Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0506

Laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar ir-riżultat tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret fi Brussell fil-15 u fis-16 ta' Ottubru 200

ĠU C 15E, 21.1.2010, p. 40–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 15/40


L-Erbgħa, 22 ta' Ottubru 2008
Laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008

P6_TA(2008)0506

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar ir-riżultat tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret fi Brussell fil-15 u fis-16 ta' Ottubru 2008

2010/C 15 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara il-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill Ewropew u d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas superviżorju tal-UE u tal-ftehim għall-istabilità finanzjarja, tal-14 ta' Mejju 2008, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati fit-3 ta' Ġunju 2008, fl-4 ta' Diċembru 2007 u tfid-9 ta' Ottubru 2007,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-UE tinsab f'qagħda kritika rigward il-kriżi finanzjarja, l-isfida tal-bidla fil-klima u l-bżonn li jiġi stabbilit ftehim istituzzjonali ċar,

B.

billi l-kriżi finanzjarja attwali, li bdiet bil-każijiet tas-self b'ipoteka subprime fl-Istati Uniti, u li taf l-oriġini tagħha, fost l-oħrajn, minn snin ta' politika monetarja espansjonista żżejjed tar-Riserva Federali tal-Istati Uniti, min-nuqqas ta' trasparenza fis-swieq finanzjarji, mil-leverage eċċessiv tal-istituzzjonijiet finanzjarji, mis-sorveljanza dgħajfa tas-swieq finanzjarji, mill-kwalità ħażina tal-klassifikazzjoni u mis-suppożizzjonijiet ħżiena dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-propjetà, fost l-oħrajn, issa nfirxet mad-dinja kollha minħabba li kulma jmur is-swieq qegħdin isiru aktar integrati,

C.

billi l-innovazzjoni tas-swieq finanzjarji tista' tkun ta' użu imma prodotti finanzjarji bħal dawn iridu jiġu regolati u jkunu trasparenti sabiex ikun żgurat bilanċ tajjeb bejn l-effiċjenza u l-istabilità, u billi s-swieq finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija reali,

D.

billi l-għodod attwali ma rnexxilhomx iwaqqfu l-impatt tal-kriżi finanzjarja b'modi li jnaqqsu l-ispejjeż kollettivi u jevitaw ir-riskju, u billi hemm il-ħtieġa biex tiġi żgurata sorveljanza f'livell koerenti tal-UE tas-swieq finanzjarji li kulma jmorru qegħdin isiru aktar integrati; billi l-istabilità finanzjarja u l-ġestjoni tal-kriżijiet madankollu jinvolvu medda usa' ta' parteċipanti u mhux sorveljanti biss,

E.

billi l-konklużjonijiet tal-Presidenza mlaqqa' minħabba l-kriżi finanzjarja ma jsemmux lill-Parlament Ewropew bħala ko-leġiżlatur għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

F.

billi l-proċeduri parlamentari għar-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona saru f'24 Stat Membru; billi r-riformi istituzzjonali li hemm fit-Trattat ta' Liżbona huma bżonjużi b'mod urġenti sabiex ikun żgurat li l-Unjoni Ewropea tiffunzjona bla problemi u b'mod ibbilanċjat, bi skrutinju demokratiku sħiħ,

G.

billi għall-avvenimenti politiċi importanti tal-2009, b'mod partikulari għall-elezzjonijiet Ewropej u għat-twaqqif ta' Kummissjoni Ewropea ġdida, hija meħtieġa ċarezza dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali li għandhom japplikaw,

H.

billi l-UE għandha rwol importanti fix-xena internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, kemm permezz tat-tmexxija tagħha fin-negozjati internazzjonali kif ukoll fit-tnaqqis sinifikanti li impenjajna ruħna li nosservaw fis-27 Stat Membru; billi, f'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta' Marzu 2007 impenja ruħu li sal-2020 jikseb tnaqqis ta' 20 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, li għandhom jiżdiedu għal 30 % fil-każ ta' ftehim intenazzjonali komprensiv,

I.

billi l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima hija kwistjoni ewlenija u għan ewlieni għall-mira tal-Unjoni Ewropea u għandha tiġi indirizzata permezz ta' strateġija komprensiva fil-livell internazzjonali,

J.

billi t-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona-Göteborg u tal-pakkett tal-enerġija u tal-bidla fil-klima jitlob investiment fit-tul, u billi l-irwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu jikber f'dan ir-rigward,

Il-konsegwenzi makroekonomiċi tal-kriżi finanzjarja globali fuq l-ekonomija reali

1.

Jisħaq bil-qawwa fuq l-importanza li l-politiki makroekonomiċi Ewropej iridu jirreaġixxu bil-ħeffa u b'mod tassew ikkoordinat sabiex it-tkabbir ekonomiku globali jerġa' jieħu r-ruħ; madankollu, josserva li l-prinċipji tal-Patt tal-Istabilità u tat-Tkabbir m'għandhomx jiddgħajfu, u li l-Istati Membri għandhom jimmiraw għat-tisħiħ fiskali;

2.

Huwa mħasseb serjament bis-sitwazzjoni tas-swieq finanzjarji u jitlob biex ikompli jsir l-infurzar ta' azzjonijiet koordinati sabiex terġa' tikber il-fiduċja fis-swieq;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li endorsjaw il-miżuri deċiżi mill-Eurogroup fit-12 ta' Ottubru 2008, bħala l-ewwel pass importanti u kkoordinat biex terġa' tiddaħħal il-fiduċja fis-swieq, jitkabbar is-self fost il-banek u jissaħħu l-fondi proprji tal-banek sabiex ikunu jistgħu jkomplu jsellfu lill-kumpaniji u lill-gruppi familjari; jaqbel li dawn il-miżuri kienu meħtieġa biex jilqgħu għall-kriżi finanzjarja attwali;

4.

Jikkunsidra li hu kruċjali li l-Istati Membri juru l-impenn qawwi tagħhom u l-ġestjoni effiċjenti tal-kriżi sabiex jerġa' jkun hemm kundizzjonijiet stabbli tas-swieq billi dan hu ta' importanza kbira għall-fiduċja; jemmen li l-inizjattiva tal-ewwel laqgħa li qatt saret bejn il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet tal-pajjiżi taż-żona tal-Ewro, li ħadu deċiżjonijiet fil-kapaċità tagħhom, jeħtieġ li tevolvi aktar;

5.

Jinnota li din il-kriżi għandha implikazzjonijiet lil hinn mis-swieq finanzjarji, b'mod partikulari rigward il-vijabilità tan-negozji, l-impjiegi, il-finanzi personali u l-SMEs, u li l-impatt ma kienx ikun prevedibbli li kieku l-awtoritajiet nazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u banek ċentrali oħra ma daħħlux miżuri sabiex jerġgħu jagħtu l-fiduċja mill-ġdid lis-sistema finanzjarja;

6.

Jisħaq fuq il-ħtieġa għal azzjoni fir-rigward tal-istabilità finanzjarja u tar-riskju sistemiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-aġenda ta' Liżbona u jadattaw il-programmi ta' riforma nazzjonali tal-Istati Membri f'dan iż-żmien ta' distorsjoni ekonomika sa tmiem din is-sena sabiex jitħarsu l-impjiegi u d-dħul taċ-ċittadini tal-UE;

7.

Jikkunsidra li hu importanti li jkun meħtieġ ambjent makroekonomiku sostenibbli u orjentat lejn it-tkabbir; ifakkar fl-importanza kbira tal-aċċess kontinwu għall-kreditu għaċ-ċittadini u l-SMEs u l-investimenti fl-infrastrutturi tal-UE sabiex jiġi evitat tnaqqis drammatiku fit-tkabbir ekonomiku u fl-impjiegi; jisħaq fuq l-irwol li jista' jkollu l-Bank Ewropew tal-Investiment f'dan ir-rigward;

L-istrateġija għall-ħruġ mill-kriżi finanzjarja

8.

Hu determinat li jappoġġja miżuri li jistgħu jġibu lura l-likwidità fis-swieq, sabiex il-faċilitajiet tal-kreditu jkunu jistgħu jerġgħu jingħataw lin-negozji u lill-individwi; jagħraf il-ħtieġa ta' rassikurazzjoni għal kull min iħallas it-taxxi li l-miżuri li jittieħdu jirriflettu l-preokkupazzjonijiet tagħhom, u jinnota li t-twaqqif mill-ġdid tal-istabilità finanzjarja huwa kritiku għat-tkabbir ekonomiku tal-ġejjieni; jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu t-tħaddim tas-sistema finanzjarja attwali jekk iridu jkunu serji dwar ir-rieda tagħhom li jerġgħu jdaħħlu l-fiduċja fis-swieq finanzjarji u biex jindirizzaw il-kriżi finanzjarja b'mod globali;

9.

Jilqa' bil-ferħ ir-reazzjoni rapida u komprensiva tal-Kummissjoni Ewropea fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna statali għall-miżuri li ttieħdu rigward l-istituzzjonijiet finanzjarji; fil-kuntest tal-monitoraġġ strett tal-miżuri ta' emerġenza, jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf tim interdixxiplinari, li jinkludi l-kompetenza tad-DĠ Kompetizzjoni, il-Kumitati Livell 3 u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, sabiex jinġabru l-għerf u l-kapaċitajiet u sabiex ikun żgurat li jittieħdu deċiżjonijiet ibbilanċjati, imparzjali u ta' kwalità għolja fl-Istati Membri kollha;

10.

Japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi grupp ta' livell għoli sabiex jelabora struttura superviżorja li tkun soda u sostenibbli kif ukoll tipprovdi għal integrazzjoni u koordinazzjoni transettorjali u transkonfinali aħjar; jenfasizza l-importanza li dan jingħata mandat ċar, fi żmien medda qasira ta' żmien, u li jirrapporta lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew;

11.

Japprova l-ħolqien ta' “unità għall-kriżi finanzjarja” u jitlob lill-Kunsill biex jaqbel f'inqas żmien dwar il-modalitajiet tal-operat u l-koperazzjoni tiegħu mal-grupp ta' livell għoli stabbilit; jikkritika bis-saħħa l-assenza tal-Parlament Ewropew minn din l-unità tal-kriżi; jappoġġja l-ħolqien ta' sistema ta' twissija minn kmieni li tkun qawwija aktar li tithaddem mill-Kummissjoni u mill-BĊE u tkun responsabbli mis-setgħat ta' koordinazzjoni u ta' infurzar, fejn il-Kumitati ta' Livell 3 jkunu jistghu jippartecipaw;

12.

Japprova d-deċiżjoni tal-Kunsill li jtejjeb l-irwol tal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) bħala entità li ssellef u tissellef;

13.

Jinsab imħasseb dwar il-periklu fis-swieq finanzjarji maħluq minħabba d-daqs tal-pakketti ta' għajnuna Statali u jikkunsidra li huwa importanti li, fl-interessi ta' min iħallas it-taxxi u tal-baġits tal-Istati Membri, kull darba li flus pubbliku jintnefaq biex tiġi salvata istituzzjoniji finanzjarja, dan għandu jsir fuq sorveljanza pubblika, b'titjib fil-governanza, limiti fis-salarji, responsabbiltà qawwija lejn l-awtoritajiet pubbliċi u strateġiji tal-investiment għall-ekonomija reali;

It-titjib tar-regolamenti

14.

Jitlob lill-Kunsill biex taħdem id f'id mal-Parlament Ewropew, u jitlob lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħa ta' inizjattiva tagħha sabiex tipproponi miżuri għat-tisħiħ tal-qafas regolatorju u superviżorju u l-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE fil-livell regolatorju tal-UE;

15.

Jenfasizza l-bżonn li jiġu analizzati b'attenzjoni l-kawżi tal-kriżi finanzjarja attwali, b'mod partikulari l-adegwatezza tas-superviżjoni u l-konformità mar-regoli eżistenti; itenni s-sejħa tiegħu biex jitfasslu miżuri leġiżlattivi rigward, b'mod partikulari, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-banek, l-irwol tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, it-titolizzazzjoni u l-monitoraġġ tat-titolizzazzjoni, il-fondi koperti u tipi oħra ta' istituzzjonijiet ġodda, l-irwol tad-dejn eċċessiv, ir-rekwiżiti tat-trasparenza, ir-regoli tal-istralċ, l-ikklirjar fis-swieq barra l-Borża u l-mekkaniżmi ta' prevenzjoni ta' kriżijiet; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex iżżid il-ħarsien minimu għad-depositi bankarji u jtenni l-impenn tiegħu biex janalizza l-proposta malajr;

16.

Itenni l-bżonn biex jissaħħaħ il-proċess ta' Lamfalussy, kif rikjest fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-segwitu għal-Lamfalussy: il-futur tas-supervizjoni (1), inkluża s-superviżjoni tal-akbar gruppi finanzjarji transkonfinali minn kulleġġi u d-dispożizzjoni ta' stejtus legali ċar u prerogattivi aktar b'saħħithom għall-Kumitati ta' Livell-3, bħala mezz biex titjieb is-superviżjoni fl-UE u tgħin id-djalogu internazzjonali u l-kordinazzjoni tal-politika f'dan il-qasam;

17.

Jirrimarka li kriżi li tmur oltra l-ġurisdizzjonijiet nazzjonali ma tistax tiġi ffaċċjata biss b'mod individwali mill-awtoritajiet nazzjonali, u li fil-kriżi transkonfinali, il-koperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet superviżorji huma ta' importanza fundamentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli sabiex b'mod konġunt, jiżviluppaw proposti adegwati għal ġestjoni effettiva tal-kriżijiet sabiex dawn jitqiesu mill-Parlament Ewropew; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkun hemm tisħiħ tal-koordinazzjoni fil-livell tal-UE fil-laqgħat fil-livell tal-G8 u jemmen bis-saħħa li hemm bżonn ta' risposti globali għall-kriżi, li jistgħu jippromwovu l-istabbiliment ta' ordni finanzjarju internazzjonali ġdid, bir-riforma tal-istituzzjonijiet Bretton Woods;

18.

Jilqa' l-inizjattiva biex mill-aktar fis tiġi promossa konferenza internazzjonali biex jiġu diskussi l-azzjonijiet regolatorji u ta' superviżjoni li għandhom jiġu ffaċċjati biex tissolva l-kriżi attwali; jinsab konvint li l-UE għandu jkollha rwol ta' tmexxija meta jiġi diskuss il-ġejjieni tal-istruttura finanzjarja internazzjonali; jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex idaħħlu lill-Parlament Ewropew f'dan il-proċess;

19.

Iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex tressaq mingħajr aktar dewmien il-proposta tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' savings fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx (2);

It-Trattat ta' Liżbona

20.

Itenni r-rispett tiegħu għar-riżultati tar-referedum Irlandiż u għar-riżultati tal-proċeduri ta' ratifikazzjoni tal-Istati Membri, u jikkunsidra li hu possibbli li jiġu sodisfatti l-preokkupazzjonijiet li ntwerew mill-poplu Irlandiż sabiex tkun żgurata soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd qabel l-elezzjonijiet Ewropej; jinsab lest li joffri lill-Gvern kif ukoll lill-Parlament Irlandiż kull assistenza li jistgħu jeħtieġu sabiex jippreżentaw sett ta' proposti li jwasslu għal konsensus aktar wiesa' u aktar infurmat fl-opinjoni pubblika Irlandiża dwar il-ġejjieni tal-Irlanda fi ħdan Unjoni Ewropea riformata u msaħħa, u li tkun aċċettabbli għas-sħab tal-Irlanda fl-UE;

21.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex, fil-laqgħa tiegħu li jmiss, jiddefinixxi metodu u skeda programmatika li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat;

L-Enerġija u l-bidla fil-klima

22.

Huwa tal-opinjoni li l-objettivi klimatiċi tal-UE għal wara l-2012 m'għandhomx jiġu ddubitati bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja internazzjonali attwali; jieħu l-impenn li jikkopera mill-qrib mal-Kunsill u mal-Kummissjoni biex jintlaħaq ftehim effettiv u prattiku dwar il-Pakkett tal-Bidla fil-Klima u tal-Enerġija fl-iqsar żmien possibbli; jenfasizza madankollu li huwa ta' importanza fundamentali għall-industrija tal-UE, għall-impjegati tagħha u għall-konsumaturi li l-miżuri meqjusa biex jintlaħqu dawn l-objettivi jiġu evalwati fil-fond biex jiġu żgurati l-effetti tagħhom fuq il-kompetittività settorjali u ġenerali tal-kumpaniji tal-UE; ifakkar lill-Kunsill li din hija proċedura ta' kodeċiżjoni fejn hija meħtieġa maġġoranza kkwalifikata;

23.

Jitlob lill-Kunsill biex iżomm l-objettivi ambizzjużi proposti sabiex jintlaħaq ammont obbligatorju ta' 20 % ta' enerġija rinnovabbli sostenibbli fil-konsum ġenerali finali tal-enerġija tal-Komunità, u ammont ta' 10 % obbligatorju ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli sostenibbli fis-settur tat-trasport ta' kull Stat Membru sal-2020;

24.

Jinnota l-appoġġ li ngħata mill-istess Kunsill Ewropew għal sforzi lejn tnaqqis ta' 30 % fil-każ ta' ftehim internazzjonali jekk il-pajjiżi żviluppati l-oħra jikkommettu ruħhom għal tnaqqis paragunabbli fl-emissjonijiet u jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma ekonomikament iktar avvanzati jikkontribwixxu b'mod xieraq bi qbil mar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom;

25.

Ifakkar li huwa ta' imporatnza fundamentali għall-industrija tal-UE li l-miżuri neċessarji ta' flessibilità jiġu introdotti għall-iktar setturi esposti għal “delokalizzazzjoni”/rilokazzjoni tal-karbonju u t-telf tal-kompetittività;

26.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-potenzjal tal-Qbid u Ħżin tad-Dijossidu tal-Karbonju biex jgħin fit-tnaqqis sostanzjali tas-CO2 fis-settur tal-enerġija u l-istallazzjonijiet industrijali kien rikonoxxut, fost l-oħrajn mill-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima; jistieden għalhekk lill-Kunsill biex jiżgura li jkun ipprovdut finanzjament adegwat sabiex it-12-il proġett ta' dimostrazzjoni li talab jistgħu jibdew jaħdmu mill-2015;

27.

Ifakkar fil-bżonn li l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards tar-rendiment tal-emissjonijiet għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri tiddaħħal bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi ta' użu ħafif (COM(2007)0856 bħala waħda mill-proposti leġiżlattivi fil-pakkett tal-bidla klimatika u tal-enerġija;

Is-sigurtà tal-enerġija

28.

Jitlob impenn politiku qawwi biex issir it-tranżizzjoni għall-ekonomija tal-UE b'livell baxx ta' karbonju, flimkien ma' użu ikbar ta' sorsi indiġeni, produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata u miżuri għall-iffrankar tal-enerġija biex ikunu promossi s-sorsi rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u sorsi oħra ta' enerġija b'livell baxx ta' karbonju, bl-għan tad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq fjuwils fossili impurtati, minħabba li din il-bidla hija l-aktar risposta loġika għall-prezzijiet taż-żejt ogħla; jaqbel mal-prijorità li dawn il-miżuri strateġiċi għandhom ikunu appoġġati minn impenji finanzjarji b'saħħithom fir-riċerka u l-iżvilupp;

29.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isegwu b'determinazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament bil-għan li tintlaħaq politika esterna Ewropea dwar l-enerġija, partikolarment billi tiġi promossa l-unità tal-UE fin-negozjati ma' fornituri tal-enerġija u ma' pajjiżi ta' transitu, u billi jiġu mħarsa l-interessi tagħha bħala entità sħiħa, billi tiġi żviluppata diplomazija tal-enerġija effettiva, jiġu adottati mekkaniżmi iktar effettivi bħala tweġiba għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi u tiġi żgurata d-diversifikazzjoni tal-fornituri tal-enerġija; ifakkar dwar il-bżonn li tiġi adottata strateġija għal dan il-għan, flimkien mal-istrumenti neċessarji biex din tiġi implimentata; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħolqien ta' interkonnessjonijiet neċessarji li għadhom ma jeżistux, partikolarment fil-parti tal-Lvant tal-Ewropa;

30.

Jilqa' b'sodisfazzjon is-sejħa tal-Kunsill biex tissaħħaħ u tkun issuplimentata l-infrastruttura kritika; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta n-networks trans-Ewropej tal-enerġija u tistabbilixxi pjan prijoritarju ta' interkonnessjoni, mingħajr ma tittraskura l-infrastruttura u l-faċilitajiet ta' ħażna għall-ilqugħ/għar-rigassifikazzjoni ta' gass naturali likwefatt; jilqa' l-attenzjoni speċjali li ngħatat lir-reġjuni iżolati tal-UE; jenfasizza l-importanza li tkun żviluppata iktar l-infrastruttura Ewropea tal-interkonnessjoni u tal-grid biex jinġab fis-swieq livell dejjem ogħla ta' enerġija mir-riħ li ġej minn barra l-kosta; jinnota li l-interkonnessjonijiet transkonfinali se jeħtieġu miżuri speċjali, bħall-iffinanzjar bi preferenza jew eżenzjonijiet mit-taxxa; jinnota li t-tlestija tal-konnessjonijiet nieqsa fit-TENs se ttejjeb is-sigurtà tal-provvista, kif ukoll tikkontribwixxi biex is-suq intern ikun komplut;

31.

Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed f'arranġament istituzzjonali u multilaterali, inklużi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u mat-tranżitu, u t-trasparenza tal-operazzjoni tas-suq;

32.

Jirrimarka li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija prijorità għall-Unjoni Ewropea; jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp ta' proġetti konġunti tal-UE dwar l-enerġija rinovabbli għandu jkollhom irwol ewlieni biex ikun hemm iċ-ċertezza tal-provvista tal-enerġija, filwaqt li jiżguraw il-konformità mal-miri ta' Liżbona u ta' Göteborg;

33.

Jenfasizza li l-effiċjenza fl-enerġija mhix biss l-iktar mezz effettiv f'termini ta' nfiq fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass bl-effett ta' serra iżda għandha wkoll impatt dirett pożittiv fuq l-ekonomija, permezz ta' kontijiet tal-fjuwil irħas u żieda f'kemm jiflaħ jonfoq il-konsumatur fuq prodotti u servizzi oħra; jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-implimentazzjoni ta' politiki ta' effiċjenza fl-enerġija u tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

34.

Jikkunsidra li suq intern li jkun operattiv għal kollox huwa importanti ħafna għas-sigurtà tal-provvista; jinnota li s-suq tal-UE tal-enerġija għadu mhux komplut bis-sħiħ u li l-implimentazzjoni sħiħa hija imperattiva; jilqa' b'sodisfazzjon is-sejħa biex jiġi finalizzat il-pakkett leġiżlattiv dwar is-suq intern tal-enerġija qabel it-tmien tal-mandat parlamentari; jitlob lill-Kunsill biex jibda n-negozjati mal-Parlament dwar dak il-pakkett, fuq il-bażi tal-ftehim politika li sar fl-10 ta' Ottubru 2008 fil-Kunsill għall-Enerġija;

Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil

35.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Presidenza Franċiża dwar il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil safejn dan jippromwovi approċċ bilanċjat u koerenti għall-migrazzjoni fl-objettiv doppju tiegħu: li jipprovdi mezzi legali ta' migrazzjoni waqt li fl-istess ħin jittratta l-migrazzjoni illegali; f'dan il-kuntest jemmen li Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għandha tkun ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-migranti huma membri individwali tas-soċjetà u ċittadini potenzjali; huwa tal-fehma, barra minn hekk, l-Istati Membri ghandhom jippruvaw jistabbilixxu politiki ċari u effettivi għall-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali; jikkunsidra, għaldaqstant, li jeħtieġ li dan il-Patt ikun akkumpanjat minn proposti legizlattivi konkreti;

36.

Jaqbel mal-Kunsill li l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil għandu jipprovdi l-qafas għall-azzjoni taħt Presidenzi futuri;

Is-segwitu għall-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Settembru 2008

37.

Huwa tal-fehma li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-kunflitti fil-Kawkasu, u jesprimi l-kundanna soda tiegħu ta' dawk kollha li rrikorrew għall-forza u l-vjolenza sabiex jibdlu s-sitwazzjoni fit-territorji separatisti Ġeorġjani tal-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia;

38.

Ifakkar fl-azzjoni militari sproporzjonata tar-Russja fil-bidu t'Awwissu 2008 fil-Ġeorġja u l-inkursjoni tagħha 'l ġewwa ħafna fil-pajjiż, kif ukoll id-deċiżjoni unilaterali tagħha li tirrikonoxxi l-indipendenza tal-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia;

39.

Jistieden lir-Russja biex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha kif rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha tal-UE;

40.

Jenfasizza li l-UE trid tirrevedi l-politika tagħha rigward ir-Russja jekk ir-Russja ma tikkonformax mal-impenji tagħha skont il-ftehim tat-12 t'Awwissu u tat-8 ta' Settembru 2008;

41.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward is-sitwazzjoni fil-Ġeorġja; ifakkar fl-impenji tal-ftehim tat-12 ta' Awwissu u tat-8 ta' Settembru; jenfasizza li l-irtirar tat-truppi Russi miz-zoni qrib l-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia huwa pass addizzjonali essenzjal; jitlob ir-ritorn malajr u f'sitwazzjoni sikura tar-rifuġjati, akkumpanjat mill-iskjerament tal-osservaturi tal-UE fit-territorju; jiddispjaċih mill-falliment tat-taħdidiet bejn ir-Russja u l-Ġeorġja f'Ġinevra fil-15 ta' Ottubru 2008;

42.

Jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) fil-Ġeorġja mhix qed titħalla tidħol fiż-żewġ reġjuni separatisti, fejn ir-Russja qed tippjana li tistazzjona 7 600 suldat tal-armata regolari minflok il-kontinġenti żgħar ta' truppi għaż-żamma tal-paċi Russi li kienu skjerati fiż-żewġ territorji wara l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-1992 sa' l-1994;

43.

Jistenna bil-ħerqa l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi dwar il-Ġeorġja tat-22 ta' Ottubru 2008; jilqa' b'sodifazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju u prattiku b'saħħtu lill-Ġeorġja; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq, u f'qasir żmien tiżgura s-segwitu, ta' miżuri mmirati lejn ir-rijabilitazzjoni u l-irkupru taz-zoni ta' kunflitt u biex iżżid l-għajnuna umanitarja bl-għan li tissetilja mill-ġdid u tipprovdi rifuġju qabel ix-xitwa lill-persuni affettwati mill-gwerra;

44.

Jinnota li l-kwistjonijiet pendenti kollha jridu jkunu solvuti waqt il-konferenza internazzjonali f'Ġinevra, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mas-sitwazzjoni bħalissa fl-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia, u l-futur tagħhom, u b'mod partikulari l-preżenza kontinwa militari Russa f'Akhalgori u Perevi fl-Ossetia tan-Nofsinhar u fil-wied ta' Kodori fl-Abkhazia, u li sakemm dan iseħħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ma jistgħux jiġu lura għan-normal għal kollox;

45.

Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li huwa importanti li jkun żgurat li persuni u NGOs li huma impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u ċivili jkunu jistgħu jaħdmu f'konformità mal-impenji li r-Russja ħadet mal-Kunsill tal-Ewropa u mingħajr intimidazzjoni;

46.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidrau l-applikazzjoni selettiva tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u ta' Sħubija u l-Istrument Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem u għad-Demokrazija fil-Belarus billi jestendu iktar appoġġ lis-soċjetà ċivili fil-Belarus; jenfasizza li l-oppożizzjoni demokratika fil-Belarus għandha tkun involuta bis-sħiħ fid-djalogu bejn l-UE u l-Belarus;

47.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iniedu djalogu ta' veru mal-awtoritajiet Belarussi li jkun ibbażat fuq approċċ gradwali u b'kundizzjonijiet, mgħammar b'indikaturi, skedi ta' żmien, klawżoli ta' reviżjoni u mezzi finanzjarji adegwati;

48.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ li ngħata mill-Kunsill Ewropew għall-proġett tas-“Sħubija mal-Lvant” li qed jitfassal bħalissa mill-Kummissjoni biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-ġirien tal-Lvant tagħha; jenfasizza li din is-sħubija jrid ikollha kontenut konkret u tanġibbli, b'mod partikulari rigward il-libertà tal-moviment u l-kummerċ ħieles, iżda wkoll riżorsi finanzjarji biżżejjed fil-baġit tal-UE;

*

* *

49.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0476.

(2)  ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38.


Top