This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0781
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Second Strategic Energy Review : an EU energy security and solidarity action plan {SEC(2008) 2870} {SEC(2008) 2871} {SEC(2008) 2872}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija : pjan ta’ azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija {SEC(2008) 2870} {SEC(2008) 2871} {SEC(2008) 2872}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija : pjan ta’ azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija {SEC(2008) 2870} {SEC(2008) 2871} {SEC(2008) 2872}
/* KUMM/2008/0781 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija : pjan ta’ azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija {SEC(2008) 2870} {SEC(2008) 2871} {SEC(2008) 2872} /* KUMM/2008/0781 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 13.11.2008 KUMM(2008) 781 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija PJAN TA’ AZZJONI TAL-UE GĦAS-SIGURTÀ U S-SOLIDARJETÀ TAL-ENERĠIJA {SEC(2008) 2870}{SEC(2008) 2871}{SEC(2008) 2872} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-EnerġijaPJAN TA’ AZZJONI TAL-UE GĦAS-SIGURTÀ U S-SOLIDARJETÀ TAL-ENERĠIJA 1. INTRODUZZJONI Il-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija u l-ambjent maqbula fil-Kunsill Ewropew f’Marzu tal-2007[1] tistabbilixxi aġenda politika orjentata lejn il-ġejjieni biex tilħaq l-għanijiet tal-qalba tal-enerġija tal-Komunità dwar is-sostenibbiltà, il-kompettività u s-sigurtà tal-provvista. Biex dan iseħħ, l-UE ħadet l-impenn tal-inizjattiva "20-20-20": li tnaqqas b’20% l-emissjonijiet tal-gass serra, iżżid b’20%, ikkomparat mat-8.5% tal-lum, is-sehem tal-enerġija li tiġġedded fil-konsum tal-enerġija u ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija b’20%, dan kollu sal-2020. Biex dan iseħħ, f’Settembru 2007 l-Kummissjoni ħarġet it-tielet pakkett leġiżlattiv għas-Suq Intern fil-Qasam tal-Elettriku[2] bl-iskop li tiżgura kompetizzjoni iżjed effettiva u toħloq il-kundizzjonijiet li jinkoraġġixxu l-investiment, id-diversità u s-sigurtà tal-provvista; suq tal-enerġija kompettiv huwa fundamentali biex jintlaħqu l-miri "20-20-20". F’Jannar 2008 ressqet proposta biex tirrevedi d-Direttiva dwar l-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) li tkopri l-perjodu 2013-2020, imsejħa d-deċiżjoni dwar “il-qsim tal-isforz” għas-setturi li mhumiex koperti mill-ETS u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli ġdida, li se tipprovdi klima ta’ investiment prevedibbli għall-industrija tal-UE[3]. Il-Parlament u l-Kunsill esprimew id-determinazzjoni tagħhom li jiżguraw li dawn il-proposti jiġu adottati malajr. Il-Politika tal-Enerġija Ewropea ġdida se tbiddel fundamentalment il-viżjoni Ewropea dwar l-enerġija. Fl-2020, il-pakkett se jnaqqas il-konsum tal-enerġija fl-UE b’ammont ta’ 15% u jwassal sa 26% tnaqqis fl-importazzjonijiet previsti tal-enerġija mqabbel mal-iżviluppi ta’ qabel l-inizjattiva 20-20-20[4]. Fi kliem ieħor, l-UE se tkun għamlet l-ewwel passi biex tkisser iċ-ċiklu taż-żieda fil-konsum tal-enerġija, taż-żieda fl-importazzjonijiet u taż-żieda fil-ħrib tal-ġid maħluq fl-UE biex jitħallsu l-produtturi tal-enerġija. Illum, l-Ewropa timporta 54%[5] tal-enerġija tagħha. Bil-prezzijiet tal-enerġija ta' din is-sena, dawn l-importazzjonijiet jirrappreżentaw stima ta’ €350 biljun, jew madwar €700 fis-sena għal kull ċittadin Ewropew. Filwaqt li l-kummerċ fl-enerġija għandu rwol pożittiv, l-effiċjenza fl-enerġija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra, id-diversità fis-sorsi tal-enerġija u d-diversità tal-provvista huma meħtieġa fis-sistema tagħna tal-enerġija Bl-adozzjoni tal-pakkett 20-20-20, l-UE se tkun lesta li tagħmel il-passi ewlenin li jmiss biex tersaq lejn politika tal-enerġija aktar sigura u aktar ibbażata fuq it-teknoloġija u li toħloq il-prosperità u l-impjiegi fl-UE. Madankollu, biex jintlaħqu t-tliet għanijiet bażi tal-politika l-ġdida Ewropea dwar l-enerġija hemm bżonn ta’ miżuri kumplimentari: is-sostenibbilità, il-kompetittività, u fuq kollox, is-sigurtà tal-provvista. Pereżempju, huwa pproġettat li l-UE tibqa’ tiddependi mill-enerġija importata – żejt, faħam u speċjalment gass – għall-ħafna snin li ġejjin. Il-produzzjoni indiġena Ewropea tal-fjuwils fossili qed tonqos. Bħala riżultat, huwa mistenni li fl-2020 l-importazzjonijiet netti tal-fjuwils fossili se jibqgħu bejn wieħed u ieħor fil-livell tal-lum, anke meta jiġu implimetati kompletament il-politiki dwar il-klima u l-enerġija. It-tendenzi fiż-żmien mezzan għall-konsum globali taż-żejt u l-gass ibassru żieda sostanzjali kotinwa u kostanti fid-domanda, partikolarment mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fl-istess ħin, ir-riservi li baqa’ u l-kapaċità ta’ produzzjoni żejda qegħdin dejjem isiru iktar ikkonċentrati f’idejn il-ftit. Iż-żieda kbira fil-prezzijiet li saret riċentament u l-volatilità fuq is-swieq taż-żejt u l-gass jirriflettu dawn it-tendenzi. F’dak li jirrigwarda l-UE, dan huwa ta' nkwiet kbir l-aktar rigward il-gass, fejn għadd ta’ Stati Membri jiddependu fil-parti l-kbira fuq fornitur wieħed. Inċidenti politiċi fil-pajjiżi fornituri jew fil-pajjiżi ta’ tranżitu, aċċidenti jew diżastri naturali, l-impatti tat-tibdil fil-klima, ifakkru lill-UE fil-vulnerabbiltà tal-provvista immedjata tagħha tal-enerġija. Filwaqt li kull Stat Membru huwa responsabbli għas-sigurtà tiegħu, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri hija karatteristika bażika tas-sħubija fl-UE. Bis-suq intern għall-enerġija, normalment soluzzjonijiet nazzjonali speċifiċi ma jkunux biżżejjed. Strateġiji li jaqsmu u jifirxu r-riskju u li jagħmlu l-aħjar użu mill-piż kombinat tal-UE fi kwistjonijiet dinjin jistgħu jkunu aktar effettivi minn azzjonijiet nazzjonali mferrxin. Għal dawn ir-raġunijiet, is-sigurtà tal-enerġija hija kwistjoni ta’ tħassib komuni għall-UE. Meta tara dawn l-iżviluppi globali, l-UE għandha tieħu azzjoni biex tiżgura l-futur tal-enerġija tagħha u tipproteġi l-interessi essenzjali tagħha tal-enerġija. L-UE għandha bżonn issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżviluppa politika esterna effettiva dwar l-enerġija; titkellem b’vuċi waħda, tidentifika infrastruttura ta’ importanza ewlenija għas-sigurtà tal-enerġija tagħha u mbagħad tiżgura l-kostruzzjoni tagħha, u taġixxi b’mod koerenti biex tipprofondixxi s-sħubija tagħha mal-fornituri ewlenin tal-enerġija, mal-pajjiżi ta' tranżitu u mal-konsumaturi. Għandha bżonn ukoll li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-oċeani u l-ibħra tagħha għall-produzzjoni tal-enerġija, tevolvi b’mod rapidu s-sistema tat-trasport tagħha u tagħmel progress reali f’termini tal-interkonnessjoni tas-suq tal-enerġija Ewropea. L-ewwel prijorità f’dan ir-rispett hija li tiżgura l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-pakkett 20-20-20. Biex dan ikun kompletat, fil-qalba tat-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija, il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta ’ Azzjoni ta ’ Sigurtà u Solidarjetà tal-Enerġija tal-UE li jikkumplimenta l-miżuri mfasslin sal-lum sabiex jiżgura li jintlaħqu t-tliet għanijiet tal-qalba tal-enerġija tal-UE. Barra minn hekk, din l-Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija tagħmel l-ewwel passi lejn l-istadju li jmiss tal-Politika Ewropea dwar l-Enerġija, tikkunsidra l-isfidi li aktarx jinqalgħu bejn l-2020 u l-2050 u tibda l-proċess biex tiddefinixxi rispons tal-UE għal dawn l-isfidi aktar fit-tul. 2. PJAN TA’ AZZJONI TA’ SIGURTÀ U SOLIDARJETÀ TAL-ENERġIJA TAL-UE Il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta ’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija b’ħames punti li jiffukaw fuq: - Il-ħtiġijiet infrastrutturali u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija - Ir-relazzjonijiet esterni tal-enerġija - Il-ħażniet taż-żejt u tal-gass u mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet - L-effiċjenza fl-enerġija - Isir l-aħjar użu mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE. 2.1. Il-promozzjoni ta’ infrastruttura essenzjali għall-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE. Billi s-suq taż-żejt huwa suq internazzjonali likwidu, il-provvista tal-gass tiddependi prinċipalment fuq l-infrastruttura fissa l-pajplajn. Fil-preżent, l-importazzjonijiet jagħmlu 61% mill-konsum intern gross tal-gass tal-UE. Tnejn u erbgħin fil-mija (42%)ta’ dawn l-importazzjonijiet jiġu mir-Russja, 24% min-Norveġja, 18% mill-Alġerija u 16% minn pajjiżi oħrajn, dan tal-aħħar fil-forma ta’ LNG[6]. Sal-2020, hekk kif il-produzzjoni indiġena tkompli tonqos, huwa mistenni li l-perċentwal tal-importazzjoni tal-gass jiżdied għal 73% minn 61% kif inhu llum[7]. Fil-livell tal-UE, dan jirrappreżenta stampa ta’ provvista ddiversifikata sew. Madankollu, fuq livell nazzjonali, għal raġunijiet storiċi għadd ta’ Stati Membri jistrieħu 100% fuq fornitur wieħed għall-ħtiġijiet tagħhom tal-gass. L-interkonnessjoni u s-solidarjetà fis-suq intern mhumiex biss karatteristiċi naturali ta’sistema bbażata fuq suq integrali imma huma essenzjali bl-istess mod biex jifirxu u jnaqqsu r-riskji individwali. Għalhekk, l-UE għandha tieħu miżuri konkreti biex tiżgura li dawn is-swieq iżidu d-diversità tal-provvista tal-gass. Barra minn hekk, biex tilħaq l-għanijiet 20-20-20 tal-UE b’mod li jiggarantixxi provvista ta’ elettriku u gass għaċ-ċittadini kollha tal-UE, fis-snin u fl-għexieren ta’ snin li ġejjin se jkun hemm bżonn ta’ bidliet kbar fl-infrastruttura interna tal-enerġija tal-UE. Jeħtieġ ikollha kundizzjonijiet ta’ qafas trasparenti u affidabbli fl-UE u f’dak li jirrigwarda l-pajjiżi terzi biex in-negozju jkun kapaċi jibda jieħu opportunitajiet ta’ investimenti ġodda. Biex wieħed jikkatalizza dawn l-iżviluppi hemm bżonn ta’ approċċ determinat fuq il-livell Komunitarju. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li s-sitt azzjonijiet infrastrutturali ta’ prijorità li ġejjin jiġu aċċettati bħala prijoritajiet Komunitarji: - Li tgħaqqad is-swieq tal-enerġija iżolati li għad baqa’ fl-Ewropa hija prijorità. Flimkien mal-Istati Membri kkonċernati u b’kollaborazzjoni mill-qrib mar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija, fl-2009 l-Kummissjoni se tiżviluppa Pjan ta ’ Interkonnessjoni fil-Baltiku li jkopri l-gass, l-elettriku u l-ħażna. Dan se jidentifika l-infrastrutturi ewlenin neqsin li huma meħtieġa għall-interkonnessjoni effettiva tar-reġjun Baltiku mal-kumplament tal-UE, jistabbilixxi provvista tal-enerġija sigura u diversa għar-reġjun u jelenka l-azzjonijiet meħtieġa, inkluż l-iffinanzjar, biex jiżgura r-realizzazzjoni tiegħu. L-iżvilupp effiċjenti tas-suq kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli għal iżjed sigurtà tal-provvista se jenħtieġu li jiġu kkunsidrati fil-Pjan ta’ żvilupp. Ix-xogħol se jibda immedjatament fi Grupp ta’ Livell Għoli mwaqqaf mal-Istati Membri kkonċernati. Fit-tieni nofs tal-2009 se ssir laqgħa fis-Samit reġjonali li tniedi l-implimentazzjoni tiegħu. - Għandha tiġi żviluppata linja tal-gass fin-Nofsinhar minn sorsi Kaspjani u tal-Lvant Nofsani, li jista’ jkollha l-potenzjal li tforni parti sostanzjali mill-ħtiġijiet futuri tal-UE. Din hija waħda mill-ogħla prijoritajiet tas-sigurtà tal-enerġija. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jaħdmu mal-pajjiżi kkonċernati, partikolarment ma’ sħab bħall-Ażerbajġan, it-Turkmenistan, l-Iraq u l-pajjiżi tal-Maxreq, fost oħrajn, bl-għan konġunt li jiżguraw bil-ħeffa impenji sodi għall-provvista tal-gass u l-kostruzzjoni tal-pajplajns li hemm bżonn għall-istadji kollha tal-iżvilupp. Fiż-żmien għat-tul, meta l-kundizzjonijiet politiċi jippermettu, il-provvisti li jiġu fir-reġjun minn pajjiżi oħra, bħall-Użbekistan u l-Iran, għandhom jirrappreżentaw sors ieħor ta’ provvista sostanzjali għall-UE.Se tiġi esplorata l-vijabbiltà ta’ mekkaniżmu tax-xiri bil-blokka għall-gass Kaspjan (“Caspian Development Corporation”) fi qbil sħiħ mal-kompetizzjoni u regoli oħra tal-UE. Hemm bżonn li jsir qbil mal-pajjiżi tat-tranżitu, u partikolarment mat-Turkija, dwar it-tranżitu tal-pajplajns tal-gass b’mod li jirrispetta kemm il-prinċipji bażiċi tal-acquis tal-UE kif ukoll it-tħassib leġittimu tagħhom dwar is-sigurtà tal-enerġija tagħhom stess. Il-Kummissjoni se tistieden lir-rappreżentanti tal-pajjiżi kkonċernati għal laqgħa fuq livell Ministerjali biex tiżgura progress konkret u skeda biex jintlaħaq qbil. Hija se tipprova li sa nofs l-2009 tidentifika kwalunkwe ostakli li jibqa’ għat-tlestija tal-proġett li se jkun is-suġġett ta’ Komunikazzjoni dwar il-Linja tal-Gass fin-Nofsinhar għall-Kunsill u għall-Parlament. - Gass naturali likwifikat (LNG) u ħażna adegwata ta’ gass huma importanti biex jipprovdu l-likwidità u d-diversità tas-swieq tal-gass tal-UE. Kapaċità biżżejjed ta’ LNG magħmula minn faċilitajiet ta’ tidwib fil-pajjiżi li jipproduċu u terminals tal-LNG, u gassifikazzjoni fuq il-vapuri fl-UE għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha, jew direttament jew permezz ta’ Stati Membri oħra abbażi ta’ arranġament ta’ solidarjetà. Dan huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri li bħalissa jiddependu fil-parti l-kbira fuq fornitur wieħed tal-gass. Fl-2009 l-Kummissjoni se tevalwa s-sitwazzjoni globali tal-LNG u tidentifika n-nuqqasijiet bil-ħsieb li tipproponi Pjan ta ’ Azzjoni tal-LNG . - Issa hemm bżonn li jitlesta ċirku tal-enerġija fil-Mediterran li permezz tal-interkonnessjoni tal-elettriku u tal-gass jgħaqqad l-Ewropa man-Nofsinhar tal-Mediterran. Iċ-Ċirku huwa partikolarment essenzjali biex jiżviluppa l-potenzjal vast tar-reġjun għall-enerġija mix-xemx u mir-riħ. Il-lista tal-proġetti infrastrutturali ta’ prijorità adottata bil-laqgħa Ministerjali dwar l-Enerġija tal-Ewromed ta’ Diċembru tal-2007 u l-Pjan Solari għall-Mediterran adottat f’Pariġi f’Lulju tal-2008[8] joħolqu pjan għal dan l-iżvilupp, u jgawdu mill-appoġġ finanzjarju u politiku tal-UE. Mhux aktar tard mill-2010 l-Kummissjoni se tressaq Komunikazzjoni dwar iċ-Ċirku Mediterranju li toħloq pjan biex jitlestew il-konnessjonijiet neqsin, li jinkludu proġetti ewlenin li huma importanti biex jiġu ddiversifikati l-provvisti esterni tal-enerġija tal-UE f’reġjuni mbegħdin, bħall-konnessjonijiet futuri mill-Iraq, il-Lvant Nofsani u l-Afrika ‘l isfel mis-Saħara. - L-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fl-Ewropa Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa jridu jiġu żviluppati bi prijorità, jibnu partikolarment fuq l-inizjattiva tas-Sistema Ġdida ta’ Trażmissjoni Ewropea (NETS) biex joħolqu operatur komuni tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass[9], iċ-Ċirku tal-Enerġija tal-Gass Komunitarju, l-interkonnessjonijiet ta’ prijorità li ġew identifikati mill-Komunità tal-Enerġija f’Diċembru tal-2007[10], u l-Pajplajn taż-Żejt Pan-Ewropew[11]. Il-pakkett il-ġdid tas-Suq Intern tal-Enerġija jipprevedi l-ħolqien ta’ Pjan regolari ta’ Żvilupp ta’ Netwerk ta’ għaxar snin li jfassal il-konnessjonijiet neqsin u l-azzjonijiet li hemm bżonn biex jitlestew. Dan il-pjan kontinwu se jiġi elaborat bin-netwerk Ewropew il-ġdid tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni (ENTSO). Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija u mat-TSOs b’appoġġ għall-preparazzjoni tagħhom tal-ewwel pjan ta’ dan it-tip fl-2010, jekk hemm bżonn anke qabel id-dħul fis-seħħ formali tat-tielet pakkett tas-suq intern. - Konformi max-xogħol tal-koordinatur Ewropew u l-Komunikazzjoni dwar ir-Riħ 'il Barra mix-Xtut mfassla mill-Kummissjoni flimkien mal-Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija, għandu jiġi żviluppat Pjan ta ’ sistema ta' distribuzzjoni ’ l barra mix-xtut tal-Baħar tat-Tramuntana li jgħaqqdu flimkien sistemi nazzjonali ta’ distribuzzjoni tal-elettriku fl-Ewropa tal-Majjistral u jibdew iħaddmu l-għadd ta’ proġetti ppjanati ’il barra mix-xtut. Flimkien maċ-Ċirku Mediterranju u l-proġett ta’ Interkonnessjoni Baltika, dan għandu jsir wieħed mill-elementi essenzjali ta’ sistema Ewropea ta' distribuzzjoni futura mill-aqwa. Il-Pjan għandu jidentifika l-passi u l-iskeda li għandhom jittieħdu u kwalunkwe azzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu adottati. Dan għandu jiġi żviluppat mill-Istati Membri u mill-atturi reġjonali involuti u fejn hemm bżonn għandu jitħaffef b’azzjoni fuq livell Komunitarju. Għalhekk, il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti eżistenti tagħha biex jissegwa progress malajr fuq dawn l-azzjonijiet kollha ta’ prijorità, li diġà ġew rikonoxxuti bħala proġetti li għandhom bżonn appoġġ Komunitarju u azzjoni skont il-programm TEN-E eżistenti. Dan se jinkludi approċċ attiv li jikkollabora mal-Istati Membri kkonċernati biex jagħmlu użu massimu mill-kapaċità tal-UE li titkellem b’vuċi waħda dwar kwistjonijiet internazzjonali tal-enerġija. Se jkun hemm bżonn sforzi konsiderevoli mill-partijiet involuti kollha sabiex jiġu ffinanzjati l-proġetti msemmijin hawn fuq. Kollaborazzzjoni aktar mill-viċin u aktar effettiva mas-settur privat u mal-istituzzjonijiet finanzjarji, partikolarment il-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, se tkun meħtieġa biex tippromovi l-iffinanzjar li hemm bżonn, b’mod partikolari għall-proġetti bejn il-fruntieri. Dan ix-xogħol jidher bħala element ewlieni fir-rispons tal-UE għall-kriżi finanzjarja ta’ bħalissa u b’hekk għandu jitħaffef, kif kien issuġġerit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[12], inter alia biex jappoġġa l-impieg u jikkontribwixxi għat-tpattija tal-waqgħa fid-domanda. Dan huwa partikolarment importanti għal xi infrastrutturi esterni ewlenin tal-enerġija li jaffaċjaw riskji mhux kummerċjali ikbar. L-iżvilupp tas-sħubijiet pubbliċi-privati, li jipprovdi s-sisien politiċi meħtieġa, qafas ta’ provvista u ċertu livell ta' ffinanzjar pubbliku jew garanzija potenzjali, kif ukoll forom innovattivi oħrajn, jistgħu jsiru aktar importanti. Dan jista’ potenzjalment jinvolvi l-Istati Membri tal-UE, il-kumpanij u l-istituzzjonijiet finanzjarji Komunitarji, kif ukoll entitajiet pubbliċi u privati minn pajjiżi terzi. Madankollu, sabiex isir iktar progress u dan isir malajr, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-istrumenti eżistenti mhumiex biżżejjed. Bħala l-ewwel pass , l-UE għandha taqbel li l-proġetti ta’ hawn fuq jirrappreżentaw il- prijoritajiet tas-sigurtà tal-enerġija . Bħala t- tieni pass , matul l-2009-2010 se jiġu ddeterminati l-azzjonijiet dettaljati preċiżi – partikolarment, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-iffinanzjar u s-sorsi potenzjali tal-iffinanzjar – li huma meħtieġa biex ikun żgurat it-twettiq tagħhom, b’ħidma mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-industrija, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, ir-regolaturi nazzjonali tal-enerġija u l-Parlament Ewropew, li jirriżultaw fil-Komunikazzjonijiet imsemmijin hawn fuq. F’dan ir-rispett, ta’ min jinnota li l-infrastrutturi tal-enerġija għandhom ikunu implimentati għal żmien twil. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-iżvilupp, id-disinn u l-post tagħhom jikkunsidraw l-impatti tal-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu għall-kumplament tas-seklu, li se jkun element ewlieni fil-vijabbiltà ekonomika tagħhom. L-infrastrutturi ġodda tal-enerġija tal-UE kollha għandhom ikunu reżistenti għall-klima. Bħala t- tielet pass , mill-2010 ’l quddiem, il-ħidmiet identifikati jridu jsiru kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fuq livell nazzjonali. Ta’ min jinnota li l-baġit ta’ bħalissa ta’ €22m fis-sena tat-TEN-E jfisser li l-iskop tiegħu li jikkatalizza l-iżvilupp ta’ proġetti ewlenin ta’ interess Komunitarju huwa limitat. L-istrument oriġinali tat-TEN-E ġie kkonċeput u żviluppa meta l-UE kienet konsiderevolment iżgħar u affaċċjat sfidi tal-enerġija b’dimensjoni totalment differenti meta mqabbla mal-lum. B’hekk, flimkien ma’ din l-Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija, il-Kummissjoni qed tfassal Green Paper li tniedi riflessjoni dwar kif l-istrument eżistenti tat-TEN-E jista’ jiġi sostitwit bi strument ġdid, l-Istrument tas-Sigurtà u l-Infrastruttura tal-Enerġija tal-UE bl-għanijiet possibbli li (i) jitlesta s-Suq Intern tal-Enerġija, (ii) jiġi żgurat li l-iżvilupp tas-sistema ta' distribuzzjoni jħalli l-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli tal-UE jintlaħqu u (iii) tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, permezz ta’ assistenza għal proġetti infrastrutturali fl-UE u barra minnha. Barra minn hekk, il-Green Paper tniedi riflessjoni dwar kif tista’ bl-aħjar mod tiżgura l-użu effettiv u l-evoluzzjoni tal-politika esterna u l-istrumenti finanzjarji tal-UE li jikkontribwixxu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, mingħajr preġudizzju lejn ir-reviżjoni ppjanata ta' nofs il-mandat ta' strumenti ta’ assistenza fir-Rebbiegħa 2009. Fid-dawl tar-riżultati tal-konsultazzjoni ta’ wara l-publikazzjoni tal-Green Paper, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tfassal proposta għall-Istrument tas-Sigurtà u l-Infrastruttura tal-Enerġija tal-UE msemmi hawn fuq. Inter alia, se tiġi evalwata l-ħtieġa għall-fondi futuri tal-Komunità, li tinkludi l-qafas finanzjarju li jmiss li jibda fl-2014. 2.2. Aktar iffokar fuq l-enerġija fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE F’dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija, il-pajjiżi mad-dinja kollha dejjem qed isiru jiddependu aktar fuq xulxin. L-interdipendenza tal-enerġija qed tinfluwenza lill-iżvilupp, il-kummerċ u l-kompetittività, ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-koperazzjoni globali dwar il-klima. L-enerġija għandha tingħata l-prijorità politika li jixirqilha fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE, inkluż il-politika tal-kummerċ tagħha u l-ftehim, is-sħubijiet bilaterali tagħha, il-koperazzjoni u l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni u d-djalogi politiċi. L-interessi tal-pajjiżi fil-qasam tal-enerġija huma varjati b’mod wiesa’ u fil-kuntest tal-interdipendeza tal-enerġija li qed tiżdied, huma jindikaw il-ħtieġa ta’ oqfsa legali internazzjonali aktar robusti bbażati fuq bilanċ ta’ impenji u profitt fl-enerġija u fis-settur ekonomiku kollu. Daqskemm l-Unjoni Ewropea tfittex is-sigurtà tal-provvista permezz ta’ prevedibbiltà u diversità ikbar, anke minn pajjiżi differenti fis-swieq fi stadji preċedenti, il-gvernijiet barranin u l-fornituri esterni jfittxu s-sigurtà tad-domanda, b’mod partikolari fejn ikun hemm investimenti kbar fil-provvisti ġodda tal-gass fi stadji preċedenti li jasal permezz tal-pajplajns. Huma jenħtieġu regoli ċari u stabbli għat-tħaddim tas-suq intern u għall-arranġamenti dwar l-aċċess għas-suq Ewropew jew għall-investiment. F’ħafna każijiet, hemm bżonn li jiġu żviluppati fiduċja u rabtiet aktar profondi u legali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-produzzjoni u tat-tranżitu, li jistgħu jwasslu għal benefiċċji reċiproċi sinifikanti fil-perspettiva fit-tul li hemm bżonn biex tiffinanzja l-proġetti tal-futur li huma aktar intensivi fil-kapital. Għalhekk, biex l-UE ssaħħaħ l-influwenza kollettiva tagħha mal-pajjiżi fornituri tal-enerġija u biex toffri modi differenti li jiġu bbażati fuq sħubijiet imdaqqsa, hi għandha tuża l-għodda disponibbli kollha. Fuq il-livell multilaterali, l-UE għandha tkompli tippressa għal aktra liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment fis-settur tl-enerġija. F’xi każijiet, diġà hemm integrazzjoni regolatorja u fis-suq. In-Norveġja diġà hija integrata bħala membru taż-Żona Ekonomika Ewropea fis-suq intern tal-enerġija. Ir-rwol tagħha fit-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-UE f’gass (24% tal-importazzjonijiet tal-UE) u f’żejt (16%)[13] huwa essenzjali u għandu jkompli jiġi żviluppat fid-djalogu bejn l-UE u n-Norveġja dwar l-enerġija, ma’ proġetti komuni bħar-riħ ’il barra mix-xtut fil-Baħar tat-Tramuntana u l-iżvilupp tar-riservi sostanzjali Norveġiżi. Kollaborzzjoni effettiva man-Norveġja hija essenzjali għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE. li titkabbar il-produzzjoni fit-tul tal-pjattaforma kontinentali Norveġiża fuq bażi sostanzjali huwa ta’ interess indaqs għan-Norveġja u għall-UE. Il- Komunità tal-Enerġija[14] qed tibni suq integrali fl-Ewropa tax-Xlokk ankrat mal-UE. Huwa jiġbor fih is-suq intern u s-sigurtà tal-provvista tal-leġislazzjoni għall-elettriku u l-gass, u jinsabu għaddejjin diskussjonijiet dwar l-estensjoni tiegħu għaż-żejt. Jekk in-negozjati li se jibdew b’mod formali f’Novembru jirnexxu, l-adeżjoni tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u t-Turkija fil-Komunità tal-Enerġija tikkatalizza r-riformi tas-settur tal-enerġija tagħhom u tirriżulta f’suq tal-enerġija mkabbar b’kollaborazzjoni benefika skont ir-regoli komuni. Dan jista’ jgħin lill-Ukrajna, li hija pajjiż ta’ tranżitu importanti, biex ittejjeb l-infrastruttura tagħha. Jekk huwa xieraq, għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-istat ta' osservatur għal pajjiżi oħra. Fl-aħħar nett, wieħed għandu jinnota li l-proċess tat-tkabbir jista’ jkollu rwol importanti fl-iżvilupp tal-applikazzjoni wiesgħa tal-acquis tal-komunità fis-settur tal-enerġija, b’hekk isegwi l-għanijiet tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-pajjiżi ta’ tkabbir. Għandha tiġi żviluppata strateġija dwar il- Belarus, li tikkunsidra l-importanza tagħha bħala pajjiż ġar u ta’ tranżitu. Illum l-UE għandha Memoranda ta’ Ftehim dwar l-enerġija ma’ għadd kbir ta’ pajjiżi terzi. L-Ewropa għandha tiżviluppa produzzjoni ġdida ta' dispożizzjonijiet ta’ “ interdipendenza tal-enerġija ” fi ftehimiet wiesgħa ma’ pajjiżi produtturi 'l barra mill-Ewropa. Id-dispożizzjonijiet tal-interdipendenza tal-enerġija għandhom jimmiraw għal bilanċ bejn is-sigurtà tad-domanda u s-sigurtà tal-provvista. L-attenzjoni għandha tinxteħet fuq l-inkoraġġiment tal-investiment fi stadji preċedenti, l-iffaċilitar tal-iżvilupp tal-infrastruttura bżonnjuża, il-kundizzjonijiet ċari għall-aċċess fis-swieq (fl-enerġija u fis-setturi ekonomiċi), id-djalogu dwar l-iżviluppi tas-suq u tal-politika, u d-dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim. Għandu jiġi miftiehem li l-arranġamenti ta’ tranżitu jiggarantixxu flussi normali anke f’perjodi ta’ tensjoni politika, possibilment permezz ta’ approċċi innovattivi bħal ġestjoni konġunta u anke l-appartenenza tal-pajplajns mill-kumpaniji ta’ fornituri u pajjiżi ta’ tranżitu jew konsumaturi. Fejn hu xieraq, id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu skont l-acquis tal-enerġija tal-UE u l-prinċipji tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija[15] Id-dispożizzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għal qafas politiku fit-tul, inaqqsu r-riskji politiċi u jinkoraġġixxu impenji mill-kumpaniji privati dwar il-provvista u t-tranżitu. Il-banek Ewropej bħall-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp jistgħu jipprovdu finanzi strutturati b’mod tajjeb li jgħaqqdu l-iżvilupp ta’ proġetti ewlenin ta’ infrastruttura f’pajjiżi terzi. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-infrastrutturi esterni ewlenin li jaffaċċjaw riskji mhux kummerċjali ikbar. Fil-każ tar-Russja, il-kuntest aktar wiesa’ ta’ bħalissa għandu l-intenzjoni li jinnegozja Ftehim Ġdid wiesa’ li jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1997. Huwa importanti li għas-saħħa fit-tul tar-relazzjoni tal-enerġija bejn l- UE u r- Russja , il-Ftehim tal-1997 isir aktar profond u tingħatalu fondazzjoni aktar b’saħħitha u aktar wiesgħa. Ir-Russja se tibqa’ s-sieħba ewlenija tal-enerġija fil-futur imbiegħed u hemm bżonn li jsir ħafna iżjed biex jiġi żgurat li r-relazzjoni hija bbażata fuq il-fiduċja; kulħadd igawdi mit-tisħiħ l-prinċipji bażiċi li fuqhom hija bbażata din is-sħubija fil-liġi. B’dan il-mod in-negozjati jistgħu jiffaċilitaw ir-riforma u l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija fir-Russja flimkien mal-ħtiġijiet domestiċi tagħha, jipprovdu stabbiltà u prevedibbiltà tad-domanda għall-gass Russu, u jiċċaraw il-kundizzjonijiet li bihom il-kumpaniji Russi jistgħu jinvestu fl-UE fi stadji ulterjuri. Fl-aħħar nett, ftehim mar-Russja jista’ jgħin biex jistabbilixxi rabta u regoli effettivi ta’ tranżitu fil-kontinent Panewropew, li llum huma neqsin. Kull wieħed minn dawn l-elementi ta’ titjib jista’ jikkontribwixxi biex jagħmel l-għejun Ewropej u l-provvista Russa aktar iddiversifikati u ta’ min joqgħod fuqhom. Għalhekk, huwa importanti li d-dispożizzjonijiet tal-interdipendenza tal-enerġija li jorbtu legalment jiġu żviluppati fil-qafas tal-Ftehim Ġdid li se jieħu post il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni. Dan jitlob li mal-mandat tal-Ftehim Ġdid ikun hemm mandat li jniedi t-taħdidiet tal-FTA. Fil-passat, ir-Russja u l-UE għaqqdu n-negozjati tal-FTA mad-dħul tar-Russja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, imma dan l-aħħar il-progress deċisiv f’dawn in-negozjati sar anqas ċert. Barra dan, id-Djalogu dwar l-Enerġija bejn l-UE u r-Russja għandu jitkompla u aktar ħidmiet ta’ kooperazzjoni prattika u proġetti konġunti għandhom jiġu żviluppati. Iżjed ma r-relazzjoni tal-enerġija bejn l-UE u r-Russja jkollha qbil solidu u bażi legali bbilanċjata, iżjed tiżdied il-fiduċja u l-kunfidenza, u tinħoloq klima li twassal għall-investiment fi proġetti ta' esplorazzjoni u infrastruttura. Approċċ simili għandu jiġi żviluppat mal-pajjiżi tar- reġjun Kaspjan . Il-Kunsill Ewropew ta prijorità għolja għat-tkomplija tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi. Meta wieħed jara r-riżorsi tal-enerġija tagħhom u l-importanza tagħhom li jagħmlu progress fl-infrastrutturi tas-sigurtà tal-enerġija bi prijorità li ġiet innotata fit-taqsima ta’ qabel, il-Kummissjoni se tiffoka l-istrumenti kollha fuq il-bini ta’ kooperazzjoni robusta, li tinkludi t-tisħiħ tal-proċess ta’ Baku[16] biex jippromovi s-sħubija ġenwina tal-enerġija. Involvilment imsaħħaħ mal-pajjiżi rilevanti kollha, partikolarment permezz ta’ relazzjoniiet bilaterali, huwa ta’ prijorità importanti. Id-djalogu dwar l-enerġija UE-OPEC jipprovdi forum għall-evalwazzjoni konġunta tal-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet, l-investimenti fi stadji preċedenti u ulterjuri kemm fil-pajjiżi produtturi u konsumaturi u l-impatt fuq l-iżviluppi teknoloġiċi. Id-Djalogu huwa rikonoxximent tal-fatt li l-pajjiżi produtturi u konsumaturi għandhom interessi komuni biex jinkoraġġixxu provvista regolari bi prezzijiet raġonevoli. Ir-relazzjonijiet tal-enerġija mal- Iraq u l-Kunsill ta ’ Kooperazzjoni tal-Golf għandhom ikomplu jiġu żviluppati fil-qasam tal-idrokarburi , li jinkludi żoni ġodda bħat-teknoloġiji nodfa tal-enerġija. B’mod parallel, ir-relazzjonijiet bilaterali tal-enerġija se jkomplu jiġu segwiti ma’ pajjiżi individwali tal-Kooperazzjoni tal-Golf. Kooperazzjoni mal-imsieħba bħall- Awstralja , il-Kanada, il-Ġappun u l- Istati Uniti kif ukoll il-pajjiżi konsumaturi emerġenti għandha ssir aktar profonda biex tippromovi fehma komuni fuq is-sigurtà globali tal-enerġija, ittejjeb it-trasparenza tas-swieq globali tal-enerġija u tindirizza l-kwistjoni tas-sostenibbiltà. Qed jiġu żviluppati oqsfa ta’ koopeazzjoni fil-livell bilaterali u multilaterali ma' pajjiżi bħaċ- Ċina u l- Indja u reġjuni bħall- Amerika Latina u l- Karibew . Il-kooperazzjoni qed tiġi żviluppata ma’ pajjiżi fornituri alternattivi bħall- Brażil bħala esportatur ewlieni tal-bijokarburanti. Ir-relazzjonijiet tal-enerġija mal- Afrika , l-aktar l-Afrika ta' Fuq, għandhon issaħħu potenzjal importanti li jvarja minn idrokarburi għal potenzjal immens fl-enerġiji rinnovabbli Pajjiżi bħall- Alġerija , l-Eġittu, il-Libja u n-Niġerja ilhom għal żmien twil fornituri importanti taż-żejt u l-gass u huwa importanti li tissaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-enerġija magħhom. Il-Pajplajn tal-Gass tat-Trans-Sahara jirrappreżenta opportunità addizzjonali importanti għall-UE li tiddiversifika r-rotot u s-sorsi tal-enereġija L-UE hija lesta biex tgħin fir-realizzazzjoni tagħha permezz ta' strumenti varji, partikolarment il-kooperazzjoni bilaterali, l-Istrument ta’ Viċinanza u Sħubija Ewropea, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Bank Ewropew għall-Investiment. Barra dan, is-Sħubija tal-Enerġija Afrika-UE mal-Unjoni Afrikana flimkien mal-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali Afrikani se jkunu strumentali biex jiżviluppaw djalogu tal-enerġija aktar fil-fond u inizjattivi konkreti. L-UE se tevalwa r-rwol importanti li dejjem qed jikber tal-Afrika fis-sigurtà tal-enerġija tal-UE u tiżgura li l-mezzi u l-politiki adegwati jkunu disponibbli L-integrazzjoni reġjonali tas-swieq tal-elettriku u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli jirrappreżentaw opportunitajiet ta’ żvilupp partikolarment importanti għall-Afrika, u l-Kummissjoni se ssaħħaħ l-isforzi tal-assistenza tagħha f’dawn iż-żoni. Għadd ta’ msieħba tal-UE qed jikkunsidraw li jniedu programm nukleari, teknoloġija fejn l-industrija tal-UE tgawdi minn tmexxija globali, jew li jwessgħu l-attivitajiet tagħhom ta’ bħalissa. Ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw bħalissa ma għandhomx l-infrastruttura leġiżlattiva u regulatorja li hemm bżonn biex jiżguraw li s-sigurtà għandha prijorità fid-deċiżjonijiet tad-diżinn, tal-kostruzzjoni u tat-tħaddim. Ġiet indikata l-azzjoni tal-UE li tippromovi l-ogħla standards tas- sikurezza u s-sigurtà nukleari[17] . Bl-istrument tal-Kooperazzjoni għas-Sikurezza Nukleari, l-UE se tikkopera mal-pajjiżi terzi u tassistihom biex itejbu l-kultura tas-sikurezza nukleari tagħhom u s-sikurezza tal-impjanti nukleari tagħhom li joperaw. Għall-pajjiżi emerġenti li beħsiebhom jibnu impjanti nukleari, l-UE se tgħin fl-iżvilupp ta’ awtoritajiet nukleari regolatorji kompetenti u indipendenti, li kapaċi jiżguraw li l-impjanti l-ġodda jinbnew skont l-istandards internazzjonali tas-sikurezza nukleari u joperaw skont l-ogħla standards. Kif identifika l-Kunsill Ewropew[18], huwa essenzjali li biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE, l-Ewropa trid titkellem b’vuċi waħda u taġixxi kif suppost. Ir-reviżjoni riċenti tal-politika tal-enerġija tal-UE mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija[19] tidentifika r-relazzjonijiet esterni u s-sigurtà tal-enerġija bħala azzjonijiet ta’ prijorità għall-UE. Li tikellem b’vuċi waħda ma jfissirx Komunità waħda rappreżentattiva għall-kwistjonijiet esterni, imma ppjanar u koordinazzjoni effettivi li jiżguraw mezzi komuni kemm ta’ azzjoni kif ukoll ta’ messaġġ fuq il-livell Komunitarju u tal-Istat Membru. Sabiex dan iseħħ fil-prattika, fl-2009 l-Kummissjoni se tidentifika l- mekkaniżmi konkreti meħtieġa biex jiżguraw it-trasparenza bejn l-Istati Membri u l-UE. Dan għandu jagħmilha possibbli li jkun hemm koordinazzjoni aħjar fl-iżvilupp u fl-intenzjonijiet dwar il-kwistjonijiet internazzjonali tal-enerġija Biex dan il-mekkaniżmu jiġi kkumplimentat, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi reviżjoni tar-Regolament 736/96 li tobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi proġetti ta’ investiment ta’ interess għall-Kummissjoni fis-settur taż-żejt, tal-gass naturali u tal-elettriku, sabiex tiżdied ir-relevanza tiegħu fl-isfidi tal-enerġija tal-lum. Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif tista’ tkompli tiżviluppa bl-aħjar mod is-sistemi ta’ twissijiet bikrin mal-imsieħba ġirien ewlenin tal-enerġija. 2.3. Ħażniet mtejba taż-żejt u tal-gass u mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet Biex tilħaq l-għanijiet tagħha tas-sigurtà tal-enerġija, l-UE għandha bżonn ukoll li tiżgura li l-mekkaniżmi interni għall-kriżijiet u l-istandards tas-sigurtà jkunu effettivi kemm jista’ jkun. Għalhekk, it-tielet element tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Sigurtà u Solidarjetà tal-Enerġija jaġġorna u jtejjeb ir-regoli Komunitarji eżistenti f’din iż-żona. Skema obbligatorja ta’ ħażniet taż-żejt għall-emerġenza ilha teżisti mill-1968[20]. L-Istati Membri żviluppaw mekkaniżmi differenti li jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Ħażniet taż-Żejt: xi wħud jistrieħu fuq ħażniet miżmuma mill-gvern, simili ghas-sistemi tal-Istati Uniti u tal-Ġappun, oħrajn jistrieħu fuq ħażniet miżmuma mill-industrija. Is-sistema wriet li hija effettiva biex tittratta tfixkil limitat, l-aktar fi tweġiba għall-azzjonijiet konġunti kkoordinati mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija. Madankollu, fid-dawl tal-esperjenza, is-sistema ta’ bħalissa tista’ titjieb. Għalhekk, flimkien mal-Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija, il-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ħażniet strateġiċi taż-żejt għall-emerġenza tal-UE biex ittejjeb il-koerenza mal-iskema tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, iżżid l-affidabbiltà u t-trasparenza tal-ħażniet disponibbli, tissimplifika l-konformità u l-verifikazzjoni u tiċċara l-proċeduri tal-emerġenza. Fil-preżent, l-UE tippubblika d-dejta fuq il-livell tal-ħażniet strateġiċi taż-żejt għal kull Stat Membru. Għall-kuntrarju tal-Istati Uniti, hija ma tippubblikax l-informazzjoni fuq il-livell tal-ħażniet kummerċjali addizzjonali taż-żejt miżmuma fl-UE. Sabiex ittejjeb it-trasparenza tas-suq taż-żejt u tillimita l-effetti tal-ispekulazzjoni mhux informati, il-Kummissjoni tipproponi li issa l-UE tagħmel il-pass tal- ippubblikar, fuq bażi kumplessiva, tal-livell tal-ħażniet kummerċjali taż-żejt miżmuma mill-kumpaniji taż-żejt tal-UE kull ġimgħa. Il-Kummissjoni rrevediet ukoll l-implimentazzjoni u l-effettività tad- Direttiva tas-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass [21]. Hija sabet li l-qafas legali tal-lum jista’ jitjieb. Hemm bżonn, b’mod partikolari, ta’ armonizzazzjoni ikbar tal-istandards tal-provvista u tal-miżuri tal-emerġenza predefiniti fuq il-livell reġjonali u tal-UE. Madankollu, f’dan l-istadju mhemmx biżżejjed evidenza għall-UE biex tiddeċiedi fuq ħażniet tal-gass obbligatorji u strateġiċi. Ħażniet strateġiċi tal-gass jiswew mill-inqas ħames darbiet iktar mill-ħażniet taż-żejt. Approċċ aktar effettiv huwa li wieħed jippromovi l-iżvilupp u t-tħaddim effettiv u trasparenti tal-ħażniet kummerċjali, li jvarja l-konnessjonijiet tal-provvista li jagħmluha possibbli li wieħed ikollu għejun flessibbli mil-LNG jew ġirien li jipprovdu fis-suq intern tal-UE u tnaqqis rapidu fid-domanda permezz ta' kuntratti mhux interrotti u l-bdil tal-fjuwil, speċjalment fil-produzzjoni tal-elettriku. Bħal fis-settur taż-żejt, il-koordinazzjoni tal-kriżijiet tar-rispons fuq il-livell tal-UE għandha titjieb, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi fornituri u ta’ tranżitu. Limitu aktar adegwat biex tiġi stimulata l-azzjoni tal-UE għandu jiġi kkunsidrat u arranġamenti ta’ kumpens għandhom jiġu ċċarati. Il-Grupp tal-Koordinazzjoni tal-Gass għandu jkompli jiżviluppa xenarji li jirreaġixxu għall-kriżijiet possibbli tal-provvista tal-gass fil-futur. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra dan ix-xogħol u x-xogħol tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u l-Grupp Ewropew tar-Regolaturi għall-Elettriku u l-Gass, hija se tikkonsulta l-partijiet interessati bil-ħsieb li tipproponi reviżjoni tad- Direttiva tas-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass fl-2010. 2.4. Spinta ġdida dwar l-effiċjenza fl-enerġija L-UE kkommettiet ruħha li sal-2020 se jkollha 20% titijib fl-effiċjenza fl-enerġija. Kemm it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra kif ukoll il-miri għall-enerġiji rinnovabbli li għalihom ikkommettiet ruħha l-UE se jikkontribwixxu biex jintlaħaq dan l-għan u, bil-maqlub, azzjoni ambizzjuża dwar l-effiċjenza fl-enerġija tgħin bil-kbir biex sal-2020 jintlaħaq l-għan tal-klima tal-UE, partikolarment skont id-deċiżjoni tal-qsim tal-isforzi. Għalhekk, il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għandhom irwol kruċjali biex jiżguraw li l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija qed jintlaħqu bl-inqas nefqa possibbli, b’attenzjoni partikolari fuq il-bini u t-trasport. Huwa evidenti ndaqs li l-għan ta’ 20% effiċjenza fl-enerġija se jikkontribwixxi ħafna għall-għanijiet tas-sostenibbiltà u l-kompettitività. Barra minn hekk, li wieħed jikkonsma inqas permezz tal-effiċjenza fl-enerġija huwa l-iktar mod sostenibbli biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u l-importazzjonijiet. Miżuri li jtejbu l-effiċjenza fl-enerġija u teknoloġiji favur l-ambjent jistgħu wkoll jipprovdu opportunitajiet ġodda għall-ekonomija, inkluż l-SMEs, fis-sitwazzjoni ekonomika diffiċli ta’ bħalissa. L-effiċjenza fl-enerġija għandha tkun fil-qalba tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Sigurtà u Solidarjetà tal-Enerġija tal-UE. Sar progress importanti lejn l-għan tal-20% effiċjenza fl-enerġija. Dawn il-miżuri għandhom iwasslu għal titjib ta’ xi 13-15% fl-effiċjenza fl-enerġija. Għalhekk, flimkien mal-Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija, fl-2008 l-Kummissjoni qed tfassal Pakkett tal-Effiċjenza fl-Enerġija ġdid b’inizjattivi tal-effiċjenza fl-enerġija biex tkompli tagħmel aktar progress biex tilħaq l-għanijet tal-20%: - Reviżjoni tad-Direttiva dwar il- Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini biex tkabbar l-ambitu tagħha, tissimplifika l-implimentazzjoni tagħha u tiżviluppa ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini fi strument reali tas-suq. Reviżjoni ta’ Direttiva bħal din se jkollha l-potenjal li lil familja medja jiffrankalha mijiet ta’ ewro fis-sena, anke meta jitnaqqsu l-ispejjeż tal-prodotti tat-tisħin, tat-tkessiħ u tal-bini b’effiċjenza fl-enerġija. - Reviżjoni tad-Direttiva tal- Ittikkettjar tal-Enerġija , li s’issa kopriet biss tagħmir tad-dar, għandha tapplika l-ittikketjar fuq firxa usa’ ta’ prodotti li jużaw l-enerġija, kummerċjali u industrijali, u tistabbilixxi bażi armonizzata għal xiri u inċentivi pubbliċi pprovduti mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni qiegħda tipprepara wkoll klassifikazzjonijiet mtejba u ġodda għal għadd ta’ gruppi ta’ prodotti. Tabella tal-enerġija ġdida se tiġi introdotta għat-tajers tal-karozzi taħt strument legali separat. - Intensifikazzjoni tal-implimetazzjoni tad-Direttiva tal- Ekodisinn . Fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni se tadotta rekwiżiti minimi għall-bozoz tal-elettriku (dan se jwassal għat-tneħħija gradwali tal-ħela tal-bozoz tal-elettriku inkandexxenti), it-tagħmir elettriku tal-mezzi b’funzjonijiet lesti għall-użu jew mitfijin, tagħmir tad-dawl tat-toroq u l-uffiċċji, provvisti esterni tal-enerġija u kaxxi set-top sempliċi għat-televixins. L-ewwel sett ta’ miżuri dalwaqt se jiġi segwit b’miżuri mmirati għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti u friġġis, bojlers u ħijters tal-ilma, muturi, u televixins. Meta wieħed jikkunsidra l-impatt konġunt tal-ekodisinn u tal-ittikkettjar, meta jitlestew dawn il-miżuri se jkunu kapaċi li sal-2020 jiffrankaw 96 Mtoe[22]. - Il-promozzjoni tal- koġenerazzjoni hija prijorità importanti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni, flimkien mal-Analiżi Strateġika tal-Enerġija, qed tadotta Komunikazzjoni u linji gwida ddettaljati għall-implimetazzjoni teknika tad-Direttiva dwar il-Koġenerazzjoni. - Il-Kummissjoni se tiżviluppa mekkaniżmi ta’ valutazzjoni komparattivi u netwerking biex ixxerred l-aqwa prattika. Il-Patt tas-Sindki[23] se jkun strument importanti li jiffaċilita dan. Il-fondi Komunitarji (inkluż il-programm Ewropew tal-Enerġija Intelligenti) se jkun allokat biex jinforza r-replikazzjoni madwar l-UE, flimkien, fejn huwa xieraq, ma’ strumenti finanzjarji Ewropej oħrajn. Inizjattiva tal-Enerġija Sostenibbli tal-Iffinanzjar ġdida li għandha titnieda b’konġunzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment, u fejn huwa xieraq il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, se ssegwi dan l-għan. Id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ ffinanzjar xierqa għal investimenti fuq skala żgħira li ta’ spiss ikunu meħtieġa f’investimenti tal-effiċjenza fl-enerġija huma importanti (pereżempju, l-ispejjeż tal-bidu tas-sidien tal-bini jew ta’ min juża l-bini). - Il-programmi tal- Politika ta ’ Koeżjoni allokaw ’il fuq minn EUR 9 biljun għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u enerġiji rinnovabbli fil-perjodu 2007-13. Il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni jappoġġjaw firxa vasta ta’ attivitajiet, inluż titjib fl-effiċjenza fl-enerġija fl-industrija, fil-kummerċ, fit-trasport u fil-bini pubbliku, fil-koġenerazzjoni u l-produzzjoni lokali tal-enerġija, fl-innovazzjoni għal enerġija sostenibbli, u fit-taħriġ għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, fl-Istati Membri l-ġodda, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Politika ta' Koeżjoni tappoġġja investiment fl-effiċjenza fl-enerġija fi djar residenzjali. Minħabba li dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati minn intestaturi tal-baġit ta’ Politika ta’ Koeżjoni oħra bħall-R&D, riġenerazzjoni urbana u rurali, u assistenza teknika, l-allokazzjoni propja fl-appoġġ tal-Politika tal-Enerġija Ewropea huwa mistenni li tkun ħafna ogħla. Strumenti finanzjarji, inkluż il-finanzjament tad-dejn u l-fondi ta’ ekwità pprovduti mill-Grupp tal-EIB (eż. permezz ta’ programmi ta’ self strutturali) u mill-EBRD jistgħu jħallu fondi addizzjonali b’appoġġ għall-Programmi Operattivi. - Pakkett ta ’ Ekotaxxa se jiġi ppreżentat sabiex jikkumplimenta l-pakkett tal-enerġija u l-bidla fil-klima. Huwa se jinkludi proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva tat-Taxxa tal-Enerġija biex tkun għal kollox kompatibbli mal-miri tal-enerġija u tal-bidla fil-klima u eżami dwar kif il-VAT u strumenti fiskali oħrajn jistgħu jintużaw biex jippromovu l-effiċjenza fl-enerġija. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tippromovi l-liberalizzazzjoni ta’ prodotti u servizzi b’effiċjenza fl-enerġija, anke fil-kuntest tan- negozjati kummerċjali . Huwa mill-anqas tal-istess importanza li tintlaħaq l-effiċjenza fl-enerġija f’pajjiżi industrijalizzati oħrajn u fl-ekonomiji emerġenti bħal fl-Ewropa. Progress fuq qbil globali dwar il-tibdil fil-klima joħloq inċentivi ġodda ewlenin għall-kooperazzjoni fl-effiċjenza fl-enerġija. Fis-snin li ġejjin, l-effiċjenza fl-enerġija għandha tkun waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Komunità tal-Enerġija. Il-Kummissjoni se tibni fuq is- Sħubija Internazzjonali dwar il-Kooperazzjoni tal-Effiċjenza fl-Enerġija maqbula fil-kuntest tal-G8 maċ-Ċina, l-Indja u l-Korea f’Lulju tal-2008 biex tippromovi standards komuni tal-prodott u sforzi ambizzjużi madwar id-dinja kollha, u fl-2009 se tipparteċipa fit-tnedija tagħha bħala Ftehim ta’ Implimentazzjoni tal-IEA. F’dan il-kuntest, l-attivitajiet tal-IEA li jimirħu ma’ pajjiżi emerġenti, huma importanti b’mod partikolari. L-effiċjenza fl-enerġija għandha tkun prijorità kostanti fil-politika tal-enerġija tal-Komunità. Fl-2009 l-Kummissjoni se tevalwa l- Pjan ta ’ Azzjoni tal-Effiċjenza fl-Enerġija u tipprepara Pjan ta' Azzjoni aktar iffokat, kif intalab mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2008. 2.5. Isir użu aħjar mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE. L-enerġija prodotta fl-UE tirrappreżenta 46% tat-total kkonsmat[24] Qabel l-inizjattiva 20-20-20, dan kien mistenni li jaqa' għal 36% sal-2020[25]. L-implimentazzjoni tal-Politika tal-Enerġija l-ġdida għandha żżommha għal madwar 44% tal-konsum tal-UE[26]. Il-miżuri effikaċi fl-infiq kollha li jistgħu jittieħdu biex jippromovu l-iżvilupp u l-użu tar-riżorsi indiġeni għandhom jifformaw element importanti mill-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Sigurtà u Solidarjetà tal-Enerġija tal-UE. L-iżvilupp tal- enerġija rinnovabbli bħar-riħ, enerġija solari, mill-ilma u tal-bijomassa u riżorsi marittimi għandu jkun l-ikbar sors potenzjali tal-enerġija indiġena tal-UE. Illum dan jammonta għal madwar 9% tal-konsum finali tal-enerġija tal-UE, ġie miftiehem li sal-2020 l-għan ta’ kontribuzzjoni jkun ta’ 20%. Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli ġdida, il-Kummissjoni se tiffoka fuq il-monitoraġġ u l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni korretta u fil-ħin, u fuq il-kwistjonijiet prattiċi li jibqa’ u li jistgħu jimpedixxu l-effettività u l-penetrazzjoni rapida miżjuda tal-enerġiji rinnovabbli fis-suq, bħar-restrizzjonijiet fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni. Fid-dawl ta’ esperjenza ggwadanjata mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli ġdida, il-Kummissjoni se tfassal Komunikazzjoni “Ostakli li jingħelbu għal Enerġija Rinnovabbli fl-UE” , li tidentifika l-ostakli u tipproponi azzjonijiet biex tirranġhom. Sabiex tistabbilixxi mekkaniżmi tal-iffinanzjar tajbin għall-iżvilupp massiv tal-enerġija rinnovabbli fuq il-livell tal-UE, il-Kummissjoni qed taħdem mal-Bank Ewropew għall-Investiment, mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u ma’ istituzzjonijiet finanzjari oħrajn biex tistabbilixxi l- Inizjattiva tal-Enerġija Sostenibbli tal-Iffinanzjar tal-UE msemmija hawn fuq biex timmobilizza l-fondi fuq skala kbira mis-swieq kapitali għall-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, enerġiji rinnovabbli, l-użu tajjeb tal-fjuwils fossili u t-taħlit tas-sħana u l-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-ibliet tal-Ewropa. Ir-rwol tat-teknoloġija huwa kruċjali f’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda tar-riżorsi naturali tal-UE. Il-bżonn ta’ enerġiji rinnovabbli jikber biss hekk kif jikber l-għan tagħna tal-gass serra, għalhekk huwa essenzjali li nikkatalizzaw avvanzi rapidi fil-kompetittività, fl-effiċjenza u fis-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Fil-fatt, dan jirrappreżenta opportunità ekonomika kbira għall-UE daqs il-prijorità tas-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-enerġija. Bħalissa dan l-għan qed jiġi segwit fil-kuntest tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija, approvat fl-2008 mill-Kunsill Ewropew[27] Diġà sar progress fl-implimentazzjoni, inkuż f’sitt Inizjattivi Industrijali Ewropej: enerġija mir-riħ, enerġija solari u bijoenerġija (bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni), CCS (qabda tal-karbonju, trasport u ħażna), sistemi ta' distribuzzjoni tal-elettriku u fissjoni nukleari sostenibbli. L-inizjattivi qed jiġu żviluppati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Pjattaformi Teknoloġiċi eżistenti u mal-industrija Ewropea. Il-pass li jmiss se jkun Komunikazzjoni dwar l-Iffinanzjar ta’ Teknoloġiji b’Karbonju Baxx, li se tkun imfassla mill-Kummissjoni fl-2009,b’assoċjazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew għall-Investiment. Hija se tevalwa r-riżorsi li hemm bżonn u s-sorsi potenzjali tal-fondi u tipproponi metodi kif tappoġġja demostrazzjonijiet fuq skala kbira fuq il-livell tal-UE, inkluż sa tnax-il impjant ta’ dimostrazzjoni tas-CCS . Se tikkunsidra r-riżultat tad-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Emissjonijiet li għaddejjin bħalissa, b’mod partikolari l-għażla li jintużaw id-dħul mill-irkanti u l-benefiċċji allokati tal-emissjonijiet bħala mezz biex titgħaġġel l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tad-demostrazzjoni tant meħtieġa. Il-faħam jibqa’ element essenzjali tal-provvista domestika tal-enerġija tal-Ewropa u alternattiva importanti għaż-żejt u l-gass. Huwa disponibbli fi kwantitajiet kbar minn għadd ta’ fornituri madwar id-dinja u jista’ jinħażen b’mod relattivament faċli. L-importanza tal-produzzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-faħam qed tikber f’ħafna postijiet fid-dinja u huwa pproġettat li se jkun hemm użu sostanzjali kontinwu tal-faħam u l-linjite fil-produzzjoni fl-Ewropa. L-iżvantaġġ ewlieni tiegħu huwa l-emissjonijiet ogħla tas-CO2. L-użu tiegħu fuq perjodu twil huwa kompatibbli mal-isfida tal-klima biss jekk impjanti b’effiċjenza ogħla jkollhom predominanza u l-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jkunu disponibbli. L-iżvilupp tas-CCS, kemm fl-Ewropa kif ukoll barra, jiddependi fuq l-ipprezzar tar-regolament u tal-karbonju u d-disponibbiltà ta’ teknoloġiji u proċessi ġodda. L-istandards obbligatorji tal-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jiġu kkunsidrati biss wara li jkunu ġew evalwati r-riżultati tad-demostrazzjonijiet industrijali, partikolarment jekk l-inċentivi pprovduti mis-Sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet msemmijin hawn fuq juru li mhumiex adegwati. L-għan tal-Ewropa li sal-2015 ikollha sa tnax-il impjant ta’ demostrazzjoni fuq skala kummerċjali jaħdem u l-impenn tal-G8 li sal-2020 iniedi globalment għoxrin impjant ta’ demostrazzjoni se jkollhom bżonn inċentivi ikbar minn dawk li huma disponibbli bħalissa. Għalkemm ir-riżorsi tal-gass u taż-żejt tal-Ewropa qed jonqsu, il-prezzijiet għolja taż-żejt u s-sigurtà li għandha titpoġġa fuq ir-riżorsi indiġeni jżidu l-interess għall-estrazzjoni tar-riservi indiġeni taż-żejt u tal-gass , inkluż riservi li mhumiex konvenzjonali minħabba li dan jista’ jsir b’mod sostanzjali. Barra minn hekk, fjuwils domestiċi oħrajn f’xi żoni tal-UE, bħalma huma ix-shale taż-żejt u l-pit, jistgħu jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà tal-enerġija ta' xi Stati Membri. Fil-fatt, riżorsi mhux konvenzjonali jżidu b’erba’ darbiet ir-riservi tal-gass tal-EEA għal aktar minn 60 000 Mtoe, għalkemm f’xi każijiet l-isfruttament tagħhom jista’ joħloq sfidi teknoloġiċi u ambjentali sinifikanti. Il-Kummissjoni se tibda d-diskussjonijiet fil-Forum ta' Berlin dwar il-Fjuwils Fossili[28] li fuqu jistgħu jittieħdu miżuri addizzjonali fuq il-livell Komunitarju u nazzjonali, u partikolarment fis-sħubija man-Norveġja, biex tkompli ssir il-promozzjoni fiż-żieda tal-aċċess effikaċi fl-infiq u l-kompatibbiltà mal-ambjent għall-fjuwils fossili indiġeni tal-UE. Il-kapaċità tar-raffinar taż-żejt tirrappreżenta fattur addizzjonali importanti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija tal-UE. Huwa importanti li jitjieb il-livell tat-trasparenza tal-bilanċ tad-domanda u tal-provvista għall-kapaċità tar-raffinar li hemm bżonn biex jiġu moqdija l-ħtiġijiet tal-UE, wieħed għandu jżomm f’moħħu lil min qed imexxi d-domanda (partikolarment inizjattivi għal trasport favur l-ambjent) u b’mod partikolari, tħassib dwar id-disponibbiltà potenzjali tal-fjuwil tad-diżil fil-futur. Fl-2010 l-Osservatorju tal-Kummissjoni dwar is-Suq tal-Enerġija se jipprepara Komunikazzjoni dwar ir-Raffinar tal-Kapaċità u d-domanda taż-Żejt tal-UE. Fl-aħħar nett, l-enerġija nukleari tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE bħala sors ewlieni tal-elettriku baseload, ma żżidx l-emissjonijiet tal-gass serra u b’hekk tiġġieled it-tibdil fil-klima. Il-provvisti tal-uranju tal-UE huma ddiversifikati f'reġjuni stabbli (l-Awstralja u l-Kanada jirrappreżentaw kważi nofs il-ħtiġijiet tal-UE) u l-ispiża tal-uranju għandha impatt limitat fuq il-prezz tal-elettriku. Terz mill-produzzjoni tal-elettriku fl-UE jiġi mill-enerġija nukleari. Kif indikat fil-Komunikazzjoni “Aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv”, li jakkompanja din ir-Reviżjoni, fl-10-20 sena li ġejjin il-maġġoranza tal-impjanti nukleari fl-UE se jaslu fi tmiem tagħhom kif kien iddisinjat oriġinarjament. Jekk ma jittieħdu l-ebda deċiżjonijiet dwar investimenti ġodda, sal-2020 is-sehem tal-enerġija nukleari fil-produzzjoni tal-enerġija se jonqos b’mod sostanzjali. Deċiżjonijiet dwar estensjoni tal-ħajja, investimenti ġodda jew it-tibdil isir aktar akut, partikolarmet fid-dawl tal-għan tal-UE li tnaqqas is-CO2. Huwa kull Stat Membru li għandu jagħżel jekk iridx jinvesti fl-enerġija nukleari jew le imma l-qafas tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari li ġie applikat kullimkien fl-UE huwa ta’ interess komuni. Għandu jkun ċar li għall-produzzjoni nukleari, l-UE żżomm l-ogħla standards ta’sikurezza, sigurtà, nonproliferazzjoni u protezzjoni ambjentali. L-UE għalhekk għandha bżonn tiżviluppa qafas leġiżlattiv komuni f’dak li jirrigwarda s-sikurezza tal-installazzjoni nukleari u l-ġestjoni tal-iskart nukleari. Wara t-twaqqif tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza u l-Iskart Nukleari, magħmul mir-regolaturi nazzjonali, u d-diskussjonijiet fil-Forum Ewropew tal-Enerġija Nukleari, fl-2008 l-Kummissjoni għalhekk se tippreżenta proposta reveduta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari . 3. LEJN VIżJONI GħALL-2050 Hekk kif id-domanda għaż-żejt tkompli tikber u ħafna bjar taż-żejt eżistenti qed tonqsilhom il-kapaċità tal-produzzjoni, il-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista se jsir aktar strett, possibilment b’mod kritiku. Il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima se tesiġi qlib kbir għal teknoloġiji tal-enerġija b’effiċjenza għolja u b’karbonju baxx. L-aġenda tal-UE għall-2020 stabbiliet l-ewwel passi essenzjali għal dan il-proċess. Bidla strutturali fil-fond bħall-produzzjoni tal-elettriku mingħajr karbonju, jew bidla teknoloġika radikali bħat-tkissir tad-dipendenza tat-trasport fuq iż-żejt, tieħu wisq aktar żmien imma jeħtieġ li llum jsiru l-għażliet minn dawk li jfasslu l-politika, mill-investituri, mill-istituzzjoniiet edukattivi u mix-xjenzati. Il-Kummissjoni għalhekk se tipproponi li fl-2020 terġa’ tiġġedded il-Politika tal-Enerġija għall-Ewropa bil-ħsieb li titqies aġenda politika għall-2030 u viżjoni għll-2050. Dan se jirriżulta minn konsultazzjoni wiesgħa biex jiġu eżaminati għanijiet fit-tul possibbli, bħalma huma: - Sal-2050 il-provvista tal-elettriku tal-UE ma jkunx fiha karbonju . Din hija sfida kbira imma hija wkoll bżonnjuża jekk l-UE trid tagħti sehemha bis-sħiħ biex sal-2050 jitnaqqsu globalment l-emissjonijiet tal-gass serra bi prevenzjoni ta’ tibdil fil-klima. Se jkun jenħtiġilha bidla oħra għall-enerġija rinnovabbli, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u, għal dawk il-pajjiżi li jagħżlu hekk, nukleari. L-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet se tħaffef il-bidla għall-elettriku b’karbonju baxx permezz tas-sostituzzjoni tal-kapaċità eżistenti tal-produzzjoni tal-elettriku, li nofsha se tasal fi tmiem sal-2030. Jekk id-deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-investiment jittieħdu malajr, fis-snin bikrin tal-2020 kważi żewġ terzi tal-produzzjoni Ewropea tal-elettriku tista’ tkun b’karbonju baxx mil-livell ta’ 44% ta’ bħalissa. - Tispiċċa d-dipendenza taż-żejt fit-trasport . Il-bidla għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, bl-idoġenu u bi fjuwils alternattivi mhux se ssir f’qasir żmien u tkun tenħtieġ bidliet kbar fl-infrastruttura tat-trasport tal-UE. Abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Nagħmlu t-trasport Ewropew favur l-ambjent" tal-2008, il-Kummissjoni se tqis l-attivitajiet meħtieġa li jpoġġu lill-UE fuq quddiem ta’ dawn il-bidliet. Se tikkunsidra partikolarment (i) il-ħtieġa ta’ aġevolazzjonijiet fit-taxxi u inċentivi oħra, tirrispetta l-liġi tal-għajnuna mill-istat għax-xiri ta’ karozzi li huma aktar favur l-ambjent, elettriċi, bijometani u idroġeni u t-tneħħija kmieni tal-karozzi l-oħra li huma aktar qodma u li jniġġsu, (ii) il-possibiltà li titlob perċentwal minimu tal-karozzi l-ġodda kollha tal-gvern u tal-awtoritajiet pubbliċi li jkunu elettriċi, bijometanu jew idroġeni u (iii) ir-rekwiżit possibbli għall-pompi tal-petrol biex jintroduċu l-infrastruttura bżonnjuża li tħalli li jsir żvilupp rapidu ta’ trasport alternattiv madwar l-Ewropa. Hija se tikkunsidra wkoll kif tista’ tikkatalizza aktar titjib fl-effiċjenza tal-karozzi wara l-2012. - Binjiet bi ftit elettriku u b’enerġija pożittiva. 40% tal-enerġija finali tintuża fil-binjiet. Dawn jistgħu jitfasslu u jintużaw b’tali mod li ma jaħlux aktar enerġija milli huma kapaċi jipproduċu, u fil-fatt isiru produtturi netti tal-enerġija. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi prinċipji komuni għad-definizzjoni ta’ binjiet bi ftit jew xejn karbonju u binjiet tal-enerġija u, fejn hemm bżonn, tipproponi miżuri sabiex tkompli żżid l-għadd tagħhom. Huwa wkoll urġenti li tagħmel progress biex tbiddel l-istokk eżistenti tal-binjiet. Kull investiment f’binjiet eżistenti llum jista’ jnaqqas il-ħtiġijiet tal-enerġija tagħna u jikkontribwixxi għall-miri tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-UE għal għexieren sħaħ ta’ snin. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu jħarsu lejn il-kundizzjonijiet u l-inċentivi tas-suq intern biex jikkontrollaw dawn l-investimenti għall-iffrankar tal-enerġija fis-settur tad-djar. - Netwerk tal-elettriku interkonness diċenti . Is-sistema ta' distribuzzjoni tal-lum kienet inbniet biex tibgħat l-elettriku minn impjanti kbar għal netwerks nazzjonali tad-distribuzzjoni lill-konsumaturi aħħarija. Is-sistema ta' distribuzzjoni ta’ għada se jkollha bżonn tikkunsidra l-impatti fuq it-tibdil fil-klima u sservi suq Ewropew integrat b’ħafna fornituri żgħar ta’ enerġija rinnovabbli, li se jkunu mill-farms tar-riħ jew mill-produzzjoni domestika tal-elettriku li flimkien mal-impjanti ikbar se jikkontribwixxu fuq skala kbira għal garanzija tal-elettriku essenzjali għall-ekonomija tal-UE. Se jkun hemm bżonn ta’ bidliet kbar fis-sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku biex jakkomodaw il-produzzjoni deċentralizzata. Kunċetti bħaċ-ċirku b'sistema mill-aqwa ta' distribuzzjoni ’l barra mix-xtut madwar l-Ewropa biex iqabbad ix-xemx tan-Nofsinhar, il-mewġ tal-Punent u r-riħ tat-Tramuntana jew l-enerġija mill-ilma maċ-ċentri ewlenin tal-konsum hemm bżonn li jkomplu jiġu esplorati. Apparat li jkejjel u kontrolli diċenti fuq il-livell tal-bejgħ jistgħu jżidu ħafna l-effiċjenza fl-enerġija, u jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ karozzi elettriċi. - Tiġi promossa sistema tal-enerġija b’effiċjenza għolja u b’karbonju baxx madwar id-dinja. L-effetti benefikarji ta’ aġenda tal-enerġija Ewropea ambizzjuża għall-2030/2050 jistgħu jiġu mmultiplikati billi wieħed jikkonvinċi u jgħin lill-kumplament tad-dinja biex isegwi. Progress lejn ftehim globali dwar il-klima jkun mezz b’saħħtu għall-bidla madwar id-dinja. Aġenda ta’ trasformazzjoni bikrija u ambizzjuża fl-Ewropa se tgħin biex tagħmel l-inġinerija tal-karozzi, tal-kostruzzjoni u tal-enerġija Ewropea mexxejja tat-teknoloġija fid-dinja. Din mhijiex lista eżawrjenti ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati imma dawn l-eżempji huma skont it-teknoloġiji li diġà ntwerew li jaħdmu fuq skala esperimentali. Huma jirrappreżentaw bidliet teknoloġiċi li mhumiex se jsiru mingħajr aġenda kkoordinata għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, ir-regulazzjoni, l-iżvilupp tal-investiment u l-infrastruttura, ħafna drabi fuq skala kontinentali. Sabiex timxi ’l quddiem, fil-qafas tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija, il-Kummissjoni se tipprepara Strateġija għall-Politika tal-Enerġija 2050 b’azzjonijiet li jridu jittieħdu, fi djalogu mal-uffiċjali, mal-akkademiċi u mal-esperti tal-industrija tal-Istati Membri, sabiex fejn huwa ġġustifikat titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom fuq skala ikbar. Din l-istrateġija se tistabbilixxi partikolarment l-azzjonijiet meħtieġa biex sal-2050 għall-UE jinkisbu provvista tal-elettriku mingħajr karbonju u l-għażliet disponibbli biex isir dan. 4. KONKLUżJONIJIET Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-emissjonijiet tal-gass serra, l-enerġiji rinnovabbli u s-suq intern tal-enerġija jistabbilixxu l-qafas biex l-Ewropa tilħaq il-miri tal-2020 li ġew adottati mill-Kunsill Ewropew. Huma se jagħmlu l-ewwel pass ewlieni biex ibiddlu l-UE f’suq tal-enerġija sostenibbli u sigur, ibbażat fuq it-teknoloġija, b’CO2 baxx, joħloq il-prosperità u l-impjiegi madwar l-UE. Ftehim rapidu u implimentazzjoni ta’ dawn il-proposti jirrappreżentaw l-ewwel element essenzjali għal kull politika tas-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa. - Madankollu, il-miżuri 20-20-20 waħedhom mhumiex se jilħqu l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-enerġija. B'reazzjoni għas-sejħa mill-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Ottubru 2008 biex tiġi ntensifikata l-ħidma fuq is-sigurtà tal-enerġija, il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta ’ Azzjoni ta ’ Sigurtà u Solidarjetà tal-Enerġija u tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament biex japprovaw il-ħtieġa tal-UE li tintensifika l-isforzi tagħha fl-iżvilupp ta’ politika esterna tal-enerġija effettiva; li titkellem b’vuċi waħda, tidentifika infrastruttura ta’ importanza ewlenija għas-sigurtà tal-enerġija tagħha u mbagħad taġixxi biex tiżgura l-kostruzzjoni tagħha, u taġixxi b’mod koerenti biex tipprofondixxi s-sħubija tagħha mal-fornituri ewlenin tal-enerġija, mal-pajjiżi ta' tranżitu u mal-konsumaturi. F'dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Parlament huma mistiedna li japprovaw - Bħala l-ewwel pass , is-sitt prijoritajiet li ġew identifikati mill-Kummissjoni bħala essenzjali għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE: il-linja tal-gass fin-Nofsinhar, provvista ta’ LNG iddiversifikata u adegwata għall-Ewropa, interkonnessjoni effettiva tar-reġjun Baltiku, iċ-ċirku tal-enerġija fil-Mediterran, il-ħtieġa għal interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fl-Ewropa Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa, u sistema ta' distribuzzjoni ’l barra mix-xtut tal-Baħar tat-Tramuntana. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament biex jilqgħu: - Bħala t-tieni pass , l-intenzjoni tal-Kummissjoni li sal-2009/2010 tidentifika u tikkomunika lill-Kunsill u l-Parlament l-azzjonijiet speċifiċi li hemm bżonn biex jiżguraw r-realizzazzjoni fil-prattika ta’ dawn il-proġetti. - Bħala t-tielet pass , l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra li fl-2010 abbażi tar-rispons tal-Green Paper tfassal Strument tas-Sigurtà u l-Infrastruttura tal-Enerġija tal-UE ġdid, li jibni fuq l-istrument eżistenti tat-TEN-E. - Id-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura l-iżvilupp ta’ linja tal-gass fin-Nofsinhar u li tinkoraġġixxi l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità biex jikkollaboraw mill-viċin ħalli jesploraw il-vijabbiltà ta’ mekkaniżmu tax-xiri bil-blokka ("Caspian Development Corporation"). - L-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddeskrivi l-miżuri li hemm bżonn biex tiżgura li l-UE “titkellem b’vuċi waħda” fuq kwistjonijiet esterni dwar l-enerġija u l-azzjonijiet imsemmijin fit-taqsima 2.1. - L-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-kollaborazzjoni mal-Afrika fuq kwistjonijiet dwar l-enerġija permezz tas-Sħubija tal-Enerġija Afrika-UE u li tagħmel aktar enfasi fuq il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-politika tal-iżvilupp tal-UE. - Il-Pakkett tal-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2008 jinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex iħaffu l-ħidma ħalli jintlaħaq ftehim rapidu dwar l-elementi tiegħu. - Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar il-Ħażniet taż-Żejt, u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fl-2010 tipproponi rfinar tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass. - L-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromovi l-iżvilupp b’kompatibbiltà mal-ambjent tar-riżorsi indiġeni tal-fjuwils fossili tal-UE u li tinkoraġġixxi lill-Forum ta' Berlin dwar il-Fjuwils Fossili biex jiżviluppa sett konkret ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-azzjoni li hemm bżonn biex dan l-għan jinġieb ‘il quddiem. - L-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissottometti, fid-dawl tal-esperjenza miksuba mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli ġdida, Komunikazzjoni “Ostakli li jingħelbu għal Enerġija Rinnovabbli fl-UE”. - Il-proposta reveduta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari. - L-inizjattiva li tistabbilixxi Inizjattiva tal-Enerġija Sostenibbli tal-Iffinanzjar bħala proġett konġunt bejn il-Kummissjoni/il-Bank Ewropew għall-investiment biex mis-swieq kapitali jimmobilizzaw fondi fuq skala kbira għall-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli u l-użu nadif tal-fjuwils fossili. Fl-aħħar nett, l-UE għandha bżonn tibda tipprepara l-futur tal-enerġija għal tul taż-żmien. Il-Kummissjoni għalhekk se tipproponi li fl-2010 terġa’ tiġġedded il-Politika tal-Enerġija għall-Ewropa bil-ħsieb li titfassal aġenda politika għall-2030 u viżjoni għall-2050, li tkun appoġġata bi Pjan ta' Azzjoni ġdid. ANNESS Anness 1 – Xenarji ewlenin għall-2020 It-tabella ta’ hawn taħt turi l-profil tal-enerġija tal-UE fl-2005 u l-profil ipproġettat fl-2020 skont erba’ xenarji: (i) xenarju ta’ linja bażi, mingħajr il-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa u bil-prezzijiet taż-żejt ta’ $61/barmil; (ii) xenarju mingħajr il-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa imma bi prezz taż-żejt ta’ $100/barmil; (iii) xenerju bil-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa u prezz taż-żejt moderat; (iv) xenerju bil-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa u prezz taż-żejt ogħla. UE-27 Mtoe | 2005 | Projezzjoni ta’ linja bażi[29] | Projezzjoni ta’ linja bażi, prezz taż-żejt $100/barmil | Projezzjoni ta’ Politika Ġdida dwar l-Enerġija, prezz taż-żejt $61/barmil | Projezzjoni ta’ Politika Ġdida dwar l-Enerġija, prezz taż-żejt $100/barmil | Domanda primarja tal-enerġija | 1811 | 1968 | 1903 | 1712 | 1672 | Iż-żejt | 666 | 702 | 648 | 608 | 567 | Il-gass | 445 | 505 | 443 | 399 | 345 | Is-solidi | 320 | 342 | 340 | 216 | 253 | L-enerġiji rinnovabbli | 123 | 197 | 221 | 270 | 274 | Nukleari[30] | 257 | 221 | 249 | 218 | 233 | Il-produzzjoni tal-enerġija tal-UE | 896 | 725 | 774 | 733 | 763 | Iż-żejt | 133 | 53 | 53 | 53 | 52 | Il-gass | 188 | 115 | 113 | 107 | 100 | Is-solidi | 196 | 142 | 146 | 108 | 129 | L-enerġiji rinnovabbli | 122 | 193 | 213 | 247 | 250 | Nukleari | 257 | 221 | 249 | 218 | 233 | Importazzjonijiet netti | 975 | 1301 | 1184 | 1033 | 962 | Iż-żejt | 590 | 707 | 651 | 610 | 569 | Gass Mtoe (bcm) | 257 (298) | 390 (452) | 330 (383) | 291 (337) | 245 (284) | Is-solidi | 127 | 200 | 194 | 108 | 124 | Id-domanda finali tal-elettriku | 238 | 303 | 302 | 257 | 260 | Analiżijiet aktar iddettaljati huma ppreżentati fil-Karta ta’ Ħidma dwar is-Servizzi tal-Kummissjoni annessa, “Il-pożizzjoni tal-enerġija ta’ bħalissa u futura tal-Ewropa: domanda – riżorsi – investiment”. Innota li l-aħħar żewġ kolonni juru t-tbassir tal-istampa tal-provvista tal-enerġija tal-UE la darba l-miri 20-20-20 jintlaħqu kompletament, skont il-mudell Primes. [1] Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew, Marzu 2007. [2] COM(2007) 0528-32. [3] COM(2008) 30. [4] Abbażi tat-tqabbil bejn ix-xenarju tal-Politika l-Ġdida tal-Enerġija + x-xenarju tal-Prezz Għoli taż-Żejt u x-xenarju tal-Bażi bil-prezz taż-żejt moderat. Għad-dettalji dwar l-istatistiċi, il-previżjonijiet u l-analiżi tax-xenarji kollha użati f’din il-Klawżola, ara l-Karta ta’ Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni mehmuża “Il-pożizzjoni attwali u futura tal-Ewropa dwar l-enerġija”: domanda – riżorsi – investiment”. [5] Eurostat, is-sena 2006. [6] Eurostat, is-sena 2006. [7] Il-Politika Ewropea dwar l-Enerġija+ ix-xenarju tal-Prezz Għoli taż-Żejt; ara n-nota 4 ta‘qiegħ il-paġna. [8] www.euromedinfo.eu [9] www.molgroup.hu/en/press_centre/press_releases/european_energy_infrastructure__ndash__nets_project/ [10] www.energy-community.org/ [11] www.ens-newswire.com/ens/apr2007/2007-04-03-03.asp [12] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni" Com (2008)706, 29.10.2008. [13] Eurostat, is-sena 2006. [14] www.energy-community.org [15] www.encharter.org [16] ec.europa.eu/dgs/energy_transport/international [17] "Tindirizza l-isfida internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari", COM(2008)312. [18] eż. Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007. [19] Reviżjoni tal-Politiki tal-Enerġija tal-IEA – L-Unjoni Ewropea", OECD/IEA, Sttembru 2008. [20] http://ec.europa.eu/energy/energy_policy/index_en.htm [21] Komunikazzjoni fuq ir-rapport tal-evalwazzjoni dwar id-Direttiva tas-sigurtà tal-provvista tal-gass 2004/67, COM(2008)735. [22] Miksub mill-istudju reparatorju skont id-Direttiva 2005/32/KE http://ec.europa.eu/energy/demand/legislation/eco_design_en.htm [23] http://ec.europa.eu/energy/climate_actions/mayors/index_en.htm [24] Eurostat, is-sena 2006 il-konsum jinkludi l-bankers [25] Previżjoni ta’ bażi bi prezz taż-żejt moderat; ara n-nota tal-qiegħ 4 [26] Il-Politika Ewropea dwar l-Enerġija u x-xenarju tal-Prezz Għoli taż-Żejt; ara n-nota tal-qiegħ 4 [27] COM(2007) 0723 ec.europa.eu/energy/res/setplan/communication_2007_en.htm [28] http://ec.europa.eu/energy/oil/berlin/index_en.htm [29] Ix-xenarju bażi huwa projezzjoni tax-xejriet ta’bħalissa. Politiki implimentati sal-aħħar tal-2006 biss huma inklużi. [30] Tikkunsidra t-tneħħija nukleari bil-mod il-mod maqbula mill-Istati Membri fl-aħħar tal-2006