This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0248
Report from the Commission convergence report 2008 (prepared in accordance with Article 122(2) of the Treaty) {SEC(2008) 567}
Rapport ta' konverġenza 2008 (imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat) {SEG(2008) 567}
Rapport ta' konverġenza 2008 (imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat) {SEG(2008) 567}
/* KUMM/2008/0248 finali */
Rapport ta' konverġenza 2008 (imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat) {SEG(2008) 567} /* KUMM/2008/0248 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 7.5.2008 KUMM(2008) 248 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI RAPPORT TA' KONVERĠENZA 2008 (imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat) {SEG(2008) 567} 1. Għan tar-rapport L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jistipula li l-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jibagħtu rapporti lill-Kunsill, mill-anqas darba kull sentejn, jew b’talba ta' xi wieħed mill-Istati Membri b'deroga, fuq il-progress magħmul mill-Istati Membri fit-twettiq ta' l-obbligi tagħhom dwar l-ilħiq ta' unjoni ekonomika u monetarja. L-aħħar Rapporti ta’ Konverġenza regolari tal-Kummissjoni u tal-BĊE ġew adattati f’Diċembru 2006[1]. Id-Danimarka u r-Renju Unit ma esprimewx ix-xewqa tagħhom li jadottaw il-valuta waħdanija. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ta’ konverġenza tkopri l-għaxar Stati Membri li ġejjin b’deroga: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja. Minħabba li ngħaqdu ma’ l-UE fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Bulgarija u r-Rumanija qed jiġu eżaminati għall-ewwel darba. Evalwazzjoni aktar dettaljata tal-qagħda ta’ konverġenza fl-għaxar pajjiżi tingħata f'Anness Tekniku ta’ dan ir-rapport (SEC(2008) 567). Parallel ma’ dan, fl-4 ta’ April 2008, is-Slovakkja bagħtet talba għal evalwazzjoni ta’ l-issodisfar tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2009. Il-kontenut tar-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni u l-BĊE huwa rregolat mill-Artikolu 121(1) tat-Trattat. Dan l-Artikolu jesiġi li r-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali, flimkien ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE (minn hawn 'il quddiem l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE). Ir-rapporti jeħtiġilhom jeżaminaw ukoll jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta' konverġenza sostenibbli fl-Istat Membru kkonċernat, b'referenza għall-issodisfar tal-kriterji tal-konverġenza (l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern, l-istabbiltà tar-rati tal-kambju, ir-rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul), u billi jitqiesu bosta fatturi oħrajn imsemmija fl-aħħar sottoparagrafu ta' l-Artikolu 121(1). L-erba' kriterji ta' konverġenza huma żviluppati aktar fi Protokoll anness mat-Trattat (il-Protokoll Nru 21 dwar il-kriterji ta' konverġenza). L-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE jeħtieġ evalwazzjoni tal-konformità mal-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju (l-Artikolu 101 KE) u l-projbizzjoni ta' aċċess privileġġat (l-Artikolu 102 KE); il-konsistenza ma' l-għanijiet tas-SEBĊ (l-Artikolu 105(1) KE); l-indipendenza tal-bank ċentrali (l-Artikolu 108 KE); u l-integrazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fl-SEBĊ (bosta artikoli tat-Trattat KE u ta' l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE). Il- kriterju ta' stabbiltà tal-prezzijiet ġie definit fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat: “il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà tal-prezzijiet […] se jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed tkun tixbaħ lil dik tat-tliet Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f'dik li hija l-istabbiltà tal-prezzijiet”. L-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterju ta' konverġenza tistipula ukoll li “l-kriterju fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet […] jfisser li l-Istat Membru jkollu grad ta' stabbiltà tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn 1.5 punti perċentwali dik ta' l-aħjar tliet Stati Membri, f'dik li hi stabbiltà tal-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali” [2]. Ir-rekwiżit tas-sostenibbiltà jimplika li r-rendiment sodisfaċenti ta' l-inflazzjoni, essenzjalment, irid jiġi attribwit għall-mod li bih ivarjaw l-ispejjeż tad-dħul u fatturi oħrajn li jaffettwaw l-iżviluppi fil-prezzijiet b'mod strutturali, aktar milli għall-impatt ta' fatturi temporanji. Għalhekk, l-eżami tal-konverġenza jinkludi evalwazzjoni tal-fatturi sottostanti għall-inflazzjoni u ta' prospetti f’terminu ta’ żmien medju. Jevalwa wkoll jekk il-pajjiż aktarx jilħaq il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin[3]. Il-valur ta' referenza ta' l-inflazzjoni ġie kkalkolat li kien 3.2 % f'Marzu 2008[4], b’Malta, l-Olanda u d-Danimarka bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati. Il-kriterju ta' konverġenza li jittratta dwar il- pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġie definit fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat bħala “is-sostenibbiltà tal-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern: dan jirriżulta meta jkun wasal għal pożizzjoni fl-estimi li tkun mingħajr defiċit eċċessiv kif stabbilit fl-Artikolu 104(6)”. Barra minn dan, l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula li dan il-kriterju għandu jfisser li “fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) ta' dan it-Trattat li jkun hemm defiċit eċċessiv” . It-Trattat jirreferi għall- kriterju tar-rata tal-kambju fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 121 bħala “osservanza tal-marġni ta’ fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront tal-valuta ta’ xi Stat Membru ieħor” . L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula: “Il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea (…) għandu jfisser li l-Istat Membru jkun irrispetta l-marġni normali ta' fluttwazzjoni previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-valuta tiegħu kontra l-valuta ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess, matul l-istess perjodu” [5]. Il-perjodu rilevanti ta' sentejn għall-evalwazzjoni ta' l-istabbiltà tar-rata tal-kambju f'dan ir-rapport huwa bejn id-19 ta' April 2006 u t-18 ta' April 2008. Ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat jistipula “id-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea kif jidher fil- livelli tar-rati ta’ l-imgħax għal perjodi fit-tul ” . L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula wkoll li “il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax (…) għandu jfisser li, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, l-Istat Membru kellu rata ta' l-imgħax medja nominali għal perjodi fit-tul li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali, dik ta' l-aħjar tliet Stati Membri f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet . Ir-rati ta' l-imgħax għandhom jitkejlu fuq il-bażi ta' bonds tal-gvern b'terminu twil jew bonds paragunabbli, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali” . Il-valur ta' referenza għar-rata ta' l-imgħax ġie kkalkolat li kien 6.5 % f'Marzu 2008. L-Artikolu 121 tat-Trattat jesiġi wkoll eżami ta' fatturi oħrajn rilevanti għall-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza. Dawn il-fatturi addizzjonali jinkludu l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju u s-suq tal-prodotti, l-iżvilupp tal-bilanċ tal-pagamenti fuq il-kont kurrenti[6] u l-iżvilupp ta' l-ispiża ta' unità tax-xogħol u indiċijiet oħra ta’ prezzijiet. Dawn ta' l-aħħar huma koperti permezz tal-valutazzjoni ta' l-istabbiltà fil-prezzijiet. 2. Il-Bulgarija Il-Bulgarija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007. F’dan ir-rapport, il-konformità tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat tal-KE u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u l-progress tagħha lejn l-ilħiq ta' konverġenza ekonomika sostenibbli qed jiġu għalhekk evalwati għall-ewwel darba. Il-bażi ġuridika għall-Bank Nazzjonali Bulgaru (BNB) hija l-Liġi dwar il-BNB tal-5 ta’ Ġunju 1997. L-aħħar emendi saru f’Ġunju u Lulju 2007. Fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' l-euro, il-leġiżlazzjoni fil-Bulgarija, b'mod partikolari l-Liġi dwar il-BNB, ma kinitx kompletament konformi ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. In-nuqqasijiet jeżistu fir-rigward tal-ħruġ ta’ karti u muniti tal-flus, il-promozzjoni ta’ l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas, l-approvazzjoni tal-BĊE qabel il-parteċipazzjoni fl-istituzzjonijiet monetarji internazzjonali, ir-rwol statistiku tal-BĊE u l-UE, verifika minn awdituri esterni indipendenti, indipendenza istituzzjonali u personali kif ukoll il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju. Fil-Bulgarija, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ilha ogħla mill-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Bulgarija matul it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 9.4 %, li hija ogħla mill-valur ta' referenza ta' 3.2%, u x'aktarx li tibqa' ogħla mill-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin. L-inflazzjoni IAPK fil-Bulgarija żdiedet b’mod sinifikanti fl-aħħar snin, bl-inflazzjoni medja annwali titla’ minn 2.3 % fl-2003 għal madwar 7½ % fl-2006 u l-2007 filwaqt li l-inflazzjoni fix-xahar sena wara sena telgħet għal numru b’żewġ cifri lejn tmiem l-2007. Prezzijiet ogħla għall-enerġija u l-ikel huma fost il-fatturi li jżidu l-inflazzjoni, flimkien ma' żidiet fil-prezzijiet u fid-dazji tas-sisa amministrati, anki jekk il-pressjoni inflazzjonarja sottostanti ssaħħet ukoll, fost talba domestika qawwija u żidiet fil-pagi. F’dan l-isfond, l-inflazzjoni hija prevista li tibqa’ f'livelli għolja fix-xhur li ġejjin, bl-inflazzjoni medja annwali titla' għal madwar 10 % fl-2008. Meta wieħed iħares aktar 'il quddiem, huwa previst tnaqqis bil-mod fl-inflazzjoni għal madwar 6 % fl-2009, flimkien ma' tnaqqis fil-pressjoni tat-talba fl-ekonomija u t-tnaqqis tal-qabża fil-prezz tal-materja prima. Il-livell baxx tal-prezzijiet fil-Bulgarija (45 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezzijiet għal perjodi fit-tul. Il-Bulgarija ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. [pic] Il-Bulgarija mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-bilanċ ġenerali tal-gvern tal-Bulgarija tjieb ħafna tul l-aħħar snin, u tela’ minn pożizzjoni bilanċjata fl-2003 għal bilanċ favorevoli ta’ 3.4 % tal-PGD fl-2007. Filwaqt li l-proporzjon totali tad-dħul mal-PGD qed jiżdied, in-nefqa bħala parti mill-PGD trażżnet tul il-parti l-kbira mill-perjodu. Il-proporzjon gross tad-dejn ġenerali tal-gvern qed jonqos, minn aktar minn 50 % tal-PGD fl-2002 għal 18 % tal-PGD fl-2007. Imsejsa fuq is-suppożizzjoni ta' l-ebda bidla fil-politika, it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni tistenna li l-bilanċ favorevoli jibqa’ madwar 3 % tal-PGD fl-2008 u l-2009, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għandu jibqa’ jonqos, biex jilħaq 11 % tal-PGD fl-2009. Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-lev Bulgaru mhux se jieħu sehem fl-ERM II. Sa mill-1997, il-Bulgarija adottat sistema ta' bord tal-valuta msejsa fuq id-D-Mark, u aktar tard fuq l-euro. L-arranġament tal-bord tal-valuta kien strumentali għall-istabilizzazzjoni makroekonomika u sa mill-introduzzjoni tiegħu din qed timxi bla xkiel. Indikaturi addizzjonali ma jippuntawx lejn pressjoni fuq ir-rata tal-kambju matul il-perjodu ta' evalwar, anki jekk il-perċezzjonijiet tar-riskju ta' l-investituri jidher li żdiedu xi ftit fil-kuntest tat-taqlib riċenti fis-suq finanzjarju globali, kif indikat minn firxiet usa’ ta’ rati ta’ l-imgħax għal terminu qasir meta mqabbla maż-żona ta’ l-euro sa minn l-aħħar xhur ta’ l-2007. Il-bord tal-valuta għadu appoġġjat sew minn riservi uffiċjali, li żdiedu bil-bosta f'dawn l-aħħar snin. Il-Bulgarija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fil-Bulgarija fis-sena sa Marzu 2008 kienet ta' 4.7 %, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.5 %. Ir-rati medji ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fil-Bulgarija ilhom taħt il-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Ir-rati ta’ l-imgħax għal perjodi fit-tul naqsu b’mod sinifikanti bejn l-2003 u l-2005, li jirrifletti kemm tnaqqis fir-rendimenti globali kif ukoll firxiet idjaq meta mqabbla maż-żona ta’ l-euro. Dan ta’ l-aħħar virtwalment għalaq sa tmiem l-2005, li jirrifletti fiduċja għolja min-naħa ta’ l-investituri fil-prestazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi tal-Bulgarija. Sa minn nofs l-2006, il-firxiet reġgħu nfetħu, biex laħqu madwar 80 punt ta' bażi f'Marzu 2008, fost tħassib akbar min-naħa ta' l-investituri dwar ir-riskji li joħorġu minn żbilanċi makroekonomiċi konsiderevoli. Il-Bulgarija tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Id-defiċit estern tal-Bulgarija żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, minn 6 % tal-PGD fl-2004 għal madwar 20 % tal-PGD fl-2007. L-iżbilanċ estern kbir jirrifletti l-aktar it-tkabbir imgħaġġel tal-konsum u l-investiment fil-kuntest ta’ sforz biex ilaħħaq. Bla dubju d-daqs qabeż livell li jista’ jitqies bħala sostenibbli f'perjodu medju, li jimplika li tul iż-żmien se jkun meħtieġ aġġustament konsiderevoli. In-nuqqas estern ġie kollu kemm hu ffinanzjat minn influssi ta’ investiment barrani dirett (IBD) fost sentiment pożittiv min-naħa ta’ l-investituri. Meta wieħed iqis il-livell għoli ta’ dejn estern, il-pożizzjoni esterna tal-Bulgarija timplika ħtiġijiet finanzjarji sinifikanti f'terminu medju. L-ekonomija Bulgarija hija integrata ħafna ma' l-UE. B'mod partikolari, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ l-IBD ma' Stati Membri oħrajn huma estensivi u l-integrazzjoni tas-settur finanzjarju domestiku fis-settur usa' ta' l-UE għamlet passi sostanzjali 'l quddiem, l-aktar minħabba l-għadd kbir ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Bulgarija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 3. Ir-Repubblika Ċeka Fir-Rapport ta’ Konverġenza ta’ l-2006, l-evalwazzjoni dwar il-konverġenza legali kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni fir-Repubblika Ċeka – b’mod partikolari l-Att dwar il-Bank Ċentrali Ċek (BĊĊ) u l-Att dwar l-Arbitru Finanzjarju – ma kinitx kompletament kompatibbli ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE L-Att dwar il-BĊĊ ġie emendat fl-2007. Madankollu, l-inkompatibbiltajiet immarkati fir-Rapport ta’ Konverġenza 2006 ma ġewx indirizzati. B’rigward għall-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' l-euro, l-indipendenza tal-bank ċentrali kif ukoll il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, il-leġiżlazzjoni fir-Repubblika Ċeka, b'mod partikolari l-Att dwar il-BĊĊ u l-Att dwar l-Arbitru Finanzjarju, mhix kompletament kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. L-Att dwar il-BĊĊ fih nuqqasijiet relatati mar-rwol tal-BĊE fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, ir-rwol tal-BĊE u l-UE fil-ġabra ta’ l-istatistika u l-ħatra ta’ awdituri esterni, il-promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas, l-indipendenza istituzzjonali u personali u l-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju. Fir-Repubblika Ċeka, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ilha 'l fuq mill-valur ta' referenza sa minn Diċembru 2007. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni medja fir-Repubblika Ċeka fuq it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 4.4 %, ogħla mill-valur ta' referenza ta' 3.2 %, u x'aktarx li tkompli titbiegħed mill-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin. l-inflazzjoni fir-Repubblika Ċeka, wara li varjat b’madwar 2 % sa mill-2004, żdiedet b’mod sinifikanti fit-tieni nofs ta’ l-2007 fi sfond ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ l-enerġija u l-ikel. Iż-żieda fl-inflazzjoni ta’ bażi seħħet minkejja aktar tisħiħ sinifikanti tal-koruna, li ilha tesperjenza xejra ta’ żieda sostnuta sa mill-2004. Tul l-ewwel kwart ta' l-2008, l-inflazzjoni IAPK annwali qabżet għal kważi 8 %, l-ogħla f’disa’ snin, kawża ta’ bidliet fit-taxxi indiretti u żidiet fil-prezzijiet amministrati. Iż-żieda simultanja fl-indiċi ta' l-inflazzjoni bażi tissuġġerixxi li l-pressjonijiet inflazzjonarji domestiċi sottostanti żdiedu wkoll. Skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-inflazzjoni wisq probabbli se tibqa’ għolja tul il-biċċa l-kbira ta' l-2008, l-aktar minħabba l-impatt ta’ prezzijiet tal-materja prima ogħla u miżuri amministrattivi ta’ darba, iżda huwa previst li taqa’ f’daqqa minn hemm ’il quddiem għal medja taħt 3 % fl-2009 hekk kif dan it-tnaqqis joħroġ mill-kalkolu tar-rati annwali. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fir-Repubblika Ċeka (62 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezz f’terminu twil. Ir-Repubblika Ċeka ma tissodisfax l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. [pic] Ir-Repubblika Ċeka bħalissa hija soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv (id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004)[7]. Il-Kunsill irrakkomanda li r-Repubblika Ċeka tieħu azzjoni f’qafas ta’ perjodu medju ta’ żmien biex sa l-2008 tniżżel id-defiċit għal taħt it-3 % tal-PGD b'mod kredibbli u sostenibbli. Id-defiċit ġenerali tal-gvern tar-Repubblika Ċeka tnaqqas sostanzjalment sa mill-2004. Id-defiċit ġenerali tal-gvern tjieb għal 2.7 % tal-PGD fl-2006 u 1.6 % tal-PGD fl-2007. Dan huwa riżultat ta’ dħul aħjar minn dak mistenni kif ukoll xi trażżin fl-infiq. Skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, li huwa msejjes fuq suppożizzjoni ta’ l-ebda bidla fil-politika, il-proporzjon tad-defiċit mal-PGD se jitla’ għal 1.4 % tal-PGD fl-2008 u jonqos ftit għal 1.1 % tal-PGD fl-2009, filwaqt li d-dejn ġenerali tal-gvern huwa mistenni li jonqos minn 28.1 % tal-PGD fl-2008 għal 27.2 % fl-2009. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi u tat-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, din ta' l-aħħar jidhrilha li d-defiċit eċċessiv ġie kkoreġut bi tnaqqis kredibbli u sostenibbli tad-defiċit baġitarju taħt it-3 % tal-PGD. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill biex iħassar id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għar-Repubblika Ċeka (SEC(2008) 571). Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jħassar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għar-Repubblika Ċeka, din ta’ l-aħħar tkun tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-koruna Ċeka mhix qed tieħu sehem fl-ERM II. Ir-Repubblika Ċeka tħaddem sistema tar-rata tal-kambju li tvarja. Matul l-perjodu ta' evalwazzjoni ta' sentejn, il-koruna ssaħħet kontra l-euro bi kważi 13 %. Il-volatilità f’terminu qasir tal-koruna jidher li rriflettiet tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju globali, għalkemm kien hemm fatturi domestiċi oħrajn fix-xena (pereżempju żviluppi fid-differenzi fir-rata ta’ l-imgħax meta mqabbla mal-valuti ewlenin fid-dinja). Ir-Repubblika Ċeka ma tissodisfax l-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodu twil fir-Repubblika Ċeka fis-sena sa Marzu 2008 kienet ta' 4.5 %, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.5 %. Ir-rati medji ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fir-Repubblika Ċeka ilhom taħt il-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. L-istennija dwar l-inflazzjoni ssejset f’livell baxx u ż-żieda tal-koruna kkontribwixxiet għaż-żamma fil-baxx tar-rendiment. Sa mill-2005 ir-rati ta’ l-imgħax għal perjodu twil fir-Repubblika Ċeka resqu viċin lejn, jew kienu anqas mil-livell taż-żona ta' l-euro, anki jekk il-firxa saret xi ftit aktar pożittiva sa mit-tieni nofs ta' l-2007, li jirrifletti l-aktar il-prospetti diverġenti għal rati ta' politika fir-Repubblika Ċeka meta mqabbla maż-żona ta’ l-euro u t-tnaqqis fir-rieda għat-teħid ta’ riskji globali. Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Id-defiċit estern fir-Repubblika Ċeka naqas b’mod sinifikanti minn madwar 6 % tal-PGD fl-2002-2004 għal 1.6 % tal-PGD fl-2005, qabel ma żdied għal medja ta’ madwar 2.6 % fl-2006-2007. Il-prestazzjoni b’saħħitha tal-bilanċ estern kienet riżultat l-aktar ta' żieda fl-esportazzjonijiet tal-merkanzija, immexxija l-aktar minn investiment barrani fil-manifattura. Id-defiċit estern ġie kompletament iffinanzjat minn influssi ta’ IBD netti sa mill-adeżjoni ma’ l-UE. L-ekonomija Ċeka hija integrata ħafna ma' l-UE. B'mod partikolari, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ l-IBD ma' Stati Membri oħrajn huma estensivi u l-integrazzjoni tas-settur finanzjarju domestiku fis-settur usa' ta' l-UE għamlet passi sostanzjali 'l quddiem, l-aktar minħabba l-għadd kbir ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u ta' l-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ċeka ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 4. L-Estonja Kif mistqarr fir-Rapport ta’ Konverġenza ta’ l-2006, tneħħiet kull inkompatibbiltà legali msemmija fir-Rapport ta’ Konverġenza ta’ l-2004. Fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' l-euro, l-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni ta' l-Estonja mhuwiex formalment kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat tal-KE u ta' l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Madankollu, id-deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2006 tal-Kamra tar-Reviżjoni Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema ta' l-Estonja tipprovdi ċarezza legali, b'mod partikolari dwar l-inapplikabbiltà ta' l-Artikolu 111 wara l-introduzzjoni ta' l-euro fl-Estonja. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Estonja tista' titqies bħala kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat u ta' l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE, soġġetta għar-revoka tal-Liġi dwar il-Munita u l-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Kroon Estonjan b'effett mid-data ta' l-introduzzjoni ta' l-euro. L-Att dwar l-Eesti Pank xorta fih, madankollu, xi nuqqasijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-integrazzjoni ta' l-Eesti Pank fis-SEBĊ għall-ħruġ ta' xi karti tal-flus u l-ġabra ta' l-istatistiċi. Fl-Estonja, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ilha 'l fuq mill-valur ta' referenza sa minn Settembru 2004. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni medja fl-Estonja fuq it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 8.3 %, ogħla ħafna mill-valur ta' referenza ta' 3.2 %, u x'aktarx li tkompli titbiegħed mill-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin. L-inflazzjoni IAPK fl-Estonja żdiedet f'daqqa fis-snin riċenti, bl-inflazzjoni medja annwali togħla għal 6¾ % fl-2007 u l-inflazzjoni fix-xahar sena wara sena tilħaq numru b’żewġ ċifri fil-bidu ta’ l-2008. Inflazzjoni li qed togħla tirrifletti tkabbir qawwi fit-talba domestika u spejjeż tal-pagi li qed jogħlew, magħġuna flimkien ma’ pressjonijiet sinifikanti mill-prezz ta’ l-ikel u ta’ l-enerġija. Il-prestazzjoni ta’ l-inflazzjoni fix-xhur li ġejjin se tirrifletti pressjonijiet ’il fuq kontinwi li jirriżultaw minn żviluppi fl-ispiża tax-xogħol, prezzijiet ogħla ta' l-enerġija u l-ikel kif ukoll l-impatt ta' żidiet tas-sisa. Ħarsa aktar ’il quddiem, huwa previst tnaqqis fl-inflazzjoni minn9½ % fl-2008 għal 5 % fl-2009, f’konformità ma’ ekonomija li qed tbatti u t-tnaqqis ta’ effetti ta’ darba. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fl-Estonja (67 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezzijiet għal perjodi fit-tul. L-Estonja ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. [pic] L-Estonja mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Bejn l-2002 u l-2007, l-Estonja rreġistrat bilanċ favorevoli medju ġenerali tal-gvern ta' madwar 2 % tal-PGD. Fl-2007, l-Estonja rreġistrat bilanċ favorevoli ġenerali tal-gvern ta' 2.8 %, imqabbel ma’ dak massimu ta’ 3.4 % sena qabel. Il-proporzjon gross tad-dejn ġenerali tal-gvern kien ta' 3.4 % tal-PGD fl-2007, l-aktar wieħed baxx fost l-Istati Membri ta' l-UE. L-awtoritajiet użaw il-perjodu ta' tkabbir qawwi biex itellgħu ammont konsiderevoli ta' riżervi tal-gvern. Skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, li huwa msejjes fuq suppożizzjoni ta’ l-ebda bidla fil-politika, il-bilanċ favorevoli se jonqos b’mod sinifikanti għal 0.4 % tal-PGD fl-2008 u fl-2009 se jerġa' joħroġ defiċit ta’ 0.7 % tal-PGD riżultat ta' riċessjoni ekonomika f'daqqa. Il-proporzjon tad-dejn huwa previst li jistabbilizza madwar il-livelli attwali fl-2008 u l-2009. L-Estonja tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-kroon Estonjan ilu jieħu sehem fl-ERM II sa mit-28 ta' Ġunju 2004, jiġifieri għal aktar minn sentejn fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dan ir-rapport. Qabel id-dħul tagħha fl-ERM II, sa mill-1992 l-Estonja segwiet sistema ta' bord tal-valuta msejsa fuq id-D-Mark, u aktar tard fuq l-euro. Mad-dħul tagħha fl-ERM II, l-Estonja b'mod unilaterali ħadet l-impenn li żżomm il-bord tal-valuta tagħha fil-mekkaniżmu. Indikaturi addizzjonali ma jippuntawx lejn il-pressjonijiet fuq ir-rata tal-kambju, anki jekk żieda fir-rati ta’ l-imgħax għal terminu qasir fl-aħħar xhur ta’ l-2007 ippuntaw lejn żieda fil-perċezzjonijiet tar-riskju mis-swieq. Il-bord tal-valuta jibqa' appoġġjat sew mir-riżervi uffiċjali. Matul il-perjodu ta’ evalwar ta’ sentejn, il-kroon ma ddevjax mir-rata ċentrali, u ma esperjenzax tensjonijiet serji. L-Estonja tissodisfa l-kriterju tar-rata tal-kambju. B’riżultat tal-livell baxx tad-dejn tal-gvern ta' l-Estonja, ma hemm disponibbli l-ebda bond ta' referenza tal-gvern jew titolu komparabbli biex tkun tista' tiġi evalwata s-sostenibbiltà tal-konverġenza kif riflessa fir-rati ta' l-imgħax fit-tul. Fuq il-bażi ta' żviluppi fl-indikatur tar-rati ta' l-imgħax imsejjes fuq self mill-bank fil-valuta kroon lil familji u negozji mhux finanzjarji u filwaqt li jitqiesu, inter alia , il-livell baxx ta’ dejn tal-gvern, ma hemm l-ebda raġuni biex jiġi konkluż li l-Estonja ma tissodisfax il-kriterju dwar il-konverġenza ta’ rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Id-defiċit estern ta’ l-Estonja żdied fl-aħħar snin, minn medja ta’ madwar 10 % tal-PGD bejn l-2002 u l-2005 għal madwar 16 % tal-PGD fl-2007. Filwaqt li dan id-defiċit estern għoli jista' jiġi attribwit l-aktar għal effetti transnazzjonali f'ekonomija li qed tlaħħaq b'mod mgħaġġel, id-daqs tagħha qabeż b'mod ċar il-livelli li jistgħu jitqiesu sostenibbli f’terminu medju, li jimplika l-ħtieġa ta’ aġġustament konsiderevoli tul iż-żmien. In-nuqqas estern ġie ffinanzjat sa livell sinifikanti minn self bankarju fi ħdan il-grupp. L-influssi ta’ IBD huma mdaqqsa iżda dan l-aħħar ġew parzjalment megħluba minn żieda fil-ħruġ ta’ IBD. Meta wieħed iqis il-livell għoli ta’ dejn estern, il-pożizzjoni esterna ta’ l-Estonja timplika ħtiġijiet finanzjarji sinifikanti f'terminu medju. L-ekonomija Estonjana hija integrata ħafna fi ħdan l-UE. B'mod partikolari, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ IBD ma' Stati Membri oħrajn huma estensivi u l-integrazzjoni tas-settur finanzjarju domestiku fis-settur usa' ta' l-UE għamlet passi sostanzjali 'l quddiem, l-aktar permezz ta’ livell għoli ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u ta' l-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Estonja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 5. Il-Latvja Fir-Rapport ta’ Konverġenza ta' l-2006, l-evalwazzjoni tal-konverġenza legali kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni fil-Latvja ma kinitx kompletament kompattibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Il-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja ġiet emendata f’Ġunju 2006. Ma saru l-ebda emendi oħrajn minn dak iż-żmien 'l hawn. B’rigward għall-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' l-euro, l-indipendenza tal-bank ċentrali kif ukoll il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, il-leġiżlazzjoni fil-Latvja, b'mod partikolari l-Liġi dwar il-Bank tal-Latvja, mhix kompletament kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat tal-KE u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Jeżistu nuqqasijiet fir-rigward ta’ l-għanijiet tas-SEBĊ, il-promozzjoni ta' l-operazzjoni bla xkiel ta' sistemi ta’ ħlas, ir-rwol statistiku tal-BĊE u tal-Kunsill ta' l-UE, il-ħatra ta' awdituri esterni, ir-rwol tal-BĊE fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, l-indipendenza interistituzzjonali tal-bank kif ukoll l-indipendenza personali tal-membri tal-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Bank tal-Latvja. Fil-Latvja, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ilha ogħla mill-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni medja fil-Latvja fuq it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 12.3 %, ogħla ħafna mill-valur ta' referenza ta' 3.2 %, u x'aktarx li tkompli titbiegħed mill-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin. Fis-snin riċenti, il-Latvja esperjenzat inflazzjoni IAPK għolja, u sa mill-ewwel xhur ta’ l-2007, inflazzjoni IAPK li qed tiżdied b’ritmu mgħaġġel, li jirrifletti pressjonijiet ta’ pagi u ta’ talba kif ukoll l-impatt ta’ fatturi esterni. Bejn l-adeżjoni ma’ l-UE f’Mejju 2004 u l-bidu ta’ l-2007, l-inflazzjoni IAPK imxiet f'firxa ta' bejn 6 % u 8 %. Madankollu, matul l-2007, l-inflazzjoni IAPK ta’ bażi żdiedet f'daqqa u kienet ogħla minn 16 % fl-ewwel tliet xhur ta’ l-2008. Inflazzjoni ogħla rriflettiet parzjalment żidiet fi prezzijiet u sisa amministrati kif ukoll żidiet globali fil-prezzijiet ta’ l-enerġija u l-ikel. Madankollu, pressjonijiet minn sorsi domestiċi, kif deher minn inflazzjoni li qed togħla għall-komponenti kollha ta’ l-IAPK għajr għal prodotti industrijali mhux ta’ l-enerġija, ikkontribwixxew b’mod importanti għal żieda fl-inflazzjoni. Huwa previst li fl-2008 l-inflazzjoni se tibqa’ madwar il-livelli elevati attwali, b’medja ta’ madwar 16 % għas-sena, u tonqos fl-2009, anki jekk għal livell relattivament għoli ta' madwar 8½ %, b'riżultat ta’ riċessjoni ekonomika mistennija u t-tnaqqis ta’ l-impatt ta’ żidiet fil-prezz tal-materja prima. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Latvja (61 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezzijiet għal perjodi fit-tul. Il-Latvja ma tissodisfax l-kriterju dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet. [pic] Il-Latvja mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Sa mill-2002, il-pożizzjoni tal-gvern ġenerali tjiebet gradwalment għal baġit bilanċjat fl-2007. It-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, li huwa msejjes fuq suppożizzjoni ta’ l-ebda bidla fil-politika, ibassar deterjorament fil-pożizzjoni tal-gvern ġenerali fl-2008 u l-2009 hekk kif isseħħ riċessjoni ekonomika f’daqqa, b’defiċit ftit ogħla minn 2 % tal-PGD mistenni fl-2009. Id-dejn ġenerali tal-gvern baqa’ taħt il-15 % tal-PGD sa mill-bidu ta’ l-għaxar snin, laħaq 9.7 % tal-PGD fl-2007 u huwa mistenni li jogħla bi ftit biss fl-2008 u l-2009. Il-Latvja tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-lats Latvjan ilu jieħu sehem fl-ERM II sa mit-2 ta' Mejju 2005, jiġifieri għal aktar minn sentejn fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dan ir-rapport. Qabel id-dħul fl-ERM II, il-Latvja operat rabta tar-rata tal-kambju, fil-bidu mal-basket ta’ l-SDR (Drittijiet Speċjali ta' Prelevament), u mill-1 ta’ Jannar 2005 ma’ l-euro. Mad-dħul tagħha fl-ERM II, il-Latvja b'mod unilaterali ħadet l-impenn li żżomm ir-rata tal-kambju tal-lats f’faxxa taċ-ċaqliq ta' ± 1 % madwar ir-rata ċentrali. Matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni, il-lats baqa’ qrib ir-rata ċentrali, u ma esperjenzax tensjonijiet serji, anki jekk ħoloq episodji temporanji ta’ volatilità fis-suq finanzjarju. Sa nofs Frar 2007, il-lats ġie nnegozjat qrib il-limitu għoli tal-faxxa unilaterali, b'ċaqliq limitat ħafna. F’nofs Frar 2007, ir-rata tal-kambju ddagħjfet f’daqqa meta mqabbla ma’ l-euro f’episodju ta’ inċertezza għolja fis-suq u sa tmiem Marzu 2007, il-lats kien qed jiġi nnegozjat qrib il-limitu baxx tal-faxxa taċ-ċaqliq unilaterali ta’ ± 1 %. Madankollu, sussegwentement ir-rata tal-kambju reġgħet issaħħet u baqgħet l-aktar fin-nofs ta' fuq tal-faxxa taċ-ċaqliq, anki jekk b'ċaqliq f'terminu qasir. Indikaturi addizzjonali, bħal żviluppi fir-riservi tal-kambju barranin u rati ta’ l-imgħax għal terminu qasir, ma jurux pressjonijiet sostanzjati fuq ir-rata tal-kambju, anki jekk żieda fil-livell ta' rati ta' l-imgħax għal terminu qasir relattiva maż-żona ta' l-euro sa mill-bidu ta' l-2007 (li laħqet l-ogħla tagħha fi tmiem l-2007) ippuntat lejn żieda fil-perċezzjonijiet tar-riskju mis-swieq. Il-Latvja tissodisfa l-kriterju tar-rata tal-kambju. Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fil-Latvja fis-sena sa Marzu 2008 kienet ta' 5.4 %, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.5 %. Ir-rati medji ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fil-Latvja ilhom taħt il-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Il-firxa meta mqabbla mal-bonds ta’ referenza għal perjodi fit-tul taż-żona ta’ l-euro għalqet fir-rebbiegħa ta' l-2006. Sussegwentement, madankollu, il-firxiet ta’ l-imgħax għal perjodi fit-tul għaż-żona ta’ l-euro naqsu għal madwar 120 punt ta’ bażi f’Marzu 2008 fost tħassib akbar minn naħa ta' l-investituri dwar ir-riskji li joħorġu minn żbilanċi makroekonomiċi konsiderevoli. Il-Latvja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Id-defiċit estern tal-Latvja żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, minn 10 % tal-PGD fl-2004 għal 20.9 % tal-PGD fl-2007. Dan irrifletta l-aktar tnaqqis fil-kummerċ tal-merkanzija hekk kif l-importazzjonijiet issaħħu minn talba domestika qawwija. Filwaqt li dan id-defiċit estern għoli jista' jiġi attribwit l-aktar għal effetti transnazzjonali f'ekonomija li qed tlaħħaq b'mod mgħaġġel, id-daqs tagħha qabeż b'mod ċar il-livelli li jistgħu jitqiesu sostenibbli f’terminu medju, li jimplika l-ħtieġa ta’ aġġustament konsiderevoli tul iż-żmien. Id-defiċit fuq il-bilanċ estern ġie ffinanzjat l-aktar minn influssi ta’ investiment ieħor, marbut l-aktar ma’ finanzjament bankarju fi ħdan il-grupp. Meta wieħed iqis il-livell għoli ta’ dejn estern, il-pożizzjoni esterna timplika ħtiġijiet finanzjarji sostanzjali f'terminu medju. L-ekonomija Latvjana qed issir dejjem aktar integrata ma' l-UE. B'mod partikolari, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ l-IBD ma' Stati Membri oħra huma estensivi u l-integrazzjoni tas-settur finanzjarju domestiku fis-settur usa' ta' l-UE għamlet passi sostanzjali 'l quddiem, l-aktar minħabba l-livell sinifikanti ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u ta' l-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Latvja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 6. IL-LITWANJA Kif diġà konkluż fir-Rapport ta’ Konverġenza ta' l-2006, il-leġiżlazzjoni fil-Litwanja, b’mod partikolari l-Liġi dwar il-Bank tal-Litwanja, hija kompletament kompattibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Fil-Litwanja, l-inflazzjoni medja ta’ 12-il xahar ilha ogħla mill-valur ta’ referenza sa minn April 2005, bl-eċċezzjoni ta’ April 2006 meta kienet l-istess bħall-valur ta' referenza. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni medja fil-Litwanja fuq it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 7.4 %, ogħla ħafna mill-valur ta' referenza ta' 3.2 %, u x'aktarx li tkompli titbiegħed mill-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin. L-inflazzjoni IAPK fil-Litwanja ilha tiżdied sa min-nofs ta’ l-2005, bl-inflazzjoni titla' għal 5.8 % fl-2007 u l-inflazzjoni fix-xahar sena wara sena tilħaq numru b’żewġ ċifri fl-ewwel xhur ta' l-2008. Iż-żieda fl-inflazzjoni rriflettiet kombinazzjoni ta’ fatturi inklużi prezzijiet ta’ l-enerġija ogħla fis-swieq dinjin; żidiet fil-prezzijiet amministrati; u żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti ta’ l-ikel mhux ipproċessati u dawk ipproċessati, bl-aktar żieda importanti riċenti tkun dik ta’ l-2007. Fl-isfond ta’ pressjoni, li qed kull ma jmur iżżid, mis-suq tax-xogħol, u spejjeż ta' pagi li qed jogħlew, iż-żieda fl-inflazzjoni qed tiġi mmexxija dejjem aktar minn fatturi ta’ talba, li qed iwassal għal żieda mgħaġġla fil-prezzijiet tas-servizzi. Hija prevista żieda sinifikanti oħra fl-inflazzjoni għall-2008, li tirrifletti pressjonijiet 'il fuq mill-prezzijiet taż-żejt u dawk agrikoli, l-effetti taż-żieda kbira fil-prezzijiet ta' gass impurtat u d-dazji tas-sisa fuq it-tabakk, il-fjuwil u l-alkoħol, kif wkoll it-tkabbir mgħaġġel tal-pagi. Huwa previst li l-inflazzjoni tonqos biss gradwalment, minn medja annwali ta’ madwar 10 % fl-2008 għal 7 % fl-2009, li jirrifletti r-rispons imnikker tal-prezzijiet għar-riċessjoni fit-tkabbir u l-moderazzjoni fil-prezzijiet taż-żejt u ta' l-ikel. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Litwanja (57 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezzijiet għal perjodi fit-tul. Il-Litwanja ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. [pic] Il-Litwanja mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. L-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali waslu għal tnaqqis fid-defiċit minn madwar 2 % tal-PGD fl-2002 għal 0.5 % tal-PGD fl-2005. Minn hemm ’il quddiem, id-defiċit baġitarju reġa’ żdied u kien ta’ 1.2 % fl-2007. Il-proporzjon tad-dħul mal-PGD żdied wara l-2004, li rrifletta l-aktar influssi akbar ta’ fondi ta’ l-UE, filwaqt li l-proporzjon ta’ nefqa primarja attwali mal-PGD baqa’ relattivament stabbli. Skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, li huwa msejjes fuq suppożizzjoni ta' l-ebda bidla fil-politika, il-proporzjon tad-defiċit mal-PGD se jiżdied aktar għal 1.7 % fl-2008 u jonqos biss għal 1.5 % fl-2009. Il-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-gvern tal-Litwanja naqas b’rata stabbli minn 22.4 % tal-PGD fi tmiem l-2002 għal 17.3 % tal-PGD fi tmiem l-2007, u huwa mistenni li jistabbilizza madwar dan il-livell fl-2008 u l-2009. Il-Litwanja tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-Litwanja ilha tieħu sehem fl-ERM II sa mit-28 ta’ Ġunju 2004, jiġifieri għal aktar minn sentejn fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dan ir-rapport. Qabel id-dħul tiegħu fl-ERM II, il-Bank tal-Litwanja kien jopera bord tal-valuta sa minn April 1994, fejn għall-bidu l-litas kien marbut mad-dollaru Amerikan u mbagħad intrabat ma’ l-euro fi Frar 2002. Mad-dħul tagħha fl-ERM II, il-Litwanja b'mod unilaterali ħadet l-impenn li żżomm il-bord tal-valuta tagħha fil-mekkaniżmu. Matul il-perjodu ta’ evalwar, il-litas ma ddevjax mir-rata ċentrali, u ma esperjenzax tensjonijiet serji. Indikaturi addizzjonali, bħal żviluppi fir-riservi tal-kambju barranin u rati ta’ l-imgħax għal terminu qasir, ma jippuntawx lejn pressjonijiet fuq ir-rata tal-kambju, għalkemm żieda fil-perċezzjonijiet tar-riskju min-naħa tal-parteċipanti fis-suq ġiet riflessa f'żieda mmarkata minn firxiet usa’ ta’ rati ta’ l-imgħax għal terminu qasir meta mqabbla maż-żona ta’ l-euro matul l-2007, li nqalbet ħafna fl-ewwel xhur ta' l-2008. Il-Litwanja tissodisfa l-kriterju tar-rata tal-kambju. Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fil-Litwanja fis-sena sa Marzu 2008 kienet ta' 4.6 %, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.5 %. Ir-rati medji ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fil-Litwanja ilhom taħt il-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Il-firxa meta mqabbla mal-bonds ta’ referenza għal perjodi fit-tul taż-żona ta’ l-euro, li kienet naqset ħafna tul it-tħejjija għad-dħul fl-ERM II f’Ġunju 2004 u laħqet livell baxx ta’ 20 punt ta’ bażi f’nofs l-2007, bdiet tiżdied minn hemm 'il quddiem għal madwar 60 punt ta’ bażi fi tmiem l-2007. Dan it-tkabbir tal-firxiet jirrifletti parzjalment premium tar-riskju tal-pajjiż ogħla fost tħassib akbar min-naħa ta’ l-investituri dwar ir-riskji li jirriżultaw minn żbilanċi makroekonomiċi konsiderevoli. Il-Litwanja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta’ l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Id-defiċit estern tal-Litwanja żdied minn 4.7 % tal-PGD fl-2001 għal 12 % tal-PGD fl-2007, l-aktar b’konsegwenza ta’ talba domestika qawwija. Il-kawża ewlenija kienet defiċit tal-kummerċ fil-prodotti li kien qed jikber. Filwaqt li l-mudell ta’ defiċit estern li qed jiżdied huwa konsistenti ma’ ekonomija li qabdet ritmu mgħaġġel biex tlaħħaq, id-daqs tagħha qabeż b'mod ċar il-livelli li jistgħu jitqiesu sostenibbli f’terminu medju, li jimplika l-ħtieġa ta’ aġġustament konsiderevoli tul iż-żmien. Il-bilanċ estern li qed jiddeterjora ġie ffinanzjat l-aktar minn self bankarju fi ħdan il-grupp u, sa livell aktar baxx, minn investiment barrani dirett. Meta wieħed iqis id-daqs tad-dejn estern, il-pożizzjoni esterna tal-Litwanja timplika ħtiġijiet finanzjarji sinifikanti f'terminu medju. L-ekonomija Litwana hija integrata ħafna ma' l-UE. B'mod partikolari, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ l-IBD ma' Stati Membri oħrajn huma estensivi u s-settur finanzjarju Litwan huwa sostanzjalment integrat fis - settur finanzjarju usa' ta' l-UE, l-aktar minħabba l-għadd kbir ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u ta' l-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Litwanja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 7. L-Ungerija Fir-Rapport ta’ Konverġenza ta' l-2006, l-evalwazzjoni tal-konverġenza legali kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni fl-Ungerija ma kinitx kompletament kompattibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat tal-KE u ma' l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. L-Att dwar il-Magyar Nemzeti Bank (MNB) ġie emendat f’Lulju 2007. Għalkemm tneħħew xi nuqqasijiet li tqajmu mir-Rapport ta’ Konverġenza fl-2006, għad fadal bosta oħrajn. B’rigward għall-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' l-euro, l-indipendenza kif ukoll il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, il-leġiżlazzjoni Ungeriża attwali, b'mod partikolari l-Att dwar il-MNB, l-Istatuti tal-MNB, il-Kostituzzjoni ta’ l-Ungerija u l-Att dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, mhumiex kompletament kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Jeżistu nuqqasijiet fir-rigward ta’ l-għanijiet tas-SEBĊ, il-ħruġ ta' karti u muniti tal-flus, il-promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas, ir-rwol statistiku tal-BĊE u tal-Kunsill ta’ l-UE, ir-rwol tal-BĊE fil-qasam ta’ kooperazzjoni internazzjonali, in-nuqqas ta’ obbligu li tikkonforma mas-sistema ta’ rappurtaġġ finanzjarju ta’ l-Eurosystem, l-indipendenza personali tal-Gvernatur u l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju. Fl-Ungerija, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ilha ogħla mill-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni medja fl-Ungerija tul it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 7.5 %, ogħla ħafna mill-valur ta' referenza ta' 3.2 %, u x'aktarx li tibqa' ogħla mill-valur ta' referenza għax-xhur li ġejjin. L-inflazzjoni kienet volatili ħafna fl-Ungerija tul l-aħħar snin, li jirrifletti l-aktar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet taż-żejt u ta’ l-ikel. Tibdil fil-prezzijiet u t-tassazzjoni amministrati komplew kabbru l-volatilità ta’ l-inflazzjoni. Dawn il-fatturi, flimkien mad-diprezzament tal-forint, wasslu għal żieda mgħaġġla fl-inflazzjoni mit-tieni kwart ta' l-2006. L-inflazzjoni laħqet l-ogħla tagħha ta' 9 % f'Marzu 2007 u wara qabdet xejra ’l isfel sa Settembru 2007, li rrifletta inflazzjoni aktar baxxa fl-ikel mhux ipproċessat u fl-enerġija u żieda fil-forint. Inflazzjoni tal-prezzijiet ta’ l-ikel ogħla wasslet għal żieda mġedda fl-inflazzjoni IAPK mill-aħħar kwart ta’ l-2007. Fl-2007 l-inflazzjoni medja kienet ta' 7.9 %. Huwa mbassar li l-inflazzjoni se tibqa' għolja fl-2008 sa aktar minn 6 % li jirrifletti l-prezzijiet għolja ta' l-ikel, taż-żejt, ta’ l-elettriku u tal-gass kif ukoll l-impatt imnikker tad-diprezzament tal-forint fit-tieni nofs ta’ l-2007 u l-bidu ta’ l-2008. Huwa mbassar li effetti ta’ bażi negattivi għall-ikel u l-enerġija se jnaqqsu l-inflazzjoni fl-2009 għal taħt l-4 %. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fl-Ungerija (60 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezzijiet għal perjodi fit-tul. L-Ungerija ma tissodisfax l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. [pic] L-Ungerija bħalissa hija soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv (id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004)[8]. Il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija tieħu azzjoni f'qafas ta’ terminu medju sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa l-2009 b'mod kredibbli u sostenibbli. Grazzi għall-programm ta’ konsolidazzjoni fiskali li beda f’nofs l-2006, id-defiċit tal-baġit waqa’ għal 5.5 % tal-PGD fl-2007 minn 9.2 % fl-2006. Il-proporzjon tan-nefqa tnaqqas xi ftit fl-2007, filwaqt li l-proporzjon tad-dħul ibbenefika minn miżuri li indirizzaw l-evażjoni tat-taxxa. Skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, li huwa msejjes fuq suppożizzjoni ta' l-ebda bidla fil-politika, il-proporzjon tad-defiċit mal-PGD se jiżdied għal 4 % tal-PGD fl-2008, iżda fl-2009 jonqos għal 3.6 % tal-PGD. Kawża ta’ llaxkar fiskali kontinwu sa min-nofs l-2006, il-proporzjon tad-dejn mal-PGD żdied b'mod sinifikanti u laħaq madwar 66 % fl-2007. It-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-dejn ġenerali tal-gvern se jibqa' fil-livelli attwali tiegħu fl-2008 u l-2009. L-Ungerija ma tissodisfax il-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-forint Ungeriż mhux qed jieħu sehem fl-ERM II. Il-forint kien marbut b’mod unilaterali ma' l-euro b'marġni ta' ċaqliq ta' ( 15 % bejn l-2001 u Frar 2008, meta tneħħew il-faxxi tar-rati tal-kambju u ġiet adottata sistema ta’ rata tal-kambju mhix fissa. Bejn Awwissu 2005 u Awwissu 2006, il-forint waqa’ sostanzjalment meta mqabbel ma’ l-euro b’riżultat ta’ tħassib akbar dwar il-qagħda fiskali. Il-forint waqa' sa l-aktar punt baxx tiegħu f'Ġunju 2006, iżda wara beda jissaħħaħ. Dan it-tisħiħ dar fl-2007, li rrifletta l-aktar biża' akbar mir-riskju meta mqabbel ma' swieq ġodda u tħassib akbar dwar il-qagħda ekonomika Ungeriża, iżda r-rata tal-kambju bdiet togħla mill-ġdid f'Marzu 2008. Matul l-perjodu ta' evalwazzjoni ta' sentejn, il-forint issaħħaħ kontra l-euro bi kważi 4.5 %. L-Ungerija ma tissodisfax l-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fl-Ungerija fis-sena sa Marzu 2008 kienet ta' 6.9 %, ogħla mill-valur ta' referenza ta' 6.5 %. Ir-rati medji ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fl-Ungerija ilhom ogħla mill-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Il-firxiet tar-rendiment mill-bonds maż-żona ta' l-euro żdiedu għal madwar 400 punt ta' bażi f'Ottubru 2006 li rrifletta t-tħassib li qed jiżdied ta' l-investituri dwar żerżiq lura fiskali, u gradwalment naqsu minn hemm 'il quddiem. Dawn bdew jiżdiedu mill-ġdid f'Novembru 2007 u laħqu madwar 400 punt ta' bażi fl-ewwel xhur ta' l-2008, f'kuntest ta' anqas rieda għat-teħid ta’ riskji globali u tħassib dwar il-qagħda ekonomika domestika. L-Ungerija ma tissodisfax il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta’ l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi tal-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Id-defiċit estern Ungeriż laħaq l-ogħla tiegħu ta’ 8.1 % tal-PGD fl-2004, u naqas b’mod gradwali minn hemm 'il quddiem li rrifletta tkabbir ta' l-esportazzjoni qawwi. Fl-2007 kompla jonqos għal 4 % tal-PGD minħabba talba domestika aktar dgħajfa. Id-defiċits esterni sostanzjali fis-snin riċenti ġew iffinanzjati l-aktar mill-IBD u l-influssi ta’ portafoll, għalkemm fl-2007 is-self estern tal-banek kien is-sors ewlieni ta’ finanzjament, minħabba li fatturi ta’ darba wasslu għal waqgħa f’daqqa fl-IBD u fl-influssi ta’ portafoll. Meta wieħed iqis il-livell għoli ta’ dejn estern, jekk id-defiċits esterni kellhom jerġgħu jikbru dan ikun jimplika ħtiġijiet finanzjarji sostanzjali f'terminu medju. L-ekonomija Ungeriża hija integrata ħafna fi ħdan l-UE. B'mod partikolari, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ l-IBD ma' Stati Membri oħrajn huma estensivi u l-integrazzjoni tas-settur finanzjarju domestiku fis-settur finanzjarju usa' ta' l-UE għamlet passi sostanzjali 'l quddiem, l-aktar minħabba l-għadd kbir ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u ta' l-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Ungerija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 8. IL-POLONJA Fir-Rapport ta’ Konverġenza ta’ l-2006, l-evalwazzjoni dwar il-konverġenza legali kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni fil-Polonja – b’mod partikolari l-Kostituzzjoni tal-Polonja, l-Att dwar il-Bank Nazzjonali tal-Polonja (BNP) u l-liġi dwar il-Fond ta’ Garanziji Bankarji – ma kinitx kompletament kompatibbli ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE F’Jannar 2007, saret emenda għall-Att dwar il-BNP. Madankollu, ma indirizzat l-ebda min-nuqqasijiet li ssemmew fir-Rapport ta' Konverġenza ta' l-2006. B’rigward għall-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' l-euro, l-indipendenza tal-bank ċentrali kif ukoll il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, l-għanijiet tal-politika monetarja, il-leġiżlazzjoni fil-Polonja mhix kompletament kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat tal-KE u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Jeżistu bosta nuqqasijiet fir-rigward tar-referenza għall-għanijiet tas-SEBĊ, ir-rwol statistiku tal-BĊE u tal-Kunsill ta’ l-UE, ir-rwol tal-BĊE fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, ir-rwol tal-BĊE u tal-UE fil-ħatra ta' awdituri esterni, ir-rwol tal-BĊE fit-tħaddim tas-sistemi tal-ħlas, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-BĊE dwar ċerti atti u l-indipendenza personali tal-korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-BNP. Fil-Polonja, l-inflazzjoni medja fuq medda ta' 12-il xahar kienet taħt jew daqs il-valur ta' referenza minn Novembru 2005 sa Frar 2008. Ir-rata ta’ inflazzjoni medja fil-Polonja matul it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 3.2 %, daqs il-valur ta' referenza, u x'aktarx li titla’ ftit fuq il-valur ta’ referenza fix-xhur li ġejjin. Wara inflazzjoni għolja u volatili fis-snin 90, l-inflazzjoni IAPK fil-Polonja naqset f’daqqa għal livell baxx ħafna, b’medja ta' madwar 2 % matul il-perjodu 2002-2006. Ix-xejra ta’ tisħiħ sostnuta taż-zloty sa mill-2004 kellha effett sinifikanti ta' moderazzjoni fuq l-inflazzjoni tul is-snin riċenti. Madankollu, l-inflazzjoni IAPK qabdet sew matul it-tieni nofs ta’ l-2007, dan b’riżultat ta’ żidiet fil-prezz ta’ l-ikel u l-enerġija, anki jekk it-talba domestika qawwija kkontribwixxiet għal pressjonijiet tal-prezz f’firxa wiesgħa ta’ kategoriji. L-inflazzjoni IAPK ta’ bażi annwali laħqet 4.5 % fl-ewwel tliet xhur ta’ l-2008, li kien l-ogħla livell sa minn tmiem l-2004. Skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, l-inflazzjoni IAPK mistennija li tibqa’ f'livelli għolja matul il-biċċa l-kbira ta’ l-2008. Dan jirrifletti l-aktar l-impatt ta’ prezzijiet ogħla ta’ materja prima, li uħud minnhom qed jingħaddu tard (pereżempju mal-prezzijiet tal-gas għall-konsumatur u ta’ l-elettriku), u pressjonijiet ta' talba li joħorġu minn tkabbir qawwi tal-pagi u l-kreditu. L-inflazzjoni annwali hija prevista li tonqos xi ftit minn hemm 'il quddiem minn 4.3 % fl-2008 għal 3.4 % fl-2009, hekk kif iż-żidiet ta’ darba fil-prezzijiet jitneħħew mill-kalkolu tar-rati annwali. Dan il-profil għall-inflazzjoni jserraħ ukoll fuq is-suppożizzjoni li l-effetti sekondarji minn fatturi temporanji li jaffettwaw l-inflazzjoni ta' bażi attwali se jinżammu l-aktar f’kuntest ta’ użu akbar mill-kapaċità u suq tax-xogħol aktar ristrett. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fil-Polonja (62 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezzijiet għal perjodi fit-tul. Il-konverġenza sostenibbli timplika li r-rispett għall-valur ta' referenza jirrifletti fatturi fundamentali ta’ bażi aktar milli fatturi temporanji. Fil-każ tal-Polonja, l-influwenza ta’ moderazzjoni tar-rata tal-kambju li qed togħla fuq l-inflazzjoni tippreżenta fattur temporanju importanti, u l-inflazzjoni medja annwali hija mistennija li dalwaqt togħla għal fuq il-valur ta’ referenza. Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet. [pic] Il-Polonja bħalissa hija soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv (id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004)[9]. Il-Kunsill irrakkomanda li l-Polonja tieħu azzjoni f'qafas ta’ terminu medju sabiex, b'mod kredibbli u sostenibbli, tbaxxi d-defiċit għal taħt it-3 % tal-PGD sa l-2007. Id-defiċit ġenerali tal-gvern tal-Polonja tnaqqas sostanzjalment sa mill-2004. Il-proporzjon tad-defiċit mal-PGD kien 2.0 % fl-2007 u skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni se jammonta għal madwar 2½ % tal-PGD kemm fl-2008 kif ukoll fl-2009 taħt suppożizzjoni ta’ l-ebda bidla fil-politika. Id-dejn ġenerali tal-gvern laħaq 45.2 tal-PGD fl-2007. It-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni jbassar tnaqqis żgħir fil-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-gvern fl-2008 u l-2009. Fi tmien l-2007, il-Kummissjoni u l-Kunsill stiednu lill-awtoritajiet Pollakki biex jibgħatu aġġornament ġdid dwar il-programm ta' konverġenza li jiddeskrivi l-istrateġija finanzjarja tagħhom għal terminu medju għal-leġiżlatura kollha bil-għan li jikkonfermaw korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv fl-2007 u li jsir progress lejn l-għan għal terminu medju minn hemm 'il quddiem. L-awtoritajiet Pollakki bagħtu aġġornament ġdid tal-programm ta' konverġenza fi tmiem Marzu 2008. Fiż-żmien tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni evalwat dan il-programm. Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni u t-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda t-tħassir tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Iż-zloty Pollakk mhux qed jieħu sehem fl-ERM II. Il-Polonja tħaddem sistema tar-rata tal-kambju li tvarja. Matul l-perjodu ta' evalwazzjoni ta' sentejn, iż-zloty ssaħħet kontra l-euro bi kważi 13 %. Il-volatilità f’terminu qasir taż-zloty jidher li rriflettiet l-aktar tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju globali, bħal nuqqas fir-rieda għat-teħid ta’ riskji, għalkemm kien hemm fatturi domestiċi oħrajn fix-xena (pereżempju firxa riċenti usa’ għal terminu qasir meta mqabbla ma’ l-euro). Il-Polonja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul tal-Polonja fis-sena sa Marzu 2008 kienet ta' 5.7 %, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.5 %. Ir-rati medji ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fil-Polonja ilhom taħt il-valur ta' referenza sa minn Jannar 2006. Premium tar-riskju tal-pajjiż li qed jonqos, zloty li qed tissaħħaħ u perċezzjoni pożittiva min-naħa ta' l-investituri dwar il-prospetti għall-ekonomija Pollakka għenu fiż-żamma ta' rendiment baxx. Bil-waqgħa fl-inflazzjoni u r-rati tal-politika monetarja fl-2005, il-firxiet pożittivi ta' imgħax għal perjodi fit-tul meta mqabbla maż-żona ta’ l-euro naqsu biex spiċċaw ftit 'il fuq minn 100 punt ta' bażi, anki jekk il-firxa żdiedet sa min-nofs ta' l-2007, li rrifletta b'mod ċar il-prospetti diverġenti għar-rati ta' politika fil-Polonja meta mqabbla maż-żona ta' l-euro u tnaqqis fir-rieda għat-teħid ta' riskji globali. Il-Polonja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi tal-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Id-defiċit estern tal-Polonja naqas bi ftit għal madwar 2.6 % tal-PGD fl-2007, wara li laħaq l-anqas livell tiegħu ta' 0.9 % tal-PGD fl-2005, l-aktar wara li mar għall-għar il-bilanċ tal-kummerċ hekk kif l-importazzjonijiet issaħħu minn talba domestika qawwija. L-influssi ta' l-IBD netti żdiedu b’mod sostanzjali sa mill-adeżjoni ma' l-UE, anki jekk minn livell aktar baxx meta mqabbla ma' Stati Membri oħrajn, u qed jipprovdu finanzjament suffiċjenti għal defiċitis esterni. L-ekonomija Pollakka qed tiġi integrata dejjem aktar ma' l-UE. B'mod partikolari, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ l-IBD ma' Stati Membri oħrajn qegħdin jissaħħu u l-integrazzjoni tas-settur finanzjarju domestiku fis-settur usa' ta' l-UE għamlet passi sostanzjali 'l quddiem, l-aktar minħabba l-għadd kbir ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u ta' l-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Polonja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 9. Ir-Rumanija Ir-Rumanija ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007. F’dan ir-rapport, il-konformità tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat tal-KE u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE u l-progress tagħha lejn l-ilħiq ta' konverġenza ekonomika sostenibbli qed jiġu għalhekk evalwati għall-ewwel darba. Il-bażi ġuridika għall-Banca Naţională a României (BNR) hija stipulata fil-Liġi Nru 312 tat-28 ta’ Ġunju 2004 dwar l-Istatut tal-BNR. Din il-Liġi daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Lulju 2004 u għad qatt ma ġiet emendata minn dakinhar. B’rigward għall-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' l-euro, l-indipendenza tiegħu kif ukoll il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, il-leġiżlazzjoni fir-Rumanija, b'mod partikolari l-Liġi dwar l-Istatut tal-BNR, mhix kompletament kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat tal-KE u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Jeżistu nuqqasijiet fir-rigward tar-referenza għall-għanijiet tal-SEBĊ, l-indipendenza istituzzjonali u personali, id-dritt tal-BĊE li jiġi kkonsultat fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu, il-promozzjoni ta’ tħaddim bla xkiel tas-sistemi ta’ ħlas, ir-rwol statistiku tal-BĊE u tal-Kunsill ta’ l-UE u r-rwol tagħhom fil-ħatra ta’ awditur estern. Fir-Rumanija, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ilha ogħla mill-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni medja fir-Rumanija fuq it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 5.9 %, ogħla ħafna mill-valur ta' referenza ta' 3.2 %, u x'aktarx li tkompli titbiegħed mill-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin. L-inflazzjoni fir-Rumanija rreġistrat xejra ’l isfel sostnuta għal għadd ta’ snin sa l-2006, appoġġjata inter alia minn tisħiħ fil-leu sa l-2004. L-inflazzjoni IAPK ta’ bażi laħqet minimu ta’ ftit anqas minn 4 % kmieni fl-2007 iżda wara żdiedet ħafna parzjalment kawża minn moviment ’il fuq u f’daqqa fil-prezzijiet agrikoli, li rrifletta kemm in-nixfa severa tas-sajf ta’ l-2007 kif ukoll ix-xejriet fil-prezzijiet tas-suq dinji. Pressjonijiet persistenti mill-pagi u mit-talba, żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil u leu sinifikament aktar dgħajjef mit-tieni nofs ta' l-2007 komplew jgħollu l-inflazzjoni. L-inflazzjoni IAPK kellha medja ta’ 4.9 % fl-2007 u huwa mbassar li tiżdied ħafna fl-2008, għal medja ta' ftit anqas minn 8 %, qabel ma terġa' tinżel fl-2009 għal qrib il-5 % hekk kif l-impatt inflazzjonarju taż-żidiet fil-prezzijiet tal-materja prima jiġi fix-xejn. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fir-Rumanija (57 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezzijiet għal perjodi fit-tul. Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet. [pic] Ir-Rumanija mhix soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-bilanċ ġenerali tal-gvern naqas b'mod sinifikanti tul l-aħħar sentejn, bid-defiċit jogħla minn 1.2 % tal-PGD fl-2005 għal 2.5 % tal-PGD fl-2007. Il-proporzjon tad-dħul mal-PGD u dak tan-nefqa mal-PGD żdiedu gradwalment fl-aħħar ftit snin. Skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, li huwa msejjes fuq suppożizzjoni ta' l-ebda bidla fil-politika, il-bilanċ ġenerali tal-gvern se jonqos ftit għal defiċit ta’ ftit anqas minn 3 % tal-PGD fl-2008, segwit minn żieda oħra għal 3.7 % fl-2009. Id-dejn ġenerali tal-gvern naqas minn 25 % tal-PGD fl-2002 għal 13 % tal-PGD fl-2007, b'żidiet modesti previsti għall-2008 u l-2009. Ir-Rumanija tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-leu Rumen mhux qed jieħu sehem fl-ERM II. Ir-Rumanija tħaddem sistema tar-rata tal-kambju li tvarja. Mix-xhur aħħarija ta’ l-2004 sal-bidu ta’ Lulju 2007, ir-rata tal-kambju tal-leu esperjenzat tisħiħ qawwi kontra l-euro u valuti maġġuri oħrajn, appoġġjat minn flussi ta’ kapital barrani u sentiment pożittiv min-naħa ta' l-investituri. Il-bidu tat-taqlib fis-swieq finanzjarji dinjin fis-sajf ta’ l-2007 ġab miegħu l-bidu ta’ rata tal-kambju tal-leu sostanzjalment dgħajfa. Fi snin riċenti r-riservi uffiċjali wrew xejra ta' żieda, u sa nofs l-2007 it-tisħiħ tar-rata tal-kambju seħħ flimkien ma’ differenzjali tar-rata ta’ l-imgħax tas-suq tal-flus li qed jidjiequ meta mqabbla maż-żona ta’ l-euro. Il-qlib fir-rata tal-kambju fis-sajf ta’ l-2007 kien akkumpanjat minn tkabbir kbir fil-firxa tar-rata ta’ l-imgħax għal tliet xhur. Ir-Rumanija ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. Ir-rati medji ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fir-Rumanija ilhom 'il fuq mill-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fir-Rumanija fis-sena sa Marzu 2008 kienet ta' 7.1 %, ogħla mill-valur ta' referenza ta' 6.5 %. Wara l-adeżjoni ma' l-UE, il-firxiet tar-rendiment mill-bonds għal perjodi fit-tul meta mqabbla ma' l-euro għall-bidu naqsu, iżda kibru mill-ġdid fit-tieni nofs ta' l-2007 riżultat tal-problemi finanzjarji globali li ġabu magħhom tnaqqis fir-rieda għat-teħid ta' riskji. Ir-Rumanija ma tissodisfax l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi tal-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Id-defiċit estern tar-Rumanija żdied f’daqqa fis-snin riċenti, li rrifletta l-aktar in-nuqqas fil-kummerċ tal-merkanzija minħabba li l-importazzjonijiet issaħħu kawża ta’ talba domestika qawwija. Id-defiċit estern żdied minn 7.5 % tal-PGD fl-2004 għal ftit aktar minn 13 % tal-PGD fl-2007. Filwaqt li l-mudell ta’ defiċit estern li qed jiżdied huwa konsistenti ma’ ekonomija li qabdet ritmu mgħaġġel biex tlaħħaq, id-daqs tagħha qabeż b'mod ċar il-livelli li jistgħu jitqiesu sostenibbli f’terminu medju, li jimplika l-ħtieġa ta’ aġġustament konsiderevoli tul iż-żmien. It-tkabbir f'daqqa fid-defiċit estern wassal għal tnaqqis kbir fl-obbligazzjonijiet barranin, li jimplika spejjeż finanzjarji ogħla f'terminu medju. Filwaqt li sa l-2006 id-defiċit estern kien kopert l-aktar minn IBD, fl-2007 influssi ta' daqs kbir ta' investiment ieħor (marbuta l-aktar ma’ finanzjament bankarju fi ħdan il-grupp) saru aktar importanti. Il-proċess ta’ l-integrazzjoni tal-kummerċ ma’ l-UE huwa miexi sew, iżda l-esportazzjonijiet Rumeni huma kkonċentrati f'taqsimiet ta' teknoloġija baxxa. Is-settur finanzjarju Rumen huwa sostanzjalment integrat fis-settur finanzjarju usa’ ta’ l-UE, l-aktar permezz ta’ għadd kbir ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u ta' l-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 10. IS-SLOVAKKJA Fir-Rapport ta’ Konverġenza ta’ l-2006, l-evalwazzjoni dwar il-konverġenza legali kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni fis-Slovakkja, b’mod partikolari l-Att dwar il-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja (BNS) u l-Liġi dwar il-ħarsien ta’ depożiti bankarji u dwar l-emendi ta’ ċerti liġijiet, ma kinitx kompletament kompatibbli ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE Jeżistu nuqqasijiet fir-rigward ta' l-integrazzjoni legali fis-SEBĊ u l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju. Sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati u tkun żgurata kompatibbiltà mat-Trattat u ma’ l-Istatut SEBĊ/BĊE, l-Att dwar il-BNS ġie emendat. L-Att dwar il-BNS rivedut ġie adottat mill-Parlament fit-28 ta’ Novembru 2007 u ffirmat mill-President tar-Repubblika Slovakka fl-14 ta' Diċembru 2007. Tneħħew l-inkompatibbiltajiet kollha msemmija fir-Rapport ta’ Konverġenza ta’ l-2006. Il-leġiżlazzjoni fis-Slovakkja, b’mod partikolari l-Att dwar il-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja u l-Liġi dwar il-ħarsien ta’ depożiti bankarji u dwar l-emendi ta’ ċerti liġijiet, issa hija kompletament kompatibbli ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE Fis-Slovakkja, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ilha fl-istess livell ta’ jew taħt il-valur ta' referenza sa minn Awwissu 2007. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni medja fis-Slovakkja fuq it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 2.2 %, taħt il-valur ta' referenza ta' 3.2 %, u x'aktarx għandha tibqa' taħt il-valur ta' referenza għax-xhur li ġejjin, anki jekk b’marġni li jonqos. Fis-snin reċenti, is-Slovakkja esperjenzat inflazzjoni IAPK volatili, u xi drabi għolja, li jirrifletti l-impatt ta' fatturi esterni u ta' aġġustamenti fi prezzijiet amministrati u taxxi indiretti. Permezz ta' aġġustamenti minħabba l-impatt ta' żidiet fil-prezzijiet amministrati, l-iżviluppi fl-inflazzjoni bażika kienu b'mod ġenerali favorevoli. It-tisħiħ tax-xejra tar-rata tal-kambju tal-koruna sa mill-2002 kellha effett ta’ moderazzjoni fuq l-inflazzjoni, b’mod partikolari fl-2007 u fl-ewwel xhur ta’ l-2008, wara t-tisħiħ kbir bejn nofs l-2006 u r-rebbiegħa ta’ l-2007 (14 % f’termini effettivi). Ir-rata tal-kambju aktar b’saħħitha tal-koruna flimkien ma’ żidiet baxxi fil-prezzijiet regolati ta' l-enerġija u fil-prezzijiet tal-fjuwil ikkontribwixxew għal tnaqqis fl-inflazzjoni IAPK annwali għal-livell baxx storiku ta’ 1.2 % fis-sajf ta’ l-2007. Sussegwentement l-inflazzjoni żdiedet għal 3.4 % fl-ewwel tliet xhur ta’ l-2008, l-aktar minħabba x-xokkijiet globali li affettwaw il-prezzijiet ta' l-ikel u tal-fjuwil, iżda wkoll minħabba xi żidiet fil-prezzijiet ta’ servizzi mhux regolati. Dawn il-fatturi huma mistennija li jibqgħu jżidu l-inflazzjoni fix-xhur li ġejjin, li jwassal għal rata medja annwali ta' madwar 3¾ % fl-2008. L-inflazzjoni medja hija prevista li tonqos għal madwar 3¼ % fl-2009. Effetti ta’ bażi favorevoli fi tmiem l-2008, li għandhom x’jaqsmu maż-żidiet aktar baxxi assunti fil-prezzijiet tal-materja prima, u aktar tisħiħ fir-rata tal-kambju fl-ewwel tliet xhur ta' l-2008 għandhom ipattu aktar milli meħtieġ għall-impatt imnikker ta' dazji tas-sista ogħla fuq it-tabakk u t-tneħħija ta' l-impatt diżinflazzjonarju tat-tisħiħ tar-rata tal-kambju fl-2006-2007, biex b’hekk ikun appoġġjat ir-ritorn ta’ rati ta’ inflazzjoni aktar baxxi sa tmiem is-sena. Suq tax-xogħol aktar ristrett u pożizzjoni ċiklika b’saħħitha (bil-possibbiltà ta’ żieda fit-talba u l-pagi tal-familji) kif ukoll żidiet ogħla possibbli fil-prezzijiet amministrati jippreżentaw riskji għall-prospetti ta’ inflazzjoni f’terminu medju. Il-livell relattivament baxx tal-prezzijiet fis-Slovakkja (58 % tal-medja ta' l-UE fl-2006) jissuġġerixxi potenzjal għal konverġenza tal-livell tal-prezzijiet għal perjodi fit-tul. Il-konverġenza sostenibbli timplika li r-rispett għall-valur ta' referenza jirrifletti fatturi fundamentali ta’ bażi aktar milli fatturi temporanji. Fil-każ tas-Slovakkja, l-influwenza ta’ moderazzjoni tar-rata tal-kambju aktar b'saħħitha fuq l-inflazzjoni tippreżenta fattur temporanju importanti. Madankollu, l-analiżi ta’ fatturi fundamentali ta’ bażi u l-fatt li l-valur ta' referenza jagħmel tajjeb għalih marġni wiesgħa jappoġġjaw evalwazzjoni pożittiva dwar is-sodisfar tal-kriterju ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet. Is-Slovakkja jeħtiġilha tkun viġilanti biex tħares l-ambjent ta' inflazzjoni baxxa u pożizzjoni kompetittiva favorevoli. B’mod partikolari, id-dixxiplina tal-pagi trid titkompla wara li ż-żieda fil-produttività relatata ma’ l-influssi tal-IBD tkun naqset, u l-avvanz ta’ riformi strutturali biex jitjieb it-tħaddim tas-swieq tal-prodotti hija garantita bil-għan li jissaħħaħ l-ambjent kompetittiv. Pożizzjoni ta’ politika fiskali aktar ambizzjuża wkoll tgħin biex ittaffi r-riskji għall-inflazzjoni. Bil-għan li l-inflazzjoni tibqa’ kkontrollata wara l-adozzjoni possibbli ta’ l-euro, fil-bidu ta' l-2008 il-gvern Slovakk u l-imsieħba soċjali ffirmaw id-Dikjarazzjoni tal-Ftehim Soċjali biex tiġi Adottata u Użata l-Euro fis-Slovakkja, li timpenja lil min iħaddem u t-trejdjunjins li jżommu t-tkabbir fil-pagi konformi mat-tkabbir fil-produttività. Barra minn hekk, il-gvern adotta impenji ta’ politika oħrajn, bħall-ilħiq ta' baġit ġenerali tal-gvern bilanċjat sa l-2011 u pożizzjoni fiskali aktar ristretta bi tħejjija għal pressjonijiet inflazzjonarji mhux mistennija, kif ukoll sett ta' miżuri strutturali. Madankollu, dawn l-impenji ta’ politika jeħtieġ li jiġu tradotti f’azzjoni. Is-Slovakkja tissodisfa l-kriterji dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. [pic] Is-Slovakkja bħalissa hija soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv (id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2004)[10]. Il-Kunsill irrakkomanda li s-Slovakkja tieħu azzjoni f’qafas ta’ terminu medju biex sa l-2007 tniżżel id-defiċit għal taħt 3 % tal-PGD b'mod kredibbli u sostenibbli. Id-defiċit ġenerali tal-gvern tas-Slovakkja tnaqqas sostanzjalment sa mill-2002. Il-proporzjon tad-dħul mal-PGD u dak tan-nefqa mal-PGD naqsu, dan ta' l-aħħar b'rata ogħla. Il-proporzjon tad-defiċit mal-PGD kien 2.2 % fl-2007 u skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, li huwa msejjes fuq suppożizzjoni ta' l-ebda bidla fil-politika, fl-2008 se jammonta għal 2.0 % tal-PGD, segwit minn żieda moderata għal 2.3 % fl-2009. Id-dejn ġenerali tal-gvern naqas b’mod sinifikanti sa mill-bidu tas-snin 2000 biex laħaq 29.4 % tal-PGD fl-2007. It-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ta’ dejn ġenerali tal-gvern ta' 29.2 % tal-PGD għall-2008 u 29.7 % fl-2009. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi u tat-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni, din ta' l-aħħar jidhrilha li d-defiċit eċċessiv ġie kkoreġut bi tnaqqis kredibbli u sostenibbli tad-defiċit baġitarju taħt it-3 % tal-PGD. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill biex iħassar id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għas-Slovakkja (SEC(2008) 572). Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jħassar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għas-Slovakkja, is-Slovakkja tkun tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-koruna Slovakka ilha tieħu sehem fl-ERM II sa mit-28 ta' Novembru 2005, jiġifieri għal aktar minn sentejn fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dan ir-rapport. Qabel id-dħul fl-ERM II, is-Slovakkja kienet tħaddem sistema ta' rata tal-kambju li tvarja u ġestita. Wara d-dħul fl-ERM II, il-koruna kompliet bix-xejra ta' tisħiħ tagħha ta' qabel l-ERM II. It-tisħiħ stabbli twaqqaf fit-tieni kwart ta’ l-2006 meta l-koruna ddgħajfet temporanjament kawża ta’ inċertezzi wara l-elezzjoni dwar prospetti għal politika fiskali, flimkien ma’ pressjonijiet akbar fuq il-valuti ta' l-Ewropa ċentrali. Tisħiħ qawwi bejn Lulju 2006 u Marzu 2007 wassal għal valutazzjoni mill-ġdid tal-parità ċentrali tal-koruna bi 8.5 % b'effett mid-19 ta' Marzu 2007. Wara l-valutazzjoni mill-ġdid, ir-rata tal-kambju tal-koruna resqet bejn 3 % u 7.3 % fuq il-parità ċentrali ġdida sa Jannar 2008 meta pressjonijiet ta’ tisħiħ imġedda mbuttaw il-koruna għal 8-9 % fuq il-parità ċentrali ta’ l-ERM II f’Marzu-April. Matul il-perjodu ta’ evalwar ta’ sentejn, il-koruna kważi dejjem ġiet innegozjata fil-parti l-aktar b'saħħitha tal-faxxa taċ-ċaqliq, b'devjazzjoni medja ta' 5.4 % mill-parità ċentrali. It-tisħiħ fi ħdan l-ERM II matul il-perjodu ta’ evalwar jista’ jitqies bħala konsistenti ma’ fatturi fundamentali ta’ bażi u l-koruna ma esperjenzat l-ebda tensjonijiet serji. Is-Slovakkja tissodisfa l-kriterju tar-rata tal-kambju. Ir-rata medja ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fis-Slovakkja fis-sena sa Marzu 2008 kienet 4.5 %, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.5 %. Ir-rati medji ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul fis-Slovakkja ilhom taħt il-valur ta' referenza sa mill-adeżjoni ma' l-UE. Il-bonds ta’ referenza għal perjodi fit-tul tal-firxa meta mqabbla ma’ dawk taż-żona ta’ l-euro ilhom jonqsu ħafna sa mill-2002 u prattikament sparixxew f’April 2007. Il-fatturi wara din ix-xejra kienu premia tar-riskju tal-pajjiż li qed jonqsu marbuta ma’ konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali mill-qiegħ fl-2002-2005, u aktar riċenti l-prospetti ta' inflazzjoni mingħajr ħsara u tnaqqis assoċjat fir-rati tal-politika f'terminu qasir. Sa min-nofs ta' l-2007, reġgħet infetħet firxa kemmxejn pożittiva ta' madwar 30 punt bażiċi li rriflettiet tnaqqis sinifikanti fir-rati ta' l-imgħax għal perjodu fit-tul fiż-żona ta' l-euro. Is-Slovakkja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Il-bilanċ estern tas-Slovakkja kien volatili ħafna fl-aħħar snin, li jirrifletti varjazzjonijiet fil-prestazzjoni ta' l-esportazzjoni mmexxija minn kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda relatati ma' l-IBD, b'mod partikolari fis-settur tal-vetturi u tat-tagħmir elettroniku. Wara deterjorament sostanzjali minn 0.8 % tal-PGD fl-2003 għal fuq 8 % tal-PGD fl-2005-2006 kawża ta' konsum privat dinamiku u żieda fl-importazzjonijiet relatati ma' l-IBD, id-defiċit estern reġa’ naqas għal 5.3 % tal-PGD fl-2007 hekk kif il-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni ssaħħet bit-tnedija ta’ produzzjoni f’kapaċitajiet ġodda ffinanzjati mill-IBD. Id-defiċit estern ġie ffinanzjat l-aktar minn influssi ta’ l-IBD netti kbar. L-ekonomija Slovakka hija integrata ħafna ma' l-UE. B'mod partikolari, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ l-IBD ma' Stati Membri oħra huma estensivi u l-integrazzjoni tas-settur finanzjarju domestiku fis-settur usa' ta' l-UE għamlet passi sostanzjali 'l quddiem, l-aktar minħabba l-livell sinifikanti ta' sidien barranin ta' intermedjarji finanzjarji. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u ta' l-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, u assumiet li l-Kunsill se jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għat-tħassir tad-defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni tqis li s-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. 11. L-Iżvezja Fir-Rapport ta’ Konverġenza ta' l-2006, l-evalwazzjoni tal-konverġenza legali kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni fl-Iżvezja ma kinitx kompletament kompattibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. L-Att dwar is-Sveriges Riksbank ġie emendat fl-2006 u fl-2007, mingħajr ma ttratta l-inkompatibbiltajiet msemmija fir-Rapport ta’ Konverġenza ta' l-2006. Fir-rigward ta' l-indipendenza tal-bank ċentrali kif ukoll ta' l-integrazzjoni tiegħu fis-SEBĊ fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' l-euro, il-leġiżlazzjoni fl-Iżvezja, b'mod partikolari l-Att dwar is-Sveriges Riksbank, l-Istrument tal-Gvern (parti mill-Kostituzzjoni Żvediża) u l-Liġi dwar il-Politika tar-Rata tal-Kambju, mhix kompletament kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat tal-KE u ma' l-Istatut tas-SEBĊ/BĊE. Jeżistu bosta nuqqasijiet fir-rigward ta’ l-għanijiet tas-Sveriges Riksbank, il-promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas, il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju, ir-rwol tal-BĊE fit-tħaddim tas-sistemi ta' ħlas u fil-qasam ta' kooperazzjoni internazzjonali, ir-rwol statistiku tal-BĊE u ta’ l-UE u r-rwol tagħhom fil-ħatra ta' awdituri esterni. Fl-Iżvezja, l-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar ilha taħt il-valur ta' referenza sa mill-bidu tas-sorveljanza f’Diċembru 1996. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni medja fl-Iżvezja fuq it-12-il xahar sa Marzu 2008 kienet 2.0 %, taħt il-valur ta' referenza ta' 3.2 %, u x'aktarx għandha tibqa' taħt il-valur ta' referenza tul ix-xhur li ġejjin. L-inflazzjoni IAPK fl-Iżvezja rreġistrat xejra 'l isfel sa viċin it-tmiem ta' l-2005 iżda minn hemm 'il quddiem reġgħet bdiet iżżid. It-tnaqqis fl-inflazzjoni IAPK sa lejn l-aħħar ta' l-2005 kien relatat l-aktar ma’ tkabbir fil-produttività għoli, imsejjes fuq komponent ċikliku kif ukoll fuq l-impatt ta' investiment estensiv fit-teknoloġija ta’ l-informazzjoni. Fattur kontributur ieħor kien prezzijiet ta' importazzjoni irħas, kawża ta' tnaqqis gradwali fit-tisħiħ tal-krona bejn l-2002 u l-2004 u żieda fil-kompetizzjoni internazzjonali. Id-dinamika 'l fuq sa minn tmiem l-2005 irriflettiet l-aktar prezzijiet ogħla taż-żejt u ta’ l-elettriku. B’żieda ma’ dan, il-prezzijiet ta’ l-ikel ikkontribwixxew għal inflazzjoni ogħla matul l-aħħar parti ta’ l-2007, f’konformità ma’ żviluppi globali ġenerali. It-tbassir huwa li l-inflazzjoni tonqos minn 2.4 % fl-2008 għal madwar 1.9 % fl-2009. L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet. [pic] L-Iżvezja mhijiex soġġetta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Matul il-perjodu 2002-2007, il-pożizzjoni finanzjarja ta’ l-Iżveżja tjiebet b’mod stabbli, bil-bilanċ ġenerali tal-gvern jimxi minn defiċit ta’ madwar 1 % tal-PGD fl-2002 għal bilanċ favorevoli ta’ 3.5 % fl-2007, l-aktar kawża ta' l-irkupru ċikliku ta' l-ekonomija. Il-proporzjon tad-dħul baqa’ stabbli għal madwar 55 % tal-PGD, filwaqt li s-sehem ta’ nfiq għall-PGD gradwalment naqas (minn 56.5 % fl-2002 għal 52.5 % fl-2007). F’konformità ma' l-iżvilupp fiskali favorevoli, id-dejn gross tal-gvern waqa’ minn 52.6 % tal-PGD fl-2002 għal 40.6 % fl-2007. Imsejjes fuq is-suppożizzjoni ta' l-ebda bidla fil-politika, it-Tbassir għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni jbassar tnaqqis fil-bilanċ favorevoli ġenerali tal-gvern għal aktar minn 2 % tal-PGD fl-2008 u l-2009, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn se jibqa’ jonqos, biex jilħaq 32 % tal-PGD fl-2009. L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern. [pic] Il-krona Żvediża mhix tieħu sehem fl-ERM II. L-Iżvezja segwiet sistema ta’ rata tal-kambju li tvarja u miri għall-inflazzjoni sa mill-bidu tas-snin 90. Wara diprezzament f’daqqa li segwa l-abbandunar tas-sistema ta’ rbit fl-1992, il-krona mxiet f’firxa relattivament dejqa meta mqabbla mad-Deutsche mark u sussegwentement ma’ l-euro. Matul il-perjodu ta’ evalwar ta’ sentejn, il-krona varjat bejn 9 u 9.50 SEK/EUR, b’medja 'l fuq minn 9.2 SEK/EUR. L-Iżvezja ma tissodisfax il-kriterju dwar ir-rata tal-kambju. F’Marzu 2008, il-medja varjabbli fuq 12-il xahar tal-bond Żvediża ta' referenza ta' għaxar snin kienet 4.2 %, taħt il-valur ta' referenza ta’ 6.5 %. Fl-aħħar snin ir-rati medja ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul baqgħu taħt il-valur ta' referenza b’mod konsistenti. Ir-rati ta’ l-imgħax tal-firxa meta mqabbla ma’ dawk taż-żona ta’ l-euro naqsu gradwalment minn madwar 50 punt ta’ bażi fl-2003 għal -25 punt ta' bażi f’nofs l-2007. Sussegwentement, f’konformità ma’ diskrepanza iżgħar fir-rata ta’ l-imgħax għal terminu qasir, id-distakk negattiv bejn ir-rata ta’ l-imgħax għal perjodi fit-tul Żvediża u dik taż-żona ta’ l-euro naqas gradwalment għal-livell attwali tiegħu ta’ madwar żero. L-Iżvezja tissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax għal perjodi fit-tul. Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-ħlasijiet u l-integrazzjoni tas-suq tal-prodotti u dak finanzjarju. Il-kont estern Żvediż ilu bi żbilanċ favorevoli sa min-nofs tas-snin 90, immexxi minn esportazzjonijiet netti għolja ta' prodotti, u ta' servizzi, għalkemm f'livell aktar baxx. Il-bilanċ favorevoli tal-kont estern żdied minn 4.9 % tal-PGD fl-2002 għal livell ta' madwar 6-7 % tal-PGD fl-aħħar snin. L-ekonomija Żvediża hija miftuħa u integrata sew fi ħdan l-UE, b’sehem ta’ madwar żewġ terzi mill-kummerċ ġewwa l-UE fil-prodotti, kemm fuq in-naħa ta’ l-esportazzjoni kif ukoll dik ta’ l-importazzjoni. L-importanza relattiva tal-kummerċ fl-UE fis-servizzi żdied bi ftit matul il-perjodu u huwa ogħla mill-medja għall-UE-27. L-integrazzjoni tas-settur finanzjarju Żvediż fis-settur usa’ ta' l-UE għandu x'jaqsam l-aktar mar-rabtiet ma' Stati Nordiċi oħrajn u l-Istati Baltiċi. Is-settur finanzjarju Żvediż huwa b’mod ġenerali żviluppat sew, kemm fid-daqs kif ukoll fis-sofistikazzjoni, u jikkorrispondi għall-istadju avvanzat tiegħu ta' żvilupp ekonomiku. Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u filwaqt li qieset il-fatturi addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' l-euro. [1] Fl-2007, il-Kummissjoni u l-BĊE ħejjew Rapporti ta’ Konverġenza dwar Ċipru u Malta, wara talba mill-awtoritajiet nazzjonali. Ċipru u Malta adottaw l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. [2] Għall-għan tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel bl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsum (IAPK) definit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95, emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. [3] Il-previżjonijiet kollha għall-inflazzjoni u varjabbli oħrajn fir-rapport attwali huma mill-Previżjoni għar-Rebbiegħa 2008 tas-Servizzi tal-Kummissjoni. Il-previżjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni huma msejsa fuq sett ta’ suppożizzjonijiet komuni għal varjabbli esterni u fuq is-suppożizzjoni ta’ l-ebda bidla fil-politika filwaqt li jitqiesu miżuri li huma magħrufa f'biżżejjed dettall. It-tbassir tal-valur ta' referenza huwa soġġett għal inċertezzi sinifikanti, minħabba li dan jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta' l-inflazzjoni mbassra għat-tliet Stati Membri li jkunu mistennija li jkollhom l-aktar inflazzjoni baxxa f'dak il-perjodu ta' tbassir, li allura jżid il-marġni ta' żball possibbli. [4] Id-data ta' l-għeluq għad-data użata f'dan ir-Rapport hija t-18 ta' April 2008. [5] Fl-evalwar tal-konformità mal-kriterju tar-rata tal-kambju, il-Kummissjoni teżamina jekk ir-rata tal-kambju baqgħetx viċin tar-rata ċentral ERM II, filwaqt li jistgħu jitqiesu r-raġunijiet għal valutazzjoni, skond l- Istqarrija Komuni dwar il-Pajjiżi ta’ l-Adeżjoni u l-ERM2 mill-Kunsill Informali ECOFIN, Ateni, 5 ta’ April 2003. [6] L-aċċenn ta’ l-evalwazzjoni hija fuq il-“bilanċ estern”, definit bħala l-kont kurrenti u kapitali magħqud (self nett meta mqabbel mal-bqija tad-dinja). Dan il-kunċett jippermetti b’mod partikolari li t-trasferimenti esterni jitqiesu bis-sħiħ (inklużi trasferimenti ta’ l-UE), li huma rreġistrati parzjalment fil-kont kapitali. [7] 2005/185/KE, ĠU L 62, 9.3.2005, p. 20. [8] 2004/918/KE, ĠU L 389, 30.12.2004, p. 27. [9] 2005/183/KE, ĠU L 62, 9.3.2005, p. 18. [10] 2005/182/KE, ĠU L 62, 9.3.2005, p. 16-17.