Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0046

    Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u llll-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) {SEG(2008) 111} {SEG(2008) 112}

    /* KUMM/2008/0046 finali */

    52008DC0046

    Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u llll-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) {SEG(2008) 111} {SEG(2008) 112} /* KUMM/2008/0046 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 1.2.2008

    KUMM(2008) 46 finali

    KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) {SEG(2008) 111}{SEG(2008) 112}

    KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Lejn Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1. INTRODUZZJONI

    Din il-Komunikazzjoni tippreżenta approċċ għall-immodernizzar u s-simplifikar tal-ġbir, l-iskambju u l-użu tad-dejta u l-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politika ambjentali, li permezz tagħha s-sistemi ta' bħalissa, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma sistemi ċentralizzati għar-rappurtar jiġu sostitwiti gradwalment b'sistemi bbażati fuq aċċess, kondiviżjoni u interoperabbiltà. L-għan kumplessiv huwa li jiġu sostnuti u jittejbu l-kwalità u d-disponibbiltà ta' l-informazzjoni meħtieġa għal politika ambjentali, f'konformità ma' regolamentazzjoni aħjar, filwaqt li l-piżijiet amministrattivi assoċjati jinżammu fil-livell minimu.

    L-ewwelnett, qed jiġu proposti sett ta' prinċipji abbażi ta' liema l-ġbir, l-iskambju u l-użu tad-dejta u l-informazzjoni ambjentali fil-ġejjieni għandhom jiġi organizzati. Pass ewlieni fl-implimentazzjoni ta' dan l-approċċ se jkun li l-metodu li bih l-informazzjoni meħtieġa tiġi modernizzata f'diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni ambjentali tkun disponibbli, permezz ta' strument leġiżlattiv li għandu jiġi propost fl-2008 li wisq probabbli jieħu s-sura ta reviżjoni tad-"direttiva ta' rappurtar standardizzat" 91/692/KE ta' bħalissa.

    Reviżjoni bħal din tkun tipprovdi ukoll opportunità immedjata biex jitħassru għadd limitat ta' rekwiżiti ta' rappurtar skaduti, u twassal ukoll għal aktar simplifikar u modernizzar skond dawn il-prinċipji li ġejjin:

    - tgħin biex tistimola aktar razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' informazzjoni f'leġiżlazzjoni ambjentali tematika billi tipprovdi qafas kumplessiv li jkun koerenti u aġġornat;

    - x'aktarx li tistimola żviluppi simili f'konvenzjonijiet internazzjonali, li skond l-istimi huma responsabbli għal madwar 70% tar-rekwiżiti ta' rappurtar ambjentali li għalihom l-Istati Membri ta' l-UE huma suġġetti;

    - tħeġġeġ titjib fil-mod kif il-ġbir u l-iskambju tad-dejta jiġu organizzati fi ħdan l-Istati Membri.

    Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi ukoll miżuri oħra ta' akkumpanjament, li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew, nazzjonali kif ukoll lokali li se jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji deskritti hawn taħt.

    2. PRINċIPJI LI JIFFURMAW IL-BAżI TAS-SISTEMA DWAR L-INFORMAZZJONI AMBJENTALI KONDIVIżA

    Il-prinċipji li fuqhom għandha tiġi bbażata s-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża (SEIS) huma kif ġej:

    - l-informazzjoni għandha tiġi amministrata viċin kemm jista' jkun possibbli s-sors tagħha;

    - l-informazzjoni għandha tinġabar darba biss, u titqassam ma' oħrajn għal diversi skopijiet

    - l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi u tiffaċilita li jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi ta' rappurtar legali tagħhom

    - l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-utenti finali, primarjament l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha minn dawk lokali sa dawk Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw f'ħin f'waqtu l-qagħda ta' l-ambjent u l-effettività tal-politiki tagħhom, u jfasslu politika ġdida;

    - l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli sabiex l-utenti finali, kemm l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll iċ-ċittadini, ikunu jistgħu jqabblu skond l-iskala ġeografika xierqa (eż. pajjiżi, ibliet, żoni ta' ġbir) u jipparteċipaw b'mod siewi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali;

    - l-informazzjoni għandha tkun disponibbli bis-sħiħ għall-pubbliku in ġenerali, wara li jkun tqies il-livell ta' aggregazzjoni u suġġett għal limitazzjonijiet ta' kunfidenzjalità, u fir-rigward tal-livell nazzjonali fil-lingwa(i) nazzjonali rilevanti; kif ukoll

    - il-kondiviżjoni u l-ipproċessar ta' l-informazzjoni għandha tkun appoġġjata permezz ta' għodod ta' softwer komuni u bla ħlas/ta' sors miftuħ ( open source ).

    Dawn il-prinċipji huma r-riżultat ta' diversi studji u riflessjoni mill-esperti ta' dawn l-aħħar snin, u huma mfassla biex jiżguraw li l-informazzjoni ambjentali tiġi amministrata b'mod effikaċi kemm jista' jkun, u partikolarment biex jiżguraw li l-investimenti li bħalissa ġew allokati għal monitoraġġ u għal proċessi oħra ta' ġbir ta' informazzjoni jwasslu għal l-akbar għadd ta' benefiċċji possibbli f'termini ta' l-użu li jsir minn dik id-dejta li tirriżulta. Jirrikonoxxu li, filwaqt li jeżisti ammont kbir ta' dejta miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi madwar l-UE kollha (kemm fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew kif ukoll Ewropew), din id-dejta mhix dejjem tiġi użata b'mod effiċjenti, jew għaliex l-eżistenza tat-tali dejta ma tkunx magħrufa ħafna jew minħabba firxa ta' ostakli ta' natura legali, finanzjarja, teknika u proċedurali.

    3. GħALIEX TENħTIEġ L-SEIS?

    Is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali (6EAP) ikkonferma li tagħrif sod dwar il-qagħda ta' l-ambjent u dwar ix-xejriet, il-pressjonijiet u l-ixpruni ewlenin għal tibdil ambjentali huma essenzjali għall-iżvilupp ta' politika effettiva, l-implimentazzjoni tagħha, u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini b'mod aktar ġenerali. Peress li l-ambjent huwa bene pubbliku li jappartjeni għal kulħadd, bl-istess mod huwa essenzjali li din l-informazzjoni titqassam fuq firxa wiesgħa u tkun disponibbli.

    L-Ewropa għandha storja twila ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni ambjentali. Is-sistemi ta' l-informazzjoni ambjentali ġew użati b'riżultat tajjeb biex isaħħu r-rappurtar mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja, u l-aktar reċenti biex jappoġġjaw id-diversi proċessi ta' indikaturi żviluppati permezz tal-politika li ġew stabbiliti fl-UE u fl-Istati Membri. Madankollu, illum, qed niffaċċjaw sfidi ġodda relatati mal-prijoritajiet tas-6EAP – notevolment l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-waqfien tat-telf fil-bijodiversità u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali—li se jirrikjedu li nagħmlu użu saħansitra aktar effettiv mill-informazzjoni eżistenti. L-esperjenza ta' dan l-aħħar ta' nirien fl-imsaġar, għargħar u nuqqas ta' xita jenfasizzaw il-ħtieġa li tingħata malajr l-informazzjoni ambjentali preċiża u li din tkun disponibbli b'mod faċli.

    Flimkien ma' l-isfidi ġodda hemm ukoll opportunitajiet ġodda . B'mod partikolari, it-teknoloġija issa qed tagħmilha possibbli li d-dejta tingħata fil-ħin reali, b'hekk tippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet immedjati u f'ċerti każijiet, li jissalvaw ħajjet in-nies. Sakemm jintlaħqu ċerti rekwiżiti tekniċi—relatati, per eżempju, ma' l-armonizzazzjoni tal-formati u l-interoperabbiltà tas-sistemi tad-dejta—id-dejta tista' tiġi dejjem iżjed ikkombinata biex ikunu jistgħu jitwettqu t-tip ta' analiżijiet integrati li fuqhom tiddependi politika tajba.

    4. OZONE WEB : EżEMPJU TA' X'JISTA' JSIR

    Tul l-2006, 22 pajjiż ipprovdew valuri ta' l-ożonu f'ħin kważi reali fuq bażi regolari lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), filwaqt li ħames oħra kienu involuti fil-proġett billi ħadu l-impenn tal-proċedura għall-istabbiliment. Il-proġett ta' l- Ozone web wassal riżultat inizjali f'Lulju 2006 meta proġett pilota ġie ppubblikat fuq is-sit tal-web ta' l-EEA. Tkompliet żieda gradwali fil-provvediment tad-dejta sa tmiem is-sajf meta madwar 700 stazzjon ta' kejl fl-Ewropa ipprovdew dejta għas-sit elettroniku l-ożonu f'ħin kważi reali.

    Is-sit jagħti lill-fornituri tad-dejta, lill-esperti dwar il-kwalità ta' l-arja, kif ukoll liċ-ċittadini ta' l-UE l-opportunità li jkollhom stampa ġenerali fil-livell Ewropew kif ukoll li jsegwu l-iżvilupp fil-kwalità ta' l-arja f'reġjun speċifiku kif ukoll jgħarraf lill-utenti dwar is-siti ta' l-informazzjoni lokali dwar il-kwalità ta' l-arja billi jillinkja mas-siti elettroniċi ta' l-ożonu reġjonali. B'hekk jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-kundizzjoniet fil-kwalità ta' l-arja lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u reġjonali.

    Għall-pubbliku in ġenerali, is-sit elettroniku ta' l-ożonu ta' l-EEA f'ħin kważi reali juri l-livelli mkejla ta' l-ożonu fuq mappa tal-konnessjonijiet u jipprovdi informazzjoni fl-isfond dwar l-impatti fil-kwalità ta l-arja fuq firxa usa'. L-informazzjoni fuq is-sit elettroniku ta' l-EEA f'ħafna każijiet tidher daqstant malajr daqs saħansitra f’sagħtejn żmien. Jekk isir possibbli li tinkiseb il-kopertura sħiħa ta' l-UE, is-sistema tkun tista' tiġi użata biex tipprovdi informazzjoni relatata mar-rappurtar dwar l-ożonu tas-sajf lill-Kummissjoni L-EEA għandha l-intenzjoni li tespandi x-xibka ta' l-Ożonu għal sustanzi li jniġġsu iżda sabiex taħdem sew jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw. Għalhekk sistema kompluta tkun tista' tipprovdi informazzjoni għaċ-ċittadini, id-dejta meħtieġa mir-riċerkatrui, informazzjoni dwar il-qagħda ta' l-ambjent għall-EEA u tagħrif dwar il-konformità għall-Kummissjoni.

    L- Ozone web tipprovdi eżempju reali ta' bħalissa tat-tip ta' servizzi li sistema miftuġa dwar l-informazzjoni ambjentali kondiviża tkun tista' tiffaċilita, u b'hekk tipprovdi prova tal-kunċett lill-SEIS. Madankollu, hija limitata għal sustanza waħda ta' tniġġis. Dan it-tip ta' approċċ jeħtieġ li jiġi razzjonalizzat għal firxa aktar usa' ta' informazzjoni ambjentalment rilevanti sabiex isaħħaħ l-analiżijiet integrati meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-seklu 21.

    5. X'BENEFIċċJI SE JKOLLHA L-SEIS

    5.1. Simplifikar u effiċjenza

    Filwaqt li l-benefiċċji ta' impenn politiku li jikkonċerna l-prinċipji stabbiliti hawn iwasslu lil hinn mis-simplifikar fih innifsu, jipprovdu l-qafas kunċettwali meħtieġ sabiex l-obbligi ta' bħalissa dwar rappurtar u monitoraġġ jiġu simplifikati.

    Kif ġie nnutat fid-daħla, pass ewlieni fl-implimentazzjoni ta' l-approċċ SEIS se jkun l-immodernizzar tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-mod kif l-informazzjoni meħtieġa skond il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Komunità issir disponibbli. Billi jitneħħa r-rappurtar bil-karta, il-proċessi biex l-informazzjoni ssir disponibbli isiru aktar faċli, aktar flessibbli u aktar effiċjenti.

    Kif ġie osservat ukoll fid-daħla, sakemm proposta bħal din tkun akkumpanjata minn impenn politiku għall-prinċipji ta' l-SEIS dan l-approċċ iwassal ukoll għal aktar benefiċċji ta' simplifikar relatati ma' (i) il-kontenut tar-rekwiżiti ta' informazzjoni fil-leġiżlazzjoni ambjentali tematika, (ii) il-kontenut u l-proċedura għar-rappurtar fil-livell internazzjonali, u (iii) organizzazzjoni aktar effiċjenti ta' l-attivitajiet ta' ġbir ta' dejta ġewwa' l-Istati Membri.

    Billi tiffaċilita l-użu aktar effiċjenti tad-dejta disponibbli, l-SEIS se tiffaċilita aktar razzjonalizzazzjoni u prijoritizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' informazzjoni li hemm bħalissa fil-leġiżlazzjoni ambjentali tematika. X'aktarx li dan se jkollu effetti diretti relatati mal-konvenzjonijiet internazzjonli li huma responsabbli għal parti kbira tal-piż tar-rappurtar li bħalissa taqa' f'idejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, li ħafna minnhom għandhom kopertura ġeografika simili għal dik ta' l-UE. Fl-aħħarnett, f'termini ta' spejjeż ta' analiżi jidher li l-aħjar iffrankar fl-ispejjeż jista' jinkiseb billi titttejjeb l-effiċjenza ta' l-attivitajiet ta' ġbir ta' dejta ġewwa l-Istati Membri. Armonizzazzjoni u prijoritizzazzjoni akbar u aħjar ta' l-attivitajiet ta' monitoraġġ organizzati fil-livell nazzjonali u reġjonali x'aktarx li jkunu l-aktar effettivi għat-titjib fl-effiċjenza fl-ispejjeż ta' l-investimenti attwali.

    5.2. Regolamentazzjoni aħjar, politika aħjar

    Filwaqt li s-simplifkazzjoni hija parti essenzjali mill-aġenda dwar regolamentazzjoni aħjar, għandu jiġu rikonoxxut ukoll li regolamentazzjoni aħjar—kif ukoll politika aħjar b'mod ġenerali—tiddependi fuq kwalità għolja ta' informazzjoni rilevanti u fil-ħin. Huwa ċar, li tnaqqis fil-piż amministrattiv għandhom jitfasslu b'tali mod li verament iwasslu għal titjib, u mhux deterjorament, fil-kwalità ta' politika pubblika u ta' regolamentazzjoni.

    Impenn politiku għall-prinċipji deskritti hawn se jgħinu biex dan jinkiseb billi jippermetti li d-dejta disponibbli tinġabar b'mod effettiv. Minħabba li d-dejta u l-informazzjoni ambjentali huma ta' użu potenzjali għal ħafna parteċipanti għal diversi skopijiet, it-titjib fil-mekkaniżmi għall-ġbir, l-iskambju u l-użu tad-dejta mistenni li jżid b'mod sinifikanti l-użu li jsir mid-dejta rilevanti għall-ambjent, kif ukoll inaqqas b'mod sinifikanti l-ispiża għall-utenti. Dan se jtejjeb l-effettività tal-politika ambjentali fl-aġenda kollha kemm hi, inkluż per eżempju l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-bijodiversità, il-ġestjoni tar-riżorsi ta' l-ilma, u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet ambjentali bħal m'huma l-għargħar u n-nirien tal-foresti.

    5.3. setgħa liċ-ċittadin

    Flimkien mal-benefiċċji relatati mas-simplifikar amministrattiv u r-regolamentazzjoni aħjar, l-impenn għall-prinċipji stabbiliti hawn fuq se jgħin ukoll biex tingħata setgħa liċ-ċittadini Ewropej billi jrendi disponibbli għalihom l-informazzjoni rilevanti u f'waqtha, b'hekk ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati li jikkonċernaw l-ambjent tagħhom, inkluż billi jieħdu l-azzjoni xierqa f'każ ta' emerġenza, u biex jinfluwenzaw il-politika pubblika. L-għoti ta' informazzjoni utli li jkun jeħtieġ il-pubbliku – u ppreżentata fl-ilsna tagħhom stess – tgħin ukoll biex jitħeġġeġ mill-ġdid l-involviment taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew.

    6. KEMM SE TKUN L-ISPIżA TA' L-SEIS?

    Biex jiġu vvalutati l-ispejjeż ta' l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' l-SEIS, huwa importanti li nirrikonoxxu li ħafna mill-attivitajiet rilevanti huma diġà għaddejjin, u l-isfida ewlenija—u r-raġuni għaliex jenħtieġ impenn politiku formali għal dawn il-prinċipji—hija li dawn l-attivitajiet jiġu allinjati b'mod aktar effikaċi. Xi wħud mill-attivitajiet l-aktar importanti fil-livell Ewropew u nazzjonali jingħataw fil-qosor fis-sezzjoni 7.

    Madankollu, x'aktarx li jkun meħtieġ xi ftit aktar investiment sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta' l-SEIS deskritti fis-sezzjoni 2. Dawn jistgħu jiġu kkategorizzati kif ġej:

    - Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni kemm politika kif ukoll amministrattiva għall-isforzi għaddejjin bħalissa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva INSPIRE, u li dawn jiġu ffinanzjati, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali.

    - Istituzzjonijiet kemm tal-gvern kif ukoll oħrajn, li huma involuti fil-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta ambjentalment rilevanti se jkollhom jirrevedu, u f'ċerti każjijiet ikollhom ukoll ibiddlu l-mudelli tagħhom ta' organizzazzjonu u ta' negozju sabiex irendu s-sistemi eżistenti tagħhom interoperabbli u jqabbduhom ma "sistema ta' sistemi" integrata.

    - L-istituzzjonijiet u l-entitajiet ta' l-UE jeħtieġ li jkomplu jew isaħħu l-isforzi tagħhom għall-aġġornament u r-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti leġiżlattivi filwaqt li jiżguraw li s-sistemi ta' rappurtar tagħhom eżistenti, li fil-biċċa l-kbira tagħhom bħalissa qed jieħdu approċċ ċentralizzat, jiġu mfassla jew adattati biex ikunu kompatibbli ma' xibka dejjem aktar mifruxa u interoperabbli.

    - Se jkunu meħtieġa aktar investimenti biex tinħoloq dejta ġdida li bħalissa mhix qed tinġabar iżda li nstabet li hija essenzjali għas-sostenn ta' politika, jew possibbilment biex jiġu armonizzati l-monitoraġġ u s-sistemi tad-dejta, għalkemm investimenti bħal dawn se jiġu bbilanċjati minn prijoritizzazzjoni aħjar tar-rekwiżiti tad-dejta u tħassir ta' l-obbligi skaduti.

    7. SFORZI GħADDEJJIN BħALISSA BIEX TINBENA L-SEIS

    Fil-livell Ewropew ittieħdu diversi inizjattivi li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-prinċipji SEIS, u flimkien ma' l-involviment ta' l-Istati Membri, biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati u biex jieħdu vantaġġ tal-possibbiltajiet li t-teknoloġija ta' l-informazzjoni li qed tevolvi għandha toffri. Dawn jinkludu dan li ġej.

    - Dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni pproponiet jew qed taħdem fuq diversi miżuri li permezz tagħhom tinkiseb ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtar leġiżlattiv. Miżuri li diġà ġew proposti jinkludu l-istrateġija tematika dwar it-tniġġis ta' l-arja (CAFE). Ir-reviżjoni tad-Direttiva IPCC (96/61/KE) qed tħares fost l-oħrajn lejn il-koerenza tad-dispożizzjonijiet tagħha (inklużi r-rekwiżiti ta' rappurtar) ma' dawk id-direttivi dwar l-impjanti tal-kombustjoni u ta' l-inċinerazzjoni ta' l-iskart u dan l-aħħar ġie mniedi proġett għall-identifikar ta' l-interkonnessjonijiet bejn ir-rekwiżiti tal-monitoraġġ u tar-rappurtar f'diversi biċċiet tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tat-tniġġis ta' l-arja u t-tibdil fil-klima, u biex tagħti suġġerimenti konkreti dwar ir-razzjonalizzazzjoni.

    - Żviluppi għaddejjin bħalissa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ambjentali tematika qed jirrikonoxxu dejjem aktar il-ħtieġa għall-adozzjoni ta' approċċ aktar modern lejn il-produzzjoni, l-iskambju u l-użu tad-dejta u ta' l-informazzjoni. Eżempju ta' dan hija s-Sistema ta' Tagħrif dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE), li fil-bidu kienet imfassla bħala għodda ta' rappurtar fil-kuntest tad-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma u li issa qed tiġi estiża biex sa l-2010 jiġu integrati l-flussi tad-dejta ta' rappurtar minn għadd ta’ direttivi eżistenti u li għad iridu jidħlu li huma relatati ma' l-ilma kif ukoll ma’ dejta ta' l-istatistika rilevanti għall-ilma.

    - Id-Direttiva 2007/2/EC li tistabbilixxi infrastruttura għall-informazzjoni spażjali fl-Ewropa (INSPIRE). Din id-direttiva ġiet adottata f'Marzu 2007 u fiha dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċessibbiltà u l-interoperabbiltà tad-dejta spazjali. INSPIRE hija bbażata fuq prinċipji simili għal ta' l-SEIS u l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din id-Direttiva għandha tagħti kontribut siewi ħafna fl-eliminazzjoni ta' l-ineffiċjenzi eżistenti relatati ma' l-użu u l-kapaċità għall-użu tad-dejta spazjali maħżuna mill-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu huwa importanti, li nirrikonoxxu li INSPIRE mhix se tindirizza direttament dejta ta' natura mhux spazjali jew mhux numerika, li weħedha mhix se tiggarantixxi konsoldiazzjoni organizzattiva fi ħdan l-Istati Membri, u li mhix se twassal direttament għal titjib fil-kwalità u l-komparabbiltà tad-dejta.

    - Id-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (id-Direttiva Aarhus) tagħti liċ-ċittadin id-dritt li jkollu informazzjoni ambjentali miżmuma jew maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluż informazzjoni dwar il-qagħda ta' l-ambjent, iżda ukoll dwar politiki jew miżuri li ttieħdu, jew dwar il-qagħda tas-saħħa tal-bniedem u s-sikurezza fejn dawn jistgħu jiġu affettwati minħabba l-qagħda ta' l-ambjent. L-applikanti huma intitolati li jiksbu din l-informazzjoni fi żmien xahar mit-talba u mingħajr ma jkollhom jgħidu għaliex qed jitolbuha. Minbarra dan, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom l-obbligu li attivament iqassmu l-informazzjoni ambjentali li jkollhom fil-pussess tagħhom.

    - L-inizjattiva Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) għandha l-għan li tipprovdi servizzi bbażati fuq id-dejta dwar il-monitoraġġ tad-Dinja miksuba bis-satellita u permezz ta' l-osservazzjonijiet in-situ fuq l-ilma, l-arja u l-art. Dawn is-servizzi se jindirizzaw speċifikament il-ħtiġijiet ta' dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha, minn dak ta' l-UE sa dawk lokali. Il-GMES għall-bidu qed tiffoka fuq l-iżvilupp ta' tliet "servizzi rapidi"—l-art, il-baħar u r-reazzjoni għall-emerġenza—bi tħejjijiet li bdew dan l-aħħar għall-implimentazzjoni tar-raba' servizz dwar l-atmosfera. Dawn is-servizzi rapidi joffru opportunità tajba għall-konsolidazzjoni u t-titjib fis-sistemi eżistenti ta' monitoraġġ fl-Ewropa billi jgħinu jidentifikaw u jindirizzaw lakuni fil-prodotti tad-dejta u ta' l-informazzjoni li huma disponibbli bħalissa u għall-iżgurar tal-forniment sostenibbli u operattiv tagħhom.

    - Kemm il-Komunità kif ukoll l-Istati Membri huma membri sħaħ tal-Grupp dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja (GEO), li għandu l-għan li jibni Sistema ta' Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEOSS), u għalhekk taw l-impenn tagħhom għall-prinċipji ta' l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-dejta. Attivitajiet tal-bidu f'dan il-qasam iffokaw fuq titjib fl-aċċess għad-dejta u fil-kondiviżjoni tad-dejta, progress fl-iżvilupp ta' l-interoperabbiltà bejn is-sistemi permezz ta' standards internazzjonali u arranġamenti oħra ta' interoperabbiltà, żvilupp ta' mekkaniżmi għall-kondiviżjoni u l-użu tad-dejta u tal-prodotti ta' l-informazzjoni, żvilupp ta' speċifikazzjonijiet dettaljati u ta' wirjiet ta' prova ta' l-arkitettura sottostanti u tal-komponenti ta' l- interface ta' l-utent.

    - Bħala parti mill-politika marittima ta' l-UE se jiġi stabbilit Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta ta’ l-Ibħra biex jipprovdi portal komuni għar-riċerkaturi u l-fornituri tas-servizz għal dejta marittima ta' kwalità għolja—ta' natura ġeoloġika, fiżika, kimika, bijoloġika—kif ukoll dwar l-attività tal-bniedem li għandha impatt fuq l-ibħra u l-oċeani tagħna.

    - Diversi attivitajiet ta' riċerka kif ukoll mhux ta' riċerka ffinanzjati mill-Kummissjoni jiffokaw fuq sistemi miftuħin mifruxa bl-iskop ta' ġestjoni ambjentali. Dawn jinkludu l-Programmi Kwadri ta' riċerka, eTEN, eContent u l-aktar reċenti l-programm ta' sostenn għall-politika ICT fi ħdan is-CIP Minbarra dan, fil-kuntest tal-Progamm IDABC il-Kummissjoni żviluppat fl-2004 Kwadru Ewropew ta' Interoperabbiltà, f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri. Dan id-dokument jiddefinixxi serje ta' rakkomandazzjonijiet u linji gwida fir-rigward ta' l-aspetti organizzattivi, semantiċi u tekniċi ta' l-interoperabbiltà għas-Servizzi Pan Ewropew tal-Gvern elettroniku ( eGovernment )(PEGS) sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-impriżi u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jidħlu f'interazzjoni bejniethom bejn fruntieri u setturi. Huwa ppjanat li fl-2008 tiġi adottata Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta verżjoni riveduta tad-dokument.

    - Sintendi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha rwol kruċjali fil-ġbir u l-forniment ta' l-inforamzzjoni ambjentali, bis-saħħa ta' l-għajnuna tan-netwerk Ewropew għall-osservazzjoni u l-informazzjoni ambjentali tagħha (EIONET). EIONET hija netwerk magħmul minn madwar 900 espert minn 'il fuq minn 300 aġenzija ambjentali nazzjonali u korpi oħrajn li jittrattaw dwar informazzjoni ambjentali f'37 pajjiż Ewropew, kif ukoll ħames Ċentri Topiċi Ewropej (ETCs) li jaħdmu fuq temi ambjentali speċifiċi. EIONET tibbenefika ukoll minn infrastruttura għas-sostenn u t-titjib fil-flussi tad-dejta (Reportnet), li tintegra s-servizzi differenti tal-web u tippermetti responsabbiltajiet mifruxa. Fil-bidu Reportnet kien jintuża prinċipalment għar-rappurtar tad-dejta ambjentali lill-EEA, iżda issa jinsab fih ukoll xi ftit mill-informazzjoni ta' rappurtar ambjentali tal-Kummissjoni.

    Minbarra dawn l-inizjattivi Ewropej, diversi inizjattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali qed jgħinu ukoll biex l-SEIS issir realtà. Fost dawn nistgħu insemmu:

    - fil-Ġermanja Portal dwar l-Informazzjoni Ambjentali (PortalU) li jkopri mijiet ta' eluf ta siti tal-web u data bases minn istituzzjonijiet pubbliċi li joperaw fil-livelli Federali u tal-Länder;

    - fl-Irlanda l-Għodda ta' Rappurtar għall-Valutazzjoni tar-Riskju tas-Sehem Tramuntana-Nofsinnhar, tinvolvi mappa interattiva u sistema tad-dejtabejż għall-użu minn utenti ġejjin mill-pubbliku kif ukoll mill-ispeċjalisti;

    - fl-Italja, Sistema ta' l Informazzjoni u l-Monitoraġġ Ambjentali (EIMS) qed tiġi żviluppata mill-Aġenzija għall-Ħarsien Ambjentali u s-Servizzi Tekniċi u s-sistemi ta' Aġenziji Ambjentali Reġjonali;

    - fl-Olanda, il-portal RIVM għal professjonisti fuq l-ambjent li ġie mniedi f'Settembru 2007;

    - għal darb'oħra fl-Olanda, studju ta' dan l-aħħar li kien ikkommissjonat b'mod konġunt minn diversi korpi governattivi dwar l-obbligi ta' monitoraġġ u ta' rappurtar u l-isforzi għall-ambjent, in-natura u l-ilma fl-Olanda skond ir-regolazzjoni internazzjonali, Ewropea, nazzjonali u interprovinċjali;

    - l-Awstrija għandha l-mira li jkollha 100% rappurtar elettroniku u diġà rnexxielha tirrapporta d-dejta kollha mitluba mill-EEA bħala parti mill "flussi ta' dejta prijoritarji" annwali tagħha;

    - Proġett ta' Rapportar-e ta' l-Uffiċċju ta' l-Istatistika tar-Repubblika tas-Slovenja, li t-testjar tas-softwer tagħha mistenni li jseħħ dalwaqt;

    - fir-Renju Unit l-Istrateġija għall-Monitoraġġ u l-Valutazzjoni tal-Baħar, adottata f'Mejju 2006 mill-Kumitat tal-Politika għall-Valutazzjoni tal-Baħar, li għandha l-għan li ssawwar il-potenzjal tar-Renju Unit li tipprovdi l-prova meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli kif ukoll twieġeb għaliha fi ħdan ekosistema nadifa, sikura, produttiva u bijoloġikament varjata.

    8. X'INHUMA L-AZZJONIJIET MEħTIEġA BIEX TITWETTAQ L-SEIS?

    Impenn politiku għall-prinċipji stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni huwa l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni ta' l-SEIS, għaliex se jibgħat sinjal ċar lill-ħafna atturi, ġewwa u barra mis-sistema tal-gvern, li l-isforzi tagħhom jeħtieġ li jiġu mmirati len proġett integrat li se jaqdi ħafna u diversi skopijiet individwali. Se jgħin ukoll biex jiġi evitat ir-riskju li l-attivitajiet għaddejjin bħalissa jkomplu jiġu frammentati u għalhekk ikollhom anqas effett milli jistgħu jkollhom meta jiġu indirizzati l-isfidi deskritti f'din il-Komunikazzjoni. Din it-tmexxija teħtieġ li ssir flimkien ma' azzjoni konkreta fi ħdan l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat koordinament adegwat ta' l-attivitajiet dwar informazzjoni nazzjonali.

    Attivitajiet għaddejjin bħalissa fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, inkluż dawk deskritti fis-sezzjoni 5, jeħtieġ li jiġu rinfurzati u kkoordinati f'konformità ma' l-SEIS. Fi ħdan il-Kummissjoni, se tingħata prijorità għall-implimentazzjoni tad- direttiva INSPIRE u għal aktar żvilupp ta' l- inizjattiva GMES , bħala bażi għat-titjib rispettivament fil-kondiviżjoni tad-dejta u l-informazzjoni relatata ma' l-ambjent fi ħdan l-Ewropa kif ukoll fil-forniment tas-servizzi lil dawk li jfasslu l-politika pubblika u ċ-ċittadini. Il-suċċess ta' dawn iż-żewġ attivitajiet għas-soluzzjoni tal-problemi li ġew imfassla għalihom se jiġi sorveljat b'attenzjoni, flimkien ukoll mal-possibbiltà tal-ħtieġa li jiġu mnedija inizjattivi komplementari. B'dan il-mod, se jkun żgurat li l-SEIS, INSPIRE u GMES ikollhom l-appoġġ reċiproku bejniethom.

    Kif ġie nnutat fid-daħla, pass ewlieni fl-implimentazzjoni ta' l-SEIS, u b'mod partikolari biex jiġu xprunati l-benefiċċji tas-simplifikar se jkun l-immodernizzar tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-mod kif l-informazzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ambjentali ssir disponibbli. Huwa mistenni li dan se jsir permezz tar-reviżjoni tad- Direttiva 91/692/KE dwar ir-Rappurtar Standardizzat , li jeħtieġ li tiġi aġġornata u tinġieb f'konfomità mal-prinċipji ta' l-SEIS. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li fl-2008 tressaq proposta leġiżlattiva rilevanti, inkluż tħassir ta' dispożizzjonijiet skaduti fid-direttiva ta' rappurtar standardizzat ta' bħalissa. Għalkemm id-direttiva ta' rappurtar standardizzat ta' bħalissa (SRD) tapplika biss għal proporzjon relattivament żgħir tal-leġiżlazzjoni ambjentali, id-dispożizzjonijiet previsti fid-direttiva riveduta għall-immodernizzar tal-mod kif l-informazzjoni ssir disponibbli jistgħu essenzjalment ikopru 'l fuq mill-mitt obbligu eżistenti ta' rappurtar ambjentali kollha kemm huma. Id-direttiva ġdida proposta se tistabbilixxi l-prinċipji u l-għanijiet ta' l-SEIS bħala obbligi legali. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll l-opportunità li tagħmel aktar emendi fil-leġiżlazzjoni ambjentali biex tiżgura li kull fejn possibbli l-prinċipji SEIS jiġu integrati b'mod sistematiku fid-dispożizzjonijiet eżistenti ta' rappurtar u ta' monitoraġġ.

    Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha għar-razzjonalizzazzjoni tal-kontenut tar-rekwiżiti ta' l-informazzjoni fil-leġiżlazzjoni ambjentali tematika u biex iġġibhom f'konformità mal-prinċipji deskritti f'din il-Komunikazzjoni. Jenħtieġu aktar analiżi, aktar żvilupp fil-ħidma għaddejja bħalissa fi ħdan il-politika ambjentali tematika u l-GMES, sabiex jiġu ċċarati r-rekwiżiti attwali tad-dejta u ta' l-informazzjoni u biex jiġu żviluppati l-istrumenti legali u/jew finanzjarji meħtieġa. Il-Kummissjoni se tuża wkoll il-parteċipazzjoni tagħha fil-fora internazzjonali eżistenti biex tavvanza sforzi simili relatati ma' l-obbligi internazzjonali. L-Istati Membri, min-naħa tagħhom, se jkollhom bżonn l-appoġġ tal-Kummissjoni biex jagħfsu għar-razzjonalizzazzjoni fil-fora internazzjonali, u biex jittieħdu aktar passi biex fil-livelli kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali jiġu razzjonalizzati u simplifikati l-proċeduri tal-ġbir tad-dejta.

    L- Aġenzija Ewropea għall-Ambjenta (EEA) għandha rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta' l-SEIS u kienet proponent ewlieni ta' ħafna mill-prinċipji deskritti f'din il-Komunikazzjoni. Hekk kif tkompli tissodisfa l-mandat tagħha billi tipprovdi informazzjoni ambjentali fil-ħin u b’mod affidabbli se jkun essenzjali għall-EEA biex tagħmel mill-SEIS il-qofol ta' l-istrateġija tagħha. L-għodda Reportnet ta' l-EEA teħtieġ li tiġi adottata bis-sħiħ mill-pajjiżi membri ta' l-EEA, u se jkun hemm il-bżonn li tiġi adattata progressivament biex tkun kompatibbli mas-sistema mifruxa emerġenti ta' l-Ewropa.

    Sabiex jiġi żgurat il-finanzjament adegwat ta' l-infrastruttura meħtieġa, se jiġi allokat għal dan il-għan l-appoġġ finanzjarju Komunitarju permezz ta' Programmi Kwadri għar-Riċerka LIFE+, il-Kompetittività u l-Programm Kwadru għall-Innovazzjoni (CIP) u l-Fondi Strutturali. Peress li mhux dawn il-programmi kollha huma mfassla biex jappoġġjaw infrastrutturi operazzjonali, is-suċċess ta' l-SEIS se jiddependi fuq allokazzjonijiet xierqa minn baġits nazzjonali u reġjonali għall-azzjonijiet u l-għanijiet meħtieġa kif deskritti hawn.

    Titjib sinifikanti fid-disponibbiltà ta' l-informazzjoni u fl-effettività ta’ l-ispiża ta' l-investimenti meħtieġ sabiex dan jinkiseb, jitwettaq biss jekk ikun hemm aktar armonizzazzjoni tas-sistemi ta' monitoraġġ eżistenti u koordinament attravers it-temi ta' l-ippjanar u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri. Eżempji tal-ħtieġa għal koordinament attravers it-temi għandu jinkludi l-monitoraġġ in-situ ta' l-ilma ħelu, il-ħamrija, l-użu ta' l-art u l-bijodiversità f'kuntest ta' ekosistema, kif ukoll ir-rwol ta' monitoraġġ in-situ għall-validazzjoni tad-dejta dwar l-osservazzjoni ta' l-sipazju. B'din l-intenzjoni, fi żmien tliet snin il-Kummissjoni se tippubblika rapport li tistabblixxi liema miżuri huma l-aktar meħtieġa u jekk ikun hemm il-bżonn, se tressaq proposti leġiżlattivi xierqa.

    Filwaqt li din il-Komunikazzjoni tiffoka primarjament fuq l-iżvilupp ta' l-SEIS fi ħdan l-UE, dawn il-prinċipji se jiġu promossi wkoll fil-kuntest ta' relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni u dawk viċinati, u se jsiru sforzi li jiżguraw li s-SEIS tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni minn dawn il-pajjiżi.

    Fl-2008 s-servizzi tal-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri u l-EEA, se jfasslu pjan dettaljat ta' implimentazzjoni għall-ksib ta' dawn l-għanijiet deskritti f'din il-Komunikazzjoni. Dan il-pjan ta' implimentazzjoni b'mod partikolari għandu jipprovid aktar dettalji dwar kif l-SEIS għandha tidħol fis-seħħ, billi jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji kollha assoċjati. Dan ikun ikopri, minbarra l-aspetti aktar tekniċi, kwistjonijiet relatati ma' l-aspetti legali, finanzjarji, organizzattivi, ta' proċedura u ta' mudelli ta' negozju safejn dawn ma jkunux diġa qed jiġu indirizzati b'mod sodisfaċenti.

    Top