Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0177

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-UE sieħba globali għall-iżvilupp - Ngħaġġlu l-progress lejn il-miri ghall-izvilupp ghall-millenju {SEG(2008) 431} {SEG(2008) 432} {SEG(2008) 433} {SEG(2008) 434} {SEG(2008) 435}

    /* KUMM/2008/0177 finali */

    52008DC0177




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 9.4.2008

    KUMM(2008) 177 finali

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    L-UE sieħba globali għall-iżviluppNgħaġġlu l-progress lejn il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millenju

    {SEG(2008) 431}{SEG(2008) 432}{SEG(2008) 433}{SEG(2008) 434}{SEG(2008) 435}

    WERREJ

    1. 2008 – sena kruċjali għall-iżvilupp 4

    2. 46 biljun euro ta’ għajnuna ewropea fl-2007 – Ser nirrispettaw il-wegħdiet tagħna? 6

    3. Għajnuna aktar effikaċi teżiġi bidliet aktar radikali 8

    4. Fokus ewropew ta’ koerenza tal-politika għall-iżvilupp 10

    5. L-għajnuna għal-kummerċ għas-servizz ta’ l-MDGs 11

    6. Il-konklużjoni – Tinħtieġ azzjoni ġdida 13

    Sommarju Eżekuttiv

    Mill-2005, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea qasmu viżjoni komuni ta' l-iżvilupp tradotta permezz tal-Konsensus Ewropew għall-iżvilupp. Il-prinċipji u l-għanijiet identifikati mill-Unjoni jipprovdu qafas għall-isforzi ta' l-għajnuna għall-iżvilupp li jiffokaw l-aktar fuq l-appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istrateġiji tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar, partikolarment permezz tal-promozzjoni ta' l-aċċess għall-edukazzjoni primarja għall-bniet u s-subien, it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa fl-ifqar pajjiżi, l-iżgurar ta' l-aċċess għall-ilma tax-xorb lill-popolazzjonijiet żvantaġġjati jew bl-appoġġ tal-programmi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet u inizjattivi fil-qasam tad-demokrazija u l-governanza tajba.

    Bil-Konferenza ta' Monterray dwar il-finanzjament għall-iżvilupp fl-2002, l-analiżi tal-progress lejn il-Miri għall-Millenju u l-adozzjoni tal-Konsensus Ewropew fl-2005, l-Unjoni Ewropea daħlet f'serje ta' impenji rigward il-volum ta' l-għajnuna, l-effikaċja tagħha u l-koerenza tal-politiki favur l-iżvilupp u l-għajnuna għall-kummerċ. Il-Kummissjoni tiżgura s-segwitu ta' dawn l-impenji fi ħdan l-Unjoni u din il-Komunikazzjoni, kif ukoll id-dokumenti ta' ħidma li jakkumpanjawha, iwieġbu għal dan l-obbligu.

    L-għan hawnhekk hu li tingħata kontribuzzjoni għall-elaborazzjoni ta' pożizzjoni komuni Ewropea, partikolarment fir-rigward tal-laqgħat ta' Accru u ta' Doha[1] u ta' l-avveniment ta' livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2008, u b'hekk jiġi kkonfermat ir-rwol ta' l-Unjoni fix-xena internazzjonali u l-mobilizzazzjoni tagħha favur il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millenju.

    Fir-rigward ta' l-aspett finanzjarju, minkejja li l-Unjoni għadha d-donatur ewlieni u s-sieħba l-iktar importanti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bi sforz ta' għajnuna għal kull Ewropew ta' 93 euros fis-sena, ir-rendikont fl-2007 juri tnaqqis fl-għajnuna.

    L-Istati Membri huma mistiedna biex jikkonfermaw l-impenji politiċi tagħhom u l-miri finanzjarji għall-2010 u l-2015. Għandhom jilħqu l-għanijiet tagħhom rigward il-previdibbiltà ta' l-għajnuna partikolament bit-tfassil ta' kalendarji multiannwali proviżorji affidabbli tal-flussi finanzjarji tagħhom.

    Rigward l-għajnuna għall-kummerċ, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-isforzi tagħhom u jżidu b'mod kollettiv l-assistenza teknika tagħhom, b'tali mod li jilħqu l-għanijiet iffissati għall-2010.

    Fl-aħħarnett, l-Istati Membri huma mistiedna li jkomplu r-riċerka tar-riżorsi innovattivi biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet xierqa biex iwieġbu għall-effetti tat-tibdil fil-klima.

    Fil-qasam ta' l-effikaċja ta' l-għajnuna, minħabba li l-Unjoni tirrikonoxxi li l-iżvilupp jiddependi kemm mill-volum ta' l-għajnuna u kemm mill-kwalità tagħha, sar progress partikolemetn bl-adozzjoni ta' l-oqsfa politiċi u tekniċi fl-2007 (eż. kodiċi ta' kondotta dwar il-qsim tax-xogħol, kofinanzjament Kummissjoni/Stati Membri, previdibbiltà ta' l-ammonti minfuqa). Manadnkollu, dawn ma kienux biżżejjed biex jagħmlu differenza.

    Illum il-Kummissjoni qed tipproponi li taħdem attivament għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji abbażi ta' proposti konkreti li kienet għamlet. L-Unjoni għandha tadotta pożizzjoni ambizzjuża f'Accra sabiex tippromwovi qsim reali tax-xogħol, iktar għajnuna baġitarja u approċċ inklużiv li jiffavorixxi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u li jinvolvi lis-soċjetà ċivili u lill-gvernijiet lokali, kemm fl-Ewropa u kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-isforzi ta' l-effikaċja li diġà bdew biex jiżguraw il-komplimentarjetà u l-kwalità ta' l-għajnuna Ewropea fil-qasam ta' l-għajnuna għall-kummerċ għandhom jiżdiedu wkoll fil-futur. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu sforz maġġuri ta’ previżjoni ta’ l-għajnuna għall-kummerċ, partikolarment fil-pajjiżi ACP, u biex jingħaqdu magħha biex jippreparaw, sa l-aħħar tas-sena, “pakketti Ewropej ta’ għajnuna għall-kummerċ” u biex iwaqqfu l-Fondi reġjonali b’appoġġ għall-APE u għall-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali meta r-reġjuni ACP konċernati jkunu jixtiequ dan.

    F'termini tal-koerenza tal-politiki, l-Unjoni tinsab fuq quddiemnett u tinteressa ruħha partikolarment fl-effetti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-Miri għall-Millenju tal-politiki Ewropej fi tnax-il qasam ewlieni (pereżempju, fil-qasam tal-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd, l-ambjent, is-sigurtà). Tliet oqsma ta' politika b'potenzjal ta' żvilupp qawwi (il-politiki klimatiċi u enerġetiċi, il-migrazzjonijiet u r-riċerka) huma analizzati u huma fformulati proposti konkreti biex jissaħħu s-sinerġiji bl-għanijiet ta' l-iżvilupp ta' l-Unjoni.

    Is-sena 2008 għandha tirrappreżenta punt ta' bidla fl-azzjoni ta' l-UE għall-iżvilupp. L-UE tista’ u għandha tagħmel id-differenza; din trid tagħti sinjal politiku ċar u b’hekk tirrispondi għall-isforzi tal-pajjiżi sħab.

    Matul il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, l-Istati Membri huma mistiedna li jadottaw pożizzjoni politika u ambizzjuża.

    L-Ewropa għandha, iktar minn qatt qabel, timmobilizza u tgħaqqad l-isforzi tagħha biex ittejjeb b'mod radikali l-kundizzjonijiet tal-ħajja ta' popolazzjonijiet sħaħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    1. 2008 – SENA KRUċJALI GħALL-IżVILUPP

    L-2008 ser tkun sena kruċjali għall-iżvilupp. Diversi avvenimenti ta’ livell għoli ser ibiddlu l-Miri għall-Iżvilupp għall-Millenju (MDGs) fi prijorità politika. Il-konferenza ta’ Accra[2] ser teżamina l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-effikaċja ta’ l-għajnuna adottata fl-2005. Is-Samit ta’ Doha[3] ser iservi bħala tkomplija ta’ l-impenji li ttieħdu matul il-konferenza ta’ Monterrey fl-2002 dwar il-finanzjament ta’ l-iżvilupp. L-avveniment ta' Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru għandu jsaħħaħ id-determinazzjoni ta' l-azzjoni tal-komunità internazzjonali biex jintlaħqu l-għanijiet sa l-2015.

    L-2008 ser tkun ukoll sena kruċjali għall-kredibilità ta’ l-Ewropa. Fl-2005 ittieħdu impenji storiċi fir-rigward tal-volum u tal-kwalità ta’ l-għajnuna. Dawn iridu jiġu rrispettati. Din hija kwistjoni ta’ responsabilità individwali u kollettiva ta’ l-Unjoni fil-ġlieda tagħha kontra l-faqar.

    Wara l-adozzjoni tal-Konsensus Ewropew għall-Iżvilupp fl-2005[4], li jiffoka fuq l-MDGs u t-tneħħija tal-faqar fil-kuntest ta’ l-iżvilupp sostenibbli, l-Unjoni ħadet inizjattivi importanti biex ikun hemm progress fl-aġenda ta’ l-iżvilupp. F’Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew[5] stieden lill-Kummissjoni biex tipprepara rapport dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni lill-MDGs. Din il-komunikazzjoni u d-dokumenti ta’ ħidma mehmuża magħha jirrispondu għal din l-istedina. Dawn janalizzaw l-istat tar-rabtiet u jidentifikaw il-bidliet neċessarji sabiex jitħaffef il-progress fit-twettiq ta’ l-MDGs.

    Il-komunità internazzjonali impenjat ruħha dwar grupp ta’ miżuri: il-pajjiżi żviluppati, biex iżidu l-għajnuna tagħhom u l-effikaċja ta’ din; il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimplimentaw il-politika bbażata fuq l-MDGs u biex jikkoordinaw b’mod aktar effikaċi l-appoġġ estern. Filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol ċentrali tal-pajjiżi sħab, il-possibilità li jintlaħqu l-MDGs jiddependu fil-parti l-kbira mill-volum, iżda daqstantieħor importanti wkoll, mill-effikaċja ta’ l-għajnuna.

    Sar progress sinifikanti f’ċerti pajjiżi u reġjuni, imma t-tnaqqis tal-faqar tad-dinja bin-nofs għadu l-bogħod milli jkun realtà. 11-il miljun tifel u tifla għadhom imutu kull sena b'mard li jitfejjaq, li fil-maġġoranza tagħhom lanqas għandhom 5 snin. Persuna waħda f'erbgħa m'għandhiex aċċess għall-ilma tax-xorb. 114-il miljun tifel u tifla għad m'għandhomx aċċess għall-edukazzjoni primarja. 584 miljun mara illum huma illitterati. L-Afrika ta’ taħt is-Saħara għadha lura ħafna. F’postijiet oħra, partikolarment l-Asja t’Isfel, diversi gruppi jibqgħu esklużi mill-benefiċċji tat-tkabbir.

    Ġew żviluppati inizjattivi ġodda, partikolarment dik tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-MDGs fl-Afrika[6] jew “Is-sejħa għall-azzjoni” għall-MDGs[7]. Is-sħubija UE-Afrika dwar l-MDGs, adottata matul is-Samit ta’ Liżbona[8], ser toffri wkoll qafas ġdid ta’ djalogu u ta’ azzjoni.

    L-UE kellha, u għad għandha, rwol ta’ tmexxija, mhux biss minħabba li 90% tat-tkabbir ta’ l-għajnuna mwiegħda ser tiġi minn pajjiżi Ewropej, imma wkoll minħabba li l-Unjoni impenjat ruħha biex tirriforma bis-sħiħ is-sistema tagħha ta’ għajnuna bilaterali u Komunitarja. Minbarra l-għajnuna, l-UE ddeċidiet li tassigura l-koerenza tal-politika tagħha fir-rigward tal-miri għall-iżvilupp. Il-politika Ewropea f’oqsma varji bħalma huma l-kummerċ, is-sigurtà, l-emigrazzjoni jew l-ambjent, issa hija analizzata mill-angolu ta’ l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp u l-opportunitajiet li din toffri biex tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-MDGs.

    L-MDGs isejħu għal sforz sostnut għal żmien twil. L-UE trid timmira għal ambizzjonijiet għolja matul il-konferenzi ta’ Accra u ta’ Doha. Hi trid timmobilizza wkoll l-appoġġ tal-Komunità Internazzjonali fis-Samit tal-G8 kif ukoll matul l-avveniment ta' Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru. Dan huwa kemm test ta’ kredibilità għall-komunità internazzjonali u għall-UE, u kemm opportunità biex tiġi apprezzata t-triq li għad irridu nimxu minn issa sa l-2015.

    L-isfidi globali l-ġodda, partikolarment it-tibdil fil-klima, jippreżentaw theddida addizzjonali maġġuri għall-iżvilupp sostenibbli. L-opinjonijiet pubbliċi Ewropej qed isiru aktar konxji tal-fatt li l-Unjoni, f’kuntest ta’ globalizzazzjoni mgħaġġla, tista’ biss tilħaq il-miri interni tagħha billi taġixxi b’mod magħqud u koerenti fix-xena internazzjonali.

    L-istrumenti u l-qafas politiku huma għad-dispożizzjoni ta’ l-Ewropa. Huwa urġenti li ngħaddu mir-retorika għall-azzjoni.

    Is-sena 2008 għandha tirrappreżenta punt ta' bidla fl-azzjoni ta' l-UE għall-iżvilupp. L-Ewropa għandha, iktar minn qatt qabel, tgħaqqad il-forzi tagħha biex ittejjeb b'mod radikali l-possibilitajiet li tilħaq l-MDGs, billi taġixxi fuq il-volum ta' l-għajnuna, l-effikaċja ta' l-għajnuna u l-koerenza tal-politiki favur l-iżvilupp. L-Ewropa għandha toħloq id-dinamika li tistimola l-isforz internazzjonali f'termini ta' azzjonijiet speċifiċi.

    2. 46 BILJUN EURO TA’ GħAJNUNA EWROPEA FL-2007 – SER NIRRISPETTAW IL-WEGħDIET TAGħNA?

    L-għajnuna Ewropea trid terġa’ ssib dinamika ġdida

    Għat-tieni sena konsekuttiva, qed nassistu għal tnaqqis globali tal-volum ta' l-għajnuna għall-iżvilupp tal-komunità internazzjonali. Minkejja l-mobilizzazzjoni politika qawwija lejn il-Miri għall-Millenju, huwa ċar li l-komunità internazzjonali tad-donaturi qed issib diffikultajiet biex iżżomm l-impenji tagħha.

    Għall-ewwel darba, l-UE hija parti minn din ix-xejra negattiva. Minkejja li huwa minnu li ċerti Stati Membri żammew jew tejbu r-rekords tagħhom fl-2006, ix-xejra kollettiva qabdet it-triq tan-niżla. Espress f’euro u f’perċentwali tad-dħul gross nazzjonali, l-isforz ta’ l-għajnuna Ewropea fl-2007 laħaq 0.38%, meta mqabbel ma' 0.41% fl-2006. Minkejja dan, l-Ewropa għadha l-akbar donatur fid-dinja u partikolarment fl-Afrika u għadha l-mutur tat-tkabbir ta’ l-għajnuna.

    L-Ewropa trid u għandu jkollha rwol ewlieni biex terġa' timmobilizza l-komunità internazzjonali, partikolament matul il-konferenza ta' Doha f'Diċembru. Biex tagħmel dan, l-Ewropa għandha terġa' tikkonferma r-rieda tagħha li tilħaq l-għan kollettiv ta' 0.56% fl-2010, biex tilħaq 0.7% fl-2015. M'għandniex bżonn ta' wegħdiet ġodda iżda għandna nittraduċu l-impenji eżistenti f'riżultati tanġibbli. Aġenda ta' azzjonijiet bħal din tista' terġa' tafferma l-impenji ta' għajnuna ta' l-Unjoni u tiddefinixxi l-passi u l-azzjonijiet speċifiċi biex jintlaħqu l-MDGs, fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, l-ilma, l-agrikoltura, it-tkabbir ekonomiku u l-infrastrutturi. Dan jeħtieġ it-tiġdid tar-rieda politika ta’ l-Istati Membri kollha u għarfien li l-iżvilupp illum huwa l-aħjar risposta fuq tul ta’ żmien għall-isfidi tal-globalizzazzjoni kemm jekk qed nitkellmu dwar l-emigrazzjoni, is-sigurtà, is-sistemi finanzjarji u fiskali, il-ħarsien tar-riżorsi naturali tal-pjaneta jew l-istabilità internazzjonali.

    Inkunu serji dwar il-previdibilità ta’ l-għajnuna

    Skond il-wegħdiet politiċi, huwa imperattiv li l-pajjiżi sħab jingħataw il-previdibilità li għandhom bżonn biex jippjanaw l-istrateġiji tagħhom, il-prijoritajiet tagħhom u l-azzjonijiet tagħhom. Għajnuna anqas inċerta u aktar previdibbli hija neċessarja wkoll għall-istabbiltà makro-ekonomika. Il-previdibilità ta’ l-għajnuna titqies fuq livelli differenti: il-flussi ta’ l-għajnuna; il-programmi pluriannwali; u l-ammonti minfuqa.

    Għal kull wieħed minn dawn il-livelli, il-Kummissjoni għamlet xi proposti:

    - F’dak li jikkonċerna l-previdibilità tal-fluss ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni tinsisti fuq in-neċessità imperattiva li jintużaw kalendarji pluriannwali, ambizzjużi imma realistiċi, li jippermettu li titkejjel iż-żieda gradwali tal-baġits ta’ l-għajnuna minn issa sa l-2010 u l-2015 ta’ kull Stat Membru. Ir-riżultati ta' l-2007 għandhom jitqiesu minn din il-perspettiva.

    - F’dak li jikkonċerna l-programmazzjoni ta’ l-għajnuna, numru dejjem jikber ta’ Stati Membri qed jadottaw dokumenti ta’ strateġija li jagħtu lill-pajjiż imsieħeb indikazzjoni tar-riżorsi f’perspettiva ta’ żmien medju. Dan huwa pożittiv. Min-naħa l-oħra, ir-rieda li jiġu stabbiliti dawn id-dokumenti ta’ strateġiji f’kuntest ta’ programmazzjoni konġunta kkonkretizzat ruħha biss b’mod marġinali. Jekk l-analiżi konġunta ġiet imwettqa f’diversi pajjiżi, strateġija reali ta’ rispons konġunt ġiet implimentata biss fl-Afrika t’Isfel, fi Sierra Leone, u fis-Somalja; ix-xogħolijiet qed ikomplu f’Ghana u f’Mali. B'kollox, bħalissa qed jipparteċipaw 13-il Stat Membru fi provi ta’ programmazzjoni konġunta. Ir-reviżjoni fit-terminu medju tad-dokumenti ta’ strateġija għal kull pajjiż fl-2009 u l-2010 ser toffri opportunitajiet ġodda f'dan ir-rigward.

    - Il-previdibilità ta’ l-ammonti minfuqa hija ċentrali fl-aġenda ta’ Accra u fil-qafas ta’ l-inizjattiva ta’ Ban Ki-Moon. Huwa f’dan l-ispirtu u biex tirrispondi għall-istedin tal-Kunsill u ta’ l-Istati Membri li l-Kummissjoni pproponiet il-kuntratt MDG li jippermetti li l-pajjiżi li l-aktar qed jagħtu riżultati jingħataw livell minimu annwali ta’ għajnuna għal baġit fuq perjodu ta’ sitt snin. L-Istati Membri ħadu impenji[9] f’dan ir-rigward. Il-proposta tal-kuntratt MDG hija l-unika waħda li tikkorrispondi għal dawn id-deċiżjonijiet.

    Il-bżonn ta’ sforz ġust

    L-UE u s-sħab tagħha jeħtieġ li jkollhom dibattitu serju dwar kif jistgħu jaqsmu dan il-piż fuq livell internazzjonali. L-UE hija bla dubju ta' xejn id-donatur l-aktar ġeneruż, partikolarment meta jitqiesu l-impenji tal-G8 fi Gleneagles, u b’hekk tista’ tkun responsabbli għal 90% tat-tkabbir ta’ l-għajnuna fuq il-perjodu 2007-2010. L-Unjoni trid tuża l-piż politiku tagħha kollu biex tikkonvinċi lill-imsieħba tradizzjonali, li huma l-Istati Uniti jew il-Ġappun partikolarment, u l-pajjiżi emerġenti (iċ-Ċina, l-Indja, il-Korea t’Isfel, il-Brażil) li r-rwol tagħhom ser jikber, li jassumu tqassim ġust ta’ l-isforz favur l-iżvilupp.

    Ir-risposta għall-isfida maġġuri tat-tibdil fil-klima

    Id-dinja qed tgħix paradoss tal-biża' fejn l-aktar pajjiżi fqar, l-aktar vulnerabbli m’humiex responsabbli għall-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima, imma huma l-aktar effetwati. Il-klima ma tagħtix każ il-fruntieri, il-kontinenti u d-differenzi bejn it-Tramuntana u Nofsinhar[10]. Il-komunità internazzjonali għandha responsabilitajiet partikolari biex tgħin lil dawn l-Istati biex jimpenjaw ruħhom lejn tkabbir iktar ekonomiku fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra u biex jadattaw ruħhom, kif rifless fil-ftehim konkluż f’Bali għall-bidu tan-negozjati bil-ħsieb ta’ ftehim globali fuq it-tibdil fil-klima fit tmiem ta’ l-2009.

    Dan huwa wieħed mill-għanijiet li ffissat l-Unjoni meta aċċettat il-proposta tal-Kummissjoni li tibni Alleanza dinjija kontra t-tibdil fil-klima, u permezz ta’ inizjattivi bilaterali u reġjonali ma’ l-Amerika Latina u l-Asja. Irridu nħaddmuha, b’mod organizzat. Il-Kummisjsoni tapprova f’dan il-kuntest il-ħidmiet tal-kummissjoni internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, maħluqa mill-gvern Żvediż, li magħha nkunu nistgħu, fil-qafas ta’ l-UE, naqsmu l-konklużjonijiet.

    Il-Kummissjoni, konvinta li l-finanzjament tal-politika dwar il-klima fil-pajjiżi sħab ma jistax iseħħ biss mill-għajnuna pubblika għall-iżvilupp, qed tistudja, f’konsultazzjoni mal-Bank Dinji, l-idea ta’ self dinji li jista’ juża r-riżorsi marbuta mas-suq futur tal-faħam permezz tal-bejgħ b’irkant tad-drittijiet għall-emissjonijiet. Ir-riskju huwa konsiderevoli. Ir-risposta tista’ biss tkun kollettiva.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni terġa' ssostni l-importanza li qed tagħti lill-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-istrateġiji ta’ kooperazzjoni, kif ukoll għall-koordinazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ l-għajnuna ta’ l-UE għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri skond l-impenji tal-Konsensus Ewropew għall-iżvilupp u tal-Konsensus Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja[11].

    L-Istati Membri huma mistiedna biex jikkonfermaw l-impenji politiċi tagħhom u l-miri finanzjarji għall-2010 u l-2015. L-Istati Membri huma wkoll mistiedna li jbiddlu f’realtà l-impenji li ttieħdu fir-rigward tal-previdibilità ta’ l-għajnuna fit-tliet livelli proposti mill-Kummissjoni billi fost l-oħrajn tiżviluppa kalendarji pluriannwali li jiddeskrivu ż-żieda ta' l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp. Huma mistiedna li jkomplu r-riċerka tar-riżorsi innovattivi biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima.

    3. GħAJNUNA AKTAR EFFIKAċI TEżIġI BIDLIET AKTAR RADIKALI

    Huwa imperattiv li t-tkabbir tar-riżorsi jkollu miegħu l-mekkaniżmi ta’ l-implimentazzjoni l-aktar effikaċi. Kieku l-irduppjar ta’ l-għajnuna lill-Afrika kellu jittraduċi ruħu fl-irduppjar tan-numru tal-proġetti, is-sitwazzjoni ma tkunx tista’ tiġi amministrata. Ta' kull sena t-Tanzanija trid tipproduċi 2400 rapport għad-donaturi. Fil-Mali, iktar minn 26 donatur huma attivi fis-settur ta' l-iżvilupp rurali biss.

    L-arkitettura internazzjonali ta’ l-għajnuna ma tieqafx milli ssir aktar kumplessa, permezz tal-ħolqien ta’ strutturi vertikali bħalma huma l-fondi u l-programmi globali, u permezz tal-wasla ta’ atturi ġodda pubbliċi u privati, li sikwit jintervjenu barra mill-kodiċi stabbiliti u l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni eżistenti.

    Dan kollu jirrikjedi għajnuna aktar armonizzata u allinjata sew fuq il-pajjiżi msieħba. Hawn m’aħniex qed nitrattaw proċeduri, imma fatt kwalitattiv, tassew bidla fil-kultura.

    L-UE, li kellha rwol kruċjali fl-2005 għall-adozzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ Pariġi u fis-Samit tan-Nazzjonijiet Uniti, għandha responsabilità partikolari llum. Din trid tkompli tkun il-forza ewlenija ta’ dan il-proċess globali. Madankollu, tliet snin wara, minkejja ċertu suċċess reali, il-“massa kritika” sabiex tirnexxi din ma ntlaħqitx; l-atturi kollha għadhom mhux qed jutilizzaw l-għodda l-ġodda.

    L-avveniment ta’ Accra ser ikun determinanti. Il-miri tagħna ser jirduppjaw. Aħna rridu nirrappurtaw dwar dak li twettaq, id-diffikultajiet li ltqajna magħhom u l-kawżi tagħhom, imma wkoll is-suċċessi u l-esperjenzi li rnexxew. Dan ser nagħmluh kemm fir-rigward ta’ l-indikaturi ffissati mid-dikjarazzjoni ta’ Pariġi, u kemm ta’ l-impenji addizjonali meħuda mill-UE. Imma Accra ma tistax tinġabar f’bilanċ sempliċi. Id-dikjarazzjoni ministerjali ( “Accra Agenda for Action ”) trid tkun ambizzjuża u jkollha viżjoni.

    Jinħtieġ li l-kunċetti u l-impenji politiċi jgħaddu għal twettiq konkret. Biex dan isir, erba’ mistoqsijiet jinħtieġu risposta kuraġġuża:

    - Id-diviżjoni tax-xogħol trid issir realtà. Il-Kodiċi tal-Kondotta adottat f’Mejju 2007, li ftit li xejn qed jiġi applikat, irid jiġi implimentat b’mod aktar attiv li jimplika parteċipazzjoni mill-atturi kollha, inkluż l-operaturi ta’ l-UE fil-qasam. Il-Kummissjoni ser tagħmel proposti konkreti għal kull pajjiż.

    - Id-donaturi jridu jużaw is-sistemi tal-pajjiżi, partikolarment kif għamlet il-Kummissjoni biż-żieda tal-parti ta’ l-għajnuna tal-baġit ġenerali u settorjali[12].

    - Il-ġestjoni permezz tar-riżultati timponi li jinħaseb mill-ġdid il-mod li bih il-kundizzjonijiet tagħna jiġu maħsuba u applikati.

    - Il-previdibilità trid tiġi assigurata fil-livell tal-fluss, tal-programmazzjoni u ta’ l-ammonti minfuqa.

    Barra minn dan:

    - Wieħed mill-istrumenti għal effikaċja aħjar ta' l-għajnuna u informazzjoni trasparenti ta' l-azzjoni u tar-riżultati tad-donaturi fil-qasam hu l-Atlas żviluppat mill-Kummissjoni mill-2005. Fl-2008 il-Kummisjsoni ser tippreżenta Atlas tad-donaturi ġdid, Atlas tas-sitwazzjonijiet ta’ fraġilità, u diversi Atlas reġjonali. Atlas għal suġġetti differenti jew għal sottoreġjuni ser jiġu prodotti regolarment (pereżempju kull 6 xhur) biex iħeġġu d-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet fil-livell ta’ l-UE fuq il-qsim tax-xogħol.

    - Il-prattika tal-kofinanzjament trid tkompli tinfirex. Il-kofinanzjament Komunitarju kellu anqas suċċess mill-kofinanzjament bilaterali, imma għandu jerġa’ jara żieda fl-interess wara l-impenji li ttieħdu fil-qafas regolamentari. F’dan il-qasam, l-ostakoli huma magħrufa, kif ukoll is-soluzzjonijiet. Jinħtieġ li dawn jiġu implimentati mingħajr dewmien.

    L-UE issa ssaħħet bi 12-il stat li għadhom ma assoċjawx ruħhom bis-sħiħ għall-preparazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ Pariġi u li jistgħu jagħtu kontribuzzjoni essenzjali, fuq il-bażi ta’ l-esperjenza tagħhom ta’ tranżizzjoni u meta dawn jirċievu l-għajnuna pubblika[13]. Dawn jistgħu jgħinu lill-UE biex tagħmel differenza f’Accra.

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) kienu “l-element nieqes” tad-dikjarazzjoni ta’ Pariġi. Id-diversità tar-rwoli ta’ l-CSOs hija l-forza tagħhom. Is-soċjetà ċivili hija attur ta’ l-iżvilupp bis-sħiħ. Jaqbel li din tiġi inkluża fil-proċess, li tiġi sostnuta fl-isforzi tagħha biex tiddefinixxi l-prinċipji tagħha ta’ l-effikaċja ta’ l-għajnuna.

    Dan japplika wkoll għall-gvernijiet lokali, li jesprimu dejjem aktar ix-xewqa tagħhom li jsiru parti permanenti u atturi ta’ l-iżvilupp. Dan jitratta wkoll dimensjoni ġdida tal-politika ta’ l-iżvilupp, li jinħtieġ li nesploraw. F'dan is-sens, l-esperjenza miksuba permezz tal-politika Ewropea ta' l-iżviliupp reġjonali fil-qasam tat-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali u territorjali ta' l-iżivlupp ekonomiku tista' tkun sors ta' ispirazzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġenda ta’ l-effikaċja ta’ l-għajnuna trid tintegra wkoll il-problema tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tal-fraġilità.

    Iil-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala dritt fundamentali tal-bniedem u bħala strateġija għas-servizz tat-twettiq tal-MDGs trid issib il-post tagħha fl-aġenda ta’ l-effikaċja.

    Il-Kunsill huwa mistieden li jadotta pożizzjoni ambizzjuża ta’ l-UE fl-Accra għal qsim reali tax-xogħol, jiġifieri għajnuna tal-baġit, aktar previdibilità u strateġija inklużiva li timplika s-soċjetà ċivili, il-gvernijiet lokali u l-ugwaljanza bejn is-sessi. L-UE tista’ u għandha tagħmel id-differenza; din trid tagħti sinjal politiku ċar u b’hekk tirrispondi għall-isforzi tal-pajjiżi sħab.

    4. FOKUS EWROPEW TA’ KOERENZA TAL-POLITIKA GħALL-IżVILUPP

    L-għajnuna hija indispensabbli, imma din m’hix biżżejjed. Il-prinċipju tal-koerenza tal-politika adottat mill-UE huwa prinċipju ta’ effikaċja u prinċipju morali. L-impatt tal-politika tal-ġlieda kontra l-faqar li l-Ewropa qed tmexxi favur l-aktar popolazzjonijiet fil-bżonn ma tistax tiġi mhedda mill-effetti ta’ politiki oħra Ewropej. Kull waħda mid-deċiżjonijiet tal-politiki Ewropej trid tikkunsidra l-effetti tagħha fuq il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millenju.

    L-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ il-koerenza fi tnax-il qasam li għandhom impatt potenzjali importanti fuq l-MDGs. Huwa meħtieġ kemm li jkun hemm prevenzjoni, permezz ta’ analiżi ta’ l-impatt, kemm ta’ korrezzjoni permezz ta’ riformi adattati, bħalma sar għall-politika agrikola jew għas-sajd, u li ssir riċerka tas-sinerġiji biex l-aktar pajjiżi foqra jkunu jistgħu japprofittaw mill-opportunitajiet li joffru l-politiki Ewropej[14].

    Din l-istrateġija tal-prinċipju ta’ koerenza tippermetti lill-Unjoni li timmultiplika l-kontribuzzjoni tagħha lill-MDGs.

    L-UE ser issaħħaħ l-isforzi tagħha sabiex l-MDGs ikunu koerenti ma’ l-oqsma kollha identifikati fl-2005. Barra minn dan, il-Kummissjoni studjat il-marġini taċ-ċaqliq li jista’ jinbeda fuq tliet temi speċifiċi, jiġifieri:

    - il-politika fil-qasam ta’ l-enerġija li tiġġedded u partikolarment il-bijokarburati fil-qafas tal-politika tal-klima u ta’ l-enerġija. L-UE trid tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipparteċipaw fl-opportunitajiet li qed joffri s-suq tal-bijokarburanti biex jiġġieldu kontra l-faqar, filwaqt li jżommu sorveljanza stretta fuq l-impatti li din il-politika jista’ jkollha, partikolarment fil-qasam tal-produzzjoni ta’ l-ikel, ta’ l-użu ta' l-art u ta' l-ambjent. Dan jimplika monitoraġġ regolari li jgħaqqad bis-sħiħ id-dimensjoni żvilupp, ir-rispett tal-kriterji tas-sostenibilità, il-promozzjoni tal-kummerċ tal-bijokarburanti, partikolarment ma’ l-aktar pajjiżi fqar, ir-riċerka u t-trasferimenti tat-teknoloġija;

    - il-politika ta’ l-emigrazzjoni u l-problema ta’ brain drain , problema partikolarment importanti f’setturi bħas-saħħa, l-edukazzjoni jew ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-Kummissjoni qed tipproponi programmi ta’ “taħriġ għall-esplorazzjoni”, it-titjib tad-drittijiet – partikolarment soċjali – tal-ħaddiema li jerġgħu lura fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, u ftehim dwar l-impjieg bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jamministraw ir-reklutaġġ filwaqt li jħarsu s-setturi vulnerabbli. Fl-aħħarnett, jaqbel li jiġu esplorati skemi differenti ta’ ċittadinanza, biex jissaħħu r-rabtiet ta’ l-imigranti mal-pajjiż li jilqagħhom u l-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom;

    - il-politika tar-riċerka. Il-Kummissjoni ser tipproponi strateġija komuni ta’ riċerka għall-iżvilupp lill-Kunsill sabiex tikkoordina aħjar l-isforzi Ewropej f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni tintrabat, bħala l-ewwel pass ta' din l-istrateġija, li tinkuraġġixxi permezz tas-7 Programm Qafas parteċipazzjoni ikbar taċ-ċentri ta' riċerka tal-pajjiżi fqar, u li tkattar l-attivitajiet ta' riċerka fl-oqsma partikolarment utli biex tikkontribwixxi għall-MDGs (partikolarment ir-riċerka agronomika, is-saħħa, inkluża r-riċerka fuq il-mard relatat mal-faqar u injorat, is-sistemi pubbliċi tas-saħħa u s-saħħa riproduttiva, il-migrazzjoni, l-enerġiji li jiġġeddu, l-ilma u l-iżvilupp sostenibbli). Dawn l-inizjattivi jrid ikollhom magħhom miżuri ta’ għajnuna mmirati biex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka fejn dan ikun neċessarju.

    Il-Kunsill huwa mistieden biex jippromwovi l-prinċipji ta’ koerenza tal-politika għall-iżvilupp fil-qafas ta’ l-aġenda internazzjonali għall-MDGs u l-effikaċja ta’ l-għajnuna. Il-Kunsill huwa wkoll mistieden li jiddikjara ruħu dwar l-orjentazzjonijiet tal-politika maħsuba biex jużaw il-potenzjal ta’ l-iżvilupp fil-qasam tal-bijokarburanti, ta’ l-migrazzjoni u tar-riċerka.

    5. L-GħAJNUNA GħAL-KUMMERċ GħAS-SERVIZZ TA’ L-MDGS

    L-UE hija l-ewwel sieħba fost il-pajjiżi żviluppati li waqqfet strateġija ta’ għajnuna għall-kummerċ[15]. Dan huwa stadju maġġuri li għandu jippermetti lill-UE biex tilħaq il-miri finanzjarji li hi ffissat għaliha nnifisha fil-qasam u li tapplika b’mod konkret f’dan il-qasam il-prinċipji ta’ l-effikaċja ta’ l-għajnuna.

    L-UE impenjat ruħha b’mod kollettiv biex tiddedika 2 biljun euro minn issa sa l-2010 (biljun għall-Komunità, biljun għall-Istati Membri) għall-għajnuna teknika għall-kummerċ u biex tkabbar l-għajnuna tagħha fl-oqsma l-oħra (kapaċitajiet tal-produzzjoni, infrastrutturi). Tingħata prijorità lill-Istati ACP minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħhom u għall-isfidi li jirrapreżentaw il-Ftehimiet tas-Sħubija Ekonomika matul in-negozjati ma’ l- UE: 50% taż-żieda ta’ l-assistenza teknika għall-kummerċ ser tiġi allokata għall-pajjiżi ACP.

    Lil hinn mid-dimensjoni finanzjarja, il-prinċipju ta’ l-effikaċja, partikolarment l-allinjament u l-parteċipazzjoni mill-pajjiżi sħab, jikkostitwixxi l-pilastru l-ieħor ta’ l-istrateġija.

    Għalkemm din l-istrateġija ġiet adottata biss reċentement, ir-rapport tal-monitoraġġ tal-Kummissjoni juri riżultati inkoraġġanti imma kuntrastanti.

    L-għajnuna għall-kummerċ hija integrata fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea. Globalment, fl-2006, l-għajnuna teknika għall-kummerċ mogħtija mill-Istati Membri laħqet 641 miljun euro li magħhom tiżdied għajnuna Komunitarja ta’ 941 miljun euro, jiġifieri kważi 60% tat-total. Għalhekk il-Komunità prattikament diġà rrispettat l-impenn li tilħaq biljun euro fis-sena. Min-naħa tagħhom, biex jilħqu kollettivament il-biljun previst, l-Istati Membri ser ikollhom iżidu l-għajnuna teknika tagħhom b’56% sa l-2010. Dan l-għan jista’ jintlaħaq imma jinħtieġ sforz kontinwu.

    L-għajnuna għall-kummerċ globali ta’ l-UE (li tinkludi l-għajnuna teknika għall-kummerċ, il-kapaċitajiet produttivi u l-infrastrutturi) min-naħa tagħha żdiedet b’mod sinifikanti biex laħqet 7.279 biljun euro fl-2006.

    F’dak li jikkonċerna t-tbassir madankollu, huwa ta’ tħassib li 6 Stati Membri biss huma f’pożizzjoni li jippreżentaw it-tbassir taż-żieda ta’ l-għajnuna teknika tagħhom għall-kummerċ sa l-2010 u li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jikkonferma jekk l-għan biex jiġu allokati lill-Istati ACP 50% tat-tkabbir ta’ l-għajnuna jistax jinżamm. Il-programmi reġjonali ta’ l-10 EDF ser ikunu ċ-ċans għall-Istati Membri biex jagħmlu dan billi jistabbilixxu l-previżjonijiet tagħhom ta’ appoġġ biex ikunu ta’ suppliment għall-għajnuna Komunitarja.

    Fil-kwistjoni tal-kwalità ta’ l-għajnuna Ewropea għall-kummerċ, ir-rapport tal-monitoraġġ juri intenzjonijiet tajba biex isir progress fil-koordinazzjoni u l-komplimentarjetà. Disa’ Stati Membri diġà ġew impenjati f’analiżi komuni tas-sitwazzjoni kummerċjali u sebgħa minnhom fi proċess ta’ programmazzjoni komuni. Sitt Stati Membri u l-Kummissjoni, li flimkien jirrappreżentaw 83% ta’ l-għajnuna għall-kummerċ ta’ l-UE, diġà applikaw il-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill[16].

    Il-Kunsill huwa mistieden li jirrakkomanda lill-Istati Membri li jsostnu l-isforzi tagħhom u li jkabbru kollettivament l-għajnuna teknika tagħhom għall-kummerċ, b’mod li fl-2010 jintlaħaq livell superjuri b’56% għal dak ta’ l-2006 sabiex jiġu rrispettati l-miri finanzjarji ffissati, kif ukoll biex jiżdiedu l-isforzi diġà mibdija biex jiġu assigurati l-komplimentarjetà u l-kwalità ta’ għajnuna Ewropea.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu sforz maġġuri ta’ previżjoni ta’ l-għajnuna għall-kummerċ, partikolarment fil-pajjiżi ACP, u biex jingħaqdu magħha biex jippreparaw, sa l-aħħar tas-sena, “pakketti Ewropej ta’ għajnuna għall-kummerċ” u biex iwaqqfu l-Fondi reġjonali b’appoġġ għall-APE u għall-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali meta r-reġjuni ACP konċernati jkunu jixtiequ dan.

    6. IL-KONKLUżJONI – TINħTIEġ AZZJONI ġDIDA

    Il-Kunsill u l-Istati Membri magħquda fi ħdan il-Kunsill huma mistiedna biex jaderixxu mal-proposti kollha esposti hawn fuq bil-ħsieb li jikkonfermaw u jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom, li jbiddlu fundamentalment il-metodu ta’ azzjoni fil-qasam tal-ġestjoni ta’ l-għajnuna u li jtejbu s-sinerġiji bejn il-politika Ewropea u MDGs billi japplikaw il-prinċipji tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp.

    Lil hinn mill-volum u l-effikaċja ta' l-għajnuna, biex jintlaħqu l-MDGs irid ikun hemm azzjonijiet speċifiċi, fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, l-ilma, l-agrikoltura, it-tkabbir u l-infrastrutturi. Din hija l-missjoni li ffissa l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-MDGs fl-Afrika. Dan huwa wkoll l-għan ta' l-iniżjattiva "Is-Sejħa għall-azzjoni". Dawn l-inizjattivi, motivati bil-ħtieġa prinċipali li jitħaffef il-progress lejn l-MDGs, jeħtieġu aġenza ta' azzjonijiet għal risposta kollettiva ta' l-Unjoni li l-Kunsill Ewropew hu mistieden li jippromwovi, fid-dawl tal-ħidmiet li saru fil-qafas tal-proġett Ewropew ta' riċerka dwar il-politiki ta' l-iżvilupp[17]. F'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni hi li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju l-ewwel dokument li jiffoka fuq l-MDGs.

    Tali sforzi huma indispensabbli. Imma dawn il-proposti jservu biss biex jittraduċu l-impenji li diġà ttieħdu fl-2005 f’termini operazzjonali. Li l-MDGs jittieħdu bis-serjetà jfisser ukoll li wieħed irid iħares lejn il-gejjieni u jħares żewġ fatti essenzjali. Min-naħa li jintlaħqu l-miri ffissati mhuwiex għan fih innifsu sakemm il-faqar ma jitnaqqasx bin-nofs fl-2015; min-naħa l-oħra sfidi maġġuri ġodda bħat-tibdil fil-klima, l-evoluzzjonijiet demografiċi, l-instabilità fis-swieq finanzjarji, is-sistemi fiskali, it-tnaqqis tar-riżorsi naturali u ta’ l-ambjent jagħmlu daqstant diffiċli t-twettiq tal-miri ffissati 8 snin ilu.

    Dan kollu għandu jinkuraġġixxi lill-Unjoni biex tirdoppja l-isforzi biex tirrispetta l-għanijiet finanzjarji u politiċi li għamlet u biex tinkuraġġixxi lid-donaturi l-oħra biex jassumu l-parti tagħhom favur l-iżvilupp.

    Figura 1: Flussi ta' għajnuna globali 2000 – 2010 (f'miljuni ta' € kostanti 2006)

    [pic]

    Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni Ewropea dwar id- data ta' l-OECD/DAC.

    EU ODA 2004 - 2007 - ODA estimi 2008 - 2010

    | 2004 |2005 |2006 |2007 |2008 |2009 |2010 | | |ODA f'miljuni € | ODA f'% tad-DGN | ODA f'miljuni € | ODA f'% tad-DGN | ODA f'miljuni € | ODA f'% tad-DGN | ODA f'miljuni € | ODA f'% tad-DGN | ODA f'miljuni € | ODA f'% tad-DGN | ODA f'miljuni € | ODA f'% tad-DGN | ODA f'miljuni € | ODA f'% tad-DGN | | | | | | | | | | | | | | | | | | L-Awstrija |546 |0,23 |1.266 |0,52 |1.193 |0,47 |1.313 |0,49 |933 |0,33 |970 |0,33 |1.552 |0,51 | | Il-Belġju |1.178 |0,41 |1.580 |0,53 |1.576 |0,50 |1.427 |0,43 |1751 |0,50 |2191 |0,60 |2.669 |0,70 | | Il-Bulgarija |NA |NA |NA |NA |1 |0,00 |16 |0,06 |33 |0,10 |51 |0,14 |68 |0,17 | | Ċipru |4 |0,03 |12 |0,09 |21 |0,15 |18 |0,12 |21 |0,13 |24 |0,14 |28 |0,15 | | Ir-Repubblika Ċeka |87 |0,11 |109 |0,11 |128 |0,12 |131 |0,11 |134 |0,10 |144 |0,10 |155 |0,10 | | Id-Danimarka |1.639 |0,85 |1.697 |0,81 |1.782 |0,80 |1.872 |0,81 |1932 |0,80 |2014 |0,80 |2.109 |0,80 | | L-Estonja |4 |0,04 |8 |0,07 |12 |0,09 |17 |0,12 |23 |0,14 |29 |0,15 |35 |0,16 | | Il-Finlandja |547 |0,37 |726 |0,46 |664 |0,40 |711 |0,40 |838 |0,44 |956 |0,48 |1.067 |0,51 | | Franza |6.820 |0,41 |8.067 |0,47 |8.446 |0,47 |7.261 |0,39 |8772 |0,45 |9791 |0,48 |10.810 |0,51 | | Il-Ġermanja |6.064 |0,28 |8.112 |0,36 |8.314 |0,36 |8.961 |0,37 |10567 |0,42 |12183 |0,46 |13.798 |0,51 | | Il-Greċja |258 |0,16 |309 |0,17 |338 |0,17 |366 |0,16 |603 |0,25 |839 |0,32 |1.076 |0,39 | | l-Ungerija |56 |0,07 |80 |0,10 |119 |0,13 |66 |0,07 |69 |0,07 |130 |0,13 |182 |0,17 | | L-Irlanda |489 |0,39 |578 |0,42 |814 |0,54 |869 |0,54 |913 |0,54 |1036 |0,58 |1.139 |0,60 | | L-Italja |1.982 |0,15 |4.096 |0,29 |2.901 |0,20 |2.870 |0,19 |5235 |0,33 |6905 |0,42 |8.706 |0,51 | | Il-Latvja |7 |0,06 |8 |0,07 |10 |0,06 |12 |0,06 |13 |0,06 |16 |0,06 |20 |0,07 | | Il-Litwanja |8 |0,04 |12 |0,06 |18 |0,08 |30 |0,11 |37 |0,12 |49 |0,14 |67 |0,17 | | Il-Lussemburgu |190 |0,83 |206 |0,86 |232 |0,84 |266 |0,90 |299 |0,91 |326 |0,92 |358 |0,93 | | Malta |8 |0,18 |8 |0,18 |7 |0,15 |8 |0,15 |9 |0,17 |10 |0,17 |10 |0,17 | | L-Olanda |3.384 |0,73 |4.116 |0,82 |4.344 |0,81 |4.540 |0,81 |4754 |0,80 |5072 |0,81 |5.245 |0,80 | | Il-Polonja |95 |0,05 |165 |0,07 |239 |0,09 |260 |0,09 |340 |0,10 |517 |0,14 |679 |0,17 | | Il-Portugall |830 |0,63 |303 |0,21 |315 |0,21 |294 |0,19 |495 |0,30 |697 |0,41 |898 |0,51 | | Ir-Rumanija |NA |NA |NA |NA |3 |0,00 |80 |0,07 |136 |0,12 |191 |0,15 |247 |0,17 | | Ir-Repubblika Slovakka |23 |0,07 |45 |0,12 |44 |0,10 |49 |0,09 |73 |0,12 |97 |0,15 |120 |0,17 | | Is-Slovenja |25 |0,10 |29 |0,10 |35 |0,12 |40 |0,12 |54 |0,15 |61 |0,16 |69 |0,17 | | Spanja |1.962 |0,24 |2.428 |0,27 |3.039 |0,32 |4.196 |0,41 |5422 |0,50 |6149 |0,54 |7.218 |0,60 | | L-Iżvezja |2.191 |0,78 |2.706 |0,94 |3.151 |1,02 |3.166 |0,93 |3539 |1,00 |3709 |1,00 |3.875 |1,00 | | Ir-Renju Unit |6.339 |0,36 |8.666 |0,47 |9.932 |0,51 |7.247 |0,36 |8554 |0,44 |10006 |0,49 |12.232 |0,56 | | TOTAL EU 15 |34.418 |0,35 |44.857 |0,44 |47.040 |0,43 |45.361 |0,40 |54605 |0,47 |62845 |0,51 |72.752 |0,57 | | TOTAL EU 10/12 |316 |0,07 |479 |0,08 |637 |0,09 |726 |0,09 |942 |0,10 |1319 |0,13 |1.681 |0,16 | | TOTAL EU 25/27 |34.735 |0,33 |45.336 |0,41 |47.676 |0,41 |46.087 |0,38 |55547 |0,44 |64164 |0,49 |74.432 |0,54 | | | | | | | | | | | | | | | | | | EU 25/27 ODA f'USD |43.156 | |56.344 | |59.839 | |63.090 | | | | | | | | |

    Sorsi: OECD/DACgħall-2004 - 2006. Data tal-Kummissjoni bbażata fuq l-informazzjoni ta' l-istati Membri lill-Kummissjoni jew id-DAC għall-2007.

    Il-kaxxi l-griżi fihom informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri; il-kaxxi l-bojod għandhom data tal-Kummissjoni jew simulazzjonijiet. ODA hija fi prezzijiet kurrenti.

    [1] It-tielet Forum ta’ Livell Għoli dwar l-effikaċja ta’ l-għajnuna, Accra, 2-4 ta’ Settembru 2008; Il-Konferenza internazzjonali ta’ tkomplija dwar il-finanzjament ta’ l-iżvilupp 29 ta’ Novembru – it-2 ta’ Diċembru 2008.

    [2] It-tielet Forum ta’ Livell Għoli dwar l-effikaċja ta’ l-għajnuna, Accra, 2-4 ta’ Settembru 2008

    [3] Il-Konferenza internazzjonali ta’ tkomplija dwar il-finanzjament ta’ l-iżvilupp 29 ta’ Novembru - 02 ta’ Diċembru 2008.

    [4] ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

    [5] Il-Kunsill Ewropew, l-14 ta’ Diċembru 2007, konklużjonijiet §77

    [6] Steering Group f'Livell Għoli.

    [7] Varata f'Lulju 2007.

    [8] Diċembru 2007.

    [9] Il-konklużjonijiet ta’ CAGRE ta’ l-24 ta’ Mejju 2005 u l-Konsensus Ewropew §27.

    [10] Ara partikolarment ir-rapport tal-PNUD 2007-2008 "Il-ġlieda kontra l-bidliet fil-klima: is-solidarjetà umana f’dinja maqsuma"

    [11] ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1.

    [12] 44 % għall-pajjiżi ACP fil-qafas ta’ l-Għaxar EDF

    [13] Kollha qablu mal-Konsensus Ewropew ta’ l-2005 u 4 minnhom iffirmaw id-dikjarazzjoni ta’ Pariġi.

    [14] Ir-Rapport ta’ l-UE dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp 20.9.2007 - COM (2007) 545 u SEC (2007) 1202

    [15] Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea – Dokument 13070/07 – 11 ta' Ottubru 2007.

    [16] Il-prinċipji ta’ l-effikaċja ta’ l-istrateġija ta’ l-għajnuna għall-kummerċ jikkonċernaw partikolarment il-mekkaniżmi ta’ l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet f’pajjiż, l-integrazzjoni tal-kummerċ fl-istrateġija ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni, il-kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet ta’ sostenibilità, l-analiżi tal-programmazzjoni u l-finanzjamenti konġunti.

    [17] CAGRE 11.4.2006 "Jilqa' b'sodisfazzjoni il-proposta mill-Kummissjoni li tippromwovi netwerk Ewropew ta' ċentri ta' riċerka dwar il-kwistjonijiet ta' l-iżvilupp filwaqt li jistenna b'interess is-segwitu tal-ħidmiet fuq din l-inizjattiva".

    Top