Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0234

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni Komunitarju biex jippromwovi entitajiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-Kultura

    /* KUMM/2008/0234 finali */

    52008DC0234

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni Komunitarju biex jippromwovi entitajiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-Kultura /* KUMM/2008/0234 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 5.5.2008

    KUMM(2008)234 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni Komunitarju biex jippromwovi entitajiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-Kultura

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni Komunitarju biex jippromwovi entitajiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-Kultura

    INTRODUZZJONI

    Dan ir-rapport hu ppreżentat skond it-termini tad-Deċiżjoni Nru 792/2004/KE[1] tal-21 ta' April 2004 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għall-Komunità biex tippromwovi korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-kultura. Dan ir-rapport iressaq il-kisba ta' l-għanijiet tal-programm u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-valutazzjoni esterna finali tal-programm li jista' jinkiseb permezz tal-ħolqa hawn isfel:

    http://ec.europa.eu/culture/index_en.htm

    SFOND TAL-PROGRAMM

    Għan tal-Programm

    Skond id-Deċiżjoni Nru 792/2004, il-programm għandu l-għan isaħħaħ l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Kultura u jżid l-effettività tiegħu billi jappoġġja l-attivitajiet ta' l-entitajiet attivi fuq livell Ewropew f'dan il-qasam.

    Dawn l-attivitajiet għandhom jikkontribwixxu, jew ikunu kapaċi jikkontribwixxu, għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ta' kooperazzjoni Komunitarja u azzjonijiet fil-qasam tal-kultura.

    Id-Deċiżjoni ssemmi li l-attivitajiet ewlenin ta' dawn l-entitajiet li huma probabbli li jikkontribwixxu għat-tisħiħ u l-effettività ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kultura huma kif ġejjin:

    - Rappreżentazzjoni tal-partijiet interessati fuq livell Komunitarju,

    - Tixrid ta' tagħrif dwar azzjoni Komunitarja,

    - Netwerking ta' entitajiet attivi fil-qasam kulturali,

    - Rappreżentanza u tagħrif tal-komunitajiet tal-lingwa reġjonali u fil-minoranza ta' l-Unjoni Ewropea,

    - Sejba u tixrid tat-tagħrif fl-oqsma tal-leġiżlazzjoni, edukazzjoni u mezzi tax-xandir,

    - Sodisfazzjon tar-rwol ta' l-'ambaxxatur' kulturali, il-promozzjoni ta' l-għarfien tal-wirt kuturali komuni ta' l-Ewropa,

    - Preżervazzjoni u tifkira tas-siti u arkivji ewlenin assoċjati mad-deportazzjoni, simbolizzati mill-imfakar li ttellgħu fuq is-siti tal-kampijiet fl-imgħoddi u postijiet oħrajn ta' martirju u qerda enormi tan-nies ċivili, u ż-żamma tal-memorja tal-vittmi f'dawn is-siti.

    Deskrizzjoni ġenerali ta' l-appoġġ Komunitarju

    Il-programm ta' azzjoni Komunitarju għall-promozzjoni ta' entitajiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-kultura hu magħmul minn tliet partijiet differenti:

    - Il-Parti I tal-programm hi ddedikata lill-appoġġ taż-żewġ entitajiet, li ilhom appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea għal dawn l-aħħar 20 sena: l-Uffiċċju Ewropew għal-Lingwi Inqas Użati (EBLUL), u n-netwerk tal-Mercator magħmul minn tliet ċentri differenti, Mercator Media, Mercator Legislation, Mercator Education.

    - Il-Parti II tal-programm hi ddedikata għall-appoġġ ta' l-entitajiet li għandhom għan ta' interess ġenerali fil-qasam tal-kultura. Fl-2004, u l-2005, ingħataw għotjiet lill-organizzazzjonijiet immarkati fl-Anness II tal-programm dment li kienu jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, u l-att bażiku. Fl-2006, l-għotjiet ingħataw permezz ta' sejħa għall-proposti miftuħa.

    - Il-Parti III tal-programm hi ddedikata lill-appoġġ ta' l-azzjonijiet biex jippreżervaw u jikkommemoraw is-siti u l-arkivji ewlenin assoċjati mad-deportazzjoni. L-għotjiet ingħataw permezz ta' sejħa għal proposti.

    Ingħataw żewġ tipi differenti ta' fondi: għotjiet ta' tħaddim annwali , għall-Parti I u l-Parti II, li jappoġġjaw il-programm ta' xogħol annwali ta' l-entitajiet u l- għotjiet ta' azzjoni għall-Parti III.

    Il-programm ta' azzjoni Komunitarju kopra perjodu ta' 3 snin : 2004, 2005, 2006.

    Qafas fil-ġejjieni għal dan l-appoġġ Komunitarju

    Il-Programm spiċċa fil-31 ta' Diċembru 2006, Madankollu, il-komponenti tiegħu ġew integrati fi tliet programmi differenti għall-perjodu 2007-2013.

    - Il-Parti I ġiet integrata fil-Programm għat-Tagħlim tul il-Ħajja, b'mod partikolari fil-programm trasversali, taħt l-Attività Ewlenija 2: Lingwa

    - il-Parti II ġiet integrata fil-programm Kulturali għall-2007-2013 taħt it-taqsima 2 : "Appoġġ għall-Entitajiet Kulturali Ewropej"

    - Il-Parti III ġiet integrata fil-programm "Ċittadini għall-Ewropa 2007-2013" taħt l-azzjoni "Tifkira Ewropea Attiva".

    IL-VALUTAZZJONI ESTERNA

    It-termini u l-għan tal-valutazzjoni

    Wara s-sejħa għall-offerti Nru EAC 41/2006[2], Ernst & Young et Associés intgħażlet biex twettaq il-valutazzjoni.

    Il-valutazzjoni esterna mmirata li tanalizza l-effettività tal-programm, u ta' kull parti minnu; il-kwalità ta' l-implimentazzjoni tal-programm u l-effiċjenza tiegħu, is-sostenibbiltà tal-proġetti jew entitajiet iffinanzjati.

    Il-valutazzjoni ffokat fuq il-perjodu tal-programm kollu (2004-2006). Madankollu, id-daħla tat-tliet partijiet tal-programm fi tliet programmi ġodda mill-2007 tikkostitwixxi kwistjoni speċifika, li hi indirizzata wkoll mill-valutazzjoni.

    Metodoloġija

    Il-metodoloġija użata mill-valutatur estern tista' titqassar kif ġej:

    - Definizzjoni dettaljata tal-mistoqsijiet ta' valutazzjoni- Ġabra ta' data ewlenija u sekondarja- Analiżi tad- data miġbura- Tweġibiet għall-mistoqsijiet ta' valutazzjoni - Rakkomandazzjonijiet

    Intużaw tliet tipi ta' ġabra tad- data : reviżjoni tad-dokumenti, intervisti ma' dawk li jippromwovu l-proġett, l-applikanti li ma ntgħażlux u l-uffiċjali Ewropej, u stħarriġ strutturat.

    Is-sejbiet tal-valutatur

    Il-benefiċjarji taħt il-Parti I tal-programm kienu l-Uffiċċju Ewropew għal-lingwi inqas użati u n-netwerk tal-Mercator. L-attivitajiet ewlenin ta' dawn l-entitajiet kienu li jiġbru u jxerrdu t-tagħrif fuq livell Ewropew fl-edukazzjoni, il-mezzi tax-xandir u l-qasam tal-leġiżlazzjoni tal-lingwi fil-minoranza, li jagħtu appoġġ amministrattiv għall-applikazzjonijiet tal-programmi ta' l-UE, u li jiżviluppaw sħubiji xierqa fil-qasam tal-lingwi fil-minoranza.

    Żewġ terzi mill-benefiċjarji taħt il-Parti II tal-programm kienu assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet, li l-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu fi Brussell. Erba' benefiċjarji ta' l-għażla ta' l-2006 jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda. L-attivitajiet ewlenin jinkludu l-attivitajiet ta' netwerking, preżentazzjoni artistika, appoġġ għall-ħolqien kulturali, attivitajiet ta' rappreżentanza ta' organizzazzjonijiet lejn l-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll attivitajiet ta' riċerka u taħriġ. L-għadd ta' benefiċjarji taħt il-Parti II kien stabbli. 36 fl-2004, 35 fl-2005 u 34 fl-2006, li minnhom 16 kienu ġodda. B'kollox, 53 entità differenti rċevew sostenn.

    Taħt il-Parti III, l-aktar numru ta' progetti sostnuti kienu Ġermaniżi. Il-gruppi mmirati kienu l-pubbliku ġenerali, iż-żgħażagħ, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi, eċċ. F'termini tat-twettiq tal-proġett, l-akbar għadd ta' proġetti ħadmu fuq manteniment/sfruttament ta' l-arkivji għall-użu pereżempju f'konferenzi, wirjiet, libreriji eċċ, u fuq il-ġabra ta' testimonjanzi minn xhieda. Proġetti oħra ħadmu fuq l-organizzazzjonijiet ta' kommemorazzjoni/avvenimenti, xogħol ta' l-arti, u materjal didattiku jew edukattiv, jew ir-restawrar ta' siti tassew simboliċi. L-għadd ta' proġetti magħżula taħt din il-parti kienu stabbli wkoll. 28 fl-2004, 25 fl-2005 (li minnhom 24 kienu ġodda), u 24 fl-2006, li minnhom 20 kienu ġodda. b'kollox 72 entità differenti b'hekk irċeviet sostenn.

    3.3.1. Effettività

    It-tfassil ta' konklużjonijiet globali fuq l-impatt ta' l-azzjoni fuq livell tal-programm kien ta' sfida, peress li hi naturalment magħmula minn proġetti li ftit għandhom x'jaqsmu wieħed ma' l-ieħor. Madankollu, il-valutatur irrapporta l-perċezzjoni mifruxa li l-programm ikkontribwixxa għall-għan ġenerali tiegħu ta' promozzjoni ta' l-entitajiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-kultura .

    L-għan ewlieni inkiseb b'mod partikolari permezz ta' l-istrutturi appoġġjati taħt il-Parti I u n-netwerks appoġġati taħt il-Parti II. Il-valutatur sab li l-organizzazzjonijiet tal-parteċipanti kulturali tjiebu, li l-ambitu ta' l-attivitajiet tagħhom infirex u li l-professjonalità tagħhom lejn il-proġetti ta' l-UE u s-sħubiji ta' l-UE żdiedet. Il-benefiċjarji kklasifikati bħala "ambaxxaturi" ikkontribwew għall-promozzjoni fuq livell aktar simboliku.

    Ir-rendiment ta' l-entitajiet ta' l- attivitajiet ewlenin li jissemmew fl-Anness I tad-Deċiżjoni bħala probabbli li jikkontribwixxu għat-tisħiħ u l-effettività ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kultura jista' jingħad li kien tajjeb, għalkemm kemmxejn irregolari, peress li saret aktar enfasi fuq ċerti attivitajiet filwaqt li oħrajn irċevew anqas attenzjoni.

    Pereżempju, il-partijiet interessati ma kinux konvinti bil-kontribuzzjoni tal-programm li jirrappreżenta l-partijiet interessati fuq livell Komunitarju u t -tixrid tat-tagħrif ta' azzjoni Komunitarja. Il-valutatur sab li n-natura proprja tal-benefiċjarju tal-programm tikkontribwixxi għal rendiment relattivament fqir fir-rigward tat-tixrid tat-tagħrif: l-entitajiet huma karatterizzati minn għarfien espert speċifiku jew qasam ta' interess fi ħdan il-qasam tal-lingwa fil-minoranza, il-qasam kulturali jew l-azzjonijiet ta' tikfira. Il-valutatur osserva li huma biss ftit avvenimenti (il-Parti II) u ftit mill-proġetti tal-Parti III li huma indirizzati lill-pubbliku ġenerali. Madankollu, l-isfida ewlenija hi li t-tixrid ma jidhirx li hu l-prijorità ewlenija għall-benefiċjarji (il-Parti II) għalkemm sar ċertu titjib għal xi wħud minnhom (pereżempju għall-attivitajiet ta' tagħrif limitati dwar l-azzjoni Komunitarja lejn il-lingwi fil-minoranza taħt il-Parti I). Għaldaqstant, il-programm naqas mill-viżibbiltà.

    Ġeneralment, l-attivitajiet ta' tixrid mhumiex prijorità maġġuri għall-benefiċjarji tal-Parti II. In-netwerks finanzjati taħt din il-parti wettqu xi attivitajiet ta' tagħrif u tixrid, b'mod partikolari dwar it-tagħrif rigward l-UE. Filwaqt li t-traduzzjonijiet għadhom rari, numru kbir ta' benefiċjarji (18) organizzaw konferenzi, u kważi kollha kemm huma tejbu l-websajts tagħhom. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta' rappreżentazzjoni tagħhom żviluppaw biż-żmien. Tabilħaqq, l-entitajiet iffinanzjati taħt il-Parti II tal-programm huma aħjar biex jirrappreżentaw il-partijiet interessati fuq livell Ewropew.

    Il-valutatur sab li l-programm irnexxielu jippromwovi l-entitajiet attivi fuq livell Ewropew fil-qasam tal-kultura kif ukoll in-netwerking tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' strutturi appoġġjati mill-Parti I u n-netwerks appoġġjati mill-Parti II. Biż-żmien, is-sħubiji sostnuti mill-Parti II żdiedu.

    It- tixrid tat-tagħrif Ewropew fil-komunitajiet tal-lingwa reġjonali jew fil-minoranza hi għan għall-entitajiet sostnuti taħt il-Parti I. Il-valutatur jikkonkludi li r-riżultati fuq dan l-għan jibqgħu limitati, b'mod partikolari għan-netwerk tal-Mercator. Dan hu minħabba n-nuqqasijiet li ġejjin: l-Internet hu l-għodda ewlenija għat-tixrid (l-aċċessibbiltà ta' l-Internet u l-aċċessibbiltà tal-websajt); l-ispiża tat-traduzzjonijiet ma tippermettix kopertura kbira tal-lingwi; u l-għadd limitat (għalkemm dejjem jiżdied) ta' l-utenti. L-integrazzjoni immedjata ta' l-Istati Membri ġodda fl-ambitu ta' l-attivitajiet ta' l-organizzazzjoni(jiet) hi min-naħa l-oħra punt favur.

    Imsejjes fuq għadd ta' indikaturi jew deskritturi, il-valutatur jikkonkludi li l-entitajiet appoġġjat taħt il-Parti I tal-programm ħadu sehem b'mod konsiderevoli fil- ġabra u t-tixrid tat-tagħrif fl-oqsma tal-leġiżlazzjoni, l-edukazzjoni u l-mezzi tax-xandir fil-lingwi ta' minoranza . L-indikaturi inkludew id-diversità tat-tagħrif miġbur u identifikat, l-iżvilupp ta' l-għodod għat-tixrid, u l-għadd u t-tixrid ġeografiku tal-kuntatti li jitolbu tagħrif.

    Il-proġetti sostnuti taħt il-Parti III b'mod ġenerali ssodisfaw l-għanijiet għall- preżervazzjoni u l-kommemorazzjoni tas-siti ewlenin, u l-preżervazzjoni ta' l-arkivji assoċjati mad-deportazzjonijiet . Madakollu, dawk li jippromwovu l-proġetti nfushom osservaw il-kontribuzzjoni limitata ta' l-azzjonijiet għat-titjib ta' l-għarfien tal-ġenerazzjonijiet preżenti u fil-ġejjieni dwar id-deportazzjonijiet. L-azzjonijiet sostnuti mill-programm għenu biex jiġi evitat tnaqqis f'dan l-għarfien. Għalhekk, il-benefiċjarji jaqblu li l-għan li tinżamm il-memorja tal-vittmi ġiet issodisfatta biss parzjalment. Għandhom isiru sforzi supplimentari biex jinġabru t-testimonjanzi (li jimplikaw il-bżonn ta' mezzi supplimentari) – dan ix-xogħol hu urġenti peress li x-xhieda li raw id-deportazzjonijiet qegħdin jonqsu.

    2. Effiċjenza

    B'mod ġenerali, in-nuqqas ta' data ta' sorveljanza għamlitha diffiċli li titkejjel l-effiċjenza globali tal-programm. Il-valutatur jikkonkludi li l-effiċjenza ta' l-azzjoni tvarja kemm bejn it-tliet partijiet differenti tagħha kif ukoll fi ħdanhom. Pereżempju, in-netwerk tal-Mercator (il-Parti I) tejjeb l-effiċjenza tiegħu. Filwaqt li l-għotja annwali baqgħet l-istess tul il-perjodu, il-livell ta' attivitajiet żdied b'mod stabbli. Sorveljanza aktar sistematika ta' proġetti u attivitajiet, b'mod partikolari għal dawk l-ammonti allokati fuq medja ta' l-għotjiet, ittejjeb l-effiċjenza ta' l-azzjonijet.

    Il-benefiċjarji u l-applikanti taħt il-Parti II esprimew il-bżonn għal aktar trasparenza fil- proċess ta' applikazzjoni (pereżempju b'rigward il-kriterji ta' l-għażla, u l-kompożizzjoni u l-ħatra tal-kumitat ta' valutazzjoni). Ħafna minn dawk li wieġbu sabu li aktar kriterji ta' l-għażla li jistgħu jitkejlu kellhom mnejn jagħmlu lill-proċess ta' għażla wieħed aktar leġittimu. Fl-istadju ta' l-applikazzjoni, aktar għajnuna teknika u komunikazzjoni aħjar kienu jkunu aktar utli.

    Għall-Parti II tal-programm, l-introduzzjoni ta' l-istruttura tas- sejħiet għall-proposti fl-2006 kienet żvilupp pożittiv lejn proċess trasparenti u kompetittiv minn sistema ta' allokazzjonijiet, li tippermetti lill-benefiċjarji li jintgħażlu minn bażi usa' ta' applikanti. Il-benefiċjarji tal-proġetti magħżula taħt il-proċedura tal-Parti II fl-2006 sabu li r-riżultati tas-sejħa tħabbru tard, u li l-aħbar setgħet saret ta' l-anqas qabel id-data ta' bidu mistennija tal-programm. Ġie osservat li pubblikazzjoni minn qabel tar-riżultati kellha mnejn tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-għanijiet ta' l-entitajiet.

    Il-valutatur sab li t- tipoloġija tal-benefiċjarji tas-sejħa għall-proposti taħt il-Parti II tal-programm, - it-tqassim tal-benefiċjarji f'ambaxxaturi, netwerks Ewropej jew entitajiet li jorganizzaw l-avvenimenti kulturali - kellha biss mertu limitat, peress li l-analiżi ta' l-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet wrew li kienu tassew eteroġeni.

    Il-valutatur sab li taħt il-Parti III tal-programm, il-proġetti wasslu għal riżultati konkreti minkejja id-daqs żgħir tagħhom u l-perjodu ta' ħin limitat. B'hekk l-għotjiet iż-żgħar ħolqu prodotti konkreti. Madankollu, in-nuqqas ta' fondi għat-traduzzjoni kkontribwixxa għall-viżibbiltà limitata ta' dawn il-proġetti.

    Fuq livell tal-programm, għandu jiġi enfasizzat li tkun xi tkun l-effiċjenza fl-ispiża tat-twettiq ta' l-infiq fuq azzjoni, il-mertu jkun limitat meta t-tixrid tar-riżultati ma jkunx mill-aħjar.

    3. Is-sostenibbiltà

    Huwa diffiċli li tiġġeneralizza f'termini tas-sostenibbiltà ta' l-azzjonijiet fuq livell tal-programm. Madankollu, taħt kull parti tal-programm, hemm evidenza li r-riżultati se jdumu aktar mit-tul tal-proġett.

    L-appoġġ tal-programm tal-Parti I għen lill-entitajiet biex jiżviluppaw l-għarfien espert tagħhom u kkontribwixxa għall-progress fir-riċerka dwar il-lingwi fil-minoranza. Dawn l-istrutturi raw is-sehem fil-programm bħala opportunità li jħejju ruħhom għall-kompetizzjoni fil-qafas tal-programmi l-ġodda. Il-partijiet interessati kkonfermaw li n-netwerks u l-għarfien espert tagħhom laħqu livell ta' għarfien li se jgħinhom isibu għejun alternattivi ta' finanzjament. Il-karattru sostenibbli tan-netwerk isaħħaħ l-effiċjenza ta' l-għotja ta' l-UE.

    Ir-riżultati mill-Parti II juri wkoll effetti fit-tul: il-parti l-kbira tal-benefiċjarji jiżguraw li ħolqu relazzjonijiet stabbli mal-membri tan-netwerks. Disgħin fil-mija ta' l-entitajiet ippuntaw li r-riżultati ta' l-attivitajiet tagħhom jintużaw mill-organizzazzjonijiet l-oħrajn, u nħass li l-għotjiet ta' l-UE għenu jżidu l-viżibbiltà ta' l-organizzazzjonijiet kif ukoll il-kredibbiltà tagħhom ma' entitajiet finanzjarji oħrajn.

    Xi sħubiji speċifiċi ġew stabbiliti taħt il-proġetti tal-Parti III, iżda kienu limitati fin-numru. Skond dawn li jippromwovu l-proġett, is-sħubiji huma inqas rilevanti għal dan it-tip ta' proġett. Fid-dawl tal-valutaturi, aktar sħubiji fi ħdan il-proġetti kommemorattivi kellhom mnejn ikunu ta' benefiċċju f'termini ta' tixrid u sostenibbiltà.

    RAKKOMANDAZZJONIJIET EWLENIN TAL-VALUTAZZJONI ESTERNA U L-KUMMENTI MILL-KUMMISSJONI

    Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-valutatur huma ppreżentati bil-korsiv, filwaqt li t-tweġiba tal-Kummissjoni hi miktuba f'tipa standard.

    Effettività u effiċjenza

    Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rabtiet bejn is-settur kulturali u kwistjonijiet politiċi oħrajn, sabiex tibbenefika bis-sħiħ mill-valur potenzjali miżjud ta' l-attivitajiet kulturali, f'termini ta' ċittadinanza. Kooperazzjoni strutturali ma' DĠ oħra tista' tiġi implimentata għas-sorveljanza ta' proġetti speċifiċi, b'valur simboliku għoli.

    Il-Kummissjoni taqbel. L-integrazzjoni tal-kultura fil-politiki rilevanti kollha ta' l-UE ġiet ippreżentata fil-Komunikazzjoni dwar "Aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja globalizzata" adottata fl-2007. Il-Kummissjoni qiegħda ssaħħaħ il-koordinazzjoni interna bejn is-servizzi u tapprofondizza l-analiżi ta' l-interface tagħhom bejn id-diversità kulturali u politiki Komunitarji oħrajn sabiex issib il-bilanċ it-tajjeb bejn l-għanijiet tal-politiki pubbliċi differenti, li jinkludu l-promozzjoni tad-diversità kulturali, meta jittieħdu deċiżjonijiet jew proposti ta' natura regolatorja jew finanzjarja.

    Il-Kummissjoni għandha tħares l-iskadenzi indikati fil-kalendarju provviżorju għall-proċedura ta' l-għażla u tiżgura l-pubblikazzjoni ta' l-għażla ta' l-applikanti minn qabel peress li bosta entitajiet isegwu s-sena kalendarja. Għalhekk ikun rilevanti li jiġu armonizzati l-ħlas ta' l-għotjiet ta' l-UE u t-twettiq ta' l-attivitajiet ta' l-entitajiet lejn l-aħħar tas-sena kalendarja.

    Il-Kummissjoni qablet max-xewqa li jitqassar it-tul tal-proċeduri għas-sejħa għall-proposti u diġà ħadet passi biex il-proċess għall-għotjiet ta' tħaddim għall-entitajiet attivi fil-qasam tal-kultura jitqassar kemm jista' jkun. Pereżempju, fl-2008 id-deċiżjonijiet għall-għotjiet se jieħdu post il-kuntratti, li għandhom inaqqsu l-proċess b'medja ta' xahar. Użu akbar ta' rati fissi għandu jgħin iħaffef l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet. L-introduzzjoni ta' għotjiet multi-annwali mill-2008 (ara hawn isfel) se jgħinu wkoll jevitaw dewmien fil-ġejjieni.

    Ta' min wieħed isemmi li fatturi oħra bħall-proċedura tal-Komitoloġija (konsultazzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija u d-dritt ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew darba qabel il-pubblikazzjoni tas-sejħiet, u darba oħra qabel l-aħbar tar-riżultati tal-proċess ta' l-għażla) għandhom impatt kbir fuq il-proċess twil ta' l-għażla. Madankollu, il-Kummissjoni qiegħda tfittex li tikseb emenda tal-bażi legali tal-programm Kulturali, li tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta direttament deċiżjonijiet ta' għoti rigward l-għotjiet ta' tħaddim lill-entitajiet attivi fil-qasam tal-kultura. Jekk dan ikun approvat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, il-proċess ta' l-għażla għandu jitnaqqas b'bosta ġimgħat.

    Il-Kummissjoni għandha ttejjeb l-għajnuna għall-benefiċjarji permezz ta' linji ta' gwida għall-għajnuna teknika sabiex tingħata tweġiba omoġenja u jkun hemm reattività aħjar għat-tweġibiet mogħtija lill-benefiċjarji.

    Għandu jiġi osservat li l-ħolqien ta' l-Aġenzija Eżekuttiva, li hi responsabbli mill-implimentazzjoni ta' parti kbira mill-azzjonijiet tal-programm ta' DĠ EAC mill-2006, qiegħed jgħin itejjeb l-effiċjenza u l-effettività globali tat-tmexxija tas-sejħa għall-proposti.

    Mill-bidu tal-ġenerazzjoni ġdida tal-programmi (2007-2013), saru sforzi kemm mill-Kummissjoni u kemm mill-Aġenzija Eżekuttiva biex jgħinu aktar lill-applikanti. Ġew żviluppati bosta għodod u servizzi utli (li jinkludu l-linji ta' gwida prattiċi, l-aktar mistoqsijiet frekwenti, forom eħfef għall-utenti, indirizz elettroniku speċjali, eċċ).

    Barra minn hekk, fl-2007, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva organizzaw żewġ sessjonijiet ta' ġranet ta' tagħrif fi Brussell, fejn l-applikanti rċevew gwida prattika dwar kif iħejju applikazzjonijiet tajbin u kellhom l-opportunità jsaqsu mistoqsijiet. Din l-esperjenza li kellha suċċess se tittenna fil-ġejjieni.

    Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa database għal sorveljanza mill-qrib u tikkonsolida u ssegwi data ta' sorveljanza li tirriżulta mir-rapporti finali.

    Il-Kummissjoni taqbet ma' din l-opinjoni. L-Aġenzija Eżekuttiva żviluppat database ġdida li għandha tippermetti sorveljanza mill-qrib fil-ġejjieni u tħaffef ir-rappurtar fuq azzjonijiet kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

    Viżibbiltà tat-twettiq u r-riżultati

    Il-Kummissjoni ġiet mistiedna ddaħħal kriterji speċifiċi relatati mal-viżibbiltà fil-proċess ta' għażla. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi fuljett lil kull benefiċjarju li jippreżenta l-prassi tajbin tal-benefiċjarji relatati mat-titjib tal-viżibbiltà tat-twettiq u r-riżultati.

    Il-Kummissjoni taqbel bis-sħiħ mal-bżonn li jittejjeb il-livell ta' viżibbiltà u tixrid ta' l-azzjonijiet sostnuti. Fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta' sejħa għall-proposti (Programmi 2007-2013), il-viżibbiltà u t-tixrid tat-twettiq jikkostitwixxu kriterji ta' għoti importanti. Dan ifisser li l-applikanti huma ġġudikati wkoll fuq il-livell ta' viżibbiltà, tixrid u sfruttament ta' l-attivitajiet ippjanati (tip differenti ta' għodod ta' komunikazzjoni użati, kwalità tal-pjan ta' mezzi tax-xandir, għadd ta' persuni li ntlaħqu bl-azzjoni, eċċ).

    Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa wkoll database ġdid (imsejjaħ "EVE") li fuqu se jkun hemm disponibbli għall-pubbliku ħafna tagħrif utli dwar il-proġetti sostnuti.

    Is-sostenibbiltà

    Il-Kummissjoni għandha toffri għotjiet multi-annwali . Jistgħu jiġu proposti għaqdiet ta' għotjiet annwali u multi-annwali, jiddependi min-natura tal-proġett. L-applikanti jistgħu jagħżlu bejn għotjiet annwali jew multi-annwali .

    Il-Kummissjoni hi konxja tax-xewqa li tagħti iżjed stabbilità u sigurtà lill-benefiċjarji li japplikaw għal għotja għat-tħaddim u tagħraf li l-għotjiet multi-annwali għandhom mnejn jgħinu aktar xi entitajiet biex iwettqu l-attivitajiet permanenti tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat il-possibbiltà li toffri għotjiet multi-annwali, filwaqt li tħares id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Għaldaqstant, mill-2008 'l hemm, il-Kummissjoni se toffri lill-applikanti tal-Parti II tal-Programm Kulturali l-possibbiltà li japplikaw jew għal għotja multi-annwali jew għal waħda annwali. Mill-2007 'l hemm, il-Kummissjoni toffri l-possibbiltà lill-entitajiet ta' l-ex-Parti I li japplikaw għal għotjiet multi-annwali fil-kuntest tal-Programm għat-Tagħlim tul il-Ħajja.

    Iż-żamma tar-rekwiżit ta' finanzjament estern baxx (20 % għall-Parti II u 25 % għall-Parti III) li hu addattat għall-partikolaritajiet tas-settur kulturali. Għalkemm l-ammonti kkonċernati mill-prinċipju ta' tnaqqis bil-mod ta' l-għotjiet huma baxxi, l-implimentazzjoni tiegħu għandha valur simboliku, peress li tidher bħala sfurzar mill-benefiċjarji. Il-valutazzjoni sabet li r-relazzjoni bejn il-benefiċċju u l-ispiża ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipji hi negattiva għall-għan immirat .

    Il-Kummissjoni taqbel li meta ssostni lill-entitajiet kulturali (għotjiet ta' tħaddim), ikun mixtieq li tinżamm rata ta' kofinanzjament komunitarja għolja, speċjalment għas-sostenn strutturali. Madankollu, il-prinċipju ta' degressività fir-Regolamenti Finanzjarji ma jistax jiġi evitat għall-għotjiet ta' tħaddim. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tapplika dan il-prinċipju permezz ta' l-aktar rata baxxa possibbli. Fl-2007 u fl-2008, din kienet biss 1 %, u ġiet applikata għar-rata ta' kofinanzjament, aktar milli direttament lill-għotja.

    Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ is-sorveljanza kwalitattiva tul l-implimentazzjoni tal-proġetti, u ttejjeb ir-riżorsi dedikati lill-għarfien tas-settur kulturali u l-partijiet interessati tiegħu fi ħdan id-DĠ EAC u l-Aġenzija Eżekuttiva.

    Il-Kummissjoni taqbel li jkun mixtieq li tkun eqreb mas-settur kulturali b'mod ġenerali, u b'mod partikolari, li jkollha kuntatt akbar ma' l-operaturi kulturali tul l-implimentazzjoni tal-proġett tagħhom. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-possibbiltà li tagħmel aktar żjarat fuq il-post u li tieħu sehem f'ċerti avvenimenti organizzati mill-benefiċjarji ta' l-għotjiet ta' l-UE.

    Fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja globalizzata, il-Kummissjoni qiegħda twaqqaf djalogu strutturat mas-settur kulturali (forums, konferenzi u strutturi oħrajn li jħaffu l-komunikazzjoni).

    IL-KONKLUŻJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

    Il-Kummissjoni taqbel ma' l-evalwazzjoni globali tal-valutatur li l-programm kiseb l-għanijiet ewlenin tiegħu. Għalkemm kien diffiċli li jkun hemm konklużjoni ġenerali fuq livell tal-programm, l-analiżi tat-twettiq u r-riżultati għal kull parti tal-programm juru li l-għanijiet ta' tħaddim tagħhom ġew issodisfatti.

    Għadd ta' netwerks u organizzazzjonijiet kulturali ta' kull daqs u tip - korijiet, mużewijiet, orkestri, teatri, fondazzjonijiet kulturali - irċevew appoġġ mill-programm biex jimplimentaw attivitajiet u proġetti b'dimensjoni Ewropea. Il-Parti III tal-programm iffinanzjat proġetti ta' tifkira b'valur miżjud Ewropew qawwi li ma setgħux jitwettqu mingħajr fondi Ewropej. Il-fatt li l-oqsma kulturali kollha ġew irrappreżentati fost l-attivitajiet tal-benefiċjarji ppermetta lill-pubbliku usa' li jibbenefika minn dawn l-azzjonijiet. Madankollu, il-Kummissjoni tagħraf li hemm potenzjal għal titjib f'termini ta' tixrid u viżibbiltà tar-riżultati.

    Il-valutazzjoni pprovdiet għadd ta' rakkomandazzjonijiet utli. Meta ntemm il-programm ta' qabel, it-tliet partijiet ġew integrati fi tliet programmi differenti. L-emendi li saru lil dawn il-programmi u s-sejħiet għall-proposti mill-2007 diġà jirriflettu l-parir tal-valutatur. Pereżempju, fis-sejħa għall-proposti l-ġdida għall-Kultura, it-Tagħlim tul il-Ħajja u l-programmi għall-Ewropa għaċ-Ċittadini (il-Partijiet I u II), it-tixrid tar-riżultati sar wieħed mill-kriterji ewlenin għall-valutazzjoni tal-kwalità ta' l-applikazzjonijiet u tingħata l-possibbiltà ta' għotjiet multi-annwali.

    [1] ĠU L 138/40 tat-30.04.3004

    [2] 2006/S 122-129441

    Top