Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0432

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill- Parlament Ewropew u lill- Kunsill - Miżuri għat-tnaqqis ta' l-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti {SEG(2008) 2203} {SEG(2008) 2204}

/* KUMM/2008/0432 finali */

52008DC0432

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill- Parlament Ewropew u lill- Kunsill - Miżuri għat-tnaqqis ta' l-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti {SEG(2008) 2203} {SEG(2008) 2204} /* KUMM/2008/0432 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.7.2008

KUMM(2008) 432 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT EWROPEW U LILL- KUNSILL

Miżuri għat-tnaqqis ta' l-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti{SEG(2008) 2203}{SEG(2008) 2204}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT EWROPEW U LILL- KUNSILL

Miżuri għat-tnaqqis ta' l-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti

1. Introduzzjoni

Il-problema ta’ l-istorbju ferrovjarju

L-istorbju huwa waħda mill-aktar theddidiet mifruxa għas-saħħa pubblika fil-pajjiżi industrijalizzati. It-tnaqqis ta’ l-istorbju għalhekk huwa meħtieġ mhux biss għall-kumdità iżda wkoll biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tiegħu fuq is-saħħa, pereżempju problemi kardjovaskulari u tfixkil konjittiv.

Il-ferroviji ġeneralment jitqiesu bħala wieħed mill-aktar mezzi tat-trasport ekoloġiċi. Madankollu, il-kontribut tat-trasport ferrovjarju għat-tniġġis mill-istorbju huwa sinifikanti, u madwar 10% tal-popolazzjoni hija esposta għal livelli ta' storbju li jaqbżu l-limitu ta' "irritazzjoni serja"[1].

F’ċerti reġjuni Ewropej hemm oppożizzjoni pubblika sostanzjali għall-istorbju ferrovjarju, li teżiġi inizjattivi politiċi sabiex dan jitnaqqas. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni ta’ rimedju, dan jista’ jwassal għal restrizzjonijiet fuq it-traffiku ferrovjarju mar-rotot ferrovjarji Ewropej l-aktar importanti, partikolarment il-ferroviji merkantili, u l-punti ta’ konġestjoni li jirriżultaw x’aktarx ikollhom effetti negattivi fuq l-ekonomiji Ewropej. Barra minn hekk, ċaqliqa modali mill-ferroviji għat--triq fuq dawn ir-rotot twassal għal impatti ambjentali dejjem akbar, partikolarment l-emissjonijiet tal-gassijiet serra minħabba li l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 mit-trasport ferrovjarju huwa ferm inqas minn dawk mit-trasport tat-triq. Dan jiġri f’waqt meta l-Komunità qed tqis l-opportunità li tiżviluppa netwerk ferrovjarju li jagħti prijorità lit-trasport tal-merkanzija[2].

Azzjonijiet li diġà ttieħdu

Il-Komunità Ewropea diġà ħadet azzjoni dwar din il-kwistjoni, u adottat miżuri fl-oqsma ambjentali u ta’ l-interoperabilità ferrovajrja.

Id-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali 2002/49/KE[3] tipprovdi għal mapep strateġiċi ta’ l-istorbju (li kellhom jiġu mfassla sa Ġunju 2007) u pjanijiet ta' azzjoni (sa Ġunju 2008) għal-linji ferrovjarji ewlenin u agglomerazzjonijiet kbar.

Fl-2003 l-esperti[4] identifikaw l-istorbju tal-vaguni ferrovjarji huma u għaddejjin bħala l-akbar sors ta’ storbju ferrovjarju. It-teknoloġija attwali tat-twaqqif (blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut li jorbtu fuq l-uċuh tar-roti) tipproduċi uċuh raffi tar-roti u dan b’hekk iwassal għal livell għoli ta' vibrazzjoni tal-binarji u tar-roti. Billi l-ferroviji tal-merkanzija spiss joperaw bil-lejl, l-emissjonijiet tagħhom ta’ l-istorbju huma saħansitra aktar kritiċi.

L-esperti rrakkomandaw li tingħata prijorità lill-miżuri f’ras il-għajn (il-vetturi u l-binarji) peress li dawn huma l-aktar ekonomiċi. Madankollu, skond ċifri riċenti[5], kull sena fl-Ewropa jintefqu total ta’ 150-200 miljun euro fuq il-bini ta’ lqugħ għall-istorbju. L-ilqugħ għall-istorbju jista’ jkun element effettiv fi programmi għat-tnaqqis ta’ l-istorbju fejn meħtieġ, pereżempju f’żoni urbani b’densità għolja. Jekk l-ilqugħ jintuża flimkien ma' miżuri f’ras il-għajn, it-tul u/jew l-għoli ta’ l-ilqugħ jista’ jitnaqqas, u dan iwassal għal iffrankar sinifikanti ta’ l-ispejjeż.

Sabiex jiġu solvuti l-problemi f’ras il-għajn u tinkiseb l-interoperabbiltà mal-linji ferrovjarji, f'Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà relatati ma' istorbju ferrovjarju’ (TSI ta’ l-istorbju)[6] li jintroduċu limiti għall-vetturi ferrovjarji li jintużaw fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-limiti japplikaw għal vetturi ferrovjarji ġodda u mġedda, fosthom vetturi tal-merkanzija, li jkollhom ikunu mgħammra bi blokok tal-brejkijiet ta' storbju baxx, li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' l-istorbju b'50%.

Il-ħtieġa għal aktar azzjoni fuq livell Ewropew

Madankollu, minħabba l-ħajja twila tal-vetturi ferrovjarji, ikollhom jgħaddu diversi snin qabel l-emissjonijiet globali ta’ l-istorbju mill-ferroviji tal-merkanzija jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti skond il-leġiżlazzjoni eżistenti u jekk ma jiġu introdotti l-ebda miżuri addizjonali li jindirizzaw il-flotta eżistenti.

Illum, madwar 50% tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija huwa internazzjonali u b’konsegwenza għadd kbir ta’ vaguni jgħaddu minn diversi netwerks nazzjonali. Peress li anke għadd żgħir ta’ vaguni storbjużi jkollhom effett sinifikanti u jiddeterminaw l-impatt ta’ l-istorbju, strateġiji nazzjonali għat-tnaqqis ta’ l-istorbju waħedhom ma jistgħux isolvu l-problema b’mod tajjeb biżżejjed. Barra minn hekk, approċċi nazzjonali differenti jista’ jkollhom impatt negattiv fuq ir-rotot transkonfinali u jistgħu jagħtu vantaġġi kompetittivi lil ċerti atturi u mhux lil oħrajn.

Għalhekk, it-tnaqqis effettiv ta’ l-istorbju ferrovjarju jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod billi l-azzjonijiet li diġà jittieħdu mill-Istati Membri jiġu appoġġati minn azzjoni Komunitarja għat-tnaqqis ta’ l-istorbju ferrovjarju.

2. L-għanijiet u l-ambitu ta’ l-azzjoni Komunitarja

L-għan ta’ l-azzjoni Komunitarja huwa li jitnaqqas l-esponiment taċ-ċittadini għall-istorbju ferrovjarju billi jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta’ programmi għat-tnaqqis ta’ l-istorbju ferrovjarju biex l-emissjonijiet ta’ storbju mill-ferroviji tal-merkanzija jitnaqqas mingħajr theddid għall-kompetittività tal-merkanzija ferrovjarja, u dan billi l-vaguni tal-merkanzija jiġu mgħammra mill-ġdid bi brejkijiet bi storbju baxx bħala l-aktar tip ta’ miżuri ekonomika.

It-tagħmir mill-ġdid fil-prinċipju għandu jinkludi l-vaguni merkantili Ewropej kollha b’kilometraġġ annwali ta’ aktar minn 10 000 km u li jkunu mistennija jibqgħu joperaw għal mhux inqas minn ħames snin. Minħabba l-użu sporadiku ta’ vaguni b’kilometraġġ ta’ inqas minn 10 000 km fis-sena (15% tal-flotta), dawn huma responsabbli għal inqas minn 3% tar-rendiment kumplessiv tat-trasport tal-flotta merkantili. Għalhekk għandhom jingħataw prijorità il-vaguni b’kilometraġġ annwali ogħla fit-tagħmir mil-ġdid biex it-tnaqqis ta’ l-istorbju jkun massimizzat fi stadju bikri. Dawn iż-żewġ eżenzjonijiet inaqqsu b’mod sinifikanti l-ispiża tat-tagħmir mill-ġdid mingħajr ma jkunu ta’ theddida għall-mira li jitnaqqas l-istorbju.

Id-data fil-mira biex jitlesta l-eżerċizzju ta’ tagħmir mill-ġdid tkun l-2015. Il-valutazzjoni ta’ l-impatt[7] uriet li l-flotta tal-vaguni Ewropej tista’ tiġi mgħammra mill-ġdid b’mod fattibbli sa din id-data, bil-kundizzjoni li jintużaw teknoloġiji xierqa għal dan l-għan.

Minkejja li l-valutazzjoni ta’ l-impatt iffokat fuq is-sistem tal- 1435mm gauge (peress li f’dawn in-netwerks Ewropej ta’ standard-gauge hija meħtieġa azzjoni fuq il-livell Ewropew minħabba l-effikaċja limitata tal-miżuri nazzjonali), il-miżuri proposti jistgħu wkoll jiġu applikati għal sistemi ta' gauge wiesa'. Fejn meħtieġ, il-kooperazzjoni tal-pajjiżi ġirien hemm bżonn li tiġi żgurata.

3. Tagħmir mill-ġdid: Ostakli u benefiċċji

Fl-aħħar 10 snin, l-industrija żviluppat diversi tipi ta’ blokok kompożiti tal-brejkijiet, sabiex jiġu sostitwiti l-blokok konvenzjonali tal-ħadid fondut li huma s-sors ewlieni ta’ nuqqas ta’ uniformità ma’ l-uċuh tal-binarji u tar-roti. Dawn il-blokok tal-brejkijiet jippermettu li l-istorbju perċepit tal-vetturi mexjin jitnaqqas saħansitra b'50%. L-hekk imsejħa K-blocks[8] huma teknoloġija li wriet xi ssarraf għal vaguni l-ġodda, iżda dawn jinvolvu spejjeż għolja biex jitwaħħlu fuq vaguni eżistenti. Tipi oħra, l-hekk imsejħa LL-blocks[9], b’hekk qed jiġu żviluppati speċifikament għat-tagħmir mill-ġdid. Fil-bidu ta’ l-2008, tip wieħed ta’ K-blocks irċieva l-omologazzjoni definittiva mill-UIC[10], filwaqt li tliet tipi ta’ LL-blocks għandhom omologazzjoni proviżorja

Skond l-istudju tal-valutazzjoni ta' l-impatt, sa 370 000 vagun jeħtieġ li jiġu mgħammra mill-ġdid, u madwar żewġ terzi minnhom huma proprjetà ta' l-impriżi ferrovjarji operattivi u terz ta’ privati (inklużi operaturi tat-trasport ikkombinat u impriżi ferrovjarji żgħar).

Bit-teknoloġija tal-lum, it-tagħmir mill-ġdid iwassal għal spejjeż ta’ investiment fil-medda ta’ bejn 200 u 700 mijun euro (LL-blocks) jew 1.0 – 1.8 biljun euro (K-blocks) u għal spejjeż ta' manutenzjoni addizjonali ta’ madwar 200-400 miljun euro (aggregati sa l-2025, għaż-żewġ teknoloġiji).

Il-benefiċċji ewlieni tat-tagħmir mill-ġdid huwa t-tnaqqis sa 50% ta’ l-emissjonijiet ta’ l-istorbju mill-ferroviji merkantili u b’hekk it-tnaqqis ta’ l-għadd ta’ persuni li huma affettwati ħafna mill-istorbju ferrovjarju b’madwar 16-il miljun. Ir-riżultati ta’ l-istudju ta’ l-ispejjeż-benefiċċji juru benefiċċji netti konsiderevoli tat-tagħmir mill-ġdid fil-medda ta' 3 sa 10 meta mqabbla ma' l-ispejjeż. Dan mingħajr jitqiesu l-benefiċċji kbar tat-tagħmir mill-ġdid li ma jistgħux jiġu kkwantifikati, bħalma huma l-iffrankar li jirriżulta mit-tnaqqis fil-programmi infrastrutturali ta' tnaqqis ta' l-istorbju, spejjeż imnaqqsa ta' manutenzjoni għall-infrastruttura ferrovjarja u żieda fl-effiċjenza tal-ġestjoni tal-flotta.

L-ostaklu ewlieni għat-tagħmir mill-ġdid tal-vaguni tal-merkanzija fuq skala kbira huwa wieħed finanzjarju u anke jekk jintlaħaq qbil komuni li l-aktar mezz ekonomiku għat-tnaqqis ta’ l-istorbju ferrovjarju, il-partijiet interessanti m’għandhomx biżżejjed riżorsi jew inċentivi biex jagħmlu dan.

4. Miżuri għall-implimentazzjoni u l-appoġġ tat-tagħmir mill-ġdid

Biex tegħleb l-ostakli għat-tagħmir mill-ġdid, il-Kummissjoni analizzat miżuri differenti u kkonkludiet li kombinazzjonijiet ta’ strumenti ta’ politika huma aktar xierqa u effettivi minn miżuri individwali (ara r-rapport tal-valutazzjoni ta' impatt).

L-aqwa soluzzjoni li ġiet identifikata hija kombinazzjoni ta’ tariffi ta’ l-aċċess għall-binarji skond l-istorbju kkawżat, limiti għall-emissjonijiet ta’ l-istorbju u impenji volontarji. Il-vantaġġi ewlenin ta’ din l-għażla huma l-ogħla benefiċċji f’termini ta’ tnaqqis ta’ l-istorbju (bi proporzjon ta’ benefiċċji/spejjeż sa 10), spejjeż potenzjalment aktar baxxi minn strumenti oħra bħal sussidji diretti, u l-applikazzjoni wiesgħa tagħha għal vaguni rreġistrati fi Stati membri differenti u saħansitra barra l-UE. L-istrument ibbażat fuq is-suq ta’ tariffi differenzjati ta’ l-aċċess għall-binarji tipprovdi wkoll inċentivi biex tingħata prijorità lill-vaguni li jintużaw l-aktar. Barra minn hekk, il-limiti ta’ emissjonijiet ta’ l-istorbju jistħgu jgħinu biex tittejjeb l-effikaċja tat-tariffi differenzjati għall-aċċess tal-binarja hekk kif l-impriżi ferrovjarja jkollhom aktar inċentivi għat-tagħmir mill-ġdid.

4.1. L-introduzzjoni ta’ tariffi differenzjati ta’ l-aċċess għall-binarji

F’konformità mal-prinċipju "Nistabbilixxu Prezzijiet Tajbin"[11] bħala rekwiżit għall-ipprezzar effiċjenti għat-trasport, l-introduzzjoni ta' tariffi differenzjati ta' aċċess għall-binarji tikkostitwixxi l-element ewlieni tal-ġabra ta' miżuri għall-promozzjoni tat-tagħmir mill-ġdid tal-vaguni.

Fuq il-livell Ewropew, id-Direttiva 2001/14/KE[12] tarmonizza l-prinċipji ta’ l-ipprezzar. Wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li t-tariffi infrastrutturali jistgħu iqisu l-ispiża ta’ l-impatt ambjentali ta’ l-operazzjonijiet ferrovjarji, inkluż l-istorbju. Kwalunkwe differenzjazzjoni fit-tariffi fil-prinċipju għandha tirrifletti l-kobor ta’ l-impatt fuq l-ambjent. Jistgħu jintużaw bħala inċentiv tliet mudelli bażiċi ta’ tariffi ta’ l-aċċess għall-binarji.

- sistema bi spejjeż newtrali ta’ bonus malus fejn l-aktar vaguni silenzjużi jiffaċċaw tariffi mnaqqsa u dawk l-aktar storbjużi jkollhom tariffi ogħla;

- sistema ta ’ bonus li tikkonsisti minn tariffi mnaqqsa li jippermetti t-tagħmir mill-ġdid ta' vaguni eżistenti u li għandhom livelli għoli ta' emissjonijiet ta' l-istorbju; il-korp ta’ ġestjoni ta’ l-infrastruttura jirċievi kumpens finanzjarju mill-Istat Membru;

- sistema ta’ malus li tikkonsisti f’tariffi ogħla ta’ vaguni storbjużi.

Peress li d-Direttiva 2001/14/KE ma tippermettix żieda fid-dħul globali (sakemm m’hemmx tariffi simili għal mezzi tat-trasport li jikkompetu), sistema ta’ malus tkun fattibbli biss meta tiġi applikata tariffa komparabbli għat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Id-Direttiva proposta dwar l-Eurovignette[13] se tintroduċi tariffa esterna fuq it-trasport tal-merkanzija bit-triq u għalhekk ikun possibbli – fil-każ ta’ tariffi applikati għal livell komparabbli tat-trasport tat-triq - li t-tariffi ta’ l-aċċess għall-binarji jkunu jistgħu jiġu mmodulati aktar fil-wisgħa.

Fir-rigward tas-sistema tal- bonus , l-istudju tal-valutazzjoni ta’ l-impatt wera li jkun meħtieġa inċentivi ekonomiċi biex is-sidien jgħammru l-vaguni tagħhom mill-ġdid fil-fażi tal-bidu. Dan ikun iġġustifikat biex tiġi limitata ċ-ċaqliqa mis-sistema ferrovjarja għal mezzi oħra tat-trasport b’konsegwenza ta’ l-ispejjeż li jkollhom iġorru l-flotot ferrovjarji għat-tagħmir mill-ġdid.

Is-sistema tal- bonus tqajjem il-mistoqsija ta’ konsistenza mar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, fid-dawl tal-kumpens pubbliku għar-rifużjonijiet fuq it-tariffa infrastrutturali. Huwa għalhekk li l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijijet ċari u trasparenti bħalma huma:

- l-implimentazzjoni tagħha għandha tkun għal perjodu ta’ żmien limitat biex it-tagħmir mill-ġdid ikun jista’ jinbeda u l-investiment inizjali jkun jista’ jiġi mifdi;

- għandha tingħata lill-utenti b’mod ugwali u mhux diskriminatorju;

- l-intensità tagħha għandha tkun proporzjonata għall-iskop, jiġifieri li jiġi pprovdut inċentiv finanzjarju fil-fażi tal-bidu tal-programm ta' tagħmir mill-ġdid.

Is-sistemi tal- bonus jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u f’dawk il-każijiet ikollhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE u evalwati skond il-linji ta’ gwida rilevanti.

Wara l-fażi tal-bidu, li tkun tista’ tintemm meta l-maġġoranza tal-vaguni meqjusa jkunu ġew mgħammra mill-ġdid, ma jkun hemm l-ebda ħtieġa ulterjuri għas-sistema tal- bonus. Minflok, sistema ta’ bonus-malus bi spejjeż newtrali tista’ tipprovdi inċentivi biex jiġu segwiti programmi ta’ tagħmir mill-ġdid u sabiex tiġi stimulata l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji iktar innovattivi bi storbju baxx li jmorru lil hinn mill-valuri ta’ limitu preżenti tat-TSI.

Tariffi ta’ l-aċċess għall-binarji skond l-istorbju jirreferu għal vaguni individwali u l-kilometri li jaħdmu huma jew il-fusien tagħhom fuq linja partikolari. Il-bonus għandu jingħata lill-vaguni silenzjużi kollha (inklużi dawk li diġà huma konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċii għall-interoperabbiltà) sabiex is-sidien tal-vaguni li jinvestu fit-tiġdid tal-flotta tagħhom ma jkunux penalizzati u sabiex jiġi promoss l-użu ta’ vaguni silenzjużi peress li l-użu tagħhom biss iwassal għal tnaqqis ta’ l-istorbju. Barra minn hekk, għal-linji ferrovjarji f’żoni sensittivi għall-istorbju u/jew bil-lejl, bonus addizjonali għall-vaguni silenzjużi jista' jipprovdi inċentivi għall-impriżi ferrovjarji biex jadattaw il-ġestjoni tal-flotta tagħhom għall-ħtiġijiet ta' dawn iż-żoni. Jekk rilevanti, il-vaguni tal-passiġġieri jistgħu jiġu integrati fl-iskemi ta’ l-ipprezzar.

Fil-valutazzjoni ta’ l-impatt, problema prattika marbuta mat-tariffi differenzjati ta' l-aċċess għall-binarji ġiet identifikata: il-fatt li l-entità li tirċievi l-bonus għall-istorbju mnaqqas mhux bilfors tkun l-istess entità li tkun responabbli għall-finanzjament tat-tagħmir mill-ġdid. Peress li l-kiri tal-vaguni jista’ jitqies bħala suq li qed jaħdem, adattament korrispondenti tal-prezzijiett al-kiri huwa mistenni: il-vaguni silenzjużi li jwasslu għal inqas spejjeż f'tariffi ta’ l-aċċess għall-binarji se jaqilgħu renti ogħla fis-suq, għaliex dak li jkun ikun lest li jħallas aktar għalihom. Madankollu, impenn volontarju ta’ l-atturi kkonċernati jista’ jappoġġa dan il-proċess billi jipprovdi trasparenza tal-flussi finanzjarji marbuta mat-tagħmir mill-ġdid u t-tariffi.

Tariffi differenzjati ta’ l-aċċess għall-binarji jirrikjedu sistema ta' identifikazzjoni awtomatika u softwer ta' pprezzar marbut mas-sistemi ta' identifikazzjoni u r-reġistri nazzjonali tal-vettur’. Il-kejl ta' l-istorbju mhux meħtieġ. L-użu ta’ applikazzjonijiet telematiċi għall-merkanzija ferrovjarja skond l-Ispeċifikazzjoni Teknika rilevanti għall-Interoperabbiltà (TAF TSI)[14] tkun tipprovdi l-bażi teknika għal identifikazzjoni awtomatika bħal din.

Skond il-Pjan Strateġiku Ewropew għall-Mobilitazzjoni li twassal mis-settur ferrovjarju, il-funzjonijiet kollha inklużi dawk fuq movimenti individwali tal-vaguni se jiġu implimentati sa Jannar 2014. Barra minn hekk, proporzjon għolja tal-funzjonijiet se jkunu disponibbli fi stadju aktar bikri.

L-introduzzjoni mhux armonizzata ta’ dawn it-tariffi differenzjati skond l-istorbju ta’ l-aċċess għall-binarji, jiffaċċaw is-sogru, fuq il-livell nazzjonali, li ma jkunux effettivi, peress li l-inċentiv għall-impriżi ferrovjarji jista' ma jkunx suffiċjenti jekk ikunu biss ftit Istati Membri li jintroduċu dawn l-iskemi, il-perjodi ta' żmien allokati jkunu kontradittorji, u t-tipi differenti ta' vaguni silenzjużi jiġu ttrattati b'mod differenti. L-ispejjeż amminitrattivi għal skemi mhux armonizzati wkoll ikunu għolja żżejjed. Dan l-istrument, li jipprovdi l-inċentivi meħtieġa għat-tagħmir mill-ġdid, għalhekk jeħtieġ li jiġi implimentat simultanjament fuq bażi mandatorja u armonizzata fl-Istati Membri kollha kkonċernati. Minbarra l-armonizzazzjoni ta’ l-elementi ewlenin ta’ l-iskemi ta’ pprezzar, l-iżvilupp ta’ sistema komuni ta’ klassifikar ta’ l-istorbju għall-vaguni hija meħtieġa.

Għall-implimentazzjoni ta’ tariffi differenzjati ta’ l-aċċess għall-binarji, huma meħtieġa sforzi konġunti mis-settur ferrovjarju, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea.

Matul ir-riformulazzjoni tad-Direttiva 2001/14/KE, il-Kummissjoni se tipproponi rekwiżiti ġuridiċi għall-implimentazzjoni ta’ tariffi differenzjati skond l-istorbju għall-aċċess tal-binarji .

Il-korpi ta’ tmexxija ta’ l-infrastruttura jadattaw l-iskemi ta’ pprezzar skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja. Barra minn hekk, huma responsabbli għall-istallazzjoni ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni u l-għodod ta’ l-IT meħtieġa. L-ikkompletar tal-programmi ta’ tagħmir mill-ġdid huwa mistenni sa tmiem l-2015, jekk jitħalla perjodu ta' tliet snin għall-bdil tal-blokok tal-brejkijiet.

Sabiex issir tħejjija għall-implimentazzjoni tat-tariffi ta’ l-aċċess għall-binarji differenzjati skond l-istorbju l-Kummissjoni se tniedi studju sabiex tiżviluppa u tarmonizza elementi importanti għal dawn l-iskemi.

4.2. L-introduzzjoni ta’ limiti għall-emissjonijiet ta’ l-istorbju bħala t-tieni pass.

Il-limitu ta’ l-emissjonijiet ta’ l-istorbju jirrestrinġi l-emissjonijiet medji f’perjodu determinat f’post determinat fuq il-linja ferrovjarja. Pereżempju, l-emissjonijiet attwali ta’ l-istorbju jistgħu jitqiesu bħala limitu biex l-istorbju ma jitħalliex jiżdied jekk it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jiżdied. Skond id-Direttiva 2002/49/KE, l-Istati Membri huma ġuridikament kompetenti biex jistabbilixxu limiti bħal dawn fuq l-istorbju ambjentali.

Il-limitu ta’ l-emissjonijiet ta’ storbju jħalliha f’idejn is-settur ferrovjarju biex isib l-aqwa soluzzjonijiet: l-impriża ferrovjarja tista’ tuża vetturi b’emissjonijiet aktar baxxi sabiex iżżid l-għadd u/jew il-veloċità tal-ferroviji mingħajr ma taqbeż il-limiti ta’ l-istorbju. Il-limitu ta’ l-emissjonijiet ta’ l-istorbju għalhekk jagħti inċentiv biex jintużaw vetturi bi storbju baxx. Il-limiti ta’ l-emissjonijiet ta’ l-istorbju jistgħu jindirizzaw direttament “punti kritiċi ta’ storbju” fin-netwerk Ewropew kif ukoll il-perjodi sensittivi ta’ filgħaxija u ta’ bil-lejl. Miżuri marbuta ma’ l-infrastruttura wkoll huma koperti minn dan l-istrument, u dan iwassal għal approċċ olistiku għat-tnaqqis ta’ l-istorbju ferrovjarju.

Sabiex jinżamm it-tnaqqis ta' l-istorbju miksub permezz tat-tagħmir mill-ġdid, il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu limiti għall-emissjonijiet ta' l-istorbju għal linji ewlenin tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bħala t-tieni pass wara li jkunu tlestew il-programmi inizjali ta' tagħmir mill-ġdid. Madankollu, l-analiżijiet tal-benefiċċji-spejjeż għandhom isiru qabel l-introduzzjoni ta’ dan l-istrument filwaqt li jitqies it-tnaqqis fl-istorbju li diġà jkun inkiseb sa dik id-data permezz tat-tagħmir mill-ġdid u mezzi oħra.

4.3. Impenji volontarji mis-settur ferrovjarju

Impenji volontarji anċillari jistgħu jiggarantixxu l-effikaċja ta’ tariffi differenzjati ta’ l-aċċess għall-binarji u jgħinu fl-aċċellerazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tagħhom saħansitra qabel ma jidħlu fis-seħħ ir-rekwiżiti ġuridiċi.

Impenji volontarji minn impriżi ferrovjarji dwar it-trasferiment tal-bonuses għat-tnaqqis ta’ l-istorbju, li jirċievu mill-korpi ta’ ġestjoni ta’ l-infrastruttura lis-sidien tal-vaguni (meta ma jużawx il-vaguni tagħhom stess) jappoġġaw mekkaniżmi tas-suq sabiex jiżguraw li l-bonus għall-istorbju mnaqqas ikun jista’ jintuża bħala finanzjament ta’ l-ispejjeż ta’ tagħmir mill-ġdid.

Barra minn hekk, impenji volontarji mis-settur biex iwaqqfu u jimplimentaw programmi individwali ta’ tagħmir mill-ġdid malajr kemm jista’ jkun jwasslu għal koordinament aħjar ta’ attivitajiet individwali u jżidu l-viżibbiltà ta’ l-azzjoni.

Sabiex l-istorbju ferrovjarju jitnaqqas malajr kemm jista’ jkun, minbarra l-attivitajiet leġiżlattivi, il-Kumissjoni tirrakkomanda l-implimentazzjoni volontarja tat-tariffi differenzjati ta ’ l-aċċess għall-binarji (kif indikat fit-taqsima 4.1). L-iskemi volontarji li għandhom jiġu introdotti miż-"żwiemel" jeħtieġ li jkunu kkoordinati fuq il-livell Ewropew. Għal dan l-għan il-Kummissjoni tista’ toħroġ linji ta’ gwida xierqa u tistabbilixxi gruppi ta’ esperti.

Il-Kumissjoni Ewropea tħeġġeġ lis-settur ferrovjarju jikkonkludi impenji volontarji bħal dawn mingħajr dewmien.

4.4. Spejjeż imnaqqsa għat-tagħmir mill-ġdid

Spejjeż sinifikanti ta’ investiment u manutenzjoni addizjonali ġew identifikati bħala l-ostaklu ewlieni għat-tagħmir mill-ġdid. Madankollu, l-eżempji tat-tagħmir mill-ġdid ta’ vaguni bi blokok tal-brejkijiet kompożiti (mhux omologati mill-UIC) fil-Portugall u fir-Renju Unit juru li t-tagħmir mill-ġdid bi spejjeż newtrali huwa possibbli.

Huwa ċar li t-teknoloġija disponibbli llum ma tista' titqies bħala biżżejjed għat-tagħmir mill-ġdid fuq skala Ewropea. Il-Kummissjoni għalhekk tħeġġeġ lill-industrija tkompli tiżviluppa blokok tal-brejkijiet kompożiti f’kooperazzjoni mill-qrib ma impriżi ferrovjarji u s-sidien tal-vaguni sabiex l-ispejjeż jitnaqqsu b'mod sinifikanti. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa proġetti xierqa ta’ riċerka u ta’ dimostrazzjoni fi ħdan il-programmi eżistenti FP7 u LIFE+.

Għal darb’ oħra matul il-konsultazjzoni pubblika, il-ħtieġa għall-iċċarar, il-valutazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-proċedura ta' omologazzjoni għall-blokok kompożiti tal-brejkijiet ġiet identifikata bħala miżura anċillari importanti li wkoll twassal għal spejjeż imnaqqsa tat-tagħmir mill-ġdid. Il-Kummissjoni għalhekk se tirrevedi l-proċess attwali ta’ awtorizzazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea sabiex isir aktar effiċjenti, trasparenti u f’waqtu.

4.5. Il-monitoraġġ tat-tagħmir mill-ġdid u l-impatti tiegħu

L-eżerċizzju ta’ pjanifikar ta’ l-istorbju fil-kuntest tad-Direttiva 2002/49/KE u d-dejta rrappurtata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom jintużaw jiġi evalwat is-suċċess tal-programmi ta’ tagħmir mill-ġdid: bi tqabbil mal-pjanijiet ta’ l-2007 bħala punti ta’ riferiment, se tiġi segwita l-effikaċja tal-programmi ta’ tagħmir mill-ġdid, u l-ħtieġa għal-limiti ta’ l-emissjonijiet tista’ tiġi żviluppata.

Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw programmi ta' tagħmir mill-ġdid stimulati minn tariffi differenzjati ta’ l-aċċess għall-binarji fi ħdan il-pjanijiet ta' azzjoni għat-tnaqqis ta' l-istorbju skond id-Direttiva 2002/49/KE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se ssegwi l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri proposti u l-progress fit-tagħmir mill-ġdid. Mhux aktar minn tliet snin wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni se tippubblika rapport dwar il-passi meħuda mis-settur ferrovjarju.

4.6. L-istabbiliment tal-gruppi ta’ esperti

Peress li l-implimentazzjoni tat-tariffi ta’ aċċess differenzjati skond l-istorbju tesiġi li jiġu ċċarati u armonizzati diversi kwistjonijiet tekniċi il-Kummissjoni se tistabbilixi gruppi xierqa ta ’ esperti u tiggarantixxi l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jgħinuha tiżviluppa materjal ta’ gwida. Oqsma li għandhom jiġu koperti minn dawn il-gruppi ta’ esperti jinkludu l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ klassifiki tal-vaguni, l-ispeċifikazzjoni ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni, l-armonizzazzjoni ta’ skemi ta’ pprezzar marbuta ma’ l-istorju u l-monitoraġġ tal-progress fit-tagħmir mill-ġdid kif ukoll l-impatti tiegħu.

5. Miżuri oħra biex jitnaqqas l-istorbju ferrovjarju

L-inizjattiva tiffoka fuq miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas l-istorbju ferrovjarju: it-tagħmir mill-ġdid ta’ vaguni tal-merkanzija bi blokok tal-brejkijiet bi storbju baxx. Anke jekk din il-miżura ġeneralment titqies bħala effettiva u effiċjenti ħafna , ma tistax issolvi l-problemi kollha ta’ l-istorbju ferrovjarju fl-Ewropa.

Għalhekk, barra l-ambitu ta’ din l-inizjattiva, miżuri oħra se jiġu vvalutati mill-Kummissjoni, se jiġu diskussi ma' l-esperti, l-Istati Membri u l-partijiet interessati, u jekk xieraq jiġu implimentati. Per eżempju:

- Kif indikat mill-esperti4, miżuri marbuta ma’ l-infrastruttura (eż. illixxar tal-binarji, l-użu ta’ dampers tal-binarji) u azzjonijiet addizzjonali huma importanti biex jappoġġaw il-miżuri li jindirizzaw il-vaguni ferrovjarji (“roti lixxi fuq binarji lixxi”). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur ferrovjarju biex jimplimentawhom b'mod parallel.

- Reviżjoni regolari ta’ l-Istorbju TSI hija meħtieġa biex jitqies il-progress tekniku, peress li minbarra l-blokok kompożiti tal-brejkijiet, ġew żviluppati teknoloġiji oħra bi storbju baxx għall-vetturi ferrovjarji merkantili.

- L-għajnuna mill-Istat għall- interoperabilità[15] wkoll tista ’ tingħata għaliex tista’ tgħin biex jitneħħew l-ostakli tekniċi fis-suq Ewropew tas-servizzi ferrovjarji. F'każijiet bħal dawn, l-ispejjeż eliġibbli jkopru l-investimenti kollha marbuta mat-tnaqqis ta’ l-istorbju kemm fl-infrastruttura ferrovjarja u wkoll fil-vaguni ferrovjarji. Alternattivament, tista’ tintuża wkoll l-għajnuna ambjentali mill-Istat [16].

[1] L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent: TERM 2001. Skond din il-pubblikazzjoni 30% tal-popolazzjoni hija serjament irritata mill-istorbju tat-triq.

[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2007) 608 “Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija”.

[3] Id-Direttiva 2002/49/KE (ĠU L 189/12, tal-18.7.2002).

[4] Grupp ta’ Ħidma “Storbju Ferrovjarju” tal-Kummissjoni Ewropea:z Dokument ta’ Pożizzjoni dwar l-istrateġiji u l-prijoritajiet Ewropej għat-tnaqqis ta’ l-istorbju ferrovjarju, Brussell 2003.http://ec.europa.eu/transport/rail/ws/doc/position-paper.pdf.

[5] UIC: Noise Reduction in European Railway Infrastructure. (Tnaqqis ta’ l-Istorbju fl-Infrastruttura Ferrovjarja Ewropea) Rapport tal-qagħda 2007.http://www.uic.asso.fr/download.php/environnement/reductionbruitinfra_en.pdf.

[6] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/66/KE tal-23 ta' Diċembru 2005 (ĠU L 37, ta' l-8.2.2006, p. 1)."

[7] PriceWaterhouseCoopersAdvisory: Impact Assessment study on rail noise abatement measures addressing the existing fleet. (Studju ta’ valutazzjoni ta’ impatt dwar miżuri għat-tnaqqis ta' l-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti.) Rapport finali Diċembru 2007.http://ec.europa.eu/transport/rail/studies/index_en.htm.

[8] Il-K-blocks huma magħmula minn materjal organiku kompost u għandhom karatteristiċi differenti ta’ bbrejkjar mill-blokok konvenzjonali. It-tagħmir mill-ġdid għalhekk jesiġi aġġustament għas-sistema ta’ twaqqif, u dan iwassal għal spejjeż inizjali addizjonali li jistgħu jitilgħu għal €10 000 kull vagun. Huma effettivi ħafna fit-tnaqqis ta’ l-istorbju (tnaqqis sa 10dB, jew 50%) u ġeneralment jitqiesu bħala newtrali mil-lat ta’ nefqa għal vetturi ġodda.

[9] Il-blokok LL jesiġu biss aġġustamenti żgħar tas-sistema tal-brejkijiet. Huma ddżinjati biex ikolhom karatteristiċi tat-twaqqif simili ħafna għal dawk tal-ħadid fondut. Huma magħmula jew minn materjal organiku kompożitu, inkella minn metall sinter u joffru tnaqqis ta' l-istorbju ta' l-istess livell bħall-K-blocks. Peress li l-iżvilupp tagħhom kien diġà beda fl-1999, minħabba teknoloġija impenjattiva ħafna fl-2008 ma kinux irċevew omologazzjoni definittiva.

[10] Fin-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi Ewropej, il-blokok tal-brejkijiet huma omologati mill-UIC, l-Unjoni Internazzjonali Ferrovjarja. Il-UIC tittestja l-blokok tal-brejkijiet skond l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom rigward ir-rendiment ta’ twaqqif, is-sikurezza u l-kwistjonijiet ta’ tħaddim (bħalma huma kundizzjonijiet xitwija qliel). L-omologazzjoni provviżorja tingħata ladarba t-testijiet tekniċi jitlestew b’suċċess; imbagħad ikunu jistgħu jingħataw bidu t-testijiet waqt ix-xogħol, u fejn l-esperjenza operattiva tkun pożittiva, jiġu segwiti minn omologazzjoni definittiva.

[11] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Trasport aktar ekoloġiku”.

[12] Id-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà., (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29).

[13] Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi.

[14] Regolament 62/2006 tat-23 ta' Diċembru 2005 (Ġ.U. L 13/1, tat-18.1.2006).

[15] Linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji, adottati mill-Kummissjoni Ewropea fit-30 ta’ April 2008.

[16] Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent, ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

Top