EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0314

Iran Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' Ġunju 2008 dwar l-Iran

ĠU C 286E, 27.11.2009, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 286/54


Il-Ħamis, 19 ta' Ġunju 2008
Iran

P6_TA(2008)0314

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar l-Iran

2009/C 286 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Presidenza tal-UE tal-4 ta' Ġunju 2008 u l-10 ta' Ġunju 2008 dwar l-eżekuzzjoni imminienti fl-Iran ta' minorenni li wettqu reati,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-13 ta' Ġunju 2008 mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-eżekuzzjoni ta' Mohammad Hassanzadeh,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u, l-aktar, ir-riżoluzzjoni 62/168 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Islamika tal-Iran u r-riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal li għalihom l-Iran huwa parti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-qagħda ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran baqgħet tmur għall-agħar mill-2005, u billi n-numru ta' eżekuzzjonijiet waħedhom kważi rrdoppja fl-2007,

B.

billi l-Iran u xi ftit pajjiżi oħra għadhom jipprattikaw l-eżekuzzjoni ta' minorenni, billi huwa fatt magħruf li l-Iran, aktar minn kull pajjiż ieħor, ta l-mewt lil minorenni li wettqu reati, u skond xi rapporti hemm aktar minn 100 persuna jistennew li jingħataw il-piena tal-mewt fl-Iran għal reati li huma allegatament wettqu meta kellhom anqas minn 18-il sena,

C.

billi Mohammad Hassanzadeh, minorenni li wettaq reat, lanqas kellu 18-il sena meta ngħata l-mewt fl-10 ta' Ġunju 2008,

D.

billi talanqas erba′ minorenni oħra li wettqu reat, Behnoud Shojaee, Mohammad Fedaei, Saeed Jazee u Behnam Zaare, jinsabu f'riskju imminenti li jingħataw il-piena tal-mewt, u l-awtoritajiet Iranjani ordnaw li l-eżekuzzjoni tiġi sospiża b'xahar għal Behnoud Shojaee u Mohammad Fedaei,

E.

billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fakkar lill-awtoritajiet Iranjani fl-10 ta' Ġunju 2008 bil-projbizzjoni assoluta, skond il-liġi internazzjonali, tal-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal minorenni li wettqu reati,

F.

billi l-minorenni Iranjani li wettqu reati jinkludu persuni li kellhom relazzjonijiet ma' persuna tal-istess sess, imġiba li hija kkastigata bil-piena kapitali,

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-pieni tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, l-aktar dawk imposti jew esegwiti fuq minorenni li wettqu reati u fuq minorenni b'mod ġenerali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jirrispettaw is-salvagwardji legali rrikonoxxuti fuq livell internazzjonali dwar il-minorenni;

2.

Jenfasizza li l-kundanni tal-piena tal-mewt għall-minorenni huma bi ksur dirett tal-obbligi u l-impenji internazzjonali tar-Repubblika Islamika tal-Iran, li għalihom l-Iran huwa parti, speċifikament dawk stipulati fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li t-tnejn jipprojbixxu b'mod ċar l-eżekuzzjoni ta' minorenni jew ta' persuni kkundannati għal reati mwettqa meta kienu għadhom minorenni;

3.

Jikkundanna bl-akbar qawwa l-eżekuzzjoni ta' Mohammad Hassanzadeh, li kien taħt it-18-il sena meta ngħata l-mewt;

4.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani sabiex iwaqqfu l-eżekuzzjoni ta' Behnoud Shojaee, Mohammad Fedaei, Saeed Jazee, Behnam Zaare u minorenni oħra li wettqu reati li ġew ikkundannati għall-mewt;

5.

Jistieden lill-membri tal-Majlis (il-Parlament Iranjan) li għadu kif ġie elett sabiex japprovaw b'ħeffa r-riforma li hemm pendenti tal-kodiċi penali Iranjana, l-aktar bil-għan li jabolixxu t-tħaġġir u l-eżekuzzjonijiet ta' tfal li jkunu wettqu reati, sabiex ifittxu li jistabilixxu moratorju fuq il-piena tal-mewt u sabiex il-leġiżlazzjoni Iranjana tinġieb konformi mal-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

6.

Jappella sabiex ir-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess ma jibqgħux jitqiesu bħala reati kriminali fl-Iran;

7.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jissospendu l-espulsjoni lejn l-Iran ta' persuni li huma mhedda bil-piena tal-mewt jew bit-tortura;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kap tal-Ġudikatura tal-Iran, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Republika Islamika tal-Iran.


Top