This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0433
Communication from the Commission to the European Parliament and the Council - Greening Transport {SEC(2008) 2206}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku {SEG(2008) 2206}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku {SEG(2008) 2206}
/* KUMM/2008/0433 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku {SEG(2008) 2206} /* KUMM/2008/0433 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 8.7.2008 KUMM(2008) 433 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku {SEG(2008) 2206} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku(Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Daħla Il- mobilità hija importanti ħafna għall-kwalità tal-ħajja tagħna u hija essenzjali għall-kompetittività ta’ l-UE. Hija s-sinsla ta’ l-ekonomija, li tgħaqqad l-istadji differenti tal-ktajjen tal-produzzjoni u tippermetti lill-industriji tas-servizzi li jilħqu lill-klijenti tagħhom, kif ukoll timpjega n-nies b'mod sinifikanti hi stess. Għalhekk hija fattur essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona ta' l-UE għat-tkabbir u l-impjiegi. Dan huwa iktar u iktar minnu minħabba li dan is-settur qed jikber b’mod mgħaġġel: Bejn l-1995 u l-2005, it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-UE kibru b’31.3% u bi 17.7% rispettivament, u dan it-tkabbir huwa mistenni li jkompli. Iżda l-mobilità timponi wkoll spejjeż fuq is-soċjetà minħabba l-impatti li tikkawża. L-emissjonijiet mill-mezzi tat-trasport jheddulna saħħitna, jaffettwaw b'mod negattiv il-kwalità ta’ l-ambjent lokali tagħna u jagħtu kontribut sinifikanti u dejjem jikber lit-tibdil fil-klima. L-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur tat-toroq huma 30% ogħla milli kienu fl-1990, u t-trasport huwa l-uniku settur ta' l-ekonomija li fih l-emissjonijiet huma mistennija jiżdiedu fil-ġejjieni. Għal ħafna ċittadini, l-istorbju u l-konġestjoni tat-traffiku huma ta’ fastidju ta’ kuljum, u ħafna nies imutu kull sena minħabba inċidenti tat-traffiku. “Il-mobilità sostenibbli”, jiġifieri l-mobilità li ma tkunx marbuta ma’ l-effetti dannużi tagħha, ilha diversi snin fil-qalba tal-Politika tat-Trasport ta’ l-UE. Fl-analiżi tagħha li saret fis-sena 2006[1] tal-White Paper maħruġa fl-2001, il-Kummissjoni wriet il-ħtieġa li tintuża firxa wiesgħa ta’ għodod tal-politika, li jvarjaw minn strumenti ekonomiċi u miżuri regolatorji sa investiment fl-infrastruttura u teknoloġiji ġodda, sabiex tinkiseb il-mobilità sostenibbli. Huwa essenzjali li “nsibu l-prezz it-tajjeb”. Dawk li jużaw it-trasport diġà jħallsu ammont sinifikanti, iżda l-prezz li jħallsu kważi qatt ma jkun marbut ma' l-ispejjeż reali ta’ l-għażliet tagħhom fuq is-soċjetà. B’hekk m’għandhom l-ebda inċentiv biex jadottaw aġir li ma jiswiex daqshekk. Jekk wieħed jagħmel il-ħlasijiet b’mod iktar intelliġenti[2], l-istrumenti ekonomiċi (it-taxxi, il-miżati jew l-iskemi ta' l-iskambju tal-kwoti) jistgħu jinkuraġġixxu lil dawk li jużaw it-trasport biex jibdlu għal karozzi jew mezzi ta’ trasport aktar nodfa (inklużi l-mixi u l-użu tar-roti), jużaw infrastruttura mhux daqshekk użata jew jivvjaġġaw f'ħinijiet differenti. B’hekk dawn jirrappreżentaw mod effettiv kif il-mobilità tista' ssir sostenibbli. L-indikazzjonijiet tal-prezzijiet jerġa’ se jkunu aktar effettivi jekk fis-suq ikun hemm alternattivi realistiċi offruti, karozzi aktar ekoloġiċi bi prezz li wieħed jista’ jilħqu, jew livell ta’ servizz xieraq f’mezz ta' trasport ieħor. Mhux dejjem ikunu jeżistu dawn l-alternattivi, speċjalment fejn m'hemmx investiment biżżejjed fl-infrastruttura u fir-riċerka u l-iżvilupp minħabba l-fallimenti fis-swieq. Minħabba f’hekk, hemm bżonn ukoll ta’ mizuri ta’ politika kumplimentarji oħrajn, inkluża r-regolamentazzjoni. Dawn il-miżuri la għandhom jirrestrinġu u lanqas jiffavorixxu approċċ jew soluzzjoni teknoloġika partikolari. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qiegħda tressaq żewġ tipi ta’ inizjattivi differenti sabiex tirdoppja l-isforzi tagħha biex it-trasport isir aktar ekoloġiku u aktar sostenibbli. L-ewwel tip huwa sabiex “insibu l-prezz it-tajjeb” billi l-ispejjeż esterni tat-trasport jiġu internalizzati. Hawnhekk l-istrateġija tal-Kummissjoni hija li taġixxi b’mod li jkun speċifiku għal kull impatt u għal kull mezz ta’ trasport, filwaqt illi tqis li l-UE diġà bdiet taħdem fuq dan il-qasam. Ir-regoli ta’ l-UE dwar it-tassazzjoni ta’ l-enerġija u l-proposti tal-Kummissjoni li l-qasam ta’ l-avjazzjoni jiddaħħal fl-Iskema ta’ l-UE ta’ l-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet huma fihom infushom l-ewwel passi sinifikanti fl-istrateġija. It-tieni tip huwa sett ta’ miżuri kumplimentari li jinkludu strumenti regolatorji, miżuri infrastrutturali u miżuri għar-riċerka u l-iżvilupp. Hawnhekk ukoll jeżistu ħafna miżuri ta’ l-UE li fuqhom jistgħu jissejsu l-isforzi. Din il-Komunikazzjoni tibda billi tagħti taqsira tal-miżuri ta’ l-UE li diġà jeżistu u dawk li qed jiġu proposti fil-qasam tat-trasport sostenibbli. Dawn il-miżuri huma, u se jkomplu jkunu, kumplimentari għall-azzjoni meħuda mill-Istati Membri, u huma element essenzjali sabiex tinkiseb il-mobilità sostenibbli. Il-Komunikazzjoni tkompli billi tiddeskrivi ż-żewġ inizjattivi li jakkumpanjawha dwar l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tat-trasport – strateġija globali u proposta sabiex tiġi reveduta d-Direttiva dwar il-miżati għall-vetturi tal-ġarr il-kbar [“il-vetturi ta’ merkanzija tqila” skond din id-Direttiva] għall-użu ta’ l-infrastruttura. Fl-aħħarnett, il-Komunikazzjoni tiddeskrivi komunikazzjoni oħra li takkumpanjaha dwar it-tnaqqis ta’ l-istorbju ferrovjarju u tistabbilixxi l-inizjattivi kumplimentari li l-Kummissjoni se tieħu f’idejha fix-xhur li ġejjin. Dawn l-inizjattivi kollha huma importanti b’mod speċjali minħabba l-qagħda politika attwali. Kemm il-Parlament Ewropew[3] kif ukoll il-Kunsill Ewropew[4] dan l-aħħar saħqu fuq l-importanza ta’ politika dwar it-trasport sostenibbli, b’mod partikulari fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-trasport żgur li se jkollu jagħti sehmu favur il-miri ambizzjużi li l-Kunsill Ewropew stabbilixxa għalih innifsu fis-sena 2007: it-tnaqqis b’20% tal-gassijiet b’effett tas-serra (30% fil-qafas ta’ ftehim internazzjonali), iż-żieda b’20% ta’ l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u t-tnaqqis b’20% tal-konsum ta’ l-enerġija, kollha sas-sena 2020. 2. Nibnu fuq dak li hemm diġà... L-Inventarju għal trasport aktar ekoloġiku li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni juri li l-UE diġà għamlet ħafna progress f’kull mezz ta’ trasport u f'ħafna oqsma differenti ta' politika, li jvarjaw mir-riċerka u l-iżvilupp sal-politika dwar l-enerġija, u mill-politika dwar it-trasport sal-politika ambjentali. Bħal dejjem, l-implimentazzjoni tagħhom hija kruċjali sabiex ikunu effettivi. Il-miżuri huma mqassmin skond l-impatt negattiv ewlieni tagħhom, jiġifieri t-tibdil fil-klima, it-tniġġis lokali, it-tniġġis mill-istorbju, il-konġestjoni u l-inċidenti. Taqsira ta' l-inizjattivi li jindirizzaw kull impatt hija mogħtija hawn taħt. 2.1. It-tibdil fil-klima Bħalissa t-tibdil fil-klima huwa l-problema ambjentali prijoritarja, u l-aktar miżuri Komunitarji sinifikanti li ġew proposti mill-Kummissjoni dan l-aħħar kienu dwarha. Dawn il-proposti għad irid jintlaħaq ftehim dwarhom bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Dawn jinkludu miżuri sabiex ikun hemm limiti fuq l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi l-ġodda, sabiex l-avjazzjoni tiddaħħal fl-Iskema ta’ l-UE ta’ l-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet (l-ETS), sabiex jiġu applikati taxxi annwali ta’ ċirkulazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ddifferenzjati għall-karozzi bbażati fuq l-emissjonijiet tagħhom tas-CO2, u sabiex jiġi żgurat li l-mezzi tat-trasport kollha li mhumiex koperti mill-ETS jagħtu sehemhom biex jinkisbu l-miri nazzjonali għal-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra. L-Istati Membri għandhom jilħqu l-għanijiet sabiex iżidu s-sehem tal-bijofjuwils sostenibbli li jintużaw fit-trasport bit-triq, u dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet li jkun hemm mira obbligatorja ta’ 10%. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li sas-sena 2020, il-fornituri tal-fjuwil inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-fjuwil matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu b’10%. Għall-fjuwil tal-magni, ir-regolamenti ta’ l-UE jistabbilixxu livelli minimi tat-taxxa; madanakollu, ħafna mill-użi fl-avjazzjoni u fil-qasam marittimu huma eżenti, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jillimitaw dawn l-eżenzjonijiet għat-trasport internazzjonali. Barra minn hekk, għal ċerti vetturi tat-toroq hemm rekwiżiti partikulari fl-UE li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir bħas-sistemi ta’ kundizzjonament ta' l-arja. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa inizjattivi dwar l-indikaturi għat-tibdil tal-gerijiet u dan l-aħħar ipproponiet qafas għas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers. 2.2. It-tniġġis lokali F’dak li għandu x'jaqsam mat-tniġġis lokali, l-UE diġà għamlet ħafna kisbiet, iżda għad fadal għadd sinifikanti ta’ xogħol xi jsir. Fil-qafas tas-Suq Uniku ġew żviluppati miżuri sabiex jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-arja li jvarjaw sew bejn il-mezzi tat-trasport iżda li jiffukaw fuq il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet mill-vetturi l-ġodda (l-istandards imsejħin “EURO”), mill-bastimenti u mill-inġenji għall-mogħdija taż-żmien. Hemm ukoll livelli massimi għal ċerti sustanzi li jniġġsu fil-fjuwils, bħall-kubrit fil-fjuwil marittimu u ċ-ċomb fil-petrol, u regolamenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet matul il-ħażna u t-tqassim tal-fjuwil. Għat-trasport bil-baħar hemm rekwiżiti sabiex jiġi limitat it-tniġġis ta’ l-ilma. Il-mezzi kollha tat-trasport huma koperti b’leġiżlazzjoni ġenerali dwar fejn u kif jista’ jintrema l-iskart, u għal ċerti tipi ta' vetturi tat-toroq u l-komponenti tagħhom (per eż. t-tajers u l-batteriji) hemm rekwiżiti speċifiċi. F’dak li għandu x’jaqsam max-xiri tal-vetturi, dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet[5] li x-xiri pubbliku kollu tal-karozzi, vannijiet, karozzi tal-linja u trakkijiet għandu juża metodu li jqis l-ispejjeż tal-konsum ta' l-enerġija, ta’ l-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu matul l-użu tal-vettura tul ħajjitha kollha. Ħafna mill-proġetti l-ġodda ta' l-infrastruttura għat-trasport ukoll huma suġġetti għal regoli dwar il-valutazzjoni ambjentali u xi wħud huma suġġetti wkoll għar-regoli dwar il-ħarsien tan-natura. 2.3. It-tniġġis mill-istorbju Il-miżuri ta’ l-UE sabiex jiġi limitat it-tniġġis mill-istorbju ffukaw fuq il-provvista ta' qafas ġenerali sabiex jiġi vvalutat l-istorbju u sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ l-istorbju mill-mezzi kollha tat-trasport bil-muturi fuq l-art il-ġodda fil-qafas tas-Suq Uniku[6]. Jeżistu wkoll limiti għall-inġenji ta' l-ajru, u f’ċerti ajruporti ta’ l-UE jistgħu jiddaħħlu restrizzjonijiet iktar stretti. L-ajruporti, il-bliet il-kbar (inklużi l-portijiet tagħhom), u l-linji tal-ferroviji u t-toroq li jintużaw ħafna għandhom ukoll jiġu analizzati għall-istorbju, u fejn meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni sabiex dan jitnaqqas. Hemm ukoll limiti fuq l-istorbju mit-tajers li se jidħlu fis-seħħ mill-2009 għat-tajers ta’ bdil. 2.4. Il-konġestjoni Il-miżuri ta' l-UE għenu biex tiġi ffinanzjata kapaċità infrastrutturali akbar u alternattiva, u l-politika ta’ l-UE immirat li tmexxi lit-trasport lil hinn mill-mezzi li l-iktar fihom konġestjoni, filwaqt li fl-istess ħin immirat lejn l-iżvilupp ta' oqfsa ta' miżati komuni. Jeżistu miżuri li permezz tagħhom il-vetturi tal-ġarr il-kbar ikollhom iħallsu miżati għall-użu ta’ l-infrastruttura, kif ukoll rekwiżiti speċifiċi għall-infrastruttura ferrovjarja. Barra minn hekk, dan l-aħħar il-Kummissjoni ressqet proposta dwar il-miżati għall-ajruporti. It-trasport bil-ferrovija, fuq l-ilmijiet interni u dak marittimu jirċievu l-iktar fondi għad-dispożizzjoni dwar l-infrastruttura skond in-Netwerks Trans-Ewropej u l-programm Marco Polo, l-aktar sabiex titħeġġeġ bidla mit-trasport bit-triq. Fl-oqsma ta’ l-ajru u tal-ferroviji hemm miżuri li l-għan tagħhom huwa li jżidu l-effiċjenza fl-infrastruttura, u l-ħidma fuq it-titjib teknoloġiku fil-qasam tat-toroq għadha għaddejja. L-oqsma kollha se jgawdu mill-possibiltajiet li se joffri l-programm Galileo għall-ġestjoni tal-flotot, għall-użu bl-aħjar mod tar-rotot tat-trasport sabiex jiġu evitati l-konġestjoni u l-aċċidenti. 2.5. L-aċċidenti Is-sikurezza ilha waħda mill-oqsma ewlenin tal-politika ta’ l-UE dwar it-trasport sa minn meta din inbdiet. Hemm ħafna rekwiżiti tas-sikurezza differenti fl-UE għall-vetturi tat-toroq il-ġodda, kif ukoll rekwiżiti sabiex wieħed jingħata liċenzja tas-sewqan, rekwiżiti li jillimitaw il-veloċità tal-karozzi tal-linja u tal-kowċijiet, u rekwiżiti li jiżguraw li l-vetturi jkunu tajbin għat-toroq u li l-infrastruttura stess tkun tajba. Hemm ukoll għadd ta’ miżuri għas-sikurezza fl-oqsma tal-ferroviji u ta’ l-ilmijiet interni, li jindirizzaw il-vetturi ferrovjarji u l-bastimenti, filwaqt li fil-qasam ferrovjarju jitqiesu wkoll l-infrastruttura u l-organizzazzjonijiet. Fil-qasam marittimu hemm bosta miżuri sabiex tiżdied is-sikurezza, jiġu evitati l-aċċidenti li jinvolvu l-vapuri, il-passiġġieri u l-ekwipaġġ, u jitnaqqsu l-impatti ambjentali ta’ l-aċċidenti; dawn kollha huma appoġġati bi spezzjonijiet. Fil-qasam ta' l-avjazzjoni, il-miżuri tas-sikurezza jinkludu d-disinn u ż-żamma ta’ l-inġenju ta’ l-ajru, l-użu tiegħu kif ukoll il-liċenzji tal-persunal. L-oqsma ta’ l-avjazzjoni, ferrovjarji u marittimi għandhom rekwiżiti dwar l-investigazzjoni u r-rappurtar ta' l-aċċidenti. 3. Insibu l-prezz it-tajjeb... Li wieħed jisfrutta l-istrumenti tal-politika li diġà jeżistu bl-aħjar mod possibbli huwa kruċjali sabiex it-trasport isir aktar sostenibbli u sabiex jiġu indirizzati l-ħames impatti negattivi differenti tat-trasport. Kif imsemmi hawn fuq, li jinsab il-prezz it-tajjeb huwa mod sinifikanti kif dan iseħħ u huwa essenzjali għall-approċċ tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tressaq żewġ inizjattivi li għandhom dan il-għan: Komunikazzjoni dwar l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tat-trasport; u proposta sabiex tiġi reveduta d-Direttiva eżistenti dwar il-miżati għall-vetturi tal-ġarr il-kbar għall-użu ta’ l-infrastruttura. 3.1. L-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tat-trasport Din il-Komunikazzjoni u l-annessi tagħha jinkludu żewġ elementi. L-ewwel wieħed huwa qafas komuni biex issir stima ta’ l-ispejjeż esterni tat-trasport. Dan huwa bbażat fuq ir-riżultati ta’ ħidma ffinanzjata mill-Kummissjoni sabiex jiġu analizzati l-aħjar prattiki, sabiex tiġi proposta metodoloġija u jinħareġ ktejjeb li jkun fih valuri ta' referenza li jkunu jistgħu jintużaw għall-ispejjeż esterni. Din il-Komunikazzjoni toffri gwida dwar kif wieħed għandu juża dawn il-valuri għall-ispejjeż esterni. It-tieni element tal-komunikazzjoni hija strateġija li tistabbilixxi l-mod kif l-ispejjeż esterni jistgħu jiġu internalizzati fil-mezzi kollha tat-trasport. B’hekk tilħaq ir-rekwiżit tad-Direttiva dwar il-miżati għall-vetturi tal-ġarr il-kbar[7]. L-istrateġija tqis li għal ċertu impatti – bħall-istorbju u l-konġestjoni – l-ispejjeż li l-utenti tat-trasport jimponu fuq is-soċjetà jvarjaw fil-post, fil-ħin u skond il-mezz ikkonċernat, waqt li għal impatti oħrajn, bħall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra, dan mhuwiex il-każ. Minħabba f’hekk, l-istrateġija hija speċifika kemm għall-mezzi kif ukoll għall-impatti. Matul is-snin, il-Kummissjoni saħqet, b’mod konsistenti, dwar l-importanza ta’ l-użu ta’ strumenti ekonomiċi sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tagħha. Fi ħdan dan il-qafas, l-isforzi sabiex l-ispejjeż esterni tat-trasport jiġu internalizzati kienu parti ewlenija mill- White Paper ta’ l-2001 dwar it-Trasport u mill-analiżi ta’ nofs it-terminu tagħha ta’ l-2006. L-UE diġà bdiet tinternalizza dawn l-ispejjeż esterni permezz tar-regoli msemmija hawn fuq dwar it-tassazzjoni tal-fjuwil tal-magni, kif ukoll permezz tal-proposti tal-Kummissjoni sabiex il-qasam ta’ l-avjazzjoni jiddaħħal fl-Iskema ta’ l-UE ta’ l-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet (l-ETS) u sabiex jiddaħħal komponent tas-CO2 fit-taxxi annwali ta’ ċirkulazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi. Din l-istrateġija hija msejsa fuq dawn l-inizjattivi. Fil-qasam tat-toroq l-istrateġija tniedi azzjoni immedjata sabiex tippermetti internalizzazzjoni iktar effettiva u effiċjenti bil-proposta dwar il-miżati għall-vetturi tal-ġarr il-kbar għall-użu ta’ l-infrastruttura (ara t-Taqsima nru 3.2). It-trasport privat mhuwiex kopert minħabba l-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw sistema ta’ miżati għat-trasport kollu bit-triq u mhux għall-vetturi tal-ġarr il-kbar biss, għaliex dan joħloq inċentivi għall-utenti kollha tat-toroq biex ibiddlu l-aġir tagħhom, u b’hekk iżid l-impatti sinifikanti pożittivi. Fil-qasam ferrovjarju, il-proposta dwar l-internalizzazzjoni għall-vetturi tal-ġarr il-kbar ukoll se jkollha impatt pożittiv, billi se tagħti iktar opportunitajiet sabiex ikun hemm internalizzazzjoni fil-qasam, dejjem jekk ikun hemm internalizzazzjoni fil-mezzi l-oħra wkoll. L-istrateġija tistabbilixxi wkoll il-passi sussegwenti għall-mezzi l-oħra. Għall-mogħdijiet ta’ l-ilma interni, l-istrateġija tħabbar l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni kollha fil-qasam, u, għall-qasam marittimu, fejn l-internalizzazzjoni għad trid tibda, timpenja lill-Kummissjoni li tieħu azzjoni fl-2009 jekk l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (l-IMO) ikun għadha ma qablitx dwar miżuri konkreti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra sa dak iż-żmien, xi ħaġa li l-UE qed taħdem b’mod attiv għaliha. L-azzjoni tal-Kummissjoni tista’ tinkludi l-integrazzjoni tal-qasam fl-Iskema ta’ l-ETS ta’ l-UE. Għat-trasport marittimu, l-istrateġija se tiġi żviluppata f’konformità mal-Politika Marittima Integrata Ewropea l-ġdida[8]. Fl-istess ħin, għal aktar tard fl-2008, l-istrateġija tħabbar miżura ta’ internalizzazzjoni li tolqot diversi affarijiet: ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ l-enerġija. Din se tiżgura li t-tassazzjoni ta’ l-enerġija tikkumplimenta aħjar l-iskema ta’ l-ETS ta’ l-UE u tirrifletti aħjar l-għanijiet ta’ l-UE għat-tibdil fil-klima, għall-enerġija u għall-kwalità ta’ l-arja. L-istrateġija se tkun evalwata fl-2013. 3.2. Il-miżati għat-toroq Il-maġġoranza ta’ l-ispejjeż esterni mit-trasport ġejjin mit-trasport bit-triq, għalhekk li nsibu l-prezz it-tajjeb f’dan il-qasam hija ħaġa partikolarment urġenti. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-miżati għall-vetturi tal-ġarr il-kbar b’mod li l-Istati Membri jitħeġġu jimplimentaw sistemi ta’ miżati ddifferenzjati se ttejjeb l-effiċjenza u r-rendiment ambjentali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, xi ħaġa li hi partikolarment importanti minħabba l-kontribut sinifikanti tiegħu lejn it-traffiku u l-emissjonijiet. Bħalissa d-direttiva effettivament twaqqaf lill-Istati Membri milli jużaw is-sistemi tagħhom ta' miżati għall-użu tat-toroq jew is-sistemi li qed jiżviluppaw bl-iktar mod effettiv. Dal-ħin, il-miżati ma jistgħux jiġu kkalkulati u varjati abbażi ta’ l-ispejjeż esterni. Dan ifisser li l-Istati Membri ma jistgħux jimplimentaw inċentivi suffiċjenti għall-operaturi sabiex dawn jimmodernizzaw il-flotta tagħhom b’vetturi aktar ekoloġiċi u jadattaw l-ippjanar tar-rotot u l-loġistika tagħhom sabiex ikunu aktar sostenibbli. Il-proposta tbiddel dan billi tagħti qafas lill-Istati Membri li bih ikunu jistgħu jvarjaw il-miżati b’mod aħjar[9], skond it-tniġġis lokali (ta’ l-arja u mill-istorbju)[10] u l-konġestjoni li l-vettura partikulari toħloq meta tkun qed tintuża. Billi tnaqqas il-konġestjoni, din se tkun qiegħda tagħti wkoll kontribut sinifikanti lejn it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2. Sabiex tiżgura li l-miżati għall-użu tat-toroq ikunu proporzjonati kemm mal-ħsara ambjentali reali kif ukoll mal-konġestjoni maħluqa, u sabiex tiżgura li s-suq intern ikompli jaħdem sew, il-Kummissjoni qed tipproponi li jintuża metodu komuni u trasparenti biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż esterni. Id-Direttiva tisħaq ukoll li kwalunkwe dħul mill-iskema jkun assenjat għat-tnaqqis ta’ l-impatti ambjentali tat-trasport u tal-konġestjoni[11], u li wara perjodu tranżitorju, il-miżati jibdew ikunu intaxxati permezz ta’ sistemi elettroniċi. 4. Nieħdu miżuri kumplimentari Kif imsemmi hawn fuq, sabiex jiġu ttrattati l-effetti negattivi tat-trasport, huma meħtieġa kemm azzjoni biex insibu l-prezz it-tajjeb kif ukoll azzjoni kumplimentari. Dan huwa iktar u iktar minnu minħabba li, kif muri fil-parti tal-Komunikazzjoni dwar l-internalizzazzjoni li tittratta l-istrateġija, il-prezzijiet għal ċerti prodotti u servizzi, bħat-trasport, mhux bilfors iwasslu għal tibdil fl-aġir (jiġifieri d-domanda hija pjuttost riġida). Minħabba f'hekk, il-miżuri kumplimentari huma essenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, fl-istess ħin ma’ din il-Komunikazzjoni, qed tressaq Komunikazzjoni oħra sabiex jitnaqqas l-istorbju ferrovjarju mill-vaguni eżistenti u, matul it-18-il xahar li ġejjin, se tieħu passi addizzjonali ffukati fuq mezzi u impatti differenti. Dawn huma deskritti hawn taħt. 4.1. It-tnaqqis ta’ l-istorbju ferrovjarju Stimi juru li 10% tal-popolazzjoni ta’ l-UE hija esposta għal livelli għoljin ta’ storbju ferrovjarju, u li dan huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li qed jillimitaw aktar tkabbir tal-qasam. It-tnaqqis ta’ l-istorbju se jkollu effett pożittiv mhux biss minnu nnifsu, iżda wkoll billi l-iżvilupp tat-trasport u l-infrastruttura ferrovjarji jsiru aktar aċċettati mill-pubbliku. Jekk, minħabba f’hekk, l-infrastruttura ferrovjarja tkun tista’ titwessa’ b’mod iktar faċli u tintuża b'mod iktar flessibbli, dan għandu jgħin biex il-passiġġieri u l-merkanzija jibdew iduru mit-trasport bit-triq lejn it-trasport ferrovjarju, u b’hekk jitnaqqsu l-impatti globali tal-qasam tat-trasport fuq is-soċjetà. Minħabba li r-regoli ta’ l-UE diġà jillimitaw l-emissjonijiet ta’ l-istorbju mill-vetturi ferrovjarji l-ġodda, din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq il-vaguni eżistenti u tistabbilixxi miżuri sabiex il-biċċa l-kbira tagħhom jiġu mgħammra bi brejkijiet li ma jagħmlux ħafna storbju. L-istrateġija tgħaqqad limiti għall-emissjonijiet ta’ l-istorbju, impenji volontarji u leġiżlazzjoni li tistabbilixxi inċentivi finanzjarji. Il-Kummissjoni se tipproponi l-leġiżlazzjoni fis-sena 2008, sabiex tiżgura li, permezz ta’ l-addattament tar-regoli eżistenti dwar il-miżati għall-aċċess għal-linji tal-ferrovija, l-iskemi tal-miżati jiġu armonizzati madwar l-Ewropa kollha. Vaguni li ma jagħmlux daqshekk storbju se jiġu ntaxxati inqas minn oħrajn li jagħmlu iktar storbju sabiex ikun hemm lok għall-ħlas lura ta’ l-investiment meħtieġ. Fl-2015, it-tagħmir bi brejkijiet li ma jagħmlux ħafna storbju għandu jkun lest. Wara l-proċess ta’ “retrofitting” għandhom jiddaħħlu miżati ogħla għall-vaguni storbjużi li jkun għad baqa’ u l-Istati Membri jistgħu, jekk iridu, jistabbilixxu limiti għall-emissjonijiet ta’ l-istorbju sabiex jillimitaw l-ammont totali ta’ l-istorbju f'parti partikulari tal-linja tal-ferrovija – u b’hekk jipprovdu inċentiv sabiex jintużaw vaguni li ma jagħmlux daqshekk storbju. Sabiex jitħaffef il-pass ta’ l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ukoll impenji volontarji sabiex il-proprjetarji tal-vaguni jingħataw indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet qabel id-dati ta’ l-iskadenza legali. 4.2. Miżuri li se jittieħdu fit-18-il xahar li ġejjin 4.2.1. It-tibdil fil-klima Minħabba li t-tibdil fil-klima huwa probabbilment l-isfida ewlenija għall-UE u għat-trasport, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri sabiex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija hawn fuq. Għall-avjazzjoni, il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) mill-qasam ta’ l-avjazzjoni, waqt li fil-qasam tat-toroq, sa tmiem l-2008, se tipproponi tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-vannijiet il-ġodda, sistema għall-ittikkettar tat-tajers, u reviżjoni tad-Direttiva eżistenti dwar l-ittikkettar tal-karozzi. 4.2.2. It-tniġġis lokali Diġà jeżistu ħafna miżuri ta’ l-UE li jittrattaw it-tniġġis lokali u reġjonali, għalhekk l-inizjattivi l-ġodda jimmiraw li jsaħħuhom u jikkumplimentawhom. Minħabba l-kontribut tal-komposti organiċi volatili lejn l-ismogg, huwa importanti li wieħed jillimita l-emissjoni tagħhom huwa u jingħata l-fjuwil mill-ġdid lill-karozza fil-pompi tal-petrol. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni sabiex jintlaħaq dan il-għan. Il-proposta dwar l-NOx mill-qasam ta’ l-avjazzjoni msemmija hawn fuq għandha tagħti kontribut ukoll lejn it-tnaqqis tat-tniġġis ta’ l-arja lokali. Li wieħed inaqqas aktar il-kontenut tal-kubrit mill-fjuwils likwidi ġie identifikat bħala mod kif wieħed inaqqas l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja li huwa effettiv f'termini ta’ l-ispiża. Għal dan il-għan, fl-2009 l-Kummissjoni se tressaq proposta li se tqis il-progress sinifikanti li sar dan l-aħħar fl-IMO dwar din il-kwistjoni u li se tkun tinkludi l-fjuwils li jintużaw fit-trasport marittimu. 4.2.3. L-istorbju Minħabba l-fastidju dejjem jikber li qed joħloq l-istorbju, l-impatt tiegħu fuq is-saħħa[12], u l-effett li dan għandu li jillimita t-titjib fl-infrastruttura tat-trasport, il-Kummissjoni tqis li hu ta’ l-akbar importanza li tissokta l-isforzi tagħha sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ l-istorbju mit-trasport. Minbarra l-proposta leġiżlattiva dwar l-istorbju ferrovjarju (ara t-Taqsima nru 4.1), il-Kummissjoni tista’ tieħu aktar azzjoni sabiex tillimita l-istorbju fl-ajruporti ta’ l-UE billi tirrevedi d-direttiva eżistenti dwar l-istorbju mill-inġenji ta’ l-ajru. Fl-2009, il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li ssir reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istorbju ambjentali. 4.2.4. Il-konġestjoni Bil-konġestjoni fit-toroq stmata li tiswa madwar 1.1% tal-PGD ta’ l-UE fis-sena, il-Kummissjoni tqisha bħala prijorità li din tiġi ttrattata. L-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni permezz ta’ sistemi intelliġenti ta’ miżati għat-toroq se tkun il-mod ewlieni kif dan jitwettaq, u l-proposta sabiex tiġi reveduta d-direttiva dwar il-miżati għall-vetturi tal-ġarr il-kbar għall-użu ta’ l-infrastruttura se tkun l-istrument ewlieni ta’ l-UE fil-qasam tat-toroq. Dawn se jkunu akkumpanjati mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ finanzjament min-naħa tal-Kummissjoni fi ħdan il-programm tan-Netwerks Trans-Ewropej, għal azzjonijiet dwar sistemi elettroniċi tal-miżati għall-użu tat-toroq, f’każijiet fejn is-sistemi ta' miżati għall-użu tat-toroq ikunu ġew implimentati flimkien minn talanqas żewġ Stati Membri. Il-Kummissjoni se tiċċara wkoll sa fejn u b’liema kundizzjonijiet jista’ jiġi inkluż it-tagħmir interoperabbli li jkun abbord tal-miżati għall-użu tat-toroq. Fil-qasam ta’ l-avjazzjoni l-Pakkett ta’ dan l-aħħar dwar is-Sema Uniku għandu l-għan li jżid il-kapaċità ta’ l-ispazju ta’ l-ajru Ewropew bi tliet darbiet waqt li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ l-ajru b’ammont sa 10% għal kull titjira. 4.2.5. Miżuri li jolqtu diversi affarijiet Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll azzjonijiet li se jkollhom effetti pożittivi fuq diversi impatti negattivi, speċjalment fl-oqsma tal-ferroviji u tal-mogħdijiet ta' l-ilma interni, li joffru alternattiva għat-trasport bit-triq. Għall-ferroviji, il-Kummissjoni se tadotta proposta leġiżlattiva dwar il-merkanzija ferrovjarja u proposta li tirrevedi d-Direttiva dwar il-miżati għall-użu ta’ l-infrastruttura ferrovjarja (li se tinkludi l-bidliet imsemmija fit-Taqsima nru 4.1). Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-mobilità fl-ibliet se jqis il-ħames impatti negattivi kollha u se jipproponi azzjonijiet b’valur miżjud ċar għall-UE filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan se jagħmel differenza bejn azzjonijiet li jistgħu jitwettqu f’terminu ta’ żmien qasir, u dawk li jistgħu jitwettqu f’terminu ta’ żmien medju jew fit-tul. Il- Green Paper dwar in-Netwerks tat-Trasport Trans-Ewropej se tirrevedi l-politika eżistenti, toħroġ it-tagħlimiet minnha, u tqis kif din il-politika tista’ titmexxa ’l quddiem bl-aħjar mod fis-snin li ġejjin. Dan se jinkludi t-tisħiħ tad-dimensjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli tan-netwerks u l-kunsiderazzjoni ta’ kif dawn jistgħu jagħtu l-aħjar kontribut biex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima. Il-pjan ta’ azzjoni dwar is-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport għat-Toroq, li se jkun akkumpanjat minn inizjattiva leġiżlattiva, se jistabbilixxi approċċ komuni sabiex it-teknoloġiji eżistenti jitqiegħdu fis-suq u jibdew jintużaw. Dan għandu jgħin biex jiġu identifikati sett ta’ applikazzjonijiet ewlenin ta’ l-ITS madwar l-Ewropa kollha, biex jitfassal l-argument kummerċjali għalihom, biex jiġu organizzati r-riċerka u l-validazzjoni meħtieġa, u biex ikun hemm ġestjoni ta’ l-implimentazzjoni tagħhom madwar l-Ewropa mill-operaturi tat-toroq, mill-industrija, minn dawk li jipprovdu s-servizzi u mill-utenti tat-toroq. Dawn it-teknoloġiji se jgħinu biex titnaqqas il-konġestjoni, filwaqt li jiżdiedu s-sikurezza u l-effiċjenza tal-fjuwil billi jippermettu lit-trasportaturi u lill-pubbliku li jivvjaġġa biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom sabiex jevitaw il-konġestjoni tat-traffiku, kif ukoll billi jippermettu lill-awtoritajiet governattivi jidderieġu t-traffiku lil hinn miż-żoni fejn dan ikun se jagħti kontribut sinifikanti lejn it-tniġġis ta’ l-arja lokali. Barra minn hekk, l-użu, b’mod aktar effiċjenti, ta' l-infrastruttura li diġà teżisti se jfisser li jkun hemm bżonn ta' inqas infrastruttura ġdida, u b’hekk se jiġu evitati l-frammentazzjoni tal-ħabitat u t-tgħattija permanenti tal-ħamrija. Parti minn dan il-pjan se jkun ukoll l-użu ta’ l-applikazzjonijiet tal-programm Galileo fil-ġejjieni. 5. Konklużjoni Il-kisba tal-mobilità sostenibbli teħtieġ sforzi mill-partijiet interessati kollha u mhux biss min-naħa tal-Kummissjoni. Filwaqt li t-tliet inizjattivi l-ġodda li jakkumpanjaw lil din il-Komunikazzjoni (il-komunikazzjonijiet dwar l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni tat-trasport u dwar it-tnaqqis ta’ l-istorbju ferrovjarju, kif ukoll il-proposta sabiex tiġi reveduta d-Direttiva dwar il-miżati għall-vetturi tal-ġarr il-kbar għall-użu ta’ l-infrastruttura) u l-miżuri l-oħra kollha mniżżlin fiha huma kontribut ieħor min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tintlaħaq l-isfida, hija meħtieġa azzjoni kkonċertata mill-partijiet interessati kollha sabiex tiżdied l-effettività tagħhom. It-tliet miżuri l-ġodda li jakkumpanjaw lil din il-komunikazzjoni jkomplu jibnu fuq il-ħafna inizjattivi li diġà jeżistu, li huma mniżżlin fl-inventarju mehmuż, sabiex isir progress fit-terminu ta’ żmien qasir sa dak medju; madanakollu, il-Kummissjoni qed tħares ukoll fit-tul. Fl-2009, il-Kummissjoni se tressaq rapport dwar xenarji fit-tul għall-iżvilupp tal-politika tat-trasport fl-għoxrin sa l-erbgħin sena li ġejjin u se tibda riflessjonijiet interni dwar is-segwitu tal- White Paper attwali dwar it-trasport, li se tibqa’ fis-seħħ sa l-2010. Huwa ċar li, hija u tiġi żviluppata kwalunkwe politika għall-ġejjieni, għadd ta' kwistjonijiet iridu jiġu segwiti mill-qrib, inkluż li tingħata tweġiba għal kwalunkwe segwitu għall-Protokoll ta' Kjoto maqbul għal wara l-2012 u li jiġu sfruttati l-għadd kbir ta' possibilitajiet li joffri l-programm Galileo. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill japprovaw dan l-approċċ. [1] COM (2006) 314. [2] Per eżempju, għall-ħlas għall-konġestjoni, li dan ikun jirrifletti l-post u l-ħin tal-ġurnata. [3] Ir-Riżoluzzjoni tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar politika Ewropea dwar it-trasport sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-politiki Ewropej dwar l-enerġija u l-ambjent - ir-Rapportatur: Is-Sur Albertini. [4] Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2008. [5] COM (2007) 817. [6] Inkluż, per eżempju, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ l-interoperabbiltà fil-qasam tal-ferroviji. [7] Id-Direttiva 2006/38/KE li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi. [8] COM (2007) 575. Din il-politika tinkludi għadd ta’ proposti li jtejbu s-sostenibbiltà tat-trasport marittimu (li jagħmluh aktar ekoloġiku). Għal aktar dettalji ara t-Taqsima nru 4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Inventarju għal trasport aktar ekoloġiku bin-numru SEC(2008) 2206. [9] Sakemm jiġu rkuprati biss l-ispejjeż għall-infrastruttura u suġġett għal għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma jinħoloq l-ebda dħul addizzjonali, id-direttiva eżistenti tippermetti differenzjazzjoni limitata tal-miżati għall-użu tat-toroq. [10] L-ispejjeż tas-CO2 se jiġu ttrattati, permezz tat-taxxi tal-fjuwil, bħala parti mir-reviżjoni mistennija tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ l-enerġija. [11] Per eżempju, għal infrastruttura, ġestjoni tat-traffiku u riċerka alternattivi. [12] Ara, per eżempju, COM(2008) 66 dwar l-istorbju ta’ l-ajruporti.