Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IR0235

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-diplomazija tal-bliet

    ĠU C 120, 28.5.2009, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 120/1


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-diplomazija tal-bliet

    2009/C 120/01

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jagħraf ir-rwol vitali u dejjem jikber tad-diplomazija tal-bliet, li b’mod ġenerali tista’ tiġi definita bħala strument li bih l-awtoritajiet lokali u l-korpi tagħhom jistgħu jħeġġu l-koeżjoni soċjali f’livell dinji, jippromovu s-sostenibilità ambjentali, jimpedixxu l-kriżijiet, isolvu l-konflitti u jagħtu s-sehem tagħhom fir-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ wara l-konflitti, bil-għan li jinħoloq ambjent stabbli li fih iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi fi klima ta’ demokrazija, progress u prosperità;

    jagħraf li fi żminijietna, id-diplomazija mhijiex espressa u mħaddma mill-gvernijiet nazzjonali biss, u li fid-dawl tal-bżonn għad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni biex niksbu l-objettivi tal-paċi, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha, il-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali hija naturali u meħtieġa biex niksbu approċċi u strateġiji aktar effiċjenti f’diversi livelli. Il-bliet – żgħar u kbar – jaqdu rwol importanti fil-kooperazzjoni internazzjonali peress li jaħdmu flimkien ma’ muniċipalitajiet oħra f’netwerks internazzjonali;

    huwa tal-fehma li fil-kuntest usa’ tal-kooperazzjoni transkonfinali, u dak tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija b’mod partikolari, huwa possibbli li tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jitqiesu għadd ta’ kwistjonijiet, politiki u, fuq kollox, attivitajiet li huma fil-kompetenza tad-diplomazija tal-bliet;

    jilqa’ l-qawmien mill-ġdid tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u jenfasizza l-importanza li din l-isħubija tissaħħaħ b’dimensjoni ta’ djalogu bejn l-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri tal-UE u l-imsieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-Mediterran, kif ukoll fl-Ewropa tal-Lvant;

    jenfasizza l-importanza li jista’ jkollha l-esperjenza li kisbet l-UE fil-qasam tat-trasferiment tal-għarfien fl-oqsma kollha fejn tista’ titħaddem id-diplomazija tal-bliet, fosthom il-gvernanza tajba, il-promozzjoni tat-trasparenza, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp lokali, l-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, iż-żgħażagħ, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u d-djalogu interkulturali.

    Rapporteur

    :

    is-Sinjura Eleni Loucaides (CY/PPE)

    Kunsillier Muniċipali ta’ Nikosja

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    bħala l-istituzzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri, u fuq il-bażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    1.

    filwaqt li jagħraf ir-rwol vitali u dejjem jikber tad-diplomazija tal-bliet, li b’mod ġenerali tista’ tiġi definita bħala strument li bih l-awtoritajiet lokali u l-korpi tagħhom jistgħu jħeġġu l-koeżjoni soċjali f’livell dinji, jippromovu s-sostenibilità ambjentali, jimpedixxu l-kriżijiet, isolvu l-konflitti u jagħtu s-sehem tagħhom fir-rikonstruzzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ wara l-konflitti, bil-għan li jinħoloq ambjent stabbli li fih iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi fi klima ta’ demokrazija, progress u prosperità;

    2.

    filwaqt li jagħraf li dan ir-rwol huwa rikonoxxut fil-livell internazzjonali u li bosta bliet, awtoritajiet lokali u awtoritajiet pubbliċi oħrajn fl-Istati Membri tal-UE ilhom ħafna snin iħaddmu d-diplomazija fil-bliet u li, mogħnija b’għarfien iddettaljat tal-qasam, jaqdu rwol ċentrali u jagħtu sehem effettiv fil-ħolqien ta’ alleanzi biex jiffaċilitaw id-djalogu u jimpedixxu l-konflitti, fil-promozzjoni tas-sejbien ta’ soluzzjoni għal dawn il-konflitti, fir-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni meħtieġa wara l-konflitti, u fl-iżvilupp tal-pajjiżi terzi kemm fil-kontinent Ewropew, b’mod partikolari fil-Balkani, kif ukoll fil-Lvant Nofsani, fl-Amerika Latina, fl-Afrika u fil-bqija tad-dinja;

    3.

    filwaqt li jagħraf li kulma jmur id-dinja qed issir dejjem aktar urbanizzata u kumplessa u li l-bliet u l-awtoritajiet lokali tagħhom qed ikunu fuq quddiem nett f’ambjent multikulturali, fil-ħidma tagħhom għad-drittijiet taċ-ċittadini, għat-tnaqqis tat-tensjonijiet, għas-sejbien ta’ soluzzjoni għall-konflitti, għall-promozzjoni tad-djalogu bejn il-kulturi, ir-reliġjonijiet, l-Istati u l-popli, u għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità;

    4.

    filwaqt li jagħraf li fi żminijietna, id-diplomazija mhijiex espressa u mħaddma mill-gvernijiet nazzjonali biss, u li fid-dawl tal-bżonn għad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni biex niksbu l-objettivi tal-paċi, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha, il-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali hija naturali u meħtieġa biex niksbu approċċi u strateġiji aktar effiċjenti f’diversi livelli;

    5.

    filwaqt li jagħraf li l-bliet – żgħar u kbar – jaqdu rwol importanti fil-kooperazzjoni internazzjonali peress li jaħdmu flimkien ma’ muniċipalitajiet oħra f’netwerks internazzjonali. Huwa importanti li nsemmu, madankollu, li l-bliet iwettqu dawn il-kompiti fuq l-inizjattiva tagħhom stess;

    6.

    filwaqt li fl-istess ħin jagħraf li d-diplomazija tal-bliet u, b’mod aktar wiesa’, il-kooperazzjoni deċentralizzata, imorru id f’id f’dik li hija l-promozzjoni tal-paċi u l-fehim bejn il-popli, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jsaħħu l-inizjattivi favur il-koeżistenza u t-tqarrib bejn l-istati u l-popli, u li l-ħidma tagħhom issir dejjem fil-kuntest tal-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni Ewropea;

    7.

    filwaqt li jinsab imħasseb dwar l-isfidi l-ġodda li qed iħabbat wiċċu magħhom il-bniedem, fosthom il-bidla fil-klima u d-diżastri naturali, in-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma tax-xorb u riżorsi naturali oħra, il-periklu li jfeġġ mard pandemiku, il-ġuħ, il-faqar, iż-żieda kontinwa tal-migrazzjonijiet li qed iqanqlu mewġa ta’ estremiżmu fis-soċjetajiet tagħna, ta’ intolleranza u tensjonijiet bejn komunitajiet ta’ kulturi, oriġini etniċi, reliġjonijiet u tradizzjonijiet differenti, li ta’ spiss joħolqu konflitti interni u esterni, u filwaqt li jemmen li jenħtieġ li jiġi adottat approċċ komuni u li tittieħed azzjoni kollettiva;

    8.

    filwaqt li huwa impenjat biex jippromovi l-iżvilupp sostenibbli fil-bliet u t-territorji tagħna, permezz ta’ approċċ aktar ġust, imsejjes fuq l-għaqda u li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa ta’ kull razza, kultura u reliġjon, u fl-istess waqt jirrispetta l-ħtieġa ta’ aċċess għat-tagħlim u s-suq tax-xogħol, bil-għan li jissaħħu l-proċeduri demokratiċi u l-awtonomija lokali, li huma fatturi essenzjali għall-ħolqien ta’ dinja aktar magħquda u paċifika;

    9.

    filwaqt li jagħraf li l-konflitti, li mal-medda taż-żmien inbidlu fin-natura tagħhom, jitfgħu piż kontinwu fuq l-awtoritajiet lokali biex jassiguraw il-bennesseri taċ-ċittadini tagħhom u li d-djalogu u l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell internazzjonali jistgħu jikkontribwixxu għall-fehim reċiproku, għall-promozzjoni ta’ għanijiet komuni u għas-soluzzjoni tal-konflitti, hi x’inhi l-kawża tagħhom;

    10.

    filwaqt li jagħraf li huma ċ-ċittadini u l-komunitajiet lokali li jbatu meta l-gvernijiet ċentrali jonqsu milli jqanqlu djalogu sabiex isolvu l-problemi b’mod kostruttiv biex b’hekk iġibu lura l-ordni u l-istabilità;

    11.

    filwaqt li jagħraf ukoll li l-awtoritajiet lokali, li huma l-istituzzjoni l-aktar qrib taċ-ċittadin, jafu bil-ħtiġijiet tal-poplu u għalhekk huma l-aħjar awtorità biex tiddetermina tissodisfa dawn il-ħtiġijiet, fi żminijiet ta’ kriżi jew konflitt, iżda wkoll biex tieħu miżuri preventivi kontrihom;

    12.

    filwaqt li jemmen li huwa d-dmir tal-awtoritajiet lokali li jaħdmu għal-libertà, id-demokrazija u l-progress u b’hekk jagħtu sehemhom fl-iżvilupp internazzjonali u l-kisba tal-paċi;

    13.

    filwaqt li jagħraf li l-UE, u l-politiki tagħha, bħal pereżempju l-Politika Ewropea tal-Viċinat, ser isibu diffikultajiet kbar biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom jekk ma jirnexxilniex insolvu l-konflitti li jagħmlu l-kooperazzjoni reġjonali tant diffiċli, jekk mhux impossibbli;

    14.

    filwaqt li jagħraf li s-sensibilizzazzjoni u l-influwenza tad-diplomazija tal-bliet – li kulma jmur qed isiru aktar b’saħħithom – ġew rikonoxxuti dan l-aħħar, fil-kuntest tal-ewwel Konferenza Dinjija dwar id-Diplomazija tal-Bliet, li saret fl-Aja bejn il-11 u t-13 ta’ Ġunju 2008, fejn ġew diskussi r-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-prevenzjoni tal-konflitti, il-proċess tal-paċi u l-kostruzzjoni u l-istrutturar mill-ġdid wara l-konflitti; il-Kumitat tar-Reġjuni kien rappreżentat f’din il-konferenza;

    15.

    filwaqt li jagħraf li l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kunsill tal-Muniċipji u r-Reġjuni Ewropej, il-Kumitat tad-Diplomazija tal-Bliet, tal-Konsolidazzjoni tal-Paċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan l-assoċjazzjoni “Bliet u Gvernijiet Lokali Magħquda”, l-Assoċjazzjoni tal-Aġenziji tad-Demokrazija Lokali, il-moviment dinji tas-Sindki għall-Paċi, l-aġenziji kompetenti tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Glocal Forum u istituzzjonijiet u NGOs oħra huma pijunieri f’dan il-qasam u wettqu ħidma responsabbli;

    16.

    jitlob lill-gvernijiet lokali kollha jikkunsidraw bir-reqqa r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward taż-żamma tal-paċi u l-ġustizzja u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, biex b’hekk joħolqu bliet magħquda għal dinja magħquda;

    17.

    itenni l-bżonn ta’ mekkaniżmi ta’ għajnuna aktar trasparenti u effettivi fil-livell internazzjonali, ta’ proċeduri ssemplifikati u, fuq kollox, il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-għodod rilevanti;

    18.

    bi pjaċir jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikata fit-8 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol akbar fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-iżvilupp fl-UE u dwar il-ħtieġa ta’ djalogu strutturat bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-Kummissjoni taħt il-patroċinju tal-Kumitat tar-Reġjuni;

    19.

    jilqa’ wkoll ir-referenza li l-komunikazzjoni msemmija hawn fuq tagħmel għall-ħolqien ta’ pjattaforma ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE kif issuġġerixxa l-Kumitat tar-Reġjuni;

    20.

    jisħaq li l-UE għandha interess dirett li tfittex li ssolvi l-konflitti u l-problemi reġjonali li jnaqqru s-sigurtà tal-Ewropa, u li timpedixxi l-flussi migratorji bla rażan u interruzzjonijiet fil-provvisti tal-enerġija, u li tippromovi l-paċi fid-dinja b’mod ġenerali;

    21.

    itenni t-twemmin tiegħu li r-relazzjonijiet mal-ġirien jistgħu jkunu hienja u siguri biss permezz ta’ kooperazzjoni effettiva fil-livell lokali u reġjonali;

    22.

    jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini, kemm b’mod preventiv kif ukoll f’sitwazzjonijiet li jinħolqu mill-konflitti;

    23.

    huwa tal-fehma li fil-kuntest usa’ tal-kooperazzjoni transkonfinali, u dak tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija b’mod partikolari, huwa possibbli li tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jitqiesu għadd ta’ kwistjonijiet, politiki u, fuq kollox, attivitajiet li huma fl-kompetenza tad-diplomazija tal-bliet;

    24.

    jilqa’ l-qawmien mill-ġdid tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u jenfasizza l-importanza li din l-isħubija tissaħħaħ b’dimensjoni ta’ djalogu bejn l-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri tal-UE u l-imsieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-Mediterran, kif ukoll fl-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu fejn ta’ min wieħed isemmi li l-UE qed taqdi rwol importanti fil-promozzjoni tal-proċess ta’ paċi u l-għoti ta’ għajnuna umanitarja minn mindu beda l-ġlied f’din iż-żona f’Awwissu 2008;

    25.

    itenni l-ħsieb li għandu li jħeġġeġ il-ħolqien tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja, bil-għan li tingħata aktar saħħa lill-Proċess ta’ Barċellona u l-Unjoni għall-Mediterran, kif iddeċieda l-Kunsill Ewropew f’Pariġi fit-13 ta’ Lulju, bil-ħsieb li, fost affarijiet oħra, jippromovi l-objettivi tad-diplomazija tal-bliet;

    26.

    jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni aħħarija tal-konferenza ministerjali tal-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, li saret fit-3-4 ta’ Novembru 2008 f’Marsilja, li taċċetta l-proposta li saret mill-Forum tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali li sar fit-22-23 ta’ Ġunju f’Marsilja, u li hija sostnuta fl-opinjoni tal-KtR tat-8 ta’Ottubru, u jimpenja ruħu biex jinvolvi l-Assemblea Ewro-Mediterranja tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali (EMRLA) fl-Unjoni għall-Mediterran ladarba titwaqqaf;

    27.

    jagħraf li minkejja l-esperjenza li għandhom il-partijiet kollha involuti u r-rwol kostruttiv u essenzjali tagħhom, ma jeżisti l-ebda mudell preċiż biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tad-diplomazija tal-bliet;

    28.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għadu diffiċli li wieħed jidentifika b’mod preċiż il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw is-suċċess jew il-falliment tal-azzjonijiet li jittieħdu favur id-diplomazija tal-bliet; għaldaqstant, jemmen li l-approċċ użat għandu jkun adattat għal kull sitwazzjoni u jkun flessibbli, b’tali mod li jkun jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ ambjent dejjem jinbidel;

    29.

    huwa konvint li l-atturi involuti fid-diplomazija tal-bliet għandhom jifhmu li dan huwa proċess kumpless li jeħtieġ jaħdem id f’id ma’ sforzi oħra, u li huwa importanti li jifhmu tajjeb iċ-ċirkustanzi speċifiċi taż-żona tal-konflitt u l-kuntest storiku tal-konflitt, u li jiġi assigurat li jingħata l-kunsens tal-awtoritajiet lokali kkonċernati għal kull inizjattiva jew azzjoni li jixtiequ jwettqu;

    30.

    huwa tal-fehma li l-esperjenza u l-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam huma essenzjali u jerġa’ jisħaq fuq il-bżonn ta’ appoġġ politiku u tekniku aktar b’saħħtu bil-għan li tiġi assigurata l-kooperazzjoni transkonfinali dejjiema tal-Istati ġirien tal-UE fil-livell tal-awtoritajiet lokali; jitlob l-Istati Membri u l-pajjiżi involuti biex jużaw bis-sħiħ il-programm TAIEX u l-istrumenti l-oħra marbuta mal-ġemellaġġ u programmi oħra bħall-Ewropa għaċ-Ċittadini (2007-2013), sabiex jitħejjew is-sisien meħtieġa għal approċċ fil-livell tad-diplomazija tal-bliet;

    31.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa possibbli li jiġu organizzati skambji ta’ uffiċjali mill-awtoritajiet lokali bejn l-Istati Membri tal-UE bil-għan li tiġi mħeġġa d-dimensjoni tad-diplomazija tal-bliet iżda wkoll kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar sfiqa bejniethom, biex b’hekk jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jinħolqu netwerks ta’ attivitajiet;

    32.

    jenfasizza l-importanza li jista’ jkollha l-esperjenza li kisbet l-UE fil-qasam tat-trasferiment tal-għarfien fl-oqsma kollha fejn tista’ titħaddem id-diplomazija tal-bliet, fosthom il-gvernanza tajba, il-promozzjoni tat-trasparenza, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp lokali, l-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, iż-żgħażagħ, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u d-djalogu interkulturali;

    33.

    isostni li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikomplu jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u mas-soċjetà ċivili għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-gruppi żvantaġġati kollha li jgħixu fil-muniċipji, u jistieden b’mod partikolari lill-pajjiżi involuti fil-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja biex ikunu aktar miftuħa għall-kontribut tas-soċjetà ċivili, tal-awtoritajiet lokali, u għaldaqstant, id-diplomazija tal-bliet;

    34.

    huwa tal-fehma li għalkemm l-atturi internazzjonali għandhom isaħħu u jiffaċilitaw it-tħaddim tad-diplomazija tal-bliet, ma għandha titwaqqaf l-ebda struttura ġdida sakemm ma tkunx assolutament indispensabbli u biss biex taqdi ħtiġijiet speċfiċi;

    35.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Kooperazzjoni Deċentralizzata ssegwi mill-qrib l-iżviluppi f’dan il-qasam, tħeġġeġ il-komunikazzjoni bejn il-korpi involuti u n-netwerks Ewropej u internazzjonali u l-NGOs, u jekk ikun il-każ, tispeċifika liema huma dawk ir-reġjuni fejn tista’ tiġi applikata d-diplomazija tal-bliet, u fejn il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jaqdi rwol ta’ katalista;

    36.

    jipproponi li jinforma lill-UE bil-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’reġjuni milqutin mill-konflitti, u jitlobha tieħu sehem aktar attiv biex issolvi dawn il-konflitti billi tappoġġja d-diplomazija tal-bliet u l-miżuri meħuda f’dan il-kuntest;

    37.

    jistieden ukoll lill-UE tinkorpora d-diplomazija tal-bliet fl-aġenda ta’ laqgħat tagħħa mal-korpi internazzjonali responsabbli;

    38.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi l-programmi reġjonali bil-għan li tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-korpi kollettivi tagħhom fid-diplomazija tal-bliet sabiex jiġu promossi l-objettivi u l-prinċipji komuni;

    39.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa li jfassal Karta Ewropea dwar id-Diplomazija tal-Bliet, u l-proġett li jitwaqqaf fond bħala appoġġ għad-diplomazija tal-bliet; jitlob lill-UE tixtarr il-possibilità li jinħoloq strument ta’ finanzjament għat-tisħiħ tal-miżuri ta’ diplomazija tal-bliet u l-promozzjoni tad-diplomazija tal-bliet b’mod aktar ġenerali;

    40.

    fid-dawl tar-rispons qawwi għall-avveniment Open Days – Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet li jsir kull sena, jipproponi li jitħejja seminar ta’ informazzjoni speċifiku dwar id-diplomazija tal-bliet, biex jiġi inkorporat fil-programm tal-edizzjoni tal-2009;

    41.

    jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri fuq id-diplomazija tal-bliet, billi jenfasizza d-dedikazzjoni tagħha għall-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-inizjattivi marbuta mad-diplomazija tal-bliet, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll multilaterali, minħabba li dawn fihom innifishom huma strumenti promettenti ħafna għat-tisħiħ tad-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell internazzjonali u fil-qafas ġenerali tal-politika barranija tal-Istati Membri, u b’hekk jirfdu l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili favur il-paċi dejjiema;

    42.

    ser jinforma lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Esterna u ta’ Sigurtà Komuni, lill-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni, lill-Kummissarju għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja u lill-President tal-Parlament Ewropew dwar il-kontenut ta’ din l-opinjoni, u ser jenfasizza r-rwol li għandu l-ħsieb li jaqdi fid-diplomazija tal-bliet u l-benefiċċji għall-UE fir-rigward tat-tisħiħ tal-politika esterna tagħha u l-kisba tal-objettivi ta’ paċi, sigurtà u stabilità.

    Brussell, 12 ta’ Frar 2009.

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    Top