Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0845

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-kumitat tar-reġjuni - Qafas Legali għan-Netwerks u s-Servizzi tat-TV Mobbli: L-Aqwa Prattiki għall-Awtorizzazzjoni - Il-Mudell tal-UE

    /* KUMM/2008/0845 finali */

    52008DC0845

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-kumitat tar-reġjuni - Qafas Legali għan-Netwerks u s-Servizzi tat-TV Mobbli: L-Aqwa Prattiki għall-Awtorizzazzjoni - Il-Mudell tal-UE /* KUMM/2008/0845 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 10.12.2008

    KUMM(2008) 845 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Qafas Legali għan-Netwerks u s-Servizzi tat-TV Mobbli: L-Aqwa Prattiki għall-Awtorizzazzjoni - Il-Mudell tal-UE

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Qafas Legali għan-Netwerks u s-Servizzi tat-TV Mobbli:L-Aqwa Prattiki għall-Awtorizzazzjoni - Il-Mudell tal-UE

    1. L-isfond u l-għan

    Wara l-messaġġ politiku qawwi li ngħata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta' Lulju 2007 " Insaħħu s-Suq Intern għat-TV Mobbli "[1],din il-Komunikazzjoni tagħti xi eżempji tal-aqwa prattiki dwar in-netwerks u s-servizzi tat-TV mobbli mill-approċċi regolatorji tal-Istati Membri. Għalkemm jiddependi mill-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq il-proċeduri dwar l-għotji ta' awtorizzazzjonijiet / liċenzji, il-Kummissjoni hija ħerqana li tagħti l-appoġġ għal-iskerament tat-TV mobbli fl-UE u madwar id-dinja billi tipprovdi gwida fuq l-prattiki regolatorji xierqa għall-awtorizzazzjoni ta' servizzi bħal dawn. Din tirrapreżenta pass ieħor fl-istrateġija tal-Kummissjoni għat-TV mobbli fl-Unjoni Ewropea.

    It-TV Mobbli huwa pjattaforma ġdida ta' servizz għat-trażmissjoni ta' kontenut awdjoviżiv – u servizzi interattivi assoċjati miegħu, b'mod partikolari b'assoċjazzjoni mas-servizzi 3G – għal-strument mobbli[2]. Il-Komunikazzjoni tal-2007 indikat l-elementi ewlenin ta' strateġija Ewropea għat-TV mobbli bil-ħsieb li tiffaċilita l-utiliżżar ta' dawn is-servizzi innovattivi madwar l-Unjoni. Wieħed mill-elementi prinċipali huwa l-ambjent regolatorju. Iċ-ċertezza legali hija importanti ferm għall-operaturi sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-investiment, speċjalment b'rispett lejn teknoloġiji ġodda u innovattivi bħat-TV mobbli; l-investituri bikrin b'mod partikolari jridu jkunu assigurati li mhux se jkunu soġġetti għall-restrizzjonijiet mhux previsti aktar tard. Elementi oħra tal-istrateġija tal-UE jinkudu l-għarfien tad-DVB-H bħala l-istandard għat-TV mobbli terrestri fl-Ewropa (id-DVB-H ġie miżjud mal-lista uffiċjali tal-istandards tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta' Marzu 2008[3]), u s-sejħa biex jingħataw l-frekwenzi lis-servizzi tat-TV mobbli fil-medda UHF[4], notevolment fl-okkażjoni tal-varar mill-ġdid ta' din il-medda fil-kuntest tad-dividend diġitali[5]. Min-naħa l-oħra, it-tħassib fuq l-interoperabbiltà għadu jrid jiġi indirrizat mill-industrija u s-servizzi tal-Kummissjoni se jsegwu l-iżviluppi mill-viċin u jevalwaw l-bżonn ta' inizjattiva politika.

    Barra minn hekk, u għaliex is-suċċess tat-TV mobbli jiddependeni fil-biċċa l-kbira fuq id-disponibbiltà tal-kontenut, id-Direttiva l-ġdida fuq is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva[6] taddatta r-regoli tal-kontenut awdjoviżiv għall-evoluzzjoni tax-xena awdjoviżiva Ewropea u tiżgura approċċ ta' pjattaforma newtrali bejn ix-xandir – li jinkudi x-xandir mobbli – u s-servizzi ta' midja awdjoviżiva bir-rikjest (on-demand).

    Meta l-Kummissjoni varat l-inizjattiva tagħha tat-TV mobbli, ftit biss mill-Istati Membri kienu bdew jindirizzaw l-kwistjonijiet regolatorji. L-ewwel azzjoni magħmula mis-servizzi tal-Kummissjoni immirat lejn l-iċċarar tax-xena regolatorja eżistenti fl-UE bl-użu ta' studju li sar għall-Kummissjoni minn konsulenti indipendenti. It-tagħrif, li kien ivvalidat mill-Kumitati tal-esperti nazzjonali stabbiliti taħt il-qafas tal-komunikazzjonijiet-e[7], huwa aġġornat regolarment u ppublikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni[8]. Dan l-eżerċizzju ta' tfittix ta' fatti wera grad għoli ta' varjazzjoni dwar kif it-TV mobbli ġie ttrattat fil-liġi nazzjonali.

    Wara l-iċċarar tas-sitwazzjoni regolatorja, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal-2007 tagħha talbet lill-Istati Membri sabiex joħolqu ambjent regolatorju favorevoli għall-forniment tas-servizzi tat-TV mobbli u sabiex jikkoordinaw flimkien ħalli jkun hemm skambju tal-aqwa prattika fi tal-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, ikkommetiet ruħha għall-forniment ta' gwida fuq qafas koerenti għall-iskemi tal-awtorizzazzjoni madwar l-UE, bl-identifikazzjoni tal-aqwa prattiki fl-UE u l-promozzjoni tal-adozzjoni mill-Istati Membri. Din kienet approvata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-Telekomunikazzjonijiet f'Novembru 2007 dwar it-TV mobbli, fejn il-Kummissjoni ġiet mistiedna biex tmur lil hinn minn sempliċiment kollezzjoni ta' tagħrif u " sabiex tidentifika l-aqwa prattiki fejn jikkonċerna l-iskemi tal-awtoriżazzjoni madwar l-UE u bi gwida xierqa tippromwovi l-adozzjoni konsistenti tagħhom mill-Istati Membri "[9].

    Fi Frar 2008 kienet organizzata konsultazzjoni mal-partijiet interessati fil-kuntest tal-preparament ta' dawn il-linji gwida. Dan kien jinkludi workshop tal-Kummissjoni għall-industrija, fejn il-partijiet interessati kienu mistiedna jissottomettu l-kontribuzzjonijiet bil-miktub. Żewġ assoċjazzjonijiet tal-industrija kbar[10] u diversi kumpaniji individwali wieġbu għas-sejħa għall-informazzjoni. Barra minn hekk, din il-kwistjoni kienet ippreżentata u diskussa f'diversi laqgħat ma rappreżentanti tal-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet u s-sottokumitat tal-esperti tax-xandir tiegħu (CBISS).

    It-TV Mobbli qiegħed fil-qalba tal-konverġenza. Dan ifisser li fuq il-livell tal-UE, it-TV mobbli huwa soġġett għal żewġ settijiet ta' regoli, li jiggovernaw t-trażmissjoni u l-kontenut: il-qafas tal-komunikazzjonijiet-e, li jinkludi aspetti relatati mal-politika tal-ispettru, u d-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva. Din il-Komunikazzjoni tindirizza l-mudelli t'awtorizzazzjoni fuq livell nazzjonali b'referenza għal l-aspetti tal-komunikazzjonijiet-e tal-iskemi regolatorji nazzjonali biss, u ma tmissx mal-liċenzji tal-kontenut. Din tiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin ta' dan l-eżerċizzju ta' tfittix ta' fatti u tindika l-eżempji tal-aqwa prattiki fejn jikkonċerna l-elementi ewlenin tal-iskemi tal-awtorizzazzjoni għat-TV mobbli. Din hija intenzjonata li sservi ta' bażi għal aktar diskussjoni u skambju tal-aqwa prattiki fost l-awtoritajiet nazzjonali.

    2. L-AWTORIZZAZZJONI TAN-NETWERKS U S-SERVIZZI TAT-TV MOBBLI MADWAR L-UE: IL-MUDELLI EWLENIN U L-AQWA PRATTIKI

    Approċċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni tan-netwerks u s-servizzi tat-TV mobbli ivarjaw konsiderevolment madwar l-UE. F'bosta Stati Membri, l-iskema ġenerali li tapplika għax-xandir impliċitament jew espliċitament tkun testendi għax-xandir tat-TV mobbli. F'xi oħrajn, ma hemm l-ebda regoli speċifiċi, jew il-qafas regolatorju għal din il-pjattaforma l-ġdida għadu qed jiġi diskuss. S'issa, ftit hemm esperjenza b'servizzi tax-xandir li jużaw trażmissjonijiet mobbli esklussivament.

    Kif intqal hawn fuq, huwa ferm importanti li tkun evitata lakuna ġuridika jew sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn grad għoli ta' inċertezzi regolatorji fuq livell nazzjonali li jiskoraġġixxu l-investiment u l-operaturi potenzjali tat-TV mobbli fis-Suq Intern. Id-differenzi fl-iskemi nazzjonali mhumiex impediment għall-varar b'suċċess tas-servizzi tat-TV mobbli per se , għax ir-regolament jista' jkollu bżonn jaqdi l-ħtiġijiet speċifiċi nazzjonali kif ukoll dawk lokali. Madankollu, it-TV mobbli huwa servizz wireless u, bħala tali, għandu l-potenzjal li jakkwista dimensjoni transkonfinali fil-futur. Minn din l-perspettiva, l-iskemi tal-awtorizzazzjoni tas-servizzi tat-TV mobbli għandhom iqiesu id- dimensjoni tas-Suq Intern . L-għan għandu jkun l-istinkar f'ambjent ekwu li jippermetti lill-atturi diversi biex jikkompettu taħt kundizzjonijiet simili. Hemm il-ħtieġa ta' konsistenza fl-approċċi regolatorji madwar l-UE sabiex jinħoloq ambjent regolatorju li jwassal għall-investiment u l-innovazzjoni.

    Ir-regolamentazzjoni tat-TV mobbli hija limitata bl-iskarsezza tal-ispettru u bil-ħtieġa ta' faċilitazzjoni għad-dħul fis-suq tal-parteċipanti kollha, li ġejjien kemm mid-dinja tax-xandir kif ukoll mid-dinja tat-telekomunikazzjoni. Fil- katina tal-valur tat-TV mobbli , diversi saffi huwa kombinati, li jibdew mill-operat tan-netwerk, l-operat tal-pjattaforma tas-servizz u l-proviżjoni tal-kontenut, għall-katina tad-distribuzzjoni. Bħalissa, l-iżjed prattika komuni hija dik li tassenja spettru lill-operatur tal-pjattaforma jew, iktar rari, lill-operatur tan-netwerk. F'dan il-każ se taġixxi, fil-prattika, ukoll bħala l-operatur tal-pjattaforma jew tista' tissottokuntratta din l-attività[11]. Huwa madwar din l-iskema tal-awtorizzazzjoni – li tiddefenixxi d-drittijiet u l-obligazzjonijiet tal-operatur liċenzjat – li l-mudelli regolatorji huma mibnija.

    Bħalissa huwa possibbli li tiddendifika it- tliet mudelli regolatorji ewlenin li ġejjin fis-suq tat-TV mobbli fl-Ewropa:

    L-ewwel mudell huwa bbażat fuq l- estensjoni tar-regoli tat-Televixin Diġitali Terrestri (DTT) għal servizzi ġodda, b'manjiera espliċita jew impliċita (eż. l-Italja, Ir-Renju Unit). Għalkemm dan il-mudell jippreżenta l-vantaġġ tas-sempliċità u l-ħeffa tal-applikazzjoni, għandha tiġi pprovduta skema speċifika għat-TV mobbli taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali; l-estensjoni sempliċi tar-regoli DTT tista' tkun insuffiċjenti u/jew mhux adekwata wara l-perjodu tal-bidu.

    It-tieni mudell huwa il-" mudell ordinarju tal-grossista ". Minħabba li r-regolament jiffoka fuq l-operatur bl-ingrossa li għandu parti prinċipali fil-ġestjoni tan-netwerk, l-akkwist tal-ispettru, il-liċenzjar u b'mod fakultattiv l-aggregazzjoni tal-kontenut ukoll, dan jista' jwassal għall-falliment ta' ftehim, kif ġara fil-każ tal-Finlandja, jekk il-fornituri tal-kontenut m'għandhomx l-inċentiv li jagħmlu l-kontenut disponibbli. L-operatur tan-netwek irid ukoll japplika termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji lill-fornituri tas-servizz tat-TV mobbli preżenti fuq in-netwerk tiegħu. Barra minn hekk, il-"mudell ordinarju grossist" fejn l-ispektrum huwa attribwit lill-operatur uniku jista' jqajjem ħsibijiet skont id-Direttiva tal-Kompetizzjoni[12], b'mod partikolari jekk l-assenjazzjoni tal-ispettru issir mingħajr proċedura ġusta u miftuħa taħt regoli kontra d-diskriminazzjoni[13].

    Fit-tielet mudell, l-" approċċ integrat ", il-partijiet kollha fil-katina tal-valur tat-TV mobbli, inkluż l-fornituri tal-kontenut, iridu jsibu qbil fuq is-servizzi qabel l-għotja tal-awtorizzazzjoni (eż. l-Awstrija)[14]. Dan il-mudell regolatorju jippreżenta l-vantaġġ li jevita l-fallimenti fil-katina tal-valur . L-integrazzjoni vertikali bejn il-partijiet hija stabbilita b'żewġ modi: l-ewwel, wieħed mill-kriterji tal-għażla għall-operatur tan-netwerk/pjattaforma huwa l-konklużjoni tal-qbil bejn l-aggregaturi tal-programm u/jew xandara sabiex ikun żgurat mudell ta' negozju possibbli; it-tieni, il-fornituri tal-kontenut għandhom bżonn liċenzja regolari għat-televixin diġitali, li tingħata wara l-prova ta' kuntratti mall-operatur tal-multiplex.

    Skont dan il-mudell, l-iskedar koordinat tal-bidu tal-operati kummerċjali tal-atturi kollha fil-katina tal-valur tista' tkun assigurata, sakemm ir-regoli li qed jiġu mwaqqfa huma koereneti. Din hija r-raġuni għaliex l-"approċċ integrat", jidher li huwa partikolarment adattat sabiex jiggarantixxi l-varar b'suċċess tas-servizz tat-TV mobbli.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Kwalunkwe skema ġdida ta' awtorizzazzjoni għat-TV mobbli skont il-liġi nazzjonali għandha timmira li tinvolvi l-atturi differenti fil-katina tal-valur filwaqt li tiżgura l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni nazzjonali u tal-KE.

    3. L-identifikazzjoni tal-aqwa prattiki regolatorji fuq diversi livelli tal-iskema regolatorja

    Sabiex ikunu indentifikati l-aqwa prattiki regolatorji għat-TV mobbli, huwa importanti li jkunu spjegati l-elementi ewlenin tal-iskema regolatorja li trid titqies. Għal dan il-għan, ġew identifikati dawn il-gruppi li ġejjin:

    1. Il-qafas ġenerali

    2. L-iskemi ta' awtorizzazzjoni

    3. Il-proċeduri tal-għotja

    4. L-aspetti speċifiċi.

    Dan il-qafas konċettwali kien diskuss mall-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-industrija fi Frar 2008. Dawn l-elementi wara ġew valutati fil-kuntest tal- oġġettivi tar-regolament, mill-perspettiva tal-UE. Kif intqal fil-Komunikazzjoni tal-2007, l-oġġettiv regolatorju ewlieni għandu jkun skema regolatorja ħafifa, li tgħin il-varar tas-servizzi tat-TV mobbli mingħajr impedimenti u dewmien mhux xierqa. M'għandhomx ikunu imposti obligazzjonijiet mhux meħtieġa fuq il-parteċipanti tas-suq. Fl-istess ħin, ir-regolament għandu jipprovdi għall-ħtiġijiet minimi li jridu jkunu sodisfatti sabiex ikun żgurat l-użu effiċjenti tal-frekwenzi.

    3.1. Il-qafas ġenerali

    Fil-pajjiżi fejn se tkun adottata leġiżlazzjoni speċifika, u anke fil-pajjiżi fejn ir-regoli eżistenti tax-xandir japplikaw għall-issa għal din il-pjattaforma ta' servizz ġdid, il-karatteristiċi ewlenin tal-qafas regolatorju ġenerali għat-TV mobbli għandhom ikunu iċ-ċarezza, it-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċeduri . Proċess leġiżlattiv f'waqtu huwa wkoll fattur importanti. Jekk ir-regolament jeħtieġ li jkun komplut billi jimplimenta l-miżuri, qed ikun irrakomandat li dawn il-miżuri jkunu adottati mingħajr dewmien. Il-bidu tas-servizzi tat-TV mobbli m'għandhomx jiddewmu minħabba li l-leġiżlazzjoni jew ir-regoli ta' implimentazzjoni ma kienux adottati fil-ħin.

    Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-parteċipanti fil-katina tal-valur tat-TV mobbli ġejjien minn setturi tal-industrija differenti. Għalhekk huwa importanti li l-proċess ta' awtorizzazzjoni għal din il-pjattaforma ta' servizz ġdid ma tkunx ristretta għal kategorija waħda tal-partijiet, imma tkun miftuħa għall-operaturi ekonomiċi kollha li huma kapaċi jikkonformaw mall-ħtiġijiet minimi neċessarji.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Il-proċeduri ta' awtorizzazzjjoni għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipanti tas-suq kollha sabiex ikun żgurat ambjent ekwu għall-atturi differenti fil-katina tal-valur tat-TV mobbli.

    3.1.1. Il-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni pubblika

    Minħabba l-fatt li l-operaturi ekonomiċi tat-TV mobbli jista' jkollhom interessi konfliġġenti, ir-regolament tat-TV mobbli irid jqies it-tħassib differenti tagħhom. Il-forniment ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni pubblika , qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe regolament speċifiku jew fil-kuntest ta' reviżjoni tar-regoli eżistenti, jista' jiffaċilita t-tfassil ta’ regolament skont il-ħtiġijiet tas-suq u jassikura l-konformità tal-parteċipanti tas-suq mad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Il-konsultazzjoni pubblika maċ-ċittadini u l-partijiet kollha interessati għandha tkun organizzata b'mod sistematiku, b'mod parrallel mal-provi kummerċjali ta’, inter alia , l-opportunitajiet relatati mal-iskerament tat-TV mobbli, l-użu tad-dividend diġitali għas-servizzi tat-TV mobbli u l-mudelli ta' finanzjament.

    3.1.2. Ir-Rappurtar regolari u r-reviżjoni

    Ir-regolament għas-servizzi tat-TV mobbli irid ikun mhux biss ċar u trasparenti iżda ukoll flessibli u kkurdat għal żviluppi ġodda , f'ambjent teknoloġiku innovattiv, li l-ħin kollu jinbidel. Il-proviżjoni ta' klawżola ta' reviżjoni, b'assoċċazzjoni mar-rappurtar regolari mill-awtoritajiet pubbliċi dwar l-iżviluppi fis-suq, kif stipulat fl-iskema Franċiża, hija pożittiva f'dan ir-rispett. Ovvjament, kwalunkwe reviżjoni bħal din, li possibilment tirriżulta mir-rappurtar tas-suq, għandha toħloq bilanċ tajjeb bejn il-pass tat-teknoloġija u t-tibdil fis-suq u l-bżonn li tkun assikurata ċertezza legali għall-parteċipanti tas-suq .

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Ir-rappurtar regolari mill-awtoritajiet pubbliċi dwar l-iżviluppi fis-suq għandhom isiru, flimkien ma' proposti adegwati għall-adattament tar-regoli eżistenti.

    3.2. L-iskemi ta' awtorizzazzjoni

    3.2.1 Relazzjoni ċara bejn ir-regoli applikabbli

    L-iskemi ta' awtorizzazzjoni huma element fil-qalba tal-ambjent regolatorju għat-TV mobbli. Minħabba n-natura "konverġenti" tat-TV mobbli, jeħtieġ li jkunu identifikati speċifikament id-drittijiet u l-obligazzjonijiet tal-operaturi, bħala l-operaturi tal-komunikazzjonijiet-e u l-fornituri tax-xandir. F'dan ir-rispett, huwa importanti li r-relazzjoni bejn il-komunikazzjonijiet-e, l-ispettru u l-aspetti tal-kontenut tkun spjegata b'mod ċar , sabiex tkun evitata l-ambigwità regolatorja jew l-irduppjar.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Ir-relazzjoni bejn il-komunikazzjonijiet-e, l-ispettru u r-regoli tal-kontenut għandha tkun spjegata b'mod ċar, sabiex ikun hemm promozzjoni ta' skema ta' awtorizzazzjoni ċara u trasparenti.

    3.2.2. "Punt ta' waqfa waħda"

    Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-għotja ta' awtorizzazzjoni għat-TV mobbli taqa’ taħt il-kompetenza ta' iżjed minn awtorità waħda – ministeru u/jew awtorità regolatorja indipendenti – minħabba l-aspetti ta' separazzjoni bejn il-komunikazzjonijiet-e u l-midja. Kemm jekk ir-regolatur hu konverġenti jew le, huwa importanti li jkun stabbilit b'mod ċar u koerenti it-tqassim tar-responsabbiltajiet.

    "Punt ta' waqfa waħda", fejn l-operaturi ikkollhom punt wieħed ta' kuntatt sabiex jindirizza tipi differenti ta' awtorizzazzjoni, huwa kkunsidrat mill-maġġoranza tal-parteċipanti tas-suq bħala l-aqwa prattika, sakemm il-prinċipji tal-pluraliżmu u d-diversità kulturali huma rispettati. Il-vantaġġ ta' din il-proċedura joħroġ mis-simplifikazzjoni amministrattiva u l-koordinazzjoni tal-ħin, f'każijiet fejn tinħtieġ l-approvazzjoni minn diversi bnadi.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: L-iskema nazzjonali għat-TV mobbli għandha tiżgura approċċ ta' "punt ta' waqfa waħda" jew tal-anqas tillimita għall-minimu l-għadd ta' partijiet pubbliċi fid-deċiżjonijiet sabiex jingħataw l-awtorizzazzjonijiet tat-TV mobbli. Fi Stati Membri li għandhom livell ta' awtorizzazzjoni sottonazzjonali, għandha tintuża proċedura simili jew kkoordinata għall-korpi kollha federali/reġjonali. Il-"punt ta' waqfa waħda" huwa ta' importanza partikolari meta tinħtieġ l-approvazzjoni minn diversi bnadi.

    3.3. Proċeduri tal-għotja

    Iż-żmien huwa fattur prinċipali għall-UE kollha f'termini ta' kompetittività fis-suq globali. Għall-varar b'ħeffa tat-TV mobbli fl-Istati Membri kollha, kriterji ewlieni tas-suċċess hija skeda ċara għall-proċedura tal-għotja li hija pubblika, trasparenti u spjegata minn qabel .

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Skeda ċara għall-proċedura tal-għotja għandha tkun mħabbra sa mhux aktar tard mill-bidu tal-provi kummerċjali tas-servizzi tat-TV mobbli.

    3.3.1. It-tip ta' għotja u l-kriterji

    L-irkanti u l-konkorsi tas-sbuħija huma żewġ modi alternattivi għall-awtoritajiet nazzjonali sabiex jagħtu l-awtorizzazzjonijiet. S'issa, il-konkorsi tas-sbuħija kellhom tendenza li jintużaw sabiex tkun assenjata l-awtorizzazzjoni tal-pjattaforma. Il-kriterji tal-għotja huma għodda importanti għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex ikun żgurat li s-servizzi provduti se jimxu ma' ċerti rekwiżiti, li huma l-garanzija tal-użu effiċjenti tal-ispettru ddedikat lit-TV mobbli.

    Il-proċedura tal-għotja għandha wkoll tiżgura l-bidu fil-ħin tal-operat tat-TV mobbli. Ċerti kondizzjonijiet jistgħu jintużaw biex jimminimiżżaw ir-riskju ta' falliment, eż. bejn l-operaturi tal-pjattaforma, l-fornituri tal-kontenut u l-operaturi tal-mobbli. Ir-rekwiżiti għall-applikanti jistgħu għalhekk jinkludu qbil bejn il-partijiet differenti fil-katina tal-valur, soġġett li jimxu mar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Skont it-termini tal-kriterji speċifiċi tal-għotja, huwa tajjeb li tkun enfasizzata l-importanza tal- kwalità tas-servizz li għandha rwol prinċipali fejn jikkonċerna l-aspettativi tal-konsumaturi għat-TV mobbli, b'mod partikolari b'referenza għall-kopertura fuq ġewwa u l-kwalità tat-trażmissjoni.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Il-kriterji tal-għotja oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorja għandhom ikunu applikati, b'konformità mal-Liġi tal-Komunità. Il-proċeduri tal-għotja għandhom jinkoraġġixxu approċċ kollaborattiv bejn il-partijiet, soġġett li jimxu mar-regoli tal-kompetizzjoni. Ir-rekwiżiti għall-kwalità tas-servizz, li jinkludu l-kopertura fuq ġewwa, u l-użu ottimu tal-ispettru għandhom ikunu parti mill-kondizzjonijiet tal-għotja.

    3.3.2. Kundizzjonijiet oħra tal-għotja

    F'ħafna mill-Istati Membri, multiplex wieħed huwa jew se jkun ddedikat għat-TV mobbli – fi Franza, id-diskussjoni li għaddeja tiftaħ it-triq għal żewġ multiplexes, fuq frekwenzi mid-dividend diġitali, eż. il-frekwenzi disponibbli wara l-waqfien tas-sistemi analogi. Sabiex tkun evitata l-ħażna tal-ispettru , ir-regolament jista' jinkludi dispożizzjoni dwar perjodu massimu mingħajr attività.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Il-possibbiltà tal-irtirar tal-għotja tal-ispettru għat-TV mobbli li ma jkunx utiliżżat f’perjodu raġonevoli ta' żmien għandha tkun inkluża fil-kondizzjonijiet tal-għotja.

    3.4. L-aspetti speċifiċi

    F'dan l-istadju bikri tal-iżvilupp tas-suq, jista' jidher desiderevoli li kwalunkwe kondizzjoni speċifika annessa mal-awtorizzazzjonijiet hija xierqa u jkun evitat li jimponu piż żejjed fuq l-operaturi.

    3.4.1. Regoli "ta' bil-fors"

    Skont il-leġiżlazzjoni Ewropea[15], l-obligazzjonijiet "ta' bil-fors" jistgħu jkunu imposti biss jekk għadd sinifikanti ta' utenti finali tan-netwerk jagħmlu użu minnu bħala l-mezz prinċipali tagħhom biex jirċievu xandiriet tar-radju u t-televiżjoni. Fil-preżent, it-TV mobbli għadu fil-fażi tal-bidu tiegħu; ir-regoli "ta' bil-fors" ma jistgħux ikunu imposti fuq it-TV mobbli f'dan l-istadju. Xorta waħda, il-kanali li jibbenifikaw minn ta' bil-fors huma spiss ukoll il-kanali "li jrid ikollok", li attwalment iżidu l-valur kummerċjali tas-servizzi ta' distribuzzjoni u li x'aktarx ikunu inklużi fi kwalunkwe pakkett prinċipali tat-TV mobbli.

    F'dak ir-rigward, u fl-ispirtu tal-approċċ koperattiv promoss b'din il-Komunikazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu utilment joħolqu regoli dwar dak "li jrid ikun offrut" għal servizz li għadu qed jitwieled bħat-TV mobbli li għandu bżonn kontenut attraenti.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Id-diskussjoni dwar ir-regoli ta' dak "li jrid ikun offrut" fis-servizzi tat-TV mobbli għandha tiġi organizzata f'kull Stat Membru u fuq livell tal-UE.

    3.4.2. Il-Qsim tal-Infrastruttura tan-Netwerk

    Il-qsim tal-infrastruttura tan-netwerk huwa element importanti sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-mogħdija u tiżdied l-kapaċità tal-kopertura u t-trażmissjoni[16]. Kif ingħad fil-Komunikazzjoni tal-2007, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jippermettu l- qsim tal-infrastruttura tan-netwerk [17] u jinkoraġġixxu il-kolokazzjoni meta din hija meħtieġa sabiex tiffaċilita l-varar tan-netwerk. Il-kolokazzjoni tista' tkun imposta ukoll fejn huwa meħtieġ li jkunu ndirizzati t-tħassib ambjentali possibli[18].

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: Għandu jkun inkoraġġit il-qsim tal-infrastruttura tan-netwerk għas-servizzi tat-TV mobbli, sal-limitu permess mir-regoli tal-kompetizzjoni.

    3.4.3. L-interoperabbiltà u r-roaming

    L-oġġettiv ta' interoperabbiltà kompleta fuq in-netwerks u l-apparati tibqa' importanti sabiex ikun possibli ir-roaming madwar l-UE kollha fejn huwa xieraq, u s-soluzzjonijiet interoperabbli għandhom ikunu ffavoriti. L-iżviluppi fis-suq urew li l-interoperabbiltà tista' tintlaħaq meta l-partijiet interessati jaġixxu flimkien b'għan komuni li jimplimentaw standard tekniku bħad-DVB-H. Bħalissa qed ikun hemm sforzi f'dan ir-rispett f'fora industrijali u ta' standardazzjoni, u qed jiffukaw notevolment fuq is-servizzi u s-saffi ta' applikazzjonijiet.

    Barra minn hekk, in-natura wireless tat-TV mobbli tfisser li l-konsumaturi se jkunu qed legalment jippretendu apparat li jaħdem b'mod transkonfinali, bħal ma huwa l-każ tat-telefonija ċellulari "roaming". Ir-roaming madwar l-UE tat-TV mobbli x'aktarx ħa jsir iżjed importanti hekk kif l-użu tas-servizzi jikber madwar l-Ewropa. Għandu wkoll jiġi mfakkar li xi kanali transkonfinali jew pan-Ewropej diġà huma disponibbli llum u jistgħu jipprovdu bażi ta' evalwazzjoni importanti għas-servizzi pan-Ewropej tal-futur[19]. Il-varar tas-servizzi tat-TV mobbli bis-satellita bbażati fuq id-DVB-SH huwa mistenni fl-Ewropa s-sena d-dieħla.

    Il-linja gwida għall-aqwa prattiki: L-aspetti relatati mal-interoperabbiltà u r–roaming għat-TV mobbli għandhom jingħataw konsiderazzjoni xierqa fid-dawl tan-natura wireless tas-servizzi.

    4. Il-Konklużjonijiet u s-segwitu

    Jidher ċar, li l-aqwa prattiki regolatorji jridu jitqassmu sabiex ikunu effettivi . F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ser tkompli tippromwovi l-iskambju ta' tagħrif, l-esperjenza u l-aqwa prattiki bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-partijiet interessati l-oħra. It-tagħrif fuq ir-regolament tat-TV mobbli sottomess mill-Istati Membri huwa disponibbli pubblikament fuq il-websajt tal-Kummissjoni[20] u se jkompli jkun aġġornat regolarment. L-iskambji ta' tagħrif u l-aqwa prattiki notevolment se jsiru mill-esperti tal-Istati Membri tal-kumitati eżistenti, bħal Kumitat tal-Komunikazzjonijiet u s-sottokumitati tiegħu fuq l-awtorizzazzjoni u x-xandir. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jirrapurtaw ukoll regolarment lill-Parlament Ewropew u l-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill fuq din il-kwistjoni.

    [1] COM(2007) 409, minn hawn ’il quddiem msejħa "Il-Komunikazzjoni tal-2007".

    [2] Hemm ħafna strumenti disponibbli għar-riċezzjoni tat-TV Mobbli, iżda l-iktar wieħed komuni huwa t-telefown ċellulari.

    [3] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/286/KE tas-17 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Deċiżjoni 2007/176/KE fir-rigward tal-Lista ta’ standards u/jew speċifikazzjonijiet għal netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi u faċilitajiet u servizzi assoċjati (ĠU L 93, 4.4.2008, p. 24)

    [4] Taħt il-qafas applikabbli għall-ispettru tax-xandir fil-medda UHF, l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu jew iżommu "drittijiet esklussivi jew speċjali għall-użu tal-frekwenzi tar-radju" (L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/77/KE), iridu jassiguraw l-użu effiċjenti tal-ispettru (L-Artikolu 8.2d tad-Direttiva tal-Qafas 2002/21/KE), u jridu jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni effettiva (L-Artikolu 8.1) mingħajr l-ebda diskriminazzjoni (L-Artikolu 8.3 c). Flimkien, dawk l-artikoli jirriżultaw fl-obligazzjoni sabiex l-ispettru jkun allokat b'mod effiċjenti.

    [5] Uħud mill-Istati Membri bħal Franza, l-Italja u l-Awstrija diġà ħadu d–deċiżjoni sabiex jallokaw l-ispettru UHF għall-użu tat-TV mobbli u l-maġġoranza tal-Istati Membri li fadal qed jippjanaw li jagħmlu l-istess.

    [6] Id-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27).

    [7] Il-Kumitat tal-Komunikazzjoni (COCOM) u s-sottogruppi tiegħu fuq l-awtorizzazzjoni (AUTH) u l-affarijiet tax-xandir (CBISS).

    [8] http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/doc/current/broadcasting/mobile_tv/table_mobile_tv_auth_web_july08.pdf

    [9] Konklużjonijiet tal-Kunsill – Insaħħu is-Suq Intern għat-TV Mobbli, 29 ta' Novembru 2007

    [10] IL-Forum UMTS u l-Assoċjazzjoni GSM tat-TV Mobbli Grupp Konġunt ta' Ħidma; Il-forum BMCO

    [11] Fil-Ġermanja biss ngħatat liċenzja tal-operat tan-netwerk separata mil-liċenzja tas-servizz tal-pjattaforma.

    [12] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta' Settembru 2002 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq għan-netwerks u s-servizzi għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (Test b'relevanza għaż-ŻEE), (ĠU L 249, 17.9.2002, p. 21-26)

    [13] Ara wkoll l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ta' Awtorizzazzjoni 2002/20/KE (ĠU L 108, 24.04.2002, p. 21) .

    [14] Privatfernsehgesetz (PrTV-G) [BGBl. I No 84/2001] kif emendat bil-BGBl. I Nru 52/2007, Is-Sezzjoni 23 il-paragrafu (3) is-sottoparagrafu 3.

    [15] L-Artikolu 31, id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002, id-Direttiva tas-Servizz Universali (ĠU L 108, 24.2.2002, p. 51-77)

    [16] Pożizzjoni simili għandha appoġġ fuq livell internazzjonali, per eżempju fit-8 Simposju Globali għar-Regolaturi fit-13 ta' Marzu 2008, Pattaya, it-Tajlandja.

    [17] Ftehimiet bħal dawn ilhom fis-seħħ f’xi swieq fil-kuntest tal-GSM u/jew l-infrastruttura UMTS u eżentati mill-Kummissjoni taħt ir-regoli ta’ Kompetizzjoni ta’ l-UE. Eż. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003 (Każ COMP/38.369: T-Mobile Deutschland/O2 Il-Ġermanja: Qsim tan-Netwerk Rahmenvertrag, ĠU L 75, 12.3.2004, p. 32 u s-Sentenza tas-CFI tat-2 ta’ Mejju 2006 (Każ T-328/03).

    [18] Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002, id-Direttiva tal-Qafas (ĠU L 108, 24.2.2002, p. 33-50)

    [19] B'mod t'eżempju, il-Euronews, l-Arte, it-3 Sat, l-Eurosport, il-France 24 u l-BBC World.

    [20] Idem nota ta’ qiegħ il-paġna 8

    Top