EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0412

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġenda soċjali mġedda Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21 {SEG(2008) 2156} {SEG(2008) 2157} {SEG(2008) 2178} {SEG(2008) 2184}

/* KUMM/2008/0412 finali */

52008DC0412




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.7.2008

KUMM(2008) 412 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġenda soċjali mġedda Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21

{SEG(2008) 2156}{SEG(2008) 2157}{SEG(2008) 2178}{SEG(2008) 2184}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Id-Dimensjoni Soċjali ta' l-Ewropa – il-Waqt għal tiġdid u tisħiħ mill-ġdid 4

3. L-Aġenda Soċjali Mġedda għal opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: Il-Miri 6

4. L-aġenda soċjali mġedda għall-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà: il-prijoritajiet 7

4.1. It-Tfal u ż-Żgħażagħ – l-Ewropa ta' għada 7

4.2. Investiment fin-Nies, Aktar Impjiegi u Impjiegi Aħjar, Ħiliet ġodda 8

4.3. Il-mobbiltà 10

4.4. Ħajja itwal u bi tgawdija ta' saħħa aħjar 11

4.5. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali 13

4.6. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni 14

4.7. Opportunitajiet, Aċċess u Solidarjetà fix-Xena Globali 15

5. L-aġenda soċjali mġedda għall-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà: l-istrumenti 16

5.1. Leġiżlazzjoni ta’ l-UE 16

5.2. Id-Djalogu Soċjali 17

5.3. Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni 17

5.4. L-iffinanzjar mill-UE 18

5.5. Sħubiji, Djalogu u Kommunikazzjoni 19

5.6. Ikun Żgurat li l-politika ta’ l-UE tinkuraġġixxi opportunitajiet, aċċess u solidarjetà 19

6. Il-konklużjoni 20

1. INTRODUZZJONI

Avvanzi teknoloġiki, il-globalizzazzjoni u popolazzjoni li qed tixjieħ qed ibiddlu is-soċjetà Ewropea. Fis-snin reċenti il-pass tal-bidla żied fil-mixja. L-Ewropej qed jgħixu ħajja itwal u iktar b’saħħitha f’konfigurazzjonijiet familjari u metodi tax-xogħol ġodda. Il-valuri u r-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet qed jinbidlu. L-Ewropej qed jiffaċċjaw opportunitajiet li qabel ma kellhomx, għażla ikbar u kondizzjonijiet ta’ ħajja aħjar. L-Unjoni Ewropea, notevolment bis-saħħa ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, iktar integrazzjoni fis-suq u stabbiltà makroekonomika, kienet strumentali fil-ħolqien ta’ dawk l-opportunitajiet, billi stimulat ix-xogħol u l-mobilità.

Fl-istess ħin ir-realtà tibqa’ dik li hi: hemm wisq nies li huma inattiva jew qiegħda u hemm wisq żgħażagħ li jħallu l-iskola kmieni, u b'riżultat ta' dan, għad hemm wisq żgħażagħ jgħixu fil-faqar (partikolarment tfal u anzjani) u f'iżolament soċjali. U tfaċċaw kwistjonijiet ġodda – popolazzjoni li qed iżżid fl-età u li tinsab finanzjarjament aħjar iġġib magħha aktar dipendenza tax-xjuħija u mard tal-ġid (obeżità, tensjoni). Barra minn dawn it-tibdiliet soċjali ta’ importanza kbira, is-sena 2008 qed tesperjenza tnaqqis fl-attività ekonomika globali, bl-Istati Uniti dalwaqt f’riċessjoni, kompetizzjoni għal riżorsi skarsi li dejjem togħla, u dan jinkludi ikel u enerġija u taqlib kontinwu fis-swieq finanzjarji. Filwaqt li l-ekonomija ta’ l-UE suppost li tiflaħ sew għal dawn ix-xokkijiet esterni, grazzi għal bażi fundamentali soda, żviluppi reċenti li jinkludu prezzijiet ta’ l-ikel u taż-żejt li qed jogħlew dejjem qed jikkawżaw tħassib. Il-foqra jiġu sproporzjonalment affettwati minn dawn l-iżviluppi. Barra minn hekk filwaqt l-istħarriġ ta’ l-opinjonijiet tal-pubbliku juru li l-Ewropej huma b’mod ġenerali sodisfatti bil-kwalità tal-ħajja, jinsabu inkwetati dwar il-futur u jibżgħu li t-tfal tagħhom ikunu inqas komdi fis-snin li ġejjin.

Il-politika soċjali għandha bżonn iżżomm il-pass ma’ dawn ir-realtajiet li dejjem qed jinbidlu – trid tkun flessibbli u tirrispondi għall-bidla. Il-livelli kollha ta’ governanza jridu jiffaċċjaw din l-isfida.

Azzjonijiet fil-qasam soċjali huma primarjament ir-risponsabbiltà ta’ l-Istati Membri u jridu jitwasslu kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadin sew fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq wieħed sotto-nazzjonali. Il-poter u r-responsabbiltajiet ta’ l-UE fil-qasam soċjali huma limitati. Madankollu, l-UE, bit-taħlita tagħha ta’ valuri li huma xorta għal kulħadd, regoli komuni u mekkaniżmi ta’ solidarjetà, għandha allokazzjoni unika biex tista’ taħdem bi sħab ma’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati u tinkuraġġixxi kooperazzjoni biex tista’ tmexxi bidla soċjo-ekonomika, partikolarment dik il-bidla misjuqa mill-globalizzazzjoni u t-teknoloġija. Hija rrispondiet b’suċċess għal sfidi soċjali li baqgħu jitfaċċaw dan l-aħħar ħamsin sena billi stimulat tkabbir u impjiegi f'qafas ta’ politika makroekonomika soda, waqt li tinkuraġġixxi ugwaljanza tas-sessi, tiġġieled id-diskriminazzjoni, tikkoltiva s-sħubija soċjali, ittejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol, u billi tiżgura l-għaqda soċjali billi tegħleb id-diffikultajiet ta’ inugwaljanza tar-reġjuni u billi tgħin fl-aġġustament tal-bidla ekonomika.

L-isfida tal-mument hi li tibni fuq dik il-bażi soda billi timmira għal aġenda soċjali mġedda . L-iskopijiet fundamentali huma mniżżlin fit-Trattat. Il-modi kif wieħed jasal għalihom iridu jiġu mibdula. Wieħed irid jiffoka fuq li l-individwi jitħallew u jingħataw il-poter biex japplikaw il-potenzjal tagħhom waqt li fl-istess ħin jgħinu lil dawk li dan ma jistgħux jagħmluh.

Din l-aġenda ma tistax tiġi ristretta għal dominji soċjali tradizzjonali; trid tkun tilħaq minn tarf s’ieħor u tkun multidimensjonali, tkopri sferi wisgħin li jvarjaw minn politika tas-swieq tax-xogħol għal edukazzjoni, saħħa, immigrazzjoni u djalogu interkulturali. Ir-realtà hi li azzjonijiet ekonomiċi u soċjali fil-livelli ta’ l-UE u dawk nazzjonali jsaħħu u jikkumplimentaw lil xulxin. Huwa għalhekk li din l-aġenda soċjali mġedda hija għal kollox koerenti u rinfurzanti ma’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-Impjiegi

Din-aġenda soċjali mġedda mniżżla f’din il-Komunikazzjoni hija mibnija madwar opportunitajiet, aċċess u solidarjetà . L-iġġenerar ta’ l-oppurtunitajiet jirrikjedi sforz kontinwu biex joħloq impjiegi iżjed u aħjar u jżid l-għajnuna soċjali. Dan ifisser it-tneħħija ta' l-ostakli, l-iffaċilitar tal-mobilità, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-appoġġ għall-familji u l-azzjoni kontra forom ġodda ta' esklużjoni soċjali. Sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet, l-individwi jeħtieġu aċċess – għal edukazzjoni, kura medika, u servizzi soċjali ta' interess ġenerali. Iridu jkunu jistgħu jipparteċipaw billi jieħdu sehem attiv u jintegraw fis-soċjetà li fiha jgħixu. Dawk l-individwi u r-reġjuni li ma jlaħħqux u jaqgħu lura mill-pass mgħaġġel tal-ħajja għandhom bżonn min jgħinhom. Għalhekk, l-aġenda soċjali li ġiet imġedda hija wkoll waħda ta’ Solidarjetà – li tgħolli l-isforz biex tiġġieled il-faqar u t-twarrib soċjali u tesperimenta biex issib modi ġodda biex tgħin l-individwi jaddattaw irwieħhom għall-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika. Biex dan jintlaħaq, l-UE trid issib mod ġdid kif tfassal oqfsa politiċi, il-leġiżlazzjoni, kif twassal in-nies flimkien fl-iskambju ta’ l-aħjar prattika u kif tiġġenera approċċi ġodda.

Din l-aġenda soċjali mġedda tieħu in konsiderazzjoni ir-riżultati tal-konsultazzjoni mal-pubbliku in ġenerali[1] li ngħatat bidu mill-Kummissjoni fl-2007 biex tixtar “ir-realtà soċjali” Ewropea li qiegħda tinbidel. Fil-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà : lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21 [2].

2. ID-DIMENSJONI SOċJALI TA' L-EWROPA – IL-WAQT GħAL TIġDID U TISħIħ MILL-ġDID

Valuri soċjali komuni għal kulħadd fihom infushom għandhom sentimenti ta’ identità Ewropea, li kienu saħħew il-fondazzjoni tal-proġett Ewropew mill-bidu. Il-politiki ta’ l-Ewropa għandhom dimensjoni soċjali qawwija u impatti soċjali pożittivi: l-istrateġija ta’ Liżbona kkontribwiet għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar. L-EMU u l-euro assiguraw l-istabbiltà tal-prezzijiet, iffaċilitaw il-ħolqien ta' l-impjiegi u t-tkabbir stabbli. Il-politika tal-koeżjoni għenet lir-reġjuni l-anqas żviluppati ta' l-UE u gruppi żvantaġġati. Is-Suq Uniku ħoloq opportunitajiet, waqt li ħa in konsiderazzjoni u rrisponda għall-impatti soċjali tal-ftuħ tas-suq. Il-politika għall-impjiegi u dik soċjali ta’ l-UE tejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol, li jinkludu s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, ippromwovew l-opportunitajiet ugwali u l-inklużjoni soċjali u ġġieldu d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija.

Mewġ suċċessiv ta’ tkabbir biex iħaddan Stati Membri ġodda kienu ta’ suċess kbir għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali u biex jgħolli l-prosperità ta’ l-UE kollha. L-istorja Ewropea kienet proċess ta’ suċċess ta’ “konverġenzi soċjali” waqt li l-ekonomiji ta’ Stati Membri li telgħin issaħħu, anki jekk dan il-proċess għadu għaddej. F’dan il-proċess, in-normi Ewropej u r-regoli u l-linji gwida ta’ l-UE kellhom sehem. Dan ir-rekord ta’ konverġenza huwa xhieda tas-saħħa tal-valuri soċjali komuni li għandha l-Ewropa u l-kapaċità ta’ l-UE biex tappoġġja l-iżvilupp tagħhom. Fi ftit kliem, it-tkabbir kien ta' suċċess fit-tixrid ta' l-opportunitajiet indaqs madwar il-kontinent.

L-għanijiet soċjali fundamentali ta’ l-Ewropa ma nbidlux: impenn qawwi għas-soċjetajiet armonjużi, koeżivi u inklussivi li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali f’ekonomiji ta’ suq soċjali b’saħħithom. Dan huwa ppreżentat b’mod ċar fl-għanijiet ta’ l-Unjoni u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Imma żviluppi ġodda jitolbu reviżjoni urġenti tal-mezzi u mhux tal-miri. Il- Globalizazzjoni hija l-forza prinċipali għat-tiswir fi żminijietna.

Hija tagħmel differenza kruċjali għall-aġenda soċjali Ewropea sew fir-razzjonal u kemm fl-iffukar. Fl-aħħar ġenerazzjoni, id-dimensjoni soċjali għamlet pass enormi ’l quddiem waqt li s-Suq Ewlieni ta’ l-Ewropa ħa xejra iżjed wiesgħa u fonda. Fis-snin 80 l-Aġenda Soċjali kienet meqjusa bħala mezz biex tiżgura qbil fuq ir-ristrutturar industrijali li kienet tinvolvi l-aġenda ta’ “l-1992". L-iffukar kien fuq il-protezzjoni ta’ l-impjiegi u l-bżonn biex jiġi żgurat konsensus bejn is-sħab soċjali biex tiġi ffaċilitata l-bidla industrijali. Illum hemm bżonn ta’ aġenda soċjali wisq iktar wiesgħa li tippermetti lill-Ewropa biex tieħu vantaġġ totali mill-opportunitajiet li ġġib magħha l-globalizzazzjoni, biex tgħin iċ-ċittadini jaddattaw irwieħhom għar-realtajiet li qed jinbidlu u biex turi solidarjetà ma’ dawk li huma affettwati negattivament.

Meta kkombinata mal-globalizzazzjoni, bidla teknoloġika mgħaġġla għandha impatti estiżi fuq is-soċjetà u implikazzjonijiet profondi għall-politika soċjali[3]. Tkompli tkabbar id-domanda għal kompetenzi, u tkabbar il-fetħa bejn min għandu l-kapaċità u min m’għandux. Ir-rata ta’ qgħad għall-ħaddiema li għandhom kwalifiki baxxi hija ta’ madwar 10%, meta mqabbla ma' 7% għal dawk li għandhom edukazzjoni sekondarja u 4% għal dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja. Il-kwistjoni soċjali prinċipali għat-tul hija dwar l-aħjar mod li bih jistgħu jiġu attrezzati l-individwi b’kompetenzi addattati biex ikollhom ċans aħjar bħala ħaddiema, intraprendituri u konsumaturi fl-ekonomija moderna. Din hija iktar minn kwistjoni ta’ taħriġ industrijali fis-sens konvenzjonali. Hija dwar x’tip ta' abbiltajiet u kompetenzi huma meħtieġa għal tip ta’ ekonomija ġdida u kif iċ-ċittadini jistgħu jiġu attrezzati biex jirnexxu. Huwa għalhekk li l-UE qed tinvesti bil-goff fl-iżvilupp tal-kwalifiki, waqt li tappoġġja l-iżvilupp ta’ swieq tax-xogħol iktar effiċjenti u sostenibbli u sistemi soċjali, waqt li wkoll tikkumbina l-flessibilità u s-sigurtà, u tippromwovi l-mobilità fl-edukazzjoni u taħriġ kontinwu u fl-għarfien u l-innovazzjoni.

Il- Bidla Demografika qed tikkawża bidliet fis-soċjetà u teħtieġ reazzjonijiet ġodda tal-politika. Żieda fit-tul mistenni tal-ħajja huwa wieħed mill-akbar akkwisti ta’ l-Ewropa. Imma kkombinat ma’ fertilità li qed tnaqqas, iż-żieda fl-età tal-popolazzjoni Ewropea teħtieġ tibdil kbir fil-mod kif ngħixu, naħdmu u nippreparaw għal meta nirtiraw. Il-popolazzjoni fil-grupp ta’ l-età ta bejn il-15-64 sena hija pproġettata li se tonqos bi 48 miljun sa’ l-2050, u l-proporzjon ta’ dipendenza mistenni jirdoppja fl-istess perjodu[4]. L-ispiża soċjali pubblika trid taddatta ruħha b’mod flessibbli biex tieħu in konsiderazzjoni il-mudelli tax-xogħol li qed jinbidlu, ta’ popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ. It-titjib fl-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta’ l-assistenza soċjali, b’mod partikulari permezz ta’ inċentivi mtejba, amministrazzjoni u valutazzjoni aħjar, u l-prijoritizzazzjoni ta’ programmi ta’ nfiq, sar ta’ importanza kruċjali biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja għat-tul, tal-mudelli soċjali Ewropej. L-UE qed taħdem bi sħab ma’ l-Istati Membri biex tindirizza sfidi komuni, waqt li tappoġġja l-isforzi tagħhom biex tiżgura sens ta’ ġustizzja u sostenibbiltà finanzjarja, waqt li tkompli għaddejja b’sistema ta’ riforma kif hemm bżonn għas-saħħa u l-pensjoni. Il-Kunsill reċentament stieden lill-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika ta’ l-UE biex jirrafinizza l-analiżi ta’ l-ispiża soċjali u r-riformi neċessarji biex jiżguraw sens ta’ġustizzja, effiċjenza u effettività[5] (ara d-dokument ta’ miegħu).

L- immigrazzjoni qed tagħmel kontribuzzjoni sinjifikanti għax-xogħol, għat-tkabbir u l-prosperità fl-Unjoni Ewropea. Id-domanda għall-emigranti, partikolarment dawk b’kompetenzi speċifiki, aktarx li żżid fis-snin li ġejjin minħabba bdil demografiku u skarsezzi fis-suq tax-xogħol f’ċerti setturi u reġjuni. L-Istati Membri ukoll indunaw bl-importanza ta' azzjoni konġunta f’livell ta’ l-UE biex jindirizzaw sfidi marbutin ma’ l-immigrazzjoni u l- integrazzjoni .

Il-Kummissjoni reċentament ipproponiet Politika Komuni ta’ l-Immigrazzjoni komprensiva għall-Ewropa[6] għall-azzjoni koordinata u bil-ħsieb li tippromwovi l-prosperità, s-solidarjetà u s-sigurtà. Biex tilħaq il-potenzjal tagħha, l-immigrazzjoni trid tkun akkumpanjata mill-bidu minn sforzi biex jiffaċilitizzaw integrazzjoni b’suċċess, inkluż permezz tat-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż li jkun qed jospita l-immigranti. Dan jippreżenta wkoll taħlita ta' sfidi kumplessi oħra u jirrikjedi sforzi f’setturi differenti bħalma huma s-saħħa, il-qasam tad-djar u l-edukazzjoni.

Il-bidla fil-klima u mudelli ġodda ta’ użu ta’ enerġija se joħolqu opportunitajiet ġodda u wkoll impatti soċjali. L-UE, li hija fuq quddiem nett ta' l-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, qiegħda wkoll tanalizza l-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tagħha u tiżviluppa politiki sabiex tappoġġja l-adattament. It-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u li ma tużax ħafna karbonju, hija ta' importanza essenzjali għall-benessri ta' ġenerazzjonijiet futuri. L-UE tista’ tgħin biex tutilizza opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta’ “impjiegi ħodor”, u fl-istess ħin taħdem b’solidarjetà ma’ gruppi vulnerabbli u f'konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li tingħata attenzjoni għar-riskju ta' "faqar fl-enerġija".

3. L-AġENDA SOċJALI MġEDDA GħAL OPPORTUNITAJIET, AċċESS U SOLIDARJETÀ: IL-MIRI

L-aġenda soċjali mġedda hija bbażata fuq tliet miri relatati waħda ma’ l-oħra li għandhom l-istess importanza:

- Il-Ħolqien ta’ Opportunitajiet : Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ifisser l-iġġenerar ta’ iktar xogħol aħjar u l-faċilitizzar tal-mobilità. F’soċjetajiet fejn kull individwu huwa stmat li għandu valur individwali, l-ebda barrieri ta’ xi tip jew ieħor m’għandhom jitħallew iżommu n-nies lura. Dan ifisser li niżguraw li kulħadd ikollu ċ-ċans li jiżviluppa l-potenzjali tiegħu waqt li tiġi rrispettata d-diversità ta’ l-Ewropa u nippruvaw negħlbu d-diffikultà tad-diskriminazzjoni fil-miftuħ jew bil-moħbi u niġġieldu r-razziżmu u l-ksenofobija.

- Il-Ħolqien ta’ Aċċess : Għall-fatt li n-nies jibdew il-ħajja minn sitwazzjonijiet differenti, l-opportunità ma tistax tkun aċċertata mingħajr ma jittejjeb l-aċċess għal dawk li huma l-aktar żvantaġġati. Iċ-ċittadini kollha jrid ikollhom aċċess għal edukazzjoni tajba, protezzjoni soċjali, kura medika u servizzi li jistgħu jgħinu biex jingħelbu inugwaljanzi fl-ewwel stadji u biex jagħmluha possibbli biex kulħadd ikun jista’ jgawdi ħajja itwal u iktar b’saħħitha. Iż-żgħazagħ ta’ l-Ewropa jridu jkunu attrezzati biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet. L-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ kompetenzi tul ħajjithom (per eżempju, it-tieni ċans għall-iskola jew tagħlim tul il-ħajja) sabiex ikunu jistgħu jaġġustaw ruħhom skond il-mument u biex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew mill-ġdid fi stadji differenti ta’ ħajjithom.

- Wiri ta’ Solidarjetà : L-Ewropej għandhom impenn komuni għas-solidarjetà soċjali: bejn ġenerazzjonijiet, reġjuni, dawk li huma f'qagħda ekonomika tajba u dawk li mhumiex daqstant u l-Istati Membri sinjuri u dawk inqas minnhom. Is-Solidarjetà tagħmel parti ta’ kif is-soċjetà Ewropea tiffunzjona u kif l-Ewropa topera mal-kumplament tad-dinja. Ugwaljanza ta’ vera għall-opportunità tiddependi sew fuq l-aċċess u kemm fuq is-solidarjetà. Is-solidarjetà tfisser azzjoni ta’ għajnuna għal min hu żvantaġġat – dawk li ma jistgħux igawdu minn soċjetà miftuħa b’tibdil mgħaġġel. Tfisser l-inkuraġġiment ta’ l-inklużjoni soċjali u ta’ l-integrazzjoni, parteċipazzjoni u djalogu u l-ġlieda kontra l-faqar. Tfisser li tagħti appoġġ lil dawk li huma esposti għal problemi temporanji u tranżitorji ta' bidla teknoloġika.

Azzjonijiet biex naslu għal dawn il-miri huma primarjament ir-responsabilità ta’ l-Istati Membri fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-iskop għall-azzjoni huwa vast u jitlob li jingħata prijorità. Hekk, l-aġenda li jmiss tiffoka fuq oqsma ewlenin – żgħożija , kapital uman, ħajja itwal u b'saħħitha, mobilità, inklużjoni soċjali, anti-diskriminazzjoni u opportunitajiet ugwali kif ukoll parteċipazzjoni u djalogu soċjali – fejn l-azzjoni ta’ l-UE turi valur miżjud ċar u rispett totali għall-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Azzjonijiet f’kull waħda minn dawn l-oqsma jikkontribwixxu għat-tliet miri ta’ opportunitajiet, aċċess u solidarjetà. Dawn jirriflettu l-bżonn ta’ l-UE biex tkun innovattiva u biex tevolvi – bl-istess mod li tiffissa oqfsa għall-politika, fil-leġiżlazzjoni tagħha, bil-mod kif tressaq in-nies lejn xulxin għall-iskambju ta’ l-aħjar prattiċi u bil-mod li tikkatalizza approċċi ġodda.

4. L-AġENDA SOċJALI MġEDDA GħALL-OPPORTUNITAJIET, L-AċċESS U S-SOLIDARJETÀ: IL-PRIJORITAJIET

4.1. It-Tfal u ż-Żgħażagħ – l-Ewropa ta' għada

Il-futur ta' l-Ewropa jiddependi miż-żgħażagħ tagħha. Madandkollu, l-opportunitajiet tal-ħajja għal ħafna żgħażagħ huma mħassra – m’għandhomx l-opportunitajiet u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. 19-il miljun tifel u żagħżugħ huma fil-periklu tal-faqar u sitt miljuni jabbundunaw l-iskola f’livell sekondarju kull sena. Tinħtieġ azzjoni biex neliminaw iċ-ċiklu vizzjuż ta’ tiċħid fit-tfulija, modi ta' ħajja ħżiena għas-saħħa, falliment akkademiku u esklużjoni soċjali tat-tfal. Il-problemi ta’ qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, ta’ numru kbir li jħallu l-iskola ta’ età żgħira, u allura l-inċertezza ta’ xogħol u pagi mhux indaqs li jkollhom jiffaċċjaw iż-żgħażagħ iridu jiġu megħluba. Kif ukoll il-preokkupazzjonijiet taż-żgħażagħ li minkejja li qed ikollhom jaħdmu għal iktar snin jistgħu jkunu iktar batuti mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom. It-tfal kollha għandhom jirċievu edukazzjoni li tattrezzahom u tagħtihom ċans tajjeb fid-dinja tal-lum. Iridu jiġu nkuraġġiti li jilħqu livelli ta’ kwalifiki u kompetenzi differenti u ogħla minn dawk milħuqa mill-ġenituri tagħhom.

L-UE tista’ tgħin biex jiġu żviluppati forom ġodda ta’ solidarjetà u biex tindirizza problemi speċifiċi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ tal-lum, dan jinkludi l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, akkomodazzjoni, u ffinanzjar. Il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ li qabel fuqu l-Kunsill f’Marzu ta’ l-2005 jipprovdi qafas komuni għal azzjoni mill-UE u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni ser tkompli b’serje ta’ attivitajiet li jiffukaw fuq it-tfal u ż-żgħażagħ: billi tintegra d-drittijiet ta-tfal fl-azzjonijiet ta’ l-EU, billi żżid fl-isforzi biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal[7], billi twettaq azzjonijiet dwar iż-żgħażagħ u s-saħħa, billi tippromwovi użu iżjed protett ta’ l-Internet [8] u billi tieħu azzjoni akbar dwar is-sikurezza fit-toroq .

Iżjed azzjoni:

L-aġenda soċjali mġedda tinkludi

- Kommunikazzjoni fuq l-Edukazzjoni fl-Iskejjel b’appoġġ għall-isforzi mill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tas-sistemi tagħhom ta’ l-edukazzjoni u biex jilħqu miri fir-rigward ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni, il-ħila biex wieħed ikun jaf jaqra u jikteb, il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni sekondarja u l-preparazzjoni taż-żgħażagħ għat-tagħlim tul il-ħajja. Din issegwi konsultazzjoni pubblika dwar “Skejjel għas-Seklu 21”. It-tkabbir massimu ta’ l-effiċjenza u l-ekwità ta’ l-edukazzjoni primarja u wkoll it-taħriġ huma parti essenzjali biex niżguraw opportunitajiet għaż-żgħażagħ.

- Green Paper dwar "il-Migrazzjoni u l-Mobilità: sfidi għas-sistemi ta' l-edukazzjoni ta' l-UE".

Iktar tard fl-2008/2009 l-Kummissjoni se:

-toħroġ Komunikazzjoni fuq l-iżvilupp tal-Metodu miftuħ ta’ Koordinazzjoni dwar iż-żgħażagħ , li jiffoka partikolarment fuq żgħażagħ b’opportunitajiet inqas.

- tiżviluppa metodu iżjed komprensiv fuq kif tavviċina l-faqar tat-tfal , ibbażat fuq miri kwantitattivi (ara sezzjoni 5.2), ispirata minn strateġija Ewropea dwar l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali.

4.2. Investiment fin-Nies, Aktar Impjiegi u Impjiegi Aħjar, Ħiliet ġodda

L-aġenda ġdida soċjali hija parti integrali ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona u ta’ l-Istrateġija ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ l-UE. Waħda mill-ikbar kontrbuzzjonijiet li l-UE tista’ tagħmel għall-benessri hija li tinkuraġġixxi t-tkabbir u l-impjiegi minħabba li ekonomija b’saħħitha hija l-fondazzjoni għall-prosperità u l-aħjar mod kif taħrab il-faqar huwa li ssib impjieg. L-Istrateġija ta’ Liżbona u l-EMU (Unjoni Ekonomika u Monetarja) qegħdin jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' iktar impjiegi, permezz ta' prezzijiet stabbli, anqas qgħad u titjib tal-produttività. It-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2008 jantiċipa l-ħolqien ta’ 3 miljun impjieg ġdid fl-2008 u l-2009 barra s-7½ miljuni diġa maħluqa fl-2006 u fl-2007 . Impriżi ta' daqs żgħir jew medju għandhom rwol ewlieni fil-ġenerazzjoni ta' impjiegi ġodda u aħjar, kif rikonoxxut b'mod ċar fl-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa, li ġie adottat reċentement[9].

Rwol prinċipali ta’ l-UE waqt li ffaċċjata kif inhi bil-globalizazzjoni u l-bidla mgħaġġla teknoloġika huwa li tgħin l-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol u li tantiċipa l-bdil u r-ristrutturar. Hija qablet fuq prinċipji u toroq komuni ta’ flessigurtà bbażati fuq arranġamenti kuntrattwali flessibbli u sikuri, tagħlim tul il-ħajja, politika tas-suq tax-xogħol attiva u sistemi moderni ta’ sigurtà soċjali biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u x-xogħol isir vijabbli. Il-Kummissjoni qed taħdem ma’ l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali sabiex timplimenta l-flessigurtà fil-livell nazzjonali fil-programmi ta’ riforma ta’ Liżbona. Mil-lat leġiżlattiv, huwa importanti li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaslu għal konklużjoni rapida u pożittiva dwar il-proposti għal direttivi dwar il-ħinijiet tax-xogħol u x-xogħol ma' aġenziji temporanji.

Id-djalogu Soċjali fill-livell ta’ l-Ewropa huwa essenzjali għall-iffaċilitizzar tal-bidla. Id-Direttiva dwar il-Kunsilli tax-xogħol ta’ l-Ewropa tistipula pjattaforma għad-djalogu bejn min jimpjega u l-ħaddiema u jista’ jiġi mtejjeb iktar. Qed jiġu żviluppati Assoċjazzjonijiet bejn imsieħba soċjali u awtoritajiet pubbliċi għall-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla.

Il-Fondi Strutturali joffru appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri, lir-reġjuni, lill-muniċipalitajiet, negozji u ċittadini fl-antiċipazzjoni għall-addattament għal ċirkostanzi li qed jinbidlu. Il-Fond Ewropew għall-aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF), imwaqqaf fl-2007, jipprovdi appoġġ għall-integrazzjoni mgħaġġla fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema li jiġu ssensjati b’konsegwenza ta’ tibdil fil-mod kif isir il-kummerċ minħabba l-globalizzazzjoni. L-EGF kellha impatt pożittiv f’numru ta’ Stati Membri imma m’għadx hemm fejn wieħed jifrutta iżjed il-potenzjal tagħha.

L-Immigrazzjoni diġà għandha rwol importanti li timla l-vojt fis-suq tax-xogħol u l-iskarsezza ta’ kompetenzi. Id-domanda għall-immigranti, partikolarment dawk b’kompetenzi speċifiċi, aktarx li tiżdied bil-bidla demografika. Il- Komunikazzjoni dwar Politika ta’ l-Immigrazzjoni Komuni għall-Ewropa [10], reċentament maħruġa mill-Kummissjoni, tippreżenta numru ta’ inizjattivi intezjonati biex jaċċertaw li l-migrazzjoni ekonomika tkun ġestita tajjeb flimkien ma' l-Istati Membri fuq bażi ta’ prinċipji li kien hemm qbil komuni dwarhom. L-integrazzjoni hija waħda minn dawk il-prinċipji ta’ importanza massima.

L-edukazzjoni u l-investiment fil-formazzjoni tal-kapital uman b’mod ġenerali huma importanti biex jiżguraw il-parteċipazzjoni fix-xogħol u l-inklużjoni soċjali u biex jgħollu l-kompetittività ta’ l-UE. F’dinja ta’ bidla mgħaġġla, in-nies għandhom bżonn aċċess għal opportunitajiet fi stadji differenti ta’ ħajjithom. Dan ifisser impenn għal tagħlim tul il-ħajja u tiġdid kontinwu ta’ kompetenzi skond il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol tal-mument kif ukoll tal-futur. Il-Kummissjoni trid tirnexxi f’inizjattivi għall-kompetenzi u fl-appoġġ għall-Istati Membri għall-immodernizzar tas-sistemi edukattivi tagħhom fil-limiti tat-Trattat. Kompetenzi ġodda – dawk intraprenditorjali, għall-ekonomija b’karbonju baxx, teknoloġiji ta’ l-informatika u l-kommunikazzjoni – kif ukoll dawk li jinkuraġġixxu l-kapaċità għall-qari u l-kitba sew jekk diġitali, tal-midja u finanzjarji dawn kollha jagħmlu parti minn sett ta’ kompetenzi ġodda.

Riformi neċessarji jkunu ta’ suċċess fil-qafas ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, li jinkludu l-Istrateġija Ewropea għall-impjiegi u l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Jittieħdu wkoll azzjonijiet biex l-edukazzjoni intraprenditorjali, “kompetenzi elettroniċi” fl-ICT[11] u l-edukazzjoni finanzjarja jkunu nkuraġġiti fl-UE.

Iżjed azzjoni:

Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni tippreżenta:

- Direttiva biex ittejjeb il-funzjoni tal-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej biex tiżgura djalogu soċjali effettiv għar-ristrutturar ta’ l-operazzjonijiet. L-aġenda soċjali mġedda hija wkoll akkompanjata minn dokumenti ta’ ħidma ta’ l-istaff, wieħed jinkuraġġixxi u jappoġġja l-Imsieħba Soċjali biex iżidu fl-isforzi tagħhom biex jantiċipaw u jġestixxu l-bidla strutturali u ieħor li jitfa’ dawl fuq l-importanza ta’ ftehimiet bejn nazzjon u ieħor li jkunu bbażati fuq kumpaniji ;

- Rapport fuq il-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni li jirrevedi l-ewwel sena ta' ħidma tiegħu, jindika kif il-proċeduri jistgħu jiġu ssimplifikati u jsiru effettivi u jissuġġerixxi numru ta’ ideat fuq kif l-EGF jista’ jiġi mtejjeb.

Iktar tard fl-2008/2009, il-Kummissjoni se tipproponi:

- “Inizjattiva għal kompetizzjonijiet ġodda”, li tipprovdi l-ewwel evalwar tas-suq tax-xogħol u bżonn ta’ kompetenzi sa l-2020 u tagħti informazzjoni ta’ strumenti eżistenti għall-anteċipazzjoni fuq livell nazzjonali u Ewropej, u li tipproponi attitudni izjed effettiva biex tiżgura antiċipazzjoni u rabtiet bejn domanda għax-xogħol u forniment pemezz ta’ sinerġiji bejn politiki ta’ impjegar, taħriġ u edukazzjoni;

- qafas strateġiku aġġornat li japplika l-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

- Komunikazzjoni dwar il- multilingwiżmu fl-UE.

4.3. Il-mobbiltà

Il-moviment liberu tal-persuni huwa sors rikk ta’ opportunitajiet għaċ-ċittadini, li jgħin biex iżid it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. L-Ewropej qed isiru iżjed mobbli. L-UE għandha qafas legali robust li jipprovdi għall-moviment liberu tal-ħaddiema. L-UE tipprovdi appoġġ prattiku biex tiffaċilita l-mobbiltà u biex tneħħi ostakoli potenzjali, u dan jinkludi appoġġ għall-moviment liberu tal-ħaddiema permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-mobbiltà ta’ l-impjiegi ta’ l-UE.

L-UE tappoġġa wkoll il-mobilità ta' l-istudenti u ż-żgħażagħ permezz ta' varjetà ta' programmi tranżnazzjonali Ewropej, bħall-programm Erasmus. Dan itejbilhom il-ħiliet lingwistiċi u interkulturali tagħhom, il-possibilità għall-impjieg u jagħmilhom miftuħa aktar għall-mobilità futura ġeografika u fl-impjieg.

Id-direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema kienet strumentali fil-promozzjoni tal-moviment liberu tas-servizzi u fl-istess ħin tħares il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Meta ħaddiema jiġu stazzjonati fi Stat Membru ieħor, jitqajmu wkoll numru ta’ mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea eżistenti u wkoll ta’ prattiċi fuq ħaddiema stazzjonati. Reċentement, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni[12] dwar it-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva sabiex tiġġieled kontra x-xogħol mhux dikjarat u tassigura livell xieraq ta' kunfidenza bejn l-Istati Membri.

Xi wħud minn dawn ġew diskussi b'mod wiesa' reċentament wara xi deċiżjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (fil-każijiet ta’ Laval, Viking, u Rüffert). Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu effettiv mill-opportunitajiet offruti mid-direttiva eżistenti dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, abbażi ta' analiżi sħiħa ta' deċiżjonijiet u preċedenti oħra, hija se tiddiskuti dawn il-kwistjonijiet kollha ma' l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri u tindirizza kwistjonijiet li jqanqlu tħassib, inkluż f'Forum organizzat apposta fil-ħarifa ta' l-2008. Il-Kummissjoni hija impenjata biex tiżgura li m’hemm l-ebda kontradizzjoni bejn ir-regoli tas-suq intern u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u ser tivvaluta, tiddiskuti u tirrispondi għall-kwistjonijiet li jqanqlu tħassib bl-akbar reqqa, anke billi tipprovdi linji gwida interprettattivi jekk tara l-bżonn.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tesprimi s-sodisfazzjon tagħha għall-pożizzjoni komuni li ntlaħaq qbil dwarha mill-Kunsill tal-Ministri fid-9 ta' Ġunju 2008 li, fir-rigward tal-ħaddiema ta' l-aġenziji, tistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament ugwali mill-ewwel jum, sakemm il-partijiet soċjali ma jiddeċidux mod ieħor.

Iżjed azzjoni:

Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni

-tistieden l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri biex jiddiskutu l-kwistjonijiet imqajma mid-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti u torganizza Forum biex tippromwovi dibattitu u skambju ta’ prattiċi tajba bejn il-partijiet interessati fuq kif jistgħu jiġu rrispettati id-drittijiet soċjali fundamentali fl-isfond tal-mobilità tax-xogħol li dejjem qed tiżdied . Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri u tiddiskuti magħhom u ma' l-imsieħba soċjali kf tindirizza kwistjonijiet li jqanqlu tħassib;

- tkompli tiżviluppa “il-ħames libertà” billi tneħħi l-ostakli għall-moviment liberu ta’ l-għarfien, billi tippromwovi l-mobilità ta’ gruppi speċifiċi bħalma huma r-riċerkaturi [13], l-intraprendituri żgħażagħ [14], iż-żgħażagħ [15], u l-voluntiera [16]. Ser ukoll tiżgura implimentazzjoni kompleta u rigoruża tad-Direttiva tal-KE fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali [17].

4.4. Ħajja itwal u bi tgawdija ta' saħħa aħjar

Is-soċjetà Ewropea li qed tixjieħ titlob diversi reazzjonijiet ta' politika – li jvarjaw bejn l-appoġġ għar-riċerka ta’ kif l-informatika tista’ ttejjeb is-saħħa u l-benessri ta’ l-anzjani, għall-evalwar ta’ x’kura medika u riformi għall-pensjonijiet hemm bżonn biex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ filwaqt li tiżgura s-sostenibilità tal-finanzjament pubbliku.

L-UE għandha tiffaċilita l-aċċess għall-kura tas-saħħa ta' kwalità għal kulħadd. It-titjib tad-drittijiet tal-pazjenti għal kura medika transkonfinali huwa aspett importanti ta' dan. Jeħtieġ inkunu ċari fuq id-drittijiet tal-pazjenti u jeħtieġ ukoll qafas li jiżgura li l-Istati Membri jżommu l-possibilità li jiddeċiedu fuq is-sistemi nazzjonali tas-saħħa tagħhom, waqt li jagħrfu l-bżonn ta' finanzjament sostenibbli. Hemm ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-mobbiltà tal-pazjenti u tal-professjonisti billi tiġi ffaċilitata l-interoperabilità transkonfinali tar-reġistri elettroniċi tas-saħħa waqt li tkun protetta l-privatezza.

L-UE qed tappoġġa sforzi mill-Istati Membri biex tiġi żgurata s-sostenibilità finanzjarja ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jinkludu s-saħħa, biex jiġu żgurati pensjonijiet adegwati fil-futur, u biex jiġu ppriżervati l-kwalità u l-aċċessibilità tas-servizzi. Taħt il-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni f’dawn l-oqsma s-sostenibbiltà finanzjarja u adegwatezza soċjali kienu għanijiet konġunti komuni mill-2006 ’l hawn. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin ukoll janalizzaw l-impatti ekonomiċi u baġitarji tax-xjuħija u tar-riformi tal-pensjonijiet u l-kura medika.

Il-faqar, il-qgħad, livelli baxxi fl-edukazzjoni, riskji ġenetiċi u diżabbiltà huma kollha assoċjati ma’ saħħa dgħajfa. L-istrateġija tas-saħħa Ewropea[18] adottata f'Ottubru ta’ l-2007 titfa’ dawl qawwi fuq valuri komuni universali, aċċess għall-kura medika ta’ kwalità, ekwità u solidarjetà. Tippjana azzjoni biex tindirizza l-isfidi marbuta ma’ popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ u wkoll diżugwaljanzi li qed jiżdiedu fil-qasam tas-saħħa. Il-Portal Ewropew tas-Saħħa jipprovdi liċ-ċittadini u lil dawk ikkonċernati b'aċċess għall-informazzjoni dwar kwistjonijiet ewlenin tas-saħħa.

L-istrateġija għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol li kienet adottata mill-Kummissjoni fl-2007[19] tgħin lin-nies biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol iktar fit-tul billi ttejjeb il-protezzjoni kontra r-riskji fil-post tax-xogħol. L-istrateġija timmira biex takkwista riduzzjoni ta' 25% fid-diżgrazzji fuq il-post tax-xogħol sas-sena 2012.

Iżjed azzjoni:

Il-Kummissjoni se:

- tipproponi Direttiva dwar l-applikazzjoni tad- drittijiet tal-pazjenti fil-kura medika transkonfinali . Din ser tistabbilixxi qafas Komunitarju għal kura medika transkonfinali fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Hija se tgħin biex: tipprovdi ċarezza legali fejn jidħlu d-drittijiet tal-pazjenti; tiżgura kura transkonfinali ta' kwalità għolja, sikura u effiċjenti; u tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni Ewropea b’rispett sħiħ għall-prinċipji tas-sistemi nazzjonali u tiżgura s-sostenibbiltà tagħhom.

- tressaq Rakkomandazzjoni dwar interoperabilità transkonfinali ta’ rekords tas-saħħa elettroniċi , li għandhom jiffaċilizzaw il-mobilità tal-pazjenti u l-professjonisti;

- tippreżenta Komunikazzjoni li tiffoka fuq azzjonijiet li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ fil-ħarifa ta’ l-2008. Fil-qafas tal-“Pjan ta’ Azzjoni Ewropew biex Nixjieħu aħjar f’soċjetà ta’ l-informatika” programm ġdid dwar l-għajxien megħjun iffinanzjat mill-UE għandu jsib fondi ta’ iktar minn €600 miljun għar-riċerka għall-użu ta’ Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u Komunikazzjoni sabiex titjieb il-ħajja ta’ nies anzjani fid-dar, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod iżjed ġenerali;

- tippubblika rapport aġġornat fuq l-impatt tax-xjuħija fuq l-ispiża pubblika fir-rebbiegħa ta’ l-2009, segwita minn Kommunikazzjoni dwar is-sostenibiltà għat-tul tal-finanzi pubbliċi fil-ħarifa ta’ l-2009;

- toħroġ Kommunikazzjoni dwar l-inugwaljanzi tas-saħħa matul l-2009, waqt li tibni fuq xogħol li jaqa’ taħt l-OMC (il-metodu miftuħ ta’ l-koordinazzjoni) ta' l-Inklużjoni Soċjali u l-Protezzjoni Soċjali;

- tipproponi Kommunikazzjoni u Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’abbozz dwar is-sigurtà tal-pazjent u l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa , u dan jinkludi l-prevenzjoni u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura medika u Kommunikazzjoni fuq it-Telemediċina u Informazzjoni Innovattiva u Għodda tat-Teknoloġija Komunikattiva għall-Ġestjoni tal-Mard Kroniku.

- toħroġ Green Paper dwar il-ħaddiema tas-saħħa fl-UE, li huma essenzjali sabiex jiġu pprovduti servizzi tas-saħħa ta' kwalità, li se tanalizza l-isfidi ppreżentati mit-tixjiħ, il-mobilità u t-tibdil teknoloġiku u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati.

4.5. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

Xi 78 miljun Ewropew, jew 16 % tal-popolazzjoni ta' l-UE, jinsabu f'riskju ta' faqar. Il-faqar jolqot b'mod partikolari lill-persuni qiegħda, b'diżabbiltà u lill-anzjani; in-nisa jinsabu f'riskju sproporzjonat. Anke l-impjieg mhux garanzija kontra l-faqar: il-faqar fost in-nies li għandhom xogħol qiegħed jikber, b'madwar 8 % tan-nies impjegati f'riskju ta' faqar. Hemm ostakli u diżinċentivi finanzjarji li jwaqqfu jew jiskoraġġixxu lil ċerti gruppi milli jiksbu aċċess sħiħ għal impjieg, taħriġ, edukazzjoni, djar u kura tas-saħħa. L-UE qiegħda tgħin biex tikkoordina l-isforzi biex tippromwovi inklużjoni attiva, inkluż l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, billi tqis il-ħlas għax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari għal dawk li huma l-aktar maqtugħa mis-suq tax-xogħol, bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll biex tiżgura li s-suq uniku u r-regoli ta' kompetizzjoni jħaffu l-iżvilupp ta' servizzi soċjali ta’ kwalità tajba, li huma aċċessibbli u sostenibbli, inklużi dawk fornuti mill-impriżi ta' l-ekonomija soċjali (pereżempju kooperattivi u impriżi bil-mutwalità).

Iżjed azzjoni:

Il-Kummissjoni qed tippreżenta l-ewwel rapport bijennali dwar is-Servizzi Soċjali ta’ Interess Ġenerali bħala parti mill-pakkett u fl-2008/2009 se:

- tipproponi Rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni attiva li tkopri kwistjonijiet ta’ appoġġ għad-dħul, konnessjonijiet mas-suq tax-xogħol u aċċess aħjar għal servizzi ta’ kwalità. Is-Sena ppjanata 2010 għall-inklużjoni u l-ġlieda kontra l-faqar se tipprovdi l-opportunità għal impenn politiku mġedded min-naħa ta’ l-UE u l-Istati Membri tagħha għal dawk l-iskopijiet fundamentali tat-Trattat tal-KE;

- tagħti forma ġdida lil, u testendi b'mod sinifikanti, il-programm ta' l-għajnuna ta' l-ikel għall- ifqar nies fl-Ewropa. Il-programm ipprovda ikel għal aktar minn 13-il miljun ruħ fl-2006 u sar aktar importanti fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet ta' l-ikel;

- tassumi inizjattivi biex ittejjeb il-litteriżmu diġitali, tkabbar l-użu tal-broadband f’żoni li mgħandhomx servizz biżżejjed[20] u tagħti aċċess aħjar u aċċessibilità lil nies b’diżabilitajiet għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni[21] bl-intenzjoni li ssolvi l-problema tad-distakk diġitali. Hemm ukoll pjan biex tittieħed azzjoni biex tkun inkuraġġita l-inklużjoni finanzjarja – sabiex ħadd fl-UE ma jkun imċaħħad mill-aċċess għal kont bankarju bażiku.

4.6. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

It-tfittxija għall-opportunità tfisser l-attakk sistematiku tad-diskriminazzjoni u l-ġlieda kontra r-razzismu u l-ksenofobija. Flimkien ma’ l-protezzjoni leġiżlattiva li ilha, fuq bażi ta’ ġeneru l-UE għandha leġiżlazzjoni li ma tippermettix diskriminazzjoni fuq bażi ta’ oriġini razzjali jew etnika fix-xogħol, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi. Biex jista’ jitkompla pjan ta’ qafas legali, li huwa element prinċipali ta' din l-aġenda soċjali hemm direttiva proposta biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew fidi, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali u biex tpoġġi fis-seħħ il-prinċipju tat-trattament ugwali, barra l-isfera tax-xogħol.

L-UE tieħu parti attiva fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u tinkuraġġixxi l-Kunsill biex formalment jadotta d-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija li kien hemm ftehim politiku dwarha f’April ta’ l-2007.

F’dan l-aħħar nofs seklu, l-UE inkuraġġiet ugwaljanza tas-sessi (wieħed mill-valuri fundamentali tagħha) billi żviluppat qafas leġiżlattiv komprensiv. Investiet fiż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. B’riżultat t’hekk ir-rata ta’ impjiegi tan-nisa telgħet minn 54.3% għal 57.2% bejn l-2001 u l-2006, u l-mira ta’ 60% sa l-2010 tista' tintlaħaq. Iżda l-inugwaljanzi għadhom hemm, kif inhuwa rifless fid-differenzi fil-pagi bejn is-sessi. In-nisa għadhom ukoll mhux rappreżentati biżżejjed fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi[22].

Iżjed azzjoni:

Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni qiegħda:

- tipproponi Direttiva biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età, jew orjentazzjoni sesswali u biex iddaħħal fis-seħħ il-prinċipju ta’ trattament ugwali, barra l-isfera ta’ l-impjieg. Se tkompli wkoll b’azzjoni mhux leġiżlattiva biex tinkuraġġixxi ugwaljanza b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali[23];

- tirrapporta dwar l-istrumenti u l-politiki ta' l-UE favur il-komunità tar- Roma fl-Ewropa (ara r-Rapport mehmuż).

Hija sejra:

- issaħħaħ l-integrazzjoni ta' perspettiva tas-sessi (' mainstreaming ') fil-politiki u l-attivitajiet tagħha, inklużi dawk koperti minn din l-Aġenda Soċjali Mġedda, f'konformità ma' l-impenji fil-Pjan ta' l-UE dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2006-2010) u fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

- tirrapporta fl-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan u, fl-2010, tippreżenta valutazzjoni u strateġija ta' segwitu ;

- tikkunsidra l-preżentazzjoni ta' propoposti leġiżlattivi f’Settembru 2008 bl-intenzjoni li ttejjeb ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u professjonali billi ttejjeb l-arranġamenti għal-leave tal-ġenituri, billi tintroduċi forom ġodda ta’ leave (leave tal-paternità, l-adozzjoni u dak tat-tfal), u ssaħħaħ il-protezzjoni għan-nisa tqal.

- tkompli ssolvi l-problema tad- diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi , skond il-Komunikazzjoni adottata f’Lulju ta’ l-2007[24], b’mod partikolari billi tfittex modi kif ittejjeb il-qafas leġiżlattiv u l-mod kif qed jiġi implimentat, u hekk tagħmel użu sħiħ mill-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi, billi tinkuraġġixxi lil min iħaddem biex jikkommetti ruħu għal pagi ndaqs u billi tappoġġja l-iskambju tal-prassi tajba fil-livell Komunitarju;

- toħroġ rapport fuq il-miri ta’ “Barċellona” li jikkonċernaw id-disponibbiltà tal- faċilitajiet tal-kura tat-tfal f’Settembru ta’ l-2008;

- tiffoka l-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni fuq it-tnaqqis tar-rati tar-riskji għall-faqar għan-nisa , partikolarment in-nisa anzjani;

- tieħu azzjoni fuq id-diskrepanza bejn is-sessi fl-intrapriża (fil-preżent 31% biss ta’ l-intraprendituri fl-Ewropa huma nisa).

4.7. Opportunitajiet, Aċċess u Solidarjetà fix-Xena Globali

L-UE tikkoopera ma’ msieħba nazzjonali u internazzjonali biex tinkuraġġixxi livelli soċjali għoljin għall-protezzjoni tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent. Azzjoni kkoordinata ta’ l-UE tgħin biex tagħti sura lill-aġenda internazzjonali u tutilizza il-benefiċċji pożittivi tal-globalizzazzjoni u l-immaniġjar tal-bidla. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni akbar lill-projezzjoni tal-politika tagħha fuq barra u l-impatti soċjali tal-politika interna tagħha globalment.

Il-Kummissjoni se tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal- pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati fl-oqsma soċjali u dawk relatati[25]. Hija se tikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali mmirati biex jinkuraġġixxu d-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni. Se tkompli wkoll tfittex li jkun hemm djalogu ta’ politika dwar l-impjiegi u affarijiet soċjali f’fora bilaterali u reġjonali, u dan jinkludi l-pajjiżi mseħbin tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u ma’ ekonomiji emerġenti. Il-Kummissjoni ser tiżgura li r-relazzjonijiet esterni tagħha, u l-politika tal-kummerċ u l-iżvilupp fl-iktar sens wiesa’ jgħinu biex jinkuraġġixxu opportunitajiet, aċċess u solidarjetà lil hinn mill-fruntieri ta’ l-UE.

Se tinkorpora x-xogħol deċenti u s-sensittività soċjali fi ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi , u ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal- politika tal-kummerċ u dik relatata mal-kummerċ (inkluż permezz tan-negozjati dwar is-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi u l-Ftehimiet tal-Kummerċ Liberu). Il-politika ta' l-Iżvilupp u dik esterna u l-assistenza wkoll jiġu użati biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali, l-immodernizzar ta’ swieq tax-xogħol u jikkontribwixxu għal sforzi inernazzjonali li jindirizzaw id-dimensjoni soċjali tal-globalizazzjoni u tat-tibdil tal-klima.

Iżjed azzjoni:

Il-Kummissjoni għal darb’oħra tafferma l-impenn tagħha biex tinkuraġġixxi l-aġenda internazzjonalment miftiehma għal xogħol deċenti, u dan jinkludi l-kooperazzjoni ma’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u msieħba oħrajn, u l-mobilizzazzjoni tal-politika kollha rilevanti ta’ l-UE (ara r-rapport mehmuż li jitfa’ dawl fuq il-progress li sar mill-2006). Il-Kummissjoni tappella wkoll lill-Istati Membri kollha biex jagħtu eżempju billi jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjonijiet ILO ikklassifikati mill-ILO bħala aġġornati .

Il-Kummissjoni se tkompli tinkuraġġixxi r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha.

5. L-AġENDA SOċJALI MġEDDA GħALL-OPPORTUNITAJIET, L-AċċESS U S-SOLIDARJETÀ: L-ISTRUMENTI

L-Inventarju tar-Realtà Soċjali kkonferma li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati jippretendu li l-UE ġġib valur miżjud għall-iżvilupp soċjali, waqt li tibqa’ attenta għas-sussidjarjetà, l-proporzjonalità u d-diversità. Se tkompli tagħmel hekk permezz ta’ l-istrumenti tat-Trattat ta’ l-UE (il-leġiżlazzjoni, id-djalogu soċjali, il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, il-fondi ta’ l-UE, l-involviment tas-Soċjetà Ċivili) u bl-isfruttament tal-potenzjal tas-sinerġiji ta’ bejniethom billi tavviċinahom b’mod komprensiv u b’għodda ta’ politika “magħżula iktar bil-għaqal”. Il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika ekonomika u baġitarja wkoll għandhom rwol importanti f’dan ir-rigward.

5.1. Leġiżlazzjoni ta’ l-UE

L-UE waqqfet qafas leġiżlattiv robust għall-benessri ta’ l-Ewropej billi stabbiliet u saħħet id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini, konsumaturi u ħaddiema f’diversi oqsma, u dawn jinkludu mobbiltà, saħħa u sigurtà, sigurtà soċjali, kondizzjonijiet tax-xogħol, informazzjoni u konsultazzjoni, ugwaljanza tas-sessi, u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni.

F’ċerti każijiet, leġiżlazzjoni ġdida tista’ toffri soluzzjonijiet jekk hemm qbil ġenerali fuq ir-rilevanza tagħha u evidenza konvinċenti dwar il-valur tagħha miżjud. Leġiżlazzjoni eżistenti tkun trid tiġi aġġornata u ssimplifikata fid-dawl ta’ kwistjonijiet ġodda li qed jitfaċċaw (eż. fil-qasam tad-diskriminazzjoni, saħħa u sigurtà), forom ġodda ta’ organizazzjoni tax-xogħol (eż. Kunsilli tax-Xogħol Ewropej, rikonċiljazzjoni tax-xogħol u ħajja familjari) u ġurisprudenza mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, (eż. ħin tax-xogħol, sigurtà soċjali, kura medika transkonfinali).

Il-leġiżlazzjoni eżistenti trid tiġi applikata effettivament u infurzata. Problemi ta’ implimentazzjoni ħażina spiss ikunu kkawżati minn nuqqas ta’ għarfien jew koordinazzjoni insuffiċjenti u kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni se taħdem ma' l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u msieħba oħra sabiex issewwi dawn il-problemi skond il-Komunikazzjoni tagħha dwar "Ewropa tar-riżultati – l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja"[26], u l-appoġġ tagħha għaċ-ċittadini u l-impriżi fil-kuntest tal-Valutazzjoni tas-Suq Uniku.

5.2. Id-Djalogu Soċjali

Id-Djalogu Soċjali Ewropew, wieħed mill-elementi fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew, għandu rwol essenzjali fit-tfassil tal-politika fl-UE. Id-dritt ta’ l-Imsieħba Soċjali, imnaqqax fit-Trattat ta’ l-KE, sabiex jiġu kkonsultati qabel xi inizjattiva mill-Kummissjoni dwar l-impjiegi jew l-affarijiet soċjali biex ikunu jistgħu huma stess jinnegozjaw kwistjonijiet sottomessi mill-Kummissjoni jew biex jikkonkludu ftehimiet awtonomi fuq l-inizjattiva tagħhom stess, kellu ħafna riżultati tajbin, eż. il-ftehim tagħhom fuq il-leave tal-ġenituri, fuq il-vjolenza u l-istress fuq ix-xogħol, dwar it-telework u fuq il-Konvenzjoni ta’ l-ILO fuq il-baħrin. Dokument tax-xogħol tal-persunal dwar it-telework u proposta fuq il-Ftehim tal-Imsieħba Soċjali dwar il-Konvenzjoni Marittima ta’ l-ILO huma kollha parti minn dan il-pakkett.

Il-Kummissjoni ssejjaħ l-Imsieħba Soċjali biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet offruti mid-Djalogu Soċjali Ewropew. Bl-għarfien u l-esperjenza tagħhom qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jagħrfu realtajiet soċjali li qed jinbidlu u għandhom rwol speċifiku xi jwettqu billi jgħinu biex jipprovdu reazzjonijiet. L-UE se tkompli tiffaċilita d-Djalogu Soċjali, inkluż fil-livell settorjali/industrijali, u l-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet qafas Ewropej mill-imsieħba soċjali nazzjonali.

5.3. Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni

Metodi miftuħin ta’ koordinazzjoni (OMCs) huma neċessarji għall-Aġenda Soċjali ta’ l-UE, u kienu ta’ għajnuna għall-Istati Membri biex tiġi żviluppata viżjoni komuni ta’ l-isfidi soċjali, inkuraġġita rieda għal kooperazzjoni u tagħlim mill-prattiċi ta’ xulxin, ħolqot dinamiżmu ġdid għat-tkomplija u l-implimentazzjoni tar-riformi, u nkuraġġiet ħolqien ta’ politika bbażat fuq l-għarfien, immirat lejn iit-trasparenza u l-parteċipazzjoni.

L-ewwel Strateġija Ewropea tax-Xogħol, imnedija fl-1997, ikkontribwiet għall-ħolqien ta' iktar impjiegi u ta' impjiegi aħjar u hekk intlaħaq il-benessri f’termini konkreti. L-OMC fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ, imniedi fl-2002, ipprovda appoġġ siewi lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-politika tagħhom u l-istrateġiji għat-tagħlim tul il-ħajja. Ir-riżultati fuq il-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni fuq il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (minn hawn ’il quddiem “l-OMC Soċjali”) fl-oqmsa lil hinn mill-kompetenzi tal-Kommunità diretta (eż. pensjonijiet, familja u benefiċċji tad-diżabilità, kura medika u kura fit-tul) juru li dan il-proċess huwa kumpliment essenzjali għal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE. Juri kif kooperazzjoni volontarja fost l-Istati Membri appoġġjata mill-UE tista' tagħti effett prattiku lill-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-isforzi tagħhom magħqudin biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni, u biex jiżguraw sistemi ta’ sigurtà soċjali moderni, sostenibbli u ekwitabbli.

Miri kkwantifikati u indikaturi taw prova li huma indispensabbli għat-titjib u l-monitoraġġ tal-progress fil-livell ta’ l-UE u dak nazzjonali. Il-preparazzjoni ta’ wara l-Istrateġija ta’ Liżbona ta’ l-2010 se tipprovdi l-opportunità biex jiġi rivedut il-progress lejn l-għanijiet u biex jeżamina jekk għandhomx jitfasslu miri iżjed ambizzjużi (bħal rati ta’ xogħol ogħla għaż-żgħażagħ, ħaddiema iżjed avvanzati fl-età u nisa). Għandha tingħata wkoll konsiderazzjoni biex jiġu introdotti jew aġġornati miri f’oqsma oħrajn ta’ l-OMC (eż. persentaġġ tal-PGD fl-investiment fuq il-kapital uman; it-tnaqqis tal-faqar, partikolarment il-faqar tat-tfal; titjib fl-akkwist ta’ edukazzjoni, it-tħejjija ta’ miri għar-riformi tal-pensjonijiet, saħħa u sistemi tas-saħħa għat-tul) biex ikun rifless impenn imġedded biex jinkisbu riżultati taħt l-Aġenda Soċjali Mġedda. Ikun hemm bżonn ta' dejta statistika f’dan il-kuntest u din se tiġi żviluppata bil-kooperazzjoni ta’ l-Eurostat u s-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika.

Iżjed Azzjoni:

Il-Kummissjoni:

- tipproponi li ssaħħaħ u tutilizza l-potenzjal kollu ta' l-OMC Soċjali billi tapplika xi wħud mill-proċeduri u l-metodi tax-xogħol użati taħt l-istrateġija ta’ Liżbona, bil-ħsieb li ttejjeb l-impenn politiku u l-viżibilità (i.e. billi toħloq miri kwantittattivi), issaħħaħ il-kuntatti ma’ politika oħra, ittejjeb għodod analitiċi u bażi ta’ evidenza, u tistimula l-moniteraġġ, it-tagħlim wieħed għall-ieħor u reviżjoni ta’ esperti ugwali fil-qasam mill-Istati Membri. (Ara d-dokument ta' miegħu);

- se tikkunsidra li tipproponi Rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni attiva (ara 4.5).

L-Inventarju fuq ir-Realtà Soċjali indika li hemm konsensus li qed jikber fuq li l-PGD bħala kejl tar-riżultati ekonomiċi m’huwiex biżżejjed biex jiggwida r-reazzjonijiet tal-politika lejn il-konfronti kontemporanji komplessi. Il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp ta’ għanijiet fuq il-benesseri “lil hinn mill-PGD”.

5.4. L-iffinanzjar mill-UE

Politika ta’ koeżjoni u l-Fondi Strutturali jagħmlu kontribuzzjoni meħtieġa għall-promozzjoni ta’ l-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà billi jsaħħu sew il-kompetitività u l-koeżjoni soċjali. Taħt il-perjodu ta' pprogrammar kurrenti 2007-13, il-Politika ta' Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew b'mod partikolari se jonfqu madwar EUR 14-il biljun sabiex isaħħu l-abilità ta' l-impriżi u l-ħaddiema sabiex jantiċipaw u jamministraw il-bidla; madwar EUR 26 biljun biex tiġi mtejba l-kwalità ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ; madwar 30 biljun sabiex jiżdiedu l-impjiegi, inklużi sforzi kontra d-diskriminazzjoni, EUR 5 biljun għall-investiment fis-saħħa u EUR 1.2 biljun sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' l-immigranti fid-dinja tax-xogħol u għall-inklużjoni soċjali tagħhom. Minbarra dan, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (2007-2013) jappoġġja l-integrazzjoni ta' immigranti ġodda fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni qed taħdem ma’ l-Istati Membri biex tiżgura l-iktar mod effettiv ta’ dawn l-investimenti, biex tappoġġja partikolarment prijoritajiet tal-politika taħt l-Istrateġija ta’ l-Liżbona. Kif kien spjegat hawn fuq (ara 4.2) il-Fond Ewropew ta’ l-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) jappoġġjaw ħaddiema li jiġu qiegħda bil-globalizzazzjoni.

Il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Garanzija(FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jikkontribwixxu wkoll għall-aġenda soċjali ta’ l-UE billi jiżguraw forniment ta’ ikel ta’ kwalità tajba ta’ prezz li jista’ jintlaħaq, u jtejbu l-kompetitività tas-setturi agrikoli, forestjeri u ta’ l-ipproċessar ta’ l-ikel u l-kwalità ta’ l-impjiegi ta’ ġo fihom, biex hekk titjieb il-kwalità tal-hajja f’żoni rurali u jitjiebu l-opportunitajiet għall-impjiegi f’żoni rurali b’mod ġenerali.

Il-programm 2007-2013 fuq l-impjiegi u s-solidarjetà soċjali (PROGRESS)[27] jgħin biex tiġi applikata l-liġi ta’ l-UE, u hekk tkun maħluqa fehma komuni ta’ l-obbjettivi u l-prijoritajiet ta’ l-UE, u jissaħħu l-isħubiji bil-partijiet interessati li jkunu membri importanti nazzjonali u ta’ l-UE. Il-Programmi ta’ Tagħlim għat-Tul u ta’ Żgħażagħ fl-Azzjoni jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ edukazzjoni kwalitattiva u ta’ taħriġ u wkoll l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ rispettivament, bi qbil ma’ l-għanijiet politiċi tal-metodi miftuħa ta' koordinazzjoni. Involviment akbar tal-komunità xjentifika u assoċjazzjonijiet iktar b’saħħithom ma’ attivitajiet ta’ riċerka oħrajn li dejjem għaddejjin li għandhom appoġġ mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka ta’ l-2007-2013 ukoll se jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ l-għarfien – u politika bbażata fuq l-evidenza.

5.5. Sħubiji, Djalogu u Kommunikazzjoni

Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà għal kulħadd tista’ tiġi milħuqa biss bi sħab ma’ l-Istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, l-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali, l-Imsieħba Soċjali, is-Soċjetà Ċivili u l-Partijiet Interessati l-oħrajn, u dawn jinkludu l-imsieħba esterni bħala rilevanti.

Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili jaġixxu bħala pont essenzjali bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u ċ-ċittadini. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-kapaċità ta’ l-NGO biex taġixxi fil-livell ta’ l-UE u biex tieħu parti attiva fl-iżvilupp u l-implimetazzjoni tal-politika ta’ l-UE.

L-impriżi, f'kooperazzoni mill-qrib ma' stakeholders oħra, jistgħu wkoll jikkontribwixxu attivament għall-miri ta' aġenda soċjali mġedda, pereżempju f'oqsma bħall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-ħiliet.

Ċittadini, impriżi u partijiet interessati oħra għandhom ikunu infurmati aħjar dwar l-opportunitajiet offruti mill-Unjoni Ewropea, waqt li jibnu fuq servizzi eżistenti bħalma hu l-portal għax-xogħol EURES, SOLVIT, l-Internal Market Information System, il-Europe Direct, Your Europe, il-Portal tas-Saħħa Ewropew eċċ. Servizz ta’ Assistenza fuq is-Suq Uniku qed jiġi ppreparat biex ittejjeb l-offerta ta’ l-informazzjoni u l-aċċessibilità tagħha[28].

Il-Kummissjoni se tkompli tinkuraġġixxi l-parteċipazzjoni civili, mhux l-inqas fil-kuntest tas-sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008. Ir-riżultati tas-Sena jrid ikollhom impatt sostenibbli u jridu jiġu applikati fil-politika u l-programmi kollha ta’ rilevanza għall-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tara x’inhuma l-opinjonijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati waqt li ddaħħal fis-seħħ l-Aġenda Soċjali Mġedda.

5.6. Ikun Żgurat li l-politika ta’ l-UE tinkuraġġixxi opportunitajiet, aċċess u solidarjetà

L-iżvilupp ta’ għodod għall-monitoraġġ ibbażati fuq l-evidenza se jsir mezz importanti biex niżguraw li l-politika kollha ta’ l-EU tirrifletti għanijiet relatati mal-promozzjoni ta’ l-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà. It-Trattat preżenti jirrikjedi l-attivitajiet kollha tal-Komunità Ewropea “biex nimmiraw sabiex negħlbu l-inugwaljanzi u biex ninkuraġġixxu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa”[29]. Huwa ġeneralment rikonoxxut li l-UE imissha tagħti każ ta’ għanijiet fuq il-politika soċjali u l-bżonn biex tiġġieled id-diskriminazzjonijiet kollha fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki l-oħrajn kollha. Il-Kummissjoni se tkompli tissottometti l-inizjattivi l-kbar kollha għal analiżi stretta ta’ impatti soċjali bħala parti mix-xogħol tagħha għall-istima ta’ l-impatt. Il-Bord ta’ l-istima ta’ l-Impatt se jkompli jiżgura li l-impatti potenzjali soċjali u fuq l-impjiegi jkunu kkunsidrati sa barra qabel ma jsiru l-proposti. Fil-valutazzjoni tal-politika eżistenti, il-Kummissjoni se żżid l-attenzjoni li tagħti lill-impatti soċjali.

L-UE diġà għandha rifless soċjali qawwi meta tkun qed tiżviluppa l-leġiżlazzjoni u l-miżuri tas-suq intern. Pereżempju r-regoli ta’ l-UE fuq l-akkwist pubbliku jħallu biżżejjed opportunitajiet biex l-awtoritajiet jagħtu każ konsiderazzjonijiet soċjali meta jkunu qegħdin jagħżlu l-aħjar offerta[30]. Inizjattivi ġodda bħall-monitoraġġ tas-suq għad-distribuzzjoni bl-imnut, inkluż il-prezz u l-kwalità ta’ oġġetti bażiċi jistgħu jiġġeneraw implikazzjonijiet pożittivi fl-isfera soċjali.

6. IL-KONKLUżJONI

Realtajiet soċjali ġodda jirrikjedu reazzjonijiet ġodda. Il-bidla hija mgħaġġla – u l-politika trid iżżomm il-pass, waqt li tirrispondi b’innovazzjoni u flessibbiltà għall-isfidi tal-globalizzazzjoni, avvanzi teknologiċi u żviluppi demografiċi.

Din l-aġenda soċjali mġedda hija reazzjoni tali – turi kif il-miri ta’ l-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà jridu jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti. Hija reazzjoni ta’ politika integrata, li tikkumplimenta l-Istrateġija ta’ Liżbona u li turi impenn biex jingħataw riżultati liċ-ċittadini. Turi li l-valuri Ewropej għadhom fil-qalba tal-politika ta’ l-UE u huma parti integrali tar-reazzjoni ta’ l-UE għall-globalizzazzjoni. Hija tirrifletti l-impenn qawwi ta’ din il-Kummissjoni lejn id-dimensjoni soċjali, diġà mniżżla fl-għanijiet strateġiċi tagħha fl-2005, u hija kontribuzzjoni essenzjali għall-isforzi iktar wisgħin biex jagħmlu l-Unjoni ekonomikament b’saħħitha, soċjalment responsabbli u fiż-żgur. Din l-aġenda, inklużi l-azzjonijiet u l-istrumenti tagħha, tkun riveduta flimkien ma’ l-istrateġija ta’ Liżbona għall-allokar tal-perjodu 2010.

Il-Kummissjoni ddur fuq il-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex iġeddu l-impenn tagħhom lejn id-dimensjoni soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, billi tendorsja din l-aġenda soċjali mġedda u taqbel dwar il-proposti leġiżlattivi li qed jakkumpanjawha.

[1] http://ec.europa.eu/citizens_agenda/social_reality_stocktaking/index_en.htm

[2] COM(2007) 726, 20.11.2007.

[3] Ara wkoll id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, li jinsab anness, "Aġenda soċjali mġedda għall-Ewropa: Il-Benessri taċ-Ċittadini fis-Soċjetà ta' l-Informazzjoni"

[4] Il-proporzjon ta’ dawk ‘il fuq minn 65 sena mall-popolazzjoni li taħdem (15-64) għandu jiżdied minn 1 għal kull 4 bħalissa għal 1 għal kull 2 fl-2050.

[5] ECFIN Konklużjoniijiet tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2008, disponibbli hawn:http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/100325.pdf

[6] COM(2008) 359, 17.6.2008.

[7] Ara http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/children/fsj_children_intro_en.htm

[8] COM(2008) 106, 27.2.2008.

[9] COM(2008) 394, 25.6.2008.

[10] COM(2008) 359, 17.6.2008.

[11] COM(2007) 496, 7.9.2007.

[12] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' April 2008 dwar kooperazzjoni amministrattiva msaħħa fil-kuntest ta' l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-forniment tas-servizzi.

[13] COM(2008)317, 23.5.2008 Karrieri aħjar u mobilità akbar: sħubija Ewropea għar-riċerkaturi

[14] Proġett Pilota 2008-2010.

[15] Green Paper maħsuba għal Ġunju 2009.

[16] Proposta għal Rakomandazzjoni tal-Kunsill f’dokument mehmuż..

[17] Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiċi professjonali

[18] COM(2007) 630, 23.10.2007.

[19] COM(2007) 62, 21.2.2007.

[20] COM(2006) 129, 20.3.2006.

[21] COM(2007) 694, 8.11.2007.

[22] In-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet 2007, il-Kummissjoni Ewropea 2008.

[23] Ara l-komunikazzjoni mehmuża dwar, "In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs: Impenn imġedded".

[24] COM(2007) 424, 18.7.2007.

[25] Ara eż. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Balkani ital-Punent: It-tisħiħ tal-perspettiva Ewropea", COM(2008) 127, 5.3.2008.

[26] COM(2007) 502, 5.9.2007.

[27] http://ec.europa.eu/employment_social/progress/index_en.html

[28] SEC(2005) 985, 20.7.2005.

[29] L-Artikolu 3 tat-Trattat KE.

[30] Il-ktejjeb ta' tagħrif dwar l-akkwisti pubbliċi soċjalment responsabbli, li l-Kummissjoni għandha toħroġ fl-2009, għandu jipprovdi gwida dettaljata u eżempji prattiċi f’dan il-kuntest.

Top