EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0007

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Italja biex tapplika, fiż-żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użat għal raġunijiet ta’ tisħin skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

/* KUMM/2008/0007 finali */

52008PC0007




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.1.2008

KUMM(2008) 7 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Italja biex tapplika, fiż-żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użat għal raġunijiet ta’ tisħin skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

It-taxxa fuq prodotti ta’ l-enerġija u l-elettriku fil-Komunità hija regolata mid-Direttiva 2003/96/KE[1] (minn hawn ‘il quddiem id-“Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

Skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-taxxi tas-sisa għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.

L-għan ta' din il-proposta huwa li tawtorizza lill-Italja biex tapplika, f’żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għal raġunijiet ta’ tisħin biex ikunu parzjalment ikkumpensati l-ispejjeż ta’ tisħin ta’ persuni li joqgħodu f’dawk iż-żoni ġeografiċi. Il-livell għoli ta’ l-ispejjeż ta’ tisħin huwa kkawżat, kemm mill-kundizzjonijiet klimatiċi estremi u iebsin ħafna kif ukoll mill-insularità ta’ dawn iż-żoni, flimkien ma’ l-għażla limitata ta' fjuwils minħabba n-nuqqas ta' aċċess għan-netwerk tal-gass naturali.

- Kuntest ġenerali

B’ittra datata s-17 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Taljani talbu l-awtorizzazzjoni biex japplikaw, f’żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għal raġunijiet ta’ tisħin permezz ta’ prattika segwita taħt deroga provduta fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija, flimkien ma’ l-għaxar inċiż tal-punt 8 ta’ l-Anness II tad-Direttiva. Dan il-provvediment jawtorizza lill-Italja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2006, f’ċerti żoni, tapplika rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fuq il-fjuwil domestiku u l-LPG użati għat-tisħin. It-talba ta’ l-awtoritajiet Taljani saret qabel ma skadiet id-deroga li ssemmiet qabel. Iktar tagħrif u kjarifiki ġew pprovduti mill-awtoritajiet Taljani fil-5 ta’ Diċembru 2006, fit-13 ta’ Frar 2007, fit-18 ta’ April 2007, fis-7 ta’ Ġunju 2007, fis-27 ta’ Awwissu 2007, fl-1 ta’ Ottubru 2007 u fit-12 ta’ Novembru 2007.

Biex issaħħaħ it-talba tagħha għal deroga, l-Italja tenfasizza d-diversità fit-territorju tagħha li għandu klima u kundizzjonijiet ġeografiċi varjabbli. Fl-1999, l-Italja għolliet il-livell ġenerali tat-taxxi tas-sisa bħala parti minn riforma tas-sistema tat-taxxa tagħha. Fl-istess ħin, b’kont meħud tal-karatteristiċi partikolari tat-territorju tagħha, sabiex ikun evitat piż żejjed fuq ċerti konsumaturi, l-Italja introduċiet rati mnaqqsa ta’ taxxa f’ċerti partijiet tat-territorju tagħha għal-LPG u l-gażolju użati għal raġunijiet ta' tisħin. Bħalissa, it-tnaqqis tat-taxxa huwa ta’ EUR 129.11 għal kull 1000 litru għall-gażolju (b’hekk ir-rata tat-taxxa applikabbli titniżżel għal EUR 274.10 għal kull 1000 litru) u ta’ EUR 159.07 għal kull 1000 kg ta’ LPG (b’hekk ir-rata ta’ taxxa applikabbli titniżżel għal EUR 30.87 għal kull 1000 kg). Ir-rati ta’ taxxa applikabbli huma ogħla mill-livelli minimi tat-tassazzjoni mniżżla fid-Direttiva.

It-tnaqqis tat-taxxa huwa applikabbli f’żoni ġeografiċi li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

- Komuni li jaqgħu fiż-żona F kif iddefinit fid-digriet Presidenzjali Nru 412 ta’ l-1993. Dan id-digriet jaqsam it-territorju Taljan f’sitt żoni klimatiċi (minn A sa F). Il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-unità ta’ kejl ta’ “gradi tal-ġurnata” li tirrappreżenta it-total tat-temperaturi medji ta’ kuljum matul il-perjodu konvenzjonali ta’ tisħin li jvarjaw mit-temperatura ottima ta’ 20 C°. Iktar ma jkun għoli n-numru li jingħata lil komun, iktar tkun baxxa l-medja tat-temperatura barra matul il-perjodu ta’ tisħin. Komuni li jaqgħu fiż-żona tal-klima F huma definiti bħala komuni b’iktar minn 3000 “gradi tal-ġurnata”[2].

- Komuni li jaqgħu fiż-żona E kif definit fid-digriet Presidenzjali Nru 412 ta’ l-1993, sakemm in-netwerk tal-gass naturali ma jkunx disponibbli għall-komun ikkonċernat. Komuni li jaqgħu fiż-żona tal-klima E huma definiti bħala komuni b’bejn 2100 u 3000 “gradi tal-ġurnata”.

- Komuni fis-Sardinja u gżejjer żgħar, sakemm ma jkunx disponibbli netwerk ta’ gass naturali fil-komun ikkonċernat; din il-parti tar-reġim tkopri l-gżejjer Taljani kollha ħlief Sqallija.

Skond l-awtoritajiet Taljani, id-differenzjazzjoni tat-taxxa u l-għażla taż-żoni eliġibbli huma bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-intenzjoni hija li tkun żgurata kontinwità ġeografika mal-bqija tat-territorju Taljan, jiġifieri biex il-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli titqiegħed fuq livell iktar komparabbli mal-bqija tal-popolazzjoni Taljana permezz ta’ tnaqqis ta’ spejjeż għoljin iż-żejjed tat-tisħin. L-ammont tat-tnaqqis tat-taxxa huwa l-istess f’kull sitwazzjoni; l-għan huwa biss li jtaffi l-ispejjeż żejda tat-tisħin għall-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli li jirriżultaw minn klima kiesħa u/jew diffikultajiet fix-xiri tal-fjuwil.

Skond l-awtoritajiet Taljani, għaż-żoni klimatiċi E u F, it-tnaqqis tat-taxxa għandha medja ta’ 11-12 % tal-prezz tal-gażolju u l-LPG użati għal raġunijiet ta’ tisħin. Dawn iċ-ċifri għandhom jitqabblu mal-medja ta’ l-ispejjez tat-tisħin: dawn huma, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi, 90 % ogħla mill-medja nazzjonali fiż-żona klimatika E u 170 % ogħla mill-medja nazzjonali fiż-żona klimatika F.

Il-partikolarità tal- gżejjer hija fil-fatt li minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, il-forniment tal-fjuwil huwa limitat u dan iwassal għal prezzijiet ogħla minn dawk fl-Italja kontinentali minħabba l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport. L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li t-tnaqqis tat-taxxa ma jirriżultax f’kumpens żejjed u ma jaffettwax il-prezzijiet b'mod li dawk ta' l-LPG u l-gażolju jkunu orħos minn fl-Italja kontinentali. Skond il-kampjuni taċ-ċifri provduti mill-awtoritajiet Taljani, wara t-tnaqqis tat-taxxa l-prezz jibqa’ madwar bejn 2.5 EUR/hl u 4.5 EUR/hl ogħla minn fil-gżejjer kif imqabbel mal-prezzijiet għal-LPG fl-Italja kontinentali. Għall-gażolju, id-differenza fil-prezz hija iktar sinifikanti u f'xi każijiet, il-prezz finali fil-gżira jista’ jkun kważi doppju dak fuq l-art kontinentali.

Fl-aħħarnett, la darba n-netwerk tal-gass naturali jkun disponibbli fil-komun ikkonċernat (li huwa possibbli fil-komuni li jaqgħu fiż-żona klimatika E u f’xi gżejjer), skond l-opinjoni ta’ l-awtoritajiet Taljan dan inaqqas, sa ċertu punt, l-ispejjeż żejda ta' dawn iż-żoni. B’mod partikolari, dan itejjeb il-varjetà ta’ l-għażliet bejn il-fjuwils disponibbli għall-konsumaturi. Konsegwentement, l-awtoritajiet Taljani ma jipprevedux tnaqqis tat-taxxa fil-komuni fiż-żona klimatika E jew fil-gżejjer ikkonċernati wara li tintemm il-kostruzzjoni tan-netwerk tal-gass naturali fil-komun ikkonċernat. Fil-komuni fiż-żona klimatika F, li jinsabu l-iktar fir-reġjuni muntanjużi, in-netwerks tal-gass naturali jiżviluppaw b’mod li ma jkoprux iż-żona ġeografika kollha, jew kważi kollha, tal-komuni kkonċernati.. Għalhekk, kwalunke żvilupp ta’ dan it-tip, għal ħafna mill-abitanti, se jonqos milli jtejjeb il-varjetà tal-fjuwils disponibbli. Għalhekk, l-eliġibbiltà ta’ komun fiż-żona klimatika F mhijiex ikkundizjonata min-nuqqas ta' netwerk tal-gass naturali.

Il-miżura tikkorrispondi għal total baġitarju annwali ta’ madwar EUR 62 miljun. Il-popolazzjoni eliġibbli tammonta għal 4.4 miljun abitant. It-tnaqqis fit-taxxa jingħata fil-forma ta’ tnaqqis fil-preżż fil-mument ta’ l-akkwist ta’ prodotti ta’ l-enerġija mill-benefiċjarju (il-benefiċjarji huma r-residenti taż-żoni eliġibbli).

- Dispożizzjonijiet eżistenti fl-ambitu tal-proposta

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità għat-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku.

- Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħrajn ta' l-Unjoni

Kull talba għal deroga taħt l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija trid tiġi eżaminata mill-Kummissjoni li għandha tqis it-tħaddim tajjeb tas-suq intern, il-bżonn li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u l-politiki Komunitarji tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

Għaż-żoni ġeografiċi kkonċernati, il-livell nazzjonali standard tat-taxxa applikabbli għal-LPG u l-gażolji użati għal raġunijiet ta’ tisħin jirriżulta fi spejjeż għat-tisħin li jkunu kbar wisq meta mqabbla mal-bqija tat-territorju Taljan. Dan huwa minħabba l-kundizzjonijiet iebsin tal-klima jew l-insularità taż-żoni msemmija, flimkien man-nuqqas ta’ aċċess għan-netwerk tal-gass naturali bħala sorz alternattiv ta’ enerġija għat-tisħin.

Ir-rata mnaqqsa tat-taxxa tqis din il-pożizzjoni partikolari, fis-sens li ttaffi parzjalment l-ispejjeż addizzjonali għat-tisħin taż-żoni ġeografiċi kkonċernati, meta mqabbla mal-bqija tat-territorju Taljan.

Skond l-awtoritajiet Taljani, f’kull każ, it-tnaqqis jibqa’ inqas minn dawn l-ispejjeż addizzjonali. Fl-istess ħin, il-livelli ta’ taxxa li jibqgħu, xorta huma ogħla mil-livelli minimi Komunitarji stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija, kemm għall-gażolju kif ukoll għal-LPG.

Għalhekk, jista’ jkun kkunsidrat li t-tnaqqis huwa kompatibbli ma’ l-effett ta’ l-inċentiv tat-taxxa bil-ħsieb ta’ effiċjenza fl-użu ta’ l-enerġija u aspetti oħra tal-politika dwar l-enerġija. Jirriżulta li l-miżura hija kompatibbli mal-politiki Komunitarji rilevanti dwar l-ambjent u l-enerġija.

Barra minn hekk, il-miżura hija aċċettabbli mill-aspett tat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u l-ħtieġa biex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta. Il-miżura tipprova biss ittaffi parzjalment l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin assoċjati mal-kundizzjonijiet oġġettivi taż-żoni kkonċernati. It-tnaqqis tat-taxxa ma jistax jiġi akkumulat ma xi tip ieħor ta’ tnaqqis ta' taxxa u ma japplikax għal użu ieħor ta’ tisħin ħlief għal dak tal-kmamar.

Skond l-awtoritajiet Taljani l-ammont benefiċċju fiskali għall-utenti kummerċjali, f’kull każ partikulari huwa kopert bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna de minimis[3]. Madankollu, fil-każ li l-benefiċju għal kwalunkwe impriża unika jaqbeż il-limitu stabbilit f’dak ir-regolament, dan ikun notifikat lill-Kummissjoni skond ir-Regolament (KE) 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixii regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE[4]. L-Artikolu 19(2) tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija jipprevedi li l-miżuri adottati skond id-dispożizzjoinijiet tagħha jridu jkunu limitati biż-żmien, u jistabbilixxi perjodu massimu ta' 6 snin, bil-possibilità ta' tiġdid. Flistadju attwali, jidher xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni għal sitt snin.

Għandu jkun żgurat li l-Italja tkun tista’ tapplika, bla ebda xkiel, it-tnaqqis speċifiku msemmi f’din il-proposta segwitu tas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 18 tad-Direttiva, li għandu jinqara flimkien ma’ l-Anness II tad-Direttiva, qabel l-1 ta’ Jannar 2007. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b’effett minn dik id-data.

2) KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

- Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-proposta tikkonċerna lill-Italja biss.

- Ġbir u użu ta' għarfien espert

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal kompetenza esterna.

- Valutazzjoni ta' l-impatt

Din il-proposta tikkonċerna l-awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali wara li jagħmel talba.

3) L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Taqsira ta' l-azzjoni proposta

Il-proposta għandha l-għan li tawtorizza lill-Italja għal deroga mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE u biex ikunu applikati, f’ċerti żoni karatterizzati mil-livell għoli ta' spejjeż ta' tisħin, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin.

- Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

- Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-qasam tat-taxxa indiretta kopert fl-Artikolu 93 KE mhux fih innifsu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 5 KE.

Madankollu, li l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi konkorrenti tagħhom f’dan il-qasam huwa limitat ħafna mil-liġi Komunitarja eżistenti. Skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill biss jista' jawtorizza lill-Istat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fi ħdan it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill.

Il-proposta tikkonforma għalhekk mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

- Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx l-ispejjeż addizzjonali involuti.

- Għażla ta' strumenti

Strument(i) propost(i): Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96 għandu dispożizzjoni għal din it-tip ta’ miżura biss.

4) IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv fuq il-Komunità. Għalhekk, il-proposta m'għandha l-ebda impatt fuq il-baġit Komunitarju.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Italja biex tapplika, fiż-żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użat għal raġunijiet ta’ tisħin skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku,[5] u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, li jinqara flimkien ma’ l-Anness II għal dik id-Direttiva, l-Italja kienet awtorizzata biex tapplika f’ċerti “żoni li huma partikolarment żvantaġġati” rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fuq il-fjuwil domestiku u l-LPG użati għat-tisħin. Id-deroga kienet applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2006.

(2) B’ittra datata s-17 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Taljani talbu l-awtorizzazzjoni, taħt l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, biex japplikaw, fi ħdan l-istess żoni ġeografiċi, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin. L-Italja tixtieq tkompli, wara l-31 ta’ Diċembru 2006, il-prattika nazzjonali tagħha li timxi mad-deroga msemmija hawn fuq. Din l-awtorizzazzjoni hija mitluba għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(3) L-Italja għandha territorju li jvarja ħafna b'kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi varjabbli. Fl-1999, l-Italja għolliet il-livell ġenerali tat-taxxi tas-sisa bħala parti minn riforma tas-sistema tat-taxxa tagħha. Billi jitqiesu l-partikolaritajiet tat-territorju tagħha, fl-istess ħin, l-Italja introduċiet rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-gażolju u l-LPG bil-ħsieb li ttaffi ftit l-ispejjeż għoljin iż-żejjed tat-tisħin li jkollhom iħallsu r-residenti ta’ ċerti żoni ġeografiċi.

(4) Id-differenzjazzjoni tat-taxxa għandha l-għan li tqiegħed il-popolazzjoni ta’ żoni eliġibbli fuq livell li jista’ jitqabbel mal-bqija tal-popolazzjoni Taljana permezz tat-tnaqqis ta’ spejjeż ta’ tisħin li huma għoljin iż-żejjed. Għall-finijiet ta’ l-identifikazzjoni taż-żoni eliġibbli, l-Italja qed tiffoka fuq il-kriterji oġġettivi, li jittrattaw il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona kkonċernata kif ukoll l-aċċess għan-netwerk tal-gass naturali. Dan il-kriterju ta’ l-aħħar jirrifletti l-għażla bejn il-fjuwils disponibbli għall-popolazzjoni taż-żona konċernata.

(5) Għalhekk, it-tnaqqis tat-taxxa huwa applikabbli f’żoni ġeografiċi (komuni) li jissodisfaw il-kriterji alternattivi li ġejjin: i) komuni li jaqgħu fiż-żona klimatika F kif definit fid-digriet Presidenzjali Nru 412 ta’ l-1993[6], jiġifieri komuni b’iktar minn 3000 “gradi tal-ġurnata”, ii) komuni li jaqgħu fiż-żona E kif definit fid-digriet Presidenzjali Nru 412 ta’ l-1993, jiġifieri l-komuni b’2100 sa 3000 “gradi tal-ġurnata”[7]; iii) Sardinja u gżejjer żgħar; din l-aħħar parti tar-reġim tkopri l-gżejjer Taljani kollha ħlief Sqallija. Peress li sa ċertu punt l-iżvilupp tan-netwerk tal-gass naturali se jnaqqas l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin, u b’mod partikolari se jtejjeb il-varjetà ta’ għażliet bejn il-fjuwils disponibbli għall-konsumaturi, it-tnaqqis mhux se japplika iktar fil-komuni li jaqgħu taħt it-tieni u t-tielet żoni msemmija hekk kif jintemm dan l-iżvilupp fil-komun ikkonċernat.

(6) Il-karatteristika komuni tal-komuni kkonċernati hija l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin meta mqabbla mal-bqija ta’ l-Italja. Fiż-żoni klimatiċi E u F, it-tnaqqis tat-taxxa huwa ekwivalenti għal medja ta’ 11-12 % tal-prezz tal-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin. Il-medja ta’ l-ispejjeż tat-tisħin huma, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi, 90 % ogħla mill-medja nazzjonali fiż-żona E u 170 % ogħla mill-medja nazzjonali fiż-żona klimatika F. L-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin fil-gżejjer, meta mqabbla ma dawk fl-Italja kontinentali, jirriżultaw mill-partikolaritajiet ġeografiċi tagħhom, forniment limitat tal-fjuwil u spejjeż addizzjonali tat-trasport u konsegwentement il-prezzijiet ogħla tal-fjuwil kif mqabbla ma’ l-Italja kontinentali.

(7) F’kull każ, it-tnaqqis tat-taxxa jibqa’ inqas mill-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin li jkollha tħallas il-popolazzjoni kkonċernata, sabiex ma jkun hemm l-ebda każ ta' kumpens żejjed f'din il-kwistjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li t-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx l-ammont ta’ l-ispejjeż żejda taż-żoni E u F dovuti għall-klima kiesħa; barra minn hekk, d’dak li għandu x’jaqsam mal-gżejjer, huma ddikjaraw li t-tnaqqis tat-taxxa ma jirriżultax fi tnaqqis tal-prezz tal-fjuwils ikkonċernati li jwassal għal prezz inqas minn dak ta’ l-istess fjuwil fl-Italja kontinentali.

(8) Ir-rata mnaqqsa tat-taxxa kemm għall-gażolju kif ukoll għal-LPG tibqa’ ogħla mill-livelli Komunitarji minimi tat-taxxa stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE.

(9) Il-miżura kkonċernata tapplika biss għat-tisħin ta’ kmamar (kemm għal individwi privati kif ukoll għal negozji); ma tapplikax għal forom oħra ta’ użu kummerċjali ta' dawn il-prodotti.

(10) Instab li l-miżura ma xxekkilx il-kompetizzjoni u ma ttellifx l-operazzjoni tas-suq intern u ma titqiesx inkompatibbli mal-politika Komunitarja dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(11) Għalhekk, l-Italja għandha tkun awtorizzata, skond l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, biex tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin f’ċerti żoni ġeografiċi karaterizzati bil-livell għoli ta’ spejjeż tat-tisħin, kif indikat fl-anness għal din id-deċiżjoni, u dan għandu jkun applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(12) Għandu jkun żgurat li l-Italja tkun tista’ tapplika, bla ebda xkiel, it-tnaqqis speċifiku msemmi f’din il-proposta segwitu tas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96/KE, li għandu jinqara flimkien ma’ l-Anness II tad-Direttiva, qabel l-1 ta’ Jannar 2007. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’hekk l-Italja hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati fit-tisħin tal-kmamar f’ċerti żoni ġeografiċi karatterizzati mil-livell għoli ta’ l-ispejjeż tat-tisħin, kif spjegat fl-anness għal din id-deċiżjoni.

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe kumpens żejjed, it-tnaqqis m’għandhux ikun iktar mill-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin taż-żoni kkonċernati.

Ir-rata mnaqqsa għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, u b’mod partikolari l-livelli minimi ta’ taxxa stabbiliti fl-Artikolu 9 ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 2

Il-konsum f’komuni fiż-żoni msemmija fil-punt 2 jew 3 ta' l-anness għal din id-deċiżjoni għandu jkun eliġibbli biss sakemm il-komun ikkonċernat ma jkollux netwerk tal-gass naturali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' l-Italja.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Ħarsa ġenerali lejn iż-żoni ġeografiċi kkonċernati b’din id-deċiżjoni

1. Komuni li jaqgħu fiż-żona klimatika F kif stabbilit bid-Digriet Presidenzjali tas-26 ta’ Awwissu 1993 Nru 412.

2. Komuni li jaqgħu fiż-żona klimatika E kif stabbilit bid-Digriet Presidenzjali tas-26 ta’ Awwissu 1993 Nru 412.

3. Komuni tas-Sardinja u gżejjer żgħar[8].[pic][pic][pic]

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283 tal-31.10.2003 p. 51; Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttivi 2004/74/KE u 2004/75/KE (ĠU L 157 tat-30 ta' April 2004, p. 87 u p.100).

[2] Il-bqija taż-żoni klimatiċi huma definiti f’termini ta’ “gradi tal-ġurnata” kif ġej: Żona A (inqas minn 600), Żona B (iktar minn 600, iżda mhux iktar minn 900), Żona C (iktar minn 900, iżda mhux iktar minn 1400) u Żona D (iktar minn 1400, iżda mhux aktar minn 2100).

[3] ĠU L 379 28.12.2006, p 5.

[4] ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

[5] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51

[6] Dan id-digriet jaqsam it-territorju Taljan f’sitt żoni klimatiċi (minn A sa F). Il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-unità ta’ kejl ta’ “gradi tal-ġurnata” li tirrappreżenta t-total tat-temperaturi medji ta’ kuljum matul il-perjodu konvenzjonali ta’ tisħin li jvarjaw mit-temperatura ottima ta’ 20 C°. Iktar ma jkun għoli n-numru li jingħata lil komun, iktar tkun baxxa l-medja tat-temperatura barra matul il-perjodu ta’ tisħin.

[7] Iż-żoni klimatiċi li jifdal huma definiti f’termini ta’ “gradi tal-ġurnata” kif ġej: Żona A (inqas minn 600), Żona B (iktar minn 600, iżda mhux iktar minn 900), Żona C (iktar minn 900, iżda mhux iktar minn 1400) u Żona D (iktar minn 1400, iżda mhux aktar minn 2100).

[8] Il-Punt 3 jirreferi għall-gżejjer Taljani kollha ħlief għal Sqallija.

Top