Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0608

Il-Kumpaniji ta' Direttorju Qarrieqa Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta’ direttorju qarrieqa (Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn) (2008/2126(INI))

ĠU C 45E, 23.2.2010, p. 17–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 45/17


Il-Kumpaniji ta' Direttorju Qarrieqa

P6_TA(2008)0608

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa (Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn) (2008/2126(INI))

(2010/C 45 E/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Petizzjonijiet 0045/2006, 1476/2006, 0079/2003, 0819/2003, 1010/2005, 0052/2007, 0306/2007, 0444/2007, 0562/2007 u oħrajn,

wara li kkunsidra d-dibattiti li saru fi ħdan il-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet dwar Petizzjoni 0045/2006 u oħrajn,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar riklamar qarrieqi u riklamar komparattiv (verżjoni kodifikata) (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali inġusti fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti) (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur) (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar l-inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (4),

wara li kkunsidra l-istudju intitolat “Prattiki qarrieqa ta' ‘kumpaniji tad-direttorju’ fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni tas-suq intern attwali u fil-futur immirata lejn il-ħarsien tal-konsumaturi u l-SMEs” (IP/A/IMCO/FWC/2006-058/LOT4/C1/SC6), ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 192(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0446/2008),

A.

billi l-Parlament irċieva aktar minn 400 petizzjoni minn intrapriżi żgħar (li jirriflettu biss frazzjoni tan-numru tagħhom) li jsostnu li kienu vittmi ta' riklamar qarrieqi minn kumpaniji tad-direttorju kummerċjali u li sofrew, b'konsegwenza, stress psikoloġiku, sentimenti ta' ħtija, mistħija u frustrazzjoni u kif ukoll telf finanzjarju,

B.

billi dawn l-ilmenti jirriflettu tendenza mifruxa u miftehma ta' prattiki kummerċjali qarrieqa min-naħa ta' ċerti kumpaniji ta' direttorju kummerċjali li jaffettwaw eluf ta' intrapriżi li huma organizzati b'mod transkonfinali u li b'hekk jinvolvu attività f'żewġ Stati Membri jew aktar fi ħdan l-Unjoni Ewropea u lilhinn minnha, b'impatt finanzjarju sinifikanti fuq tali intrapriżi, u billi m'hemm ebda mekkaniżmu amministrattiv jew strument legali li jippermettu lill-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi li jħadmu flimkien b'mod transkonfinali effiċjenti u effittiv,

C.

billi l-karattru qarrieqi ta' dawn il-prattiki isir aktar ovvju meta jkunu ta' natura elettronika u jinfirxu permezz tal-internet (ara l-Petizzjoni Nru 0079/2003),

D.

billi l-prattiki kummerċjali li dwarhom saru ilmenti jikkonsistu tipikament minn stedinamagħmula minn kumpanija ta' direttorju kummerjċali, l-aktar permezz tal-posta, lill-intrapriżi li tistiedenhom jimlew, jew jaġġornaw, l-isem kummerċjali tagħhom u d-dettalji ta' kuntatt, u li tagħtihom l-impressjoni falza li dawn ser jiġu elenkati f'direttorju kummerċjali mingħajr ħlas; billi l-firmatarji aktar tard jiskopru li, mingħajr ma kienu jafu, jkunu ffirmaw kuntratt li normalment jorbothom għal minimu ta' tliet snin, sabiex jiġu elenkati fid-direttorju kummerjċal bi ħlas ta' madwar EUR1,000 fis-sena,

E.

billi l-formoli użati fi prattiki simili huma ambigwi u diffiċli li wieħed jifimhom u jagħtu l-impressjoni żbaljata ta' elenkar mingħajr ħlas f'direttorju kummerċjali meta fil-fatt jonsbu lill-intrapriżi f'kuntratti mhux mixtieqa għal riklamar f'direttorji kummerċjali,

F.

billi la l-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE u lanqas dik nazzjonali ma teżisti fl-Istati Membri rigward kumpaniji tad-direttorju fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn intrapriżiu billi l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jintroduċu leġiżlazzjoni aktar komprensiva u wiesgħa,

G.

billi d-Direttiva 2006/114/KE tapplika wkoll għat-tranżazzjonijiet bejn intrapriżi u tiddefinixxi “riklamar qarrieqi” bħala “kull riklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluża l-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq, jew jista' jqarraq, bil-persuni li lejhom dan ikun indirizzat jew li jirċevuh u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, jista' jaffettwa l-imġiba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew jista' jagħmel ħsara lil xi kompetitur”; billi madankollu l-interpretazzjonijiet differenti ta' x'inhu “qarrieqi” jidher li huma ostakolu prattiku ewlieni fil-ġlieda kontra prattiki bħal dawn ta' kumpaniji tad-direttorju f'relazzjonijiet bejn intrapriżi,

H.

billi d-Direttiva 2005/29/KE tipprojbixxi l-prattika li “fil-materjal ta' riklamar tiġi inkluża kont jew dokument simili li jirrikjedi ħlas li jagħti lill-konsumatur l-impressjoni li huwa diġà ordna l-prodott riklamat meta fil-fatt dan ma jkunx minnu”; iżda billi din id-Direttiva ma tapplikax għal prattiki qarrieqa bejn l-intrapriżi u għalhekk, fil-forma attwali tagħha ma tistax tgħin lill-petizzjonanti; billi madankollu din id-Direttiva ma tipprekludix sistema ta' regoli nazzjonali dwar prattiki kummerċjali mhux ġusti li hija applikabbli ugwalment skont iċ-ċirkustanzi kollha għal konsumaturi u intrapriżi,

I.

billi d-Direttiva 2005/29/KE ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jestendu l-applikazzjoni tagħha wkoll għall-intrapriżi kummerċjali permezz tal-liġi nazzjonali; billi, madanakollu, dan iwassal għal livelli differenti ta' ħarsien għal intrapriżi li huma vittmi ta' prattiki qarrieqa minn kumpaniji ta' direttorju kummerjċali fi Stati Membri differenti,

J.

billi r-Regolament (KE) 2006/2004 jiddefinixxi “ksur intra-Komunitarju” bħala “kwalunkwe att jew omissjoni kuntrarji għal-liġijiet li jħarsu l-interessi tal-konsumatur … li jagħmlu ħsara, jew hemm ċans li jagħmlu ħsara, lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi li jgħixu fi Stat Membru jew Stati Membri differenti minn dak li fih ikun sar l-att jew l-omissjoni; jew fejn il-bejjiegħ jew il-fornitur responsabbli jkunu stabbiliti; jew fejn jinstabu l-evidenza jew l-assi li jappartjenu għall-att jew għall-omissjoni”; billi madankollu din id-Direttiva ma tapplikax għal prattiki qarrieqa bejn in-negozji u għalhekk, fil-forma attwali tagħha mhix effiċjenti biex tgħin lill-petizzjonanti,

K.

billi ħafna mill-petizzjonanti jsemmu lid-direttorju kummerjċali magħruf bħala “European City Guide” (l-attivitajiet ta' dan id-direttorju kienu suġġett għall-azzjoni legali u amministrattiva), iżda jissemmew ukoll kumpaniji ta' direttorju kummerċjali oħrajn bħal “Construct Data Verlag”, “Deutscher Adressdienst GmbH” u “NovaChannel”; billi, madanakolli, kumpaniji ta' direttorji kummerċjali oħrajn iwettqu prattiki kummerjċali leġittimi,

L.

billi l-miri ta' dawn il-prattiki kummerċjali qarrieqa huma, fil-parti l-kbira tagħhom, intrapriżi żgħar iżda jinkludu wkoll professjonisti u anke entitajiet li ma jaħdmux għall-profitt, bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, karitajiet, skejjel u libreriji u għaqdiet soċjali lokali bħal baned,

M.

billi ta' spiss il-kumpaniji tad-direttorju kummerċjali jkunu stabbili fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn tinstab il-vittma, u għalhekk ikun diffiċli għall-vittma li tfittex il-ħarsien tal-awtoritajiet nazzjonali minħabba l-eżistenza ta' interpretazzjonijiet differenti mill-Istati Membri ta' x'jitqies bħala qarrieqi; billi l-vittmi spiss ukoll ma jsibu ebda rimedju mill-awtoritajiet nazzjonali għall-ħarsien tal-konsumatur għaliex jiġu infurmati li l-liġi hija intenzjonata biex tipproteġi lill-konsumaturi u mhux lill-intrapriżi; billi minħabba l-fatt li jkunu intrapriżi żgħar, ħafna mill-vittmi spiss ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex ifittxu rimedju effettiv permezz ta' tilwima, u billi mekkaniżmi awtoregolatorji għad-direttorji ftit huma ta' rilevanza billi dawk involuti fir- riklamar qarrieqi ma jagħtux kashom,

N.

billi l-vittmi ta' dawn il-prattiki jisfaw imfittxija b'mod rigoruż mill-kumpaniji tad-direttorju kummerjċali nfushom jew anke minn aġenziji għall-ġbir tad-dejn imqabbda minnhom; billi l-vittmi jilmentaw li jħossuhom inkwetati u mhedda minn dawn l-avvanzi u li ħafna minnhom spiss jispiċċaw iħallsu kontra qalbhom biex jevitaw aktar fastidju,

O.

billi l-vittmi li rrifjutaw li jħallsu rarament ittelgħu l-qorti, b'xi ftit eċċezzjonijiet,

P.

billi numru ta' Stati Membri adottaw inizjattivi, partikolarmentta' natura ta' sensibiliżżazzjoni, fost kumpaniji potenzjalment affettwati u billi dan jinkludi l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, pariri, l-avvżar tal-awtoritajiet ta' infurzar u f'xi każi iż-żamma ta' reġistru ta' ilmenti sabiex din il-problema tiġi ttrattata,

Q.

billi l-Awstrija ilha li bidlet il-liġi tagħha dwar il-Prattiċi Kummerċjali Inġusti mill-2000 u l-Artikolu 28a tagħha issa jipprovdi li: “Għandu jkun projbit li wieħed jirreklama, fil-qasam tal-kummerċ u bil-għan ta' kompetizzjoni, għal reġistrazzjoni f'direttorji, bħal paġni s-sofor, id-direttorju tat-telefon jew listi simili, permezz ta' formoli ta' ħlas, formoli ta' money order, kontijiet, offerta ta' korrezzjoni jew meżżi simili jew li wieħed joffri reġistrazzjonijiet simili mingħajr ma jiddikkjara b'mod mhux ekwivoku u b' mezzi ċari u grafiċi li dan ir-riklamar huwa biss offerta ta' kuntratt”,

R.

billi prattiki simili ilhom jiġu applikati għal numru ta' snin, u ħolqu numru kbir ta' vittmi u kellhom impatt finanzjarju sinifikanti u ta' ħsara fis-suq intern,

1.   Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-problema li qajmu l-petizzjonanti, li tidher li problema mifruxa u ta' natura transkonfinali u li għandha impatt finanzjarju sinifikanti, speċjalment fuq intrapriżi żgħar;

2.   Jikkunsidra li n-natura transkonfinali ta' din il-problema timponi d-dmir fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jipprovdu rimedju xieraq lill-vittmi, sabiex l-validità tal-kuntratti ffirmati fuq il-bażi ta' riklamar qarrieqi tkun tista' tiġi kkontestata, imħassra jew termina, u li vittmi simili jkunu jistgħu jitolbu rimbors tal-flus imħallsa minnhom;

3.   Iħeġġeġ lill-vittmi sabiex jirrapportaw każijiet ta' ingann kummerċjali lill-awtoritajiet nazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta' daqs medju bl-għarfien meħtieġ għat-tressiq ta' lmenti ma' awtoritajiet governattivi u mhux governattivi, billi jiżguraw li t-toroq ta' komunikazzjoni huma miftuħa u li l-vittmi jkunu jafu li qabel ma jħallsu l-ammonti mitluba lilhom minn kumpaniji ta' direttorju kummerċjali qarrieqa, teżisti il-possibilità li jieħdu parir għal gwida xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu u jżommu bażi ta' data ċentralizzata ta' dawn l-ilmenti;

4.   Jesprimi dispjaċir li, minkejja n-natura mifruxa ta' dawn il-prattiki, l-liġijiet nazzjonali u tal-UE ma jidhrux li huma adegwati biex jipprovdu mezz sinifikattiv ta' ħarsien u ta' rimedju effettiv jew mhux qed jiġu infurzati kif suppost fil-livell nazzjonali; jesprimi dispjaċir li l-awtoritajiet nazzjonali jidhru li mhumiex kapaċi joffru rimedju;

5.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li għamlu organizzazzjonijiet kummerċjali Ewropej u nazzjonali sabiex jissensibiliżżaw lill-membri tagħhom u jistedinhom jintensifikaw l-iforzi tagħhom f'kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet ta' livell lokali ħalli qabel xejn ikun hemm anqas vittmi ta' kumpaniji ta' direttorji kummerċjali qarrieqa; jesprimi tħassib li xi wħud minn dawn l-organizzazzjonijiet konsegwentement ġew mtella' l-qorti fuq il-bażi ta' malafama allegata jew akkużi simili mill-kumpaniji ta' direttorji kummerċjali qarrieqa msemmija fl-attivitajiet ta' sensibiliżżazzjoni;

6.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni li ħadu ċerti Stati Membri fosthom l-Italja, Spanja, l-Olanda, il-Belġju u r-Renju Unit, iżda l-aktar l-Awstrija, sabiex jippruvaw jevitaw li kumpaniji ta' direttorji kummerċjali qarrieqa jwettqu dawn il-prattiki qarrieqa; jikkunsidra, madanakollu, li dawn l-isforzi għadhom mhux biżżejjed u li għad hemm ħtieġa għall-koordinazzjoni ta' kontroll fil-livell internazzjonali;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi tagħhom, b'kooperazzjoni sħiħa mal-organizzazzjonijiet nazzjonali u Ewropej li jirrapreżentaw l-intrapriżi, sabiex iqajmu kuxjenza dwar din il-problema sabiex aktar persuni jiġu infurmati u jkunu jistgħu jevitaw riklamar qarrieqi li jista' jdaħħalhom f'kuntratti ta' riklamarmhux mixtieqa;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-problema ta' ingann kummerċjali fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha dwar l-“Att dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar għall-Ewropa”, kif propost fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21”, u biex tikkopera man-Network ta' Intrapriżi tal-Ewropa, in-network SOLVIT u l-portali tad-Direttorati Ġenerali rilevanti bħala mezz ieħor ta' forniment ta' informazzjoni u għajnuna rigward dawn il-problemi;

9.   Jesprimi dispjaċir li d-Direttiva 2006/114/KE, li tapplika għal tranżazzjonijiet bejn intrapriżi bħal f'dan il-każ, tidher li jew mhix biżżejjed biex tipprovdi rimedju effettiv jew mhix qed tiġi infurzata kif jixraq mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta sa Diċembru 2009 dwar il-fattibilità u l-konsegwenzi possibbli tal-emendar tad-Direttiva 2006/114/KE b'mod li jinkludi lista “sewda” jew “griża” ta' prattiki li għandhom jitqiesu bħala qarrieqa;

10.   Ifakkar li, filwaqt li l-Kummissjoni m'għandha ebda saħħa li tinforza d-Direttiva 2006/114/KE kontra individwi jew kumpaniji, din għandha d-dmir, bħala gwardjana tat-Trattat, li tiżgura li d-Direttiva tiġi implimentata b'mod adegwat u effettiv mill-Istati Membri; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jitrasponu b'mod sħiħ u effettiv id-Direttiva 2005/29/KE sabiex il-ħarsien ikun garantit fl-Istati Membri kollha, u biex tinfluwenza l-forma tal-għodod legali u proċedurali disponibbli, kif fil-każ tad-Direttiva 84/450/KEE, li provdiet għodod lill-Awstrija, lill-Spanja u lill-Olanda, b'hekk tkun għamlet id-dover tagħha bħala gwardjana tat-Trattat f'termini ta' ħarsien ta' intrapriżi waqt li tiżgura li d-dritt ta' stabbiliment u li tipprovdiservizz ma jkunx ostakolat;

11.   Jitlob lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/114/KE, l-aktar f'dawk l-Istati Membri fejn huwa magħruf li huma ibbażati kumpaniji ta' direttorji kummerjċali qarrieqa, iżda b'mod partikolari fi Spanja, fejn il-kumpanija ta' direttorju kummerċjali li l-aktar tissemma mill-petizzjonanti hija stabbilita, u fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja fejn il-qrati taw sentenzi kontra l-vittmi b'mod li jqumu dubbji dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/114/KE f'dawk il-pajjiżi; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament dwar is-sejbiet tagħha;

12.   Jesprimi dispjaċir li d-Direttiva 2005/29/KE ma tkoprix it-tranżazzjonijiet bejn intrapriżi u li l-Istati Membri jidhru li qegħdin joqgħodu lura milli jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tagħha; jinnota, madanakollu, li l-Istati Membri jistgħu unilateralment jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar konsumatur għat-tranżazzjonijiet bejn intrapriżi u jħeġġiġhom b'mod attiv biex jagħmlu dan u wkoll biex jiżguraw koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kif previst fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 sabiex ikun possibbli li jkunu individwati attivitajiet transkonfinali mwettqa minnt kumpaniji ta' direttorju kummerċjali stabbiliti fi ħdan l-UE jew f' pajjiż terz; barra minn dan, jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta sa Diċembru 2009 dwar il-fattibilità u l-konsegwenzi possibbli ta' estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE biex tkopri kuntratti bejn intrapriżi billi jittieħed kont partikolari tal-punt 21 tal-Anness I tagħha;

13.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżempju li tat l-Awstrija, li introduċiet projbizzjoni speċifika fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha dwar id-direttorji kummerċjali qarrieqa, u jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tan-natura transkonfinali ta' din il-problema, biex tipproponi leġiżlazzjoni biex testendi l-iskop tad-Direttiva 2005/29/KE, ibbażata fuq il-mudell Awstrijak, b'mod li speċifikament tipprojbixxi r-riklamar f'direttorji kummerjċali sakemm il-klijenti prospettivi ma jkunux infurmati b'mod mhux ekwivoku u b' mezzi ċari u grafiċi li tali riklamar huwa maħsub biss bħala offerta ta' kuntratt bi ħlas;

14.   Jinnota li l-liġi nazzjonali ta' spiss mhix adegwata sabiex wieħed ifittex rimedji kontra kumpaniji ta' direttorji kummerċjali li huma bbażati fi Stati Membri oħrajn u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita aktar kooperazzjoni transkonfinali attiva fost l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tippermettilhom jipprovdu rimedju aktar effettiv lill-vittmi;

15.   Jesprimi dispjaċir li r-Regolament (KE) 2006/2004 mhux applikabbli għal tranżazzjonijiet bejn intrapriżi u għalhekk ma tistax tintuża bħala mezz ta' ġlieda kontra d-direttorji kummerċjali qarrieqa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi leġiżlazzjoni biex testendi l-applikazzjoni tagħha biex tkopi dawn it-tranżazzjonijiet;

16.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżempju tal-Belġju, fejn dawk kollha affetwati minn prattiki qarrieqa jistgħu jieħdu azzjoni legali fil-pajjiż tar-residenza tagħhom;

17.   Jinnota li l-esperjenza Awstrijaka turi li d-dritt ta' vittmi li jkollhom azzjoni legali kollettiva meħuda kontra kumpaniji tad-direttorju minn għaqdiet tal-kummerċ jew entitajiet simili tidher li hi rimedju effettiv li jista' jkun replikat fl-inizjattivi meqjusa bħalissa mid-Direttorat Ġenerali għal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni rigward azzjonijiet għal danni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE u mid- Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi rigward rimedju kollettiv fil-livell tal-UE għall-konsumaturi;

18.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-vittmi ta' riklamar qarrieqi jkollhom awtorità nazzjonali identifikabbli li quddiema jistgħu jressqu lment u li permezz tagħha jistgħu jfittxu rimedju anke f'każijiet bħal dawn, fejn il-vittmi ta' riklamar qarrieqi huma intrapriżi;

19.   Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa linjigwida dwar l-aħjar prattiki għall-aġenziji nazzjonali ta' infurzar biex dawn ikunu jistgħu jsegwuhom meta jiġu ppreżentati b' każijiet ta' riklamar qarrieqi;

20.   Jistieden lill-Kummissoni sabiex tfittex kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti sabiex kumpaniji ta' direttorji kummerċjali qarrieqa bbażati f'pajjiżi terzi ma jagħmlux ħsara lil intrapriżi bbażati fl-Unjoni Ewropea;

21.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti Istati Membri.


(1)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

(2)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(3)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51.


Top