EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0108

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività ta' l-industriji tal-metalli - Kontribut għall-iżvilupp u l-istrateġija ta’ l-impjiegi ta’ l-UE {SEG(2008)246}

/* KUMM/2008/0108 finali */

52008DC0108

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività ta' l-industriji tal-metalli - Kontribut għall-iżvilupp u l-istrateġija ta’ l-impjiegi ta’ l-UE {SEG(2008)246} /* KUMM/2008/0108 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.2.2008

KUMM(2008) 108 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

DWAR IL-KOMPETITTIVITÀ TA' L-INDUSTRIJI TAL-METALLI Kontribut għall-Iżvilupp u l-Istrateġija ta’ l-Impjiegi ta’ l-UE {SEG(2008)246}

Introduzzjoni

L-industriji tal-metalli għandhom rwol importanti fil-katina tal-valur ta' ħafna industriji Ewropej tal-manifattura. Din il-Komunikazzjoni tevalwa l-kompetittività ta' dawn l-industriji u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar it-triq 'il quddiem. Hija ssegwi fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar il-politika industrijali ta' l-UE li ħabbret bosta inizjattivi fis-settur, inkluża Komunikazzjoni li tevalwa l-impatt tal-materja prima u l-provvista ta' l-enerġija fuq il-kompetittività ta' l-industrija tal-metalli Ewropea[1], u tqies ukoll ir-reviżjoni ta' nofs l-2007 tal-politika industrijali[2].

Bħala settur li fih innifsu huwa ta' intensità enerġetika għolja, l-industriji tal-metalli huma direttament influwenzati mill-politika tal-Komunità dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima. Il-Kunsill Ewropew wera f'Marzu 2007 " l-importanza kbira tas-settur ta' l-enerġija intensiva" u enfasizza li "jinħtieġu miżuri ta' nfiq effettiv biex titjieb kemm il-kompetittività kif ukoll l-impatt ambjentali ta' industriji Ewropej bħal dawn ". F'dan il-kuntest, il-pakkett tal-Kummissjoni ta' azzjoni dwar il-klima u l-enerġija li tiġġedded tat-23 ta' Jannar 2008 tagħraf il-qagħda speċifika ta' l-industriji ta' enerġija intensiva li huma miftuħa b'mod dirett għall-kompetizzjoni globali.

Din il-Komunikazzjoni tindirizza l-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw ir-rendiment tas-settur u tidentifika kif il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija stess jistgħu jagħtu sehem fis-salvagwardja u t-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur fil-ġejjieni filwaqt li jikkontribwixxu għall-għanijiet ambizzjużi dwar it-tnaqqis ta' l-emissjoni ta' gass ta' l-effett serra sa l-2020.

Il-kwistjonijiet ewlenin indirizzati f'din il-Komunikazzjoni jqisu r-reazzjonijiet tal-Konsultazzjoni Pubblika f'Settembru 2006 li kienet preċeduta mill-adozzjoni ta' Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni[3] li jipprovdi stampa fid-dettall tas-settur f'termini ta' statistika u bixriet ekonomiċi ewlenin.

Karatteristiċi u sfidi ta' l-industriji tal-metalli

Karatteristiċi strutturali ewlenin

L-industriji tal-metalli[4] jitqiesu bħala industriji bażiċi billi l-produzzjoni tal-metalli hija l-ewwel pass importanti fil-proċess tal-katina ta' valur miżjud ta' ħafna industriji li jipproduċu prodotti ta' investiment (inġinerija mekkanika, tal-karozzi, bini ta' vapuri, aerospazjali, kostruzzjoni), u prodotti għall-konsumatur.

Bħala tali, jinsabu fil-qalba ta' l-istruttura industrijali tal-biċċa l-kbira ta' l-ekonomiji żviluppati u f'ħafna ekonomiji li qed jiżviluppaw b'pass mgħaġġel. Fost il-karatteristiċi ewlenin ta' l-industriji tal-metalli nsibu:

Intensità ta' kapital: investimenti kbar ħafna huma meħtieġa fit-teknoloġija u t-tagħmir li għandhom użu għal ħafna tul ta' żmien (b'mod ġenerali mhux inqas minn 20-30 sena); għalhekk id-deċiżjonijiet dwar l-investiment jeħtieġu qafas regolatorju ta' appoġġ u prevedibbli.

Intensità ta' enerġija għolja: il-proċess ta' produzzjoni ta' dawn l-industriji jeħtieġ użu għoli ħafna ta' enerġija. Il-kost ta' l-enerġija ġeneralment jirrappreżenta aktar minn 10 % u jista' jitla' sa 37 % (per eżempju liga ta' aluminju u ħadid) fl-istruttura tal-kost tal-metall prodott.

Aktar data dwar ir-rendiment u s-sehem fl-ekonomija globali ta' l-industriji tal-metalli ta' l-UE jinsab fl-anness.

L-importanza tal-materja prima

L-aċċess għall-materja prima mhux enerġetika hija kwistjoni kruċjali billi l-produzzjoni tal-metalli ta' l-UE hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet ta' minerali u konċentrati minn pajjiżi terzi. Ħafna minerali metalliċi qed jiġu estratti fl-UE f'volumi relativament żgħar meta mqabbla mal-produzzjoni globali, per eżempju nickel (1.7 %), minerali tal-ħadid (2 %), ramm (5 %)[5].

Id-dipendenza fuq il-materja prima impurtata tonqos minħabba li l-metalli huma kważi kompletament riċiklabbli u dan għal żmien indefinit. L-użu tar-ruttam riċiklat żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin u jirrappreżenta llum madwar 40-60 % tal-produzzjoni tal-metall ta' l-UE.

Ir-riċiklaġġ jirrikjedi ħafna inqas enerġija, per eżempju, it-tidwib sekondarju ta' l-aluminju (bl-użu tar-rottam) jikkonsma biss 5 % ta' l-elettriku meta mqabbel mat-tidwib primarju.

Fejn jinsabu u l-importanza tagħhom għall-ekonomija Ewropea

Fl-2005, l-industriji tal-metalli ta' l-UE-27 iġġeneraw fatturat ta' madwar € 316-il biljun u impjegaw 1.1 miljun persuna (li jikkorrispondu, rispettivament, għal 5 % u 3.3 % tal-manifattura totali ta' l-UE)[6].

L-industrija tal-metalli hija parti minn netwerk ekonomiku kumpless li jinkludi mhux biss is-setturi tal-bidu tal-proċess ta' produzzjoni, iżda wkoll segmenti kbar mill-industrija ta' manifattura ta' l-UE bħal dawk tal-karozzi u l-kostruzzjoni. Bosta rabtiet kritiċi jikkaratterizzaw dan in-netwerk, ibbażat, fost l-oħrajn, fuq rekwiżiti ta' kwalità u innovazzjoni, li jagħtu sehemhom fil-ħolqien tal-katina ta' valur tal-metalli.

Il-viċinanza ġeografika tal-katina ta' provvista tal-metalli u l-industriji relatat, u l-interessi reċiproċi tagħhom (tekniċi, loġistiċi, ta' riċerka, innovazzjoni u s-servizz għall-konsumatur) hija saħħa bi tradizzjoni fit-tessut industrijali ta' l-UE. Dan ġab kooperazzjoni mill-qrib u inter-dipendenza ma' l-utenti aħħarin, b'mod partikolari fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' azzar jew metalli li ma fihomx ħadid ta' gradi ta' kwalità għolja.

L-istruttura ta' l-industrija u l-IŻM

Minħabba ħtiġijiet kbar ta' kapital il-kumpaniji l-kbar għandhom tendenza li jibilgħu s-suq, speċjalment fil-każ ta' prodotti primarji ta' l-aluminju u l-azzar ċatt.

Il-proċess ta' konsolidament u ristrutturar ta' l-industriji tal-metalli Ewropej huwa avanzat ħafna u seħħ filwaqt li kien hemm aktar integrazzjoni fis-suq globali. Il-kumpaniji ta' l-azzar imxew minn dik li fil-bidu kienet bażi nazzjonali lejn bażi Ewropea u dan l-aħħar saħħew in-natura globali tagħhom permezz ta' xiri minn barra l-Ewropa, jew huma stess ġew mixtrija minn kumpaniji ta' sfond mhux Ewropew.

Madankollu, l-ewwel attività ta' pproċessar fit-tħejjija tal-metalli għall-użu fis-setturi aħħarin ta' produzzjoni, li hija marbuta mill-qrib mal-produzzjoni tal-metalli, titwettaq l-aktar mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM).

L-impatt tal-globalizzazzjoni u ta' l-ekonomiji l-ġodda li tilgħin

Il-biċċa l kbira tal-metalli b'mod partikolari l-metalli li ma fihomx ħadid u l-materja prima tagħhom huma prodotti li jinbiegħu fis-suq globali. Il-prezz tal-prodotti huwa ddeterminat fuq il-bażi tad-domanda u l-provvista globali u ġie kkaratterizzat minn ċaqliq ċikliku kbir.

L-iżvilupp ekonomiku ta' ħafna ekonomiji li telgħin ikkontribwixxa għal żieda fid-domanda globali u l-prezzijiet tal-metalli u prodotti mill-metalli u ġab pressjoni li ma għandhiex preċedent fuq il-provvisti u l-prezzijiet tal-materja prima. F'dawn l-aħħar snin il-produzzjoni ta' l-azzar fiċ-Ċina żdiedet b'ritmu qawwi b'żidiet annwali medji 'l fuq minn 20 %; fuq perjodu ta' 3 snin iċ-Ċina mxiet minn pożizzjoni ta' importatur nett għal dik ta' l-ikbar esportatur ta' l-azzar fid-dinja u llum hija l-ikbar produttur ta' azzar, aluminju, ramm, ċomb u zinku fid-dinja[7].

Bħala settur li jipprovdi elementi ewlenin lill-industrija tal-manifattura, filwaqt li jiddependi ħafna fuq il-materja prima u l-enerġija, u fuq forza tax-xogħol ikkwalifikata, ir-rendiment tas-settur għandu jitqies fi ħdan il-qafas ta' l-iżvilupp sostenibbli.

Il-pilastru tal-kompetittività

Permezz ta' ristrutturar/konsolidament bla waqfien li għandu l-għan li jnaqqas l-ispejjeż u li jitla' lejn segmenti ta' valur ogħla tas-suq, l-industriji tal-metalli bażiċi rnexxielhom iżommu grad għoli ta' kompetittività.

Is-settur tal-metalli ta' l-UE tbiegħed mill-pożizzjoni tradizzjonali tiegħu bħala industrija peżanti b'valur miżjud baxx (l-indikatur tal-valur miżjud għal kull persuna impjegata huwa ogħla mill-medja ta' l-industrija tal-manifattura).

L-innovazzjoni kienet fattur ewlieni ta' kompetittività; dan jidher fil-bidla importanti tal-medda ta' prodotti kif ukoll fl-iżvilupp ta' applikazzjonijiet tekniċi ġodda kif inhu l-każ tal-metalli prezzjużi. Skond l-Indiċi dwar is-Settur ta' l-Innovazzjoni[8], l-industrija tinsab f'pożizzjoni medja f'dak li huwa rendiment ta' innovazzjoni ġenerali meta mqabbla ma' setturi industrijali oħra u tas-servizzi ta' l-NACE.

L-industriji tal-metalli ta' l-UE huma dipendenti ħafna fuq iċ-ċikli ekonomiċi u dan l-aħħar ibbenefikaw minn żieda sinifikanti fid-domanda fuq livell dinji. Dan ġab żieda fil-prezzijiet[9] u tejjeb il-qagħda finanzjarja ġenerali ta' ħafna mill-kumpaniji fis-settur iżda fl-istess waqt kien ta' sfida għal ħafna industriji ta' manifattura li jużaw il-metall.

Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi hemm raġuni għal tħassib:

- l-UE-25 qed titlef is-sehem tagħha ta' produzzjoni ta' metalli fid-dinja (b'mod partikolari fl-aluminju minn 21 % fl-1982 sa 9 % fl-2005 u fl-azzar minn 25 % sa 16 %); sa ċertu punt din il-bixra ġejja minn produzzjoni li qed tiżdied b'pass mgħaġġel fl-ekonomiji ġodda li telgħin.

- il-parti tal-konsum Ewropew fornita mill-produzzjoni Ewropea[10], f'dawn l-aħħar żewġ għexieren, qed tonqos, b'mod partikolari għall-azzar mhux raffinat u l-aluminju.

- dipendenza kbira ta' l-industriji tal-metalli ta' l-UE fuq il-prezzijiet ta' l-enerġija u materjali importati.

L-istrutturar mill-ġdid ta' l-industrija ta' l-azzar matul is-snin 80 u l-bidu tas-snin 90 jipprovdi eżempju sinifikanti. Kienet tinvolvi tnaqqis fl-impjiegi ta' madwar żewġ terzi (minn 750 000 għal anqas minn 250 000) u għeluq permanenti ta' kapaċitajiet ta' produzzjoni ta' aktar minn 60 miljun tunnellata, fl-UE 15[11]. Dan l-istrutturar kien kritiku fit-titjib tal-produttività tax-xogħol filwaqt li radd lura l-vijabilità tas-settur ta' l-azzar Ewropew u l-kompetittività ġenerali.

L-ekonomiji ta' tranżizzjoni fl-Istati Membri ġodda ntlaqtu b'mod partikolari bl-istrutturar mill-ġdid ta' l-azzar. Iżda, issa hemm sinjali ta' inkoraġġiment ta' konsolidament ekonomiku u rkupru. Bħala riżultat tal-programmi u l-pjanijiet approvati bl-għan li juru l-vijabilità[12], il-livelli ta' produttività żdiedu b'mod sinifikanti u ġew magħluqa jew modernizzati stallazzjonijiet antiki, b'effett ġenerali pożittiv fuq il-ħarsien ta' l-ambjent. Il-livelli ta' produttività (tunnellati ta' azzar għal kull ħaddiem) tal-kumpaniji Ċeki u Pollakki huma stmati li kibru bi 30 % bejn l-2003 u l-2006[13].

Il-pilastru Soċjali

Forza tax-xogħol ikkwalifikata u disponibbli hija qawwa ewlenija ta' l-industrija tal-metalli ta' l-UE[14].

Madankollu, l-industrija qed issibha dejjem iktar diffiċli li tiġbed ħaddiema kkwalifikati, bid-domanda għall-inġiniera fis-settur ta' l-azzar tiżboq sewwa l-provvista.

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġija ta' l-Azzar identifikat l-isfidi li ġejjin:

- il-forza tax-xogħol li qed tavanza fl-età fis-settur ta' l-azzar, kif ukoll fiċ-ċentri relatati ta' riċerka u dawk tekniċi;

- ħtieġa ta' kompetenzi ġodda inklużi ħiliet maniġerjali u ta' intrapriża;

- użu aħjar minn strutturi eżistenti ta' taħriġ u ġbir fi grupp wieħed ta' taħriġ inizjali, R&D u tagħlim tul il-ħajja;

- mobilità kemm fil-livell ta' l-eżekuttivi kif ukoll ta' nies tekniċi.

Id-Djalogu Soċjali ilu strument ta' politika tradizzjonali fil-qafas ta' l-UE ta' l-azzar mill-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) fl-1952. Bl-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA, Kumitat Ewropew ta' Djalogu Soċjali fis-settur ta' l-azzar twaqqqaf uffiċjalment fl-2006. Inizjattiva simili qed titqies għas-settur tal-metall li ma fihx ħadid fuq il-bażi ta' talba konġunta maħruġa mill-partijiet interessati.

Il-pilastru Ambjentali

Il-proċessi ta' produzzjoni fl-industriji tal-metalli huma ġeneralment ta' enerġija intensiva għolja u, flimkien mal-minjieri, jistgħu wkoll iwasslu għal effetti ambjentali oħra (emissjonijiet fl-arja, l-ilma u l-ħamrija u, fil-każ tal-minjieri, ħtiġijiet ta' użu ta' l-art).

Madankollu, il-metalli jistgħu jipprovdu vantaġġi sinifikanti għall-ambjent. Il-metalli jistgħu jiġu riċiklati b'mod indefinittiv mingħajr telf ta' proprjetajiet bażiċi, u b'ħafna anqas konsum ta' enerġija meta mqabbla mal-produzzjoni primarja mill-minerali mhux raffinati. Ir-riċiklaġġ jikkontribwixxi għal inqas użu ta' materja prima primarja u inqas impatti ambjentali mit-tfittxija għall-metalli u t-trasport ta' minerali mhux raffinati.

Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-effiċjenza ta' l-enerġija , minkejja tkabbir regolari fil-produzzjoni tal-metalli f'dawn l-aħħar 15-il sena, il-konsum finali ta' enerġija ta' l-industrija bażika tal-metall ta' l-Ewropa baqa' kostanti jew anki naqas.

Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-emissjonijiet, inkiseb tnaqqis sostanzjali f'xi kontaminanti ewlenin ta' l-arja. Għalkemm il-produzzjoni tal-metalli twassal għal emissjonijiet sinifikanti tas-CO2, is-sehem tagħhom ta' emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett serra (GHG) fl-2005 għall-UE 15 kien 5.7 %[15]. It-tendenza għall-perjodu 1990 sa 2005 kienet ta' tnaqqis ta' 11 % fil-każ tal-ħadid u l-azzar u ta' 2 % għal metalli li ma fihomx ħadid minkejja żieda ta' 5 % u 11 % rispettivament fil-volum ta' produzzjoni fl-istess perjodu.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eko-effiċjenza tal-materja prima , il-funzjonalità ttejbet filwaqt li l-kwantità ta' materjal użat fil-produzzjoni tal-metalli tnaqqset, per eżempju, għall-bottijiet tax-xorb minerali ta' l-azzar u l-aluminju[16]. Dawn it-tendenzi jridu jissaħħu kontinwament biex titjieb l-eko-effiċjenza totali li hija wkoll affettwata minn volumi ta' produzzjoni li qed jiżdiedu.

approċċ integrat biex titjieb il-kompetittività ta' l-industriji tal-metalli ta' l-UE

Approċċ integrat għandu jkun fih dawn l-elementi:

- jiżgura provvista ta' enerġija bi prezzijiet kompetittivi, permezz ta' swieq ta' enerġija li jaħdmu tajjeb;

- joħloq kundizzjonijiet biex is-settur jilħaq l-objettivi ambjentali tal-Komunità u jadatta għal-ħtiġijiet ta' l-objettivi ambizzjużi marbuta mat-tibdil tal-klima;

- iħeġġeġ l-R&D u l-innovazzjoni, u l-kwalifiki għolja;

- joħloq swieq globali miftuħa u kompetittivi u jwarrab it-tgħawwiġ kummerċjali fil-metalli u l-materja prima.

Politika ta' enerġija

Il-kompetittività ta' l-industriji tal-metalli fl-UE ġiet affettwata miż-żieda b'pass mgħaġġel fil-prezzijiet tal-gass u l-elettriku. Barra minn hekk, it-tibdil fil-kisba ta' kuntratti ta' provvista fuq medda twila ta' żmien huma meqjusa bħala kwistjoni ewlenija.

Kif enfasizzat fir-Rapport Finali[17] dwar inkjesta fis-settur ta' l-enerġija, is-swieq ta' l-enerġija ta' l-UE mhumiex qed jaħdmu sewwa, u minħabba f'hekk mhumiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-enerġija anki f'dak li huma prezzijiet.

Il-Kunsill Ewropew fil-Pjan ta' Azzjoni (2007-2009) ta' Politika ta' Enerġija għall-Ewropa[18] għaraf il-ħtieġa ta' sett ta' miżuri ġodda biex jinħoloq suq intern verament kompettitiv għall-gass u l-elettriku, inkluża firda effettiva ta' l-attivitajiet ta' provvista u produzzjoni mit-tħaddim tan-netwerks (unbundling).

Sabiex twettaq dawn l-għanijiet politiċi l-Kummissjoni adottat fid-19 ta' Settembru 2007 pakkett ta' proposti leġiżlattivi biex tiżgura għażla reali u effettiva ta' fornituri u ttejjeb it-trasparenza tas-suq, anki f'dak li huma prezzijiet.

Billi ħafna mill-azzjonijiet identifikati se jieħdu ż-żmien biex jinqalbu f'effetti viżibbli għall-industriji affettwati, għadd ta' Stati Membri qed jikkunsidraw miżuri tranżizzjonali biex jipprovdu aktar prevedibilità għall-industriji tal-metall.

Barra mill-proposti ta' hawn fuq l-azzjonijiet li ġejjin huma rilevanti:

Azzjonijiet

1. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħmlu stima ta' l-inizjattivi marbuta mal-ġenerazzjoni kollettiva ta' l-elettriku, il-kuntratti fuq medda twila ta' żmien u s-sħubiji. It-tagħrif dwar soluzzjonijiet possibbli u prassi tajba li jkunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq intern għandu jinqasam fost l-Istati Membri.

2. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida, taħt il-forma xierqa (inkluż l-iżvilupp tal-ġurisprudenza), dwar il-kompatibilità tal-kuntratti ta' provvista ta' l-enerġija fuq medda twila ta' żmien mal-liġi tal-Komunità.

3. Biex iżżid l-effiċjenza ta' l-enerġija il-Kummissjoni flimkien ma' l-industrija se ġġib 'il quddiem , fi ħdan il-qafas tal-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni, l-aqwa prassi ta' konservazzjoni ta' l-enerġija fi ħdan l-industriji tal-metalli.

Il-politika ta' l-ambjent

Bidla fil-Klima

Bħala produtturi kbar tas-CO2 l-industriji tal-metalli se jinħtieġu jagħmlu kontribut ewlieni fit-taffija tat-tibdil tal-klima.

Dawn l-industriji jridu jiksbu rendiment ambjentali għoli u effiċjenza enerġetika mingħajr ma jitilfu fil-kompetittività. Mhux fl-interess ta' l-Unjoni Ewropea li fil-ġejjieni l-produzzjoni tgħaddi lejn pajjiżi b'limiti inqas stretti ta' emissjonijiet ("tnixxija ta' karbonju") peress li dan ikollu konsegwenzi ambjentali u ekonomiċi negattivi. Għal din ir-raġuni, il-pakkett ta' azzjoni dwar il-klima u l-enerġija li tiġġedded tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008[19] jagħraf u jindirizza l-qagħda speċifika ta' l-industriji ta' enerġija intensiva. Il-pakkett jistabbilixxi kriterji ċari għall-identifikazzjoni ta' l-industriji ta' enerġija intensiva li huma esposti għar-riskju tat-tnixxija ta' karbonju. Il-Kummissjoni se tiddetermina s-setturi jew sotto-setturi li jqagħu fi ħdan din il-kategorija; għandhom jingħatawlhom konċessjonijiet b'xejn sa 100 % jekk titqies teknika aktar effiċjenti; il-proċess ta' produzzjoni jista' jitqies taħt kundizzjonijiet stretti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tevalwa jekk l-industriji tal-metalli jikkwalifikawx għal trattament bħal dan. Fid-dawl tan-negozjati internazzjonali ta' ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima għall-perjodu ta' wara l-2012, il-Kummissjoni se tevalwa aktar il-qagħda ta' l-industriji ta' enerġija intensiva u tista' tipproponi aġġustamenti b'mod partikolari f'termini ta' allokazzjoni jew inklużjoni ħielsa ta' prodotti importati fl-Iskema ta' Skambju ta' Emissjonijiet tal-Komunità.

Ftehimiet settorjali bbażati fuq kundizzjonijiet speċifiċi għall-industrija jistgħu jistimulaw azzjoni fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet fil-livell internazzjonali. Dawn il-ftehimiet settorjali għandhom iwasslu għal tnaqqis ta' emissjonijiet globali tal-kobor meħtieġ biex jiġi indirizzat b'mod effettiv it-tibdil fil-klima, u għandhom ikunu kontrollabbli, verifikabbli u soġġetti għal arranġamenti obbligatorji ta' infurzar.

Prevenzjoni u Kontroll Integrati tat-Tniġġis (PKIT)

Il-qafas legali attwali ta' l-UE dwar l-emissjonijiet industrijali jinkludi l-PKIT u l-hekk imsejjħa "Direttivi settorjali." F'Diċembru 2007, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali mfassla mill-ġdid li tiġbor flimkien il-PKIT u d-"Direttivi settorjali" marbuta magħha. It-test propost isaħħaħ ir-rwol ta' l-"Aqwa Teknika Disponibbli" (ATD) u tat-"Teknika Emerġenti"[20].

Ir-rekwiżti li jippermettu tad-Direttiva PKIT mhux dejjem jaqblu ma' standards ekwivalenti f'pajjiżi terzi.

Leġiżlazzjoni dwar l-iskart

Biex il-ġestjoni ta' l-iskart titjieb u jkun hemm iktar ċarezza legali filwaqt li jiġu evitati spejjeż amministrattivi u dewmien żejjed, il-Kummissjoni għamlet proposta biex temenda d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, li bħalissa qed tiġi diskussa mill-PE u l-Kunsill.

Il-proposta tinkludi mekkaniżmu biex jiċċara meta l-iskart ma jibqax skart. Għal dan il-għan hemm il-ħsieb li kriterji speċifiċi, ibbażati fuq speċifikazzjonijiet tekniċi, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz tal-komitoloġija.

REACH

Filwaqt li l-metalli jaqgħu fl-ambitu tar-REACH hemm karattersistiċi speċifiċi ta' dawk is-sustanzi li jeħtieġu attenzjoni, inkluża l-valutazzjoni ta' metalli inkorporati f'liga.

L-Istandardizzazzjoni

L-istandards fis-settur tal-metalli għandhom rwol importanti b'mod partikolari fil-qafas tad-direttivi dwar ix-xiri pubbliku u qed isiru strument importanti ta' aċċess għal swieq terzi.

L-Ewrokodiċijiet, bħala standards Ewropej, huma mezz ma' l-Ewropa kollha għad-disinn strutturali ta' bini u xogħlijiet ta' inġinerija u, bħala tali, huma ta' importanza vitali għas-settur tal-kostruzzjoni Ewropea u għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' prodotti strutturali tal-metall.

Azzjonijiet

4. Il-Kummissjoni se tħejji l-miżuri stabbiliti fil-pakkett tagħha ta' azzjoni dwar il-klima u l-enerġija li tiġġedded tat-23 ta' Jannar 2008 dwar l-industriji ta' enerġija intensiva, b'mod partikolari d-determinazzjoni ta' setturi jew sotto-setturi kkonċernati bit-tnixxija tal-karbonju u ta' l-allokazzjoni adattata. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tevalwa jekk l-industriji tal-metalli jikkwalifikawx għal trattament bħal dan. Fid-dawl tan-negozjati internazzjonali ta' ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima għall-perjodu ta' wara l-2012, il-Kummissjoni se tevalwa aktar il-qagħda ta' l-industriji ta' enerġija intensiva u tista' tipproponi aġġustamenti b'mod partikolari f'termini ta' allokazzjoni jew inklużjoni ħielsa ta' prodotti importati fl-Iskema ta' Skambju ta' Emissjonijiet tal-Komunità.

5. Il-Kummissjoni se tifli, flimkien mal-partijiet interessati u pajjiżi terzi, ir-rwol tal-ftehimiet settorjali li għandhom iwasslu għal tnaqqis globali ta' emissjonijiet tal-kobor meħtieġ biex jiġi indirizzat b'mod effettiv it-tibdil fil-klima, u dan għandu jkun kontrollabbli, verifikabbli u suġġett għal arranġamenti obbligatorji ta' infurzar. Dan se jinkludi metodoloġiji bl-aqwa prassi għal dak li huwa ġbir ta' data u indikaturi ta' rendiment ewlenin.

6. Fir-rigward tal-PKIT, il-Kummissjoni se tiżgura rabtiet eqreb bejn il-proċess ta' elaborazzjoni tad-dokumenti ta' Referenza BAT (BREFs), il-Programm Qafas ta' Riċerka Ewropew u l-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni, biex tipprovdi appoġġ għat-teknika emerġenti.

7. Fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u soġġett għall-finalizzazzjoni tal-proċess leġiżlattiv li jirrigwarda d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, il-Kummissjoni se tfittex li tiżgura li jiġi ffaċiltat l-użu b'infiq effettiv tar-rottam tal-metalli bħala materja prima sekondarja għall-industrija.

8. Fil-kuntest tar-REACH, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u l-Istati Membri se tiżviluppa gwida teknika marbuta ma' sustanzi fi preparazzjonijiet speċjali.

9. Bħala standardizzazzjoni l-Kummissjoni, flimkien ma' l-Istati Membri, se tfittex li ġġib 'il quddiem l-użu ta' l-Ewrokodiċijiet[21] marbuta mal-metalli biex tnaqqas id-differenzi fil-mod li bih jiġu applikati ma' l-UE.

Riċerka u Żvilupp ta' l-innovazzjoni u ħiliet

Il-kapaċità li ġġib innovazzjoni se tkun kruċjali biex tinżamm il-kompetittività. Ir-Riċerka u l-Iżvilupp se jkollhom rwol importanti fil-livell tal-prodotti u fil-proċessi ta' produzzjoni.

Fil-livell tal-prodotti, l-innovazzjoni hija essenzjali għad-differenzjazzjoni tal-prodott finali. Il-metalli differenti jikkompetu b'mod qawwi bejnithom u ma' metalli oħrajn bħall-kompożiti, biex juru r-rendiment ekonomiku u tekniku superjuri tagħhom.

Għal dak li huma proċessi ta' produzzjoni, it-teknoloġija preżenti hija relattivament matura. Madankollu, l-industrija hija attiva fit-tfittxija ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi. Per eżempju, il-proġett "Iffrankar ta' enerġija u emissjonijiet ta' CO2 baxxi ħafna mill-azzar" (ULCOS) jiġbor flimkien 48 imseħbin biex jipproduċi l-massa finanzjarja kritika biex jirsolvi l-isfida tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet fis-settur ta' l-azzar bl-livell ta' mira ta' 50 %. L-ewwel pass ta' dan il-proġett se jwassal sa l-2009 u t-tieni wieħed sa l-2014/15.

Taħt il-Pjattaforma Teknoloġika ta' l-Azzar (ESTEP) maħluqa fl-2003, il-produtturi tal-metalli qed jikkooperaw ma' l-utenti u mal-fornituri tat-tagħmir biex isolvu l-isfidi ġodda. Approċċ simili qed jiġi applikat għall-Pjattaforma tat-Teknoloġija Ewropea dwar ir-Riżorsi Minerali Sostenibbli (PTE RMS) mwaqqfa f’Marzu 2005 biex tittejjeb il-kapaċità innovattiva, jiġu żviluppati prodotti ġodda u jiżdiedu l-effiċjenza u l-frott tal-proċessi ta’ produzzjoni bit-tnaqqis ta’ l-ispejjeż u l-impatt fuq l-ambjent.

L-industrija ta’ l-aluminju ffurmat Pjattaforma ta’ Teknoloġija ta’ l-Aluminju Ewropea biex tiżviluppa approċċ koerenti għar-riċerka u t-teknoloġija.

Permezz tas-Seba' Programm Qafas, il-programm tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (FRFA), u l-Programm il-ġdid ta’ Kompetittività u Innovazzjoni (PKI) u l-Fondi Strutturali, l-UE tipprovdi erba’ strumenti ewlenin għall-ikkofinanzjar ta’ attivitajiet fl-oqsma ta’ l-innovazzjoni, l-R&D u l-ħiliet

Azzjonijiet

10. L-industrija għandha tagħti prijorità lill-attivitajiet ta’ innovazzjoni u riċerka, fost l-oħrajn, billi timplimenta proġetti ewlenin fuq medda twila ta’ żmien (per eżempju l-ULCOS), kif ukoll l-aġenda ta’ riċerka strateġika żviluppata mill-Pjattaformi ta’ Teknoloġija Ewropea rilvanti; għandha tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet disponibbli permezz ta’ l-istrumenti tal-Komunità u billi tħeġġeg il-kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li tieħu ħsieb b’mod xieraq kwistjonijiet ta’ ħarsien tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI).

11. L-Istati Membri, l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-industrija għandhom jiżviluppaw strateġiji xierqa, inklużi sħubiji fost il-pajjiżi Ewropej u ma’ pajjiżi terzi, biex itejbu d-disponibbiltà tal-ħiliet.

12. L-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna jġibu 'l quddiem l-innovazzjoni fl-industriji tal-metalli u jappoġġjaw strateġiji ta’ trasferiment ta’ teknoloġija residenti fi klasters. Dan jinkludi appoġġ għall-inkubazzjoni, it-trasferiment tat-teknoloġija, ħiliet, u finanzjament ta’ l-istadji bikrija ta’ inizjattivi ta’ riċerka b’enfasi partikolari fuq l-għajnuna għal IŻM u impriżi innovattivi b’potenzjal għoli ta’ tkabbir.

Relazzjonijiet esterni u Strateġiji Kummerċjali

L-aċċess għall-materja prima huwa essenzjali għall-industrija Ewropea. Il-Kunsill dwar il-Kompetittività tal-21 ta’ Mejju 2007 talab lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ politiku koerenti għal provvista tal-materja prima lill-industrija, billi tiġbor flimkien l-istrateġiji kollha rilevanti tal-Komunità. Il-Kummissjoni se tagħti prijorità lit-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ugwali kemm għall-metalli u l-materja prima tagħhom fil-politika kummerċjali tagħha, kif ukoll fil-qafas tar-relazzjonijiet esterni tagħha kemm mal-pajjiżi industrijalizzati kif ukoll ma’ l-ekonomiji emerġenti[22].

F'dawn l-aħħar snin kien hemm tendenza ta’ żieda ta' prassi ta’ tgħawwiġ li taħt għadd ta’ mekkaniżmi differenti, inklużi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, dazji fuq l-esportazzjoni, tnaqqis selettiv fuq il-VAT, sussidji u affarijiet oħra. Per eżempju, ir-Russja tapplika taxxi sa 50 % fuq l-esportazzjoni tar-rottam; l-Indja għadha kemm introduċiet taxxa ta’ esportazzjoni fuq il-ħadid mhux maħdum; Iċ-Ċina ma tippermettix li kumpaniji barranin ikollhom maġġoranza ta' l-ishma f’setturi bħall-azzar u introduċiet varjetà ta’ mekkaniżmi li jxekklu l-esportazzjoni tal-materja prima tal-metalli jew jipprovdu appoġġ mill-gvern għax-xiri tagħhom minn sorsi barranin

Prassi bħal din toħloq diffikultajiet serji għall-industrija Ewropea u trid tinstab soluzzjoni għaliha bl-użu ta’ l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż permezz tad-djalogu msaħħaħ.

Internazzjonalment, is-Summit tal-G8 huwa u jindirizza l-kwistjoni tal-materja prima ddiskuta l-qagħda tas-swieq dinjija tal-prodotti u ż-żidiet ta’ dan l-aħħar fil-prezzijiet, u stqarr mill-ġdid l-impenn lejn swieq ħielsa, trasparenti u miftuħin. [23]

Azzjonijiet

13. Il-Kummissjoni se tkompli tuża l-istrumenti kollha li jeżistu biex tindirizza prassi kummerċjali li tikser il-ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ.

14. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha, fi ħdan il-qafas ta’ negożjati kummerċjali multilaterali u bilaterali, li topponi l-użu ta’ taxxi fuq l-esportazzjoni fuq il-metalli u l-materja prima.

15. Il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni fl-2008 bl-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta’ aċċess sostenibbli għall-minerali u materja prima sekondarja fil-livell ta' l-UE u dak internazzjonali[24].

16. Kummissjoni se żżomm djalogu industrijali mill-qrib ma’ pajjiżi terzi ewlenin.

[1] COM(2005) 474 finali, Anness II.

[2] COM(2007) 374 finali, 4.7.2007.

[3] SEC(2006) 1069, 2.8.2006.

[4] Metalli li fihom il-ħadid u li ma fihomx kif iddefiniti fl-anness, NACE kodiċi 27, Eurostat.

[5] SEC2007 771.

[6] Anness, tabella 1.

[7] Ara wkoll l-anness, tabella 4.

[8] Inizjattiva Ewropa PRO INNO - kejl INNO Metrics: http://www.proinno-europe.eu/extranet/admin/uploaded_documents/EIS_2005_European_Sector_Innovation_Scoreboards.pdf

[9] Ara l-anness, figura 3.

[10] Proporzjon: produzzjoni relatata mal-konsum.

[11] Produzzjoni primarja ta' l-azzar u laminazzjoni, kif iddefinit skond it-Trattat tal-KEFA.

[12] Ir-regoli bażiċi għat-tħaddim ta' dan il-proċess ta' ristrutturar ġew stabbiliti fil-Ftehimiet ta' l-Ewropa, 1993-1996.

[13] Rapporti ta' monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tas-settur ta’ l-azzar fir-Repubblika Ċeka u fil-Polonja, KE

[14] Ara wkoll l-anness, figura 2.

[15] Rapport tekniku nru 7/2007 ŻEE - iżda mhux l-emissjonijiet kollha tas-CO2 ta' l-industrija tal-metalli huma rrappurtati taħt il-kategorija CRF 2.C billi l-irrappurtar jista' jvarja minn Stat Membru għal ieħor

[16] Għall-bottijiet ta' l-azzar il-piż tnaqqas b'16 % u għall-aluminju bi 30 % bejn l-1980 u l-1998.

[17] Inkjesta fis-Settur SEC(2006) 1724, p. 4.

[18] Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, 7224/07 Konklużjonijiet tal-Presidenza tad-9 ta' Marzu 2007.

[19] B'mod partikolari COM(2008) 16 finali.

[20] COM(2007) 844 finali.

[21] B'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/887/KE tad-19 ta' Diċembru 2003.

[22] Ara wkoll l-anness, tabella 3 u 5.

[23] Is-Summit G8 2007, Dikjarazzjoni, taqsira tal-Presidenza, 8.6.2007.

[24] Konsultazzjoni pubblika http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=1249

Top