This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008AR0337
Opinion of the Committee of the Regions on renewed social agenda: opportunities, access and solidarity in 21st century europe
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar aġenda soċjali mġedda: opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-ewropa tas-seklu 21
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar aġenda soċjali mġedda: opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-ewropa tas-seklu 21
ĠU C 200, 25.8.2009, p. 37–40
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.8.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 200/37 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar aġenda soċjali mġedda: opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-ewropa tas-seklu 21
(2009/C 200/08)
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jilqa’ l-mod kif l-aġenda ssaħħaħ il-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-politika soċjali. L-aġenda mġedda u l-miżuri li tipproponi jikkonsistu essenzjalment f’xogħol prattiku ta’ tħejjija li l-Kummissjoni diġà bdiet. Għalhekk l-aġenda tinkludi relattivament ftit inizjattivi ġodda għat-tisħiħ tal-viżibbiltà jew il-kontenut sostanzjali tal-politika soċjali tal-UE; |
— |
jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni soċjali u reġjonali biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tal-livell lokali u reġjonali f’dan il-qasam; |
— |
ifakkar li l-attivitajiet soċjali u ekonomiċi ma jsostnux u ma jikkumplementawx lil xulxin b’mod awtomatiku, iżda għandu jiġi żgurat bilanċ effettiv u reċiproku b’mod kontinwu bejn l-objettivi u l-mezzi tagħhom. Dan huwa partikolarment importanti issa meta l-bidliet b’pass mgħaġġel fl-ekonomija dinjija qed iżidu l-inċertezza fost il-pubbliku b’mod ġenerali; |
— |
jisħaq li għandha tingħata attenzjoni sistematika lill-effetti soċjali tal-politiki tal-UE. Pereżempju, l-effetti soċjali tas-suq intern tal-UE f’xi waqtiet ma setgħux jitbassru u ma kienx dejjem possibbli li jkun hemm tħejjija biżżejjed għalihom; |
— |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiġbor riżultati ta’ riċerka komparabbli u multidimensjonali dwar it-tisħiħ tal-effettività ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali, u b’mod partikolari jiġbed l-attenzjoni lejn il-kundizzjonijiet ġenerali fil-livell lokali u reġjonali bħala l-fornitur ewlieni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa. |
Rapporteur |
: |
Is-Sur Veikko Kumpumäki (FI/PES), Membru tal-Kunsill Reġjonali tal-Lapland |
Dokument ta’ referenza
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21
COM(2008) 412 finali
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa’ l-mod kif l-aġenda ssaħħaħ il-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-politika soċjali. L-aġenda mġedda u l-miżuri li tipproponi jikkonsistu essenzjalment f’xogħol prattiku ta’ tħejjija li l-Kummissjoni diġà bdiet. Għalhekk l-aġenda tinkludi relattivament ftit inizjattivi ġodda għat-tisħiħ tal-viżibbiltà jew il-kontenut sostanzjali tal-politika soċjali tal-UE; |
2. |
ifakkar li l-konsultazzjoni pubblika li tmexxiet għall-inventarju tar-realtà soċjali tal-UE għenet biex tenfasizza li l-fiduċja tal-pubbliku fl-UE, b’xi mod jew ieħor, tiddependi mill-fatt li jkun hemm politika soċjali Ewropea kredibbli li hija element importanti tal-mudell soċjali Ewropew. It-trawwim ta’ din il-fiduċja huwa essenzjali għall-progress, it-tiġdid u d-dispożizzjoni għall-bidla; |
3. |
jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni soċjali u reġjonali biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona u jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tal-livell lokali u reġjonali f’dan il-qasam; |
Id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa
4. |
ifakkar li l-attivitajiet soċjali u ekonomiċi ma jsostnux u ma jikkumplementawx lil xulxin b’mod awtomatiku, iżda għandu jiġi żgurat bilanċ effettiv u reċiproku b’mod kontinwu bejn l-objettivi u l-mezzi tagħhom. Dan huwa partikolarment importanti issa meta l-bidliet b’pass mgħaġġel fl-ekonomija dinjija qed iżidu l-inċertezza fost il-pubbliku b’mod ġenerali; |
5. |
jisħaq li għandha tingħata attenzjoni sistematika lill-effetti soċjali tal-politiki tal-UE. Pereżempju, l-effetti soċjali tas-suq intern tal-UE f’xi waqtiet ma setgħux jitbassru u ma kienx dejjem possibbli li jkun hemm tħejjija biżżejjed għalihom; |
6. |
jagħraf l-importanza tad-dikjarazzjoni fl-aġenda soċjali dwar il-permanenza tal-objettivi soċjali fundamentali u l-impenn tal-UE għal soċjetajiet armonjużi, koeżivi u inklussivi; |
7. |
ifakkar li l-politika soċjali għandha titqies ukoll bħala fattur li jħares u jsostni l-iżvilupp armonjuż tas-soċjetà u mhux biss bħala aġent ta’ flessibbiltà u bidla; |
8. |
jammetti li hemm bżonn ta’ aġenda soċjali usa’ u jagħraf l-importanza ta’ tagħlim tul il-ħajja bħala element ewlieni għal dan il-għan. Madankollu, it-tagħlim m’għandux jitqies biss bħala fattur kompetittiv, iżda r-rwol soċjali sostanzjali tiegħu għandu jiġi rikonoxxut ukoll. Barra l-għoti ta’ opportunitajiet sabiex l-individwi jirnexxu, jeħtieġ li jiġi żgurat il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni ta’ nies li ma jkollhomx suċċess kbir; |
9. |
jenfasizza l-importanza tas-solidarjetà bejn il-gruppi differenti tal-popolazzjoni, bejn il-ġenerazzjonijiet u r-reġjuni differenti. Id-dibattitu dwar il-bidliet fl-istruttura tal-età tal-popolazzjoni u l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali għandu jitwessa’ biex jinkludi l-gruppi tal-etajiet kollha u tal-popolazzjoni kollha, u hawnhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni attiva ta’ nies b’diżabbiltà u b’diżabbiltà parzjali; |
10. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiġbor riżultati ta’ riċerka komparabbli u multidimensjonali dwar it-tisħiħ tal-effettività ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali, u b’mod partikolari jiġbed l-attenzjoni lejn il-kundizzjonijiet ġenerali fil-livell lokali u reġjonali bħala l-fornitur ewlieni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa; |
11. |
jippromovi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-Ewropa biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-immigranti u jenfasizza li l-għarfien espert tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jintuża f’dawn l-isforzi; |
L-objettivi tal-aġenda soċjali mġedda
12. |
b’rabta mat-tliet objettivi ġenerali u interrelatati, jinnota li:
|
13. |
jinnota li l-livell lokali u reġjonali jista’ jagħti kontribut sostanzjali għall-innovazzjoni u l-iżvilupp biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-UE. Skont l-aġenda soċjali mġedda, għandu jkun possibbli li jsir użu effettiv mill-għarfien espert tagħhom; |
L-objettivi ewlenin
14. |
jqis li ta’ min ikompli b’firxa ta’ attivitajiet li jiffokaw fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, u jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari lejn l-importanza ta’ miżuri preventivi f’dan il-qasam; |
15. |
jinnota li meta titjieb u tiġi evalwata l-kwalità ta’ sistemi edukattivi, il-benesseri, is-sigurtà u l-kuntentizza tat-tfal għandhom jiġu enfasizzati flimkien mal-kisbiet edukattivi tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-ħiliet pedagoġiċi tal-għalliema u l-objettiv tal-ugwaljanza f’kull livell tal-edukazzjoni; |
16. |
iħeġġeġ biex il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni jiffoka fuq it-teħid ta’ rendikont u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet u prattika lokali u reġjonali tajbin, kif ukoll fuq it-tixrid tal-informazzjoni bil-għan li dawn jiġu applikati b’mod usa’; f’dan il-kuntest, il-KtR jfakkar li l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni huwa l-kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri; |
17. |
jinnota li t-tkabbir u l-impjieg biss mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu soċjetà ġusta soċjalment, iżda jeħtieġ ukoll li jkun hemm politika soċjali effettiva u responsabbli fil-livelli kollha; |
18. |
jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi ċċirkulata informazzjoni wiesgħa u diversa biex ikun hemm mudelli effikaċi ta’ flessigurtà; |
19. |
jisħaq li t-tagħlim tul il-ħajja kollha għandu jkun fl-interess tal-gruppi tal-etajiet u l-popolazzjoni kollha u aċċessibbli għall-kulħadd — għalkemm f’dan il-qasam għad hemm bżonn li titqajjem kuxjenza akbar fost il-pubbliku — u li l-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja għall-adulti jitlob kooperazzjoni wiesgħa fil-livelli kollha governattivi u bejn id-diversi partijiet interessati. Fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali, huwa ta’ importanza partikolari li jiġi żgurat li l-edukazzjoni tipprovdi l-ħiliet meħtieġa għall-impjieg u fejn meħtieġ li s-sistema tal-edukazzjoni tkun tista’ tindirizza minnufih il-ħtiġijiet edukattivi li jinqalgħu. Jekk ikun possibbli, għandu jiġi żviluppat ukoll it-tbassir tal-ħtiġijiet edukattivi permezz ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
20. |
ifakkar li s-soċjetà għandha bżonn ukoll ta’ persuni kapaċi li jassistu u jikkuraw lill-oħrajn, u għalhekk dil-kapaċità għandha tidħol ukoll bħala parti kruċjali mis-“sett ta’ kompetenzi ġodda” msemmi fl-aġenda soċjali; |
21. |
jenfasizza l-ħtieġa ta’ għamliet ġodda ta’ edukazzjoni li jikkombinaw ix-xogħol u t-tagħlim, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi, lil min iħaddem u lil individwi biex iżommu diskussjoni miftuħa dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward ta’ dawn l-arranġamenti li jikkombinaw ix-xogħol u t-tagħlim; |
22. |
jiġbed attenzjoni partikolari lejn l-objettiv li jitjiebu kemm il-kwalita’ tax-xogħol kif ukoll il-mod kif jitwettaq, u jemmen li huwa importanti li jinxterdu data ta’ riċerka rilevanti u l-aħjar prattika; |
23. |
jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni biex tiżgura li ma jkunx hemm kontradizzjoni bejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tat-Trattat, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu nota tal-esperjenzi f’dan ir-rigward, anki f’livell lokali u reġjonali; |
24. |
jinnota li meta jkunu qed jiġu analiżżati u żviluppati sistemi Ewropej għall-kura tas-saħħa, għandhom jitqiesu l-aspetti usa’ tagħhom, inklużi l-ippjanar, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi u l-ħaddiema. Bħala l-organizzaturi ewlenin ta’ servizzi pubbliċi soċjali u tas-saħħa, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma msieħba importanti f’dan l-isforz; |
25. |
jilqa’ b’mod partikolari l-impenn tal-Kummissjoni biex tiżgura li s-suq uniku u r-regoli tal-kompetizzjoni jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità tajba u li jkunu aċċessibbli minn kulħadd. Dan ifisser li għandha tiġi żgurata bażi legali soda għas-servizzi ta’ interess ġenerali, filwaqt li jinħolqu l-kuntatti meħtieġa għal diskussjoni miftuħa u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar problemi relatati mal-koordinazzjoni ta’ servizzi soċjali mar-regoli tas-suq intern. L-esperjenza fil-livell lokali u reġjonali għandha tinġabar b’mod sistematiku biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli u li l-prattiki t-tajba jintużaw b’mod aktar wiesa’. Madankollu, dan l-impenn ma jinkludi l-ebda obbligu ta’ rappurtar iddettaljat għall-Istati Membri, u għaldaqstant m’għandux joħloq piż amministrattiv sproporzjonat għall-awtoritajiet lokali |
26. |
jirrakkomanda li tingħata prijorità lid-drittijiet soċjali u li jkun hemm solidarjetà fl-isforzi tal-UE għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u li jitqies b’mod serju jekk il-programmi tal-ikel u l-banek tal-ikel għandhomx jagħmlu parti mill-istat assistenzjali Ewropew fis-seklu 21; |
27. |
jemmen li huwa importanti li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, li negħlbu d-differenzi fil-pagi tagħhom u li naslu għal konċiljazzjoni effettiva bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja; |
28. |
japprova l-enfasi li qed issir fuq il-prijorità tal-politika l-ġdida dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u jirrimarka l-potenzjal sinifikanti tal-Unjoni Ewropea li tkun minn ta’ quddiem f’dan il-qasam; |
Il-fehmiet ewlenin tal-Kumitat tar-Reġjuni
29. |
japprova l-ambitu komprensiv tal-aġenda, li jiġbor fih l-attivitajiet ta’ diversi setturi; madankollu jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li dan l-approċċ ma jiħux post l-isfidi importanti tal-politika soċjali tradizzjonali, bħat-twessigħ ta’ differenzi fid-dħul finanzjarju u l-inugwaljanza dejjem tikber u l-miżuri meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati; |
30. |
jinnota li l-azzjonijiet imressqa fl-aġenda ta’ sikwit ikollhom ħafna dimensjonijiet differenti, u f’xi waqtiet jidħlu f’kunflitt u jitolbu kunsiderazzjoni dettaljata. Pereżempju b’rabta mal-promozzjoni tal-mobbiltà, għandha tingħata attenzjoni lill-problemi kkawżati minn żgħażagħ li jħallu fejn joqogħdu u d-distorsjoni li jkun hemm wara fl-istruttura tal-età f’ċerti zoni. Il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi mħarsa s-sezzjoni “mhux mobbli” tal-popolazzjoni u jiġu żgurati opportunitajiet indaqs f’żoni anqas attraenti. Fatturi bħall-impatt ambjentali ta’ mobbiltà akbar ukoll għandhom jitqiesu; |
31. |
jenfasizza li l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni– bħal kull metodu ieħor Ewropew ta’ politika soċjali — għandu jiġi żviluppat fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tal-politika soċjali tal-Istati Membri nnifishom, li jinftiehmu l-aħjar fil-prattika f’livell lokali u reġjonali. Minħabba l-fatt li l-Istati Membri u ċ-ċirkustanzi tar-reġjuni tagħhom ivarjaw ħafna, l-introduzzjoni ta’ objettivi kwantitattivi fil-politika soċjali tista’ toħloq problemi. Il-koordinazzjoni miftuħa fil-livell Ewropew għandha titjieb primarjament billi tiġi applikata għal ċerti kwistjonijiet importanti, bit-titjib tal-effettività tar-rappurtar u tax-xogħol ta’ riċerka, u billi jiżdied ir-rwol tal-għarfien speċifiku tal-livell lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ koordinazzjoni. Dan jista’ jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-impatt u l-viżibbiltà tal-metodu u għaldaqstant il-kwalità tal-politika soċjali Ewropea — li hija element importanti tal-proġett Ewropew għall-integrazzjoni. Ir-rabtiet bejn il-metodu ta’ kordinazzjoni miftuħa u l-gvern lokali u reġjonali għadhom wisq dgħajfa għalissa; |
32. |
ifakkar ir-rwol u l-potenzjal tad-djalogu soċjali fil-livell Ewropew fit-tħejjija ta’ inizjattivi u fl-implimentazzjoni tagħhom fil-livell ta’ gvern lokali u reġjonali skont l-aġenda, u jemmen li huwa importanti li dan id-djalogu jissaħħaħ. |
Brussell, it-22 ta’ April 2009.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Luc VAN DEN BRANDE