Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0131

    L-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2008 dwar l-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali (2007/2149(INI))

    ĠU C 259E, 29.10.2009, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.10.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 259/9


    L-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali

    P6_TA(2008)0131

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2008 dwar l-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali (2007/2149(INI))

    (2009/C 259 E/02)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini (Europe for Citizens) biex tiġi promossa ċittadinza Ewropea attiva (1),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007 sa l-2013 (2),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE tal-20 ta' Frar 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-iżvilupp rurali (perjodu ta' programmazzjoni 2007 sa l-2013) (3),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni (4),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill, tat-13 ta' Novembru 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi komuni għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għaż-żgħażagħ minħabba l-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea attiva tagħhom (5),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, fl-impjieg u fis-soċjetà (COM(2007)0498),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta' sfida f'opportunità (COM(2006)0571),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobilità fi ħdan il-Komunità għall-istudenti, persuni li jkunu għaddejjin minn taħriġ, voluntiera, għalliema u għal dawk li jħarrġu lill-oħrajn (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-responsabiltà soċjali tal-impriżi: sħubija ġdida (7),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kontribut tal-volontarjat għall-koeżjoni ekonomika u soċjali (8),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Attività volontarja: l-irwol tagħha fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħha (9),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-irwol tal-organizzazzjonijiet volontarji — kontribut lejn soċjetà Ewropea (10),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0070/2008),

    A.

    billi huwa stmat b'mod ta' min jorbot fuqu li hemm aktar minn 100 miljun ċittadin tal-UE li jagħmlu volontarjat (11),

    B.

    billi l-ewwel sejbiet wara l-implimentazzjoni tal-Manwal tan-NU fuq l-Istituzzjonijiet li Ma Jagħmlux Qligħ (N.P.I's) kienu li l-kontribut ekonomiku tal-Istituzzjonijiet li Ma Jagħmlux Qliegħ huwa ta' medja ta' 5 % u li, anke meta stmati b'mod konservattiv, il-ħin mogħti għall-volontarjat jgħodd għal aktar minn kwart ta' din il-figura (12),

    C.

    billi l-volontarjat huwa forza maġġuri li trawwem lis-soċjetà ċivili u li ssaħħaħ is-solidarjetà — wieħed mill-valuri ewlenin tal-UE — kif ukoll huwa komponent essenzjali fl-appoġġ tal-programmi tal-iżvilupp tal-komunitajiet, b'mod partikulari f'dawk l-Istati Membri li issa ħerġin minn perjodu tranżizzjonali postkomunista,

    D.

    billi studju riċenti ta' organizzazzjonijiet li jinvolvu l-voluntiera madwar l-Ewropa kollha wera livell għoli ta' valur miżjud: għal kull EUR 1 li nefqu l-organizzazzjonijiet fl-appoġġ għall-voluntiera, rċevew ritorn medju għall-valur ta' bejn EUR 3 u EUR 8 (13),

    E.

    billi l-kontribut sinjifikanti ħafna tal-volontarjat għall-bini tal-kapital soċjali jeħtieġ li jiġi rikonoxxut għal kollox,

    F.

    billi l-finanzjament sostenibbli, speċjalment il-finanzjament għal għanijiet amministrattivi, huwa ta' importanza fundamentali għall-organizzazzjonijiet volontarji u għax-xogħol volontarju b'mod ġenerali;

    G.

    billi r-rapport ta' dan l-aħħar li nħareġ mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol identifika l-kapital soċjali bħala element ewlieni fl-iżvilupp ta' politiki li jkollhom il-għan li jrawmu l-iżvilupp ekonomiku rurali (14),

    H.

    billi studju riċenti ta' tiftix fuq programm Urban li għamel suċċess f'Aarhus għamel il-punt ċentrali li ċ-ċittadini lokali u l-isforz volontarju kienu kruċjali biex l-implimentazzjoni tal-programm tkun suċċess (15),

    I.

    billi l-volontarjat mhux biss għandu valur ekonomiku li jista' jitkejjel iżda jista' wkoll iwassal biex is-servizzi pubbliċi jiffrankaw b'mod sinjifikanti; billi, f'dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi żgurat li l-attività volontarja tkun addizzjonali għas-servizzi pubbliċi u mhux tkun sostitut tagħhom,

    J.

    billi l-volontarjat jikkontribwixxi għall-iżvilupp personali u soċjali tal-voluntier(a) u għandu impatt pożittiv fi ħdan il-komunità, pereżempju, fuq relazzjonijiet interpersonali,

    K.

    billi l-voluntiera jwettqu rwol importanti biex jintlaħaq l-għan tal-Istrateġija ta' Liżbona ta' koeżjoni soċjoekonomika billi jikkontribwixxu għall-inklużjoni finanzjarja, pereżempju, billi jistabbilixxu unions ta' kreditu li huma rregolati u mhux għall-profitt u kooperattivi finanzjarji, immexxija u ggovernati minn voluntiera,

    L.

    billi r-responsabiltà soċjali tal-impriżi hija kemm mutur importanti tan-negozju kif ukoll tirrappreżenta element essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew,

    M.

    billi hemm rabta bejn il-volontarjat u l-iżvilupp sostenibbli,

    N.

    billi huwa importanti li jiġu promossi u appoġġjati l-aħjar prattiki fl-immaniġġjar tal-voluntiera fost l-organizzazzjonijiet li jinvolvu l-voluntiera,

    O.

    billi l-volontarjat iwassal għall-involviment dirett taċ-ċittadini fl-iżvilupp lokali, u għaldaqstant jista' jkollu rwol importanti fit-trawwim tas-soċjetà ċivili u tad-demokrazija,

    P.

    billi fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq dwar iċ-ċittadinanza attiva l-Kunsill iħeġġeġ parteċipazzjoni akbar min-naħa taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika, fl-istrutturi parteċipatorji u fix-xogħol volontarju,

    Q.

    billi l-bidla demografika fl-Ewropa tfisser li issa hemm għadd kbir ta' voluntiera potenzjali li huma mdaħħla fl-età,

    R.

    billi l-volontarjat jista' jkollu effett pożittiv fuq is-saħħa tan-nies (16); billi dan il-ġid għas-saħħa jista jitgawda minn nies ta' kull età u jista' jgħin biex jitbiegħed il-mard kemm fiżiku kif ukoll mentali,

    S.

    billi l-volontarjat għandu rwol xi jwettaq fit-tisjis tal-inizjattivi ta' żvilupp lokali u fl-iffaċilitar tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' għadd ta' inizjattivi ffinanzjati mill-Komunità, bħal m'huma l-Programm LEADER, INTERREG u l-Programm PEACE,

    1.   Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħrfu l-valur tal-volontarjat fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ekonomika; barra minn hekk, jinkoraġġihom biex jaħdmu fi sħubija ma' organizzazzjonijiet volontarji u biex isegwu konsultazzjoni ta' siwi mas-settur volontarju biex jiżviluppaw pjanijiet u strateġiji biex il-volontarjat ikun magħruf, miżmum b'għożża, appoġġjat, iffaċilitat u inkoraġġit; iħeġġeġ lill-Istati Membri wkoll biex joħolqu qafas stabbli u istituzzjonali għall-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) f'dibattiti pubbliċi;

    2.   Jistieden lill-esperti relevanti tal-Kummissjoni biex jagħmlu distinzjoni aktar ċara bejn l- organizzazzjonijiet volontarji u NGOs, li l-attivitajiet tagħhom m'humiex organizzati fuq l-istess bażi volontarja, u jitlob li ssir investigazzjoni pan-Ewropea komprensiva dwar in-natura, il-livell u l-mekkaniżmi interni tal-parteċipazzjoni soċjali, inklużi l-parteċipazzjoni volontarja u l-finanzjament għal dan il-għan;

    3.   Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu sforzi ġenwini biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet volontarji biex ikollhom aċċess għal finanzjament suffiċjenti u sostenibbli, kemm għal għanijiet amministattivi u kemm għal proġetti, mingħajr mili ta' formoli eċċessiv, “red tape” jew burokrazija żejda, waqt li jżommu l-kontrolli meħtieġa fuq l-infiq tal-flejjes pubbliċi;

    4.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lil awtoritajiet reġjonali u lokali biex jappoġġjaw il-ħolqien ta' servizzi ta' emerġenza volontarji f'kull lokalità sabiex tkun żgurata reazzjoni rapida għad-diżastri naturali u għall-inċidenti;

    5.   Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li l-prinċipju ta' sħubija mnaqqax kemm fil-linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-iżvilupp rurali (perjodu ta' programmazzjoni 2007 sa l-2013) u kemm fil-linji gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni mhux dejjem hemm konformità miegħu fuq il-livell nazzjonali (17) u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi amministrattivi u istituzzjonali xierqa biex ikun żgurat li l-politiki, il-proċeduri u l-protokolli tagħha stess ikunu fil-fatt osservati u infurzati waqt il-konsultazzjonijiet, in-negozjati u l-operazzjonijiet sussegwenti tal-Fondi Strutturali;

    6.   Jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jipproduċu regolarment “kontijiet satellitarji” tal-istituzzjonijiet li ma jagħmlux qligħ (NPIs) u jitlob li f'dawn il-“kontijiet satellitarji” jiġi inkluż ix-xogħol volontarju ħalli dawk li jagħmlu l-politiki jkunu jistgħu jqisu l-NPIs fl-ifformular tal-politiki tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif il-volontarjat jista' jiġi inkluż bħala kategorija speċjali fil-kontijiet statistiċi tal-EUROSTAT;

    7.   Jappoġġja bil-qawwa l-fehma li l-volontarjat u l-attività volontarja m'għandhomx jieħdu post ix-xogħol imħallas;

    8.   Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem lejn it-twaqqif ta' sistema għall-fondi kollha tal-Komunità li biha l-attività volontarja tkun tista' tiġi magħrufa bħala kontribut għall-proġetti kofinanzjati u biex toħloq mekkaniżmi li bihom ix-xogħol volontarju jkun jista' jiġi kkostjat kif jixraq; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi minn xi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni li jadottaw approċċ aktar flessibbli lejn l-aċċettazzjoni tax-xogħol volontarju bħala kontribut li hu ugwali għall-finanzjament Komunitarju fi proġetti li jkunu ffinanzjati b'mod konġunt;

    9.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi opportunitajiet għall-voluntiera li huma akbar fl-età u biex tiżviluppa Programm tal-Anzjani fl-Azzjoni għan-numru dejjem jiżdied ta' ċittadini anzjani b'esperjenza kbira li jixtiequ jkunu voluntiera li jista' jkun li jimxu b'mod parallel mal-Programm taż-Żgħażagħ fl-Azzjoni u jikkumplementawh u barra minn hekk biex tippromwovi programmi speċifiċi għall-volontarjat interġenerazzjonali u għall-għoti ta' għajnuna minn dawk bl-esperjenza lil min għadu jitgħallem (mentoring);

    10.   Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu u jiffaċilitaw il-volontarjat fi ħdan il-Komunitajiet kollha, kemm reali u kemm virtwali, bħal m'huma l-volontarjat bħala familja jew il-volontarjat bħala gruppi emarġinati jew bħala gruppi li jista' jkun li tradizzjonalment ma jivvolontarjawx u biex jenfasizzaw l-importanza kbira li x-xogħol volontarju jiġi organizzat sabiex ikun żgurat li jkun kompatibbli mal-ħajja tal-familja u dik professjonali;

    11.   Jinkoraġġixxi lill-kumpaniji u lill-operaturi oħra tas-settur privat, bħala parti mill-istrateġija tar-responsabilità soċjali korporattiva tagħhom, biex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-inizjattivi li jippromwovu u jseddqu l-volontarjat u jħeġġeġ lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-volontarjat korporattiv, biex jipprovdu inċentivi għas-settur privat biex jiffinanzja u jappoġġja s-settur tal-volontarjat, u b'hekk ikunu qed jgħinu biex ikun żgurat it-trasferiment ta' ħiliet u kapaċitajiet korporattivi mis-settur privat għas-settur pubbliku u jkunu wkoll qed itejbu l-kwalità tal-ħajja fuq il-livell lokali billi jinkoraġġixxu li wieħed jgħin ruħu b'mod awtomatiku fir-riżoluzzjoni ta' problemi lokali;

    12.   Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-għarfien tal-volontarjat bħala attività xierqa li permezz tagħha jiġu akkwistati kompetenzi u ħiliet permezz tal-YOUTHPASS b'rabta mal-EUROPASS, filwaqt li tiżgura li l-volontarjat ma jiġix meqjus bħala alternattiva għat-taħriġ formali iżda bħala komplement tiegħu; barra minn hekk jitlob li jsiru miżuri nazzjonali u lokali biex tiżdied il-mobilità tal-voluntiera;

    13.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestigaw id-dewmien fl-adozzjoni tal-Karta Ewropea dwar il-Voluntarjat li ġiet proposta li għandha tiddefinixxi l-irwol tal-organizzazzjonijiet volontarji u tistipola d-drittijiet u r-responsabilitajiet tagħhom; jirrakkomanda li jsiru analiżi mill-ġdid bejn il-pari fuq bażi annwali biex ikun evalwat ix-xogħol volontarju li jkunu intrigaw minnu l-Istati Membri u li jkun sar fi ħdan setturi u organizzazzjonijiet speċifiċi;

    14.   Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu bażi ta' data Ewropea li tkun tipprovdi data bażika fuq organizzazzjonijiet volontarji kif ukoll dettalji tal-aħjar prattiki, ħaġa li tkun tipprovdi linji gwida ta' siwi għat-titjib tas-sistemi tal-volontarjat;

    15.   Jistieden lill-awtoritajiet relevanti biex jiżguraw li l-voluntiera jkunu koperti b'mod adegwat b'assigurazzjoni kontra aċċidenti u b'assigurazzjoni tar-responsabilitajiet personali fir-rigward tal-attivitajiet volontarji tagħhom u biex jiżguraw ukoll li kull infiq miftiehem li jsir mill-voluntiera fir-rigward tal-attivitajiet volontarji tagħhom ikun kopert ukoll;

    16.   Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jippromwovu l-volontarjat permezz tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, filwaqt li joħolqu opportunitajiet għall-attività volontarja fi stadju bikri fis-sistema edukattiva sabiex tidher bħala kontribut normali għall-ħajja tal-komunità u biex ikomplu jippromwovu attività bħal din huma u jikbru l-istudenti, biex jiffaċilitaw “it-tagħlim tas-servizz” fejn l-istudenti jaħdmu ma' gruppi volontarji jew komunitarji bi sħubija bħala parti mill-kors tad-diploma jew tal-grad tagħhom, biex jinkoraġġixxu rabtiet bejn is-settur volontarju u s-settur edukattiv fil-livelli kollha u biex jippromwovu l-volontarjat u jagħrfu t-tagħlim tal-volontarjat bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja;

    17.   Jistieden lill-Kummissjoni għall-fini tar-reviżjoni maħsuba għall-2010 tad-dispożizzjonijiet tal-VAT li jikkonċernaw l-entitajiet pubbliċi u l-eżenzjonijiet soċjali, sabiex, flimkien mal-Istati Membri tikkunsidra l-argumenti soċjali qawwija favur l-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet tal-VAT għall-organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati fl-Istati Membri fuq akkwisti maħsuba sabiex jintlaħqu l-iskopijiet tagħhom, u sabiex jikkunsidraw ukoll l-argumenti favur l-eżenzjoni, f'każijiet speċifiċi, tal-ħlas tal-VAT fuq prodotti u servizzi li jingħataw b'donazzjoni lill-organizzazzjonijiet volontarji;

    18.   Jistieden lill-Istati Membri biex, b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, jistabbilixxu infrastruttura sostenibbli ta' volontarjat biex tittratta kwistjonijiet bħal m'hu l-finanzjament operazzjonali u amministrattiv għall-organizzazzjonijiet volontarji;

    19.   Jirrakkomanda li l-2011 tkun iddikjarata s-Sena Ewropea tal-Volontarjat;

    20.   Jagħraf id-diversità tal-volontarjat fl-Istati Membri iżda minkejja dan jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex, kull meta jkun possibbli, jitgħallmu minn xulxin permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

    21.   Jistieden lill-Kummissjoni biex iddaħħal skemi ta' appoġġ biex tistabbilixxi sistemi aktar effiċjenti ta' kooperazzjoni u ta' netwerking bejn l-organizzazzjonijiet volontarji u biex issaħħaħ l-iskemi tal-iskambju internazzjonali ta' voluntiera li f'ċerti każijiet jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju; b'mod partikulari jitlob li jiġu stabbiliti programmi biex jgħinu biex jiġu mqanqla mill-ġdid l-attivitajiet volontarji fl-Istati Membri fejn l-attività volontarja waslet biex ġiet assoċjata ma' azzjonijiet ta' natura obbligatorja;

    22.   Jirrakkomanda l-promozzjoni ta' proġetti ta' volontarjat transkonfinali;

    23.   Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-oqsma kollha tal-politiki u l-leġiżlazzjoni turi simpatija lejn is-sitwazzjoni tal-voluntiera;

    24.   Jistieden lill-partijiet interessati relevanti kemm lokali u kemm reġjonali, lill-organizzazzjonijiet volontarji u lill-midja biex jipprovdu tagħrif adegwat liċ-ċittadini dwar opportunitajiet ta' volontarjat, akkumpanjat minn taħriġ xieraq, b'enfasi speċjali fuq il-gruppi vulnerabbli u emarġinati fi ħdan is-soċjetà u fuq il-ħtiġijiet tar-reġjuni li huma mbiegħda u inaċċessibbli;

    25.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Pjan D għad-Demokrazija, id-Djalogu u d-Dibattitu, tistabbilixxi għal-lest Pjan V għall-Valutazzjoni, il-Validazzjoni u l-iżgurar tal-Viżibilità tal-Voluntiera;

    26.   Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid il-politika tagħha tal-viża għal dawk li jipparteċipaw fi programmi ta' volontarjat rikonoxxuti tal-UE li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi bit-tama li jiddaħħal reġim tal-viża aktar liberali b'mod partikulari fir-rigward tal-voluntiera ġejjin minn pajjiżi ġirien tal-UE;

    27.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.


    (1)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32.

    (2)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

    (3)  ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20.

    (4)  ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.

    (5)  ĠU C 297, 7.12.2006, p. 6.

    (6)  ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.

    (7)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 45.

    (8)  ĠU C 105, 25.4.2008, p. 11.

    (9)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 46.

    (10)  ĠU C 180, 11.6.1998, p. 57.

    (11)  Rapport tal-Ewrobarometru. Rendikont tar-Realtà Soċjali, Frar 2007.

    (12)  Rapport tal-Università Johns Hopkins, Measuring Civil Society and Volunteering (“It-Tikjil tas-Soċjetà Ċivili u l-Volontarjat”). Settembru, 2007. www.jhu.edu/ccss.

    (13)  Volunteering works (“Il-volontarjat jaħdem”), Istitut għar-riċerka fil-volontarjat u l-volontarjat, l-Ingilterra, Settembru 2007.

    (14)  Ara Mandl, I., Oberholzner, T., & Dörflinger, C. Fondazzjoni Ewropea għall-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol. http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2007/18/en/1/ef0718mt.pdf.

    (15)  Vestergaard Poulsen, L. From Deprived Neighbourhood to Sustainable Community (“Minn Kwartier Imċaħħad għal Komunità Sostenibbli”) Taqsira bl-Ingliż. Il-Programm Urban II f'Aarhus 2002-2007.

    (16)  Ara The Health Benefits of Volunteering — A Review of Recent Research (Corporation for National and Community Service, 2007) (Il-Benefiċċji għas-Saħħa li għandu l-Volontarjat — Studju tar-Riċerka Riċenti (Il-Korporazzjoni għas-Servizz Nazzjonali u Komunitarju, 2007)).

    (17)  Ara Is-Soċjetà Ċivili bħala Sieħba fil-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea (Civil Society as a Partner in European Union Structural Funds). Is-Servizz ta' Azzjoni taċ-Ċittadini Ewropej. Novembru, 2004.


    Top