EUR-Lex Der Zugang zum EU-Recht

Zurück zur EUR-Lex-Startseite

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 52008IP0633

L-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri EUROSUR (2008/2157(INI))

ĠU C 45E, 23.2.2010, S. 41–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 45/41


L-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)

P6_TA(2008)0633

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri EUROSUR (2008/2157(INI))

(2010/C 45 E/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 bl-isem “Rapport dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX” (COM(2008)0067),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 bl-isem “Eżaminazzjoni dwar il-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta' Sorveljanza għall-Fruntieri (EUROSUR)” (COM(2008)0068),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 bl-isem “It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea” (COM(2008)0069),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, miftiehem bejn is-27 Stat Membru f'Pariġi nhar is-7 ta' Lulju 2008 u approvat matul il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 dwar “Approċċ Globali għall-Migrazzjoni: il-prijoritajiet tal-azzjoni ċċentrati fuq l-Afrika u l-Mediterran”, ippubblikati fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta' Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar il-prijoritajiet tal-politika fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0437/2008),

A.

billi l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u, b'mod speċifiku, l-ġestjoni integrata tal-fruntieri kollha tal-UE għandhom iseħħu fil-qafas ta' approċċ globali u armonizzat tal-fenomeni migratorji, inklużi wkoll l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni legali, l-integrazzjoni tal-immigranti legali u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu,

B.

billi l-isfida tal-immigrazzjoni illegali hija sfida Ewropea komuni u għalhekk teħtieġ li tiġi implimentata politika Ewropea komuni fil-materja,

C.

billi dawn il-fenomeni migratorji se jdumu sakemm idumu d-differenzi fl-iżvilupp bejn id-diversi reġjuni tad-dinja, u f'dan ir-rigward jaqbel li l-ġestjoni tal-flussi migratorji tkun organizzata f'sinerġija mal-politiki ta' żvilupp u ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi,

D.

iwissi li l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) mhijiex soluzzjoni għall-problemi kollha kkawżati mill-migrazzjoni irregolari,

E.

billi s-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-Unjoni hija element dinamiku fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, li għandha tkun akkumpanjata minn politiki ta' rinfurzar addizzjonali maħsuba biex jeradikaw tali immigrazzjoni fis-sors tagħha, b'mod partikulari permezz tal-adozzjoni tal-proposta tad-Direttiva li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (COM(2007)0249) u kontra n-netwerks ta' traffikanti li jagħmlu parti mill-kriminalità organizzata,

F.

billi hemm rata għolja ta' mortalità marbuta mal-immigrazzjoni illegali u hemm bżonn li jsiru kampanji ta' informazzjoni, bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-oriġini u t-tranżitu, fuq ir-riskji u l-konsegwenzi fatali ta' din it-tip ta' immigrazzjoni,

G.

billi, anke jekk il-kontroll tal-fruntieri hu r-responsabilità ta' kull Stat Membru għall-parti tal-fruntiera li tkun tiegħu, il-pressjoni migratorja li hemm fil-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea titlob li jiġi żviluppat u organizzat spirtu ta' responsabilità kondiviża u ta' solidarjetà obbligatorja bejn l-Istati Membri, b'tali mod li jkun iffaċilitat li r-riżorsi materjali u umani li jistgħu jiġu mobilizzati jitpoġġew għad-dispożizzjoni komuni fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu,

H.

billi l-għan għal żmien fit-tul ta' dawn l-istrumenti (il-FRONTEX, l-EUROSUR, is-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA), is-sistema ta' dħul u ħruġ jew il-Fast Track) huwa t-twaqqif gradwali ta' sistema integrata tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri,

I.

billi l-ewwel riżultati kwantifikabbli tal-Aġenzija FRONTEX mit-tnedija operattiva tagħha f'Ottubru 2005 huma disponibbli, u billi hemm ħtieġa li tkun definita strateġija għal żmien medju u fit-tul, li saret essenzjali f'dan l-istadju tal-iżvilupp tagħha,

J.

billi l-FRONTEX hija korp Komunitarju tal-ewwel pilastru suġġetta għal prinċipji ta' skrutinju demokratiku sħiħ u tat-trasparenza u li, għalhekk, għandha l-obbligu li tħares u tippromwovi l-valuri fundamentali tal-Unjoni,

K.

billi l-operazzjonijiet ta' koordinazzjoni mmexxija mill-FRONTEX fil-qasam tal-informazzjoni huma bbażati fuq l-analiżi tar-riskji u l-evalwazzjonijiet tat-theddid marbuta bir-regola tal-kunfidenzjalità,

L.

billi l-istrateġija ta' żvilupp tal-FRONTEX għandha sservi ta' opportunità biex tittestja l-vijabilità tal-prinċipju ta' “solidarjetà obbligatorja” bejn l-Istati Membri (prinċipju msemmi fir-Regolament (KE) Nru 863/2007 li jikkoordina l-kapaċitajiet ta' reazzjoni rapida tal-Unjoni f'każijiet ta' urġenza) sabiex jintagħżel il-modus operandi rilevanti biex jiggarantixxi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni bla kundizzjonijiet ir-riżorsi materjali (imniżżla fir-repertorju ċentralizzat tat-tagħmir tekniku (CRATE — Centralised Records of Available Technical Equipment) u ta' riżorsi umani meħtieġa għall-azzjoni effikaċi tal-Aġenzija,

M.

billi l-Parlament appoġġja b'mod konsistenti lill-Aġenzija u approva li jiżdied il-baġit tagħha b'mod sinifikanti sabiex tkun tista' tiddisponi minn riżorsi finanzjarji biex twettaq il-missjoni tagħha,

N.

billi l-FRONTEX nediet missjonijiet 'il barra mill-kosta ta' Stati Membri tan-nofsinhar, li s-suċċess tagħhom varja skont il-livell ta' kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi li minnhom jitilqu l-immigranti; billi l-missjoni Hera, imnedija 'l barra mill-Gżejjer Kanarji, kienet ta' suċċess u wasslet għal tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' wasliet, billi l-missjoni Nautilus, madankollu, imnedija fil-Mediterran ċentrali, ma kinitx effikaċi billi l-għadd ta' wasliet żdied flok naqas,

O.

billi l-missjonijiet marittimi mwaqqfa fuq bażi permanenti jridu jagħmlu għassa kontinwa tal-immigrazzjoni fiż-żoni l-aktar diffiċli fir-reġjuni marittimi tan-nofsinhar,

P.

billi kull azzjoni meħuda mill-FRONTEX għandha f'kull każ tibqa' konformi mal-istandards tal-liġi internazzjonali, b'mod partikulari dawk li japplikaw għal-liġi marittima u għad-drittijiet tal-bniedem, għad-dinjità tal-persuna umana u għar-refuġjati, b'mod partikulari għad-dritt tal-ażil u għall-prinċipju ta' non-refoulement,

Q.

billi l-FRONTEX għandha tinkorpora fl-azzjonijiet kollha tagħha l-ħtieġa li jittieħdu l-prekawzjonijiet u l-mezzi neċessarji kollha rigward il-persuni l-iktar vulnerabbli, in-nisa, u b'mod partikulari n-nisa tqal, it-tfal, b'mod speċjali l-minorenni mhux akkumpanjati, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità jew maħkuma minn mard serju,

R.

billi d-dimensjoni umanitarja tal-azzjoni tal-FRONTEX għandha tkun imsaħħa minn sigurtà ġuridika massima, kemm fil-qasam tal-operazzjonijiet ta' salvataġġ li jkollha twettaq kif ukoll f'dak tal-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn li jkollha tieħu sehem fihom,

S.

billi, fid-dawl tas-suċċess tagħhom, l-operazzjonijiet ta' taħriġ tal-istaff speċjalizzat involut fl-iffunzjonar tal-FRONTEX għandhom jitkomplew u, b'mod partikulari, għandhom jiġu estiżi għall-istaff tal-pajjiżi terzi li ta' kuljum jintalab jikkopera mal-FRONTEX sabiex jitħarreġ fl-operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq il-baħar u l-irkupru ta' katavri fil-każ tal-għarqa ta' vapur,

T.

billi l-kontrolli fuq il-fruntiera ma jiffokawx biss fuq il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, iżda wkoll fuq aspetti oħra ta' kriminalità transkonfinali, bħat-traffikar tan-nies, it-traffikar tad-drogi jew il-kummerċ illegali tal-armi, u għalhekk jgħinu sabiex tiżdied is-sigurtà interna b'mod ġenerali,

U.

billi l-azzjoni tal-FRONTEX ma tistax tkun effikaċi mingħajr politika ta' ġestjoni tal-fruntieri tal-UE li tinkorpora s-sistemi ġodda ta' kontroll tal-fruntieri tal-UE proposti, bħas-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA), is-sistema ta' reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ, jew il-fast tracking,

1.   Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-isfida tal-migrazzjoni permezz ta' approċċ globali li javvanza bl-istess enerġija t-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri tal-Unjoni, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina u r-ritorn tal-immigranti illegali f'pajjiżhom, u l-ġlieda kontra l-impjieg illegali u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni legali u l-miżuri li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-immigranti legali, it-tisħiħ ta' sħubija globali mal-pajjiżi terzi li jiffavorixxu relazzjoni pożittiva bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, u l-istabbiliment ta' politika konsistenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE;

2.   Jikkunsidra lill-FRONTEX bħala strument essenzjali fl-istrateġija globali tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tirrevedi l-mandat tal-Aġenzija sabiex issaħħaħ l-irwol tagħha u tagħmlu iktar effikaċi;

3.   Jisħaq fuq l-importanza tal-għarfien li hu assolutament neċessarju li l-FRONTEX tkun tista' tistrieħ fuq id-disponibilità tar-riżorsi li joffrulha l-Istati Membri, b'mod partikulari permezz ta' CRATE, kemm għall-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet konġunti individwali kif ukoll għall-missjonijiet permanenti tagħha; jiddispjaċih li xi Stati Membri s'issa ma wrewx rieda biżżejjed biex jipprovdu l-assi neċessarji lill-FRONTEX u jistedinhom biex jagħmlu dan;

4.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil mill-Kunsill Ewropew u t-tisħiħ tal-Aġenzija li dan jirrakkomanda;

5.   Jenfasizza li l-FRONTEX għandha tintegra fil-kamp ta' azzjoni tagħha l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikulari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni;

6.   Jistieden għal dan il-għan lill-Istati Membri biex jifformalizzaw mill-iktar fis possibbli sistema ta' “solidarjetà obbligatorja u irrevokabbli”, suġġetta għall-possibilità u l-bżonnijiet speċifiċi attwali ta' kull pajjiż li jipparteċipa, li tagħmilha possibbli għall-FRONTEX li, fit-tħejjija u fit-twettiq tal-missjonijiet tagħha, tneħħi l-inċertezza dwar il-kobor tar-riżorsi li tista' torbot fuqhom fi żmien reali;

7.   Jitlob li tiġi stabbilita għassa ta' sorveljanza konġunta operattiva li tkun permanenti u kontinwa matul is-sena kollha fiż-żoni kollha ta' riskju serju, b'mod partikulari fil-fruntieri tal-baħar fejn hemm riskju serju ta' telf ta' ħajja, billi d-dritt tal-ħajja huwa l-ewwel dritt fundamentali invjolabbli;

8.   Jenfasizza l-importanza li l-liġi tal-UE tkun armonizzata mal-liġi internazzjonali applikabbli f'dan il-qasam, sabiex l-Unjoni tkun tista' tikkontribwixxi b'mod effikaċi għall-isforzi meħtieġa sabiex tgħin lir-refuġjati li jkollhom bżonn l-għajnuna;

9.   Jistieden lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom, mill-iktar fis possibbli, biex jagħtu ħarsa konkreta lejn dan il-prinċipju ta' solidarjetà, billi b'mod partikulari jżidu r-riżorsi materjali li dawn ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija, b'mod speċjali r-riżorsi tal-baħar, u billi jiżgurawha fil-prattika mid-disponibilità assoluta tagħhom fil-waqt;

10.   Jistieden lill-FRONTEX biex tgħaddi rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun fih dettalji b'mod partikulari dwar l-użu effikaċi u d-disponibilità reali tal-materjal fid-database CRATE u biex, jekk ikun hemm bżonn, jisħqu fuq id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom u jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar liema Stati Membri jkunu qegħdin jipprovdu r-riżorsi u liema mhumiex;

11.   Jistieden lill-Istati Membri, fil-każ li ma jkunx hemm riżorsi biżżejjed disponibbli, biex jipprevedu malajr it-tibdil sostanzjali fl-iskala tal-baġit tal-FRONTEX u possibbilment jeżaminaw l-aspetti legali tal-kiri u/jew tal-akkwist ta' materjali fil-futur għat-twettiq tal-missjonijiet tagħha;

12.   Ifakkar li l-Parlament, bħala l-awtorità baġitarja, diġà żied il-baġit tal-FRONTEX mill-ħolqien tagħha u se jiżgura li dan il-baġit ikun implimentat b'mod korrett kif ukoll li jiġi adattat għall-evoluzzjoni tal-funzjonijiet tal-Aġenzija;

13.   Jiddikjara li l-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi għandu jkun ibbażat fuq obbligi internazzjonali li jikkonċernaw il-ħarsien ta' rifuġjati u dawk li jfittxu l-ażil u, b'mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus ta' Rifuġjati (1951);

14.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kbar ta' kooperazzjoni mwettqa minn kważi l-pajjiżi terzi kollha li magħhom il-FRONTEX tintalab taħdem ta' kuljum, u li wasslu għal riżultati pożittivi ħafna bħal dawk miksuba fil-Gżejjer Kanarji; jiddispjaċih, madankollu, li kooperazzjoni dwar l-immigrazzjoni għadha nieqsa f'pajjiżi oħra, bħal fit-Turkija u fil-Libja;

15.   Iħeġġeġ lill-Unjoni biex tinkludi, bħala parti min-negozjati tagħha ma' pajjiżi terzi, il-bżonn ta' kooperazzjoni ikbar minn pajjiżi terzi fil-qasam tal-immigrazzjoni u jistieden lil dawk li l-kooperazzjoni tagħhom mhix biżżejjed — jew inkella hija ineżistenti — biex jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-FRONTEX, b'mod partikulari billi jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni iktar effikaċi bejn is-servizzi tagħhom;

16.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiksbu livell ogħla ta' kooperazzjoni minn pajjiżi terzi, b'mod partikulari fin-negozjati dwar il-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid; jikkunsidra li l-immigrazzjoni għandha tkun parti integrali min-negozjati ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jkunu pajjiżi tal-oriġini jew ta' tranżitu;

17.   Jenfasizza l-bżonn li l-FRONTEX, f'koperazzjoni ma' pajjiżi terzi, tqis kif jixraq l-opinjonijiet ta' dawk l-Istati Membri li kellhom l-ikbar esperjenza f'dawk li huma l-isfidi maħluqa mill-immigrazzjoni illegali, fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi; iżid li l-parteċipazzjoni ta' pajjiż terz f'operazzjoni konġunta mmexxija mill-Istati Membri u kkoordinata mill-FRONTEX għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Istat Membru fejn tkun qiegħda ssir l-operazzjoni;

18.   18 Jitlob li l-mandat tal-FRONTEX jinkludi b'mod espliċitu l-obbligu li jintlaħqu l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u d-dmir lejn dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f'operazzjonijiet ta' salvataġg fil-baħar miftuħ, u jitlob biex il-kooperazzjoni mal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) u ma' NGOs rilevanti oħra tkun formalizzata f'dan il-mandat;

19.   Hu mħasseb li ċittadini ta' pajjiżi terzi jista' ma jkollhomx mezzi adegwati biex jaraw jekk l-informazzjoni personali dwarhom miġbura mis-“sistema tas-sistemi” ppjanata mill-UE tkunx immaniġġjata skont il-prinċipji tal-liġi tal-protezzjoni tad-dejta li japplikaw fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika sa liema punt id-dejta personali se tkun disponibbli għall-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi;

20.   Jitlob li l-kompetenzi tal-FRONTEX ikunu estiżi sabiex din l-aġenzija tiġi mħeġga tniedi proġetti u operazzjonijiet f'pajjiżi terzi, inter alia sabiex titjieb l-effikaċja tal-ftehimiet eżistenti u sabiex jiġu identifikati l-bżonnijiet għall-bini tal-kapaċitajiet fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri fil-pajjiżi terzi;

21.   Jitlob lill-FRONTEX biex issaħħaħ u tagħti s-sehem importanti tagħha billi tappoġġja l-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn, filwaqt li tqis it-tajjeb u l-ħażin ta' dawn il-proċeduri; jistieden lill-Istati Membri, fi spirtu ta' solidarjetà, biex jinvolvu lill-FRONTEX meta jippjanaw u jorganizzaw titjiriet konġunti ta' ritorn u biex jidentifikaw il-ħtieġa għal ritorn konġunt;

22.   Jistieden lill-Istati Membri biex jippermettu li ssir reviżjoni tal-mandat tal-FRONTEX sabiex ineħħu l-vojt ġuridiku li jista' jxekkel l-azzjoni tagħha, billi jintegraw b'mod partikulari l-kundizzjonijiet ġuridiċi preċiżi tal-interventi ta' salvataġġ tagħha fuq il-baħar, kif ukoll dawk tal-kontribut tagħha għall-operazzjonijiet ta' ritorn u l-possibilità ta' rikors għat-tagħmir tagħha minn pajjiżi terzi, b'mod partikulari permezz tal-proġetti pilota li minnhom ikunu jistgħu jibbenefikaw;

23.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa bir-reqqa l-attivitajiet tal-FRONTEX fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, inkluż ’ir-responsabbiltà tal-protezzjoni’;

24.   Jitlob li l-istaff tal-FRONTEX jitħarreġ fit-tipi differenti ta' kwistjonijiet li jidħlu fil-qafas tal-ħidma tagħha;

25.   Iqis li l-kompiti kif imwessgħa tal-FRONTEX u l-kontribut tagħha fil-ġlieda ta' kuljum kontra l-immigrazzjoni illegali jistgħu jiġġustifikaw żvilupp strutturali tal-kapaċitajiet loġistiċi u amministrattivi tagħha, filwaqt li jkun osservat il-prinċipju ta' proporzjonalità;

26.   Iqis, b'mod partikulari, li jekk ir-ritmu u r-riżorsi implimentati jkunu għadhom ma jiġġustifikawx il-multiplikazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati, jista' jiġi previst mil-lum il-ħolqien ta' żewġ fergħat differenti — waħda biex tikkoordina l-attività fuq il-fruntieri tal-art, u l-oħra l-operazzjonijet marittimi; ifakkar li, billi għall-ġejjieni r-rotot fuq l-art li jaqbdu l-migranti fuq il-fruntiera tal-lvant jirrappreżentaw sfida li kulma tmur qiegħda tikber, jaqbel li tingħatalhom attenzjoni doppja u li jiżdiedu r-riżorsi implimentati;

27.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-possibilità ta' sistema tal-UE għall-għassa tal-fruntieri;

28.   Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir it-taħriġ tal-istaff mobilizzat fl-operazzjonijiet tal-FRONTEX — b'mod partikulari fil-qasam tal-liġi marittima, tal-liġi tal-ażil u tad-drittijiet fundamentali — inkluż, malli l-mandat tagħha jitwessa', għall-istaff tal-pajjiżi terzi kkonċernati; jinkoraġġixxi għal dan il-għan lill-FRONTEX biex tikkopera ma' istituzzjonijiet oħra bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-UNHCR, il-korp tan-NU responsabbli mil-Liġi tal-Baħar, kif ukoll l-NGOs u għaqdiet oħra b'esperjenza u kapaċità f'dawn l-oqsma;

29.   Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza kampanji ta' informazzjoni dwar ir-riskji tal-immigrazzjoni klandestina, b'konformità mal-aħjar prattiki fl-Istati Membri;

30.   Jilqa' b'sodisfazzjon id-dibattiti attwali fil-Kunsill bl-iskop li titwaqqaf is-sistema ta' sorveljanza tal-fruntieri EUROSUR, sabiex ikun żgurat li l-mezzi kollha ta' sorveljanza jiġu sfruttati bl-aħjar mod possibbli, essenzjalment billi tkun esitża l-kopertura attwali tagħhom li llum tapplika biss għal parti miż-żoni fejn l-operazzjonijiet jintalbu li jsiru;

31.   Jinsisti, għalhekk, biex jibda bla dewmien l-adattament għat-talba tas-sistemi nazzjonali ta' sorveljanza u tal-interkonnessjoni tagħhom fin-netwerk, u biex — għal raġunijiet ta' koerenza — il-FRONTEX tingħata l-għodod kollha disponibbli, b'mod partikulari l-ġestjoni tan-netwerk ta' informazzjoni u ta' koordinazzjoni sikura mqabbad mal-Internet għas-servizzi tal-Istati Membri responsabbli mill-ġestjoni tal-flussi migratorji (ICONet) (4) u t-tnedija mill-ġdid tal-attivitajiet taċ-Ċentru għall-Informazzjoni, id-Diskussjoni u l-Iskambju dwar il-Qsim tal-Fruntieri u l-Immigrazzjoni (CIREFI) kif imsemmi fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1994;

32.   Jinsisti fuq il-bżonn li tiżdied il-kooperazzjoni tal-FRONTEX dwar l-analiżi tar-riskju mal-Europol u ma' aġenziji Ewropej oħra, kif ukoll ma' korpi internazzjonali oħra u awtoritajiet ta' kontroll tal-fruntieri ta' pajjiżi terzi, b'mod speċjali fil-kuntest tat-tkissir ta' netwerks internazzjonali tat-traffikanti u t-twettiq ta' ġustizzja fuq l-individwi involuti fit-traffikar tal-immigranti klandestini; jikkunsidra li jkun essenzjali wkoll li jiġi implimentat mekkaniżmu li jippermetti lill-FRONTEX li tgħaddi informazzjoni importanti lill-persuni li jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnha;

33.   Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-bżonnijiet konkreti tas-servizzi responsabbli mill-kontrolli tal-fruntieri jitqiesu b'mod speċifiku fl-attivitajiet ta' riċerka;

34.   Iqis l-għan tal-ġestjoni integrata tassew tal-fruntieri tal-UE bħala leġittimu u jaqbel li huwa importanti li l-politika komuni tal-UE dwar il-ġestjoni tal-fruntieri tibqa' tiżviluppa u tissaħħaħ kontinwament; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li ssir valutazzjoni u evalwazzjoni tas-sistemi eżistenti u ta' dawk li qegħdin jitħejjew qabel ma wieħed jgħaddi għall-fażi li jmiss kif propost mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha imsemmija hawn fuq bl-isem “It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea”; jinsisti, barra minn hekk, fuq pjan ewlieni komprensiv li jfassal l-arkitettura sħiħa tal-istrateġija tal-UE dwar il-fruntieri, kif ukoll id-dettalji ta' kif il-programmi u l-iskemi kollha relatati għandhom jaħdmu flimkien u kif ir-relazzjoni bejn il-programmi relatati tista' tkompli titjieb;

35.   Jistieden lill-FRONTEX biex tieħu l-inizjattiva u toħloq ambjent komuni ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sabiex jiġu ottimizzati l-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta' din id-dejta delikata; jitlob lill-Forum Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà (ESRIF) biex jagħti l-kontribut tiegħu għat-twettiq ta' dan l-objettiv, billi fil-ħidmiet tiegħu jagħti preferenza lill-applikazzjonijiet komuni fil-qasam tal-ipperfezzjonar u tal-innovazzjoni tal-għodod ta' sorveljanza;

36.   Jitlob li jissaħħaħ il-kontroll demokratiku tal-FRONTEX mill-Parlament, u jistieden lill-FRONTEX biex tinformah dwar in-negozjati biex jiġu konklużi l-ftehimiet iffirmati mal-pajjiżi terzi, biex tippreżenta evalwazzjonijiet tattiċi li jiffukaw fuq reġjuni partikulari fuq il-fruntieri, u biex tippubblika rapporti ta' evalwazzjoni dwar operazzjonijiet konġunti u missjonijiet koordinati oħra, analiżi tar-riskji, studji tal-fattibilità u statistika dwar ix-xejriet tal-migrazzjoni; jiġbed l-attenzjoni li s-superviżjoni demokratika tal-attivitajiet tal-FRONTEX, fost affarijiet oħra, issaħħaħ il-leġittimità tagħha; madankollu, l-informazzjoni ppubblikata f'dawk ir-rapporti m'għandhiex tinkludi dejta kunfidenzjali li tista' taffettwa l-operazzjonijiet li jkunu għaddejjin;

37.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika liema kwalità ta' għajnuna loġistika għas-sorveljanza tal-fruntieri hija intenzjonata għall-pajjiżi terzi li huma ġirien, kif imsemmi fit-tielet stadju tal-ewwel fażi tal-EUROSUR;

38.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.


(1)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 30.

(3)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 223.

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE tas-16 ta' Marzu 2005 (ĠU L 83, 1.4.2005, p. 48).


nach oben