EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0064

Is-Sitwazzjoni f'Gaża
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 21 ta' Frar 2008 dwar is-Sitwazzjoni f'Gaża

ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 68–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/68


Il-Ħamis, 21 ta' Frar 2008
Is-Sitwazzjoni f'Gaża

P6_TA(2008)0064

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Sitwazzjoni f'Gaża

2009/C 184 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tal-1 ta' Ġunju 2006 rigward il-kriżi umanitarja fit-territorji Palestinjani u l-irwol tal-UE (1), tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża (2), tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-MEDA u l-għajnuna finanzjarja għall-Palestina — evalwazzjoni, implimentazzjoni u kontroll (3), tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani (4) u tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża (5),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242 (S/RES/242) tat-22 ta' Novembru 1967 u 338 (S/RES/338) tat-22 ta' Ottubru 1973 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra (1949),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Annapolis tas-27 ta' Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tat-28 ta' Jannar 2008,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni f'Gaża mill-Assemblea Parlamentari Ewro- Mediterranja dwar l-Affarijiet Politiċi, is-Sigurtà u d-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta' Jannar 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-24 ta' Jannar 2008 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Medda ta' Gaża (A/HRC/S-6/L.1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi minħabba l-embargo fuq iċ-ċaqliq tan-nies u tal-prodotti, iċ-ċaħda parzjali għall-aċċess għall-ilma tax-xorb, l-ikel u l-elettriċità, u n-nuqqas ta' prodotti u servizzi essenzjali, is-sitwazzjoni umanitarja fil-Medda ta' Gaża kompliet tmur lura,

B.

billi l-fruntieri li minnhom tista' toħroġ jew tidħol ġo Gaża ilhom magħluqin għal xhur sħaħ, u billi l-embargo fuq iċ-ċaqliq tal-persuni u l-prodotti kompla jipparalizza aktar l-ekonomija fil-Medda ta' Gaża,

C.

billi setturi ewlenin tas-servizz pubbliku, inklużi s-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, qed jiffaċċjaw nuqqasijiet kbar minħabba nuqqas ta' materjali bażiċi meħtieġa għat-tħaddim tagħhom, u billi n-nuqqas ta' mediċini u ta' fjuwil biex jaħdmu l-ġeneraturi fl-isptarijiet fil-Medda ta' Gaża qed jipperikolaw il-ħajja tal-Palestinjani,

D.

billi mijiet ta' eluf ta' Palestinjani reċentement qasmu l-fruntiera bejn il-Medda ta' Gaża u l-Eġittu, wara li twaqqa' l-ħajt tal-fruntiera, sabiex isibu prodotti essenzjali għall-bżonnijiet bażiċi tagħhom, u billi l-forzi Eġizzjani gradwalment reġgħu ħadu l-kontroll tas-sitwazzjoni u għalqu mill-ġdid il-fruntiera fit-3 ta' Frar 2008, li wassal għat-tmiem tal-libertà ta' moviment tal-Palestinjani, kif mitlub mill-awtoritajiet Iżraeljani,

E.

billi t-tkissir ta' parti mill-ħajt tal-fruntiera u taċ-ċint huma konsegwenza diretta tal-kriżi umanitarja estremament serja f'Gaża, li wasslet lill-poplu Palestinjan biex jipprova jikseb il-bżonn vitali tiegħu għal-libertà ta' moviment,

F.

billi, wara perjodu twil mingħajr azzjonijiet bħal dawn, attakk terroristiku suwiċidali f'Dimona qatel u darab membri tal-popolazzjoni ċivili Iżraeljana; billi kompla l-isparar ta' rokits mill-milizzja Palestinjana mill-Medda ta' Gaża għal ġot-territorju Iżraeljan, u billi fil-Medda ta' Gaża komplew l-operazzjonijiet militari li qatlu u poġġew fil-periklu l-popolazzjoni ċivili u l-qtil extraġudizzjarju mmirat min-naħa tal-armata Iżraeljana,

G.

billi s-sitwazzjoni u l-iżviluppi riċenti fil-Medda ta' Gaża jheddu li jfixklu n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, kif ukoll l-isforzi biex jintlaħaq ftehim sa l-aħħar tal-2008, kif iddikjarat mill-partijiet waqt il-Konferenza Internazzjonali ta' Annapolis tas-27 ta' Novembru 2007,

H.

billi, fl-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea pprovdiet appoġġ finanzjarju kbir lill-Palestinjani; billi l-Mekkaniżmu Internazzjonali Temporanju tal-UE u l-iffinanzjar ta' proġetti kellhom irwol importanti biex jevitaw traġedja umanitarja fil-Medda ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent; billi l-Kummissjoni, il-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Aġenzija għall-Għajnuna u x-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji kellhom jissospendu bosta proġetti ta' infrastruttura minħabba li ma jistgħux jimportaw materja prima; billi dawn l-uffiċċji, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet umanitarji, komplew l-attivitajiet tagħhom fuq livell limitat minkejja x-xkiel kollu; billi l-Unjoni Ewropea tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan u sussidji diretti lill-impjegati tal-Awtorità Palestinjana fil-Medda ta' Gaża; billi l-Mekkaniżmu għall-Immaniġġar tal-Għajnuna Soċjo-Ekonomika Palestinjana-Ewropea, PEGASE, se jikkostitwixxi mekkaniżmu finanzjarju ġdid għall-UE u għajnuna internazzjonali oħra għat-Territorji Palestinjani,

I.

billi fil-konferenza li saret f'Annopolis il-partijiet kollha esprimew ix-xewqa tagħhom għal bidu ġdid tan-negozjati bil-għan li jinħoloq Stat Palestinjan sovran u vijabbli, flimkien ma' Stat Iżraeljan sikur,

J.

billi l-parteċipanti fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għall-Istat Palestinjan, li saret f'Diċembru 2007 f'Pariġi, twiegħdu total ta' 7.4 biljun Dollaru Amerikan f'appoġġ għall-bini tal-istituzzjonijiet u rkupru ekonomiku Palestinjan għat-tliet snin li ġejjin,

K.

billi l-Mibgħut Speċjali għall-Kwartett identifika erba' proġetti ta' prijorità għall-iżvilupp ekonomiku u l-bini tal-istituzzjonijiet għat-Territorji Palestinjani, inkluż ir-restawr tal-impjant għat-trattament tad-dranaġġ ta' Beit Lahia fit-tramuntana ta' Gaża,

1.

Itenni t-tħassib kbir tiegħu rigward il-kriżi umanitarja u politika fil-Medda ta' Gaża u dwar il-konsegwenzi ulterjuri possibbli tagħha; iqis l-iżviluppi riċenti f'Rafah, inklużi l-avvenimenti paċifiċi u l-atti vjolenti, bħala r-riżultat ta' din il-kriżi fil-Medda ta' Gaża;

2.

Jesprimi l-ikbar simpatija tiegħu għall-popolazzjoni ċivili affetwata mill-vjolenza f'Gaża u fin-nofsinhar tal-Iżrael;

3.

Itenni t-talba tiegħu għal waqfien immedjat tal-atti kollha ta' vjolenza;

4.

Jitlob lill-Iżrael biex iwaqqaf l-azzjonjiet militari li qed joqtlu u jipperikolaw il-popolazzjoni ċivili u l-qtil immirat mhux ġudizzjarju;

5.

Jistieden lill-Hamas, wara l-ħakma illegali tal-Medda ta' Gaża, biex iwaqqfu l-isparar ta' rokits mill-milizzja Palestinjana, mill-Medda ta' Gaża għal ġot-territorju Iżraeljan;

6.

Jemmen li l-politika tal-iżolament tal-Medda ta' Gaża falliet kemm fuq il-livell politiku kif ukoll fuq dak umanitarju; jerġa' jitlob lill-partijiet kollha biex jirrispettaw b'mod sħiħ il-liġi internazzjonali, u b'mod partikulari l-liġi umanitarja internazzjonali;

7.

Iqis bħala pożittiva ir-reazzjoni tal-Eġittu għall-problemi f'Rafah, li ppermettiet li bosta familji Palestinjani jkollhom aċċess għall-prodotti essenzjali għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-gvern tal-Eġittu biex ikompli bl-irwol attiv tiegħu biex jinżammu l-paċi u l-istabilità fiż-żona;

8.

Itenni t-talba tiegħu biex jintemm l-imblokk u għall-ftuħ mill-ġdid ikkontrollat tal-qsim 'il ġewwa u 'l barra minn Gaża; jitlob lill-Iżrael biex jiżgura li jkun hemm ċaqliq ta' nies u prodotti f'Rafah, Karni u postijiet oħra ta' qsim tal-fruntiera b'konformità mal-Ftehima dwar Moviment u Aċċess; jitlob li terġa' tibda l-Missjoni għall-Għajnuna mal-Fruntieri tal-UE f'Rafah; jilqa' d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għas-CFSP li għandu jitqies mandat ġdid tal-Kunsill għall-Missjoni; jitlob għal preżenza internazzjonali ikbar fiż-żona;

9.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Awtorità Palestinjana biex tieħu l-kontroll tal-punti tal-qsim, fuq il-bażi ta' ftehim li jinvolvi lill-Eġittu, lill-Iżrael u lill-Awtorità Palestinjana, u jappoġġja r-riżoluzzjoni reċenti tal-Lega Għarbija f'dan ir-rigward; madankollu, jistieden lill-Awtorità Palestinjana, biex tgħin sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet neċessarji għall-involviment tal-partijiet interessati kollha fil-Medda ta' Gaża f'dan ir-rigward;

10.

Jemmen li l-popolazzjoni ċivili għandha tkun ħielsa minn kwalunkwe azzjoni militari u minn kwalunkwe kastig kollettiv; jistieden lill-Iżrael biex iwettaq l-obbligi internazzjonali tiegħu, bħala forza ta' okkupazzjoni fil-Medda ta' Gaża; jitlob lill-Iżrael biex ikompli jiggarantixxi għajnuna umanitarja kontinwa u suffiċjenti, assistenza umanitarja u prodotti u servizzi essenzjali, inkluż il-forniment ta' fjuwil u enerġija, lejn il-Medda ta' Gaża; jesprimi tħassib serju rigward id-deċiżjoni tal-Iżrael li jintroduċi qtugħ progressiv ta' ħamsa fil-mija kull ġimgħa fil-provvista tal-enerġija lejn il-Medda ta' Gaża, li ma tistax titqies konsistenti ma l-issodisfar tal-bżonnijiet umanitarji minimi; jilqa' b'sodisfazzjon il-petizzjoni minn 10 organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem Iżraeljani kontra l-qtugħ tal-forniment tal-fjuwil u tad-dawl fil-Medda ta' Gaża;

11.

Iqis li, minkejja l-imblokk politiku, it-tħaddim tal-istituzzjonijiet pubbliċi li jipprovdu servizzi essenzjali u l-operazzjonijiet tal-uffiċċji umanitarji internazzjonali, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet li jfittxu li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta' Gaża jirrikjedu djalogu bejn l-Awtorità Palestinjana u l-Hamas;

12.

Jenfasizza l-importanza kbira ta' rabta ġeografika u kummerċjali permanenti u r-rijunifikazzjoni paċifika fit-tul bejn il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent, u jistieden lill-Hamas biex tirrevedi l-pożizzjoni tagħha f'konformità mal-prinċipji tal-Kwartett u mal-obbligi internazzjonali mifthiema qabel, u biex tappoġġja l-proċess tal-paċi u n-negozjati li għaddejin;

13.

Itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat ta' Gilad Shalitt, suldat Iżraeljan, li jiġi kkunsidrat bħala att ta' rieda tajba min-naħa tal-Hamas, u tal-ex-ministri, il-leġiżlaturi u s-sindki Palestinjani kollha li qegħdin fil-ħabs; jirrikonoxxi l-importanza tar-rilaxx tad-detenuti biex tinħoloq fiduċja fil-kuntest tat-taħditiet ta' paċi attwali;

14.

Ifakkar lill-partijiet dwar l-impenji li ħadu f'Annapolis biex isiru negozjati in bona fede sabiex, sa l-aħħar tal-2008, jiġi konkluż trattat ta' paċi li jsolvi l-kwistjonijiet pendenti kollha, inklużi l-kwistjonijiet ewlenin kollha, mingħajr eċċezzjoni, kif speċifikat fi ftehimiet preċedenti; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skond il-Pjan Direzzjonali;

15.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jiggarantixxu, flimkien mal-komunità internazzjonali, għajnuna umanitarja essenzjali għall-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta' Gaża, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-bżonnijiet ta' gruppi partikularment vulnerabbli; jenfasizza l-importanza tal-PEGASE, il-mekkaniżmu finanzjarju l-ġdid; madankollu, jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-qerda ta' faċilitajiet iffinanzjati fi ħdan il-qafas ta' għajnuna umanitarja jew taħt finanzjament ta' proġetti mill-Unjoni Ewropea, li tfixkel l-effiċjenza tal-għajnuna tal-UE u taffettwa s-solidarjetà tal-pubbliku fl-Istati Membri;

16.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għall-Istat Palestinjan f'Diċembru 2007, jiġifieri l-wegħdiet ta' aktar minn USD 7.4 biljuni, u jistieden lid-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom b'appoġġ għall-isforzi biex jinbena l-Istat Palestinjan futur skond il-Pjan ta' Riforma u Żvilupp ippreżentat mill-Prim Ministru Dr. Salam Fayyad;

17.

Jesprimi tħassib serju dwar il-konsegwenzi ekoloġiċi u l-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem jekk ma jsirx xogħol ta' manutenzjoni fil-faċilità għat-trattament tad-drenaġġ, u b'mod partikolari jitlob lill-partijiet kollha biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-prodotti meħtieġa għat-tiswija u r-rikostruzzjoni tal-impjant Beit Lahia, kif identifikat mill-Mibgħuta Speċjali għall-Kwartett;

18.

Jitlob li jkun hemm proġett urġenti u eżemplari għall-enerġija għall-Gaża, possibilment f'Rafah, għall-garanzija ta' awtonomija u awtosuffiċjenza fil-produzzjoni tal-elettriku u d-desalinazzjoni għall-popolazzjoni;

19.

Jistieden lill-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-Lvant Nofsani biex jeżamina, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-organizzazzjonijet konċernati, il-konsegwenzi tal-qerda tal-infrastruttura fil-Medda ta' Gaża, b'attenzjoni speċjali għall-faċilitajiet iffinanzjati fi ħdan il-qafas ta' għajnuna umanitarja jew taħt finanzjament ta' proġetti pprovduti mill-Unjoni Ewropea;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut Speċjali għall-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, u lill-Gvern u l-Parlament Eġizzjan.


(1)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p.223.

(2)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p.324.

(3)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0277.

(4)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0350.

(5)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0430.


Top