EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0865

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ {SEG(2008) 3058} {SEG(2008) 3059}

/* KUMM/2008/0865 finali */

52008DC0865

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ {SEG(2008) 3058} {SEG(2008) 3059} /* KUMM/2008/0865 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 16.12.2008

KUMM(2008) 865 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ

{SEG(2008) 3058}{SEG(2008) 3059}

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

1. INTRODUZZJONI

L-iżvilupp ta' ħiliet dejjem ogħla permezz ta' sistemi aħjar tal-edukazzjoni u t-taħriġ huwa parti essenzjali tal-istrateġija Ewropea biex tissodisfa l-isfidi tal-futur, bħal dawk ta' soċjetà li dejjem qed tavvanza fl-età, u l-provvediment ta' livelli għoljin ta' tkabbir u tal-impjiegi bbażati fuq l-għarfien li qegħdin fil-qalba tal-Istrateġija ta' Liżbona. L-għerf, il-ħiliet u l-kompetenzi jiddeterminaw l-opportunitajiet tal-individwu biex jirnexxi fis-suq tax-xogħol u biex jieħu sehem attiv fis-soċjetà. Huma kruċjali kemm għall-koeżjoni soċjali kif ukoll għall-kompetittività u l-kapaċità innovattiva tal-intrapriżi u tal-ekonomija kollha kemm hi.

Kif stipulat fl-inizjattiva dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda , li ġiet ippubblikata wkoll mal-pakkett ta' Liżbona ta' din is-sena, it-tibdil fis-suq tax-xogħol se jkun jeħtieġ kemm titjib tal-ħiliet tal-popolazzjoni kif ukoll politiki dwar l-iżvilupp tal-ħiliet li jaqblu aktar mal-ħtiġijiet preżenti u tal-futur tas-suq tax-xogħol. Dan jista' jsir biss jekk it-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà, u mhux slogan, li jippermetti lin-nies jiksbu kompetenzi ewlenin minn kmieni u jaġġornaw il-ħiliet tul ħajjithom kollha; u jekk is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jibdew iwieġbu aktar għall-bidla u jinfetħu iżjed għal dinja usa'.

L-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni qegħdin jikkooperaw mill-qrib biex jagħtu appoġġ lir-riformi nazzjonali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-programm ta' ħidma "L-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010". Waqt li jikkunsidra l-punti tat-tluq differenti ħafna tal-Istati Membri, il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) sostna l-progress lejn numru ta' miri komuni li jitkejlu ma' indikaturi u punti ta' referenza komuni u li jimxu skont il-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi, immirati lejn żieda fl-investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni u ħiliet aqwa; tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni u tkun promossa kultura aktar intraprenditorjali[1] Il-qafas preżenti għal kooperazzjoni, li kien miftiehem mill-Kunsill tal-Edukazzjoni fl-2001/02, qiegħed jintemm u għalhekk dan huwa punt xieraq fejn wieħed jagħmel evalwazzjoni u jħares 'il quddiem.

Wara konsultazzjoni wiesgħa mal-Istati Membri u atturi oħra fl-2008, din il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi sfidi strateġiċi fit-tul biex jiggwidaw il-kooperazzjoni tal-politika għall-perjodu ta' żmien li jwassal sal-2020. L-isfidi jirriflettu l-kontribuzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ lejn l-Istrateġija ta' Liżbona u l-Aġenda Soċjali mġedda. Il-Komunikazzjoni tagħti deskrizzjoni wkoll tal-prijoritajiet l-iżjed urġenti li jistħoqqilhom attenzjoni partikolari waqt il-perjodu tal-bidu li ġej, għall-2009 u l-2010. Din, flimkien ma' metodi mtejba tax-xogħol, se titfa' iżjed attenzjoni fuq l-implimentazzjoni u tagħmel il-qafas il-ġdid iktar flessibbli biex jindirizza kemm in-nuqqasijiet li ilhom identifikati kif ukoll għall-kooperazzjoni ta’ politika miftuħa dwar sfidi ġodda. Din tinkludi wkoll il-possibbiltà li aktar tard wieħed jerġa' jiffoka mill-ġdid, fid-dawl tal-progress li jkun sar u li jiġu riflessi kwistjonijiet ġodda kif dawn jitfaċċaw fid-djalogu tal-politika u li jiġu adattati l-objettivi, il-punti ta' referenza u l-mekkaniżmi ta’ rappurtaġġ kif meħtieġ fid-dawl tad-deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-futur dwar l-istrateġija tat-Tkabbir u l-Impjiegi aktar tard mill-2010.

F'dan iż-żmien, meta l-UE qiegħda tfittex li ttaffi l-impatt tat-tnaqqis ekonomiku u tħejji t-triq għal tkabbir imġedded, huwa essenzjali li jinżamm l-impetu li jiffavorixxi l-investiment tal-edukazzjoni li hu kemm effiċjenti kif ukoll ġust. Il-politiki tajbin se jkunu ta’ għajnuna għall-irkupru minn xokkijiet reċenti u jibnu l-bażi biex jiġu ssodisfati l-isfidi tal-futur b’fiduċja fl-istess ħin.

2. FEJN NINSABU?

2.1. Progress u sfidi

Ir-responsabbiltà għall-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ hija tal-Istati Membri. Ir-rwol tal-Ewropa huwa li tagħti appoġġ lit-titjib ta' sistemi nazzjonali permezz ta’ għodda komplementari fuq livell tal-UE, it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prassi tajba.

Il-kooperazzjoni ta’ politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tat appoġġ lir-riformi nazzjonali tat-tagħlim tul il-ħajja u tas-sistemi tal-kwalifiki, il-modernizzazzjoni ta’ edukazzjoni ogħla u l-iżvilupp ta' strumenti Ewropej li jippromwovu l-kwalità, it-trasparenza tal-kwalifiki u l-mobilità fit-tagħlim. Iżda l-progress ivarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri u mhuwiex biżżejjed f'oqsma ewlenin. L-implementazzjoni għalhekk teħtieġ li tissaħħaħ. Kif muri fit-tabella numru 1, il-biċċa l-kbira tal-punti ta' referenza stabbiliti mill-Kunsill għall-2010 mhumiex se jintlaħqu. Filwaqt li ntlaħaq il-punt ta' referenza fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija fl-2003, il-progress dwar it-tluq bikri mill-iskola, il-kisba ta’ sekondarja ogħla u dwar il-partiċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja mhux biżżejjed biex jintlaħqu l-miri. Il-prestazzjoni ta’ dawk li jkollhom livell baxx fil-qari saħansitra ddeterjorat.[2]

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 għalhekk ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni konkreta biex inaqqsu b’mod sostanzjali n-numru ta’ nies li ma jafux jaqraw sew u n-numru ta' dawk li jħallu l-iskola kmieni biex itejbu l-livelli ta’ suċċess ta’ dawk li jitgħallmu li ġejjin minn ambjent ta’ migrazzjoni jew minn gruppi żvantaġġjati; biex jattiraw iżjed adulti jkomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiffaċilitaw aktar il-mobilità ġeografika u fl-impjiegi[3].

Tabella 1: Il-progress lejn il-ħames punti ta' referenza għall-2010 (il-medja tal-UE)[4]

[pic]

2.2. Sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ fuq perspettiva dinjija

Meta wieħed iħares lejha minn perspettiva iktar wiesgħa, il-prestazzjoni tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ hi mqabbla b'mod ġenerali mal-aqwa fid-dinja. Iżda t-tqabbil ma' pajjiżi oħra tal-OECD jiżvela xogħol b’lura sinifikanti għall-UE, kemm fuq il-livell ta' tagħlim bażiku kif ukoll fl-edukazzjoni ogħla.

Notevolment, ir-riżultati ta’ PISA għall-ħila fil-qari (ta' min għandu 15-il sena) juru li l-UE b’mod ġenerali għandha sehem ta' persuni bi prestazzjoni baxxa. It-Tabella 2 turi li s-sehem fil-Korea t'Isfel, fil-Kanada u fl-Awstralja huma relattivament stabbli u ħafna inqas mill-medja tal-UE. Il-popolazzjonijiet tal-emigranti - li jmorru ħażin f'dan l-indikatur fi ħdan l-UE[5] - imorru notevolment aħjar fil-Kanada u fl-Awstralja. It-Tabella 3 turi li ċerti Stati Membri tal-UE għandhom livell li jista' jiġi mqabbel mal-aqwa fid-dinja. Iżda minħabba l-prestazzjoni baxxa ta' xi Stati Membri oħra, din tibqa' sfida sostanzjali fuq livell Ewropew.

Tabella 2: Nies li għandhom livell baxx fil-ħila tal-qari (fl-età ta' 15-il sena) skont l-iskala PISA dwar il-ħila għall-qari fl-UE u pajjiżi terzi magħżula fl-2000 u fl-2006 (Sors tad-dejta: OECD)

[pic]

Tabella 3: Nies li għandhom livell baxx fil-ħila għall-qari (fl-età ta' 15-il sena) skont l-iskala PISA dwar il-ħila għall-qari fl-UE fl-2000 u fl-2006 (Sors tad-dejta: OECD)

[pic]

[pic]

It-tieni, ħafna mill-kompetituri ewlenin tal-UE għandhom numri akbar ta' nies b'edukazzjoni ta' livell terzjarju. Il-medja tal-UE ta' dawk li għandhom bejn il-25 u l-64 sena hija ta' 23 % meta mqabbla mal-40 % fil-Ġappun, 39 % fl-Istati Uniti, 32 % fl-Awstralja u l-Korea u 27 % fin-New Zealand.

Fl-aħħar nett, waqt li l-assigurazzjoni tal-effiċjenza tal-investimenti hija ta’ interess ewlieni għall-UE, ħafna pajjiżi barra l-Ewropa qegħdin jinvestu b’mod aktar sinifikanti fl-edukazzjoni għolja, b’mod partikolari minn sorsi privati. L-investiment privat (0.23 % tal-PGD fl-UE) huwa ħafna ogħla kemm fil-Ġappun (0.76 %) kif ukoll fl-Istati Uniti tal-Amerika (1.91 %)[6].

Dawn il-paraguni juru li jekk l-Ewropa se jirnexxilha tilħaq l-ambizzjoni tagħha li tkun l-ewwel soċjetà dinjija inkwantu l-għerf u l-ekonomija, jeħtieġ li ssaħħaħ il-ħidma tagħha f'dawn l-oqsma.

3. SFIDI STRATEġIċI GħALL-MEDDA TWILA TA’ żMIEN U L-PRIJORITAJIET IMMEDJATI: NGħOLLU L-LIVELLI TAL-ħILIET BIT-TAGħLIM TUL IL-ħAJJA

Wara l-konsulti li saru, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-kooperazzjoni Ewropea fit-tagħlim u fit-taħriġ għandha tindirizza erba’ sfidi strateġiċi fis-snin li jwasslu għall-2020:

- Isiru realtà t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità ta' min jitgħallem ;

- Jitjiebu l-kwalità u l-effiċjenza tal-provvediment u tar-riżultati;

- Ikunu nkoraġġiti s-sens ta' ekwità u ċ-cittaddinanza attiva ;

- Jissaħħu l-innovazzjoni u l-kreatività, fosthom l-intraprenditorjat f'kull livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati b'politika ta’ għaqda fost is-sistemi kollha tal-edukazzjoni (l-iskejjel, l-edukazzjoni ogħla, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali/ETV u t-tagħlim tal-adulti). It-tagħlim tul il-ħajja għalhekk huwa mira fundamentali li fuqu huma msaħħa l-isfidi kollha msemmijin hawn fuq.

Filwaqt li dawn l-isfidi strateġiċi għandhom ikunu l-bażi għall-kooperazzjoni fil-politika għall-perjodu ta' bejn l-2009 u l-2020, għandhom jiġu stabbiliti miri iżjed speċifiċi għal attenzjoni bi prijorità fi blokki b’medda qasira ta’ żmien. Is-sezzjonijiet li ġejjin, minn 3.1 sa 3.4 jistipulaw l-isfidi strateġiċi għal medda twila ta’ żmien b'iżjed dettall u jipproponu l-prijoritajiet rilevanti għall-ewwel perjodu: mill-2009 sal-2010.

3.1. Sfida strateġika: Li t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità ta' min jitgħallem realtà jsiru realtà;

It-tagħlim tul il-ħajja jikkonsisti fit-tagħlim f'kull età (minn dik ta' qabel il-primarja għal dik ta' wara l-irtirar) u jinkludi t-tagħlim f'kull kuntest, jiġifieri dak kollu li jsir f'ambjent formali, mhux formali u informali. L-Istati Membri ftehmu li sal-2006, għandhom jistabbilixxu strateġiji nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja li huma koerenti u komprensivi.

L-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji għadha sfida. Sar progress bħala riżultat tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK)[7] li ta bidu għall-ħidma, f'ħafna pajjiżi, fuq l-iżvilupp tal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki li jinkludu attenzjoni ġdida fuq ir-riżultati tat-tagħlim (dan ifisser attenzjoni speċjali fuq dak li jaf, dak li jifhem u dak li hu kapaċi jagħmel min ikun qed jitgħallem, iżjed milli fuq il-proċess innifsu tat-tagħlim). Billi jżid it-trasparenza tal-kwalifiki, il-QEK jiffaċilita l-mobilità ta’ min jitgħallem u l-ħaddiema minn pajjiż għal ieħor kif ukoll jiffaċilita l-aċċess tagħhom għat-tagħlim tul ħajjithom.

Iżda għad fadal ħafna xi jsir biex jiġu stabbiliti modi flessibbli għat-tagħlim, pereżempju bil-mezz ta' transizzjoni aħjar bejn il-VET u l-edukazzjoni ogħla, billi l-universitajiet jinfetħu għal studenti li mhumiex tradizzjonali, jew bil-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali. It-tagħlim għandu jkun attraenti u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, indipendentement mill-età tagħhom, mil-livell ta’ edukazzjoni li jkunu laħqu, mill-impjieġ jew l-istatus soċjali tagħhom. Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni aħjar bejn is-setturi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ; impenn istituzzjonali (li jinkludi mudelli sostenibbli tal-għotja ta' fondi) u sħubija mal-atturi kollha involuti.

Il-mobilità ta’ min jitgħallem bejn pajjiż u ieħor hija element essenzjali tat-tagħlim tul il-ħajja, u hi element li jiftaħ l-opportunitajiet tal-impjieg u jinkoraġġixxi l-addattabilità. Valutazzjonijiet tal-programmi tal-UE juru li l-mobilità twaqqgħa l-fruntieri bejn il-popli u l-gruppi tan-nies, tirrendi iżjed tanġibbli l-benefiċċju taċ-ċittadinanza Ewropea u tgħin lin-nies jaddattaw rwieħom iżjed u jaċċettaw faċilment l-idea tal-mobilità ladarba jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-mobilità bejn pajjiż u ieħor ta' min qed jitgħallem għandha ssir in-norma u mhux l-eċċezzjoni li għadha sal-lum. Biex dan jinkiseb, jinħtieġ impenn ġdid tal-atturi kollha, flimkien ma' finanzjament fuq bażi iżjed wiesgħa.

Temi ta' prijorità li għandhom jiġu enfasizzati fis-snin 2009-10:

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu prijorità li jiksbu implimentazzjoni aħjar f'dawn l-oqsma:

- Strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja Jitkompla l-proċess tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja b'attenzjoni speċjali fuq il-validazzjoni tat-tagħlim u l-iggwidar mhux formali u informali.

- Qafas Ewropew tal-Kwalifiki: Sal-2010 għandhom jintrabtu s-sistemi tal-kwalifiki nazzjonali kollha mal-QEK u jingħata appoġġ lill-użu ta' sistemi bbażati fuq ir-riżultati tat-tagħlim biex jitqiesu l-istandards u l-kwalifiki, u lill-proċeduri ta' valutazzjoni u ta' validazzjoni, lit-trasferiment tal-kreditu, lill-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kurrikuli.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiffokaw fuq l-iżvilupp tal-politika tal-kooperazzjoni dwar

- It-tkabbir tal-mobilità tat-tagħlim: Jaħdmu flimkien biex jeliminaw ix-xkiel u jiftħu l-opportunitajiet għall-mobilità tat-tagħlim fl-Ewropa u madwar id-dinja, kemm fil-każ tal-edukazzjoni ogħla kif ukoll ta’ livelli oħra, u jdaħħlu miri u strumenti ġodda għall-iffinanzjar, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak nazzjonali[8].

3.2. Sfida strateġika: It-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-provvediment u tar-riżultati

Il-Kunsill Ewropew enfasizza kemm-il darba li sistemi ta' kwalità għolja tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jkunu effiċjenti u ġusti huma kruċjali għas-suċċess tal-Ewropa.

L-ikbar sfida hija l-assigurazzjoni tal-akkwist tal-kompetenzi ewlenin[9] minn kulħadd waqt li tiġi żviluppata l-eċċellenza li tippermetti li l-Ewropa żżomm pożizzjoni dinjija ta' saħħa fl-edukazzjoni ogħla. Il-frott tat-tagħlim ta' kull livell għandu jkun rilevanti kemm għall-ħajja professjonali kif ukoll għal dik privata.

Il-fattur ewlieni fi ħdan l-iskejjel li jaffettwa kif imorru l-istudenti huwa l-kwalità tal-għalliema, it-trejners u l-istaff l-ieħor edukattiv[10]. Minħabba li hemm xi żewġ miljun għalliem anzjani li se jirtiraw f'dawn il-15-il sena li ġejjin, u li jridu jiġu sostitwiti, il-professjoni tat-tagħlim trid issir għażla ta' karriera iżjed attraenti[11].

Jeħtieġ ukoll li tkun indirizzata l-governanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex ikunu provduti riżultati ta' kwalità għolja fuq bażi sostenibbli. Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jingħataw iżjed awtonomija, ikunu iżjed miftuħin lejn is-soċjetà ċivili u l-intrapriżi u għandhom ikunu soġġetti għal sistemi effettivi tal-assigurazzjoni tal-kwalità.

Il-kwalità għolja tista' tkun akkwistata biss bl-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi. L-argument li l-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ huwa fattur essenzjali fit-tkabbir ekonomiku u favur l-inklużjoni soċjali għandu jiġi msaħħaħ bl-iżvilupp tal-bażi tal-evidenza[12].

Temi ta' prijorità li għandhom jiġu enfasizzati fis-snin 2009-10:

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu prijorità li jiksbu implimentazzjoni aħjar f'dawn l-oqsma li ġejjin:

- Il-lingwi: Li ċ-ċittadini jingħataw il-kapaċità li jikkomunikaw f’żewġ lingwi oħra barra mil-lingwa materna tagħhom, li jkun promoss it-tagħlim tal-lingwi fl-ETV u għall-istudenti adulti u tingħata l-opportunità lill-emigranti li jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż li jmorru jgħixu fih[13].

- L-iżvilupp professjonali tal-għalliema u ta’ min iħarreġ: Issir enfasi fuq l-elementi l-iżjed importanti tat-taħriġ primarju tal-għalliema u fuq li titwessgħa l-firxa u l-kwalità tal-opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema, ta’ min iħarreġ u tal-istaff kollu involut, pereżempju f’attivitajiet li jinvolvu t-tmexxija u d-direzzjoni.

- Il-governanza u l-fondi: Tkun implimentata l-aġenda tal-modernizzazzjoni fl-edukazzjoni ogħla (inklużi l-kurrikuli)[14], il-qafas tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV[15] u l-iżvilupp tal-istandards għall-professjonisti fit-tagħlim tal-adulti. Ikunu promossi l-politika u l-prattika bbażati fuq l-evidenza[16], b’enfasi partikolari fuq il-provi li jiġġustifikaw l-argument favur is-sostenibbiltà tal-investiment pubbliku u privat.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiffokaw fuq l-iżvilupp tal-politika tal-kooperazzjoni dwar

- Il-ħiliet bażiċi fil-qari, il-matematika u x-xjenza: Ikun stabbilit grupp ta’ livell għoli dwar il-ħiliet tal-qari u l-kitba biex jinvestiga l-problemi li qegħdin iwasslu għal tnaqqis fil-ħila tal-qari fost it-tfal tal-iskola[17] u biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet dwar kif se jitjieb il-livell ta’ dawn il-ħiliet fl-UE kollha. Tkun intensifikata l-kooperazzjoni eżistenti biex jitjieb it-teħid tal-matematika u x-xjenza f'livelli ogħla tal-edukazzjoni u taħriġ, u biex jissaħħaħ it-tagħlim tax-xjenza L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-akkwist tal-ħiliet bażiċi anki għall-adulti.

- “Kapaċitajiet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”: Ikun żgurat li l-valutazzjoni dwar il-bżonnijiet fil-ħiliet tal-ġejjieni u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni jittieħdu bis-serjetà fil-proċessi kollha tal-ippjanar fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.3. Sfida strateġika: Inkoraġġiment tal-ekwità u ċ-cittadinanza attiva;

Il-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tgħin u tinkoraġġixxi liċ-ċittadini kollha, bla differenza ta’età, sess jew klassi soċjo-ekonomika, biex jakkwistaw, jaġġornaw u tul ħajjithom jiżviluppaw, kemm dawk il-ħiliet li huma speċifiċi għal xi tip ta’ xogħol kif ukoll il-kompetenzi li jeħtiġilhom biex jibqgħu dejjem jitgħallmu, biex ikunu ċittadini attivi, u biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fid-djalogu interkulturali.

Minkejja li mill-bidu nett il-kwistjoni tal-ekwità kienet waħda ċentrali għall-MMK) dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, l-isfidi prinċipali ċentrali għadhom ma ntgħelbux. Għadu l-każ li wieħed minn kull sitt żgħażagħ jispiċċa mill-iskola bil-livell bażiku tal-edukazzjoni obbligatorja, jew inqas. Ħafna mill-istudenti li ġejjin minn familji emigranti ma jwasslux għal-livell ta’ sħabhom li huma tal-post. Filwaqt li fost dawk li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt, is-subien jagħmlu l-biċċa l-kbira, u huma l-inqas li jmorru tajjeb fil-qari, in-numru ta' gradwati nisa fil-matematika, fix-xjenza u fit-teknoloġija huwa iżjed baxx minn dak tal-irġiel. Dawk l-adulti li jkunu kisbu biss livell baxx ta’ edukazzjoni għandhom inqas probabbiltà li jkomplu jitgħallmu u jitħarrġu minn dawk li jiksbu livell ogħla. Għadu l-każ li l-klassi soċjo-ekonomika li wieħed ikun ġej minnha tagħmel differenza kbira fil-probabbiltà ta’ suċċess jew nuqqas ta’ suċċess fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ikun liema jkun il-livell[18]. Dawn huma sfidi kbar li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex iħeġġu l-inklużjoni soċjali u tintgħeleb il-problema li jkun hemm wisq ħaddiema għal ċerti tipi ta' xogħol u numri żgħar wisq għal tipi oħrajn.

Kwalità għolja ta' edukazzjoni fl-età ta' qabel il-primarja u l-għoti tal-appoġġ lil min hu fil-bżonn, ikkumbinati ma’ programm ta’ edukazzjoni u taħriġ amministrat sew, fejn it-tfal bi bżonnijiet speċjali jkunu inklużi mat-tfal l-oħra, jgħinu biex jintgħelbu l-iżvantaġġi għall-edukazzjoni.

L-edukazzjoni għandha tippromovi l-ħiliet interkulturali, il-valuri demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni waqt li tħejji liż-żgħażagħ kollha biex jikkooperaw ma sħabhom li ġejjin minn kulturi u stati diversi u jkollhom effett reċiproku pożittiv fuq xulxin.

Temi ta' prijorità li għandhom jiġu enfasizzati fis-snin 2009-10:

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu prijorità li jiksbu riżultati aħjar f'dawn l-oqsma:

- Tluq mill-iskola qabel iż-żmien: Jissaħħu l-approċċi preventivi, tinbena kooperazzjoni eqreb bejn is-setturi ġenerali u dawk vokazzjonali u jitneħħew ix-xkiel li jwaqqaf lil min jitlaq mill-iskola qabel il-waqt li jerġa’ jdur lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiffokaw fuq l-iżvilupp tal-politika tal-kooperazzjoni dwar

- L-edukazzjoni qabel dik primarja: Ikun promoss l-aċċess ekwitu ġeneralizzat u tissaħħaħ il-kwalità tat-tagħlim u l-appoġġ għall-għalliema.

- L-emigranti: Ikun żviluppat it-tagħlim reċiproku fuq l-aħjar prassi għall-edukazzjoni tat-tfal ta’ familji emigranti[19].

- Studenti bi bżonnijiet speċjali: Ikun promoss it-tagħlim personalizzat permezz tal-appoġġ li jingħata malli jinħass il-bżonn tiegħu u ta’ servizzi kkoordinati sew. Ikunu integrati s-servizzi fl-iskejjel komuni u jkunu żgurati mogħdijiet li jwasslu għal iżjed tagħlim u taħriġ.

3.4. Sfida strateġika: Jissaħħu l-innovazzjoni u l-kreatività, li jinkludu l-intraprenditorija, f'kull livell tat-tagħlim u t-taħriġ.

L-innovazzjoni u l-kreatività huma fatturi ewlenin fl-iżvilupp tal-intrapriża u huma ta' ħtieġa kbira biex jgħinu lill-Ewropa tiffaċċja l-isfidi tal-kompetizzjoni internazzjonali u l-iżvilupp sostenibbli.

L-ewwel sfida hija li jkun żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom il-possibbiltà li jakkwistaw kompetenzi ewlenin li jintużaw fl-oqsma kollha tal-ħajja, bħal ma huma li wieħed isir jaf kif għandu jgħallem lilu nnifsu, ħiliet ta’ komunikazzjoni, sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija, kompetenza diġitali (li tinkludi l-għerf li bih wieħed jaqra l-midja[20]), l-għarfien u l-espressjoni kulturali kulturali[21]. Dawn kollha u l-użu ta' teknoloġiji ġodda - l-Istati Membri għandhom jimmiraw li sal-2010[22] l-iskejjel kollha jkollhom aċċess għall-internet ta' veloċità għolja - għandhom ikunu riflessi fil-kurrikuli, fil-pedagoġiji u fil-kwalifiki. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-intrapriża u l-universitajiet jistimula modi ta’ ħsieb intraprenditorjali fost l-istudenti u r-riċerkaturi.

It-tieni sfida hija biex ikun żgurat li t-trijangolu tal-għerf ta’ edukazzjoni-riċerka-innovazzjoni jkun jaħdem sew. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jista’ jservi ta’ ispirazzjoni u jimmotiva l-bidla lejn l-akkwist tal-eċċellenza fit-tagħlim u r-riċerka, speċjalment billi jsostni l-multi-dixxiplinarjetà u s-sħubiji bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u tan-negozju. Is-sħubija bejn id-dinja tal-intrapriża u livelli u setturi differenti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka tista’ tgħin biex ikun żgurat li jkun hemm iffukar aħjar fuq il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol u li jkunu sostnuti l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fil-forom kollha tat-tagħlim. Il-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka u firxa ta' clusters dinjija għandu jiffaċilita bosta sħubiji bħal dawn.

Is-Sena Ewropea tal-Kreatività u l-Innovazzjoni 2009 se tgħin biex jiġu indirizzati ftit minn dawn l-isfidi importanti. Fil-kuntest tal-iżvilupp tal-politika, hemm bżonn li l-kooperazzjoni bejn ir-riċerka, l-analiżi u t-tpartit tal-ideat dwar kif għandhom jitkejlu l-ħiliet kreattivi u innovattivi tinġieb 'il quddiem fuq livell tal-UE u mal-organizzazzjonijiet rilevanti internazzjonali.

Temi ta' prijorità li għandhom jiġu enfasizzati fis-snin 2009-10:

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu prijorità li jiksbu implimentazzjoni aħjar f'dawn l-oqsma:

- Kompetenzi ewlenin trasversali: Ikunu integrati kompletament dawn il-kompetenzi primarji trasversali fil-kurrikuli, fl-evalwar u fis-sistema tal-kwalifiki[23].

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiffokaw fuq l-iżvilupp tal-politika tal-kooperazzjoni dwar

- Istituzzjonijiet li jsostnu l-innovazzjoni: Ikunu promossi l-kreattività u l-innovazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ metodi ta’ tagħlim speċifiċi (inkluż l-użu ta’ għodda ġodda tat-TIK u t-taħriġ tal-għalliema).

- Sħubija: Ikunu żviluppati sħubiji bejn dawk li jipprovdu t-tagħlim u t-taħriġ u n-negozji, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, il-partijiet kulturali u l-industriji kreattivi.

4. SISTEMI TA’ ħIDMA MTEJBA TAL-METODU MIFTUħ TAL-KOORDINAMENT FUTUR

Is-suċċess tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni fit-tagħlim u t-taħriġ jiddependi mill-impenn politiku u mill-kapaċità tiegħu li jsostni u jkollu impatt reali fuq ir-riformi nazzjonali. Il-kooperazzjoni fil-politika trid tkun rilevanti u konkreta, għandha tirrendi riżultati li jidhru u tasal għand il-partijiet u dawk li jfasslu l-politiki, inklużi dawk tal-ogħla livell politiku. Huwa essenzjali li jitkejjel il-progress lejn miri li jkun sar qbil fuqhom.

4.1. Il-governanza u s-sħubija

Il-perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja titlob il-koordinazzjoni u l-fissazzjoni tal-prijoritajiet fis-setturi kollha tat-tagħlim u t-taħriġ. Aġendi speċifiċi għall-politiki ġew stabbiliti għall-iskejjel[24], għall-ETV[25], għall-edukazzjoni għolja[26] u għall-edukazzjoni tal-adulti[27]. Il-ħidma tat-tpartit u l-implimentazzjoni tal-politiki fis-setturi kollha jridu jikkontribwixxu lejn il-prijoritajiet strateġiċi ġenerali.

Għal dan l-għan, ir-rwol tal-grupp informali ta’ livell għoli dwar il-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-preżent għandu jkun rinforzat biex ikun jista’ jaqdi d-dmir strateġiku li jmexxi l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK) billi: jkunu identifikati l-prijoritajiet u jkun monitorjat il-progress tal-ħidma fis-setturi kollha; jitħejjew kontribuzzjonijiet għal diskussjoni politika fil-Kunsill tal-Edukazzjoni, pereżempju bbażati fuq it-tagħlim fost dawk ta’ mpar, jew attivitajiet analitiċi; u billi jkun żgurat li l-kooperazzjoni dwar il-politiki fit-tagħlim u t-taħriġ tingħata l-importanza li jistħoqqilha, kemm fil-proċess usa ta’ Liżbona kif ukoll fil-politiki nazzjonali.

Għandha wkoll tingħata prijorità lill-involviment tal-partijiet u l-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, li jistgħu jagħtu kontribut konsiderevoli kemm fid-djalogu kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni se tlaqqgħa forum annwali mal-organizzazzjonijiet Ewropej interessati, u l-partijiet l-oħra rilevanti jiġu involuti sistematikament fl-attivitajiet li jinvolvu t-tagħlim fost dawk li huma ta’ mpar xulxin.

4.2. Tagħlim reċiproiku, it-trasferiment tal-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-politika

It-tagħlim reċiproku huwa element ċentrali tal-MMK fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa jipprovdi kontribuzzjoni għall-inizjattivi dwar il-politika Ewropea u jagħti l-appoġġ lill-iżvilupp tal-politiki nazzjonali. U huwa mezz importanti għat-tixrid u l-implimentazzjoni tal-għodda Ewropej, bħal mhuma l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki[28] jew ir-rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja[29].

L-għan għall-ġejjieni għandu jkun li jissaħħaħ it-tagħlim fost dawk li huma ta’ mpar biex ikun żgurat li jirrifletti l-isfidi ewlenin li huma identifikati hawn fuq u biex jiżdied l-impatt tiegħu fuq il-livell politiku. Jeħtieġ li l-attivitajiet ikunu bbażati fuq mandati ċari, skedi ta' żmien u ppjanar tal-miri (pereżempju: rakkomandazzjonijiet tal-politiki jew manwali, kollezzjonijiet ta’ eżempji tal-aħjar prattiċi, fil-qosor imma komprensivi). Il-pjan irid ikun flessibbli biex jista’ jinbidel u jaddatta ruħu skont iċ-ċirkostanzi li jinqalgħu u skont it-temi politiki li jevolvu. Għandu jkun żviluppat programm għaddej ta' tagħlim u analiżi fost l-istudenti tal-istess livell, ibbażat fuq il-prijoritajiet tal-politiki li jevolvu, li jibda bil-prijoritajiet li ġew iddefiniti għas-snin 2009-10.

Barra minn hekk, jintużaw ukoll dawn l-istrumenti msemmija hawn:

- Il-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja[30] jsostni l-iżvilupp, l-eżaminar, it-trasferiment u l-implimentazzjoni tal innovazzjoni u approċċi ġodda.

- Ir-riċerka u l-analiżi jkunu appoġġjati mill-aġenziji bħas-Cedefop (Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali), u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, in-netwerks bħall-Eurydice, u gruppi ta’ esperti,[31] b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

- Id-djalogu dwar il-politiki ma’ numru ta’ pajjiżi barranin imsieħba jista’ jipprovdi qafas komparattiv usa’ u ideat ġodda: għandu jkun imsaħħaħ u aktar konness mal-MMK (metodu miftuħ ta' koordinazzjoni).

4.3. Rapportaġġ aħjar tal-progress u l-viżibilità

Il-Kummissjoni u l-Kunsill kull sentejn qegħdin flimkien bħalissa joħorġu rapport dwar il-progress ibbażat fuq ir-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri li jippjanaw l-azzjonijiet skont il-politiki tagħhom biex jindirizzaw il-miri ġenerali tal-MMK. Fil-futur ir-rapporti għandhom jiffokaw b’iżjed dettall fuq ċerti prijoritajiet speċifiċi biex jittieħdu l-azzjonijiet fuqhom. Għalhekk huwa propost li r-rapport ta’ progress li jmissu joħroġ fl-2010 għandu jiffoka fuq waħda jew iżjed mill-prijoritajiet immedjati li jingħataw importanza fis-sezzjoni 3. Ir-rapporti maħruġin bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom ikunu msaħħin bl-inklużjoni tal-valutazzjonijiet tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi individwali, u dawn jiżdiedu mal-valutazzjoni tal-komponenti dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet tal-Programmi Nazzjonali tar-Riforma ta' Liżbona. Għal issa, mhu propost l-ebda tibdil fir-rittmu ta' darba kull sentejn li jinħarġu r-rapporti.

Għandhom isiru iżjed sforzi biex jitqajjem l-għarfien fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali, tal-appoġġ u tal-opportunitajiet li jipprovdi l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, speċjalment mill-prijoritajiet u r-riżultati tiegħu. Ikun hemm sit fuq l-internet li jipprovdi l-informazzjoni dwar l-inizjattivi tal-politiki u eżempji konkreti tal-aħjar prattika identifikata fil-kuntest tal-MMK.

4.4. Indikaturi u punti ta’ referenza

Il-ħames punti ta’ riferiment li hemm bħalissa

L-indikaturi u l-punti ta’ referenza li ġew żviluppati fil-kuntest tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 swew utli fil-monitoraġġ u l-komunikazzjoni tal-progress fuq livell Ewropew u biex ipprovdu gwida għall-identifikazzjoni tal-isfidi. Tlieta minn dawn il-ħames punti ta’ referenza (dwar l-istudenti li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt, dwar il-livell ta' kompetenzi li jinkisbu fis-sekondarja ogħla u dwar il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja) jagħmlu parti mil-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi.

Kif jidher fis-sezzjoni 2.1, ma sarx biżżejjed progress biex jintlaħqu l-ħames punti ta’ referenza ffissati għall-2010. Għalhekk jeħtieġ li jitħejjew l-isforzi biex tittejjeb il-ħidma f’dawn l-oqsma. Għal dan l-għan l-Istati Membri għandhom jaddottaw miri nazzjonali fl-oqsma li għalihom hemm qbil fuq livell Ewropew dwar il-punti ta' referenza.

L-aġġornament tal-punti ta’ referenza lil hinn mill-2010.

Għall-perjodu sal-2020 il-kooperazzjoni fil-politiki għandha tkun sostnuta bil-punti ta’ referenza li jirriflettu bis-sħiħ l-isfidi strateġiċi identifikati għal medda twila ta’ żmien u li jirriflettu aspett ewlieni tal-aġenda dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - il-ħtieġa li jitjiebu l-ħiliet u l-impjegabbiltà fil-firxa kollha tal-popolazzjoni. Il-punti ta' referenza tal-ġejjieni fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ukoll ikunu flessibbli biżżejjed biex jieħdu kont tal-miri u l-indikaturi li se jintużaw fl-Istrateġija għat-Tkabbir u għall-Impjiegi tal-UE lil hinn mill-2010 – Liżbona wara l-2010. Abbażi ta’ dan, huwa propost li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jibnu fuq l-esperjenza bil-punti ta' referenza eżistenti u jesplorawsett ġdid ta’ punti ta’ referenza skont il-linji li ġejjin:

- Issir reviżjoni u fejn jixraq aġġornament tal-punti ta’ referenza eżistenti, pereżempju, jista’ jitwessa’ l-punt ta’referenza dwar id-diffikultà fil-qari biex jinkludi wkoll il-matematika u x-xjenza.

- Ikunu inkorporat fil-qafas tal-punti ta’ referenza, il-miri li kienu ġew stabbiliti waqt il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona fl-2002 (jiġifieri dwar il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja u dwar l-opportunitajiet għat-tagħlim bikri tal-lingwi);

- Ikunu introdotti l-punti ta' referenza li jibnu fuq it-temi li ġew 'il quddiem mill-bidu tal-kooperazzjoni jew li jirriflettu prijoritajiet politiċi ġodda, pereżempju dwar il-livell li jrid jinkiseb fl-edukazzjoni terzjarja; il-mobilità fit-tagħlim;

- Titnieda ħidma tal-iżvilupp biex jinħolqu indikaturi ġodda dwar ir-rabta bejn l-akkwist edukattiv u l-impjegabbiltà u dwar l-edukazzjoni li ssostni l-innovazzjoni u l-kreatività, li jinkludu l-intraprenditorija.

Skont dan, il-Kummissjoni tipproponi dibattitu mal-Istati Membri fuq il-bażi tal-punti possibbli ta' referenza li ġejjin għall-MMK fil-ġejjieni:

4.4.1. Li jsiru realtà t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità

- Il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja : Il-punt ta’ referenza preżenti jipprevedi rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 12.5 % tal-adulti (ta’ etajiet bejn il-25 u l-64 sena) fit-tagħlim tul il-ħajja. Filwaqt li mill-2002 ’il hawn kien hemm progress raġonevoli li jwassal lejn dan il-punt ta' referenza (milli jidher minn kif sejrin l-affarijiet fil-preżent, dan il-punt ta' referenza probabbilment jintlaħaq sal-2017), għad hemm id-differenzi bejn Stat Membru u ieħor. Meta jitqiesu t-tendenzi teknoloġiċi u demografiċi u l-impatt inevitabbli tat-tnaqqis ekonomiku ta' bħalissa fuq l-impjiegi, huwa iżjed urġenti li jitjiebu u jkunu aġġornati l-ħiliet tal-adulti. B'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni tixtieq tipproponi li l-punt ta’ referenza għall-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja jitgħolla għal 15 %. Huwa importanti wkoll li-l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-iżbilanċ fil-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja bejn l-adulti b’livell għoli ta’ ħila u dawk b’livell baxx fil-ħiliet. Huma għandhom ikunu mistiedna li jistabbilixxu miri nazzjonali biex jaslu għal dan.

- Il-Mobilità: għandu jkun żviluppat punt ta’ referenza ġdid imsejjes fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ ta’ Novembru 2008 li jipproponu miri dwar il-mobilità tal-istudenti universitarji, it-tfal tal-iskola, is-settur vokazzjonali u l-għalliema, u min iħarreġ.

4.4.2. Titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-provvediment u tar-riżultati

- Dawk li għandhom livelli baxxi ta’ ħiliet bażiċi: Wara l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 li ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni konkreta biex jittrattaw din il-problema, iIl-Kummissjoni tixtieq tipproponi punt ta’ referenza fejn il-perċentwali ta’ żgħażagħ ta’ 15-il sena li għandhom livelli baxxi ta’ ħiliet bażiċi (il-qari, il-matematika u x-xjenza) ikun inqas minn medja ta’ 15 % u fejn tingħata attenzjoni partikolari biex jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn is-sessi. L-għan huwa biex jitwessgħa l-ambitu tal-punt ta’ referenza ta’ qabel li kien jittratta biss dwar il-ħiliet tal-qari u tal-kitba, mingħajr ma tgħolli l-limitu.

- Il-lingwi : Il-Kummissjoni tixtieq tipproponi punt ta’ referenza ġdid fejn mill-inqas 80 % tal-istudenti fl-ewwel klassijiet tal-iskola sekondarja jiġu mgħallma mill-inqas żewġt ilsna barranin. Din il-proposta tipprova tissodisfa t-talba tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona li jkun provdut tagħlim f'mill-inqas żewġt ilsna barranin minn età żgħira. Dan l-aħħar kien hemm tkabbir mgħaġġel fit-tagħlim tal-lingwi. Fis-sena 2000, 40 % tal-istudenti fil-primarja kienu qegħdin jitgħallmu żewġ lingwi barranin, sal-sena 2006 (l-iżjed ċifri riċenti disponibbli), din iċ-ċifra kienet telgħet għal 52 %. L-iskop huwa biex jitkompla jkun stimolat dan il-progress tajjeb.

- L-investiment fl-edukazzjoni ogħla: Il-Kummissjoni tixtieq tipproponi punt ta’ referenza ġdid fejn l-investiment pubbliku u privat f’edukazzjoni ogħla modernizzata għandu jwassal mill-inqas sa 2 % tal-PGD[32]. Dan ikun jirrifletti d-diskussjonijiet politiċi dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni ogħla li beda fis-Summit ta’ Hampton Court fl-2005 u jipprova jwassal il-livelli tal-investiment fl-edukazzjoni ogħla (fil-preżent 1.3 % tal-PGD minn sorsi pubbliċi u privati) eqreb lejn il-livelli ta' kompetituri ewlenin bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, li l-investiment tagħhom (kemm pubbliku kif ukoll privat) huwa ta' 2.45 % u 1.85 % rispettivament.

- L-akkwist tal-kwalifiki fil-livell terzjarju : Il-Kummissjoni tixtieq tipproponi punt ta’ referenza ġdid fejn il-perċentwali ta’ nies ta’ bejn it-30 u l-34 sena b’livell għoli ta’ edukazzjoni għandu jkun ta’ mill-inqas 45 %. Din il-proposta tirrifletti t-tendenza attwali ’l fuq fil-proporzjon ta’ nies ta’ bejn it-30 u l-34 sena li jilħqu livell għoli ta’ edukazzjoni iżda, bħal dik ta’ fuq tipprova tinkoraġġixxi politiki li jqarrbu il-prestazzjoni tal-UE (bħalissa 30 %) mal-livelli tal-kompetituri ewlenin bħall-Istati Uniti u l-Ġappun (ir-rati ta' parteċipazzjoni għall-eqreb etajiet komparabbli ta’ bejn il-25 u l-34 sena huma 39 % u 54 % rispettivament). Il-punt ta’ referenza preżenti għan-numri ta' gradwati fil-Matematika, fix-Xjenza u fit-Teknoloġija ntlaħaq u jista' jinqata'; iżda l-iżbilanċ bejn in-numri tal-irġiel u dawk tan-nisa li qegħdin jistudjaw dawn is-suġġetti jibqa’ jkun immonitorizzat.

- L-impjegabbiltà Il-Kummissjoni tixtieq tipproponi li tesplora l-iżvilupp ta' punt ta’ referenza ġdid marbut mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' nies b'livelli differenti ta’ edukazzjoni. Is-suċċess fis-suq tax-xogħol huwa marbut ħafna mal-livell ta’ edukazzjoni li persuna tkun laħqet u, kif huwa spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”, dan se jiżdied ħafna iktar fil-ġejjieni. Dan ikollu l-għan li jsaħħaħ il-kontribut tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ lejn l-aġenda ta’ Liżbona.

4.4.3. Promozzjoni tal-ekwità u ċ-cittadinanza attiva

- L-edukazzjoni qabel dik primarja : Il-Kummissjoni tixtieq tipproponi punt ta’ referenza ġdid fejn mill-inqas 90 % tat-tfal iż-żgħar jidħlu fis-sistema edukattiva ta’ qabel il-primarja (erba’ snin). Ir-rata medja tal-UE diġà qarrbet lejn id-90 %, madankollu dan il-livell għoli ġenerali jaħbi l-varjazzjonijiet sinifikattivi nazzjonali fil-prestazzjoni. Din il-proposta tkun magħmula biex tappoġġja progress lejn it-talba tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona li tkun ipprovduta l-kura tat-tfal għal 90 % mit-tfal.

- It-tluq mill-iskola qabel il-waqt : Il-Kummissjoni tixtieq tipproponi li jinżamm il-punt ta’ referenza preżenti, fejn mhux iżjed minn 10 % tal-popolazzjoni ta’ etajiet ta’ bejn it-18 u l-24 sena jkollhom biss edukazzjoni sa livell baxx tas-sekondarja u ma jkunux qegħdin jitgħallmu jew jitħarrġu. Il-proposta li ma jinbidilx il-punt ta’referenza tirrifletti l-fatt li l-progress lejn dan il-punt kemm ilu li ġie addottat fl-2002 mexa bil-mod. Il-Kummissjoni qed tittama li jkun hemm konċentrazzjoni iżjed b'saħħitha biex ikunu implimentati l-politiki biex isir progress reali lejn dan il-punt ta’ referenza ewlieni. Il-punt ta’ referenza dwar it-tmiem tal-edukazzjoni sekondarja, li huwa simili ħafna għal dan ta’ fuq, jista’ jinqata’ biex tiġi riflessa din il-ħtieġa li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni.

4.4.4. It-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-kreatività, li jinkludi l-intraprenditorjat, f'kull livell tat-tagħlim u t-taħriġ.

- L-innovazzjoni u l-kreatività: Il-Kummissjoni tixtieq tipproponi l-iżvilupp ta’ indikaturi u flimkien mal-Istati Membri teżamina l-possibbiltà li jkun żviluppat punt ta’ referenza sabiex jiġu evalwati kifis-sistemi edukattivi jippromwovu l-innovazzjoni u l-kreattività, fosthom l-intraprenditorija. It-tpartit ta’ ideat li se jsir fl-2009, is-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni, għandu jgħin ir-riflessjoni dwar qasam ġdid ħafna ta' skambju tal-politika.

5. KONKLUżJONIJIET

Il-politika dwar it-tagħlim u t-taħriġ tibqa’ għodda kruċjali għall-akkwist tat-tkabbir u l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva, iżda tibqa’ tiffaċċja sfidi kbar. Fuq temi importanti tal-edukazzjoni, bħall-ħiliet li għandhom x’jaqsmu mal-qari u l-kitba, u t-tluq ta’ żgħażagħ mill-iskola f’età wisq bikrija, għad mhemmx progress daqs kemm wieħed kien jittama. Il-konċentrazzjoni preżenti fuq il-kriżi ekonomika ma għandhiex tnaqqas l-attenzjoni mill-ħidma tal-istabbiliment tal-politiki strateġiċi t-tajbin u li jimmiraw fit-tul dwar is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ Kif intwera f’din il-komunikazzjoni, jeħtieġ li l-Ewropa tindirizza numru ta’ nuqqasijiet fl-edukazzjoni biex tevita li taqa’ lura f’livell globali. Għal dawn ir-raġunijiet, jeħtieġ issa, iżjed minn qatt qabel, mod ta’ koordinazzjoni effettiv u miftuħ li jsostni t-titjib tal-politiki dwar it-tagħlim u t-taħriġ.

Il-Kummissjoni tappella lill-Kunsill biex japprova dan il-qafas propost għall-kooperazzjoni Ewropea dwar it-tagħlim u t-taħriġ għall-ġejjieni; l-isfidi strateġiċi tul-medda twila ta’ żmien li twassal sal-2020 u kwistjonijiet ta’ prijorità għal bejn l-2009 u l-2010; u l-metodi ta’ ħidma mtejbin li huma proposti.

Dan il-qafas għandu jiġi rivedut biex isiru t-tibdiliet meħtieġa fid-dawl tad-deċiżjonijiet dwar l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u l-Impjiegi lil hinn mill-2010.

[1] Linji Gwida 23, 24, 8, 15.

[2] ĠU C 86 tal-5.4.2008, p. 1; SEC(2008) 2293

[3] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzuº2008 para.º15.

[4] L-aħħar dejta dwar il-gradwati fl-MST; dawk li għandhom livell baxx fil-qari. 2006. Oħrajn: 2007.

[5] COM(2008) 423

[6] SEC(2008) 2293, pp. 69, 89, 148.

[7] ĠU C 111 tas-6.5.2008, p. 1.

[8] Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20/21.11.2008 dwar il-mobilità taż-żgħażagħ.

[9] ĠU L 394 tat-30.12.2006, p. 10.

[10] COM(2007) 392

[11] Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007, ĠU C 300 tat-12.12.2007, p. 6.

[12] COM(2006) 481

[13] COM(2008) 566

[14] COM(2006) 208

[15] COM(2008) 179

[16] SEC(2007) 1098

[17] SEC(2008) 2293

[18] SEC(2008) 2293

[19] COM(2008) 423

[20] COM(2007) 833

[21] OJ L 394, 30.12.2006, p. 10.

[22] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzuº2008 para.º7. ara ukoll SEC(2008) 2629 u COM(2007) 833 dwar l-għerf fil-qari tal-midja.

[23] ĠU L 394 tat-30.12.2006, p. 10

[24] COM(2008) 425

[25] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet għall-ġejjieni biex tittejjeb il-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) tal-20 u t-21 ta’ Novembru 2008.

[26] COM(2006) 208 u l-proċess inter-governattiv ta’ Bologna.

[27] COM(2006) 614. COM(2007) 558

[28] ĠU C 111 tas-6.5.2008., p. 1

[29] ĠU L 394 tat-30.12.2006, p. 10

[30] ĠU L 327 tal-24.11.2006, p. 45

[31] Dawn jinkludu ċ-Centru għar-Riċerka dwar l-Edukazzjoni u t-Tagħlim tul il-Ħajja (CRELL), l-Istitut għall-Istudji Teknoloġiċi Prospettivi (IPTS) u n-netwerks ta’ esperti: ekonomisti u xjenzjati soċjali fil-qasam tal-edukazzjoni (EENEE, NESSE).

[32] COM(2005) 152

Top