Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0660

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Twaqqif tal-pjan ta' ħidma għall-perjodu 2009-2011 skont id-Direttiva tal-Ekodisinn

    /* KUMM/2008/0660 finali */

    52008DC0660

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Twaqqif tal-pjan ta' ħidma għall-perjodu 2009-2011 skont id-Direttiva tal-Ekodisinn /* KUMM/2008/0660 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 21.10.2008

    KUMM(2008) 660 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Twaqqif tal-pjan ta' ħidma għall-perjodu 2009-2011 skont id-Direttiva tal-Ekodisinn

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Twaqqif tal-pjan ta' ħidma għall-perjodu 2009-2011 skont id-Direttiva tal-Ekodisinn

    1. INTRODUZZJONI

    L-"ekodisinn" għandu l-għan illi jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-eżistenza tagħhom (l-għażla u l-użu tal-materja prima; il-manifattura; l-imballaġġ, it-trasport u d-distribuzzjoni; l-installazzjoni u l-manutenzjoni; l-użu; u t-tmiem tal-ħajja) billi jintegra aspetti ambjentali b'mod sistematiku fil-fażijiet bikrija tad-disinn tal-prodott.

    Il-prodotti li jużaw l-enerġija (EuPs) huma dipendenti fuq l-input tal-enerġija (elettriku, karburanti mill-fossili u sorsi ta' enerġija rinnovabbli) jew jiġġeneraw, jittrasferixxu u jkejlu din l-enerġija. Dawn jiffurmaw l-akbar proporzjon ta' konsum tal-enerġija u riżorsi naturali oħra fil-Komunità u għandhom potenzjal qawwi biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gass li jikkawża l-effett serra.

    Id-Direttiva tal-Ekodisinn 2005/32/KE[1] tistipula qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti li jużaw l-enerġija. Id-Direttiva hija għalhekk parti prinċipali mill-politika tal-UE għat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija u dik ambjentali tal-prodotti fis-suq intern. Il-potenzjal li jiġu inklużi prodotti oħra ambjentalment sinifikanti, jiġifieri l-prodotti kollha relatati mal-enerġija, kien misħuq fil-Pjan t'Azzjoni dwar il-Konsum u Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Sostenibbli dwar il-Kummerċ[2], li kien adottat riċentement u li ma jaffettwax il-pjan ta' xogħol attwali. Id-Direttiva tiżgura l-moviment ħieles tal-prodotti madwar l-Ewropa u tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-ekodisinn fl-intrapriżi żgħar u medji (IŻM). B'mod globali, il-qafas tal-ekodisinn iġib il-benefiċċji, fil-forma ta' prodotti bi prestazzjoni ambjentali aħjar, inkluż tnaqqis fil-konsum tal-enerġija.

    Għanijiet tal-pjan ta' ħidma

    L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Ekodisinn tistipula li l-Kummissjoni għandha tippubblika pjan ta' xogħol li jispeċifika, għat-tliet snin li ġejjin, lista indikattiva ta' gruppi ta' prodotti li jużaw l-enerġija li jkunu kkunsidrati prijoritajiet għall-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi.

    Il-pjan ta' ħidma għandu jkun mibni fuq ix-xogħol li sar min-nofs l-2005 'l hawn għall-gruppi ta' prodotti ta' prijorità tranżizzjonali mniżżla fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva. Il-prijoritajiet ambjentali għall-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi jibqgħu l-istess, b'mod partikolari biex il-potenzjal tal-prodotti li jużaw l-enerġija jintuża biex jikkumbatti l-bdil fil-klima b’mod effettiv fl-infiq.

    2. IL-MEKKANIżMI TAD-DIRETTIVA TAL-EKODISINN

    Id-Direttiva tal-Ekodisinn hija direttiva ta' qafas. Dan ifisser li, fil-prattika, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn li jorbtu huma mfassla minn miżuri implimentattivi speċifiċi għal kull grupp. Id-Direttiva nfisha tiddefinixxi biss il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-introduzzjoni tal-miżuri implimentattivi: dawn jistgħu jkunu adottati għal prodott partikolari, sakemm ikollu impatt sinifikanti fuq l-ambjent flimkien ma' volum għoli ta' bejgħ u kummerċ fis-suq intern u potenzjal ċar ta' titjib mingħajr infiq eċċessiv.

    Il-miżuri implimentattivi jiġu kkunsidrati meta l-industrija ma tkunx ħadet inizjattivi awtoregolatorji validi. L-awtoregolamentazzjoni mill-industrija, inkluż impenji volontarji u unilaterali, jistgħu jwasslu għal progress malajr, minħabba l-implimentazzjoni veloċi u effettiva fl-infiq, u jippermettu addattament xieraq u flessibbli għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi u s-sensittivitajiet tas-suq.

    Kull miżura implimentattiva tkun preċeduta minn studji ta' preparazzjoni u stima tal-impatt imħejjija minn esperti esterni u l-Kumissjoni bil-għan li jkunu identifikati soluzzjonijiet effettivi fl-infiq biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali totali tal-prodotti u tinkludi proċeduri parteċipattivi u ddelegati tat-teħid tad-deċiżjonijijet. Il-miżuri implimentattivi jiġu eventwalment adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju.

    3. GRUPPI TA' PRODOTTI KOPERTI MILL-PERJODU TA' TRANżIZZJONI (2005-2008)

    Waqt il-"perjodu ta' tranżizzjoni" bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Ekodisinn u l-adozzjoni ta' dan il-pjan ta' ħidma, il-miżuri implimentattivi kellhom jiġu introdotti għall-gruppi ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva. Dan l-artikolu jikklassifika għadd ta’ prodotti li jużaw l-enerġija identifikati mill-Programm Ewropew tal-Bdil fil-Klima bħala prijoritajiet, bħal tagħmir li jsaħħan u dak għat-tisħin tal-ilma, sistemi ta' muturi tal-elettriku, dawl kemm fis-settur domestiku kif ukoll fis-settur terzjarju, apparat domestiku, tagħmir tal-uffiċċju fis-settur domestiku kif ukoll fis-settur terzjarju, apparat elettroniku għall-konsumatur u sistemi ta' HVAC (tisħin/ventilazzjoni/arja kkundizzjonata). Barra minn hekk, kellha tiġi introdotta miżura implimentattiva orizzontali separata biex tnaqqas il-ħela għal grupp ta' prodotti meta fl-istat ta' stand-by .

    Dsatax-il studju preparatorju, flimkien ma' laqgħat ta' dawk kollha interessati, kienu mnedija fir-rigward ta' dawn il-gruppi ta' prodotti ta' prijorità tranżizzjonali, uħud minnhom dwar kategoriji speċifiċi ta' prodotti. Kull wieħed minnhom analizza jekk u, jekk il-każ, liema rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom ikunu mfassla għall-grupp ta' prodotti relevanti. Erbatax-il studju preparatorju kienu kompluti u, fuq il-bażi tar-riżultati u fl-assenza ta' miżuri awtoregolatorji li jikkorrispondu, il-Kummissjoni bdiet tabbozza miżuri implimentattivi u, fejn huwa l-każ, rekwiżiti ta' tikkettjar skont id-Direttiva tat-Tikkettjar tal-Enerġija 92/75/KEE għal prodotti speċifiċi li jużaw l-enerġija. Il-ħames studji preparatorji l-oħra huma mistennija jkunu kompluti sal-2009.

    Il-passi li jmiss wara l-istudju preparatorju għal kull grupp ta' prodotti jinvolvu l-konsultazzjoni tal-Forum ta' Konsultazzjoni, stima tal-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tal-miżuri implimentattivi possibbli u l-adozzjoni skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju.

    Fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni se tkun qiegħda fil-proċess li tadotta miżuri implimentattivi għall-gruppi ta' prodotti li ġejjin: apparat tad-dawl tas-settur terzjarju (li jinkludi kemm dwal tat-toroq pubbliċi u dwal tal-uffiċċji), ħela ta' elettriku fl-istati stand-by u mitfija, provvisti tal-elettriku esterni u kaxxi set-top sempliċi għar-riċezzjoni diġitali ta' sinjali televiżivi. Fl-2009, għandha l-intenzjoni li tissottometti miżuri implimentattivi dwar televiżjonijiet, dawl domestiku, friġġijiet u friżers domestiċi, magni tal-ħasil, magni tal-ħasil tal-platti, bojlers u apparat għat-tisħin tal-ilma, kompjuters, apparat tal-immaġni, friġġijiet kummerċjali, muturi tal-elettriku, pompi, fannijiet, apparat taċ-ċirkolazzjoni u kundizzjonaturi tal-arja tal-kamra.

    L-Anness II jelenka l-gruppi tal-prodotti koperti fil-perjodu tranżizjonali.

    4. ELENKU INDIKATTIV TAL-GRUPPI TA' PRODOTTI

    Dan il-pjan ta' ħidma jistipula lista indikattiva ta' gruppi ta’ prodotti, li tikkunsidra x-xogħol li sar fil-perjodu tranżizzjonali. Il-gruppi ta' prodotti elenkati huma kkunsidrati prijoritajiet indikattivi għall-istudji preparatorji u l-miżuri implimentattivi fit-tliet snin li ġejjin.

    L-istudju tal-Kummissjoni[3] għall-preparazzjoni tal-pjan ta' ħidma identifika 57 prodott li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Ekodisinn iżda li ma kinux koperti bil-perjodu tranżizzjonali[4]. L-identifikazzjoni sistematika ta' dawn il-prodotti, ibbażata fuq il-lista tal-prodotti tal-PRODCOM[5], kienet rekwiżit għall-pjan ta' ħidma.

    L-istudju stħarreg is-57 grupp ta’ prodotti kontra l-impatt ambjentali prinċipali – il-konsum tal-enerġija primarja fil-fażi ta' użu - sabiex jidentifika l-gruppi ta' prodotti bl-akbar potenzjal ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet li jikkawżaw l-effett serra. Dan irriżulta f'25 grupp ta' prodotti klassifikati A u disgħa klassifikati B[6]. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, stħarrġet il-25 grupp ta' prodotti klassifikati A bil-għan li tipprijoritizza skont is-sett ta' kriterji stipulati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Ekodisinn, jiġifieri li:

    1. il-grupp ta' prodotti jirrappreżenta volum sinifikanti ta' bejgħ u kummerċ fil-Komunità;

    2. il-grupp ta' prodotti għandu impatt ambjentali sinifikanti fil-Komunità b’riżultat tal-prodotti li jużaw l-enerġija fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

    3. il-grupp ta' prodotti għandu potenzjal sinifkanti ta' titjib fir-rigward tal-impatt ambjentali mingħajr spejjeż eċċessivi.

    Il-prinċipji ta' stima li ġejjin kienu applikati, fejn kien relevanti, lill-grupp ta' prodotti, sabiex ikun determinat is-sinifikat tal-kriterji tal-Artikolu 15:

    Skont l-aħħar (2005/2006) ta' prodotti tal-PRODCOM, l-għaxar gruppi ta' prodotti magħżula bħala prijoritajiet mill-Kummissjoni jissodisfaw il-kriterju indikattiv ta' bejgħ u kummerċ ta' aktar minn 200 000 unità kull sena fil-Komunità Prodotti li jużaw l-enerġija fis-settur domestiku, terzjarju u industrijali huma koperti. L-ewwel kriterju huwa kwistjoni ta’ iva/le, billi n-numri ta' unitajiet għal kull grupp ta’ prodotti jinfluwenza direttament l-istima tat-tieni kriterju.

    Għall-istima tat-tieni kriterju (impatt ambjentali sinifikanti), l-aspetti li ġejjin kienu kkunsidrati: konsum għoli ta' enerġija primarja fil-grupp ta' prodotti identifikati ( > 1 000 PJ/sena bħala indikazzjoni) u l-emissjonijiet relatati bħal gassijiet li jikkawżaw l-effett serra, sustanzi aċidifiċi jew metalli tqal u l-ġenerazzjoni ta' l-iskart. Dan jagħti l-ewwel indikazzjoni tal-prijorità, skont l-indikatur ta' screening tal-istudju. Ħin twil ta' operazzjoni (għoli ħafna: sa 24 siegħa kull ġurnata jew tliet xiftijiet ta' produzzjoni; jew għoli madwar 8 sigħat kuljum jew perjodu sakemm l-apparat jisħon/jiksaħ), partijiet li jikkontribwixxu għall-konsum ta' enerġija jew żieda prevista fil-konsum tal-enerġija fl-għaxar snin li ġejjin minħabba tkabbir sinifikanti fis-suq huma evidenza akbar tad-daqs tal-impatt ambjentali relatat mal-konsum tal-enerġija. Aktar riżorsi li jirrikjedu attenzjoni huma l-użu tal-ilma, fid-dawl tal-impatt dejjem akbar tal-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa fl-Ewropa. Forom oħra ta' impatti ambjentali kkunsidrati huma l-materjali jew il-partijiet responsabbli għall-konsum ta' riżorsi oħra, il-ġenerazzjoni tal-iskart jew emissjonijiet speċifiċi, bħall-apparat elettroniku, indikaturi, refriġeranti, żjut, ħela waqt l-użu jew emissjonijiet ta' gassijiet tal-ekżost u trab irqiq ħafna.

    It-tielet kriterju - il-potenzjal sinifikanti għal titjib fir-rigward tal-impatt ambjentali tal-gruppi ta' prodotti - kien ukoll ikkunsidrat biex jiġu definiti l-prijoritajiet. Il-potenzjal sinifikanti tal-miżuri tal-ekodisinn huwa indikat bil-potenzjal għoli ta' riduzzjoni fil-konsum tal-enerġija waqt l-użu (> 20% bħala indikazzjoni) Fir-rigward ta' riżorsi oħra, it-titjib fid-disinn ta' xi apparat li juża l-ilma jista' jagħti riduzzjonijiet sinifikanti fil-konsum tal-ilma u riduzzjonijiet relatati fil-konsum tal-enerġija. Miżuri oħra tal-ekodisinn importanti jistgħu jinkludu r-riduzzjoni fit-toqol jew fil-volum tal-prodott, l-użu ta' materjal riċiklat, nuqqas fl-emissjonijiet, iż-żieda fit-tul ta' żmien minimu li l-prodott huwa garantit għalih jew iċ-ċertezza li l-prodott jista jkun appgrejdjat, imsewwi jew riċiklat faċilment bit-tnaqqis fin-numru ta' materjali użati, bl-użu ta' partijiet standardizzati jew permezz ta' aċċess faċli għall-partijiet ta' valur. L-ispeċifikazzjonijiet eżistenti ta' pajjiżi terzi bħall-Istandards ta' Prestazzjoni Mimima tal-Enerġija fil-Ġappun jew l-iskema Energy Star fl-Istati Uniti u l-iżviluppi teknoloġiċi, jistgħu ukoll jissupplixxu informazzjoni fil-proċess tal-identifikazzjoni ta' prodotti b'funzjonalità ekwivalenti iżda bi prestazzjoni ambjentali superjuri.

    Ma hemm l-ebda leġislazzjoni oħra tal-Komunità fuq miżuri tal-ekodisinn għall-gruppi ta' prodotti stmati, iżda kull studju preparatorju għandu jidentifika jekk leġislazzjoni oħra għandiex tkun ikkunsidrata għal xi impatt ambjentali speċifiku tal-prodotti investigati, pereżempju id-Direttiva WEEE għar-riċiklar[7]. F'dan l-istadju, huwa ssoponut illi l-potenzjal sinifikanti għat-titjib fir-rigward tal-impatt ambjentali ta' dawn il-gruppi ta' prodotti mhuwiex se jinvolvi spejjeż eċċessivi u li l-forzi tas-suq mhux se jirreġistraw progress fin-nuqqas ta' rekwiżiti mandatorji jew volontarji. Dawn is-supposizzjonijiet preliminari għandhom ikunu investigati minn studji preparatorji. It-titjib propost fil-prestazzjoni ambjentali għandu jkun ibbażat fuq l-inqas spejjeż fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott sabiex tkun garantita l-effettività tan-nefqa.

    Is-sejbiet tal-istima wasslu għal-lista indikattiva li ġejja ta' gruppi ta' prodotti. Aktar dettalji dwar l-istima jinsabu fl-Anness I.

    Lista indikattiva ta' gruppi ta' prodotti koperti minn dan il-pjan ta' ħidma[8]

    - Kundizzjonaturi tal-arja u sistemi ta' ventilazzjoni;

    - Apparat għat-tisħin li jaħdem bl-elettriku jew bil-karburant mill-fossili;

    - Apparat għall-preparazzjoni tal-ikel;

    - Fran industrijali u tal-laboratorju;

    - Għodda makkinizzata;

    - Apparat tan-netwerks elettroniċi, għall-ipproċessar tad-dejta u għall-ħżin tad-dejta

    - Apparat għat-tkessiħ u l-iffirżar;

    - Apparat tal-ħoss u tal-immaġini;

    - Transformers;

    - Apparat li juża l-ilma.

    Il-Kummissjoni kkonsultat mal-Forum ta' Konsultazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Ekodisinn sabiex tikkunsidra l-kummenti mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u dawk interessati meta tkun qed tistabbilixxi l-pjan ta’ ħidma u l-lista indikattiva tal-gruppi ta' prodotti[9].

    Il-grupp ta' prodotti elenkati jistgħu jkunu diviżi f'diversi arranġamenti għall-istudji preparatorji, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-perjodu ta' tranżizzjoni: Prodotti b'karatteristiċi teknoloġiċi, ekonomiċi u ambjentali simili għandhom, fil-prinċipju, ikunu studjati flimkien, b'analiżi diviża, meta relevanti, tal-istruttura tas-suq, tal-metodi tal-użu, tal-impatt ambjentali u ekonomiku jew tal-potenzjal ta' titjib. Studji preparatorji dwar prodotti speċifiċi li jistgħu jkunu klassifikati taħt gruppi ta' prodotti differenti (pereżempju apparat tat-tkessiħ jew pompi tas-sħana) għandhom ikunu koordinati. Dejta mill-analiżi ta' proċessi u sistemi kumplessi fid-Dokumenti ta’ Referenza tal-Aħjar Tekniki Possibbli ("BREF") skont id-Direttiva IPPC[10] għandom ikunu użati meta jagħmel sens, fuq l-eżempju tax-xogħol li sar għall-gruppi ta' prodotti "sistemi ta' muturi elettriċi" u "sistemi HVAC" waqt il-perjodu tranżizzjonali.

    L-istima tal-prijorità mill-Kummissjoni tista' tkun suġġetta għal bdil wara stima kwantitattiva sħiħa permezz ta' studju preparatorju.

    5. PROSPETTIVA

    L-inklużjoni fil-lista indikattiva għal dan il-pjan ta' ħidma tindika li l-Kummissjoni ser tibda studju preparatorju dwar il-grupp ta' prodotti konċernat matul il-perjodu 2009-2011 u, possibbilment, tadotta miżuri implimentattivi, suġġetti għar-riżultati tal-istudu preparatorju, stima tal-impatt favorevoli u l-kundizzjoni li l-ebda miżuri awtoregolatorji ma jeżistu.

    Informazzjoni dwar iż-żmien għall-istudji preparatorji u l-miżuri implimentattivi se tkun imqassma lil dawk kollha interessati għal kull grupp ta' prodotti, permezz tas-siti tal-internet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni li huma responsabbli mid-Direttiva tal-Ekodisinn[11] u permezz ta' laqgħat għal dawk kollha interessati organizzati mill-kuntratturi li qed jikkonduċu l-istudji preparatorji.

    Kull studju preparatorju se jinvestiga r-rekwiżiti tal-ekodosinn possibbli fuq il-bażi ta' analiżi teknika, ekonomika u ambjentali. Il-possibbiltà li jinħareġ mandat għall-istandardizzazzjoni ta' ċerti parametri tal-ekodisinn għandha tkun investigata. Il-partijiet interessati għandom jikkoperaw attivament f'din l-analiżi.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda ssejjaħ lill-oqsma tal-industrija li jimmanifatturaw prodotti li jużaw l-enerġija b'impatt ambjentali sinifikanti biex jiżviluppaw miżuri awtoregolatorji li jistgħu jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika aktar malajr jew b'anqas spejjeż minn rekwiżiti mandatorji. Dan huwa skont id-Direttiva tal-Ekodisinn u l-istrateġija ta' "Regolamentazzjoni Aħjar" tal-Kummissjoni u l-programm ta' simplifikazzjoni li għaddej. Il-Kummissjoni se ssegwi dawn l-inizjattivi matul it-tliet snin li ġejjin u sussegwentement tevalwa l-bżonn għal aktar miżuri implimentattivi, pereżempju fejn l-isforzi tas-suq ma jimxux lejn id-direzzjoni t-tajba jew b'veloċità aċċettabbli.

    Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, il-pjan ta' ħidma għandu jkun emendat perjodikament mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Forum ta' Konsultazzjoni.

    Jekk il-proposta mill-Kummissjoni sabiex ikun estiż l-ambitu tad-Direttiva tal-Ekodisinn[12] biex jinkludi l-prodotti kollha relatati mal-enerġija tkun adottata malajr mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Kummisjoni temenda l-pjan ta' ħidma, kif neċessarju, biex tinkludi l-gruppi ta' prodotti miżjuda mill-estensjoni.

    Anness I

    Tabella: Stima mhux eżawrjenti tal-gruppi ta' prodotti fuq il-lista indikattiva għal dan il-pjan ta' ħidma

    Il-gruppi ta' prodotti huma elenkati f'ordni alfabetika u jeskludu prodotti diġà koperti waqt il-perjodu tranżizzjonali.

    Gruppi ta’ prodotti | Eżempji ta' prodotti | Impatti ambjentali sinifikanti1 | Potenzjal sinifkanti għal titjib |

    Kundizzjonaturi tal-arja u sistemi ta' ventilazzjoni | Kundizzjonaturi tal-arja kbar > 12 kW; Kundizzjonaturi tal-arja mkessħa bl-ilma; Sistemi ta' ventilazzjoni. | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), b'ħin operattiv twil (perjodu sakemm l-apparat jisħon/jiksaħ, ħin sakemm tiżdied il-ventilazzjoni) u suq ta' tkabbir kbir; Impatt ambjentali ieħor tal-partijiet elettroniċi li jużaw l-enerġija, indikaturi u refriġiranti. | Potenzjal qawwi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (medja stmata > 20%); Potenzjal għal titjib ambjentali ieħor (pereżempju sostituzzjoni ta' refriġeranti, estensjoni tal-ħajja tal-prodott jew riċiklar faċli); Speċifikazzjonijiet ta' pajjiżi terzi (Tikkettar tal-enerġija, Eko-tikketti, Energy Star u MEPS) jindikaw potenzjal għal titjib. |

    Apparat biex isaħħan tal-elettriku u tal-karburanti mill-fossili | Radjaturi tas-sħana elettriċi li jaħżnu l-enerġija; Ħiters tal-elettriku biex isaħħnu l-arja u l-ħamrija; Sistemi biex isaħħnu li jaħdmu bil-gass jew biż-żejt; Pompi tas-sħana. | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), b'ħin operattiv twil (perjodu sakemm l-apparat jisħon); Impatt ambjentali ieħor tal-partijiet elettroniċi li jużaw l-enerġija, materjali użati u emissjonijiet ta' gassijiet tal-egżost. | Potenzjal qawwi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (medja stmata > 20%); Potenzjal għal titjib ambjentali ieħor (pereżempju inqas emissjonijiet jew riċiklar faċli). |

    Apparat għall-preparazzjoni tal-ikel | Fran tal-elettriku, tal-gass, jew tal-mikroondi; Uċuħ għas-sajran tal-ikel u grills; Magni tal-kafe. | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), b'ħin operattiv twil fis-settur terzjarju (madwar 8 sigħat kuljum) u konsum tal-enerġija tal-mutur/fann integrat. | Potenzjal qawwi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (stmat għal 10-30%); Potenzjal għal titjib ambjentali ieħor (pereżempju riċiklar faċli); Speċifikazzjonijiet ta' pajjiżi terzi (Tikkettar tal-enerġija, Eko-tikketti u MEPS) u eko-tikketti tal-Istati Membri jindikaw potenzjal għal titjib. |

    Fran industrijali jew tal-laboratorju | Fran li jaħdmu bir-radjazzjoni infra-ħamra; Fran industrijali u tal-laboratorju li jsaħħnu permezz ta’ reżistenza jew induzzjoni elettrika; Burners tal-ifran. | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), b'ħin operattiv twil (madwar 8 sigħat kull ġurnata tax-xogħol) u konsum tal-enerġija tal-fann integrat; Impatt ambjentali ieħor tal-materjali użati. | Potenzjal qawwi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (medja stmata > 20%); Potenzjal għal titjib ambjentali (pereżempju titjib fis-sistemi tat-trasferiment tas-sħana jew riduzzoni tal-massa); Speċifikazzjonijiet ta' pajjiżi terzi (Tikkettar tal-enerġija u MEPS) jindikaw potenzjal għal titjib. |

    Għodda makkinizzata | Għodda makkinizzata għall-għoti tal-forma; Għodda makkinizzata għas-separazzjoni; Għodda makkinizzata għal proċessi fiżiko-kimiċi. | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), b'ħin operattiv twil għal twil ħafna (sa tliet xiftijiet ta' produzzjoni) u konsum tal-enerġija tal-mutur integrat; Impatt ambjentali ieħor tal-partijiet elettoniċi li jużaw l-enerġija u ħela waqt l-użu. | Potenzjal qawwi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (fattur tal-enerġija baxx ta’ 0.7-0.8, potenzjal ta' titjib fl-istat waqt li l-għodda mhix tintuża u permezz ta' regolaturi ta' veloċità differenti); Potenzjal għal titjib ieħor ambjentali (pereżempju estensjoni tal-ħajja tal-għodda, riċiklar faċli tal-partijiet elettroniċi jew riċiklar fil-forma tal-użu tal-prodott il-qadim fil-manifattura ta' ieħor ġdid). |

    Apparat tan-netwerk, għall-ipproċessar tad-dejta jew għall-ħżin tad-dejta | Servers tal-informatika; Tagħmir għall- komunikazzjoni fuq in-netwerks; Tagħmir għall-provvista tal-enerġija mhux interrota; Ħela ta' elettriku għal grupp ta' prodotti f’netwerk fuq stand-by . | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), b'ħin operattiv twil ħafna (24 siegħa kuljum) u suq ta' tkabbir kbir; Impatt ambjentali ieħor tal-partijiet elettroniċi. | Potenzjal għoli ħafna għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (stmat 5-30% għall-prodotti, 80% għas-sistemi, stand-by f’netwerks u ġestjoni tal-enerġija); Potenzjal għal titjib ambjentali ieħor (pereżempju rkupru ta' skart fil-forma ta' sħana jew riċiklar faċli); Speċifikazzjoni ta' pajjiż terz li għadha qed tkun żviluppata (Energy Star) tindika potenzjal għal titjib. |

    Apparat tat-tkessiħ u tal-iffriżar | Cabinets li jingħata servizz minnhom; Kmamar tal-friża li tista tidħol fihom; Apparat għat-tkessiħ; Magni tas-silġ; Magni tal-ġelat u frullat tal-ħalib. | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), b'ħin operattiv twil ħafna (sa 24 siegħa kuljum); Impatt ambjentali ieħor tar-refriġeranti. | Potenzjal qawwi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (stmat għal 10-60%); Potenzjal għal titjib ambjentali ieħor (pereżempju sostituzzjoni tar-refriġeranti). |

    Apparat tal-ħoss u tal-immaġini | Plejers u rikorders tad-DVD/vidjow; Projetturi tal-vidjow; Tagħmir tal-logħob kompjuterizzat; Amplifikaturi diġitali u subwoofers għal sistemi tas-ħoss domestiċi. | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), bi tkabbir fis-suq; Impatt ambjentali ieħor tal-partijiet elettroniċi u indikaturi. | Potenzjal qawwi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (medja stmata > 20%); Potenzjal għal titjib ambjentali ieħor (pereżempju estensjoni tal-ħajja tal-prodott jew riċiklar faċli); Speċifikazzjonijiet ta' pajjiżi terzi (Tikkettar tal-enerġija, Eko-tikketti u Energy Star) jindikaw potenzjal għal titjib. |

    Transformers | Transformers għad-distribuzzjoni; Transformers tad-dawl; Transformers żgħar. | Konsum għoli tal-enerġija (> 1 000 PJ/sena), b'ħin operattiv twil ħafna (24 siegħa kuljum); Impatti ambjentali oħra ta' żjut użati, żebgħa, eċċ. | Potenzjal qawwi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija (madwar 30% possibbli, li huwa ekwivalenti għal madwar 15% tat-telf tan-netwerks tal-elettriku, stokk li qed joqrob it-tmiem tal-ħajja tiegħu ta' 40 sena); Potenzjal għal titjib ambjentali ieħor (pereżempju l-materjali użati); Speċifikazzjonijiet ta' pajjiżi terzi (Tikkettar tal-enerġiaj, Eko-tikketti, Energy Star u MEPS) jindikaw potenzjal għal titjib. |

    Apparat li juża l-ilma | Tagħmir għat-tindif bl-ilma; Apparat għall-irrigazzjoni. | Telf kbir ta' ilma minħabba tagħmir jew apparat mhux addattat (madwar 14-il biljun m³ fis-sena fl-industrjia, madwar 53 biljun m³ fis-sena fl-agrikoltura u madwar 24 biljun m³ fis-sena fid-djar u faċilitajiet pubbliċi). | Potenzjal għoli għal tnaqqis fl-użu tal-ilma (medja stmata > 40% fl-industrija u l-agrikoltura u > 30% fil-provvista tal-ilma pubblika; pereżempju aġġustamenti individwali tal-fluss u l-pressa tal-ilma jew sprinklers u drippijiet disinjati biex joperaw fuq pressa tal-ilma baxxa jew medja). |

    1 Il-konsum tal-enerġija huwa indikat bħala PJ tal-konsum tal-enerġija primarja fl-2006. L-"enerġija primarja" tirreferi għall-enerġija fil-karburanti mill-fossili u sorsi tal-enerġija rinnovabbli li ma kinux suġġetti għal proċessi ta’ konverżjoni jew ta' trasformazzjoni. Sabiex l-enerġija min-netwerk pubbliku (enerġija sekondarja) tinbidel f'enerġija primarja, kien applikat fattur ta' 10.5 MJ/kWhe.

    Anness II

    Tabella: Gruppi ta' prodotti koperti fil-perjodu ta' tranżizzjoni[13]

    Miżuri skedati għall-adozzjoni mill-Kummissjoni fir-raba' kwart tal-2008 jew fl-ewwel kwart tal-2009 |

    Prodotti tad-dwal tas-settur terzjarju Telf fl-istat stand-by jew meta l-appart ikun mitfi Apparat estern għall-provvista tal-enerġija Kaxxi set-top sempliċi Prodotti tad-dawl domestiku I (inkluż bozoz inkandexxenti) Televixins |

    Miżuri li se jkunu sottomessi għal vot fil-Kummissjoni fl-2008 u fl-2009 |

    Apparat għat-tisħin tal-ilma (bojlers); Ħiters tal-ilma Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u magni tal-ħasil tal-platti Friġġijiet u friżers domestiċi Friġġijiet kummerċjali Muturi tal-elettriku Apparat għaċ-cirkolazzjoni (oriġinarjament taħt muturi tal-elettriku) Kompjuters Tagħmir tal-immaġini Pompi tal-elettriku (oriġinarjament taħt muturi tal-elettriku) Fannijiet għall-ventilazzjoni f'bini mhux residenzjali (oriġinarjament taħt muturi tal-elettriku) Kundizzjonaturi tal-arja tal-kmamar Fannijiet domestiċi (oriġinarjament taħt kundizzjonaturi tal-arja tal-kmamar) |

    Miżuri oħra (l-istudji preparatorji se jkunu konklużi fl-2009) |

    Kaxxi set-top kumplessi Magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ Vacuum cleaners Prodotti tad-dawl domestiku II (lampi rifletturi u ta' illuminazzjoni) Apparat għat-tisħin tal-ilma li jaħdem b'karburanti solidi |

    [1] Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 tistipula qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti li jużaw l-enerġija u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi 96/57/KE u 2005/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29), kif emendata mid-Direttiva 2008/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2005/32/KE li tistipula qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti li jużaw l-enerġija, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KE u d-Direttivi 96/57/KE u 2000/55/KE, rigward il-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 81, 20.3.2008. p. 48).

    [2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli, COM(2008) 397 finali.

    [3] EPTA Ltd, il-Greċja; PE International, il-Ġermanja; NTUA, il-Greċja: Studju għall-preparazzjoni tal-ewwel Pjan ta' Ħidma tad-Direttiva tal-Ekodisinn; Rapport għal Tender Nru: ENTR/06/026, Rapport Finali Aġġornat: 06/12/2007: http://ec.europa.eu/enterprise/eco_design/workingplan.htm.

    [4] p. 29 minn [3].

    [5] Il-PRODCOM hija sistema għall-kollezzjoni u d-disseminazzjoni ta' statistiċi dwar il-produzzjoni ta' prodotti manifatturati. L-isem ġej mill-Franċiż "PRODuction COMmunautaire" (Produzzjoni Komunitarja) għal xogħol fil-minjieri, xogħol fil-barrieri u fil-manifattura: it-taqsimiet B u C tal-Klassifikazzjoni tal-Istatistika tal-Attività Ekonomika fl-Unjoni Ewropea (NACE 2).

    [6] p. 33 minn [3].

    [7] Id-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24).

    [8] Il-gruppi ta' prodotti huma elenkati f'ordni alfabetika u jeskludu prodotti li jużaw l-enerġija li qegħdin fil-perjodu tranżizzjonali.

    [9] Minuti tal-Forum ta' Konsultazzjoni tat-28 ta' Mejju 2008.http://ec.europa.eu/enterprise/eco_design/workingplan.htm.

    [10] Id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis, verżjoni kodifikata (ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8). Dokumenti ta’ Referenza tal-Aħjar Tekniki Possibbli http://eippcb.jrc.es/pages/FActivities.htm.

    [11] Id-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriżi u l-Industrija http://ec.europa.eu/enterprise/eco_design/index_en.htm.Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u Trasport http://ec.europa.eu/energy/demand/legislation/eco_design_en.htm.

    [12] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija tas-16 ta' Lulju 2008. COM(2008) 399 finali, 2008/0151 (COD)

    [13] L-iskeda tal-adozzjoni hija approssimattiva u tista' tinbidel, hekk kif tkun irranġata skont il-progress reali max-xogħol preparatorju.

    Top