EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0066

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Restrizzjonijiet fuq l-istorbju mill-operat ta’ l-ajruporti fl-UE - (Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/30/KE)

/* KUMM/2008/0066 finali */

52008DC0066

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Restrizzjonijiet fuq l-istorbju mill-operat ta’ l-ajruporti fl-UE - (Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/30/KE) /* KUMM/2008/0066 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.2.2008

KUMM(2008) 66 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Restrizzjonijiet fuq l-Istorbju mill-Operat ta’ l-Ajruporti fl-UE (Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/30/KE)

1. DAĦLA

L-istorbju mill-inġenji ta’ l-ajru ilu kwistjoni sensittiva għar-residenti taż-żoni qrib l-ajruporti mill-bidu ta’ l-użu estensiv ta’ l-inġenji ta’ l-ajru bil-ġett fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. Dan wassal biex il-gvernijiet u l-industrija dejjem fittxew kif itejbu l-livell ta’ storbju mill-inġenji ta’ l-ajru individwali, notevolment billi ntlaħaq ftehim fuq livell globali (ICAO) dwar l-introduzzjoni ta’ standards dejjem iktar stretti – proċess li wassal għad-definizzjoni ta’ l-istandards ta’ l-inġenji ta’ l-ajru magħrufin bħala dawk tal-Kapitoli 2, 3 u 4. B’hekk, il-ġettijiet tal-passiġġieri tal-lum jagħmlu konsiderevolment inqas storbju minn dawk ta’ qabilhom.

Abbażi ta’ dan il-ftehim li ntlaħaq fl-ICAO għall-projbizzjoni ta' l-użu ta' inġenji ta' l-ajru tal-ġett tal-Kapitolu 2, li huma eqdem u iktar storbjużi, projbizzjoni totali ta' l-inġenji ta' l-ajru tal-Kapitolu 2 daħlet fis-seħħ fl-UE minn April 2002 ‘il quddiem.

Il-Kunsill ta’ l-ICAO f’Ġunju 2001 adotta standard ġdid taċ-ċertifikazzjoni (il-Kapitolu 4 fl-Anness 16, Volum 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali), li jistabbilixxi standards dwar l-istorbju ta’ l-inġenji ta’ l-ajru l-ġodda li bdew is-servizz tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2006 ‘il quddiem, iżda l-ebda skeda ma ġiet stabbilita għat-tneħħija gradwali ta' l-inġenji ta' l-ajru tal-Kapitolu 3.

In-nuqqas ta’ skeda bħal din jirriżulta f’iktar pressjoni għar-restrizzjonijiet fuq l-operat biex jiġi limitat l-istorbju fl-ajruporti. Filwaqt li ssaħħu l-istandards dwar l-istorbju applikabbli għall-inġenji ta’ l-ajru individwali, livelli tat-traffiku dejjem jiżdiedu u traffiku iktar regolari f’għadd dejjem jikber ta’ ajruporti jkomplu jħassbu lir-residenti lokali. Għalhekk, hemm domanda għal aktar restrizzjonijiet fuq l-operat fl-ajruporti individwali biex ikun limitat l-impatt ta’ l-istorbju ta’ l-inġenji ta’ l-ajru matul il-perjodu l-iktar sensittivi (filgħaxija, bil-lejl u matul il-weekend) jew biex ikun limitat l-użu ta’ inġenji ta’ l-ajru li huma eqdem u iktar storbjużi u li huma biss marġinalment konformi mal-Kapitolu 3.

Fis-26 ta' Marzu 2002, il-Komunità adottat id-Direttiva 2002/30/KE dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità[1]. Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq l-operat fl-ajruporti individwali, partikolarment fuq l-inġenji ta' l-ajru li huma marġinalment konformi mal-Kapitolu 3, sakemm iwettqu din l-introduzzjoni skond l-approċċ magħruf bħala l-"Approċċ Ibbilanċjat" stabbilit fir-Riżoluzzjonijiet ta’ l-Assemblea ta’ l-ICAO A33-7 u A35-5. Fl-istess sena, l-UE adottat id-Direttiva 2002/49/KE[2] li teħtieġ li jiġu adottati mapep strateġiċi ta’ l-istorbju u pjanijiet ta’ azzjoni madwar l-ajruporti ċivili ewlenin[3] kif ukoll f’agglomerazzjonijiet b’iktar minn 100 000 abitant sabiex tipprevjeni, tevita u tnaqqas l-effetti ta’ ħsara (inkluż l-irritazzjoni) minħabba l-istorbju tat-traffiku ta’ l-ajru. Il-Kummissjoni se tissottometti rapport separat lill-Parlament Ewrope u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-2009. Fl-2006, l-UE adottat Strateġija mġedda għall-iżvilupp sostenibbli[4] li għandha l-għan li ‘ jitnaqqsu l-ħsejjes tat-trasport kemm fis-sors kif ukoll permezz ta ’ miżuri ta ’ mitigazzjoni biex jiġi żgurat li l-livelli globali ta ’ espożizzjoni jimminimizzaw l-impatti fuq is-saħħa ’ . ’

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/30/KE jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tagħha tad-Direttiva sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Dan jistipula wkoll li r-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun fih, jekk ikun meħtieġ, proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva. L-għan ewlieni ta’ dan ir-rapport huwa li jindika kemm jitwettaq l-għan tad-Direttiva u kemm ikkontribwiet l-applikazzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, ikun fih valutazzjoni ta’ l-effettività tad-Direttiva, li fiha enfasi partikolari fuq id-determinazzjoni ta' jekk tinħtieġ reviżjoni tad-definizzjoni attwali ta’ “l-inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi” stabbilita fl-Artikolu 2d (jiġifieri l-limiti taċ-ċertifikazzjoni li jinsabu fil-Kapitolu 3, b’marġni kumulattiv ta’ mhux aktar minn 5 ĦEPdB[5] – magħrufin bħala inġenji ta’ l-ajru “taħt 5”) għal aktar strettezza.

Sabiex din id-diskussjoni tidħol fil-kuntest, ir-rapport jeżamina l-bidliet fil-klima ta' l-istorbju tal-Komunità mill-2002, u tistabbilixxi sa fejn il-qafas regolatorju tad-Direttiva kkontribwixxa għal dawk il-bidliet. Din il-ħidma kwantitattiva u kwalitattiva kienet teħtieġ inventorju dettaljat ta’ miżuri, li diġà ttieħdu jew li kienu ippjanati fl-ajruporti, taħt id-Direttiva.

2. L-APPROĊĊ IBBILANĊJAT

Id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri “jadottaw metodu bbilanċjat biex jaffrontaw il-problemi li għandhom x'jaqsmu mal-ħoss fl-ajruporti (tagħhom)” (l-Artikolu 4.1). "Il-metodu bilanċjat"[6] għandu jfisser “metodu li bih l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-miżuri disponibbli sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ħoss f'ajruport fit-territorju tagħhhom, jiġifieri l-effett prevedibbli ta' tnaqqis tal-ħoss ta' l-inġenji ta’ l-ajru minn fejn joriġina, l-ippjanar u l-immaniġjar ta' l-użu ta' l-art, il-proċeduri għat-tnaqqis tal-ħoss u r-restrizzjonijiet fuq l-operat” (l-Artikolu 2g).

Sa ċertu punt id-Direttiva hija maħsuba li tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jintroduċu r-restrizzjonijiet fuq l-inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi, skond il-linji gwida ta’ l-ICAO u fl-istess ħin tikkontribwixxi għall-għan ġenerali li tipprevjeni li l-klima ta’ l-istorbju tkompli tiggrava u tillimita u tnaqqas il-numru tan-nies affettwati b’mod sinifikanti mill-impatti li jagħmlu l-ħsara ta’ l-istorbju ta’ l-inġenji ta’ l-ajru.

Id-dritt ta’ l-ajruporti individwali biex jirrestrinġu l-operat ta’ l-inġenji ta' l-ajru marġinali tal-Kapitolu 3 fi ħdan il-qafas ta' l-Approċċ Ibbilanċjat kien aċċettat fuq livel internazzjonali bħala risposta għall-ilmenti minn ci Membri ta’ l-ICAO rigward ir-Regolament (KE) Nru 925/1999[7] (l-hekk imsemmi Regolament “ hushkit ”). Dak ir-Regolament ipprojbixxa l-inġenji ta’ l-ajru “ċertifikati mill-ġdid” fil-Komunità, definiti bħala inġenji ta’ l-ajru li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3 biss permezz ta’ hushkitting. Kien imħassar meta d-Direttiva daħlet fis-seħħ peress illi d-Direttiva ppermetiet lill-Istati Membri jipprojbixxu l-inġenji ta' l-ajru marġinalment konformi f'ajruporti individwali.

3. L-INTERPRETAZZJONI TAD-DIRETTIVA

Abbażi tat-tweġibiet mit-52 ajruport[8] huwa ċar li mhux l-ajruporti kollha jifhmu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva bl-istess mod.

L-obbligi fuq l-ajruporti jidhru li huma pjuttost ċari: jekk l-awtoritajiet ifittxu li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq l-operat ta’ inġenji ta’ l-ajru ċivili bil-ġettijiet wara t-28 ta’ Marzu 2002, id-Direttiva tesiġi li jadottaw l-Approċċ Ibbilanċjat, u li jillimitaw ir-restrizzjonijiet għal dak li hu meħtieġ. Barra minn hekk, l-Istati Membri li jintroduċu restrizzjonijiet iridu jsegwu ċerti proċeduri dwar in-notifikar ta’ l-introduzzjoni, il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni. Matul dan il-proċess, l-effett ippjanat tar-restrizzjonijiet irid jiġi kkwantifikat.

F’dak li jirrigwarda x’tippermetti jew tipprojbixxi d-Direttiva, jidher li hemm żewġ oqsma ta’ dubju:

(1) ċerti ajruporti huma tal-fehma li huwa diffiċli li jiġi indikat x’inkiseb permezz tad-Direttiva nnifisha għaliex ħafna minn dak li hu permess mid-Direttiva kien permess xorta waħda mil-liġi nazzjonali u ġew introdotti bosta restrizzjonijiet mill-Istati Membri qabel l-2002;

(2) ajruporti oħra huma tal-fehma li d-Direttiva ma tipprojbixxix biċ-ċar xi forma partikolari ta’ restrizzjoni.

4. EFFETTI TAD-DIRETTIVA

Il-maġġoranza ta’ l-operaturi ta’ l-ajruporti indikaw li d-Direttiva ma kenitx influwenzat b’mod dirett il-ġestjoni ta’ l-istorbju madwar l-ajruport tagħhom. Ċerti ajruporti semmew li dak li tippermettih id-Direttiva diġà kien permess mil-liġi nazzjonali. Dan jgħodd partikolarment għall-ajruporti fil-Ġermanja u fir-Renju Unit. Ajruport wieħed Ġermaniż indika wkoll li minkejja li d-Direttiva tippermetti restrizzjonijiet fuq l-inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi tal-Kapitolu 3, ċerti ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru jipprojbixxu l-introduzzjoni ta’ miżuri bħal dawn.

Diversi ajruporti qalu li d-Direttiva għamlet il-proċess tal-ġestjoni ta' l-istorbju madwar l-ajruport aktar oneruż minħabba r-rekwiżiti ta’ l-Anness 2 tagħha. Dan l-anness jesiġi konsultazzjoni u valutazzjoni ta’ l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ mezzi alternattivi għat-tnaqqis ta’ l-istorbju madwar l-ajruport.

Żewġ ajruporti indikaw biża’ li l-linji ta’ l-ajru jistgħu ifittxu bil-qrati wara l-introduzzjoni tal-miżuri, bl-argument li r-rekwiżiti ta’ l-Anness 2 ma jkunux ġew rispettati kompletament.

Ċerti ajruporti indikaw li minkejja li d-Direttiva ma kellhiex influwenza diretta fuq il-ġestjoni ta’ l-istorbju, indirettament kienet tat kontribut minħabba f’għadd ta’ raġunijiet:

- id-Direttiva serviet bħala lista ta’ kontroll utli biex turi l-miżuri potenzjali kollha disponibbli;

- l-enfasi tad-Direttiva fuq l-azzjoni individwali mill-ajruporti ffaċilitat l-introduzzjoni tar-restrizzjonijiet;

- id-Direttiva għenet biex tiġi stabbilita klima ta’ fiduċja fost il-partijiet interessati;

- id-Direttiva stabilixxiet kundizzjonijiet ġusti tas-suq;

- id-Direttiva qajmet ukoll għarfien dwar azzjoni possibbli u prassi tajba fost ajruporti medji u ta’ daqs żgħir (li ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni tad-Direttiva).

Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva kien li ssir possibbli l-ġestjoni ta' l-istorbju madwar ajruporti bi problemi partikolari ta' storbju. Jekk l-ajruporti kellhomx problemi bħal dawn seta’ kien jiddependi parzjalment fuq l-azzjonijiet li diġà kienu permessi mil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Il-pajjiżi li diġà kellhom il-liġijiet nazzjonali stabbiliti, li ppermettew lill-ajruporti jieħdu ħsieb l-istorbju, kellhom inqas użu għad-Direttiva milli dawk li ma kellhomx qafas bħal dan. Madankollu, f’dawk l-ajruporti fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kenitx effettiva, id-Direttiva setgħet ikkontribwixxiet għall-ġestjoni ta’ l-istorbju.

5. RESTRIZZJONIJIET INTRODOTTI

Huma deskritti restrizzjonijiet fuq inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi tal-kapitolu 3, abbażi ta’ marġni kumulattiva (kif definita fid-Direttiva) ta’ 5 dB(A), minn issa ‘l quddiem “inġenji ta’ l-ajru Minus 5”, kif ukoll restrizzjonijiet fuq inġenji ta’ l-ajru ma’ marġni kumulattiva ta’ 8 dB(A) jew aktar, restrizzjonijiet ta’ bil-lejl u l-użu ta’ baġits ta’ l-istorbju, inklużi l-effetti li dawn ir-restrizzjonijiet differenti jista’ jkollhom fuq it-traffiku. Madankollu, il-miżuri differenti introdotti jistgħu jkunu doppju f’ċerti każijiet għaliex diviżjoni ċara mhijiex dejjem possibbli.

5.1. RESTRIZZJONIJIET INTRODOTTI "MINUS 5"

Regoli mhux operattivi għal inġenji ta’ l-ajru “minus 5" ġew introdotti biss minn żewġ ajruporti.

Kienu biss erba’ ajruporti li qalu li kienu introduċew restrizzjonijiet parzjali[9] fuq l-operat ta’ inġenji ta’ l-ajru “minus 5” skond id-Direttiva, u huma ddeskrivewhom. Dawn inkludew:

- tliet ajruporti li introduċjew projbizzjonijiet ta’ bil-lejl fuq inġenji ta’ l-ajru “minus 5”; kif ukoll

- ajruport wieħed li pprojbixxa inġenji ta’ l-ajru “minus 5" fuq rotot ġodda (tip ta' regola ta' projbizzjoni fuq l-addizzjoni, possibbilment prekursur għal regola ta' waqfien mill-operat).

Madankollu, mill-ajruporti li ma kinux introduċew projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet bħal dawn, aktar minn 10 stennew li jagħmlu dan, jew kienu kkunsidraw, jew attwalment kienu qed jikkunsidraw jagħmlu dan, inkella indikaw li setgħu jagħmlu dan f'ċerti ċirkostanzi. Kien hemm ukoll żewġ każijiet speċjali (żewġ ajruporti tal-bliet);

minn dawk l-ajruporti li żgur biħsiebhom jintroduċu miżuri bħal dawn, ajruport wieħed biħsiebu jdaħħal “dalwaqt” projbizzjoni totali “minus 5” biex tieħu post projbizzjoni “hushkit” ta’ qabel id-Direttiva[10], u ajruport wieħed (EEA) juża leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ qabel id-Direttiva biex jipprojbixxi operazzjonijiet “minus 5” matul il-lejl b’effett mill-2008;

- ajruport wieħed kien ikkunsidra projbizzjoni “minus 5” iżda abbanduna l-iskema wara li operatur kbir ta’ tip ta’ ajruplan marġinali ġedded l-inġenji ta’ l-ajru, u għalhekk il-projbizzjoni ma baqgħetx valida;

- tliet ajruporti qed jikkunsidraw restrizzjonijiet “minus 5” fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-istorbju tagħhom;

- żewġ ajruporti ħassew li kienu se jkollhom jirrestrinġu inġenji ta’ l-ajru “minus 5” jekk kienu se jiġu imposti restrizzjonijiet mill-awtoritajiet lokali fir-rigward ta’ l-attività b’riżultat ta’ l-iżvilupp ippjanat tar-runways.

- żewġ ajruporti kienu tal-ħsieb li “jistgħu” jimponu restrizzjonijiet “minus 5” mingħajr ma jispeċifikaw il-kondizzjonijiet;

- żewġ ajruporti fil-bliet jilqgħu l-inġenji ta’ l-ajru fuq il-bażi ta’ livelli ta’ storbju mkejla lokalment biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti lokali ta’ Ppjanar li jirrestrinġu l-operat ta’ l-ajruport, f’termini ta’ livelli ta’ storbju assoluti (u mhux ċertifikati); Dan jagħti eżempju tal-kwistjoni ta’ kompatibbiltà tad-Direttiva mal-liġi dwar il-Ippjanar f’ċerti Stati Membri.

Fil-każ ta’ l-ajruporti li ġejjin, l-Istati Membri nnotifikaw li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva:

Inġenji ta’ l-ajru “minus 5” huma pprojbiti milli joperaw bil-lejl f’Pariġi u mill-2008 se jkunu wkoll ipprojbiti milli joperaw bin-nhar. Dan huwa parti mill-politika biex jiġi llimitat il-fastidju kumplessiv mill-istorbju għal-livelli osservati fl-1999-2001.

Fl-ajruporti ta’ Londra fir-Renju Unit, ġie stabbilit reġim ġdid għat-titjiriet li jkopri l-perjodu 2006-2012.

F’Madrid-Barajas ġie introdott sett ta' restrizzjonijiet wara s-sajf ta' l-2006, u dan inkluda l-irtirar gradwali ta' inġenji ta’ l-ajru "minus 5" bejn l-2007 u l-2012 kif ukoll restrizzjonijiet fuq it-titjiriet ta' bil-lejl.

Il-bqija ta' l-ajruporti ma rrappurtaw l-ebda restrizzjonijiet imposti (jew maħsuba) fuq inġenji ta’ l-ajru "minus 5" b'konformità marġinali, fil-kuntest tad-Direttiva.

Ajruport wieħed indika li jkun hemm aktar ċarezza li kieku jkun hemm aktar armonizzazzjoni bejn l-ajruporti fil-mod li bih jiddefinixxu inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi.

5.2 RESTRIZZJONIJIET INTRODOTTI: "MINUS 8" U LIL HINN

Ċerti ajruporti stabilixxew, jew qed jikkunsidraw restrizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-"minus 5" dB(A). Wieħed biss diġà rrestrinġa inġenji ta’ l-ajru “minus 8” u tlieta biħsiebhom jesiġu l-irtirar tagħhom:

- ajruport wieħed ilu bi projbizzjoni fuq it-titjiriet ta’ bil-lejl minn inġenji ta’ l-ajru “minus 8” mill-2003;.

- ajruport wieħed (f’belt) iddikjara li biħsiebu jkun tal-“Kapitolu 4 biss” sa l-2010;

- ajruport ieħor f’belt indika li kwalunkwe projbizzjonijiet ta’ bil-lejl ikunu bbażati fuq il-“Kapitolu 4” fil-ġejjieni;

- ajruport wieħed iddikjara l-ħsieb li jipprojbixxi inġenji ta’ l-ajru “minus 8” sa l-2008 jekk ma jkunux tneħħew permezz tar-renovazzjoni naturali jew azzjoni kooperattiva fuq bażi volontarja qabel dak iż-żmien;

5.3. RESTRIZZJONIJIET INTRODOTTI: BIL-LEJL

Restrizzjonijiet parzjali fuq l-istorbju[11] mill-operat mhux neċessarjament huma mmirati lejn livelli partikolari ta' konformità mal-Kapitolu 3. Minkejja dan, miżuri ġenerali bħal dawn huma koperti wkoll mid-Direttiva f’termini ta’ rekwiżiti ta’ valutazzjoni formali qabel ma jiġu introdotti.

Erba’ ajruporti rispondenti (li tlieta minnhom huma ajruporti ta’ bliet[12]) huma magħluqa bil-lejl. Ajruport wieħed mhux-rispondent huwa magħruf li jopera curfew. Barra minn hekk, għadd ta’ ajruporti huma magħluqa matul parti mil-lejl. Seba’ ajruporti ipprojbixxew inġenji ta’ l-ajru tal-kapitolu 3, li huma marġinalment konformi, matul il-lejl, wieħed minnhom li pprojbixxa effettivament inġenji ta’ l-ajru “minus 8” tal-kapitolu 3. Barra minn hekk, diversi ajruporti Ġermaniżi jippermettu biss inġenji ta’ l-ajru mil-lista tal-bonus[13]. Diversi ajruporti għandhom fis-seħħ sistema ta’ kwoti għat-titjiriet ta’ bil-lejl. Ċerti ajruporti għandhom limiti fuq il-moviment ta’ bil-lejl minflok sistema ta’ kwoti. Madwar għoxrin ajruport indikaw li m’għandhom l-ebda restrizzjonijiet partikolari matul il-lejl, minbarra l-għeluq potenzjali ta’ runway partikolari.

5.4. BAġITS GħALL-ISTORBJU TA’ L-AJRUPORTI

Minbarra r-restrizzjonijiet fuq inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi, jew għeluq (parzjali) bil-lejl, l-applikazzjoni ta’ baġits ta’ l-istorbju tista’ titqies ukoll bħala restrizzjoni.

Il-baġits ta’ l-istorbju ma jirrestrinġux direttament l-operat ta’ ajruplan partikolari, f’kuntrast mar-restrizzjonijiet ta’ bil-lejl u restrizzjonijiet fuq inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi, iżda jirrestrinġu l-aċċess mill-flotta kollha kemm hi. Il-baġits għall-istorbju jirrestrinġu l-istorbju kumplessiv matul ċertu perjodu ta’ żmien, li jista’ jkun staġjonali jew annwali. Għalhekk, jistgħu jitqiesu aktar bħala restrizzjoni fuq l-operat ta' l-ajruport milli fuq il-linji ta' l-ajru.

Min-naħa l-oħra, il-baġits ta’ l-istorbju ma jillimitawx l-aċċess ta’ inġenji ta’ l-ajru ċivili subsoniċi għal ajruport. Minkejja li d-Direttiva tkopri wkoll baġits ta’ storbju, dan mhux ovvju għall-partijiet interessati kollha.

Ħafna ajruporti jippreferu l-użu ta' baġits ta' l-istorbju milli restrizzjonijiet fuq l-operat ta' inġenji ta’ l-ajru partikolari. Partikolarment fir-Renju Unit, il-baġits ta’ l-istorbju japplikaw f’ħafna ajruporti.

6. L-EFFETTI TAR-RESTRIZZJONIJIET FUQ L-OPERAT

Ċerti ajruporti offrew il-kummenti tagħhom dwar l-impatt tar-restrizzjonijiet introdotti fuq l-operat.

Fir-rigward tal-potenzjal għaċ-ċaqliq għal ajruporti oħra, ajruport wieħed irrimarka li minħabba fil-kombinazzjoni tal-lokazzjoni strateġika u s-sehem għoli ta’ traffiku minn punt sa ieħor, ma beżgħax li l-operaturi jiċċaqilqu għal ajruporti oħra. Min-naħa l-oħra, ajruport ieħor indika li kien se jikkunsidra biss projbizzjoni fuq inġenji ta’ l-ajru marġinali tal-kapitolu 3 jekk din tkun mandatorju u applikata madwar l-ajruporti kollha ta' l-UE.

F’diversi istanzi, l-ajruporti indikaw li fil-fehma tagħhom, il-linji ta' l-ajru kienu rrispondew billi jużaw inġenji ta’ l-ajru inqas storbjużi u skedar mill-ġdid bejn il-lejl u n-nhar fil-każ ta' restrizzjonijiet parzjali.

Ajruport wieħed biss indika li r-restrizzjonijiet introdotti kienu rriżultaw f’inqas offerti ta’ servizzi u frekwenzi.

Marbut ma’ din il-kwistjoni huwa l-fatt li r-restrizzjonijiet imposti mhux dejjem huma fil-fatt restrizzjonijiet f’’sens prattiku’. F’ajruport wieħed, ir-restrizzjoni fuq inġenji ta’ l-ajru marġinali tal-kapitolu 3 kienet azzjoni preventiva, biex turi l-impenn lejn il-ġestjoni ta' l-istorbju lill-komunità lokali u bħala deterrent għal kwalunkwe operaturi potenzjali. F’ajruport ieħor, l-istorbju attwali huwa inqas minn nofs il-kwota ta’ l-istorbju. Min-naħa l-oħra, hemm ukoll ajruporti li jibdew jillaxkaw il-limiti ambjentali tagħhom hekk kif jibdew jolqtu fil-laħam il-ħaj.

7. L-INDUSTRIJA TA’ L-OPERAT TA' L-INġENJI TA’ L-AJRU

L-industrija ta’ l-operat ta’ l-inġenji ta’ l-ajru l-ewwelnett tqis id-Direttiva bħala protezzjoni kontra l-użu ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat, u bħala garanzija ta’ perjodu ta’ żmien raġjonevoli għall-introduzzjoni tar-restrizzjoni u wkoll ta’ valutazzjoni xierqa ta’ l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ restrizzjonijiet bħal dawn.

Ċerti tipi ta’ operaturi dehru li kkunsidraw l-aspetti tar-restrizzjonijiet marġinali tad-Direttiva kważi irrelevanti għalihom peress li l-pressjonijiet ekonomiċi tan-negozju tagħhom diġà wassluhom virtwalment għal flotta tal-Kapitolu 4 permezz ta' sostituzzjoni "naturali". Setturi oħra ta’ l-industrija jippreferu protezzjoni massima mir-restrizzjonijiet fid-Direttiva, biex b'hekk is-sostituzzjoni "naturali" ddum kemm teħtieġ hi.

L-industrija tat-trasportaturi express enfasizzat lis-servizzi tal-Kummissjoni li jixtiequ jaraw ċerti reviżjonijiet għad-Direttiva biex jingħelbu xi diffikultajiet ta’ definizzjoni u interpretazzjoni, u biex tittejjeb u tiġi ċċarata l-protezzjoni li huma jħossu għandha toffrilhom id-Direttiva. Huma jqisu li r-restrizzjonijiet – inklużi r-restrizzjonijiet parzjali – fuq inġenji ta’ l-ajru tal-Kapitolu 4 għandhom ikunu speċifikament ipprojbiti (cf. l-Artikolu 6.2 għall-ajruporti fil-Bliet) fid-dawl tal-fehma tagħhom li, pereżempju, restrizzjonijiet fuq l-operat u sanzjonijiet abbażi ta' livelli ta' storbju effettivament jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw l-operat ta’ bil-lejl ta' inġenji ta’ l-ajru konformi mal-Kapitolu 4. Huma jaraw ir-restrizzjonijiet fuq l-operat (bħall-istabbiliment ta’ limiti fuq l-istorbju mmonitorjat u runways preferenzjali) bħala “żona mċajpra” li teħtieġ li tiġi ċċarata sabiex jiġi evitat l-evażjoni possibbli tar-rekwiżit ta’ l-Artikolu 4.4 biex ir-restrizzjonijiet ikunu bbażati fuq l-istorbju ċċertifikat, u sabiex jiġu pprojbiti restrizzjonijiet effettivament diskriminatorji, ukoll jekk mhux maħsuba għalhekk.

8. AWTORITAJIET LOKALI U REġJONALI

Fid-dawl tal-proċess ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll għadd ta’ assoċjazzjonijiet, ippreżentaw rakkomandazzjonijiet[14]. Ġeneralment, dawk ir-rakkomandazzjonijiet huma ferm usa mir-restrizzjonijiet fuq l-operat previsti mid-Direttiva.

Fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni operattiva ta’ l-ajruporti u t-titjiriet ta’ bil-lejl, jirrakkomandaw b’mod partikolari li:

- għandha tingħata aktar attenzjoni għad-densità tal-popolazzjoni meta jiġu ddefiniti t-trajettorji tat-titjiriet u biex jintużaw kemm jista’ jkun il-proċeduri l-ġodda għall-operat b’livelli ta’ storbju baxx bħall approċċ bi nżul kontinwu

- l-istandards ta’ l-istorbju ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa[15] għandhom jitqiesu b'mod aħjar

- għandhom jiġu introdotti politiki ta' kumpens għall-aktar partijiet esposti tal-popolazzjoni

- għandhom jitqiesu x-xewqat u l-aspettativi tal-gruppi lokali permezz ta’ informazzjoni aħjar, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-medjazzjoni

Jikkonkludu li minkejja li l-problemi li huma dovuti għall-istorbju mit-titjiriet ta’ bil-lejl jistgħu jkunu differenti minn ajruport Ewropew wieħed għall-ieħor, curfews immirati u restrizzjonijiet fuq l-operat għandhom ikunu fil-qalba tal-politiki nazzjonali u ta' l-UE sabiex jiġi evitat it-tfixkil ta' l-irqad għall-popolazzjoni li tgħix taħt it-trajettorji tat-titjiriet.

Tinġibed l-attenzjoni wkoll għall-importanza li tiġi evitata d-degradazzjoni urbana li xi kultant tirriżulta lokalment mill-iżvilupp ta’ l-ajruporti. Huwa rrakkomandat li l-iżvilupp ekonomiku taż-żoni periferiċi tal-bliet m’għandhux ikun dissoċjat mill-iżvilupp soċjali ta’ dawn iż-żoni. Dan imur lil hinn minn konsiderazzjonijiet ta’ l-effetti ekonomiċi pożittivi bħala kumpens għat-tniġġis mill-istorbju u dak atmosferiku: għandhom jinstabu mezzi biex jiġi evitat it-tfaqqir li xi kultant jirriżulta lokalment mill-iżvilupp ta’ l-ajruporti.

9. AJRUPLAN MARĠINALI FIL-FLOTOT

L-għadd totali ta’ inġenji ta’ l-ajru marġinali li jużaw l-ajruporti Komunitarji huwa relattivament baxx.

Barra minn hekk x’aktarx li jkunu inqas l-inġenji ta’ l-ajru marġinali li jtiru distanzi qosra li jużaw l-ajruport Ewropew (minkejja li jistgħu jiġu minn ġirien tal-Komunità jew ta’ l-Ewropa). Barra minn hekk, ċerti kumpaniji jużaw inġenji ta’ l-ajru rreġistrati barra għall-operazzjonijiet Ewropej tagħhom.

Minkejja dan biex il-marġinalità titqiegħed f’kuntest, huwa utli li nuru l-proporzjonijiet tat-tipi ġeneriċi ta’ inġenji ta’ l-ajru li jistgħu jiġu ddefiniti bħala marġinali. Din l-analiżi tinsab fit-Tabella 1.

Tabella 1: Kuntest tal-Ġettijiet tal-Kapitolu 3 fil-flotta

[pic]

ĠENERALMENT, L-ANALIżI TINDIKA LI L-FLOTTA LI MHIX KONFORMI MAL-KAPITOLU 4 HIJA RESPONSABBLI BISS GħAL RELATTIVAMENT SEHEM żGħIR TAL-FLOTTA TOTALI LI TUżA L-AJRUPORTI TA’ L-UE.

Dawn in-numri jindikaw li anke jekk l-inġenji ta’ l-ajru kollha b’marġni kumulattiv tal-Kapitolu 3 ta’ inqas minn 10 dB ma jibqgħux jitħallew joperaw, dan ikun jaffettwa biss sehem relattivament żgħir tal-wasliet u tat-tluq totali.

10. ESTIMI TA’ L-ESPONIMENT TAL-POPOLAZZJONI GħALL-ISTORBJU

It-Tabella 2 tindika għas-snin 2010 u 2015 tliet xenarji possibbli għat-tneħħija gradwali ta' inġenji ta’ l-ajru marġinali li ġew immudellati flimkien mal-Każ ta' Bażi għal dawn is-sentejn b'dan il-mod:

- Każ ta’ Bażi – L-ebda bidla għad-Direttiva u l-mod li bih tiġi interpretata u applikata mill-ajruporti; u l-ebda bidla għat-taħlita tal-flotta;

- Xenarju 1 – Inġenji ta’ l-ajru tal-Kategorija 1 mneħħija – tneħħija effettiva ta’ inġenji ta’ l-ajru tal-Kapitolu 3 marġinalment konformi minn ajruporti Komunitarji kif iddefinit fid-Direttiva – jiġifieri li jissodisfaw il-limiti ta’ ċertifikazzjoni tal-Kapitolu 3 b’mhux iktar minn marġni kumulattiva ta’ 5 dB(A);

- Xenarju 2 – Inġenji ta’ l-ajru tal-Kategorija 1 u 2 imneħħija – tneħħija effettiva ta’ inġenji ta’ l-ajru li jissodisfaw il-limiti tal-Kapitolu 3 b’mhux iktar minn marġni kumulattiva ta’ 8dB(A);

- Xenarju 3 – Inġenji ta’ l-ajru tal-Kategorija 2 u 3 mneħħija – tneħħija effettiva ta’ inġenji ta’ l-ajru li jissodisfaw il-limiti tal-Kapitolu 3 b’mhux iktar minn marġni kumulattiva ta’ 10dB(A), biex b’hekk ikunu permessi biss operazzjonijiet tal-Kapitolu 4.

- Tabella 2: Estimi ta’l-Esponiment Totali tal-Popolazzjoni għall-Ajruporti Komunitarji.

Popolazzjoni totali fi ħdan Lden[16] 55dB (miljuni) | Popolazzjoni totali fi ħdan Lnight[17] 45dB (miljuni) | Kumment |

2002 | 2.2 | 2.7 |

2006 | 2.2 | 3.0 | Mill-2002 sa l-2006 il-popolazzjoni Lden 55dB tiżdied b’inqas minn 0.1 miljun |

Bażi ta’ l-2010 | 2.4 | 3.2 | Mill-2006 sa l-2010 il-popolazzjoni Lden 55dB tiżdied b’10% |

2010 Xenarju 1 | 2.3 | 3.1 | Tnaqqis ta’ 4% għal-Lden mill-każ ta’ bażi Tnaqqis ta’ 2 % mill-każ ta’ bażi |

2010 Xenarju 2 | 2.3 | 3.1 | Tnaqqis ta’ 5% għal-Lden mill-każ ta’ bażi Tnaqqis ta’ 3 % mill-każ ta’ bażi |

2010 Xenarju 3 | 2.3 | 3.1 | Tnaqqis ta’ 6% għal-Lden mill-każ ta’ bażi Tnaqqis ta’ 4 % mill-każ ta’ bażi |

Bażi ta’ l-2015 | 2.7 | 3.2 | Mill-2010 sa l-2015 il-popolazzjoni Lden 55dB tiżdied b’9% |

2015 Xenarju 1 | 2.6 | 3.2 | Tnaqqis ta’ 4% għal-Lden mill-każ ta’ bażi Tnaqqis ta’ 2 % mill-każ ta’ bażi |

2015 Xenarju 2 | 2.6 | 3.2 | Tnaqqis ta’ 4% għal-Lden mill-każ ta’ bażi Tnaqqis ta’ 2 % mill-każ ta’ bażi |

2015 Xenarju 3 | 2.5 | 3.1 | Tnaqqis ta’ 5% għal-Lden mill-każ ta’ bażi Tnaqqis ta’ 3 % mill-każ ta’ bażi |

Minn dawn ir-riżultati jistgħu jinħarġu l-konklużjonijiet ġenerali li ġejjin.

- Il-profili (contours) tal-Każ ta’ Bażi ftit li xejn kibru mill-2002 sa l-2006;

- Il-profili tal-Każ ta’ Bażi huma mistennija jikbru mill-2006 sa l-2010 u l-esponiment tal-popolazzjoni totali jiżdied bi 8-10% matul dan il-perjodu.

- Il-profili tal-Każ ta’ Bażi huma mistennija jikbru mill-2010 sa l-2015 b'esponiment totali tal-popolazzjoni li jiżdied, u l-popolazzjoni fi ħdan Lden 55den mistennija tiżdied b'madwar 9% u l-popolazzjoni fi ħdan Lnight 45dB tiżdied b’madwar 2% (żieda aktar baxxa minħabba restrizzjonijiet ta’ bil-lejl).

- Il-popolazzjoni fil-profili Lnight 45dB huma akbar minn Lden 55dB, b’madwar 25-30%.

- Ix-Xenarju 1 jagħti benefiċċji żgħar – tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ madwar 4% għal Lden 55dB u 2% ta’ Lnight 45dB.

- Ix-Xenarju 2 jagħti benefiċċji simili għax-Xenarju 1– tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ madwar 4-5% għal Lden 55dB u 2-3% ta’ Lnight 45dB.

- Ix-Xenarju 3 jagħti benefiċċji simili għax-Xenarju 2– tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ madwar 4-5% għal Lden 55dB u 3-4% ta’ Lnight 45dB.

L-iskop taċ-ċifri fit-tabella 2 huwa ffokat fuq l-effett kumplessiv ta’ l-inġenji ta’ l-ajru marġinali fl-ajruporti Komunitarji fuq l-esponiment għall-istorbju, aktar milli l-ksib ta’ estimi preċiżi dwar l-esponiment tal-popolazzjoni. Il-maġġoranza ta’ l-ajruporti indikaw li kelllhom profili Lden u Lnight u estimi tal-popolazzjoni kompleti, kurrenti jew ippjanati għal aktar tard fis-sena. Jista’ jkun mistenni, minħabba r-rekwiżit tad-Direttiva 2002/49/KE, li dawn il-profili jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni sa Diċembru 2007. Dawk il-mapep ta’ l-istorbju armonizzati għandhom jipprovdu dejta aktar dettaljata u estimi tal-popolazzjoni aktar preċiżi milli kien possibbli għall-ajruporti kollha għall-finijiet ta’ dan ir-rapport.

Analiżi aktar fil-fond tax-xejriet fl-emissjonijiet ta’ l-istorbju f’ħames ajruporti ta’ l-UE (Amsterdam, Liżbona, Glasgow, Toulouse, Varsavja)[18] turi li x-xejriet jistgħu jvarjaw minn ajruport għall-ieħor. Dawn il-ħames studji fattwali jindikaw:

- L-ajruporti kollha juru żieda fl-erja tal-profil fl-ipoteżi ta’ taħlita tal-flotta mhux mibdula. Dan it-tkabbir huwa ta’ 5 sa 15% għall-perjodu ta’ 4 snin li ġej (2006 sa l-2010) u 18 sa 24% għall-perjodu 2006-2015.

- Ukoll jekk l-inġenji ta’ l-ajru marġinali tal-kapitolu 3 kollha kellhom jiġu sostitwiti, il-profili Lden 55 huma stmati li jikbru b’bejn 13 sa 20% sa l-2015. It-tkabbir fil-profili Lnight 45 taħt xenarju bħal dan huwa ta’ bejn 14 u 22%.

- Għal kull ajruport, l-iżvilupp fl-erja tal-profil Lden 55 huwa simili ħafna għall-iżvilupp ta’ l-erja tal-profil Lnight 45 f’dak l-ajruport. Dan jikkonferma li x-xejra dejjem tikber fl-istorbju ta’ bil-lejl tixpruna ż-żieda fl-istorbju kumplessiv (Lden).

- Sostituzzjoni ta’ l-inġenji ta’ l-ajru kollha tal-kapitolu 3 b’inġenji ta’ l-ajru tal-kapitolu 4 tnaqqas it-tkabbir tal-profil Lden 55 b’madwar 4.5 sa 6.5 punti perċentwali.

- L-impatt ta’ sostituzzjoni ta’ l-inġenji ta’ l-ajru kollha tal-kapitolu 3 b’inġenji ta’ l-ajru tal-kapitolu 4 fuq il-profil Lnight 45 huwa konsiderevolment differenti bejn l-ajruporti ta’ l-istudji fattwali.

- Ir-riżultati jvarjaw bejn tkabbir imnaqqas ta’ 1.5 għal 7.0 punti perċentwali, skond ir-reġim attwali ta’ bil-lejl li jkun qed jintuża.

- Id-differenza fl-erja tal-profil bejn is-sostituzzjoni ta’ l-inġenji ta’ l-ajru kollha b’marġni ta’ < 5 dB b’rekwiżiti tal-kapitolu 3, u l-inġenji ta’ l-ajru kollha b’marġni ta’ < 8 dB huwa inqas minn nofs punt perċentwali.

Fi ftit kliem, dawn l-istudji fattwali jikkonfermaw li l-erji tal-profili, partikolarment bil-lejl, huma mistennija li jikbru konsiderevolment, u s-sostituzzjoni naturali tal-flotta tbaxxi l-estimi. Jekk il-flotta tkun komposta minn inġenji ta’ l-ajru tal-kapitolu 4 biss, dan jista’ jnaqqas b’mod konsiderevoli t-tkabbir tal-profil f’ċerti ajruporti fid-dawl tas-sitwazzjonijiet lokali speċifiċi tagħhom.

11. KONKLUżJONIJIET

- Id-Direttiva tistabbilixxi struttura armonizzata għal approċċ ibbilanċjat u kienet utli biex jiġi żgurat li l-interessi kollha jitqiesu meta jkunu qed jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet.

- Madankollu, id-Direttiva intużat biss fil-każ ta’ għadd limitat ta’ ajruporti; ċerti partijiet interessati huma tal-fehma li mhux ċara biżżejjed u ċerti Stati Membri diġà kellhom dispożizzjonijiet simili fil-liġi nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

- Barra minn hekk, l-impatt tagħha fir-rigward ta’ inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi huwa limitat għaliex l-għadd ta’ inġenji ta’ l-ajru bħal dawn huwa relattivament baxx minħabba s-sostituzzjoni naturali tagħhom;

- B’mod aktar ġenerali, l-għadd ta’ persuni affettwati mill-istorbju, partikolarment matul il-lejl, żdied minn meta d-Direttiva daħlet fis-seħħħ, minħabba ż-żieda ġenerali fl-għadd ta’ movimenti, minkejja l-possibbiltà li jiġu introdotti restrizzjonijiet parzjali.

- Il-previżjoni tagħna hija li l-għadd ta’ persuni affettwati mill-istorbju se jibqa’ jiżdied minkejja li s-sitwazzjoni tista’ tvarja bejn l-ajruporti.

- Għal dik ir-raġuni il-Kummissjoni biħsiebha teżamina modi biex tiċċara d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/30/KE u l-ambitu tagħha.

- Se tikkunsidra wkoll jekk bidliet fid-Direttiva attwali, bħad-definizzjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi, humiex meħtieġa. Waqt li tagħmel dan, se tqis ir-riżultat ta’ l-estimi deskritti hawn fuq, u tipprevedi li ż-żieda fl-għadd ta’ persuni affetwati mill-istorbju tista’ titnaqqas minn definizzjoni aktar stretta ta’ inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi.

- Fl-2009, il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KE li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes [storbju] ambjentali madwar l-ajruporti u se tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni tantiċipa bil-ħerqa li tirċievi r-reazzjonijiet mill-partijiet interessati fit-3 xhur li ġejjin u biħsiebha tinkludihom fl-analiżi previst tad-Direttiva.

[1] Id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2002 dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità, ĠU L 85, tat-28.03.2002, p. 40

[2] Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali, ĠU L 189, tat-18.7.2002, p. 12

[3] 76 ajruport magħżula mill-Istati Membri, issa jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva 2002/49/KE

[4] Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, Dok 10117/06, 9 ta’ Ġunju 2006

[5] Ħoss Effettivament Perċepit f'deċibel

[6] Ara l-Artikolu 2g tad-Direttiva 2002/30/KE.

[7] Ir-Regolament (EC) Nru 925/1999 tad-29 ta’ April 1999 dwar ir-reġistrazzjoni u l-operat fi ħdan il-Komunità ta’ ċerti tipi ta’ inġenji ta’ l-ajru ċivili ġett subsoniċi li ġew immodifikati u ċertifikati mill-ġdid bħala inġenji ta’ l-ajru li jilħqu l-istandards tal-volum I, il-Parti II, il-Kapitolu 3 ta’ l-Anness 16 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tielet edizzjoni (Lilju 1993), ĠU ta’ l-4.5.1999, p.1

[8] Intervist ma’ l-ajruporti li twettqu mill-konsulenti ta’ l-MPD għall-Kummissjoni Ewropea

[9] L-Artikolu 6.1 tad-Direttiva jippermetti l-introduzzjoni ta’ “restrizzjonijiet operattivi ta’ natura parzjali” fuq tipi mhux speċifikati ta’ inġenji ta’ l-ajru, bħala parti mill-ġerarkija preferenza ta’ azzjonijiet fi ħdan l-Approċċ Ibbilanċjat qabel l-irtirar ta’ l-'aħħar għażla’ ta’ inġenji ta’ l-ajru marġinali tal-Kapitolu 3

[10] Dan l-ajruport indika wkoll li definizzjoni aktar strinġenti ta’ inġenji ta’ l-ajru marġinalment konformi (jiġifieri minus 8) ma kenitx se tkun aktar restrittiva, peress li r-restrizzjonijiet fuq in-numri tal-kwota ta’ bil-lejl, diġà fis-seħħ, diġà kienu aktar stretti.

[11] Kif definit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/30/KE.

[12] Kif definit fl-Anness I tad-Direttiva 2002/30/KE.

[13] Lista stabbilita mill-Ministeru Federali Ġermaniż għat-Trasport, li tipprovdi klassifika ulterjuri ta’ l-inġenji ta’ l-ajru fil-Kapitolu 3. Inġenji ta’ l-ajru fuq din il-lista għandhom vantaġġ fuq inġenji ta’ l-ajru mhux fuq il-lista, u għandhom inqas restrizzjonijiet fuq it-titjiriet/inqas spejjeż għat-tluq u l-inżul

[14] Ara pereżempju: http://www.airportregions.org/publications/doc/arc_special_report_2_2007.pdf

[15] Ara l-linjigwida li ġejjin dwar l-istorbju matul il-lejl: http://www.euro.who.int/Noise/activities/20040721_1

[16] Dan huwa l-indikatur ta’ l-istorbju li jiddeskrivi l-istorbju medju matul il-jum, fil-għaxija u bil-lejl (perjodu ta’ 24 siegħa).

[17] Dan l-indikatur ta’ l-istorbju jiddeskrivi l-istorbju medju matul il-lejl.

[18] Studju ta’ l-MPD dwar l-Istorbju mill-Inġenji ta’ l-ajru (2007)

Top