Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0763

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-artiku

    /* KUMM/2008/0763 finali */

    52008DC0763

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-artiku /* KUMM/2008/0763 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 20.11.2008

    KUMM(2008) 763 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    L-UNJONI EWROPEA U R-REĠJUN TAL-ARTIKU

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    L-UNJONI EWROPEA U R-REĠJUN TAL-ARTIKU

    1. L-introduzzjoni

    L-Unjoni Ewropea hi marbuta b’mod li ma tistax tiġi sseparata mir-Reġjun tal-Artiku[1] (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-Artiku) permezz ta’ kombinazzjoni unika ta’ storja, ġeografija, ekonomija u kisbiet xjentifiċi. Tliet Stati Membri — id-Danimarka (Greenland), il-Finlandja u l-Iżvezja — għandhom territorji fl-Artiku. Żewġ Stati oħra tal-Artiku — l-Iżlanda u n-Norveġja — huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea[2]. Il-Kanada, ir-Russja u l-Istati Uniti huma msieħba strateġiċi tal-UE. Iż-żoni Ewropej tal-Artiku huma prijorità fil-politika ta' Dimensjoni tat-Tramuntana[3]. Lil hinn miż-żoni ta’ ġuriżdizzjoni nazzjonali, l-Oċean tal-Artiku fih partijijiet li jappartjenu lill-ibħra miftuħa u qiegħ il-baħar li huma amministrati mill-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar.

    Il-baħar immens u l-ispazji tal-art tar-reġjun tal-Artiku huma elementi vitali u vulnerabbli tas-sistema tal-ambjent u tal-klima tad-Dinja. It-temperaturi tal-arja fl-Artiku kienu qed jiżdiedu bid-doppju tal-medja globali[4]. Il-kopertura tal-baħar bis-silġ, il-kopertura tal-borra u l-permafrost kienu qed jonqsu bil-ħeffa, u dan qed jikkawża mekkaniżmi qawwija ta’ reazzjoni li jaċċelleraw it-tisħin globali. Ir-ritmu mgħaġġel ta’ telf mill-għata ta’ silġ ta’ Greenland jgħolli l-livelli tal-baħar b’mod rapidu u b’mod konsiderevoli

    Minkejja l-kundizzjonijiet ħarxa, is-silġ li qed idub u t-teknoloġiji ġodda għandhom iżidu gradwalment l-aċċess għar-riżorsi tal-Artiku ħajjin u dawk mhux ħajjin kif ukoll għal rotot ġodda ta’ navigazzjoni. Għalkemm l-Artiku jibqa’ wieħed mill-aktar żoni verġni fid-Dinja, dejjem f’riskju akbar minħabba l-effetti tal-bidla fil-klima flimkien mal-attività umana li qieghda dejjem tiżdied.

    Il-politiki tal-UE f’oqsma bħalma huma l-ambjent, il-bidla fil-klima, l-enerġija, ir-riċerka, it-trasport u s-sajd għandhom effett dirett fuq l-Artiku. Hi premessa fundamentali tal-Politika Marittima Integrata tal-UE li kull reġjun tal-baħar hu uniku u jeħtieġ attenzjoni individwali biex jiġi bbilanċjat l-użu tiegħu b’mod sostenibbli.

    Minħabba r-rwol tal-bidla fil-klima bħala "multiplikatur ta’ theddid", il-Kummissjoni u r-Rappreżentanti Għolja tal-Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà indikaw+ li l-bidliet ambjentali qed ibiddlu d-dinamika ġeo-strateġika tal-Artiku b'konsegwenzi potenzjali għall-istabbilità internazzjonali u l-interessi Ewropej ta' sigurtà li jitobu li tiġi żviluppata politika tal-UE għall-Artiku[5]. B'mod ġenerali, l-isfidi u l-opportunitajiet tal-Artiku se jkollhom riperkussjonijiet sinifikanti fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-Unjoni Ewropea trid bil-fors tindirizzahom b’mod ikkoordinat u sistematiku, b’kooperazzjoni mal-Istati tal-Artiku, mat-territorji u mal-persuni interessati l-oħra. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-interessi tal-UE u tipproponi lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet azzjoni li tikkonċerna tliet għanijiet prinċipali ta’ politika.

    - il-protezzjoni u l-preżervazzjoni tal-Artiku flimkien mal-popolazzjoni tiegħu

    - Il-promozzjoni tal-użu sostenibbli tar-riżorsi

    - Il-kontribut għat-titjib ta’ governanza multilaterali tal-Artiku

    2. il-protezzjoni u l-preżervazzjoni tal-Artiku flimkien mal-popolazzjoni tiegħu

    2.1. L-ambjent u t-tibdil fil-klima

    L-attivitajiet fl-Istati Membri tal-UE — bħal fil-parti l-kbira ta’ pajjiżi oħra — iħallu marka ambjentali fl-Artiku Jeħtieġ li jkun hemm rispons globali biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-kawzi tal-bidliet fl-Artiku. L-impatti li huma riżultat tal-bidla fil-klima jirrappreżentaw sfida ta’ importanza enormi għar-reġjun kemm fil-preżent u kemm fil-futur. L-UE qiegħda fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli. l-Istati Membri tal-UE u l-Komunità Ewropea huma partijiet għal biċċa l-kbira tal-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent li huma ta’ importanza fundamentali għall-Artiku. L-industriji Ewropej jinsabu fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ tekonoloġiji għal operazzjonijiet sostenibbli f’kundizzjonijiet ferm diffiċli — fuq l-art, fiż-żoni ta’ mal-kosta u barra mill-kosta.

    Filwaqt li l-ambjent tal-Artiku hu partikolarment vulnerabbli, il-popolazzjoni baxxa u d-densità tal-infrastruttura joħolqu diffikultà kbira għall-ġestjoni tar-rispons ta’ emerġenza.

    Għanijiet ta’ politika

    L-għan prinċipali għandu jkun li ma jitħalliex isir u jittaffa l-impatt negattiv tal-bidla fil-klima kif ukoll biex tkun sostnuta l-adattazzjoni għal bidliet inevitabbli. L-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni għandhom jikkonċernaw ukoll proċessi globali u transkonfinali oħra b’impatti negattivi fl-Artiku, bħalma hu t-trasport fuq medda twila ta' sustanzi li jniġġsu. Dan għandu jkun ikkomplimentat bl- iżvilupp ta’ ġestjoni ħolistika bbażata fuq l-ekosistema tal-attivitajiet umani, li tiżgura li dawn tal-aħħar huma amministrati b’mod sostenibbli, billi jiġu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-livelli kollha. Hemm bżonn li tittejjeb il-ġestjoni ta’ rispons ta’ emerġenza.

    Proposti għal azzjoni :

    - Tivvaluta l-effikaċja tal-politiki tal-UE u tal-ftehimiet multilaterali ambjentali b’rispons għall-isfidi ambjentali tal-Artiku.

    - Issaħħaħ l-isforzi internazzjonali biex tilqa’ għall-bidla fil-klima u tidentifika żoni fejn is-sostenn għall-adattazzjoni għall-effetti tal-bidla fil-klima jeħtieġ li jiġi pprovdut, inkluża l-ġestjoni adattattiva tal-bijodiversità.

    - Tippromwovi djalogu permanenti mal-NGOs dwar l-istat tal-ambjent tar-reġjun tal-Artiku.

    - Tikkoordina l-isforzi mal-istati, it-territorji u l-partijiet interessati tal-Artiku, li jippromwovu standards ambjentali għolja. Ittejjeb il-ġestjoni marittima bbażata fuq l-ekosistema fl-Oċean tal-Artiku billi taqsam l-esperjenzi mal-istati tal-Artiku.

    - Jiġi kkunsidrat l-impatt ambjentali qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet, meta l-istrateġiji u l-proġetti tal-UE jaffettwaw l-Artiku. Tippromwovi l-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt, ta’ proġetti, pjani u programmi li jaffettwaw l-ambjent tal-Artiku, inklużi valutazzjonijiet strateġiċi ambjentali fl-Artiku, u l-iskambju tal-esperjenzi mal-istati tal-Artiku.

    - Issostni l-analiżi u l-monitoraġġ ta’ kimiċi fl-Artiku. Iżid l-isforzi biex jitnaqqas it-tniġġis fl-Artiku bl-użu persistenti ta’ sustanzi organiċi li jniġġsu, metalli iebsa u sustanzi oħra li jikkontaminaw, inklużi dawk li ġejjin minn sorsi bbażati fuq l-art. Tkompli tappoġġja l-qerda tal-ħażniet li għandhom kimika li tagħmel ħsara u t-tnaqqis fir-riskju tar-rilaxx radjoattiv fl-Artiku.

    - Tkompli bil-kooperazzjoni għall-prevenżjoni, il-preparazzjoni u r-rispons għal disastri. Iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni tal-Kummissjoni jista’ jikkontribwixxi biex tittejjeb il-kapaċità għar-rispons tal-UE għad-diżastri fl-Artiku. Il-Kummissjoni ser tappoġġja l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-prevenzjoni u r-rispons fil-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents - Barents Euro-Arctic Council (BEAC)[6].

    - Issaħħaħ il-kooperazzjoni biex fl-Artiku jittejbu l-konservazzjoni tal-enerġija primarja, l-effiċjenza tal-enerġija u l-użu ta’ enerġija li tiġġedded.

    - Tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-impatt li l-ħsejjes akustiċi ġġenerati mill-attivitajiet umani jista’ jkollhom fuq il-mammiferi tal-baħar.

    2.2. Sostenn lill-persuni indiġeni u l-popolazzjoni lokali

    Madwar terz mill-4 miljun persuna li jgħixu fl-Artiku huma indiġeni. Humapartikolarment vulnerabbli għall-pressjoni dejjem tiżdied tal-bidla fil-klima u l-globalizzazzjoni.

    Għanijiet ta’ politika

    Il-popli indiġeni tal-Artiku li jifformaw parti mill-UE jiġu mħarsa permezz ta’ dispożizzjonijiet speċjali skont il-Liġi tal-Komunità Ewropea[7]. Prinċipju ewlieni tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-politika ta’ żvilupp tal-UE[8] hi l-parteċipazzjoni sħiħa u l-kunsens ħieles u infurmat tal-popli indiġeni. Il-politika reġjonali tal-UE u l-programmi transkonfinali huma wkoll ta’ benefiċċju għall-popli indiġeni, li l-organizzazzjonijiet tagħhom jieħdu sehem fid-Dimensjoni tat-Tramuntana. Id-drittijiet tal-popli indiġeni huma ta’ prijorità tematika skont l-Inizzjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem.

    Il-kaċċa għall-mammiferi tal-baħar kienet kruċjali għall-għejxien tal-popolazzjonijiet tal-Artiku sa miż-żminijiet preistoriċi u hemm għarfien ċar tad-dritt biex jiġi kkonservat l-għejxien tradizzjonali tagħhom. Madanakollu, l-attivitajiet moderni tal-bniedem ipperikolaw l-eżistenza ta’ ċerti speċi u qed dejjem jikber it-tħassib fl-UE dwar il-benessri tal-annimali. Il-politiki tal-UE għandhom ikomplu jikkunsidraw il-fatturi kollha, billi jfittxu li jżommu djalogu miftuħ mal-komunitajiet ikkonċernati

    Proposti għal azzjoni :

    - Iżżom djalogu regolari mal-popli indiġeni tal-Artiku.

    - Tipprovdi opportunitajiet għall-iżvilupp li jkun ġej minnhom u tipproteġi l-mod ta’ kif jgħixu.

    - Issostni b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet tas-Saami u tal-popli l-oħra tal-Artiku ta’ l-Ewropa, inter alia taħt programmi reġjonali u transkonfinali. Tippromwovi know-how tal-Ewropa tat-Tramuntana fit-trobbija taċ-ċriev.

    - Tissokta bl-isforzi biex tiżgura l-ħarsien effettiv tal-balieni speċjalment fil-qafas tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kaċċa għall-Balieni (IWC), inkluż fil-kuntest tal-Artiku. Issostni proposti għall-ġestjoni ta’ kaċċa għall-balieni bħala mezz ta’ għajxien tal-popolazzjoni indiġena, sakemm ma tkunx kompromessa l-konservazzjoni, l-operazzjonijiet tal-kaċċa għall-balieni ikunu regolati kif xieraq u l-qbid jibqa’ fl-ambitu tal-ħtiġiet ta’ għajxien dokumentati u rikonoxxuti.

    - Tmexxi djalogu ma’ komunitajiet indiġeni u oħrajn lokali li tradizzjonalment jeżeċitaw il-kaċċa għal bumerini.

    - Il-Komunità attwalment qed tikkunsidra li tipprojbixxi li l-prodotti tal-bumerin jitqiegħdu fis-suq, jiġu importati, esportati jew jitqiegħdu in tranżitu. Madanakollu, dan ma għandux jaffettwa b’mod ħażin l-interessi ekonomiċi u soċjali fundamentali tal-komunitajiet indiġeni li tradizzjonalment eżerċtaw il-kaċċa għal bumerini. Skont it-termini tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-kummerċ fil-prodotti tal-bumerini[9], għandhom jiġu eżentati l-prodotti tal-bumerini li jkunu riżultat tal-kaċċa tradizzjonali tal-Komunitajiet tal-Inuit li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom. Il-proposta tipprevedi wkoll li l-kummerċ ikun permess f’każi oħra fejn ċerti rekwiżiti jiġu ssodisfati fir-rigward tal-manjiera u l-metodu ta’ kif il-bumerini jinqatlu u jiġu mqaxxra. Id-djalogu tal-Kummissjoni mal-komunitajiet indiġeni kkonċernati għandu l-mira li jiffaċilita l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    2.3. Riċerka, monitoraġġ u valutazzjonijiet

    Ir-reazzjonijiet għall-politiki għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet billi jintuża l-aqwa tagħrif disponibbli u għarfien tal-proċessi li jaffettwaw lill-Artiku. Il-Kunsill tal-Artiku[10] għandu firxa ta’ programmi ta’ riċerka u jippubblika valutazzjonijiet siewja.

    L-Istati Membri tal-UE u l-Komunità Ewropea huma kontributuri kbar għar-riċerka fl-Artiku[11]. Is-Seba’ Programm ta’ Qafas Komunitarju attwali jindirizza proġetti ġodda u impriżi kbar internazzjonali li jittrattaw ir-riċerka relatata mal-Artiku. Il-Bord Polari Ewropew qed jirsisti biex jarmonizza u jimmasimizza l-impatt tar-riċerka polari Ewropea. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għamlet sensiela ta’ valutazzjonijiet, li jkomplu jibnu fuq il-ħidma tal-Kunsill tal-Artiku.

    Minkejja dan, monitoraġġ fit-tul, il-koordinazzjoni u d-disponibbiltà tad-dejta jibqgħu mhux biżżejjed għar-riċerka tal-Artiku.

    Għanijiet ta’ politika

    Il-Komunità Ewropea għandha tibqa’ tippreżerva l-Artiku bħala żona ta’ prijorità għar-riċerka biex tnaqqas il-lakuni tal-għarfien u għandha tivvaluta l-impatti ġejjiena antropoġeniċi, speċjalment fil-qasam tal-bidla fil-klima. Barra minn hekk, għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u l-interoperabbiltà u tikkontribwixxi biex tfassal passi konkreti għall-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u l-adattazzjoni.

    Proposti għal azzjoni :

    - Tiżviluppa aktar programmi ta’ riċerka li jittrattaw l-għoli tal-livelli tal-baħar, it-telf tas-silġ mill-baħar u l-permafrost li qed iddub kif ukoll ir-reazzjonijiet relatati li jwasslu għal ritmu mgħaġġel ta’ tisħin u li jkollhom impatti antropoġeniċi oħra fuq l-ekosistemi tal-Artiku.

    - Tivvaluta l-istat u l-evoluzzjoni tal-ambjent tal-Artiku sabiex tikkontribwixxi għall-formulazzjoni ta’ politiki xierqa tal-UE.

    - Toħloq infrastrutturi ġodda għar-riċerka u ttejjeb il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza. Tikkontribwixxi għat-tlestija tal-proġett ta’ riċerka icebreaker Aurora Borealis.

    - Tikkoordina l-isforzi f’oqsma differenti ta’ riċerka rilevanti għall-Artiku bħal ma huma l-ambjent, it-trasport, is-saħħa u l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji għall-Artiku..

    - Tiżgura kontinwità fit-tikjil spazjali permezz tal-GMES[12]. Issostni tikjil u rappurtar ta’ dejta marittima fit-tul permezz tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta Marittima. Tikkontribwixxi biex ikun stabbilit l-element tal-Artiku tas-Sistema tas-Sistemi Globali tal-Osservazzjoni tad-Dinja

    - Tiżviluppa tkabbir fl-iskambju ta’ informazzjoni internazzjonali dwar proġetti ta’ riċerka u tiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ programmi nazzjonali. B’hekk l-UE għandha tikkontribwixxi għall-appoġġ tat-twaqqif tan-Netwerk Sostnut għall-Osservazzjoni tal-Artiku.

    - Tiżgura aċċess miftuħ għal informazzjoni mir-riċerka u l-monitoraġġ tal-Artiku bbażat fuq il-prinċipju tas-Sisitema ta’ Skambju għall-Informazzjoni Ambjentali. Tiffaċilita u ssostni komunikazzjoni aktar wiesgħa ma’ pubbliku akbar.

    3. Il-promozzjoni tal-użu sostenibbli tar-riżorsi

    3.1. Idrokarburi

    L-Artiku għandu riżervi kbar ta’ karbonju li għadhom ma ġewx sfruttati[13]. Riżorsi offshore magħrufa tal-Artiku jinsabu fiż-Żona Ekonomika Esklużiva tal-istati tal-Artiku. Ir-riżorsi tal-Artiku jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà tal-UE fil-provvista għall-enerġija u l-materja prima inġenerali[14]. Madanakollu, l-isfruttar mhux ser ikun mgħaġġel, minħabba li jippreżenta sfidi kbar u jinvolvi spejjeż kbar minħabbba l-kundizzjonijiet ħorox u d-diversi riskji ambjentali.

    Għanijiet ta’ politika

    Għandu jingħata sostenn għall-isfruttar tar-riżorsi tal idrokarburi tal-Artiku f’rispett sħiħ mal-istandards ambjentali li jqisu l-vulnerabbilità partikolari tal-Artiku. Għandu jinżamm il-vantaġġ li tgawdi l-UE fit-teknoloġiji għall-isfruttar sostenibbli f'kundizzjonijiet polari.

    Proposti għal azzjoni :

    - Taħdem biex issaħħaħ il-pedamenti għall-kooperazzjoni fit-tul, b’mod partikolari man-Norveġja u mal-Federazzjoni Russa, billi tiġi ffaċilitata l-esplorazzjoni sostenibbli u li tirrispetta lill-ambjent, l-estrazzjoni u t-trasportazzjoni tar-riżorsi tal-idrokarburi fl-Artiku. Bħal dejjem, il-prinċipji li jiggwidaw għandhom ikunu l-istess opportunitajiet u l-aċċess reċiproku tas-suq.

    - Tkun inkoraġġita l-osservanza tal-ogħla standards ambjentali possiblli. Tirsisti biex ikunu introdotti standards internazzjonali li jorbtu, li jibnu inter alia fuq il-linji gwida tal-Kunsilll tal-Artiku u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti.

    - Tippromwovi aktar riċerka u żvilupp fit-teknoloġija u l-infrastruttura offshore. Tibni fuq l-esperjenza akkumulata fl-industrija Ewropea u fl-isfruttar tal-gass. Tiffaċilita aktar riċerka u innovazzjoni minħabba li l-enfasi qed tinbidel għall-klima aktar ħarxa u ibħra aktar fondi.

    - Tinkoraġġixxi t-tkabbir ta’ gruppi marittimi fejn l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka jistgħu jipprovdu persunal imħarreġ u faċilitajiet ta’ riċerka lill-kumpaniji iżgħar. Ħafna mill-innovazzjoni għandha titmexxa mill-impriżi ta’ daqs żgħir u medju fi gruppi reġjonali.

    - Tivvaluta l-possibiltà li tapprova l-linji gwida mfassla mill-Kunsill tal-Artiku għall-isfruttar taż-żejt u l-gass

    3.2. Sajd

    L-uniku sajd sinifikanti tal-Artiku fil-preżent isir fil-Baħar Barents u fil-lvant u n-nofsinhar tal-Baħar Noveġiż. Minkejja dan, il-bidla fil-klima tista’ ġġib aktar produttività f’ċertu stokk ta’ ħut u tibdil f’distribuzzjoni spazjali ta’ oħrajn. Jista’ jkun hemm oqsma oħra aktar attraenti għas-sajd b’aktar aċċess minħabba li l-kopertura tas-silġ fil-baħar qed tonqos. Għal uħud mill-ibħra miftuħa tal-Artiku għadha ma teżisti l-ebda konservazzjoni internazzjonali u sistema ta’ ġestjoni. Dan jista’ jwassal għal sajd mhux irregolat.

    L-UE hi fost l-aktar konsumatur importanti tal-ħut tal-Artiku, li parti żgħira biss minnu jinqabad b’bastimenti tal-Komunità. Il-Komunità Ewropea hi membru tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC). Il-Komunità tikkoopera bis-sħiħ mal-istati li għandhom is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tal-ibħra tal-Artiku, u tfittex mhux biss li tiżgura li jkun hemm opportunitajiet għas-sajd, iżda wkoll li tiggarantixxi l-konservazzjoni fit-tul u l-aqwa użu tar-riżorsi tas-sajd.

    Għanijiet ta’ politika

    L-għan ewlieni tal-UE hu li jiġi żgurat l-isfruttar tar-riżorsi tas-sajd fl-Artiku f’livelli sostenibbli filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tal-komunitajiet kostali lokali.

    Proposti għal azzjoni :

    - Tħaddem qafas regolatorju għall-parti tal-ibħra miftuħa tal-Artiku li għad mhumiex koperti mill-konservazzjoni internazzjonali u sistema ta’ ġestjoni qabel ma jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ sajd. Dan m’għandux jippermetti li jsir żvilupp ta’ sajd f’vakwu regolatorju, u għandu jiżgura ġestjoni trasparenti u ġusta tas-sajd skont il-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli. Fil-prinċipju, aħjar li jkun estiż il-mandat tal-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni eżistenti bħan-NEAFC milli jiġu ffurmati organizzazzjonijiet ġodda. Sakemm jibda jitħaddem reġim ta’ konservazzjoni u ġestjoni għaż-żoni li għadhom mhumiex koperti minn sistema bħal din, m’għandu jibda l-ebda sajd ġdid.

    3.3. Trasport

    L-Istati Membri tal-UE għandhom l-akbar flotta mekantili tad-dinja u bosta minn dawk il-bastimenti jagħmlu użu minn rotot tranżoċeaniċi. It-tidwib tas-silġ tal-baħar qiegħed b’mod progressiv jiftaħ opportunitajiet għal navigazzjonijiet ta’ rotot permezz tal-ibħra tal-Artiku. Dan jista’ jqassar b’mod konsiderevoli l-vjaġġi mill-Ewropa lejn il-Paċifiku, tiġi ffrankata l-enerġija, jitnaqqsu l-emissjonijiet, jiġi promoss il-kummerċ u titnaqqas il-pressjoni tal-kanali prinċipali tan-navigazzjoni transkontinentali. Iżda għad hemm ostakli serji, inklużi s-silġ li mhux statitiku, in-nuqqas ta’ infrastruttura, ir-riskji ambjentali u l-inċertezzi dwar ix-xejriet ġejjiena tal-kummerċ. Għalhekk l-iżvilupp tan-navigazzjoni kummerċjali tal-Artiku ser jirrikjedi l-ħin u l-isforz.

    Għanijiet ta’ politika

    Hu fl-interess tal-UE li tesplora u ttejjeb il-kundizzjonijiet biex gradwalment tintroduċi n-navigazzjoni kummerċjali tal-Artiku, waqt li tkun qed tippromwovi standards aktar stretti tas-sigurtà u tal-ambjent kif ukoll li tevita effetti li jkunu ta’ detriment.

    Bl-istess mod, l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jiddefendu l-prinċipju tan-navigazzjoni liberai u d-dritt ta’ passaġġ innoċenti fir-rotot u ż-żoni li nfetħu ġodda.

    Proposti għal azzjoni :

    - Tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi eżistenti dwar ir-regoli ta’ navigazzjoni, is-siġurtà marittima, is-sistema ta’ rotot u l-istandards ambjentali fl-Artiku, b’mod partikolari dawk taħt l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI).

    - Tisħaq fuq il-bżonn li jiġu evitati prassi diskriminatorji (b’mod partikolari f’termini ta’ ħlasijiet, servizzi obbligatorji, regolamenti) minn kwalunkwe stat kostali tal-Artiku lejn bastimenti ta’ merkanzija ta’ pajjiżi terzi.

    - Ittejjeb il-ħiliet ta’ sorveljanza marittima fit-Tramuntana imbiegħda. Il-Kummissjoni flimkien mal-Aġenzija Spazjali Ewropea qed tesplora sistema ta’ satellita li torbita madwar il-poli li tkun tista’ tirċievi sinjali minn kull rokna tad-dinja. Jekk din tkun ta’ suċċess, għandha tirriżulta f’għarfien aħjar tat-traffiku tal-bastimenti u rispons aktar veloċi għall-emerġenzi. Is-sistema ta’ navigazzjoni Galileo se jkollha rwol importanti fl-Artiku għal navigazzjoni aħjar u aktar sikur, għal sorveljanza marittima u għal ripons ta’ emerġenza.

    - Fi ħdan ir-regoli applikabbli għal-liġi tal-kompetizzjoni, iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tat-tarznari Ewropej fl-iżvilupp tat-teknoloġija rikjesta għall-kundizzjonijiet tal-Artiku[15]. Il-potenzjal biex tipprovdi bastimenti b’disinn speċjali, li jibżgħu għall-ambjent, inklużi bastimenti li jkissru s-silġ, hu fattur importanti għall-ġejjieni.

    - Tesplora l-appoġġ għad-disinn ta’ ċerti rotot ta’ navigazzjoni bħala żoni tal-baħar li huma partikolarment sensittivi skont ir-regoli tal-OMI, jekk ikunu proposti minn kwalunkwe stat kostali tal-Artiku.

    - Issostni kwalunkwe xogħol ieħor biex ittejjeb l-istandards ambjentali u ta’ sigurtà tal-OMI għall-ibħra tal-Artiku.

    Fil-qasam tat-trasport fuq l-art u bl-ajru fiż-żoni Ewropej tal-Artiku l-għan prinċipali għandu jkun l-iżvilupp tal-art tal-Lvant-Punent u l-infrastruttua tat-trasport bl-ajru. It-twaqqif ta’ Partenarjat għad-Dimensjoni tat-Tramuntana dwar it-Trasport u l-Loġistika għandu jkompli jkun ta’ sostenn għall-konnessjonijiet aħjar tal-art bejn l-UE u l-Majjistral tar-Russja li huwa importanti għall-iżvilupp fil-futur taż-żona..

    3.4. Turiżmu

    It-turiżmu tal-Artiku speċjalment it-turiżmu permezz tal-bastimenti tal-kruċiera, qed jiżviluppa b’mod rapidu, iżda diversi inċidenti wrew li hemm riskji assoċjati.

    Għanijiet ta’ politika

    L-UE għandha tkompli ssostni turiżmu sostenibbli fl-Artiku, billi tilqa’ l-isforzi li jsiru biex tkun minimizzata l-marka ambjentali tiegħu. Il-protezzjoni tal-ambjent u l-benefiċċji tal-komunitajiet kostali lokali għandhom ikunu ta’ konsiderazzjoni primarja.

    Proposti għal azzjoni:

    - Is-sostenn biex tiżdied is-sigurtà tal-bastimenti tal-kruċiera, gwida aħjar, ir-restrizzjoni tal-aċċess għal żoni li jkunu ferm vulnerabbli.

    - Il-promozzjoni ta’ turiżmu li jkun jirrispetta lill-ambjent, bl-involviment tal-komunitajiet lokali.

    4. Il-kontribut għat-titjib ta’ governanza multilaterali tal-Artiku

    Ma teżisti l-ebda sistema ta’ trattat speċifiku għall-Artiku. L-ebda pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi ma għandu s-sovranità fuq il-Pol tat-Tramuntana jew l-Oċean tal-Artiku li hemm madwar il-Pol. Hemm diversi fruntieri marittimi fejn l-istati kostali tal-Artiku ma qablux dwar id-delimitazzjoni taż-Żoni Ekonomiċi Esklużivi[16]. Is-sottomissjonijiet lill-Kummissjoni tan-NU dwar il-Limiti tal-Blata Kontinentali tista’ tirriżulta f’talbiet li jirkbu fuq xulxin[17]. Barra minn hekk, hemm interpretazzjonijiet differenti tal-kundizzjonijiet għall-passaġġ ta’ bastimenti f’ċerti ibħra tal-Artiku, speċjalment fil-Passaġġ tal-Majjistral[18].

    Diġà jeżisti qafas legali internazzjonali estensiv li japplika wkoll għall-Artiku. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS)[19] tipprovdi l-bażi għas-soluzzjoni tat-tilwim inklużi dawk tad-delimitazzjoni. L-UNCLOS tinkludi wkoll regoli għall-użu tar-riżorsi ħajjin u mhux ħajjin u għall-ħarsien tal-ambjent. Barra minn hekk, hemm firxa wiesgħa ta’ ftehimiet multilaterali ambjentali li japplikaw għall-Artiku, li sikwit ma jkun fihom l-ebda referenza speċifika għailhom.

    F’Mejju tal-2008 ħames stati kostali tal-Oċean tal-Artiku adottaw Dikjarazzjoni[20] li tistqarr li ser jibqgħu kommessi lejn il-qafas legali fis-seħħ u għar-riżolviment b’mod ordnat ta’ kwalunkwe talba dduplikata. Minn dak iż-żmien, diversi Stati ħabbru passi li ser jestendu jew jaffermaw il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħhom u li ser isaħħu l-preżenża tagħhom fl-Artiku.

    Il-Kunsill tal-Artiku kellu suċċess fil-preparazzjoni tal-valutazzjonijiet, bilii żviluppa identità rġjonali u stabbilixxa l-aġenda tal-Artiku. Flimkien mal-BEAC u mal-Kunsill tal-Ministri tal-Pajjiżi Nordiċi[21], il-Kunsill tal-Artiku hu parteċipant fid-Dimensjoni tat-Tramuntana.

    Riċentement il-Parlament Ewropew saħaq fuq l-importanza tal-governanza tal-Artiku u sejjaħ għall-politika indipendenti tal-UE għall-Artiku li tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ikollha rwol proattiv fl-Artiku[22]. Id-dimensjoni parlamentari tal-kooperazzjoni tal-Artiku hi kruċjali biex tqajjem kuxjenza għat-tisħiħ tal-kontribut għall-politika. Il-Parlament Ewropew ilu jkollu rwol siewi f’dan ir-rigward.

    Il-Bank Ewropew għall-Investiment jista’ jkun ta’ sostenn għal investimenti f’partijiet tar-reġjun tal-Artiku, skont il-mandati tiegħu, speċjalment fis-setturi tal-ambjent, it-trasport, l-enerġija u l-infrastrutturi għar-riċerka.

    Il-problemi prinċipali relatati mal-governanza tal-Artiku jinkludu l-frammentazzjoni tal-qafas legali, in-nuqqas ta’ strumenti effikaċi, l-assenza ta’ proċess ġenerali biex tiġi stabbilita politika u l-lakuni fil-parteċipazzjoni, l-implimentazzjoni u l-ambitu ġeografiku.

    Għanijiet ta’ politika

    - L-UE għandha taħdem biex isseddaq żvilupp akbar tas-sistema kooperattiva ta’ governanza tal-Artiku bbażata fuq l-UNCLOS li tista’ tiżgura:

    - is-sigurtà u l-istabbiltà

    - il-ġestjoni stretta ambjentali, inkluż r-rispett lejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni

    - l-użu sostenibbli ta’ riżorsi kif ukoll l-aċċess miftuħ u ugwali

    - Għandha tiġi mħeġġa l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbliġazzjonijiet li diġà jeżistu, pjuttost milli jiġu proposti strumenti legali ġodda. Madanakollu din ma għandhiex tipprekludi ħidma fuq l-iżviluppar ulterjuri ta’ wħud mill-istrutturi li tirrendihom xierqa għal kundizzjonijiet ġodda jew għal karatteristiċi tal-Artiku.

    - L-UE għandha tippromwovi djalogu aktar wiesa’ u soluzzjonijiet negozjati u ma tappoġġjax arranġamenti li jeskludu kwalunkwe Stat membru jew pajjiż taż-ŻEE EFTA tal-Artiku.

    - Il-konsiderazzjonijiet tal-Artiku għandhom jiġu integrati f’politiki u negozjati aktar wiesa’ tal-UE

    Proposti għal azzjoni:

    - Tivvaluta l-effikaċja tal-ftehimiet multilaterali li għandhom rilevanza mal-Artiku biex ikun determinat jekk hemmx il-ħtieġa ta’ inizzjattivi jew miżuri addizzjonali. Issegwi mill-qrib il-proċessi ta’ delimitazzjoni marittima u l-ħolqien ta’ limiti periferiċi tal-blata kontinentali biex ikun ivvalutat l-impatt tagħhom fuq l-interessi tal-UE.

    - Tesplora l-possibiltà li jkunu stabbiliti strutturi multisettorjali ġodda għall-ġestjoni integrata tal-ekosistema. Dan jista’ jinkludi l-ħolqien ta' netwerk ta' żoni marittimi protetti, miżuri navigazzjonali u regoli għall-iżgurar tal-isfruttar sostenibbli tal-minerali.

    - Jiżdied il-kontribut tal-Kunsill tal-Artiku skont ir-rwol u l-potenzjal tal-Komunità Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni ser tapplika għall-istatus ta’ osservatur permanenti fil-Kunsill tal-Artiku.

    - Tissuġġerixxi li l-imsieħba tad-Dimensjoni tat-Tramuntana jkollhom diskussjonijiet regolari dwar kwistjonijiet tal-Artiku u teżamina l-possibiltajiet għal proġetti taħt is-Sħubija Ambjentali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana biex tkopri żona aktar wiesgħa tal-Artiku Ewropew. L-isforzi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija u taħt partenarjati ġodda tad-Dimensjoni tat-Tramuntana ser ikollhom rilevanza kbira għall-kooperazzjoni tal-Artiku.

    - Tniedi riflessjoni fuq il-possibiltà għal aktar żvilupp ta’ kooperazzjoni transkonfinali konness mal-Artiku u programmi reġjonali biex itejbu l-kooperazzjoni mal-istati tal-Artiku.

    - Tesplora l-possibiltajiet kollha fuq livell internazzjonali biex tippromwovi miżuri għall-protezzjoni tal-biodiversità marittima f’oqsma lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, inkluż permezz ta’ Ftehim Implimentattiv tal-UNCLOS.

    - Taħdem biex tikkonkludi b’suċċess negozjati internazzjonali dwar l-oqsma marittimi protetti tal-ibħra miftuħa.

    - Tiddiskuti man-Norveġja u mal-Iżlanda kif id-Direttiva Qafas tal-Istrateġija Marittima għandha tiġi integrata mal-Ftehim taż-ŻEE u b’hekk tkun tapplika għall-parti mill-Oċean tal-Artiku.

    - Tinkludi kwistjonijiet tal-Artiku f’laqgħat ta’ djalogu ta’ livell għoli dwar kwistjonijiet marittimi.

    - Tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet rilevanti tal-UE marbutin mal-Artiku fil-websajt tematiku dwar l-Affarijiet Marittimi, u tippromwovi djalogu mal-partijiet interessati f’dawn l-attivitajiet.

    - Tesplora — flimkien mal-pajjiiżi Nordiċi — possibiltajiet għall-ħolqien ta’ Ċentru Ewropew għall-Informazzjoni dwar l-Artiku.

    - Tistabbilixxi rabtiet eqreb man-netwerks tal-Edukazzjoni tal-Artiku.

    Greenland

    Greenland li tifforma parti mid-Danimarka hi waħda mill-Pajjiżi u Territorji Barranin (OCTs) li hija assoċjata mal-Komunità Greenland tingħata assistenza finanzjarja Komunitarja sinifikanti permezz ta’ Programmi Annwali ta’ Azzjoni[23].

    Proposta għal azzjoni:

    - Ittejjeb il-koooperazzjoni ma’ Greenland f’oqsma relatati mal-Artiku. Għandhom ikunu previsti sforzi addizzjonali biex l-UE issir sieħba dejjem aktar importanti għal Greenland biex jiġi amministrat l-ambjent fraġli tagħha u l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom il-popolazzjoni tagħha[24].

    5. Konklużjoni

    Is-suġġerimenti inklużi f’din il-Komunikazzjoni għandhom l-għan li jipprovdu l-bażi għal riflessjoni aktar dettaljata. Dan għandu jkun utli għall-implimentazzjoni tal-inizzjattivi stateġiċi tal-UE, inkluża l-Politika Marittima Integrata. Il-Komunikazzjoni preżenti għandha wkoll twassal għal approċċ ikkoordinat għal kwistjonijiet tal-Artiku, bħala l-ewwel saff għal politika tal-Artiku għall-Unjoni Ewropea. Din għandha tiftaħ perspettivi ġodda ta’ kooperazzjoni mal-Istati tal-Artiku, billi tgħin lilna lkoll biex inżidu l-istabbiltà u biex nistabbilixxu bilanċ ġust bejn il-mira ta’ prijorità biex jiġi ppreżervat l-Artiku u l-ħtieġa għall-użu sostenibbli tar-riżorsi.

    [1] Il-kunċett “reġjun tal-Artiku” użat f’din il-Komunikazzjoni tkopri ż-żona madwar il-Pol tat-Tramuntana fit-tramuntan taċ-Ċirku tal-Artiku. Din tinkludi l-Oċean tal-Artiku u t-territorji tat-tmien Stati tal-Artiku: Il-Kanada, id-Danimarka (inkluża Greenland), il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja, ir-Russja, l-Iżvezja u l-Istati Uniti.

    [2] Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE jiżguraw parteċipazzjoni sħiħa tal-pajjiżi taż-ŻEE EFTA fis-Swieq interni u f’dan ir-rigward jippermettu li jkun hemm kooperazzjoni f’oqsma bħall-ambjent, ir-riċerka, it-turiżmu u l-protezzjoni ċivili, li kollha għandhom importanza għall-Artiku.

    [3] Id-Dimensjoni tat-Tramuntana hija politika konġunta fost l-erba’ msieħba tagħha: l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, in-Norveġja u r-Russja, li jippromwovu l-istabbilità, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli.

    [4] Il-konklużjoni tal-Kunsill tal-Artiku (2005), ikkonfermat mill-aħħar kejl

    [5] Il-bidla fil-klima u s-sigurtà internazzjonali, dokument konġunt ta’ politika tal-14 ta’ Marzu 2008 lill-Kunsill Ewropew

    [6] Forum għall-kooperazzjoni intergovernattiva fir-reġjun ta’ Barents.

    [7] Il-Protokoll 3 tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-Iżvezja u l-Finlandja.

    [8] Adottat mill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni fl-2005.

    [9] KUMM(2008) 469, 23.7.2008.

    [10] Il-Kunsill tal-Artiku hu forum intergovernattiv li jippromwovi l-kooperazzjoni fost l-istati tal-Artiku billi jinvolvi l-komunitajiet indiġeni.

    [11] Programmi tal-Passat ta’ Qafas Komunitarju (PQ5 u PQ6) ippovdew sostenn għal aktar minn 50 proġett marbut mar-reġjuni polari. Dan jinkludi d-DAMOCLES, l-akbar kontribuzzjoni għas-Sena Polari Internazzjonali. Fi ħdan il-PQ 6 il-baġit konness mal-Artiku laħaq it-€86m.

    [12] GMES (Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà), hu inizzjattiva tal-UE li għandu l-għan li jwassal servizzi ta’ informazzjoni sostenibbli u totalment affidabbli bbażti fuq il-kapaċitajiet tal-osservazzjoni tad-Dinja.

    [13] Cf. Wood Mackenzie u Fugro Robertson: “il-Futur tal-Artiku, Bidu ġdid għall-esplorazzjoni“ u valutazzjonijiet mill-Istati Uniti.. Stħarriġ Ġeoloġiku. Hu importanti li wieħed jinnota li l-estimi huma bbażati fuq l-istħarriġ Jeħtieġ li ssir aktar riċerka għal informazzjoni preċiża.

    [14] Fl-4 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar "L-inizzjattiva tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġiet tagħna għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-Ewropa " (COM(2008)699.

    [15] Fil-bini tal-vapuri, it-tiswija u l-konverżjoni tal-vapuri. It-tagħmir u d-diżinn, bħalma hu l-Bastiment uniku b’Żewġt Itruf bil-pruwa li hi magħmula b’mod perfett għall-kundizzjonijiet tal-ibħra miftuħa u bil-poppa ddiżinjata biex tkisser is-silġ. It-taħmil ral-prtijiet tal-Artiku hu qasam ieħor.

    [16] Ġew innegozjati ħames delimitazzjonijiet bilaterali. Għadhom mhumiex riżolti: Ir-Russja vs in-Norveġja fil-Bħaħar Barents, l-Istati Uniti vs ir-Russja fl-Istrett ta’ Bering u l-Istati Uniti vs il-Kanada fil-Baħar Beaufort. Il-Kanada u d-Danimarka għandhom tilwima dwar il-Gżira Hans. Barra minn hekk, in-Norveġja u diversi pajjiżi, inklużi Stati Membri tal-UE, jinterpretaw b’mod differenti l-applikabilità tat-Trattat ta’ Svalbard fiż-żona ta’ 200 mil nawtiku madwar dan l-arċipergu.

    [17] Fl-2001-1 ir-Russja ressqet talba għall-porzjon kbir mill-Artiku, inkluż il-Pol tat-Tramuntana Anke n-Norveġja ressqet talba; Id-Danimarka u l-Kanada bi ħsiebhom iressqu t-talbiet tagħhom.

    [18] It-tilwima tinvolvi kemm delimitazzjoni tal-ibħra interni tal-Kanada fejn jistgħu jiġi kkontrollat għal kollox min jgħaddi minnhom u d-dritt tal-Kanada li tadotta u tinforza l-liġijiet biex tipprevjeni t-tniġġis minn bastimenti f’ibħra miksija bis-silġ.

    [19] L-istati kollha tal-Artiku (minbarra l-Istati Uniti), l-Istati Membri tal-UE u l-Komunità huma partijiet tal-UNCLOS.

    [20] Id-Dikjarazzjoni Ilulissat tal-Konferenza tal-Oċean tal-Artiku tat-28 ta’ Mejju 2008.

    [21] Il-Kunsill tal-Ministri tal-Pajiiżi Nordiċi jagħmel xogħol siewi biex jippromwovi l-kooperazzjoni fl-Artiku.

    [22] Ir-Riżoluzzjoni tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza tal-Artiku.

    [23] Matul il-perjodu 2007-2013, l-assistenza finanzjarja sa €25 miljun fis-sena tkun allokata għall-Programmi Annwali ta’ Azzjoni b’sostenn għas-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali. Barra minn hekk, €15.8 miljun kull sena ikun iddedikat għas-sajd.

    [24] Wara li kkunsidrat il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Relazzjonijiet fil-futur bejn l-UE u l-OCTs - (COM(2008)383.

    Top