Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0706

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni

    /* KUMM/2008/0706 finali */

    52008DC0706




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 29.10.2008

    KUMM(2008) 706 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni

    Aġir b'mod koordinat fil-livell tal-UE

    Il-kriżi bla preċedent fis-swieq finanzjarji internazzjonali ħolqot sfidi mill-akbar għall-UE. L-azzjoni koordinata fil-livell tal-UE mis-27 Stat Membru kollha kienet effettiva biex is-sistema bankarja fl-Ewropa tiġi stabbilizzata. L-implimentazzjoni ta' miżuri trid issir malajr biex tkun tista' titqiegħed il-likwidità tant meħtieġa fis-sistema finanzjarja. Iżda l-kriżi finanzjarja għadha m'għaddietx u bħalissa diġa qed tikkawża tnaqqis ekonomiku serju li qed jaffettwa l-ekonomija f'sens wiesa', b'mod li qed jintlaqtu l-familji, in-negozji u l-impjiegi. Id-daqqiet li qed jolqtu lill-ekonomija Ewropea huma mistennija li jnaqqsu r-rata potenzjali ta' tkabbir fuq perjodu ta' tul medju, kif ukoll inaqqsu t-tkabbir attwali b'mod sinifikanti fl-2009 u fl-2010. Hekk kif l-investiment jibda' jeżita li jieħu r-riskji, tibda' tinħass pressjoni 'l isfel fuq il-produttività, u tista' tbati l-innovazzjoni.

    Il-qawwa tal-Ewropa tinsab fis-solidarjetà li għandha u fil-ħila tagħna li naħdmu flimkien. L-Istati Membri kollha se jkunu affettwati, għalkemm b'modi differenti u fi gradi differenti, u huwa probabbli li jiżdied il-qgħad, tonqos id-domanda, u l-pożizzjonijiet fiskali jmorru għall-agħar. L-aġir b'mod konġunt ikun ifisser reazzjoni aktar effettiva u kredibbli. Kuntrarju għal dan, jekk kull Stat Membru jaġixxi waħdu, l-isforzi tagħhom ifallu. Hemm ukoll ir-riskju ta' effetti mhux mixtieqa li jinfirxu lejn Stati Membri oħra.

    Il-fatt li l-UE setgħet tieħu azzjoni kollettiva meta l-pressjoni fuq is-swieq finanzjarji kienet fl-aqwa tagħha kien ċentrali biex is-settur bankarju jiġi stabbilizzat. Il-koordinazzjoni tal-azzjoni nazzjonali fi ħdan sett ċar ta' prinċipji tal-UE, ikkumplimentati minn azzjoni diretta tal-UE, tat prova li kienet it-triq it-tajba. Ġiet imsaħħa b'azzjoni deċiżiva, ikkoordinata u effettiva: fuq livell tal-UE mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew, u fuq il-livell nazzjonali mill-Istati Membri, bl-appoġġ kollu u l-kooperazzjoni mill-Parlament Ewropew.

    L-UE għandha tkompli tibni fuq dan is-suċċess u tiddeċiedi li taffronta l-istadji li jmiss tal-kriżi b'mod unit, ikkoordinat, biex dawn l-isfidi jsiru opportunitajiet; iż-żieda, mal-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, ta' mizuri magħżula fuq perjodu qasir. Dan id-dokument ifassal triq fuq tliet binarji li għandha tkun żviluppata f'qasam/pjan ġenerali ta' rkupru tal-UE:

    - Arkitettura finanzjarja ġdida fil- livell tal-UE

    - Azzjoni dwar l-impatt fuq l-ekonomija reali

    - Reazzjoni globali għall-krizi finanzjarja

    Din il-Komunikazzjoni hija ppreżentata bħala kontribut tal-Kummissjoni lejn id-dibattitu li għaddej fi ħdan l-UE u mas-sieħba internazzjonali tagħna dwar kif l-aħjar li nwieġbu għall-kriżi preżenti u dak li se tħalli warajha. Fis-26 ta' Novembru l-Kummissjoni se tipproponi qafas ta' rkupru tal-UE aktar dettaljat, taħt il-kappa tal-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, li ġġib flimkien serje ta' inizjattivi għal perjodu qasir maħsuba biex jiġu miġġielda effetti negattivi fuq l-ekonomija aktar wiesgħa u biex jiġu adattati l-miżuri fuq perjodu ta' żmien medju jew għat-tul tal-istrateġija ta' Liżbona, biex jittieħed kont tal-krizi.

    Arkitettura finanzjarja ġdida fuq livell tal-UE

    1. ARKITETTURA TA’ SUQ FINANZJARJU ġDID FIL-LIVELL TAL-UE

    Il-ġibda tas-settur finanzjarju Ewropew 'il barra mill-kriżi

    Permezz ta' ħidma flimkien, l-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu dwar serje ta' miżuri immedjati biex jiġi protett it-tifdil taċ-ċittadini tagħna u biex jiġu salvati banek li jkunu f'diffikultà. Ir-reazzjoni inizjali għad-diversi pakketti fis-swieq tal-kreditu kienet pożittiva, iżda jridu jiġu implimentati malajr u l-impatt tagħhom irid jiġi evalwat fuq bażi kontinwa. Il-politika tal-kompetizzjoni hija kontribut vitali għal reazzjoni koordinata, filwaqt li titħares il-possibbiltà għall-Istati Membri li jintervjenu fejn ikun meħtieġ skont il-kundizzjonijiet nazzjonali[1]. Il-Kummissjoni se tkompli tara li jkun hemm opportunitajiet indaqs għal kulħadd fost il-benefiċjarji u n-nonbenefiċjarji tal-għajnuna mis-settur pubbliku.

    Madankollu, il-kundizzjonijiet fis-sistema finanzjarja globali għadhom fraġli ħafna u għad hemm ir-riskju ta' skarsezza ta' kreditu. Għaldaqstant, m'hemm l-ebda lok għat-tnikkir fl-implimentazzjoni tal-istrateġija biex is-settur finanzjarju Ewropew jinġibed 'il barra mill-kriżi. L-UE għandha tkompli taġixxi b'mod koordinat biex timmassimizza s-suċċess tar-reazzjoni tagħha. B'mod partikolari hemm bżonn ta':

    - Appoġġ qawwi kontinwu għas-sistema finanzjarja mill-BĊE u minn banek ċentrali oħra. Il-banek ċentrali wrew flessibbiltà u inġenwità impressjonanti meta pprovdew likwidità biżżejjed lis-settur bankarju u meta żguraw li l-kriżi ma tinfirixx lejn partijiet oħra tas-sistema finanzjarja.

    - Implimentazzjoni malajr u konsistenti tal-pjani għas-salvataġġ tal-banek stabbilita mill-Istati Membri. Dan hu essenzjali biex malajr tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja fis-settur bankarju tal-UE u b'hekk tiġi limitata l-ħsara lill-ekonomija u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal irkupru qawwi u sostnut. Il-konsistenza hija meħtieġa biex l-impatt ġenerali tal-pjani ta' salvataġġ ikun kemm jista' jkun qawwi madwar l-UE, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-Suq Intern, u biex jinżammu opportunitajiet l-istess għal kulhadd fost il-benefiċjarji u n-nonbenefiċjarji ta' għajnuna mis-settur pubbliku.

    - Miżuri deċiżivi biex tiġi limitata l-firxa tal-kriżi fost l-Istati Membri. Il-kriżi finanzjarja issa bdiet taffettwa lill-Istati Membri li dan l-aħħar aderixxew fl-Ewropea ċentrali u tal-Lvant. Sabiex tintlaqa' din l-isfida, l-UE hija lesta li tipprovdi għajnuna finanzjarja sostanzjali fuq perjodu ta' żmien medju, flimkien mal-IMF, lil dawk l-Istati Membri li jkunu għaddejjin minn pressjonijiet ta' bilanċ tal-pagamenti jew riskji serji fl-istabbiltà finanzjarja.

    Garanzija ta' regolamentazzjoni u superviżjoni msaħħa

    B'mod parallel mal-istabilizzazzjoni tal-kriżi, se jkun neċessarju li wieħed jgħaddi għall-fażi ta' ristrutturar fis-settur bankarju u, f'xi mument fil-futur, ir-ritorn tal-banek lejn is-settur privat. Il-Kummissjoni se taħdem direttament mal-Istati Membri biex tiżgura li r-ristrutturar ta' partijiet mis-settur bankarju jsir b'tali mod li fil-futur ikun hemm kompetizzjoni ġusta u b'saħħitha fis-settur. L-individwi privati u n-negozji għandu jkollhom aċċess għal sistema bankarja b'saħħitha u stabbli sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw il-pjani tagħhom ta' investiment u s-soċjeta kollha kemm hi tibbenefika mill-miżuri meħuda biex il-kreditu jibqa' disponibbli b'kundizzjonijiet raġjonevoli.

    Il-Kummissjoni ressqet proposti dwar garanziji ta' depożitu u rekwiżiti ta' kapital, u dwar il-ġlieda kontra l-proċiklikalità fl-effetti tar-regolamenti u l-istandards tal-kontabbiltà. Dalwaqt se tagħmel ukoll proposti dwar l-aġenziji ta' klassifikar ta' debituri u dwar is-salarji eżekuttivi. Inbeda wkoll xogħol fuq il-livell tas-superviżjoni tas-suq tal-kapital u l-immaniġġjar tar-riskju, inkluż dwar id-derivattivi, il- hedge funds u l-ekwità privata. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jagħtu prijorità lill-proposti tagħha sabiex tkun tista' tiġi implimentata regolamentazzjoni u supervizjoni aktar qawwijin u biex iwettqu r-rwol tagħhom fil-kisba mill-ġdid tal-fiduċja fis-sistema.

    Dawn il-miżuri se jikkonfrontaw in-nuqqasijiet identifikati u se jgħinu biex tkun tista' tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema kollha kemm hi. Jeħtieġ li niddefinixxu mill-ġdid il-mudell regolatorju u ta' supervizjoni tas-settur finanzjarju tal-UE, b'mod partikolari fejn jidħlu l-istituzzjonijiet finanzjarji kbar li jaħdmu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-organizzazzjoni preżent, ibbażata fuq il-pajjiż, tas-superviżjoni tal-UE tillimita l-firxa għal superviżjoni effettiva makroprudenti. Il-Kummissjoni nediet il-ħidma fuq it-tip ta' sistema ta' superviżjoni li se jkollna bżonn fil-futur permezz tal-Grupp De Larosière[2].

    2. AZZJONI DWAR L-IMPATT FUQ L-EKONOMIJA REALI: QAFAS GħALL-IRKUPRU

    L-impatt tal-iskarsezza tal-kreditu fuq l-ekonomija aktar wiesgħa se jinħass biż-żieda fil-livelli tal-qgħad u t-tnaqqis fid-domanda għall-prodotti u s-servizzi ta' kumpaniji ta' daqsijiet diversi. L-istrumenti ta' politika biex issir ħidma fil-qasam tal-impjiegi u biex tiġi stimulata d-domanda huma fil-biċċa l-kbira f'idejn l-Istati Membri. Madankollu, id-dimensjoni tal-UE ġġib valur miżjud lill-azzjonijiet nazzjonali. Hekk kif urew ir-riżultati pożittivi tal-istrateġija ta’ Liżbona, fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien bi sħab biex joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, jistgħu jinħolqu benefiċċji addizzjonali konsiderevoli.

    Madankollu, fil-kriżi kurrenti l-UE trid li tadatta l-miżuri fuq perjodu ta' żmien medju u twil fl-istrateġija ta' Liżbona biex tieħu f'kunsiderazzjoni l-kriżi. Trid li żżid azzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir mal-aġenda tagħha ta' riforma strutturali, filwaqt li tkompli tinvesti fil-futur permezz ta':

    - żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni;

    - il-promozzjoni tal-'flessikurtà' bħala mod ta' kif jiġu protetti u mgħammra n-nies, aktar milli impjiegi speċifiċi;

    - l-ogħti tal-libertà lin-negozji, speċjalment lill-SMEs, li jibnu s-swieq f'pajjiżhom kif ukoll internazzjonalment;

    - titjib fil-kompetittività Ewropea billi l-ekonomija tagħna tkompli ssir aktar "ħadra" bħala mod kif jinħolqu impjiegi u teknoloġiji ġodda, jingħelbu r-restrizzjonijiet ta' sigurtà fl-enerġija u jinkisbu l-għanijiet ambjentali tagħna.

    Aktar ma l-Ewropa tkun tista' tikkoordina b'mod effettiv, aktar jitkattru l-benefiċċji pożittivi ta' dawn il-miżuri. Bħala żvilupp fuq l-approċċ ta' tisħib li jikkaretterizza l-Istrateġija ta' Liżbona, nistiedu lill-Istati Membri biex jaqblu dwar livelli aktar għoljin ta' koordinazzjoni, biex naffaċċjaw dawn l-isfidi l-ġodda.

    Il-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir Finanzjarju

    Meta wieħed iqis il-fatt li d-daqqiet qed jinħassu madwar l-UE kollha u l-fatt li l-pressjonijiet inflazzjonarji issa qed jittaffew, il-politika monetarja u fiskali tista' tikkontribwixxi biex tiġi megħjuna d-domanda. Il-pożizzjonijiet tal-baġit tal-gvernijiet x'aktarx li se jeħżienu b'mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin, ħaġa li tirrifletti tnaqqis fid-dħul. Filwaqt li parti mit-tnaqqis fid-dħul hija marbuta mat-tnaqqis fil-pass tal-ekonomija, il-parti marbuta mal-aġġustament ta' xi setturi, bħas-settur tal-akkomodazzjoni kbir iżżejjed, se jkollu xi konsegwenzi ta' natura aktar permanenti fejn jidħol id-dħul. Il-previżjonijiet jindikaw li għandu jkun hemm deterjorament baġitarju fl-UE ta' 1 fil-mija tal-PDG matul is-sena li ġejja, b'varjazzjonijiet kbar minn Stat Membru għal ieħor. Dan jista' parzjalment itaffi l-impatt tat-tnaqqis ekonomiku fuq perjodu qasir, iżda a spejjeż ta' deterjorament fiskali, anki qabel ma jiġu kkunsidrati l-pjani ta' salvataġġ finanzjarju. Madankollu, u l-aktar minħabba kif saret qabel l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, id-defiċit tal-UE, u b'mod partikolari dak taż-żona Euro, bħalissa mistenni jibqa' ta' anqas minn 3% tal-PDG.

    Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-miżuri mħabbra ta' appoġġ lill-istabbiltà finanzjarja (garanziji) mhux se jkollhom xi impatt immedjat fuq id-defiċit, se jkun hemm spejjeż fiskali reali skont kemm jintużaw il-garanziji pubbliċi. Fl-istess ħin, miżuri meħuda biex jiġu rikapitalizzati l-banek diġà qed iżidu l-livelli tad-djun. Flimkien ma' indikazzjonijiet ta' deterjorament strutturali li għaddej fil-bilanċi tal-baġit, dan jista' jqajjem tħassib dwar is-sostenibbiltà għat-tul tal-finanzi pubbliċi, speċjalment fil-pajjiżi l-aktar esposti.

    Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas ta' politika t-tajjeb, billi jibbilanċja l-bżonn ta' stabbilizzazzjoni fuq perjodu qasir mal-ħtieġa ta' riforma strutturali għat-tul, speċjalment l-appoġġ għall-proċess ta' aġġustar. L-implimentazzjoni tal-Patt għandha tiżgura li kull deterjorament fil-finanzi pubbliċi jkun akkumpanjat minn miżuri ta' riforma strutturali li jkunu xierqa għas-sitwazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li jkunu restawrati pożizzjonijiet sostenibbli. Il-linji ta' politika baġitarji għandhom ikunu influwenzati bis-sħiħ mill-grad ta' flessibbiltà awtorizzat mit-Trattat u l-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir rivedut, u għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni l-prinċipji li ġejjin:

    - Il-politika fiskali għandha tinżamm fuq triq sostenibbli, b'mod li jiġu ankrati l-aspettattivi li jkun hemm riżoluzzjoni ordnata tal-kriżi;

    - Għandhom jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn pajjiż u ieħor fl-ispazju fiskali għall-manuvrar, kundizzjonati minn istituzzjonijiet baġitarji b'saħħithom u kredibbli, u oqsfa baġitarji fuq perjodu ta' zmien medju;

    - Il-livell ta' ambizzjoni tal-aġenda ta' riforma strutturali għandu jagħti attenzjoni partikolari għal dawn ir-riformi li jsaħħu l-qawwa u jtejbu s-sostenibbiltà għat-tul;

    - Riformi li jappoġġjaw it-talba fuq perjodu ta' żmien qasir għandhom ikunu f'waqthom, immirati u temporanji.

    Il-proċedura dwar defiċit eċċessiv għandha titqies bħala appoġġ mill-pari biex jingħelbu d-diffikultajiet tal-preżent u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà għat-tul. Se ssir distinzjoni ċara bejn konsegwenzi baġitarji ġejjin minn żbalji ta' politika u effetti ċikliċi inkluż konsegwenzi tal-pakkett ta' salvataġġ dwar il-kriżi finanzjarja. B'mod partikolari, żidiet fil-livelli tad-dejn minħabba pjani ta' salvataġġ se jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-proċess ta' sorveljanza.

    Aċċellerazzjoni fir-riformi u fl-investiment

    Id-daqqiet li qed jolqtu lill-ekonomija Ewropea huma mistennija sew li jnaqqsu r-rata potenzjali tat-tkabbir kif ukoll li jżidu l-qgħad, biex b'hekk tonqos id-domanda. Huma għalhekk essenzjali riformi strutturali biex tiġi sostnuta d-domanda fuq perjodu ta' żmien qasir, jiġu ffaċilitati tranżizzjonijiet fi ħdan u lejn is-suq tax-xogħol fuq perjodi qosra u medji, u jiżdied il-potenzjal għat-tkabbir għat-tul.

    Se jkun importanti b'mod partikolari li jiġi żgurat li l-investiment isir b'mod li minnu jinkiseb l-aħjar riżultat. Dan ifisser l-użu tal-appoġġ tas-settur pubbliku tal-UE u dak nazzjonali lin-negozji għal impatt doppju − fuq perjodu qasir biex jiġi kkumpensat it-tnaqqis fid-domanda, iżda li dan isir b'mod li għat-tul jgħin ir-riforma u l-immodernizzar. Fi ħdan il-prijoritajiet ta' riforma eżistenti, identifikati fl-Istrateġija ta' Liżbona, l-Istati Membri għandhom immedjatament jagħtu prijorità għal riformi ċentrali li jsostnu investiment innovattiv u li jtejjeb il-produttività, li flimkien mat-tnaqqis tal-inflazzjoni u l-appoġġ lid-dħul tal-familji permezz ta' miżuri protettivi soċjali, għandhom jappoġġjaw id-domanda.

    Barra minn dan, fi ħdan is-sistema finanzjarja fl-għafsa ta' proċess imtawwal ta' dekonnessjoni u meta wieħed iqis it-tibdil mistenni fid-disponibbiltà tas-settur bankarju li jieħu r-riskji, trid tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' kif għandhom ikunu ffinanzjati teknoloġiji innovattivi, kif għandha tiġi ppreżervata l-kompetittività internazzjonali tal-industrija Ewropea u kif għandhom jiġu ffinanzjati l-SMEs. Ikun meħtieġ ukoll iffokar kontinwu fuq il-ftuħ ta' swieq ta' pajjiżi terzi għal negozji Ewropej inkluż intrapriżi żgħar u medji.

    Il-Kummissjoni se tesplora mal-Istati Membri l-miżuri li ġejjin:

    - Wara l-ECOFIN informali tax-xahar li għadda, il-Grupp tal-Bank tal-Investiment Ewropew ġabar flimkien pakkett globali ta' €30 biljun għal self lil intrapriżi żgħar u medji fl-Ewropa, mogħti permezz ta' banek kummerċjali. Dan jikkostitwixxi żieda sostanzjali fuq is-self normali f'dan is-settur iżda għandu jiġi implimentat b'urġenza;

    - B'ħidma mill-qrib mal-Kummissjoni, il-BIE jista' jaċċellera l-ħidma tiegħu li jiffinanzja t-tibdil fil-klima, proġetti ta' sigurtà tal-enerġija u tal-infrastruttura, b'mod partikolari dawk ta' natura transkonfinali. Jista' jkun hemm il-bżonn li tissaħħaħ il-bażi kapitali tal-BIE billi pereżempju tiġi antiċipata d-data taż-żieda kapitali li jmiss tiegħu li bħalissa hi skedata għal matul l-2010;

    - L-EBRD kellu rwol ċentrali fir-riforma tas-settur finanzjarju u fl-iffinanzjar tas-settur privat fl-Istati Membri l-ġodda tagħna. Fl-ambjent finanzjarju preżenti l-attivitajiet tiegħu f'dawn il-pajjiżi għandhom jissaħħu.

    - B'allokazzjoni finanzjarja ta' aktar minn €350 biljun għall-perjodu 2007-2013, il-politika ta' koeżjoni tipprovdi appoġġ konsiderevoli għall-investiment pubbliku mill-Istati Membri u mir-reġjuni tal-UE. Il-Kummissjoni se tesplora mal-Istati Membri l-ambitu li fih jiġu aċċellerati proġetti ta' investiment u biex jinġiebu 'l quddiem pagamenti lill-Istati Membri;

    - Jinstab iffinanzjar innovattiv għal firxa wiesgħa ta' proġetti infrastrutturali, inkluż it-trasport, l-enerġija u netwerks teknoloġiċi avvanzati, pereżempju permezz ta' użu aħjar ta' tisħib bejn il-pubbliku u l-privat;

    - Tissaħħaħ l-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġija 'ħadra', pereżempju fil-binjiet u permezz ta' karozzi li jniġġsu anqas, li tkun tista' tipprovdi opportunitajiet ġodda għall-ekonomija, inkluż għall-SMEs filwaqt li fl-istess ħin l-UE tiġi megħjuna tilħaq l-għanijiet tagħha fejn jidħol it-tibdil fil-klima;

    - Tiżdied id-domanda għal prodotti u servizzi li jużaw l-enerġija b'mod aktar effiċjenti permezz ta' tnaqqis fit-tassazzjoni u miżuri fiskali mmirati oħra;

    - Jinżammu u jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' esportazzjoni għal negozji fl-UE, inkluż l-SMEs, permezz ta' aġenda proattiva ta' ftuħ tas-swieq, inkluż billi jsiru ftehimiet kummerċjali u permezz tal-istrateġija tagħna ta' aċċess għas-suq;

    - Jintużaw linji ta' politika nazzjonali u tal-UE, kif ukoll nazzjonali, biex is-swieq jitħaddmu aħjar, b'mod li jitniżżlu l-prezzijiet għall-konsumaturi u jittieħed vantaġġ sħiħ mis-Suq Uniku.

    Bis-saħħa ta' ħidma għalenija fi spirtu ta' tisħib u billi jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom, l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jimmobilizzaw fondi importanti biex jaċċelleraw l-investiment li tant hemm bżonnu u biex jarmaw lill-UE biex tkun tista' toħroġ minn din il-kriżi aktar b'saħħitha.

    Jiġi indirizzat l-impatt fuq l-impjieg u dak soċjali

    It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku se jaffettwa l-familji u dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna. Diġà qed jinħass fejn jidħlu l-impjiegi. L-UE jeħtiġilha taħdem biex tnaqqas kemm jista' jkun l-impatt fuq l-impjiegi u t-telf tal-impjiegi u tuża l-mekkaniżmi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex ittaffi l-impatt soċjali. Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija hija tal-Istati Membri, koordinazzjoni tajba bejn il-komunità u l-azzjoni nazzjonali tkun ta' għajnuna. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-imsieħba soċjali biex issib l-aħjar reazzjoni għall-kriżi. Għandhom ikomplu jiġu mħajra oqsma ta' tkabbir fejn jidħol il-ħolqien tal-impjiegi − bħal ma huma servizzi personali, tal-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, f'sors rikk ta' ħolqien tal-impjiegi li jservi wkoll ta' strument għall-aċċess u l-opportunitajiet.

    L-Ewropa sofriet fil-passat minn nuqqas ta' applikazzjoni ta' miżuri attivi fis-suq tax-xogħol biex tgħin lin-nies jitħarrġu mill-ġdid għall-futur, biex isibu u biex joħolqu impjiegi ġodda. Teżisti issa ħtieġa aktar urġenti biex it-tranżizzjoni fi ħdan u lejn is-suq tax-xogħol tiġi megħjuna, li titqawwa u tintlaħaq il-provvista u d-domanda għall-ħaddiema, u tiżdied il-produttività tal-ħaddiema. Dan ifisser l-applikazzjoni ta' miżuri mħeġġa mill-istrateġija ta' Liżbona, inkluż:

    Jiġu miġġielda l-effetti tal-qgħad billi l-Istati Membri tingħatalhom il-possibbiltà li jipprogrammaw mill-ġdid fondi skont il-Fond Soċjali Ewropew biex jiġu appoġġjati miżuri biex persuni qiegħda jiġu reintegrati malajr fis-suq tax-xogħol;

    - Tingħata ħarsa lejn l-effikaċja tal-Fond għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

    - In-nies qiegħda jingħataw għajnuna biex ikunu jistgħu jibdew negozju malajr u mingħajr ħafna nfiq;

    - Jiġi mmonitorjat l-impatt tal-kriżi fuq setturi differenti li jkunu affettwati minn aġġustamenti strutturali, u jintuża l-ambitu offert mis-sistema ta' Għajnuniet mill-Istat sabiex ikun jista' jingħata appoġġ f'waqtu, immirat u temporanju, fejn ikun xieraq.

    - Titwettaq il-'flessikurtà': b'mod partikolari mizuri attivi ta' politika dwar is-suq tax-xogħol, riforma fit-taxxi u fil-benefiċċji, u tlaqqigħ aħjar ta' ħiliet u impjiegi. Is-sitwazzjoni x'aktarx li tkun partikolarment diffiċli fis-saffi ta' isfel tas-suq tax-xogħol, u b'hekk ikun partikolarment importanti li jittaffa r-ristrutturar li wieħed ma jistax jevita, u li jingħata appoġġ ta' protezzjoni tad-dħul u protezzjoni soċjali mmirata.

    3. REAZZJONI GLOBALI GħALL-KRIZI FINANZJARJA

    Kull reġjun tad-dinja ġie affettwat mill-kriżi u l-ebda reġjun ma jista' waħdu jeħodha mal-effetti tagħha. Hemm sinjali ċari li l-kriżi qed tinfirex lejn swieq emerġenti u li se tkompli żżid mal-pressjonijiet eżistenti fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huwa importanti li ma jitħalliex li jkun hemm firxa akbar, u li l-FMI ikun lest biex jintervjeni b'finanzjar ta' emerġenza kif ikun meħtieġ. L-Ewropa se taħdem flimkien mal-FMI u se tuża dan l-istrument ta' appoġġ makrofinanzjarju, b'mod partikolari biex tgħin pajjiżi ġirien. L-Ewropa hija u se tkompli tkun attur attiv fir-reazzjoni globali kkoordinata.

    Il-kriżi finanzjarja preżenti wriet biċ-ċar aktar minn qatt qabel l-interazzjoni bejn linji ta' politika makroekonomiċi u s-swieq finanzjarji fuq skala globali. Għaldaqstant, biex wieħed jindirizzaha hemm il-ħtieġa li jiġu miġġielda sew nuqqasijiet regolatorji kif ukoll ta' superviżjoni, u kif ukoll l-iżbilanċi makroekonomiċi u tar-rata tal-kambju li huma fost l-orġini tal-kriżi preżenti.

    Il-kriżi finanzjarja qajmet kwistjonijiet ta' governanza globali li jmorru lil hinn minn sempliċement is-settur finanzjarju. Il-kwistjoni ta' żbilanċi globali telgħet aktar fil-wiċċ, iżda wieħed irid jaraha fil-kuntest usa' tal-ħtieġa li jinzamm l-impenn tal-UE li jinfetħu s-swieq fil-kummerċ u fis-servizzi u għal kooperazzjoni multilaterali aktar profonda, il-ġlieda kontra tendenzi protezzjonisti u l-kisba ta' riżultat pożittiv mir-Rawnd ta' Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Tqajjem ukoll kwistjonijiet ta' qsim ta' benefiċċji ġejjin mit-tkabbir sostenibbli ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fi żmien ta' prezzijiet instabbli tal-kommoditajiet, u ta' reazzjoni għall-isfidi bħal ma huma t-tibdil fil-klima, il-prosperità globali u l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju.

    B'inizjattiva tal-UE li fiha l-Kummissjoni tat sehem sħiħ, l-Istati Uniti fil-15 ta' Novembru se jospitaw l-ewwel laqgħa għolja internazzjonali dwar il-kriżi finanzjarja. Wieħed mill-għanijiet tal-laqgħa għolja huwa li titjieb il-koordinazzjoni fuq livell globali, tingħata ħarsa mill-ġdid lejn l-istituzzjonijiet internazzjonali fis-sorveljanza tas-suq finanzjarju u biex jiġu adottati strutturi ta' governanza globali għall-futur. Il-Kummissjoni appoġġjat b'mod attiv l-isforzi internazzjonali biex jitfassal qafas konsistenti biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' investiment fuq livell globali, inkluż fejn jidħlu l-Prinċipji u Prattiċi Ġenerali Maqbula tal-MFI dwar Fondi ta' Ġid Sovran.

    Sabiex jitnaqqas ir-riskju li terġa’ sseħħ kriżi finanzjarja fil-futur, għandhom jittieħdu serje ta' miżuri biex tiġi riformata l-arkitettura finanzjarja globali. Dawn għandhom ikunu konnessi b'mod ġenerali ma' dawn l-oqsma li ġejja:

    - It-tisħiħ tal-konsistenza internazzjonali u tal-kwalità ta' standards regolatorji, inkluż l-implimentazzjoni ta' riformi (kif rifless fil-pjanijiet tal-ECOFIN u r-rakkomandazzjonijiet FSF) u li dawn jinfirxu fuq livell globali;

    - It-tisħiħ tal-koordinazzjoni internazzjonali fost superviżuri finanzjarji;

    - It-tisħiħ tas-sorveljanza makroekonomika u l-prevenzjoni tal-kriżijiet, b'mod li jinġabru flimkien aspetti makro u mikroprudenzjali, titjib fl-istabbiltà finanzjarja u jiġu żviluppati sistemi ta' twissija bikrija; kif ukoll

    - Tiġi żviluppata aktar il-kapaċità biex tiġi affrontata l-kriżi finanzjarja u l-kapaċitajiet ta' riżoluzzjoni fuq livelli nazzjonali, reġjonali u multilaterali.

    Fl-aħħar mill-aħħar, biex tinkiseb l-istabbiltà finanzjarja se jkun essenzjali li ssir riforma maġġuri tal-istituzzjonijiet relevanti. Huwa biss b'dan il-mod li nistgħu nikkonkretizzaw b'mod sostenibbli r-riżultati tas-serje ta' laqgħat għola dwar il-kriżi finanzjarja globali. Filwaqt li l-kriżi preżenti kixfet ċerti dgħufjiet fis-sistema regolatorja Ewropea, l-Ewropa qiegħda f'pożizzjoni tajba biex ikollha rwol attiv fit-tfassil tal-arkitettura globali ġdida u biex din titħaddem b'mod aktar attiv. Dan għandu jkun ibbażat fuq dawn il-prinċipji bażiċi:

    - Effiċjenza: Huwa meħtieġ bilanċ biex ikunu żgurati l-ħeffa u l-kwalità tad-deċiżjonijiet, mingħajr indħil eċċessiv;

    - Trasparenza u żamma tar-responsabbiltà: organizzazzjonijiet ġodda jew riformati jridu jkunu f’pożizzjoni li jagħtu kont ta' għemilhom, li jżidu l-inċentivi għall-implimentazzjoni u l-infurzar;

    - Rappreżentazzjoni: il-gruppi globali għandhom jinkludu pajjiżi emerġenti ewlenin biex titjieb il-leġittimità tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Ir-rappreżentazzjoni frammentata tal-pajjiżi Ewropej u taż-żona tal-euro għandha wkoll tkun indirizzata biex tiżdied l-effikaċja u l-influwenza tal-UE.

    Riskji u opportunitajiet

    L-UE għandha tieħu azzjoni effettiva issa biex teħodha kontra l-kriżi. Din l-azzjoni għandha tkun intelliġenti biex b'hekk tistimula t-tibdil xieraq fl-ekonomija tagħna biex jiġi żgurat li noħorġu minn din il-kriżi lesti biex nieħdu l-vantaġġ sħiħ tal-mewġa pożittiva meta din tasal. Tista' tagħmel dan l-aħjar jekk taħtaf l-opportunitajiet biex l-ekonomiji tagħna jkomplu jiġu ristrutturati, iċ-ċittadini tagħna jkomplu jitħarrġu u jitħejjew għal sfidi ġodda filwaqt li jittieħed ħsieb tal-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna skont l-ispirtu tal-Artikolu 2 tat-Trattat. Mill-esperjenza tal-passat nafu li s-suċċess tagħna huwa bbażat fuq it-twarrib tan-nazzjonaliżmu ekonomiku u li l-muturi tat-tkabbir Ewropew ġew bit-tneħħija tal-konfini bejn l-Istati Membri, b'mod li jittieħed il-vantaġġ kollu mid-daqs u s-saħħa tas-Suq Intern.

    L-UE kellha quddiemha tipi differenti ta' kriżijiet fl-istorja tagħha u dejjem irnexxielha toħroġ minnhom aktar b'saħħitha u aktar magħquda. Diġà wrejna li meta s-27 Stat Membru tagħna u l-Istituzzjonijiet Ewropej jiddeċiedu li jaġixxu flimkien, aħna kapaċi niksbu r-rizultati għaċ-ċittadini tagħna. Il-kriżi preżenti wkoll tista’ sservi ta’ opportunità għall-Ewropa u l-azzjonijiet imfissra f'dan id-dokument juru kif nistgħu naħdmu flimkien biex inqiegħdu lill-UE fuq it-triq tal-irkupru.

    [1] Il-Kummissjojni adottat Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali preżenti (ĠU C 270/8, il-25 ta' Ottubru, 2008).

    [2] Il-mandat tal-grupp huwa dak li jikkunsidra l-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropew biex jara li jkun hemm sodizza prudenti, it-tħaddim kif jixraq tas-swieq u kooperazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha fejn tidħol is-supervizjoni tal-istabbiltà finanzjarja, mekkaniżi ta' avviż minn kmieni u ta' ġestjoni tal-kriżi, inkluż il-ġestjoni ta' riskji transkonfinali u transsettorjali. Se jagħti ħarsa wkoll lejn il-kooperazzjoni bejn l-UE u ġurisdizzjonijiet ewlenin oħra biex jgħin fit-tħaris tal-istabbiltà finanzjarja fuq livell globali. Il-membri huma: Jacques de Larosière (Ċermen), Leszek Balcerowicz, Otmar Issing, Rainer Masera, Callum McCarthy, Lars Nyberg, José Perez Fernandez, Onno Ruding

    Top