Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0078R(01)

Corrigendum: Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa

/* KUMM/2008/0078 finali/2 - CNS 2008/0041 */

52008PC0078R(01)

Corrigendum: Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa /* KUMM/2008/0078 finali/2 - CNS 2008/0041 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.2.2008

KUMM(2008) 78 finali/2

2008/0041 (CNS)

Corrigendum La cote interinstitutionnelle du COM(2008) 78 final du 14.2.2008 doit se lire 2008/0041 (CNS)Concerne toutes les langues

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti[1] jeħtieġ li jiġu riveduti biex iqisu l-introduzzjoni tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Moviment tas-Sisa (minn hawn ‘il quddiem imsemmija: EMCS – Excise Movement and Control System). L-EMCS ġiet stabbilita wara d-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa[2].

B’riżultat ta’ dan, notevolment, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ movimenti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa jeħtieġ li jiġu adattati sabiex jippermettu li dawn it-tip ta’ movimenti jkunu koperti mill-proċeduri taħt din is-sistema l-ġdida. Bidliet f’dan is-sens jipprovdu ambjent semplifikat u li jevita l-użu tal-karti għall-kummerċ, filwaqt li jippermettu approċċi ta’ kontroll aktar integrati, aktar rapidi u aktar orjentati lejn ir-riskju għall-awtoritajiet tas-sisa (cf. it-tielet u r-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 1152/2003/KE).

Barra dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda, emendi oħra tar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 92/12/KEE huma meqjusa li huma meħtieġa bħal:

- l-aġġornar tal-lingwa użata fid-direttiva, billi jiġu meqjusa standards leġiżlattivi ġodda;

- li t-test jiġi mfassal mill-ġdid sabiex l-istruttura loġika tiġi mtejba u li jitneħħew dawk id-dispożizzjonijiet li tilfu r-rilevanza matul iż-żmien;

- li jitqiesu żviluppi legali u kunċetti legali ġodda;

- li l-proċeduri tas-sisa jiġu ssemplifikati u mmodernizzati, bil-għan li jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet tas-sisa għan-negozjanti, b’mod partikolari għan-negozjanti li jwettqu negozju transkonfinali, mingħajr ma jiġu kompromessi l-kontrolli tas-sisa.

Minħabba n-natura u l-firxa wiesgħa ta’ dawn il-bidliet, huwa xieraq li d-Direttiva 92/12/KEE tiġi sostitwita fl-intier tagħha.

It-test il-ġdid propost jinkorpora wkoll l-essenza ta’ proposta aktar bikrija, magħmula bil-għan li timmodifika l-Artikoli 7 sa 10 ta’ dik id-Direttiva u li tinsab fid-dokument COM (2004)227[3].

- Il-kuntest ġenerali

Id-Direttiva 92/12/KEE tiżgura l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern fir-rigward tal-kwistjonijiet ġenerali konnessi mal-moviment liberu ta’ prodotti tas-sisa.

Ir-reviżjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni se żżid iċ-ċertezza legali għan-negozjanti u se tippermetti lin-negozjanti u lill-amministrazzjonijiet li jibbenefikaw aħjar mill-possibbiltajiet offruti mill-proċeduri ta’ l-IT.

Id-diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal modifikazzjoni ta’ l-Artikoli 7-10 tad-Direttiva 92/12/KEE (inkluża f’COM/2004/227) twaqqfu f’Jannar 2005, bl-istennija ta’ żviluppi legali oħra kif ukoll inizjattivi li jirrevedu u jimmodernizzaw id-Direttiva. Din il-proposta issa hija integrata f’Kapitolu V tat-test il-ġdid sottomess. Saru xi modifikazzjonijiet sabiex jittejbu d-diċitura u l-istruttura tat-test, u sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu kkonformati mal-bidliet l-oħra relatati ma’ movimenti taħt sospensjoni tad-dazju.

- Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

It-test sottomess huwa intenzjonat li jissostitwixxi id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti.

- Il-konsistenza mal-politiċi u l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni

Din il-proposta hija konformi mal-politiċi u l-għanijiet prinċipali ta’ l-Unjoni. Hija tfittex li ttejjeb ir-regoli eżistenti u li tadattahom għaċ-ċirkostanzi attwali. L-għan hu li jiġu ssemplifikati l-proċeduri u li tiżdied it-trasparenza għall-kummerċ intra-Komunitarju, notevolment permezz ta’ proċedura li fiha l-moviment ta’ prodotti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa jseħħ taħt l-EMCS. Din il-proċedura l-ġdida tiffaċilita wkoll il-proċeduri ta’ monitoraġġ ibbażati fuq ir-riskju għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.

2) Il-konsultazzjoni tal-partjiet interessati u l-valutazzjoni ta’ l-impatt

- Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Fl-20 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni nidiet konsultazzjoni bl-internet fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali tagħha għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni spiċċa fit-30 t’April 2006.

Il-konsultazzjoni kienet ibbażata fuq dokument li kien jipprovdi l-informazzjoni dwar il-qafas legali attwali u aspetti varji tar-riforma li ġejja. Issottolineat il-ħtieġa li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni tad-dazju tal-Komunità biex tipprovdi l-bażi legali meħtieġa għall-EMCS. Id-dokument ta wkoll deskrizzjoni ġenerali ta’ modifikazzjonijiet oħra li setgħu jitqiesu fil-kuntest tal-proċess ta’ reviżjoni.

Ġew irċevuti total ta’ 73 kontribuzzjoni. Minn dak it-total, 20 kienu minn federazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej, 52 kienu minn negozji u waħda minn organizzazzjoni semi-governattiva tal-bejgħ bl-imnut. Il-maġġoranza kbira ta’ dawk li taw risposta kienu ta’ l-opinjoni li d-dispożizzjonijiet eżistenti għandhom jiġu riveduti u mmodernizzati u li b’mod partikolari t-tħaddim ta’ l-EMCS għandu jiġi integrat fir-regoli applikabbli.

- Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza

Il-proposta ġiet żviluppata f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ grupp ta’ ħidma ta’ speċjalisti taħt l-awspiċi tal-Kumitat tad-Dazju (li huwa nnifsu kien ġie stabbilit skond id-Direttiva 92/12/KEE). Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu għadd ta’ diskussjonijiet bilaterali ma’ Stati Membri interessati biex jiddiskutu aktar il-proposta.

- Il-valutazzjoni ta’ l-impatt

Fost l-elementi l-ġodda f’din il-proposta, il-qalba hija kkostitwita mir-regoli legali li jiżguraw l-applikazzjoni ta’ l-EMCS. L-impatt riżultanti għandu jiġi attribwit fil-maġġoranza tiegħu mhux lit-test propost hawnhekk imma lid-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE, li permezz tagħha ġie deċiż il-ħolqien ta’ l-EMCS. Kif spjegat aktar ‘il fuq, is-sistema l-ġdida, b’mod partikolari, tissemplifika l-movimenti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa u tiffaċilita l-kontrolli xierqa mill-Istati Membri.

Safejn din il-proposta tinkorpora l-bidliet proposti f’COM(2004)227, f’dak id-dokument diġà saret analiżi dettaljata ta’ dawk il-bidliet.

3) L-elementi legali tal-proposta

- Taqsira ta’ l-azzjoni proposta

Li tiġi introdotta l-bażi legali għall-użu ta’ l-EMCS flimkien ma’ xi bidliet oħra li jimmiraw għal aktar trasparenza għat-tassazzjoni tad-dazju tas-sisa. Il-proposta tintegra il-proposta aktar ta’ qabel tal-Kummissjoni li saret bil-għan li jiġu mmodifikati l-Artikoli 7-10 tad-Direttiva 92/12/KEE (COM/2004/227).

- Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 93 tat-Trattat.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

L-għan tal-proposta huwa li tissostitwixxi d-Direttiva 92/12/KEE b’dispożizzjonijiet li jissodisfaw l-istess funzjoni, jiġifieri li jiżguraw l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern fil-qasam partikolari tal-prodotti tas-sisa.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rrispettat, peress li dan l-għan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti b’azzjonijiet ta’ l-Istati Membri u jista’ jinkiseb b’mod aħjar fil-livell tal-Komunità.

- Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja.

Id-Direttiva ssuġġerita hija intenzjonata li tissostitwixxi d-Direttiva 92/12/KEE, bl-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet li jsegwu l-istess għan, filwaqt li jqisu l-kuntest tekniku u legali attwali. Bħad-Direttiva 92/12/KEE, ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jiġi żgurat l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern fil-qasam partikolari ta’ l-oġġetti tas-sisa.

- L-għażla ta’ strumenti

L-istrumenti proposti: Direttiva.

Il-proposta hija li tiġi sostitwita d-Direttiva 92/12/KEE attwali b’Direttiva li tissodisfa l-istess funzjoni. Mezzi oħra li mhumiex Direttiva ma jkunux xierqa fin-natura tagħhom.

4. L-implikazzjonijiet baġitarji

L-adozzjoni tal-proposta m’hu se jkollha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Komunità. Kwalunkwe impatt fil-kwisjoni, relatat ma’ l-istallazzjoni ta’ l-EMCS, jirriżulta mid-Deċiżjoni 1152/2003/KE.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

- Ir-revoka ta’ leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta se tirrevoka leġiżlazzjoni eżistenti, jiġifieri d-Direttiva 92/12/KEE. Huwa previst perjodu ta’ tranżizzjoni li fih l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jippermettu li jseħħu movimenti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa koperti minn dokumenti li jakkumpanjawhom fil-forma ta’ karti, skond id-Direttiva msemmija.

- Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

L-ispjegazzjoni dettaljata li ġejja, artikolu b’artikolu, tiffoka fuq dispożizzjonijiet li huma ġodda jew li ġew mibdula fis-sustanza meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 92/12/KEE. It-tabelli ta’ korrelazzjoni mehmuża mad-direttiva l-ġdida proposta għandhom jintużaw biex id-dispożizzjonijiet il-ġodda jiġu kkorrelati ma’ dawk eżistenti tad-Direttiva 92/12/KEE.

Kapitolu I: Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1 jirreferi għan-natura tad-dazju tas-sisa bħala taxxa fuq il-konsum ta’ oġġetti tas-sisa. Id-definizzjoni ta’ l-oġġetti tas-sisa differenti (li hija meħtieġa biex jiġu identifikati eżattament liema oġġetti huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva), l-istruttura tad-dazju tas-sisa li għandha tiġi applikata (eż. kull ettolitru; kull grad ta’ alkoħol; kull 1000 biċċa, eċċ.), l-ambitu ta’ eżenzjonijiet possibbli, kif ukoll ir-rati minimi ta’ dazju li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw se jiġu stabbiliti f’Direttivi speċifiċi.

L-Artikolu 2(1) jikkorrispondi ma’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12/KEE. Madankollu, il-kelma "estrazzjoni" ġiet miżjuda fil-punt a) sabiex jiġi kkjarifikat li l-estrazzjoni diretta mill-ħamrija hija koperta wkoll mill-kelma "produzzjoni", kif speċifikat fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 t’Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku[4].

L-Artikoli 3(1) u 3(2) jipprovdu li l-formalitajiet relatati ma’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-dwana tal-Komunità fis-seħħ għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-importazzjoni mill- jew l-esportazzjoni għat-territorji msemmija fl-Artikolu 5(2) li jiffurmaw parti mit-territorju Doganali tal-Komunità imma li ma jaqgħux taħt l-ambitu territorjali ta’ din id-Direttiva. Dawn il-formalitajiet japplikaw diġà għall-oġġetti tas-sisa permezz ta’ l-Artikoli 275 u 279 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tal-VAT[5]. Madankollu, biex jiġu kkjarifikati dawn is-sitwazzjonijiet, huwa rakkomandabbli li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu inklużi f’din id-direttiva wkoll.

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċeduri, l-Artikolu 3(3) jipprovdi li għall-oġġetti tas-sisa taħt proċedura jew arranġamenti tad-dwana sospensiva/i, id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma kif ukoll dwar il-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa m’għandhomx japplikaw.

L-Artikolu 4 jipprovdi għadd ta’ definizzjonijiet ġodda jew modifikati fil-biċċa l-kbira tagħhom u jżomm uħud mill-antiki. Id-definizzjonijiet li fihom dispożizzjonijiet normattivi, bħall-obbligazzjoni li jkollok awtorizzazzjoni, ġew spostati għas-sezzjonijiet normattivi korrispondenti.

L-Artikoli 5 u 6 jipprovdu fejn din id-Direttiva u d-Direttivi speċifiċi tas-sisa japplikaw. Biex tittejjeb il-kjarezza, l-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġiet ikkonformata ma’ l-istruttura użata fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tal-VAT.

Meta mqabbla mad-Direttiva 92/12/KEE, Ġibiltà ġiet miżjuda mal-lista ta’ territorji fl-Artikolu 5(3) (territorji li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-Komunità li għalihom din id-Direttiva u d-Direttivi speċifiċi tas-sisa ma japplikawx), sabiex jitneħħa kull dubju dwar jekk, minħabba l-Att ta’ l-Adeżjoni tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar id-dazju tas-sisa japplikawx għal Ġibiltà wkoll. Barra minn hekk, il-kliem "bla ħsara għall-miżuri li jaġġustaw għall-bogħod tagħhom" ġew miżjuda fl-Artikolu 5(4) li jikkonċerna l-Gżejjer Kanarji, biex b’hekk dan il-paragrafu ġie allinjat f’dan ir-rigward ma’ l-Artikolu 5(5) li jikkonċerna d-dipartimenti Franċiżi lil hinn mix-xtut ta’ Franza.

Kapitolu II: Meta japplika d-dazju tas-sisa

Fl-Artikolu 7(1) , li jissostitwixxi l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12/KEE, tneħħiet ir-referenza għal nuqqasijiet, peress li meta jkun hemm nuqqasijiet taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju dan jikkostitwixxi awtomatikament rilaxx għall-konsum kif definit fl-Artikolu 7(2). Fl-Artikolu 7(2), li jissostitwixxi t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12/KEE, ir-referenzi għal avvenimenti "irregolari" li jikkostitwixxu rilaxx għall-konsum tneħħew, peress li l-avvenimenti li jikkostitwixxu rilaxx għall-konsum għandhom jitqiesu li jkopru kemm l-avvenimenti regolari kif ukoll dawk irregolari.

It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(2) fih definizzjoni ftit modifikata ta’ l-importazzjoni ta’ oġġetti tas-sisa, attwalment fl-Artikolu 5(1), it-tieni u t-tielet subparagrafi tad-Direttiva 92/12/KEE.

L-Artikolu 7(4) jipprovdi li l-oġġetti tas-sisa m’għandhomx jitqiesu rilaxxati għall-konsum f’każ tal-qerda totali tagħhom jew telfien għal kollox, inkluż telfien li ġej min-natura ta’ l-oġġetti. Din id-dispożizzjoni tissostitwixxi u tissemplifika l-Artikolu 14 tad-Direttiva 92/12/KEE. B’konformità man-natura tad-dazju tas-sisa bħala taxxa fuq il-konsum ta’ oġġetti tas-sisa, il-kondizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola proposta hija jekk l-oġġetti mpoġġija taħt arranġament ta’ sospensjoni jkunux ġew meqruda u/jew jkunux għadhom jistgħu jintużaw u għalhekk jiġu rilaxxati effettivament – u magħmula disponibbli – għall-konsum. Imqabbla mal-leġiżlazzjoni attwali, mhux se jkun iktar meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu r-raġuni għan-nuqqas, f’termini ta’ ġrajjiet aċċidentali ta’ force majeure . Differenza oħra importanti għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 92/12/KEE huwa li, f’każ ta’ movimenti intra-Komunitarji taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa, l-Istat Membru fejn isseħħ il-qerda jew it-telfien ta’ l-oġġetti għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) minflok l-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8 jikkjarifika li l-Istati Membri huma kompetenti biex jiddefinixxu l-proċeduri għar-rimborż u r-remissjoni tad-dazju tas-sisa wkoll. Id-dispożizzjoni attwali (l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 92/12/KEE) tirreferi biss għad-dispożizzjonijiet għall-impożizzjoni u l-ġbir tad-dazju.

L-Artikolu 9 jissostitwixxi u jissemplifika l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/12/KEE, billi jipprovdi regoli biex jiġi identifikat l-Istat Membru intitolat li jirkupra d-dazju tas-sisa f’każ ta’ irregolaritajiet li jkunu seħħew waqt il-moviment ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa. L-Artikolu 9(3) jiddefinixxi t-terminu "irregolarità" bħala sitwazzjoni li fiha moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa ma jkunx intemm skond l-Artikolu 19(2). Dan ifisser li l-oġġetti kollha kkonċernati jew parti minnhom ma jkunux soġġetti għal din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, it-terminu "nuqqas" tneħħa billi t-terminu "irregolarità" jkopri nuqqasijiet ukoll. Il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 92/12/KEE li d-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat Membru fejn l-irregolarità tkun twettqet huwa diġà kopert mill-Artikolu 8 il-ġdid u m’għandux jiġi ripetut hawnhekk. L-Artikolu 9(1) imbagħad jittratta biss is-sitwazzjoni li fiha ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat fejn l-irregolarità tkun seħħet u jiġġeneralizza r-regola li f’dik is-sitwazzjoni r-rilaxx għall-konsum jitqies li jkun seħħ fl-Istat Membru minn fejn jintbagħtu. Dan jinkludi s-sitwazzjoni fejn l-irregolarità tkun ġiet individwata fi Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu, attwalment koperta mill-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 92/12/KEE. Dan jinkludi wkoll is-sitwazzjoni fejn l-oġġetti tas-sisa ma jaslux fid-destinazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 92/12/KEE.

L-Artikolu 10 jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għar-rimborż jew għar-remissjoni tad-dazju tas-sisa, barra dak speċifikat fil-każijiet ta’ l-Artikoli 31(4) u 34(7) u jissostitwixxi l-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 92/12/KEE. Imqabbla mad-dispożizzjonijiet ta’ l-aħħar, li jkopru biss sitwazzjoni speċifika, il-proposta tistabbilixxi bħala prinċipju ġenerali li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-każijiet u l-kondizzjonijiet li fihom jingħata rimborż jew remissjoni tad-dazju tas-sisa. Rimborż jew remissjoni m’għandhomx, madankollu, jkunu possibbli f’każ li dan jippermetti l-konsum eżenti ta’ oġġetti tas-sisa barra dawk ipprovduti taħt l-Artikolu 11. Il-proċedura kumplessa ta’ l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 92/12/KEE tista’ titneħħa peress li din issir bla bżonn meta l-EMCS issir operattiva.

L-Artikoli 11 u 12 jieħdu d-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet mill-Artikolu 23(1) u (1a.) tad-Direttiva 92/12/KEE. Il-proċedura ta’ l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 92/12/KEE mhijiex riprodotta fil-proposta. Qatt ma ġiet użata u tista’ titqies li hija koperta mill-paragrafu 1(e) ta’ l-Artikolu 11 tal-proposta.

L-Artikolu 13 jipprovdi arranġament għal ħwienet ħielsa mit-taxxa li jippermetti lil dawn it-tip ta’ ħwienet li jinsabu f’ajruport jew f’port marittimu biex ifornu oġġetti tas-sisa taħt eżenzjoni mid-dazju tas-sisa lill-vjaġġaturi li jkunu se jaqbdu titjira jew vjaġġ bil-baħar għal territorju terz jew għal pajjiż terz biss. Fil-prinċipju, m’hemmx limiti fir-rigward tal-kwantità jew il-valur ta’ l-oġġetti li jistgħu jinxtraw imma dawk il-kwantitajiet jistgħu jiġu ristretti mill-Istati Membri biex jipprevjenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.

Kapitolu III: Il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma

L-Artikoli 14 u 15 jikkorrispondu għall-Artikoli 11 sa 13 tad-Direttiva 92/12/KEE.

Kapitolu IV: Il-movimenti ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa

Dan il-Kapitolu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet bażiċi u l-proċeduri li japplikaw għall-moviment ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa taħt l-EMCS.

L-Artikolu 16 jipprovdi għall-possibbiltà li l-oġġetti tas-sisa jitmexxew taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa u jelenka d-destinazzjonijiet differenti ta’ moviment u x-xenarji varji ta’ moviment. Il-paragrafu 1(b) jipprovdi l-possibbiltà li l-moviment jinbeda fil-post ta’ l-importazzjoni taħt ir-responsabbiltà ta’ konsenjatur awtorizzat reġistrat. Il-paragrafu 2 jippermetti l-moviment li jkompli għal post ta’ twassil dirett, li huwa post indikat mill-magazzinier tat-taxxa jew mill-konsenjatarju reġistrat taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

L-Artikolu 17 fih id-dispożizzjonijiet dwar il-garanzija li għandha tiġi pprovduta biex tkopri r-riskju fil-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa. Imqabbel ma’ l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 92/12/KEE, il-paragrafu 1 jipprovdi ċirku ħafna aktar wiesa’ ta’ persuni li se jkunu mħollija jaġixxu bħala garanti, sabiex jippermetti lin-negozjanti li jallinjaw aħjar ir-responsabbiltà fiskali mar-responsabbiltà kummerċjali tal-moviment.

L-Artikolu 18 , li jissostitwixxi l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/12/KEE, fih id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar movimenti destinati għal konsenjatarju reġistrat jew għal konsenjatarju temporanju reġistrat (imsemmija rispettivament "negozjant reġistrat" u "negozjant mhux reġistrat" fid-Direttiva 92/12/KEE). Id-dispożizzjonijiet dwar l-impożizzjoni u l-ħlas tad-dazju tneħħew minn dan l-Artikolu u ġew inklużi fl-Artikolu 7. Id-dispożizzjonijiet dwar il-konsenjatarji temporanji reġistrati ġew ikkonformati mal-fatt li taħt l-EMCS, l-awtorizzazzjonijiet ta’ dawn l-operaturi se jiġu inklużi fid-database elettroniku msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 tas-16 ta’ Novembru 2004 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazju tas-sisa[6].

L-Artikolu 19 jiddefenixxi meta moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa għandu jitqies li jibda u jintemm. Dan huwa meħtieġ biex jiġi determinat il-qasam ta' l-applikazzjoni tar-regoli varji relatati mal-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa. Jipprovdi wkoll il-mument eżatt li fih ir-responsabbiltà għall-oġġetti tgħaddi għand u mingħand il-persuna responsabbli għall-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa.

L-Artikolu 20(1) jipprovdi li moviment ta’ oġġetti tas-sisa għandu jitqies li seħħ taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa jekk jaqa’ taħt dokument amministrattiv elettroniku biss (minn hawn ‘il quddiem imsemmi: e-AD – electronic administrative document). Il-paragrafu 2 jipprovdi li l-e-AD għandu jiġi sottomess mill-konsenjatur bl-użu tas-sistema kompjuterizzata żviluppata skond id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE (minn hawn ‘il quddiem imsemmija l-'proċedura kompjuterizzata'). L-e-AD jissostitwixxi d-dokument attwali li jakkompanja f’forma ta’ karta preskritt fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/12/KEE. Il-paragrafi 3 sa 6 jiddeskrivu l-istadji varji li l-e-AD għandu jgħaddi minnhom u jipprovdu, b’mod partikolari, għall-assenjazzjoni ta’ Kodiċi ta’ Referenza Amministrattiv uniku (ARC – Administrative Reference Code) li għandu jkun disponibbli matul il-moviment kollu.

Il-paragrafi 7 u 8 jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-possibbiltà li jiġi kkanċellat e-AD qabel il-bidu tal-moviment u li tinbidel id-destinazzjoni tal-moviment rispettivament.

L-Artikolu 21 jippermetti li d-dejta ta’ e-AD sottomess (limitat għal prodotti ta’ enerġija) timtela aktar tard.

L-Artikolu 22 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-konsenjatur li jaqsam moviment ta’ prodotti ta’ enerġija.

L-Artikoli 23 u 24 jipprovdu għall-użu ta’ 'rapport tal-wasla' jew ta’ 'rapport ta’ l-esportazzjoni' elettroniċi, bħala prova li l-moviment tas-sisa ntemm b’mod korrett u jiddeskrivu l-istadji varji li għandu jgħaddi minnhom. Dawn ir-rapporti jissostitwixxu l-kopja tad-dokument li jakkompanja f’forma ta’ karta li għandha tiġi rritornata lill-konsenjatur għar-rilaxx, preskritta fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/12/KEE.

L-Artikolu 25(2) jistabbilixxi li tista’ tiġi pprovduta prova alternattiva tat-tmiem korrett ta’ moviment fin-nuqqas tar-rapporti elettroniċi msemmija fl-Artikoli preċedenti. Din it-tip ta’ prova hija diġà aċċettata attwalment mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ ftehim milħuq fil-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa. Biex tittejjeb iċ-ċertezza legali, din il-possibbiltà għandha tiġi inkluża fid-direttiva.

L-Artikolu 26 jistabbilixxi l-proċeduri li għandhom jiġu użati meta s-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli. Il-paragrafu 1 jikkonċerna s-sottomissjoni ta’ l-e-AD u l-paragrafu 2 jikkonċerna d-dikjarazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-konsenjatur f’każ ta’ bidla tad-destinazzjoni u qsim tal-moviment.

L-Artikolu 27 jirrifletti l-fatt li, biex l-EMCS tissodisfa l-funzjoni tagħha b’mod xieraq, ikun meħtieġ grad ogħla ta’ armonizzazzjoni proċedurali, meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni attwali. Huwa propost li d-Direttiva l-ġdida għandha tistabbilixxi l-elementi prinċipali tal-proċedura, imma li għadd ta’ dettalji tekniċi għandhom jiġu pprovduti fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni.

L-Artikolu 28 jippermetti lill-Istati Membri li jissemplifikaw il-proċeduri għal movimenti li jseħħu kompletament fit-territorju tagħhom.

L-Artikolu 29 jippermetti semplifikazzjoni tal-formalitajiet għall-moviment ta’ oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa, bi ftehim bejn tnejn jew aktar Stati Membri għal movimenti frekwenti u regolari bejn ċerti operaturi ekonomiċi. Din id-dispożizzjoni tissostitwixxi t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 92/12/KEE li kien jirreferi biss għall-proċedura għar-rilaxx tad-dokument li jakkompanja. L-Artikolu 29 jestendi l-possibbiltà li jiġu ssemplifikati l-formalitajiet għas-sottomissjoni ta’ l-e-AD peress li jekk jiġi ssemplifikat ir-rilaxx biss ma jfisser xejn skond l-EMCS. L-Artikolu 29(c) jippermetti l-possibbiltà li l-Istati Membri jissemplifikaw il-proċeduri għal movimenti permezz ta’ pipelines fissi, attwalment inklużi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2719/92 tal-11 ta’ Settembru 1992 dwar id-dokument amministrattiv li jakkumpanja l-moviment taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tat-taxxa fuq prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa[7].

Kapitolu V: Il-moviment u t-tassazzjoni ta’ oġġetti tas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum

Dan il-Kapitolu jissostitwixxi l-Artikoli 7 sa 10 tad-Direttiva 92/12/KEE u jirriproduċi l-proposta ta’ qabel tal-Kummissjoni għal modifikazzjoni ta’ dawn l-artikoli inkluża f’COM(2004)227 tat-2 t’April 2004. Spjegazzjoni dettaljata ta’ dan il-Kapitolu tista’ tinstab fil-memorandum ta’ spjegazzjoni inkluż f’COM(2004)227.

Il-Kapitolu V jiddistingwi tliet xenarji differenti fir-rigward ta’ l-oġġetti tas-sisa li jkunu miżmuma u/jew mgħoddija bejn Stati Membri wara r-rilaxx għall-konsum.

- L-Artikolu 30 jikkonċerna l-movimenti ta’ oġġetti akkwistati minn individwi privati. Dan l-Artikolu jissostitwixxi l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 92/12/KEE u jikkorrispondi għall-punti 2 u 3 ta’ l-Artikolu 1 tal-proposta inkluża f’ COM(2004)227.

- L-Artikoli 31 sa 33 jikkonċernaw l-oġġetti tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed u jkunu miżmuma għal skopijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor. Dan l-Artikolu jissostitwixxi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12/KEE u jikkorrispondi għall-punt 1 ta’ l-Artikolu 1 tal-proposta inkluża f’COM(2004)227.

- L-Artikolu 34 jipprovdi għal proċeduri applikabbli għal bejgħ magħmul minn negozjanti li jieħdu r-responsabbiltà, direttament jew indirettament, għat-trasport ta’ oġġetti tas-sisa lil individwi privati stabbiliti fi Stat Membru ieħor (hekk imsejħa "bejgħ f’distanza". Dan l-Artikolu jissostitwixxi l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/12/KEE u jikkorrispondi għall-punt 4 ta’ l-Artikolu 1 tal-proposta inkluża f’COM(2004)227.

L-Artikolu 35 jipprovdi għal trattament simili tal-qerda jew it-telfien ta’ oġġetti tas-sisa ttrasportati bejn Stati Membri wara r-rilaxx għall-konsum, bħall-qerda jew it-telfien li jseħħu matul moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa.

L-Artikolu 36 jagħmel l-istess fir-rigward tat-trattament ta’ l-irregolaritajiet. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu għall-punt 5 ta’ l-Artikolu 1 tal-proposta inkluża f’COM(2004)/227.

Kapitolu VI: Mixxellanji

L-Artikolu 37 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jimponu fuq it-territorju tagħhom l-użu ta’ marki fiskali. Imqabbel ma’ l-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/12/KEE, l-ewwel paragrafu ġie kkompletat sabiex jiġi kkjarifikat li l-marki fiskali jew il-marki ta’ identifikazzjoni jistgħu jkunu meħtieġa wkoll meta l-oġġetti tas-sisa jiġu ttrasportati għal Stat Membru barra s-sospensjoni tad-dazju tas-sisa, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 31 sa 34 tal-proposta. Barra minn hekk, l-Artikolu 37 jinkludi għadd ta' elementi li huma maħsuba biex jikkjarifikaw, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-każ C-374/06, BATIG , li dawn il-marki ma għandhomx iwasslu għal taxxi doppji, kemm direttament kif ukoll indirettament. L-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/12/KEE ma ġiex inkluż fil-proposta peress li l-użu ta’ l-e-AD huwa diġà implikat mir-referenza għall-Artikolu 7(1) fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 34.

L-Artikolu 38 jippermetti lill-Istati Membri li jeżentaw produtturi żgħar ta’ l-inbid mir-rekwiżiti stabbiliti fil-kapitoli III u IV.

L-Artikolu 39 jikkorrispondi għall-paragrafu 5 ta’ l-Artikolu 23 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE.

Kapitolu VII: Id-dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 40 jikkonċerna l-Kumitat dwar id-dazju tas-sisa li se jiġi nnominat bħala kumitat regolatorju skond id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni[8]. L-Artikolu 41 jipprovdi li l-Kumitat għandu, jeżamina l-kwistjonijiet kollha mqajma mill-President tiegħu biex tiġi diskussa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar id-dazju tas-sisa.

L-Artikolu 42 jistabbilixxi li d-Direttiva attwali 92/12/KEE għandha tiġi revokata mill-1 t’April 2009 li hija d-data prevista għad-dħul fis-seħħ tas-sistema kompjuterizzata. L-Artikolu 43 jipprovdi li għal perjodu intermedju, li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2009 l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu li xi uħud mid-dispożizzjonijiet relatati ma’ l-użu tal-proċedura bbażata fuq il-karti għall-monitoraġġ tal-moviment ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa taħt id-Direttiva 92/12/KEE għandhom jibqgħu japplikaw. Il-movimenti mibdija taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12/KEE se jkunu meħtieġa li jużaw il-formalitajiet għar-rilaxx tal-moviment kif ipprovdut f’dik id-Direttiva.

2008/0041 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[9],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[10],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti[12] ġiet emendata b’mod sostanzjali bosta drabi. Billi għandhom isiru aktar emendi, għandha tiġi sostitwita fl-interessi tal-kjarezza.

(2) Il-kondizzjonijiet għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq l-oġġetti koperti mid-Direttiva 92/12/KEE, minn hawn ‘il quddiem imsemmija "oġġetti tas-sisa", jeħtieġ li jibqgħu armonizzati sabiex jiġi żgurat l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern.

(3) Huwa xieraq li jiġu speċifikati l-oġġetti tas-sisa li għalihom tapplika din id-Direttiva u li jsir riferiment għal dan l-iskop għad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 t’Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku[13], id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 t’Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku[14], id-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffetwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat[15], id-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE tad-19 t’Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti[16], id-Direttiva tal-Kunsill 92/80/KEE tad-19 t’Ottubru 1992 dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti[17] u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 t’Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku[18].

(4) L-oġġetti tas-sisa jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal skopijiet speċifiċi. F’dak il-każ, madankollu, u sabiex ma jiġix ippreġudikat l-effett utli tar-regoli tal-Komunità relatati mat-taxxi indiretti, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma’ ċerti elementi essenzjali ta’ dawk ir-regoli.

(5) Sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu, it-tassazzjoni ta’ l-oġġetti li mhumiex oġġetti tas-sisa m’għandhiex twassal għal formalitajiet fil-qsim tal-fruntiera.

(6) Huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ formalitajiet meta l-oġġetti tas-sisa jgħaddu mit-territorji li huma definiti bħala parti mit-territorju doganali tal-Komunità imma li huma esklużi mill-ambitu ta’ din id-Direttiva għal territorji li huma wkoll definiti hekk imma li għalihom din id-Direttiva tapplika.

(7) Billi l-proċeduri sospensivi skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 t’Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[19] jipprovdu għal monitoraġġ xieraq waqt li l-oġġetti tas-sisa jkunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, m’hemmx bżonn applikazzjoni separata ta’ sistema ta’ monitoraġġ tas-sisa għaż-żmien li l-oġġetti tas-sisa jkunu soġġetti għal proċedura jew arranġament tad-dwana sospensiva/i tal-Komunità.

(8) Billi jibqa’ meħtieġ għall-iffunzjonar xieraq tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-Komunità meta l-oġġetti tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum.

(9) Billi d-dazju tas-sisa huwa taxxa fuq il-konsum ta’ ċerti oġġetti, id-dazju m’għandux jitħallas fir-rigward ta’ oġġetti tas-sisa li jkunu ġew meqruda jew mitlufa għal kollox, irrispettivament miċ-ċirkostanzi tal-qerda jew tat-telfien.

(10) L-arranġamenti għall-ġbir u r-rimborż tad-dazju għandhom impatt fuq l-iffunzjonar xieraq tas-suq intern u għandhom għalhekk isegwu kriterji mhux diskriminatorji.

(11) F’każ ta’ irregolarità, id-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun twettqet l-irregolarità li tkun wasslet għar-rilaxx għall-konsum. Meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat fejn ikun seħħ ir-rilaxx għall-konsum, għandu jiġi ddeterminat post fejn jitqies li seħħ dan ir-rilaxx għall-konsum. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex tiġi evitata kull tassazzjoni doppja, Stat Membru wieħed għandu jiġi magħżul għal dak l-iskop.

(12) Flimkien mal-każijiet ta’ rimborż previsti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi, fejn l-iskop ta’ din id-Direttiva jippermetti hekk, li jirrimborżaw id-dazju tas-sisa mħallas fuq oġġetti tas-sisa rilaxxati għall-konsum.

(13) Ir-regoli u l-kondizzjonijiet għall-konsenji li huma eżentati mill-ħlas ta’ dazju tas-sisa għandhom jibqgħu armonizzati. Għall-konsenji eżentati għal organizzazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra, għandu jsir użu minn ċertifikat ta’ eżenzjoni.

(14) Is-sitwazzjonijiet li fihom huwa permess bejgħ ħieles mit-taxxa lill-vjaġġaturi li jkunu se jħallu t-territorju tal-Komunità għandhom ikunu ddeterminati b’mod ċar.

(15) Billi jeħtieġ li jitwettqu verifiki fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni u ta’ ħażna sabiex jiġi żgurat li d-dejn tat-taxxa jinġabar, huwa meħtieġ li tinżamm sistema ta’ mħażen, soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiġu ffaċilitati dawn it-tip ta’ verifiki.

(16) Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-magazzinieri awtorizzati u min-negozjanti mingħajr status ta’ magazzinieri awtorizzati.

(17) Għandu jkun possibli li l-oġġetti tas-sisa, qabel ir-rilaxx tagħhom għall-konsum, jimxu ġewwa l-Komunità taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa u dan it-tip ta’ moviment għandu jkun permess minn maħżen tat-taxxa għal destinazzjonijiet varji, b’mod partikolari maħżen tat-taxxa ieħor, imma wkoll għal postijiet ekwivalenti, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva.

(18) Il-moviment ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju għandu jkun permess ukoll mill-post ta’ l-importazzjoni tagħhom għal dawk id-destinazzjonijiet u għal dan il-għan għandu jsir provvediment fir-rigward ta’ l-istatus tal-persuna li tibgħat l-oġġetti minn dak il-post ta’ importazzjoni.

(19) Sabiex jiġi ssalvagwardjat il-ħlas tad-dazju tas-sisa f’każ ta’ nuqqas ta’ rilaxx tal-moviment tas-sisa, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu garanzija, li tista’ tiġi ppreżentata minn kwalunkwe wieħed mill-atturi prinċipali involuti fil-moviment, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri.

(20) Huwa meħtieġ, sabiex jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxi bir-rati stabbiliti mill-Istati Membri, li l-awtoritajiet kompetenti jkunu f’pożizzjoni li jsegwu l-movimenti ta’ oġġetti tas-sisa u għalhekk għandu jsir provvediment għal sistema ta’ monitoraġġ ta’ dawn it-tip ta’ oġġetti.

(21) Għal dak l-iskop, huwa xieraq li tintuża s-sistema kompjuterizzata stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa[20]. L-użu ta’ dik is-sistema, b’differenza minn sistema bbażata fuq l-użu tal-karti, tħaffef il-formalitajiet meħtieġa u tiffaċilita l-monitoraġġ tal-moviment ta’ oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa.

(22) Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-proċedura li biha n-negozjanti jinfurmaw lill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istati Membri b’konsenji ta’ oġġetti tas-sisa mibgħuta jew irċevuti. Għandha tingħata attenzjoni adegwata għas-sitwazzjoni ta’ ċerti konsenjatarji li mhumiex konnessi mas-sistema kompjuterizzata imma li jistgħu jirċievu oġġetti tas-sisa li jimxu taħt sospensjoni tad-dazju.

(23) Sabiex jiġi żgurat l-iffunzjonar xieraq tar-regoli relatati mal-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa, il-kondizzjonijiet għall-bidu u t-tmiem tal-moviment kif ukoll rilaxx mir-responsabbiltajiet, għandhom jiġu kkjarifikati.

(24) Huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati l-proċeduri li għandhom jiġu użati f’każ li fih is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli.

(25) L-Istati Membri għandhom jiġu mħollija jipprovdu arranġament speċjali għall-moviment ta’ oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju li jseħħ kompletament fit-territorju tagħhom, jew jikkonkludu arranġamenti bilaterali ma’ Stati Membri oħra biex jippermettu li jkun hemm semplifikazzjoni.

(26) Iż-żieda fil-volum ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali mwettqa permezz ta’ l-Internet u t-tneħħija ta’ bejgħ ħieles mid-dazju lill-persuni li jivvjaġġaw ġewwa l-Komunità rriżultaw f’użu akbar tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 92/12/KEE relatati mal-movimenti ġewwa l-Komunità, kummerċjali jew privati, ta’ oġġetti li fuqhom id-dazju tas-sisa jkun diġà tħallas fi Stat Membru. Huwa xieraq li jiġu kkjarifikati t-tassazzjoni u r-regoli proċedurali relatati mal-moviment ta’ oġġetti li fuqhom id-dazju tas-sisa jkun diġà tħallas fi Stat Membru.

(27) Skond il-prinċipju li jmexxi s-suq uniku, id-dazju tas-sisa għandu jitħallas fl-Istat Membru li fih l-oġġetti tas-sisa jiġu akkwistati meta dawn jiġu akkwistati minn individwi privati għall-użu tagħhom stess u ttrasportati minnhom. Dak il-prinċipju, għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ oġġetti tas-sisa għall-użu personali ta’ individwu privat ittrasportati minn parti terza f’isem l-individwu privat, billi dawn it-tranżazzjonijiet huma purament privati. Għal raġunijiet tal-protezzjoni tas-saħħa dan il-prinċipju m’għandux, madankollu, jiġi estiż biex ikopri t-tabakk manifatturat u ttrasportat f’isem individwu privat.

(28) Għandu jiġi speċifikat li l-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ l-akkwist japplika wkoll għal oġġetti mibgħuta minn individwu privat lil wieħed ieħor mingħajr ebda ħlas, dirett jew indirett.

(29) Fejn, wara r-rilaxx għall-konsum fi Stat Membru, l-oġġetti tas-sisa jinżammu fi Stat Membru ieħor, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk id-dazju tas-sisa huwiex dovut fit-tieni Stat Membru. Għal dawn l-iskopijiet, huwa meħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ "skopijiet kummerċjali".

(30) L-oġġetti tas-sisa mixtrija minn persuni li mhumiex magazzinieri awtorizzati, li jiġu mibgħuta jew ittrasportati direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew f’ismu, għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u għandu jsir provvediment għal proċedura li għandu jsegwi l-bejjiegħ.

(31) Sabiex jiġu evitati konflitti ta’ interess bejn l-Istati Membri u t-tassazzjoni doppja f’każijiet li fihom l-oġġetti tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed jimxu ġewwa l-Komunità, għandu jsir provvediment għal sitwazzjonijiet li fihom l-oġġetti tas-sisa, wara r-rilaxx tagħhom għall-konsum, ikunu soġġetti għal irregolaritajiet.

(32) Fin-nuqqas ta’ sistema komuni ta’ ġbir tat-taxxa, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jipprevedu li l-oġġetti rilaxxati għall-konsum ikollhom marki ta’ identifikazzjoni fiskali jew nazzjonali. Madankollu, l-użu ta’ dawn il-marki bl-ebda mod ma għandu jostakola l-kummerċ intra-Komunitarju. Peress li l-użu ta’ dawn il-marki ma għandux iwassal għal tassazzjoni doppja, direttament jew indirettament, għandu jiġi ċċarat li kwalunkwe ammont imħallas jew garantit biex jinkisbu dawn il-marki għandu jiġi rimborżat, rimess jew rilaxxat mill-Istat Membru li ħareġ il-marki jekk id-dazju tas-sisa jkun sar ponibbli u nġabar fi Stat Membru ieħor.

(33) L-applikazzjoni tar-rekwiżiti normali relatati mal-moviment u mal-monitoraġġ ta’ l-oġġetti tas-sisa tista’ tpoġġi piż amministrattiv mhux proporzjonat fuq prodotturi żgħar ta’ l-inbid. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jeżentaw dawk il-produtturi minn ċerti rekwiżiti.

(34) Għandu jitqies il-fatt li, fir-rigward ta’ l-oġġetti tas-sisa użati bħala mħażen għad-dgħajjes u għall-ajruplani, għadu ma nstab l-ebda approċċ komuni xieraq.

(35) Il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[21].

(36) Sabiex jitħalla perjodu ta’ aġġustament għas-sistema ta’ kontroll elettronika għall-moviment ta’ oġġetti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju li matulu dan it-tip ta’ moviment ikun jista’ jibqa’ jitwettaq taħt il-formalitajiet stabbiliti mid-Direttiva 92/12/KEE.

(37) Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-iżgurar ta’ arranġamenti komuni fir-rigward ta’ ċerti aspetti tad-dazju tas-sisa, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jitħallas direttament jew indirettament fuq il-konsum ta’ l-oġġetti li ġejjin, minn hawn ‘il quddiem imsejħa "oġġetti tas-sisa":

(1) il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96/KE;

(2) l-alkoħol u xorb alkoħoliku koperti mid-Direttivi 92/83/KEE u 92/84/KEE;

(3) it-tabakk manifatturat kopert mid-Direttivi 95/59/KE, 92/79/KEE u 92/80/KEE.

L-Artikolu 2

1. Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa:

(a) il-produzzjoni, inkluż l-estrazzjoni, ta’ oġġetti tas-sisa ġewwa t-territorju tal-Komunità;

(b) l-importazzjoni ta’ oġġetti tas-sisa fit-territorju tal-Komunità.

2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw taxxi oħra fuq l-oġġetti tas-sisa għal skopijiet speċifiċi, sakemm dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa tal-Komunità applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud, f’dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, mal-kalkolu tat-taxxa, mal-ħlas u mal-monitoraġġ tat-taxxa.

3. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jimponu:

(a) taxxi fuq prodotti li mhumiex oġġetti tas-sisa;

(b) fuq il-forniment ta’ servizzi, inkluż dawk relatati ma’ oġġetti tas-sisa, taxxi li ma jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala taxxi fuq il-qliegħ.

Madankollu, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri il-ħlas ta’ dawn it-tip ta’ taxxi ma jistax jagħti lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim tal-fruntieri.

L-Artikolu 3

1. Il-formalitajiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-dwana tal-Komunità għall-importazzjoni ta’ oġġetti fit-territorju doganali tal-Komunità għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-dħul ta’ l-oġġetti tas-sisa fil-Komunità minn territorju msemmi fl-Artikolu 5(2).

2. Il-formalitajiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-dwana tal-Komunità għall-esportazzjoni ta’ oġġetti mit-territorju doganali tal-Komunità għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-esportazzjoni ta’ l-oġġetti tas-sisa mill-Komunità għal territorju msemmi fl-Artikolu 5(2).

3. Il-Kapitoli III u IV m’għandhomx japplikaw għall-oġġetti tas-sisa koperti minn proċedura jew arranġament tad-dwana sospensiv.

L-Artikolu 4

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1) ' arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ' ifisser arranġament tat-taxxa applikat għall-produzzjoni, għall-ipproċessar, għaż-żamma jew għall-moviment ta’ oġġetti tas-sisa mhux koperti minn proċedura jew arranġament tad-dwana sospensiv, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

(2) ' proċedura jew arranġament tad-dwana sospensiv ' ifisser kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti pprovduti fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 relatat mas-superviżjoni tad-dwana li għaliha huma soġġetti oġġetti mhux tal-Komunità mad-dħul tagħhom fit-territorju doganali tal-Komunità, ħażna temporanja, żoni ħielsa jew imħażen ħielsa, kif ukoll kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 84(1)(a) ta’ dak ir-Regolament;

(3) ' Stat Membru ' u ' territorju ta’ Stat Membru ' ifisser it-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Komunità li għalih huwa applikabbli t-Trattat, b’konformità ma’ l-Artikolu 299 tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe territorju msemmi fl-Artikolu 5(2) jew (3);

(4) ' Komunità ' u ' territorju tal-Komunità ' ifisser it-territorji ta’ l-Istati Membri kif definiti fil-punt (3).

L-Artikolu 5

1. Din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom japplikaw għat-territorju tal-Komunità.

2. Din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx japplikaw għal-dawn it-territorji li jiffurmaw parti mit-territorju doganali tal-Komunità:

(a) il-Gżejjer Kanarji;

(b) id-dipartimenti Franċiżi lil hinn mix-xtut ta’ Franza;

(c) il-Gżejjer Åland;

(d) iċ-Channel Islands.

3. Din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx japplikaw għal dawn it-territorji li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-Komunità:

(a) il-Gżira ta’ Heligoland;

(b) it-territorju ta’ Büsingen;

(c) Ceuta;

(d) Melilla;

(e) Livigno;

(f) Campione d'Italia;

(g) l-ilmijiet ta’ l-Italja tal-Lag ta’ Lugano;

(h) Ġibiltà.

4. Spanja tista’ tagħti avviż, permezz ta’ dikjarazzjoni, li din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom japplikaw għall-Gżejjer Kanarji – soġġetti għall-miżuri biex jaġġustaw għall-bogħod estrem tagħhom – fir-rigward ta’ l-oġġetti tas-sisa msemmija fl-Artikolu 1 kollha jew uħud minnhom, mill-ewwel ġurnata tat-tieni xhar wara d-depożitu ta’ dik id-dikjarazzjoni.

5. Franza tista’ tagħti avviż, permezz ta’ dikjarazzjoni, li din id-Direttiva u d-Direttivi msemmija fl-Artikolu 1 japplikaw għad-dipartimenti Franċiżi lil hinn mix-xtut ta’ Franza – soġġetti għall-miżuri biex jaġġustaw għall-bogħod estrem tagħhom – fir-rigward ta’ l-oġġetti tas-sisa msemmija fl-Artikolu 1 kollha jew uħud minnhom, mill-ewwel ġurnata tat-tieni xhar wara d-depożitu ta’ dik id-dikjarazzjoni.

6. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx iċaħħdu lill-Greċja milli żżomm l-istatus speċifiku mogħti lil Mount Athos kif garantit mill-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Griega.

L-Artikolu 6

1. Minħabba l-konvenzjonijiet u t-trattati konklużi ma’ Franza, mar-Renju Unit, ma’ l-Italja u ma’ Ċipru rispettivament, il-Prinċipalità ta’ Monaco, l-Isle of Man, San Marino u ż-Żoni Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta’ Akrotiri u Dhekelia m’għandhomx jitqiesu, għall-iskopijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, bħala pajjiżi terzi.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-movimenti ta’ l-oġġetti tas-sisa li joriġinaw minn, jew li jkunu intenzjonati għall-:

(a) Prinċipalità ta’ Monaco, jkunu trattati bħala movimenti li joriġinaw minn jew li jkunu intenzjonati għal Franza;

(b) Isle of Man, ikunu trattati bħala movimenti li joriġinaw minn jew li jkunu intenzjonati għar-Renju Unit;

(c) San Marino, jkunu trattati bħala movimenti li joriġinaw minn jew li jkunu intenzjonati għall-Italja;

(d) Żoni Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta’ Akrotiri u Dhekelia, jkunu trattati bħala movimenti li joriġinaw minn jew li jkunu intenzjonati għal Ċipru.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-movimenti ta’ l-oġġetti tas-sisa li joriġinaw minn jew li jkunu intenzjonati għal Jungholz u għal Mittelberg (Kleines Walsertal) ikunu trattati bħala movimenti li joriġinaw minn jew li jkunu intenzjonati għall-Ġermanja.

KAPITOLU II Meta japplika d-dazju tas-sisa

sezzjoni 1il-ħin u l-post ta’ l-impożizzjoni tal-ħlas

L-ARTIKOLU 7

1. Id-dazju tas-sisa għandu jiġi impost fil-ħin tar-rilaxx għall-konsum.

Ir-rilaxx għall-konsum għandu jiġi ddeterminat b’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

2. Ir-rilaxx għall-konsum għandu jkun kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) it-tluq ta’ l-oġġetti tas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(b) il-produzzjoni ta’ oġġetti tas-sisa barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(c) l-importazzjoni ta’ l-oġġetti tas-sisa.

Għall-iskopijiet tal-punt (c), l-importazzjoni ta’ oġġetti tas-sisa sseħħ meta l-oġġetti tas-sisa jidħlu fit-territorju tal-Komunità mingħajr ma jkunu soġġetti għal proċedura jew arranġament tad-dwana sospensiv jew meta l-oġġetti tas-sisa jiġu rrilaxxati minn proċedura jew arranġament tad-dwana sospensiv.

Madankollu, fejn l-oġġetti tas-sisa, immedjatament ma’ l-importazzjoni, jitpoġġew taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, huma m’għandhomx jitqiesu li huma rilaxxati għall-konsum.

3. Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (ii) ta’ l-Artikolu 16(1)(a) u ta’ l-Artikolu 16(2), l-oġġetti tas-sisa għandhom jitqiesu rilaxxati għall-konsum fil-ħin li jiġu rċevuti l-oġġetti mill-konsenjatarju reġistrat jew fil-ħin tat-twassil dirett.

4. Il-qerda totali jew it-telfien għal kollox ta’ l-oġġetti tas-sisa, inkluż telfien fin-natura ta’ dawk l-oġġetti, m’għandhomx jitqiesu rilaxxati għall-konsum.

Il-telfien jew il-qerda ta’ l-oġġetti tas-sisa kkonċernati għandhom jiġu ppruvati għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

Għall-iskopijiet ta’ l-ewwel subparagrafu, l-oġġetti għandhom jitqiesu mitlufa għal kollox meta ma jkunux jistgħu jintużaw aktar.

5. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet li taħthom ikun iddeterminat it-telfien fin-natura ta’ l-oġġetti msemmi fil-paragrafu 4.

L-Artikolu 8

Il-kondizzjonijiet ta’ l-impożizzjoni u r-rata tad-dazju tas-sisa li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ fid-data li fiha d-dazju jitħallas fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum.

Id-dazju tas-sisa għandu jiġi impost u jinġabar u, fejn xieraq, jiġi rimborżat jew mibgħut lura skond il-proċedura stabbilita minn kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess proċeduri għall-oġġetti nazzjonali u għal dawk minn Stati Membri oħra.

L-Artikolu 9

1. Fejn isseħħ irregolarità, matul moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li tirriżulta f’rilaxx għall-konsum ta’ oġġetti tas-sisa u ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat fejn ir-rilaxx għall-konsum ikun seħħ, dan għandu jitqies li seħħ fl-Istat Membru minn fejn ikunu ntbagħtu.

Madankollu, jekk, qabel l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha l-moviment ikun beda skond l-Artikolu 19(1), jiġi aċċertat f’liema Stat Membru jkun seħħ attwalment ir-rilaxx għall-konsum, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn ikunu ntbagħtu.

Fejn id-dazju tas-sisa jkun tħallas lill-Istat Membru minn fejn ikunu ntbagħtu, għandu jiġi rrimborżat jew mibgħut lura malli l-evidenza tal-ġbir tiegħu mill-Istat Membru l-ieħor tiġi pprovduta.

2. Fejn il-ħin tar-rilaxx għall-konsum ma jkunx magħruf, dan it-tip ta’ rilaxx għandu jitqies li jkun seħħ fil-ħin li l-oġġetti tas-sisa jkunu ntbagħtu.

3. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, irregolarità għandha tfisser sitwazzjoni li fiha l-moviment ma jkunx intemm skond l-Artikolu 19(2).

sezzjoni 2ir-rimborż u r-remissjoni

L-ARTIKOLU 10

Flimkien mal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 31(4) u l-Artikolu 34(7), l-Istati Membri jistgħu, fuq talba ta’ negozjant fil-kors tan-negozju tiegħu, jagħmlu oġġetti tas-sisa li jkunu ġew rilaxxati għall-konsum eliġibbli għar-rimborż jew ir-remissjoni tad-dazju tas-sisa, sakemm dan it-tip ta’ rimborż jew remissjoni ma jirriżultawx f’eżenzjonijiet barra dawk imsemmija fl-Artikolu 11.

sezzjoni 3l-eżenzjonijiet

L-ARTIKOLU 11

1. L-oġġetti tas-sisa, inkluż dawk diġà rilaxxati għall-konsum, għandhom jiġu eżentati mill-ħlas tad-dazju tas-sisa fejn dawn ikunu intenzjonati għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) twassil fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari;

(b) organizzazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ l-Istat Membru li jospita, u mill-membri ta’ dan it-tip ta’ organizzazzjonijiet, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu dawn it-tip ta’ organizzazzjonijiet jew minn ftehim tal-kwartieri ġenerali;

(c) il-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat li jagħmel parti mit-Trattat ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana barra mill-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom jew għall-provvista tal-messijiet jew kantinijiet tagħhom;

(d) il-forzi armati tar-Renju Unit stazzjonati f’Ċipru skond it-Trattat ta’ l-Istabbiliment fir-rigward tar-Repubblika ta’ Ċipru datat 16 t’Awissu 1960, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom jew għall-provvista tal-messijiet jew kantinijiet tagħhom;

(e) il-konsum taħt ftehim konkluż ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali sakemm dan it-tip ta’ ftehim ikun permess jew awtorizzat fir-rigward ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

2. L-eżenzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru li jospita. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-eżenzjoni permezz ta’ rifużjoni tad-dazju tas-sisa.

L-Artikolu 12

Bla ħsara għall-Artikolu 20(1), l-oġġetti tas-sisa li jimxu taħt sospensjoni tad-dazju għal għand konsenjatarju msemmi fl-Artikolu 11(1) għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ eżenzjoni.

Il-Kummissjoni għandha, b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), tistabbilixxi l-forma u l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni.

L-Artikolu 13

1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-ħlas tad-dazju tas-sisa oġġetti tas-sisa fornuti minn ħwienet ħielsa mit-taxxa li jiġu ttrasportati fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi li jkunu se jaqbdu titjira jew vjaġġ bil-baħar għal territorju terz jew għal pajjiż terz.

2. Oġġetti fornuti abbord ajruplan jew vapur matul titjira jew vjaġġ bil-baħar għal territorju terz jew għal pajjiż terz għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħal oġġetti fornuti minn ħwienet ħielsa mit-taxxa.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżenzjonijiet ipprovduti fil-paragrafi 1 u 2 jiġu applikati b’mod li jiġu evitati kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.

4. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) ' territorju terz ' ifisser it-territorji msemmija fl-Artikolu 5(2) u (3);

(b) ' ħanut ħieles mit-taxxa ' jfisser kwalunkwe stabbiliment li jinsab ġewwa ajruport jew port li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, skond il-paragrafu 3 b’mod partikolari;

(c) ‘ vjaġġatur għal territorju terz jew għal pajjiż terz ’ ifisser kwalunkwe passiġġier li jkollu dokument ta’ transport, għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar, li jgħid li d-destinazzjoni immedjata huwa ajruport jew port li jinsab f’territorju terz jew f’pajjiż terz.

KAPITOLU IIIIl-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma

L-Artikolu 14

1. Kull Stat Membru għandu jiddetermina r-regoli tiegħu dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ oġġetti tas-sisa, soġġetti għal din id-Direttiva.

2. Il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ oġġetti tas-sisa għandhom jitqiesu li jkunu seħħew taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa biss jekk dawk l-attivitajiet iseħħu f’bini awtorizzat skond il-paragrafu 3.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw bħala "mħażen tat-taxxa" bini li għandu jiġi użat għall-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ oġġetti tas-sisa, kif ukoll biex jiġu riċevuti jew mibgħuta, taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju.

L-Artikolu 15

1. Il-ftuħ u t-tħaddim ta’ maħżen tat-taxxa minn persuna naturali jew legali, minn hawn ‘il quddiem imsemmija "magazzinier awtorizzat", għandu jkun soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.

L-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata unikament fuq il-bażi li l-persuna naturali jew legali tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor u jkollha l-intenzjoni li tħaddem il-maħżen tat-taxxa permezz ta’ rappreżentant jew fergħa fl-Istat Membru ta’ l-awtorizzazzjoni.

L-awtorizzazzjoni għandha tkopri l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 14(3).

2. Magazzinier awtorizzat għandu jintalab li:

(a) jipprovdi, jekk ikun meħtieġ, garanzija biex ikopri r-riskju fil-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma ta’ oġġetti tas-sisa;

(b) jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-maħżen tat-taxxa;

(c) jżomm, għal kull maħżen tat-taxxa, kontijiet tal-ħażniet u tal-movimenti ta’ l-oġġetti tas-sisa;

(d) jdaħħal fil-maħżen tat-taxxa tiegħu, malli jaslu, l-oġġetti tas-sisa kollha li jimxu taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa;

(e) jagħti l-kunsens għall-monitoraġġ u għall-verifiki tal-ħażniet kollha.

Il-kondizzjonijiet għall-garanzija msemmija fil-punt (a) għandhom jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih il-maħżen tat-taxxa jkun awtorizzat.

KAPITOLU IVIl-movimenti ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa

sezzjoni 1ġenerali

L-ARTIKOLU 16

1. L-oġġetti tas-sisa jistgħu jitmexxew taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa ġewwa t-territorju tal-Komunità:

(a) minn maħżen tat-taxxa għal waħda mid-destinazzjonijiet li ġejjin:

(i) maħżen tat-taxxa ieħor;

(ii) persuna naturali jew legali awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet, li jirċievu oġġetti tas-sisa li jkunu qiegħdin jimxu taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa mibgħuta minn Stat Membru ieħor, minn hawn ‘il quddiem imsemmija l-"konsenjatarju reġistrat";

(iii) post fejn l-oġġetti tas-sisa jitilqu t-territorju tal-Komunità, kif imsemmi fl-Artikolu 24(1);

(iv) konsenjatarju msemmi fl-Artikolu 11(1), fejn l-oġġetti jintbagħtu minn Stat Membru ieħor;

(b) mill-post ta’ l-importazzjoni għal kwalunkwe waħda mid-destinazzjonijiet msemmija fil-punt (a), fejn dawk l-oġġetti jintbagħtu minn persuna naturali jew legali awtorizzata għal dak l-iskop mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-importazzjoni, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet, minn hawn ‘il quddiem imsemmi l-"konsenjatur reġistrat".

2. Bħala deroga mill-punti (i) u (ii) tal-paragrafu 1(a), l-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, taħt il-kondizzjonijiet li jista’ jistabbilixxi, jippermetti li l-oġġetti tas-sisa jitmexxew taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa għal post ta’ twassil dirett li jinsab fit-territorju tiegħu, fejn dak il-post ikun ġie indikat mill-magazzinier awtorizzat fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jew mill-konsenjatarju reġistrat.

Il-magazzinier awtorizzat u l-konsenjatarju reġistrat għandhom jibqgħu responsabbli għas-sottomissjoni tar-rapport tal-wasla msemmi fl-Artikolu 23(1).

3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għall-movimenti ta’ l-oġġetti tas-sisa b’rata żero li ma jkunux ġew rilaxxati għall-konsum.

L-Artikolu 17

1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom, għandhom jirrikjedu li r-riskji fil-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa jkunu koperti minn garanzija, li tista’ tiġi pprovduta minn waħda jew aktar mill-persuni li ġejjin:

(a) il-magazzinier awtorizzat li jibgħat;

(b) il-konsenjatur reġistrat;

(c) it-trasportatur jew l-operatur tat-trasport;

(d) is-sid ta’ l-oġġetti tas-sisa;

(e) il-konsenjatarju.

2. Il-garanzija għandha tkun valida madwar il-Komunità.

Ir-regoli dettaljati għall-garanzija għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istat Membru li jibgħat jista’ jirrinunzja għall-obbligazzjoni li tiġi pprovduta l-garanzija fir-rigward tal-movimenti ta’ oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa li ġejjin:

(a) movimenti li jseħħu kompletament fit-territorju tiegħu;

(b) fejn l-Istati Membri l-oħra kkonċernati jiftiehmu, il-movimenti tal-prodotti ta’ l-enerġija ġewwa l-Komunità bil-baħar jew permezz tal-pipeline fiss.

L-Artikolu 18

1. Konsenjatarju reġistrat ma jistax iżomm u lanqas jibgħat oġġetti tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

Huwa għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) jiggarantixxi l-ħlas tad-dazju tas-sisa taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b) iżomm kontijiet tat-twassil ta’ l-oġġetti tas-sisa;

(c) mal-wasla tagħhom, idaħħal l-oġġetti tas-sisa li jimxu taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa fil-kontijiet mingħajr dewmien;

(d) jagħti l-kunsens għall-monitoraġġ u għall-verifiki tal-ħażniet kollha.

2. Għal negozjant li jirċievi l-oġġetti tas-sisa okkażjonalment biss, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (ii) ta’ l-Artikolu 16(1)(a) għandha tkun limitata għal kwantità speċifikata ta’ oġġetti tas-sisa, għal konsenjatur wieħed u għal perjodu ta’ żmien speċifikat.

Konsenjatarju reġistrat awtorizzat għall-iskopijiet ta’ l-ewwel subparagrafu għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) jiggarantixxi l-ħlas tad-dazju tas-sisa taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b) jagħti l-kunsens għal kwalunkwe verifika li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni li jissodisfaw lilhom infushom li l-oġġetti ġew irċevuti verament.

L-Artikolu 19

1. Il-moviment ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa għandu jitqies li jibda meta l-oġġetti jitilqu mill-maħżen tat-taxxa minn fejn jintbagħtu jew mill-post ta’ l-importazzjoni.

2. Il-moviment ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa għandu jitqies li jintemm meta l-konsenjatarju jkun irċieva l-wasla ta’ l-oġġetti jew, fil-każ imsemmi fil-punt (iii) ta’ l-Artikolu 16(1)(a), meta l-oġġetti jkunu ħallew it-territorju tal-Komunità.

sezzjoni 2il-proċedura li għandha tiġi segwita f’movimentta’ oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa

L-ARTIKOLU 20

1. Moviment ta’ oġġetti tas-sisa għandu jitqies li jkun seħħ taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa biss jekk ikun seħħ taħt il-kopertura ta’ dokument amministrattiv elettroniku pproċessat skond il-paragrafi 2 u 3.

2. Għall-iskop tal-paragrafu 1, il-konsenjatur għandu jissottometti abbozz ta’ dokument amministrattiv elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti bl-użu ta’ sistema kompjuterizzata stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE, minn hawn ‘il quddiem "is-sistema kompjuterizzata".

3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti għandhom iwettqu verifika elettronika tal-kompletezza u l-korrettezza tad-dejta fl-abboz tad-dokument amministrattiv elettroniku.

Fejn din id-dejta tkun kompluta u korretta, huma għandhom jassenjaw kodiċi ta’ referenza amministrattiv uniku lid-dokument.

Huma għandhom jibagħtu d-dokument amministrattiv elettroniku li jkun fih il-kodiċi ta’ referenza amministrattiv lill-konsenjatur.

4. Fil-każijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iv) ta’ l-Artikolu 16(1)(a), l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti għandhom jgħaddu d-dokument amministrattiv elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni, li għandhom jgħadduh lill-konsenjatarju fejn il-konsenjatarju jkun magazzinier awtorizzat jew konsenjatarju reġistrat.

Fejn l-oġġetti tas-sisa jkunu intenzjonati għal magazzinier awtorizzat fl-Istat Membru minn fejn jintbagħtu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jgħaddu d-dokument amministrattiv elettroniku direttament lilu.

5. Fil-każ imsemmi fil-punt (iii) ta’ l-Artikolu 6(1)(a), l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti għandu jgħaddi d-dokument amministrattiv elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tkun ippreżentata b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 161(5) tar-Regolament (KE) Nru 2913/92, minn hawn ‘il quddiem imsemmi "l-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni", jekk dak l-Istat Membru jkun differenti mill-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti.

6. Il-konsenjatur għandu jikkomunika l-kodiċi ta’ referenza amministrattiv lill-persuna li takkumpanja l-oġġetti.

Il-kodiċi għandu jkun disponibbli matul il-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa kollu.

7. Il-konsenjatur jista’ jikkanċella d-dokument amministrattiv elettroniku sakemm il-moviment ma jkunx beda skond l-Artikolu 19(1).

8. Il-konsenjatur jista’ jemenda d-destinazzjoni matul il-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa, biex juri destinazzjoni ġdida li għandha tkun waħda mid-destinazzjonijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) jew (iii) ta’ l-Artikolu 16(1)(a) jew, fejn ikun applikabbli, fl-Artikolu 16(2).

L-Artikolu 21

F’każ ta’ movimenti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa ta’ prodotti ta’ enerġija bil-baħar jew permezz tal-kanali interni lil konsenjatarju li ma jkunx magħruf b’mod definit fil-ħin li l-konsenjatur jissottometti l-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fl-Artikolu 20(2), l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti jista’ jawtorizza lill-konsenjatur biex f’dak id-dokument iħalli barra d-dejta dwar il-konsenjatarju.

Malli dik id-dejta ssir magħrufa, il-konsenjatur għandu jittrażmettiha lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti.

L-Artikolu 22

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti tista’ tippermetti, taħt kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru, li l-konsenjatur, bl-użu tas-sistema kompjuterizzata, jaqsam moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa ta’ prodotti ta’ enerġija f’żewġ movimenti jew aktar, sakemm il-kwantità totali ta’ l-oġġetti tas-sisa ma tinbidilx.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu li dan it-tip ta’ qsim ma jkunx jista’ jitwettaq fit-territorju tagħhom.

L-Artikolu 23

1. Malli jiġu rċevuti l-oġġetti tas-sisa fi kwalunkwe waħda mid-destinazzjonijiet imsemmija fil-punti (i), (ii) jew (iv) ta’ l-Artikolu 16(1)(a) jew fl-Artikolu 16(2), il-konsenjatarju għandu mingħajr dewmien jissottometti rapport tal-wasla tagħhom, minn hawn ‘il quddiem imsemmi r-"rapport tal-wasla", lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni bl-użu tas-sistema kompjuterizzata.

Dawk l-awtoritajiet għandhom jipprovdu lill-konsenjatarji msemmija fl-Artikolu 11(1) b’dik it-tip ta’ assistenza li tkun meħtieġa biex tippermetti li jiġi sottomess rapport tal-wasla permezz tas-sistema kompjuterizzata.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandhom iwettqu verifika elettronika tal-kompletezza u tal-korrettezza tad-dejta fir-rapport tal-wasla u sussegwentement għandhom jikkonfermaw ir-reġistrazzjoni tiegħu lill-konsenjatarju u jibagħtuh lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti għandhom jgħaddu r-rapport tal-wasla lill-konsenjatur. Fejn il-postijiet minn fejn jintbagħtu l-oġġetti u l-postijiet tad-destinazzjoni jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jgħaddu r-rapport tal-wasla direttament lill-konsenjatur.

L-Artikolu 24

1. Fil-każ imsemmi fil-punt (iii) ta’ l-Artikolu 16(1)(a), rapport, minn hawn ‘il quddiem imsemmi r-"rapport ta’ l-esportazzjoni", għandu jiġi kkompletat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni fuq il-bażi ta’ l-attestazzjoni mħejjija mill-uffiċju doganali tal-ħruġ imsemmija fl-Artikolu 793(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/93[22], jew mill-uffiċju fejn il-formalitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva jitwettqu, li jiċċertifika li l-oġġetti tas-sisa jkunu ħallew it-territorju tal-Komunità.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni għandhom iwettqu verifika elettronika tal-kompletezza u l-korrettezza tad-dejta li tirriżulta mill-attestazzjoni msemmija f’paragrafu 1, u għandhom, fejn l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti jkun differenti mill-Istat Membru ta’ l-esportazzjoni, jibagħtu r-rapport ta’ l-esportazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti għandhom jgħaddu r-rapport ta’ l-esportazzjoni lill-konsenjatur.

L-Artikolu 25

1. Ir-rapport tal-wasla jew ir-rapport ta’ l-esportazzjoni għandhom jikkostitwixxu prova li l-moviment ikun intemm skond l-Artikolu 19(2).

2. Jekk ma jkun hemm l-ebda rapport tal-wasla jew rapport ta’ l-esportazzjoni, inkluż f’każ li fih is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli, prova alternattiva tat-tmiem tal-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa tista’ tiġi pprovduta permezz taċ-ċertifikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni, ibbażata fuq prova xierqa, li l-oġġetti tas-sisa mibgħuta jkunu waslu fid-destinazzjoni dikjarata tagħhom jew, fil-każ imsemmi fil-punt (iii) ta’ l-Artikolu 16(1)(a), permezz ta’ ċertifikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċju doganali tal-ħruġ, li tiċċertifika li l-oġġetti tas-sisa jkunu ħallew it-territorju tal-Komunità.

Dokument sottomess mill-konsenjatarju li jkun fih l-istess dejta bħar-rapport tal-wasla għandu jikkostitwixxi prova xierqa għall-iskopijiet ta’ l-ewwel subparagrafu.

L-Artikolu 26

1. Fejn is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli, magazzinier awtorizzat jew konsenjatur reġistrat jistgħu jibdew movement ta’ oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-oġġetti jkunu akkumpanjati minn dokument f’forma ta’ karta li jkun fih l-istess dejta bħall-abbozz tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fl-Artikolu 20(2);

(b) huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti fil-ħin li jintbagħtu.

Meta terġa tkun disponibbli s-sistema, il-konsenjatur għandu jissottometti abbozz ta’ dokument amministrattiv elettroniku mingħajr dewmien. Dak id-dokument għandu jissostitwixxi d-dokument f’forma ta’ karta msemmi fil-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu hekk kif ikun ġie pproċessat skond l-Artikolu 20(3), u l-proċedura relatata mad-dokument amministrattiv elettroniku għandha tapplika.

Sakemm id-dokument amministrattiv elettroniku jkun ġie pproċessat skond l-Artikolu 20(3), il-moviment għandu jitqies li jkun seħħ taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa taħt kopertura tad-dokument f’forma ta’ karta.

2. Fejn is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli, magazzinier awtorizzat jew konsenjatur reġistrat jistgħu jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(8) jew l-Artikolu 22 bl-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni. Għal dak il-għan huwa għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti fil-ħin li l-bidla ta’ destinazzjoni jew il-qsim tal-moviment jinbeda.

It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis .

Sakemm l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti jwettqu l-verifika elettronika meħtieġa u jibagħtu d-dokument amministrattiv elettroniku korrispondenti lill-konsenjatur, il-moviment jew il-movimenti kkonċernati għandhom jitqiesu li jkunu seħħew taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa taħt kopertura ta’ l-informazzjoni sottomessa skond l-ewwel subparagrafu.

3. Il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), tiddetermina r-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każijiet li fihom is-sistema kompjuterizzata ma tkunx disponibbli.

L-Artikolu 27

Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), tadotta miżuri biex tiddetermina:

(1) l-istruttura u l-kontenut tal-messaġġi li għandhom jiġu skambjati għall-iskopijiet ta’ l-Artikoli 20 sa 24 bejn il-persuni u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn moviment ta’ l-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa u bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati b’dan il-mod;

(2) ir-regoli u l-proċeduri relatati ma’ l-iskambji tal-messaġġi msemmija fil-punt (1).

sezzjoni 3il-proċeduri semplifikati

L-ARTIKOLU 28

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri semplifikati fir-rigward ta’ movimenti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa li jseħħu kompletament fit-territorju tagħhom.

L-Artikolu 29

L-Istati Membri kkonċernati jistgħu, bi ftehim, jistabbilixxu proċeduri semplifikati għall-iskopijiet tal-movimenti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa li ġejjin:

(1) movimenti frekwenti u regolari bejn ċerti operaturi ekonomiċi f’żewġ Stati Membri jew aktar;

(2) movimenti frekwenti u regolari bejn ċerti operaturi ekonomiċi fi Stat Membru uniku permezz ta’ Stat Membru ieħor;

(3) movimenti permezz ta’ pipelines fissi bejn żewġ Stati Membri jew aktar.

KAPITOLU VIl-moviment u t-tassazzjoni ta’ oġġetti tas-sisaWara r-rilaxx għall-konsum

sezzjoni 1l-akkwist minn individwi privati

L-ARTIKOLU 30

1. Id-dazju tas-sisa fuq oġġetti tas-sisa akkwistati minn individwi privati għall-użu personali u trasportati minn Stat Membru wieħed għal ieħor minnhom għandu jitħallas biss fl-Istat Membru li fih l-oġġetti tas-sisa jiġu akkwistati.

Fir-rigward ta’ l-oġġetti tas-sisa barra tabakk manifatturat akkwistati minn individwi privati, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll f’każijiet fejn l-oġġetti jiġu trasportati f’isimhom.

It-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ l-akkwist għandha tapplika wkoll għal oġġetti tas-sisa mibgħuta minn individwu privat wieħed lill-ieħor mingħajr kwalunkwe ħlas, dirett jew indirett.

2. Biex jiġi ddeterminat jekk l-oġġetti tas-sisa msemmija fil-paragrafu 1 humiex intenzjonati għall-użu personali, l-Istati Membri għandhom iqisu mill-inqas dawn li ġejjin:

(a) l-istatus kummerċjali tal-pussessur ta’ l-oġġetti tas-sisa u r-raġunijiet tiegħu għall-pussess tagħhom;

(b) il-post fejn l-oġġetti tas-sisa jkunu jew, jekk xieraq, il-mod ta’ transport użat;

(c) kwalunkwe dokument relatat ma’ l-oġġetti tas-sisa;

(d) in-natura ta’ l-oġġetti tas-sisa;

(e) il-kwantità ta’ l-oġġetti tas-sisa.

sezzjoni 2iż-żamma fi stat membru ieħor

L-ARTIKOLU 31

1. Meta l-oġġetti tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed jinżammu għal skopijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, id-dazju tas-sisa għandu jitħallas f’dak l-Istat Membru l-ieħor.

L-iskopijiet kummerċjali għandhom jitqiesu li huma l-iskopijiet kollha barra l-użu personali minn individwi privati, kif determinati skond l-Artikolu 30(2).

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 30(1), fejn it-tabakk manifatturat ma jiġix trasportat mill-individwi privati kkonċernati, dan għandu jitqies li qiegħed jinżamm għal skopijiet kummerċjali.

2. Bla ħsara għall-Artikolu 36, meta l-oġġetti tas-sisa li jkunu diġà ġew rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed jimxu ġewwa l-Komunità, dawk l-oġġetti m’għandhomx jitqiesu bħala miżmuma għal skopijiet kummerċjali sakemm jaslu fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, sakemm ikunu qiegħdin jimxu taħt kopertura tal-formalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 32(3)(a), (b) u (c), jew dawk stabbiliti fl-Artikolu 34(4)(a), (b) u (c), skond il-każ.

3. Oġġetti tas-sisa li jinżammu abbord vapur jew ajruplan li jaqsam jew itir bejn żewġ Stati Membri imma li ma jkunux disponibbli għall-bejgħ meta l-vapur jew l-ajruplan ikun fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri m’għandhomx jitqiesu li jkunu miżmuma għal skopijiet kummerċjali f’dak l-Istat Membru.

4. Id-dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum għandu jiġi rrimborżat jew mibgħut lura meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni jkunu sabu li d-dazju tas-sisa jkun sar dovut.

L-Artikolu 32

1. Fis-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 31(1), il-persuna responsabbli li tħallas id-dazju tas-sisa għandha tkun il-persuna li żżomm l-oġġetti tas-sisa jew li f’isimha jinżammu l-oġġetti.

Madankollu, fejn l-oġġetti tas-sisa jkunu miżmuma bil-għan li jitwasslu lil negozjant jew korp soġġett għal-liġi pubblika stabbilit fl-Istat Membru taż-żamma, dak in-negozjant jew korp għandu jkun il-persuna responsabbli li tħallas id-dazju tas-sisa.

Fil-każ imsemmi fit-tieni subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq talba tiegħu, jawtorizzaw lill-bejjiegħ biex jissostitwixxi n-negozjant jew il-korp soġġett għal-liġi pubblika kkonċernat bħala l-persuna responsabbli li tħallas id-dazju tas-sisa, sakemm il-bejjiegħ jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 34(4).

2. Fejn il-persuna li żżomm l-oġġetti tas-sisa, jew li jinżammu f’isimha, ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru taż-żamma, hija għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 34(4).

3. F’każijiet barra dawk imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2, il-persuna responsabbli li tħallas id-dazju tas-sisa għandha tagħmel dan li ġej:

(a) qabel l-oġġetti jiġu mibgħuta, tissottometti dikjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni u tiggarantixxi ħlas tad-dazju tas-sisa;

(b) tiżgura li meta l-oġġetti jitmexxew bejn l-Istati Membri, huma jkunu akkumpanjati minn dokument, minn hawn ‘il quddiem imsemmi d-"dokument li jakkumpanja";

(c) tħallas id-dazju tas-sisa ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni skond il-proċedura stabbilita minn dak l-Istat Membru;

(d) tagħti l-kunsens għal kwalunkwe verifiki li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni li jissodisfaw ruħhom li l-oġġetti tas-sisa ġew irċevuti verament u li d-dazju tas-sisa dovut fuqhom ikun tħallas.

4. Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), tadotta miżuri li jistabbilixxu l-forma u l-kontenut tad-dokument li jakkumpanja.

L-Artikolu 33

1. Fejn l-oġġetti tas-sisa diġà rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru jridu jitmexxew għal post tad-destinazzjoni f’dak l-Istat Membru u jgħaddu mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) dan it-tip ta’ moviment għandu jseħħ taħt kopertura tad-dokument li jakkumpanja u għandu jsegwi itinerarju xieraq;

(b) qabel ma l-oġġetti tas-sisa jintbagħtu, il-konsenjatur għandu jagħmel dikjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-post tat-tluq;

(c) il-konsenjatarju għandu jiċċertifika li jkun irċieva l-oġġetti skond ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet fiskali kompetenti tal-post tad-destinazzjoni;

(d) il-konsenjatur u l-konsenjatarju għandhom jagħtu l-kunsens għal kwalunkwe verifiki li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali rispettivi tagħhom li jissodisfaw ruħhom li l-oġġetti jkunu ġew irċevuti verament.

2. Fejn l-oġġetti tas-sisa jitmexxew frekwentement u regolarment taħt il-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ ftehim amministrattiv bilaterali, jawtorizzaw proċedura semplifikata.

sezzjoni 3il-bejgħ f’distanza

L-ARTIKOLU 34

1. L-oġġetti tas-sisa diġà rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed li jinxtraw minn persuni li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala individwi privati u li jiġu mibgħuta jew trasportati għal Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew f’ismu għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

2. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fil-ħin tat-twassil ta’ l-oġġetti tas-sisa.

3. Id-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jsir dovut mill-bejjiegħ.

4. Il-bejjiegħ għandu jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) jirreġistra l-identità tiegħu ma’ l-awtoritajiet fiskali ta’ l-Istat Membru minn fejn jintbagħtu l-oġġetti tas-sisa;

(b) qabel jintbagħtu l-oġġetti tas-sisa, jiggarantixxi l-ħlas tad-dazju tas-sisa fl-uffiċċju fiskali indikat speċifikament għall-iskop ta’ bejgħ f’distanza, mill-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(c) jindika fuq id-dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-konsenji ta’ l-oġġetti tas-sisa n-numru ta’ identifikazzjoni msemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5;

(d) fl-aħħar ta’ perjodu partikolari, li għandu jiġi ddeterminat minn kull Stat Membru, jibgħat lill-uffiċċju fiskali msemmi fil-punt (b) dokument li jelenka l-kwantitajiet ta’ oġġetti tas-sisa mwassla matul dak il-perjodu.

5. L-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jiddetermina l-kondizzjonijiet sabiex tiġi kkalkulata l-garanzija msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4.

Meta tiġi ppreżentata l-garanzija, il-bejjiegħ għandu jipproduċi d-dokument ta’ identifikazzjoni msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 4.

L-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu mbagħad jalloka numru ta’ identifikazzjoni lill-bejjiegħ.

6. Id-dokument imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 4 għandu jiġi ċċertifikat mill-awtoritajiet fiskali msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4, u, fejn xieraq, għandu jkun akkumpanjat mid-dokumenti amministrattivi u kummerċjali mitluba mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Id-dazju tas-sisa għandu jitħallas skond il-proċedura stabbilita mill-Istat Membru tad-destinazzjoni.

7. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, id-dazju tas-sisa fl-ewwel Stat Membru għandu jiġi rrimborżat jew mibgħut lura, fuq talba tal-bejjiegħ, fejn il-bejjiegħ ikun segwa l-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 4.

Fejn il-bejjiegħ ikun magazzinier awtorizzat, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-proċedura ta’ rimborż jew ta’ remissjoni tkun semplifikata.

8. Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), tistabbilixxi l-forma u l-kontenut tad-dokumenti msemmija fil-punti (a) u (d) tal-paragrafu 4 u għandha tiddetermina d-dejta li għandha tissemma fid-dokumenti kummerċjali msemmija fil-punt (c) ta’ dan.

sezzjoni 4il-qerda u t-telfien

L-ARTIKOLU 35

Fejn l-oġġetti tas-sisa jkunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 31(1), l-ewwel subparagrafu, jew fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 34(1), id-dazju m’għandux jitħallas fir-rigward ta’ l-oġġetti tas-sisa li jkunu soġġetti għal qerda totali jew telfien għal kollox.

It-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 7(4) għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti.

Il-garanzija ppreżentata skond l-Artikolu 32(3)(a) jew l-Artikolu 34(4)(b) għandha tiġi rilaxxata totalment jew parzjalment.

sezzjoni 5l-irregolaritajiet matul il-moviment ta’ oġġetti tas-sisa

L-ARTIKOLU 36

1. Fejn l-oġġetti tas-sisa li jkunu qiegħdin jimxu skond l-Artikolu 31(2) ma jaslux fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, id-dazju tas-sisa għandu jitħallas, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 31(1), fl-Istat Membru fejn il-moviment ikkonċernat ikun spiċċa jew fejn l-oġġetti jkunu telqu minn dak il-moviment.

Id-dazju għandu jkun dovut mill-persuna li tkun iggarantit il-ħlas tiegħu skond l-Artikolu 32(3)(a) jew l-Artikolu 34(4)(b).

Ladarba tiġi pprovduta prova li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat ikunu sabu li d-dazju tas-sisa huwa dovut, l-Istat Membru tar-rilaxx għall-konsum għandu jirrimborża jew jibgħat lura d-dazju tas-sisa; l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jirrilaxxa l-garanzija ppreżentata skond l-Artikolu 32(3)(a) jew l-Artikolu 34(4)(b).

Meta l-moviment jintemm fl-Istat Membru tar-rilaxx għall-konsum, jew l-oġġetti jitilqu minnu, l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jirrilaxxa l-garanzija ppreżentata skond l-Artikolu 32(3)(a) jew l-Artikolu 34(4)(b).

2. Meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat fejn il-moviment imsemmi fil-paragrafu 1 ikun intemm jew meta l-oġġetti jkunu telqu minn dak il-moviment, dak il-każ, minn hawn ‘il quddiem imsemmi "l-irregolarità", għandu jitqies li jkun seħħ fl-Istat Membru tar-rilaxx għall-konsum.

Madankollu, jekk qabel l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha jkunu ntbagħtu l-oġġetti, jiġi aċċertat f’liema Stat Membru tkun seħħet l-irregolarità, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tar-rilaxx għall-konsum.

Malli tiġi pprovduta evidenza tal-ġbir tad-dazju tas-sisa mill-Istat Membru l-ieħor, l-Istat Membru tar-rilaxx għall-konsum għandu jibgħat lura jew jirrimborża d-dazju li jkun impona jew ġabar.

3. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, fejn ma jkunx magħruf meta tkun seħħet l-irregolarità, għandha titqies li tkun seħħet fil-ħin li l-oġġetti tas-sisa jkunu ntbagħtu.

KAPITOLU VIMixxellanji

sezzjoni 1l-immarkar

L-ARTIKOLU 37

1. Bla ħsara għall-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-oġġetti tas-sisa jkollhom marki fiskali jew marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali użati għal skopijiet fiskali fil-ħin li jkunu rilaxxati għall-konsum fit-territorju tagħhom, jew, fil-każijiet ipprovduti fl-Artikolu 31(1), l-ewwel subparagrafu, u fl-Artikolu 34(1), meta jidħlu fit-territorju tagħhom.

2. Kwalunkwe Stat Membru li jirrikjedi l-użu ta’ marki fiskali jew ta’ marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali kif stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun meħtieġ li jagħmilhom disponibbli għall-magazzinieri awtorizzati ta’ l-Istati Membri l-oħra.

3. Bla ħsara għal kwanlunkwe dispożizzjonijiet li huma jistgħu jistabbilixxu sabiex jiżguraw li dan l-Artikolu jiġi implimentat kif xieraq u biex jipprevjenu kwalunkwe frodi, evażjoni jew abbuż, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-marki ma joħolqux ostakli għall-moviment ħieles ta’ l-oġġetti tas-sisa.

Meta dawn il-marki jsiru fuq oġġetti tas-sisa, kwalunkwe ammont imħallas jew garantit biex jinkisbu dawn il-marki għandu jiġi rimborżat, rimess jew rilaxxat mill-Istat Membru li jkun ħariġhom jekk id-dazju tas-sisa jkun sar ponibbli u nġabar minn Stat Membru ieħor.

4. Il-marki fiskali jew il-marki ta’ identifikazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1 għandom ikunu validi fl-Istat Membru li jkun ħariġhom. Madankollu, jista’ jkun hemm rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-marki bejn l-Istati Membri.

sezzjoni 2il-produtturi ż-żgħar ta’ l-inbid

L-ARTIKOLU 38

1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lil produtturi żgħar ta’ l-inbid mir-rekwiżiti tal-Kapitoli III u IV u mir-rekwiżiti l-oħra relatati mal-moviment u l-monitoraġġ. Fejn dawn il-produtturi żgħar infushom iwettqu tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet rilevanti tagħhom u jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2001[23].

2. ‘ Produtturi żgħar ta’ l-inbid ’ għandha tiftiehem li tfisser persuni li jipproduċu medja ta’ anqas minn 1 000 hl ta’ inbid kull sena.

3. Fejn produtturi żgħar ta’ l-inbid ikunu eżenti skond il-paragrafu 1, il-konsenjatarju għandu, permezz tad-dokument rikjest mir-Regolament (KEE) Nru 884/2001 jew b’referenza għalih, jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni bil-konsenji ta’ l-inbid irċevuti.

sezzjoni 3l-imħażen għad-dgħajjes u l-ajruplani

L-ARTIKOLU 39

Sakemm il-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar l-imħażen għad-dgħajjes u l-ajruplani, l-Istati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fuq is-suġġett.

KAPITOLU VIIId-dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 40

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imsemmi l-‘Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa’.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

L-Artikolu 41

Il-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa għandu, flimkien mal-kompiti tiegħu taħt l-Artikolu 40, jeżamina l-kwistjonijiet imqajma mill-president tiegħu, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru, dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar id-dazju tas-sisa.

L-Artikolu 42

Id-Direttiva 92/12/KEE hija rrevokata b’effett mill-[1 t’April 2009].

Ir-referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness.

L-Artikolu 43

Sal-[31 ta’ Diċembru 2009], l-Istati Membri minn fejn jintbagħtu l-oġġetti jistgħu jkomplu jippermettu li jinbdew movimenti ta’ oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa taħt kopertura tal-formalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 15(6) u fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 92/12/KEE.

Dawk il-movimenti kif ukoll ir-rilaxx tagħhom għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu kif ukoll għall-Artikolu 15(4) u (5) u għall-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/12/KEE. L-Artikolu 15(4) ta’ dik id-Direttiva għandu japplika fir-rigward tal-garanti kollha indikati skond l-Artikolu 17(1) ta’ din id-Direttiva.

L-Artikoli 20 sa 26 ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal dawk il-movimenti.

L-Artikolu 44

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard mit-[28 ta’ Frar 2009], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom mingħajr dewmien jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-[1 t’April 2009].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din it-tip ta’ referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din it-tip ta’ referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 45

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

L-Artikolu 46

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Tabella ta’ Korrelazzjoni 1: Id-Direttiva 92/12/KEE > Id-Direttiva l-ġdida |

L-Artikolu tad-Direttiva 92/12/KEE | L-Artikolu ġdid | L-Artikolu tad-Direttiva 92/12/KEE | L-Artikolu ġdid |

1 | 1 | 15(6) | 21 |

2 | 5, 6 | 16 | 18 |

3(1) | 1 | 17 | - |

3(2) | 2(2) | 18(1) | 20(1), 20(2), 27 |

3(3) | 2(3) | 18(2-6) | - |

4 | 4 | 19 | 20(3-5), 23, 24, 29 |

5(1) | 2(1), 7(2) | 20 | 9 |

5(2) | 7(2) | 21 | 37 |

5(3) | - | 22(1), 22(2) | 10 |

22(3) | 31(4) |

22(4) | 34(7) |

22(5) | - |

6(1) | 7(1), 7(2) | 23(1) | 11 |

23(1a) | 12 |

23(2) | - |

6(2) | 8 | 23(3) | - |

7 | 31, 32, 33 | 23(4) | - |

8 | 30 | 23(5) | 39 |

9 | 30 | 24 | 40, 41 |

10 | 34 | 25 | - |

11 | 14(1), 14(2) | 26 | - |

12 | 15(1) | 26a | - |

13 | 15(2) | 27 | - |

14 | 7(4), 7(5) | 28 | - |

15(1) | 16(1), 16(3) | 29 | 38 |

15(2) | - | 30 | - |

15(3) | 17 | 30a | - |

15(4) | 19(2) | 31 | 44, 45 |

15(5) | 20(8) | 32 | 46 |

.

Tabella ta’ Korrelazzjoni 2: Id-Direttiva l-ġdida > Id-Direttiva 92/12/KEE |

L-Artikolu ġdid | L-Artikolu tad-Direttiva 92/12/KEE | L-Artikolu ġdid | L-Artikolu tad-Direttiva 92/12/KEE |

1 | 1, 3(1) | 21 | 15(6) |

2(1-3) | 5(1), 3(2), 3(3) | 22 | Ġdid |

3 | Ġdid | 23 | 19 |

4 | 4 | 24 | 19 |

5, 6 | 2 | 25 | Ġdid |

7(1), 7(2) | 6(1), 5(1), 5(2) | 26 | Ġdid |

7(3) | Ġdid | 27 | 18(1) |

7(4), 7(5) | 14 | 28 | Ġdid |

8 | 6(2) | 29 | 19(2) |

9 | 20 | 30 | 8, 9 |

10 | 22(1), 22(2) | 31, 32, 33 | 7 |

31(4) | 22(3) |

34(7) | 22(4) |

11 | 23(1) | 34 | 10 |

12 | 23(1a) |

13 | Ġdid | 35 | Ġdid (COM/2004/227) |

14 | 11 | 36 | Ġdid (COM/2004/227) |

15 | 12, 13 | 37 | 21 |

16(1), 16(3) | 15(1) | 38 | 29 |

16(2) | Ġdid |

17 | 15(3) | 39 | 23(5) |

18 | 16 | 40 | 24(1-3) |

19(1) | Ġdid | 41 | 24(4) |

19(2) | 15(4) | 42 | Ġdid |

20(1), 20(2) | 18(1) | 43 | Ġdid |

20(3-5) | 19 | 44 | 31 |

20(6), 20(7) | Ġdid | 45 | 31 |

20(8) | 15(5) | 46 | 32 |

[1] ĠU L 76, 23.3.1992, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/106/KE(ĠU L 359, 4.12.2004, p. 30).

[2] ĠU L 162, 1.7.2003, p. 5.

[3] ĠU C 122, 30.4.2004, p. 44.

[4] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/75/KE(ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

[5] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[6] ĠU L 359, 4.12.2004, p. 1.

[7] ĠU L 276, 19.9.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1792/2006 (ĠU L 362, 20.12.2006, p. 1).

[8] ĠU L 184, 1.7.2003, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/512/KE, (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[9] ĠU C […], […], p. […].

[10] ĠU C […], […], p. […].

[11] ĠU C […], […], p. […].

[12] ĠU L 76, 23.3.1992, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/106/KE(ĠU L 359, 4.12.2004, p. 30).

[13] ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21.

Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005.

[14] ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29.

[15] ĠU L 291, 6.12.1995, p. 40. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2002/10/KE (ĠU L 46, 16.2.2002, p. 26).

[16] ĠU L 316, 31.10.1992, p. 8. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/117/KE (ĠU L 333, 20.12.2003, p. 49).

[17] ĠU L 316, 31.10.1992, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/117/KE.

[18] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/75/KE(ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

[19] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

[20] ĠU L 162, 1.7.2003, p. 5.

[21] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE(ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[22] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

[23] ĠU L 128, 10.5.2001 p. 32.

Top