EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 52008IP0231

Is-sitwazzjoni traġika fil-Burma Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar is-sitwazzjoni traġika fil-Burma

ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 80/82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/80


Is-sitwazzjoni traġika fil-Burma

P6_TA(2008)0231

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-sitwazzjoni traġika fil-Burma

(2009/C 279 E/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tat-13 ta' Mejju 2008 tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u għar-Relazzjonijiet Esterni dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Burma/Myanmar,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-24 ta' Ottubru 2005 dwar ir-Riżultat tas-Samit Dinji, li l-paragrafu 139 tagħha approva l-possibilità ta' azzjoni koeżiva kontra stati individwali meta “l-awtoritajiet nazzjonali qed jonqsu b'mod ċar li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom mill-ġenoċidju, mid-delitti tal-gwerra, mit-tindif etniku u mid-delitti kontra l-umanità”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fit-2 u fit-3 ta' Mejju 2008 ċ-ċiklun Nargis laqat b'mod qawwi reġjuni fin-Nofsinhar tal-Burma, inkluż il-belt ewlenija tal-pajjiż, Rangoon, u r-reġjun tad-Delta Irrawaddy, li fih tgħix kważi nofs il-popolazzjoni tal-Burma,

B.

billi l-midja tal-istat tal-Burma tirrapporta 77 738 mejtin s'issa, b'55 917 neqsin, filwaqt li osservaturi indipendenti u aġenziji internazzjonali li jipprovdu l-għajnuna jqisu li l-ammont hu mill-inqas ta' 100 000 persuna mejta; billi n-NU tistma li bejn 1.6 u 2.5 miljun persuna ġew affettwati serjament u jeħtieġu l-għajnuna b'mod urġenti,

C.

billi l-Kunsill tal-Istat għall-Paċi u l-Iżvilupp, li qiegħed fil-poter, injora t-twissijiet u rreaġixxa bil-mod ħafna għall-emerġenza u meta ġie biex jaċċetta għajnuna barranija; s'issa ppermetta biss li jidħlu konsenji limitati ħafna ta' għajnuna umanitarja internazzjonali fil-pajjiż, filwaqt li insista li riedu jiġu mqassma mill-militar u qed idewwem il-ħruġ ta' viżi lil esperti tan-NU u esperti oħra tal-għajnuna għad-diżastri u tal-loġistika,

D.

billi l-liġi umanitarja tiddetta li l-għoti tal-għajnuna umanitarja jrid ikun newtrali u indipendenti,

E.

billi l-ġunta kompliet għaddejja bir-referendum fl-10 ta' Mejju 2008 minkejja s-sitwazzjoni serja tal-għexieren ta' eluf ta' persuni li ntlaqtu miċ-ċiklun devastanti, bl-eċċezzjoni tad-distretti li ntlaqtu l-agħar, fejn ġie pospost għall-24 ta' Mejju 2008, minkejja l-istedina għat-tħassir jew il-posponiment tiegħu mis-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji,

F.

billi l-Gvern tal-Burma qed jimblokka l-isforzi internazzjonali għall-għajnuna mingħajr ma jagħti kas bl-ebda mod tal-fatt li n-nuqqas ta' ilma nadif, ikel u kura tas-saħħa x'aktarx li jikkawża mard infettuż u b'hekk jiżdied b'mod sinifikanti n-numru tal-vittmi,

G.

billi n-nazzjonalitajiet etniċi, l-iktar il-Karen — li diġà sofrew minn ħafna diskriminazzjoni u privazzjoni — ġew affettwati serjament fiz-zona tad-Delta,

H.

billi l-ambjent operattiv għall-għoti ta' għajnuna umanitarja diġà kien restritt ħafna minn meta kienu nħarġu linjigwidi l-ġodda mill-Gvern tal-Burma fi Frar 2006, li rriżultaw fi proċeduri ikkumplikati ta' vvjaġġar u moniteraġġ għall-istaff barrani,

I.

billi, jumejn wara ċ-ċiklun, il-Kummissjoni ħarġet EUR 2 miljun biex tgħin sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet bażiċi tas-superstiti fiz-zona tad-diżastru; billi l-livell attwali ta' għajnuna mwiegħda mill-UE jammonta għal EUR 17-il miljun u jista' jiżdied għal aktar minn EUR 30 miljun jekk it-tmexxija tal-Burma tippermetti l-għajnuna internazzjonali,

J.

billi l-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Iżvilupp ma tħalliex jivvjaġġa lejn iz-zoni li ġew affettwati l-aktar, u l-impenn tiegħu li l-ħaddiema li jipprovdu l-għajnuna jingħataw aċċess aħjar għad-Delta ta' Irrawaddy ġie injorat,

K.

billi bosta gvernijiet, inklużi dawk ta' Stati Membri tal-UE, talbu li l-prinċipju tar-’responsabilità li tipproteġi’, stabbilit min-NU biex issalva l-vittmi tal-ġenoċidju u tad-delitti kontra l-umanità, jiġi applikat fil-każ tal-Burma,

1.

Jagħti l-kondoljanzi sinċieri u s-solidarjetà tiegħu lill-poplu tal-Burma u lill-għadd kbir ta' vittmi; jesprimi s-sobgħa tiegħu lil dawk kollha li qed ibatu l-konsegwenzi tad-diżastru;

2.

Jikkundanna b'qawwa l-fatt li l-awtoritajiet tal-Burma, li poġġew il-preservazzjoni tal-poter tagħhom qabel is-sopravivenza taċ-ċittadini tagħhom, b'mod inaċċettabbli rreaġixxew bil-mod għal din il-kriżi umanitarja gravi;

3.

Jistieden lill-Gvern tal-Burma bl-aktar mod qawwi biex ipoġġi ħajjet in-nies tiegħu l-ewwel u jiftaħ iz-zoni affettwati miċ-ċiklun għal ħidma ta' għajnuna umanitarja internazzjonali, jagħti immedjatament viżi lill-ħaddiema li jipprovdu l-għajnuna, jippermetti lin-NU u lill-aġenziji internazzjonali li jipprovdu l-għajnuna biex iqassmu l-għajnuna direttamnt lil dawk li huma fil-bżonn u jippermetti pajjiżi f'dawk in-naħat biex jagħtu l-għajnuna bl-ajru u bil-baħar lill-vittmi li ma jistgħux jintlaħqu malajr b'modi oħra;

4.

Jikkundanna l-prijoritajiet imħawda tar-reġim li qed ikompli għaddej bl-hekk imsejjaħ referendum dwar il-kostituzzjoni fittizja, u jiċħad ir-riżultat, li ma jistax jitwemmen fi żmien meta parti kbira tal-pajjiż ġiet devastata u miljuni qed ibatu minn dak li ġustament ġie deskritt bħala diżastru naturali li nbidel f'katastrofi magħmula mill-bniedem;

5.

Itenni li s-sovranità ta' nazzjon ma tistax titħalla tirbaħ fuq id-drittijiet tal-bniedem tan-nies ta' dak in-nazzjon, u dan kif stabbilit fil-prinċipju tan-NU tar-“responsabilità li tipproteġi”; jistieden lill-Gvern tar-Renju Unit, li se jkollu l-Presidenza ta' Mejju tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jieħu azzjoni urġenti biex ipoġġi s-sitwazzjoni fil-Burma fuq l-aġenda tal-Kunsill tas-Sigurta', u jistieden lill-Kunsill biex jeżamina jekk l-għajnuna mibgħuta lill-Burma tistax tiġi awtorizzata anke mingħajr il-kunsens tal-ġunta militari tal-Burma;

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim milħuq waqt il-laqgħa għolja tal-ASEAN, l-Indja u ċ-Ċina li saret fis-Singapor fid-19 ta' Mejju 2008 li l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja titħalla tikkoordina l-isforzi tal-għajnuna internazzjonali, kif ukoll id-deċiżjoni li tinżamm konferenza internazzjonali tad-donaturi b'koperazzjoni man-NU f'Rangoon fil-25 ta' Mejju 2008 sabiex jinġabru l-għajnuniet għall-vittmi;

7.

Jitlob f'dan ir-rigward li jitwaqqaf fond speċjali bħala kwistjoni ta' urġenza taħt il-patroċinju tan-NU biex jiġi ffaċilitat it-tqassim effettiv tal-għajnuna fil-pajjiż;

8.

Iħeġġeġ lill-Gvernijiet taċ-Ċina u tal-Indja biex jużaw l-influwenza li għandhom mal-awtoritajiet tal-Burma sabiex il-Burma tinfetaħ għal aċċess immedjat għall-għajnuna umanitarja kollha possibbli;

9.

Jenfasizza n-natura urġenti tal-għajnuna li għandha tingħata lill-popolazzjoni li qed tbati hekk kif il-kundizzjonijiet tat-temp fiz-zona affettwata jmorru għall-agħar minħabba l-bidu tal-Monsun, li jġib miegħu theddida oħra għas-superstiti, li huma nieqsa minn kollox; jikkunsidra li hu importanti li jiġi żgurat li l-bdiewa affettwati jirċievu għajnuna biex ikunu jistgħu jiżirgħu żargħa ġdid ta' ross fil-ħin biex jevitaw diżastru ieħor;

10.

Jesprimi appoġġ għall-isforzi tal-UE, tan-NU, ta' pajjiżi individwali u organizzazzjonijiet internazzjonali u non-governattivi oħrajn biex jiksbu aċċess għal ħaddiema li jipprovdu l-għajnuna umanitarja, u jenfasizza li, mingħajr il-koperazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet tal-Burma, teżisti theddida sostanzjali li sseħħ traġedja li saħansitra tkun ikbar; għandu tama kbira fir-rigward tal-missjoni li daqt se jagħmel is-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, li ġie mistieden għal taħdidiet mal-awtoritajiet tal-Burma; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex juża l-influwenza li għandu mal-awtoritajiet tal-Burma sabiex il-Burma tinfetaħ għal aċċess immedjat għall-għajnuna umanitarja kollha possibbli;

11.

Huwa tal-fehma li, jekk l-awtoritajiet tal-Burma jkomplu jfixklu l-għajnuna milli tasal għand dawk li huma fil-perikolu, għandhom jinżammu responsabbli għal delitti kontra l-umanità quddiem l-ICC; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jagħmlu pressjoni għal riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li tirreferi l-każ lill-Prosekutur tal-ICC għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Burma, lill-Kunsill tal-Istat tal-Burma għall-Paċi u għall-Iżvilupp, lill-gvernijiet tal-istati membri tal-ASEAN u tal-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-ASEAN dwar il-Myanmar, lis-Sra Aung San Suu Kyi, lill-NLD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir- Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burma.


Arriba