Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0169

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Strateġija għall-evoluzzjoni ta’ l-Unjoni Doganali

/* KUMM/2008/0169 finali */

52008DC0169

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Strateġija għall-evoluzzjoni ta’ l-Unjoni Doganali /* KUMM/2008/0169 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.4.2008

KUMM(2008) 169 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Strateġija għall-evoluzzjoni ta’ l-Unjoni Doganali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Strateġija għall-evoluzzjoni ta’ l-Unjoni Doganali

1. DAħLA

L-Unjoni Doganali ta' l-Unjoni Ewropea (UE), li ser tiċċelebra l-40 sena tagħha fl-1 ta' Lulju 2008, hija wieħed mis-sisien tal-Komunità Ewropea. Min mindu twaqqfet, l-Unjoni Doganali ġiet imwessa’ kemm b’mod kwantitattiv– minn 6 għal 27 membru, kif ukoll b’mod kwalitattiv billi saret Suq Uniku. Ikkontribwixxiet għal prosperità fl-Ewropa billi tiffaċilita l-kummerċ sew fi ħdan l-Unjoni nnifisha kif ukoll ma’ pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni, flimkien ma’ l-Istati Membri, għamlet reviżjoni maġġuri tar-rwol tad-dwana u s-sejbiet ġew diskussi fuq livell għoli ma' amministrazzjonijiet doganali ta’ l-Istati Membri. Ġeneralment hemm qbil li l-metodi ta’ ħidma jridu jittejbu, filwaqt li l-koordinazzjoni kumplessiva trid tissaħħaħ. Għalhekk huwa importanti li niżguraw appoġġ politiku għall-istrateġija spjegata f’din il-Komunikazzjoni.

Id-Dwana tal-lum għandha quddiemha ambjent li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel: xejriet ta’ produzzjoni u konsum li qed jevolvu, kummerċ internazzjonali dejjem jiżdied, theddid globali bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-bidla fil-klima u perikli ġodda bħall-kummerċ fi prodotti perikolużi.

F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Doganali ta’ l-UE għandhom rwol kruċjali: għandhom missjoni li jiżguraw fi kwalunkwe ħin, il-bilanċ bejn il-ħarsien tas-soċjetà u l-iffaċilitar tal-kummerċ permezz tal-kontroll tal-katina tal-provvista, kemm fuq il-konfini esterni kif ukoll fl-UE. Is-servizzi Doganali għandhom informazzjoni dwar kull moviment ta' prodotti importanti lejn jew esportati mill-UE u japplikaw sistemi u metodi sofistikati biex jikkontrollaw kwalunkwe tip ta’ prodott. Il-volumi ta’ prodotti li jaqsmu l-konfini esterni ta' l-Unjoni Ewropea huma enormi.

[pic]Fl-2006, madwar 173 miljun dikjarazzjoni doganali ġew trattati[1]. Huma biss awtoritajiet doganali effiċjenti ħafna li jistgħu jmexxu volum daqshekk kbir mingħajr dewmien enormi jew mingħajr ma jippermettu movimenti foloz, illegali jew mhux mixtieqa.

Tnediet riforma ambizzjuża sabiex id-Dwana tkun tista’ tkompli twettaq r-rwol tagħha f’dan l-ambjent ta’ sfida. L-ewwelnett, l-ambjent ġuridiku qed jiġi modernizzat bil-pubblikazzjoni imminenti tal-Kodiċi Doganali Modernizzat adottat dan l-aħħar[2]. It-tieni, qed tiġi implimentata Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex toħloq sistema elettronika tad-dwana panEwropea [3] – li huwa ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ - bil-għan li joħloq rabta robusta ta' komunikazzjoni bejn l-uffiċċji doganali kollha fil-Komunità, bejn id-dwana u l-awtoritajiet pubbliċi oħrajn li joperaw fuq il-konfini, u bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-kummerċjanti.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tispiċċa l-proċess ta’ riforma, flimkien ma' element addizzjonali li għandu x’jaqsam ma’ l- organizzazzjoni u d-dimensjoni umana tal-ġejjieni fl-amministrazzjonijiet doganali. Qed tipproponi żvilupp komprensiv fuq medda twila msejjes fuq għanijiet strateġiċi mġedda mill-ġdid għad-Dwana. Tissuġerixxi li jiġu mmodernizzati l-metodi ta’ ħidma, jiġu żviluppati l-kompetenzi tal-persunal u li r-riżorsi jiġu allokati mill-ġdid b’mod effiċjenti u effikaċi.

L-aħħar element tal-proċess tar-riforma għandu jippermetti lid-dwana biex tevolvi bl-istess mod tal-kummerċ internazzjonali, sabiex tkompli toffri l-ħarsien mistenni minn ċittadini, negozji u gvernijiet, filwaqt li tikkontribwixxi għall-kompetittività ekonomika ta’ l-UE.

2. DWANA: RWOL KRUċJALI

Il-ħolqien ta’ Suq Uniku rrikjeda li kwalunkwe formalità doganali fuq il-konfini bejn Stati Membri titneħħa. L-awtoritajiet Doganali nazzjonali ħadu r-responsabbiltà għall-ħarsien tal-konfini esterni fir-rigward ta' prodotti, u saru l-unika tarka kontra kummerċ internazzjonali illiċitu jew perikoluż filwaqt li huma l-bieb għall-moviment ħieles ta' prodotti fi ħdan is-Suq Uniku.

Awtoritajiet Doganali Nazzjonali, għandhom ukoll parti minn fost oħrajn, ir-responsabbiltà tal-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità b’effiċjenza għolja ħafna, billi d-dazji mħallsa fuq prodotti importati jirrapreżentaw 15% tad-dħul totali tal-baġit Komunitarju (madwar 17 biljun euro/sena).

Billi s-Suq Uniku nħoloq fl-1993, illum il-kuntest kummerċjali internazzjonali inbidel: is-sors ta’ prodotti u materjali sar dejjem iżjed globali, u kunċetti, bħal ‘kunsenja eżatt kif tenħtieġ' (just-in time delivery), qed jgħollu l-aspettattivi minn operaturi ekonomiċi ta’ kontrolli doganali anqas invażivi. Fl-istess waqt, organizzazzjonijiet terroristiċi u kriminali saru dejjem aktar sofistikati fil-metodi tagħhom.

L-awtoritajiet Doganali ta' l-UE għandhom rwol li jħoll u jorbot, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra, li jippermettilhom li:

- Jappoġġaw kummerċ leġittimu u jsaħħu l-kompetittività

- Jiżguraw il-ħlas korrett ta’ dazji u taxxi

- Jissieltu l-iffalsifikar u l-ikkupjar illegali

- Isostnu l-ġlieda kontra tipi oħrajn ta’ frodi, kriminalità organizzata, drogi u terrorismu billi jipproċessaw informazzjoni, jidentifkaw bidliet fix-xejriet tal-kummerċ u jagħmlu valutazzjoni tar-riskju biex jindunaw b’attivitajiet qarrieqa, terroristiċi jew kriminali

- Jimplimentaw miżuri ta’ politika tal-kummerċ (pereżempju, ftehimiet ta’ kummerċ preferenzjali, kwoti u miżuri anti-dumping )

- Jipproteġu l-ambjent u ċ-ċittadini kontra kull xorta ta’ prodotti perikolużi.

3. ADATTAMENT GħAL AMBJENT LI QED JINBIDEL U GħANDU ħAFNA SFIDI

Illum l-awtoritajiet tad-dwana, waqt li jiffaċċaw dan l-ambjent li qed jinbidel b'rata mgħaġġla u li għandu l-isfidi tiegħu, għandhom jiżguraw li jkomplu jipprovdu servizz ta' l-aqwa klassi liċ-ċittadini u kumpaniji ta' l-UE.

L-immodernizzar u s-simplifikazzjoni ta’ l-ambjent doganali legali u teknoloġiku bdew bosta snin ilu, b' emenda prinċipali fil- Kodiċi Doganali Komunitarju [4] adottata fl-2005, li tat lill-awtoritajiet doganali ta’ l-UE l-poteri biex jimplimentaw xi wħud mill-aktar rekwiżiti avvanzati ta’ sigurtà fid-dinja, filwaqt li joħolqu ambjent li ma jfixkilx il-kummerċ leġittimu. Huwa mistenni li din l-emenda tkun implimentata kompletament sa Ġunju 2009.

Il- Kodiċi Doganali Modernizzat għandu, meta jkun implimentat kompletament, jipprovdi s-simplifikazzjonijiet meħtieġa biex id-dwana u l-kummerċ jaħdmu aħjar, b’mod aktar mgħaġġel u rħis.

Id- Deċiżjoni Dwar Dwana Elettronika diġà tipprovdi pass sinifikanti 'l quddiem sabiex jingħaqdu s-sistemi doganali nazzjonali ta’ Teknoloġija ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni, u tibbenifika kemm id-dwana kif ukoll il-kummerċ. Dwana pan-Ewropea elettronika, billi taqdi l-ħtiġijiet ta’ loġistiki moderni, ser iżżid il-kompetittività ta’ kumpaniji li jagħmlu negozju fl-Ewropa, tnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità u ttejjeb s-sigurtà fuq il-konfini ta’ l-UE.

Il-proposta[5] biex jiġu emendati id- dispożizzjonijiet dwar assistenza amministrattiva reċiproka f’affarijiet doganali[6] ser tissimplifika u ttejjeb is-sistemi preżenti ta’ IT u żżid il-kapaċità fil-ġlieda kontra l-frodi fis-settur tad-dwana.

Hemm stadji legali u teknoloġiċi importanti li jiffaċilitaw il-ħidma doganali kemm għal futur immedjat kif ukoll għal tul ta' żmien medju. Iżda jeħtieġ li nħarsu 'l hinn minn hekk u li nistabbilixxu qafas strateġiku biex nimmodernizzaw il-metodi ta' ħidma tad-dwana u, skond dan, nallokaw ir-riżorsi kif suppost, b'mod koordinat.

4. QAFAS STRATEġIKU...

L-għan prinċipali u aħħari huwa li nżommu l-pożizzjoni li tħoll u torbot tad-Dwana bħala sieħba kummerċjali moderna li taġixxi għall-ħarsien ta' l-interessi fiskali, u ta’ sikurezza u sigurtà tal-Komunità, li tikkoopera ma’ aġenziji governattivi oħra, u attrezzata biex taġixxi f’xi kriżi u għat-talbiet ġodda tal-politika pubblika. Biex jagħmlu dan, id-dwani ta’ l-UE għandhom jilħqu għanijiet strateġiċi komuni.

… b’Għanijiet Strateġiċi Komuni :

- Ħarsien : Il-ħarsien tas-soċjetà u l-interessi finanzjarji tal-Komunità billi:

1. jiġi żgurat il-ġbir korrett u effiċjenti tad-dazji u tat-taxxi;

2. jiġu applikati miżuri effikaċi kontra l-moviment ta’ prodotti illiċiti, ristretti u projbiti;

3. tiġi żviluppata aktar il-valutazzjoni effikaċi tar-riskju biex tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-attività kriminali, inkluż il-kummerċ fi drogi illiċiti, prodotti foloz u kkupjati illegalment;

4. ma jitħallewx iseħħu, jinstabu, u fi ħdan oqsfa nazzjonali, jiġu investigati u mfittxa bil-qorti każijiet ta’ frodi jew ta’ abbuż tal-leġiżlazzjoni doganali;

5. l-għajnuna amministrattiva reċiproka tintuża biex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi fi kwistjonijiet doganali u agrikoli.

- Kompetittività : L-appoġġ tal-kompetittività ta’ kumpaniji Ewropej bi:

1. l-immodernizzar ta’ l-ambjent u l-metodi ta’ ħidma tad-dwana (eż. billi jipprevedu l-użu ta’ approċċi bbażati fuq sistemi, metodi ta’ ħidma aktar armonizzata, eċċ);

2. l-implimentazzjoni ta’ l-ambjent doganali mingħajr karti (dwana elettronika) u

3. l-adattament ta’ approċċ proattiv lejn standards, bl-appoġġ ta’ standards internazzjonali bħal dawk li żviluppat l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, fejn xieraq, u l-iżvilupp ta’ standards ġodda ta’ l-UE, li jistgħu jservu bħala xempju għad-dinja kollha.

- Faċilitizzazzjoni : Tkompli l-faċilitizzazjoni tal-kummerċ leġittimu billi:

1. jitfasslu u jittejbu sistemi ta' kontroll li jnaqqsu t-tfixkil fil-flussi ta’ prodotti kif ukoll il-piż amministrattiv sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu għanijiet oħra ta’ politika pubblika bħal rekwiżiti ta’ siġurtà u billi

2. jiġu pprovduti għodod ta’ għajnuna lill-operaturi ekonomiċi leġittimi bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità.

- Kontroll : Kontroll u tmexxija tal-ktajjen tal-provvisti użati għall-moviment internazzjonali ta’ prodotti billi:

1. jittejbu u jissaħħu l-kontrolli effikaċi fl-aħjar lokal li jistgħu jsiru (konfini jew fil-pajjiż) matul il-katina tal-provvista;

2. tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali relatata mal-kontroll u l-moviment tal-prodotti b’mod korrett u konsistenti;

3. jittejjeb il-qsim effikaċi u sistematiku ta’ informazzjoni dwar riskju;

4. tingħata kunsiderazzjoni lill-possibbiltajiet għal qsim ta’ informazzjoni ma' sħab kummerċjali ewlenin sabiex jiġi stabbilit l-kontroll u t-tmexxija mill-bidu sa l-aħħar tal-katina tal-provvista.

- Kooperazzjoni : sostenn, żvilupp u titjib tal-kooperazzjoni ta’ kwalità tajba bejn l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri, bejn id-dwani u aġenziji governattivi oħra, u bejn id-dwani u l-komunità tan-negozju billi:

1. tissaħħaħ il-kooperazzjoni doganali li teżisti;

2. tiġi kkoordinata azzjoni mmirata li tħares l-interss finanzjarju tal-Komunità

3. tingħata direzzjoni fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi biex jikkoordinaw kemm jista' jkun mill-qrib ma' aġenziji oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet fuq il-konfini (Single Window) ;

4. jittejbu l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni fin-negozju.

5. tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali jew l-għajnuna amministrattiva reċiproka dwar kwistjonijiet doganali permezz ta’ ftehimiet adegwati ma' pajjiżi terzi u tiġi estiża l-parteċipazzjoni f’fora internazzjonali responsabbli għal liġi jew deċiżjonijiet internazzjonali (bħal embargos, ftehimiet ambjentali, ftehimiet dwar Drittijiet ta’ Proprjetà Intelletwali, eċċ).

- …u approċċ komuni biex jiġu żviluppati metodi ġodda ta’ ħidma u ħiliet ġodda:

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet strateġiċi, irid jiġi żviluppat approċċ biex il-metodi komuni ta’ ħidma għad-dwana jiġu adattati u mtejba dejjem aktar. Huwa biss permezz ta' żvilupp kontinwu u investiment strateġiku fil-ħiliet, il-kompetenzi u r-riżorsi li jistgħu jinżammu l-effikaċja u l-effettività tad-dwana . L-istrateġija spjegata f’din il-Komunikazzjoni toffri approċċ strutturat li għandu jippermetti żviluppi b’mod sinkronizzat u armonizzat fis-27 Stat Membru kollha.

5. ħTIEġA GħALL-QAFAS STRATEġIKU

L-appoġġ politiku mill-Istati Membri huwa kruċjali sabiex jintlaħaq dan kollu. Qabel ma jitfassal pjan strateġiku (li għandu jistabbilixxi l-istrateġija f’termini ġenerali) u pjan komprensiv ta’ implimentazzjoni (li għandu jipprovdi għodda ta’ ppjanar dettaljat għall-azzjonijiet u proġetti kollha meħtieġa għall-kisba tal-pjan strateġiku), b’kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-Kunsill jaqsam magħha l-għanijiet strateġiċi komuni u l-iżvilupp ta’ l-approċċ komuni, kif spjegat hawn fuq.

Fuq bażi ta' l-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni dwar id-Dwana Elettronika, fejn pjan strateġiku multiannwali jipprovdi bażi għall-atturi kollha (il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi) biex jagħmlu l-ippjanar tar-riżorsi tagħhom stess, qed jiġi propost li tiġi żviluppata strateġija simili biex tiżgura l-implimentazzjoni komuni u koordinata ta’ l-għanijiet strateġiċi komuni elenkati hawn fuq.

6. KONKLUżJONI

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex:

- japprova l-qafas strateġiku msemmi hawn fuq

- jappoġġa l-isforzi mmirati biex jiżguraw li s-sistemi kollha ta’ skambju ta’ dejta u d- databases , inkluż dawk dedikati biex jissieltu l-frodi, jkunu interoperabbli u joperaw b'mod li jikkumplimentaw lil xulxin

- jitlob lill-Kummisjoni li tipprepara il-pjan strateġiku u l-pjan komprensiv ta’ implimentazzjoni relatat, bi sħubija ma’ l-Istati Membri fil-Grupp ta’ Politika Doganali u

- jinnota li l-istrateġija stipulata, li tikkumplimenta inizjattivi attwali, għandha tipprovdi orjentazzjoni ċara għad-dwana fil-perjodu 2013-2019.

[1] Il-valur ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni fl-2006 ammonta għal aktar minn EUR 2,500 biljun.

[2] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodici Doganali Modernizzat), COM(2005)608 bid-data tal-5.12.2005 u pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, ĠU C298E tal-11.12.2007, p. 1.

[3] Id-Deċiżjoni 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 23, tad-26.1.2008, p. 21.

[4] Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunita, ĠU L 117 4.5.2005, p.13.

[5] Proposta għal emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi fuq materji doganali u agrikoli (COM(2006) 866, bid-data 22.12.2006)

[6] Id-dispożizzjonijiet dwar assistrenza amministrattiva reċiproka f'affarijiet doganali konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi.

Top