artikolu 6

    Finanzjament

    Bla ħsara għall-appoġġ li jista' jingħata lis-Sena mill-programmi u mil-linji politiċi f'oqsma oħra bħall-intrapriża, il-koeżjoni, ir-riċerka u s-soċjetà ta' l-informazzjoni, il-kofinanzjament f'livell Ewropew ta' l-attivitajiet fi ħdan il-qafas tas-Sena għandu jkun konformi mal-prijoritajiet u r-regoli li japplikaw għall-programmi eżistenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, u b'mod partikolari l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

    Artikolu 7

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, […]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    […] […]

    [1] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, 14/15 ta’ Diċembru 2006, paragrafu 28.

    [2] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, 8/9 ta’ Marzu 2007.

    [3] L-Edukazzjoni u t–Taħriġ 2010 – is-suċċess ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona jiddependi minn riformi urġenti: ir-rapport konġunt adottat mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Frar 2004. Ara wkoll il-programm ta' xogħol dettaljat dwar is-segwitu ta' l-għanijiet tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa (ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1).

    [4] Ir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE, ĠU L 394, 30.12.2006, p.10.

    [5] COM(2006) 502 finali.

    [6] ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.

    [7] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45): http://ec.europa.eu/education/programmes/llp/index_en.html

    [8] Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 22).

    [9] http://ec.europa.eu/education/programmes/llp/call08/prior_en.pdf

    [10] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [11] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [12] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [13] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [14] ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.

    [15] Rakkomandazzjoni 2006/962/KE, ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

    [16] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45).

    Top