EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0055

It-Trattat ta' Liżbona
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta' Frar 2008 dwar it-Trattat ta' Liżbona (2007/2286(INI))

ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/25


L-Erbgħa, 20 ta' Frar 2008
It-Trattat ta’ Liżbona

P6_TA(2008)0055

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Frar 2008 dwar it-Trattat ta’ Liżbona (2007/2286(INI))

2009/C 184 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li kien iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kif emendati mill-Att Uniku Ewropew u t-Trattati ta’ Maastricht, Amsterdam u Nizza,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Diċembru 2007 (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Laeken tal-15 ta’ Diċembru 2001 dwar il-Futur tal-Unjoni,

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ffirmat f'Ruma fid-29 ta’ Ottubru 2004,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar il-pjan direzzjonali tal-Proċess Kostituzzjonali tal-Unjoni (2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar it-tlaqqigħ tal-Konferenza Intergovernattiva (IGC) (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Baġits, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0013/2008),

Billi:

A.

Matul dawn l-aħħar 50 sena l-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea kien fattur fundamentali biex tiġi stabbilita zona ta’ paċi u stabilità f'kontinent li qabel kien imħarbat bil-gwerer, biex jiġu kkonsolidati d-demokrazija, il-ħelsien u d-drittijiet taċ-ċittadin, biex jissaħħu l-prosperità, is-solidarjetà u l-benessri permezz tal-akbar suq uniku tad-dinja b'regoli komuni għall-istandards soċjali, il-ħarsien tal-ambjent u tal-konsumatur u l-kompetizzjoni ġusta u b'unjoni ekonomika u monetarja, biex sar possibbli li l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jindirizzaw kwistjonijiet li jmorru lilhinn mill-fruntieri nazzjonali u biex l-Ewropa tingħata leħen aktar qawwi fl-affarijiet dinjin,

B.

Hemm bżonn rikonoxxut li l-istrutturi tal-Unjoni jiġu riformati u jissaħħu sabiex jiġi kkonsolidat dak kollu li nkiseb u biex tittejjeb il-kapaċità li Unjoni ta’ seba' u għoxrin Stat Membru, u potenzjalment aktar, taħdem effettivament sabiex tkun tista' tiffaċċja sfidi komuni ġodda u li tkun suġġetta għal aktar kontroll demokratiku,

C.

Dan il-bżonn kien l-għajn ta’ riformi suċċessivi li, mit-Trattat ta’ Maastricht 'l hawn — li rrapreżenta bidla fl-integrazzjoni Ewropea bil-ħolqien ta’ unjoni ekonomika u monetarja u l-bidla minn komunità essenzjalment ekonomika għal unjoni politika — ippruvaw jistabbilixxu l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u wasslu għad-Dikjarazzjoni ta’ Laeken, li anke fetħet it-triq għal proċess differenti għar-riforma ibbażat fuq il-metodu ta’ Konvenzjoni u mhux biss esklussivament fuq il-konferenzi intergovernattivi,

D.

It-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa tfassal minn Konvenzjoni, li kienet tinkludi żewġ rappreżentanti minn kull parlament nazzjonali, sittax-il Membru tal-Parlament Ewropew, żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentant ta’ kull gvern nazzjonali, li ħejjew abbozz waqt dibattitu pubbliku biex ġie prodott kunsens li essenzjalment baqa' ma nbidilx mill-Konferenza Intergovernattiva tal-2004, waqt li t-Trattat sussegwenti ta’ Liżbona, li waqqa' wħud mill-karatteristiċi tal-Kostituzzjoni, irriżulta mill-metodi ta’ ħidma intergovernattivi aktar tradizzjonali, għalkemm bil-parteċipazzjoni sħiħa ta’ tliet rappreżentanti tal-Parlament Ewropew,

E.

L-isforz preċedenti biex l-Unjoni tiġi riformata billi t-Trattati jiġu sostitwiti b'Kostituzzjoni ġie approvat minn maġġoranza kbira ħafna tar-rappreżentanti taċ-ċittadini Ewropej fil-Parlament Ewropew (4) u ġie rratifikat minn żewġ terzi tal-Istati Membri imma ġie miċħud minn tnejn minnhom (Franza u l-Olanda) u, wara perjodu ta’ riflessjoni li matulu deher ċar li l-approvazzjoni meħtieġa mill-Istati Membri kollha ma setgħatx tintlaħaq, dan l-approċċ ġie abbandunat biex minflok jiġu emendati t-Trattati li kienu jeżistu qabel,

F.

Din il-bidla fil-metodu u l-proċess, waqt li żammu f'sura ġdida ħafna mill-aġġustamenti prattiċi għall-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni li kienet tbassret, implikat tnaqqis tal-ambizzjoni u l-abbandun ta’ diversi karatteristiċi tal-Kostituzzjoni, il-posponiment tad-dħul fis-seħħ ta’ wħud mill-mekkaniżmi l-ġodda tagħha u l-inkorporazzjoni fit-Trattati ta’ xi miżuri partikulari speċifiċi għal varji Stati Membri,

G.

Madankollu, il-fatt li kull gvern nazzjonali fl-Unjoni separatament qabel mat-Trattat, juri li l-gvernijiet eletti tal-Istati Membri kollha jqisu li dan il-kompromess hu l-bażi li fuqha jixtiequ jaħdmu flimkien fil-ġejjieni u se jirrikjedi li kull wieħed minnhom juri l-ogħla impenn politiku biex tiġi żgurata r-ratifikazzjoni qabel l-1 ta’ Jannar 2009,

H.

Hemm bżonn li t-Trattat ta’ Liżbona jiġi ratifikat mill-Istati Membri kollha sa l-aħħar tal-2008, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-2009 b'għarfien sħiħ tal-qafas istituzzjonali l-ġdid tal-Unjoni,

Pass pożittiv għall-ġejjieni tal-Unjoni

1.

Jikkonkludi li, meta jitqies kollu kemm hu, it-Trattat ta’ Liżbona juri titjib sostanzjali fuq it-Trattati eżistenti, iġib aktar responsabilità demokratika fl-Unjoni u jsaħħaħ il-proċess tagħha għat-teħid ta’ deċiżjonijiet (permezz tat-tisħiħ tal-irwoli tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali), isaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropew f'dak li għandu x'jaqsam mal-Unjoni u jtejjeb l-iffunzjonar effettiv tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

Aktar responsabilità demokratika

2.

Jilqa' l-fatt li se jissaħħu r-responsabilità demokratika u s-setgħat għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u b'hekk iċ-ċittadini se jitħallew ikollhom kontroll akbar fuq l-azzjoni tal-Unjoni, b'mod speċifiku minħabba dan it-titjib li ġej:

a)

l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea se tkun suġġetta għal livell ta’ skrutinju parlamentari li ma jeżistix fl-ebda struttura supranazzjonali jew internazzjonali oħra:

il-leġiżlazzjoni Ewropea kollha, bi ftit eċċezzjonijiet, se titressaq għal approvazzjoni doppja, f'termini ugwali, tal-Kunsill (magħmul mill-ministri nazzjonali responsabbli quddiem il-parlamenti tagħhom) u tal-Parlament Ewropew (magħmul minn Membri Parlamentari li huma eletti direttament);

l-iskrutinju minn qabel mill-parlamenti nazzjonali tal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni se jissaħħaħ peress li se jirċievu l-proposti leġiżlattivi Ewropej kollha fi żmien utli biex ikunu jistgħu jiddiskutuhom mal-ministri tagħhom qabel ma l-Kunsill jadotta pożizzjoni, u jiksbu wkoll id-dritt li jitolbu skrutinju ġdid ta’ proposta jekk ikunu tal-fehma li ma tirrispettax il-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

b)

il-President tal-Kummissjoni se jiġi elett mill-Parlament Ewropew, fuq proposta tal-Kunsill Ewropew waqt li jitqiesu l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

c)

ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà se jinħatar kemm mill-Kunsill Ewropew u kemm mill-President tal-Kummissjoni u, bħala membru tal-Kummissjoni, irid jgħaddi mill-istess proċedura ta’ investitura fil-Parlament bħal kull Kummissarju ieħor: bħala Viċi-President tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli se jkun suġġett għall-istess regoli bħall-Kummissarji l-oħra fil-qafas tal-investitura tiegħu u tal-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu;

d)

se tkun stabbilita proċedura baġitarja ġdida, aktar sempliċi u aktar demokratika b'qari wieħed: id-distinzjoni bejn in-nefqa obbligatorja u dik mhux obbligatorja qed tiġi abolita, biex b'hekk tkun żgurata parità sħiħa bejn il-Parlament u l-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni tal-baġit annwali kollu, waqt li l-Parlament qed jingħata wkoll id-dritt ta’ kunsens għall-Qafas Finanzjarju Plurijennali li jorbot legalment;

e)

il-kontroll demokratiku meta mqabbel mas-setgħat leġiżlattivi delegati lill-Kummissjoni se jissaħħaħ bil-ħila ta’ sistema ġdida ta’ sorveljanza li, permezz tagħha, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jew jirrevokaw deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew jirrevokaw id-delega ta’ setgħat ta’ dan it-tip;

f)

il-kunsens tal-Parlament Ewropew se jkun meħtieġ għall-approvazzjoni ta’ firxa usa' ta’ ftehimiet internazzjonali ffirmati mill-Unjoni, inklużi dawk kollha li jikkonċernaw oqsma suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-kamp intern tal-Unjoni;

g)

il-Kunsill jiltaqa' fil-pubbliku meta jkun qed jiddelibera jew jivvota dwar abbozzi ta’ atti leġiżlattivi biex b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu isegwu l-attività tal-gvernijiet tagħhom fil-Kunsill;

h)

l-aġenziji, b'mod speċifiku l-Europol u l-Eurojust, se jkunu suġġetti għal skrutinju parlamentari akbar;

i)

il-Kumitat tar-Reġjuni jkun jista' jressaq każi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iż-żmien fil-kariga tal-membri tiegħu se jiżdied għal ħames snin u r-relazzjonijiet tiegħu mal-Parlament Ewropew se jiġu definiti b'mod aktar ċar;

j)

il-proċedura għar-reviżjoni tat-Trattati fil-ġejjieni se tkun aktar miftuħa u demokratika peress li l-Parlament Ewropew ukoll se jikseb is-setgħa li jressaq proposti għal dan il-għan, u l-iskrutinju ta’ kull reviżjoni proposta jrid jitwettaq minn Konvenzjoni li se tinkludi lir-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, sakemm il-Parlament ma jaqbilx li dan mhux meħtieġ, waqt li qed jiġu introdotti proċeduri ta’ reviżjoni simplifikati ġodda biex jiġu emendati, permezz ta’ deċiżjoni unanima, ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat, bl-approvazzjoni tal-parlamenti nazzjonali;

Affermazzjoni ta’ valuri, tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadin, titjib taċ-ċarezza

3.

Jilqa' l-fatt li d-drittijiet taċ-ċittadin se jissaħħu bħala riżultat tat-titjib li ġej:

a)

il-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tistipula lista sħiħa ta’ drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali aġġornati, se ssir torbot legalment; se tagħti ċertezza legali liċ-ċittadini tal-Unjoni billi tiżgura li d-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi tal-UE, u kull azzjoni li tittieħed mill-istituzzjonijiet tal-UE jew li tkun ibbażata fuq il-liġi tal-UE, se jkollhom jikkonformaw ma’ dawk l-istandards, waqt li jirrispettaw il-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

b)

l-Unjoni għandha tapplika biex taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, li se tagħmel lill-Unjoni suġġetta għall-istess reviżjoni esterna fir-rigward tal-obbligu li jiġu rispettati d-drittijiet taċ-ċittadin li huma suġġetti għaliha l-Istati Membri tagħha;

c)

id-dispożizzjonijiet il-ġodda se jagħmluha aktar faċli biex iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Unjoni fuq il-bażi tal-kontribut importanti tagħhom għat-tħejjija tat-Trattat,; se jiġi inkorraġġut id-djalogu mal-imsieħba soċjali u d-djalogu mal-knejjes, mal-komunitajiet reliġjużi u mal-organizzazzjoni mhux ta’ denominazzjoni reliġjuża;

d)

l-introduzzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini tal-UE se tippermetti li ċ-ċittadini jressqu proposti dwar affarijiet fejn iqisu li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati;

e)

il-protezzjoni ġudizjarja taċ-ċittadini se tissaħħaħ peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja se tkun estiża għal kwistjonijiet relatati mal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, kif ukoll għal atti tal-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-aġenziji tal-Unjoni, waqt li ssir ukoll dispożizzjoni biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-persuni naturali u ġuridiċi għall-proċedimenti tal-Qorti;

4.

Jilqa' l-fatt li t-Trattat jistabilixxi, b'mod li hu aktar ċar u viżibbli, il-valuri li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li fuqhom hi msejsa l-Unjoni, kif ukoll l-objettivi tal-Unjoni u l-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tagħha u r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri:

a)

qed tiġi stabbilita delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi tal-Unjoni vis-à-vis l-Istati Membri, skond il-prinċipju li l-kompetenzi kollha li m'humiex mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati jibqgħu f'idejn l-Istati Membri;

b)

hemm enfasi akbar fuq il-politika li se jagħti benefiċċju viżibbli liċ-ċittadin: hemm dispożizzjonijiet ġodda ta’ applikazzjoni ġenerali li jirrigwardaw il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ ħarsien soċjali xieraq, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, livelli għolja ta’ edukazzjoni, taħriġ u saħħa, l-eliminazzjoni ta’ kull tip ta’ diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; dispożizzjonijiet ġodda jsaħħu l-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent, inklużi l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u r-rispett tas-servizzi ta’ interess ġenerali; il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali qed terġa' tiġi affermata bħala objettiv tal-Unjoni;

c)

il-konfużjoni bejn il-“Komunità Ewropea” u l-“Unjoni Ewropea” se tintemm peress li l-Unjoni Ewropea se ssir entità u struttura legali waħdanija;

d)

klawsola ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri tipprovdi li fil-każ ta’ attakk terroristiku jew ta’ diżastru naturali jew magħmul mill-bniedem, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jistennew li jirċievu appoġġ mill-partijiet kollha tal-Unjoni;

e)

jikkonferma l-ispeċifiċità tal-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Unjoni li l-Istati Membri jafdaw f'idejha ċerti kompetenzi tagħhom li jqisu li jistgħu jiġu eżerċitati aħjar permezz ta’ mekkaniżmi komuni, waqt li, biex jiġi evitat kull dubju, jipprovdi biżżejjed garanziji li l-Unjoni m'hix se ssir xi super stat ċentralizzat li jista' kollox, bħal ma huma:

l-obbligu li tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali, kif ukoll il-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali;

il-prinċipji ta’ setgħat mogħtija (li permezz tagħhom l-uniċi kompetenzi tal-Unjoni huma dawk mogħtija lilha mill-Istati Membri), sussidjarjetà u proporzjonalità;

il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri nnifishom fis-sistema għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u fil-qbil dwar kwalunkwe bidla fiha;

ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ kull Stat Membru li jitlaq mill-Unjoni jekk ikun jixtieq jagħmel dan;

Effettività akbar

5.

Jilqa' l-fatt li t-Trattat il-ġdid se jsaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jwettqu dmirijiethom b'mod aktar effettiv, speċifikament għaliex:

a)

l-oqsma li fuqhom il-gvernijiet imlaqqgħin fil-Kunsill jiddeċiedu permezz ta’ maġġoranza kwalifikata u mhux permezz tal-unanimità se jiżdiedu sostanzjalment, biex b'hekk l-Unjoni ta’ seba' u għoxrin Stat Membru tkun tista' tiffunzjona f'aktar oqsma mingħajr ma tiġi mblukkata b'veto;

b)

sistema ġdida ta’ votazzjoni b'maġġoranza doppja se tagħmilha aktar faċli li jittieħdu deċiżjonijiet fil-Kunsill;

c)

il-Kunsill Ewropew se jsir istituzzjoni tabilħaqq tal-Unjoni Ewropea u l-presidenza li tinbidel kull sitt xhur skond sistema ta’ rotazzjoni se tiġi sostitwita minn President elett mill-membri tiegħu għal mandat ta’ sentejn u nofs biex b'hekk ikun hemm aktar koerenza fit-tħejjija u fil-kontinwità ta’ ħidmitu;

d)

mill-2014 n-numru ta’ membri tal-Kummissjoni se jitnaqqas għal żewġ terzi tan-numru tal-Istati Membri biex b'hekk ikun iktar faċli għall-Kummissjoni biex tieħu azzjoni u jkompli jiġi ċċarat li l-Kummissarji huma rappreżentanti tal-interessi Ewropej u mhux ta’ dawk tal-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, waqt li sistema ta’ rotazzjoni se tkompli tiżgura parteċipazzjoni ugwali tal-Istati Membri kollha;

e)

il-viżibilità u l-kapaċità tal-Unjoni bħala parteċipant globali se jissaħħu b'mod sinifikanti:

ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u l-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni — żewġ karigi li joħolqu duplikazzjoni u konfużjoni — se jingħaqdu flimkien bil-ħolqien ta’ Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li se jippresjedi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, u jkun jista' jitkellem f'isem l-Unjoni dwar dawk is-suġġetti fejn din għandha pożizzjoni komuni biex b'hekk tiġi żgurata aktar koerenza fl-azzjoni esterna tal-Unjoni;

se jkun hemm servizz uniku għall-azzjoni esterna magħmul minn impjegati tas-servizz civili tal-Kummissjoni u l-Kunsill u tas-servizzi diplomatici nazzjonali, li jista' jigi stabbilit mill-Kunsill bil-kunsens tal-Kummissjoni u wara li jkun gie kkonsultat il-Parlament; dan is-servizz estern se jkun immexxi mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni/mir-Rappreżentant Għoli, għandu jkun marbut mal-Kummissjoni u għandu l-iskop li jiżgura konsistenza akbar fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika barranija tal-Unjoni;

il-kapaċità tal-Unjoni li tiżviluppa strutturi komuni fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà u difiża se tissaħħaħ inter alia billi tiddaħħal klawsola li tipprevedi għajnuna u assistenza reċiproka fil-każ ta’ aggressjoni armata u b'hekk jissaħħaħ is-sens ta’ sigurtà taċ-ċittadini, waqt li tiġi żgurata l-flessibilità meħtieġa fl-għażla ta’ approċċi differenti tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ dan it-tip;

f)

id-distinzjoni bejn strumenti leġiżlattivi u eżekuttivi se tiġi ċċarata u permezz ta’ definizzjoni ġdida ta’ atti delegati se jkun hemm il-possibilità li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi simplifikata u razzjonalizzata;

g)

l-istruttura tal-pilastri qed tiġi abbandunata biex b'hekk ikun jista' jkun hemm unità ta’ azzjoni fl-oqsma ta’ attività differenti tal-Unjoni permezz ta’ mekkaniżmi u strumenti simplifikati, għalkemm in-natura speċifika tal-politika barranija u ta’ sigurtà timplika proċeduri speċifiċi f'dawn l-oqsma;

h)

l-azzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja se jkollha għanijiet aktar ambizzjużi u proċeduri aktar effettivi, mhux iktar kif sar s'issa bl-użu ta’ strumenti u proċeduri intergovernattivi separati, u se tkun suġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja, biex b'hekk jitwiegħed progress tanġibbli f'dak li għandu x'jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ ġustizzja, sigurtà u immigrazzjoni;

i)

l-objettivi u l-kompetenzi tal-Unjoni fl-oqsma tal-bidla fil-klima, tad-drittijiet tat-tfal, tal-Politika Ewropea għall-Viċinat, l-għajnuna umanitarja, l-enerġija (inkluża referenza fit-Trattat għas-solidarjetà bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam), l-ispazju, ir-riċerka, it-turiżmu, l-isport, is-saħħa pubblika u l-protezzjoni ċivili huma definiti b'mod aktar ċar; il-politika kummerċjali komuni hi rikonoxxuta bħala kompetenza esklussiva tal-Unjoni;

j)

fil-każ ta’ għadd ta’ kwistjonijiet oħra, se tingħata l-possibilità li jiġu applikati metodi aktar effiċjenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet hekk kif ikun hemm ir-rieda politika li jsir dan;

k)

hemm aktar spazju għal arranġamenti flessibbli meta mhux l-Istati Membri kollha jkunu jridu jew mhux kollha jkunu jistgħu jimplimentaw ċerti linji politiċi fl-istess waqt;

Tħassib

6.

Wara r-riżultati tar-referenda fi Franza u l-Olanda, hu konxju tas-sogħba mifruxa li nħasset li sabiex jiġi żgurat qbil ġdid bejn is-27 Stat Membri kien jeħtieġ li:

jiġu abbandunati l-approċċ kostituzzjonali u wħud mill-karatteristiċi tiegħu, bħalma hu l-kunċett ta’ Unjoni bbażata fuq ir-rieda taċ-ċittadini u l-Istati Membri tagħha, test uniku u strutturat, terminoloġija aktar ċara biex jiġu definiti l-istrumenti leġiżlattivi, l-iffissar tal-bandiera u l-innu fit-Trattat u l-użu tat-titolu “Ministru għall-Affarijiet Barranin” minflok “Rappreżentant Għoli”;

tiġi posposta l-implimentazzjoni ta’ elementi importanti tat-Trattat il-ġdid, bħad-dħul fis-seħħ tas-sistema ġdida ta’ votazzjoni fil-Kunsill (akkumpanjat b'dispożizzjonijiet speċjali għall-posponiment ta’ votazzjonijiet magħrufa bħala l-“kompromess Ioannina”), u jiżdiedu mekkaniżmi ta’ restrizzjoni, bħal “brejkijiet ta’ emerġenza”, mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja f'xi oqsma ta’ kompetenza;

jiġu inkorporati fit-Trattat miżuri speċifiċi għall-Istati Membri partikulari, bħall-estensjoni tal-arranġamenti għal żewġ Stati Membri li jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem f'dak li għandu x'jaqsam mal-koperazzjoni fi kwistjonijiet tal-pulizija u kwistjonijiet kriminali, il-protokoll li jillimita l-effett tal-Karta fuq il-liġi domestika ta’ żewġ Stati Membri u s-siġġu parlamentari żejjed attribwit lil Stat Membru b'deroga tal-prinċipju ta’ proporzjonalità digressiva;

jiġi modifikat il-mod kif tpoġġa l-kliem f'diversi siltiet tat-Trattat, jew fil-protokolli u d-dikjarazzjonijiet annessi miegħu, li wassal għal bidla mhux ġustifikata lejn ton negattiv, li jagħti impressjoni li hemm nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha u b'hekk jintbagħat sinjal ħażin lill-pubbliku;

Konklużjonijiet

7.

Jappoġġja t-Trattat u jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni jilħqu jirratifikawh fi żmien utli għad-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2009;

8.

Jemmen li t-Trattat ta’ Liżbona se jipprovdi qafas stabbli li se jippermetti aktar żvilupp tal-Unjoni fil-ġejjieni;

9.

Hu konxju li huwa inevitabbli li trattat li jemenda jkun anqas ċar u jkun anqas faċli biex jinqara minn trattat kodifikat; jitlob, għalhekk, li jiġu ppubblikati immedjatament it-Trattati konsolidati kif riveduti mit-Trattat ta’ Liżbona, publikazzjoni li tipprovdi liċ-ċittadin b'test bażiku tal-Unjoni aktar ċar;

10.

Itenni t-talba tiegħu biex isiru l-isforzi kollha, kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali bi qbil mal-prinċipju ta’ koperazzjoni sinċiera, sabiex iċ-ċittadin Ewropew ikun informat b'mod ċar u oġġettiv dwar il-kontenut tat-Trattat;

11.

Jagħti struzzjonijiet lill-kumitat responsabbli biex iħejji l-bidliet meħtieġa għar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u biex jevalwa l-bżonnijiet għal miżuri ta’ implimentazzjoni ulterjuri;

*

* *

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lil dawk li kienu Membri tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa, u biex jiżgura li s-servizzi tal-Parlament, inklużi l-uffiċċji ta’ informazzjoni tiegħu, jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-Parlament dwar it-Trattat.


(1)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0234.

(3)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0328.

(4)  B'500 vot favur, 137 kontra u 40 astensjoni (Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa [Rapport Corbett/Méndez de Vigo], ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 88.).


Top