EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0254

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

ĠU C 76, 31.3.2009, p. 54–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/54


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

(2009/C 76/11)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinnota li l-ġestjoni tal-bidla fil-klima hija waħda mill-isfidi politiċi l-aktar importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser jiffaċċjaw fis-snin li ġejjin;

jemmen li sabiex jinkisbu l-miri ambizzjużi għall-2020 is-soluzzjonijiet permezz tal-ICT għandhom ikunu disponibbli minnufih u applikati bis-sħiħ;

jenfasizza li l-ICTs għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-ICTs huma ta' benefiċċju għall-iżvilupp bis-saħħa ta' teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet kummerċjali u jippromovu tibdil strutturali fl-użu ta' riżorsi naturali billi jużaw il-proċessi l-aktar intelliġenti u l-aktar nodfa;

jenfasizza l-fatt li l-potenzjal kbir tal-ICTs biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u jżid l-opportunitajiet kummerċjali fil-livell lokali u reġjonali;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom bosta strumenti għad-dispożizzjoni tagħhom li jgħinuhom jisfruttaw il-possibbiltajiet li joffru l-ICTs għall-ġestjoni tal-bidla fil-klima, bħal pereżempju r-responsabbiltajiet u s-setgħat fl-oqsma tal-ippjanar tal-użu tal-art, tal-provvista tal-enerġija, tal-kostruzzjoni u tat-trasport;

jipproponi li b'rabta mal-avveniment Ewropew dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jiġu organizzati wirja u kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-aħjar proġetti ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tal-ICTs u huwa lest jipparteċipa kemm fil-wirja kif ukoll fl-avveniment; u li l-Kummissjoni tfassal gwida prattika, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni u partijiet interessati oħra, dwar kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jisfruttaw l-ICTs fil-pjanijiet tagħhom għall-bidla fil-klima.

Rapporteur

:

Is-Sur Risto KOIVISTO (FI/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali ta' Tampere

Dokument ta' referenza

Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

COM(2008) 241 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti Ġenerali

1.

jinnota li fl-opinjonijiet reċenti tiegħu identifika l-ġestjoni tal-bidla fil-klima bħala waħda mill-isfidi politiċi l-aktar importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser jiffaċċjaw fis-snin li ġejjin;

2.

jappoġġja l-miri għall-2020 stabbiliti mill-Kunsill għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, għat-tkabbir b'20 % tas-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-konsum totali tal-enerġija fl-UE, u għall-iffrankar ta' 20 % fil-konsum tal-enerġija fl-UE meta mqabbel mal-previżjonijiet attwali;

3.

bħall-Kummissjoni, jemmen li sabiex jinkisbu l-miri ambizzjużi għall-2020 is-soluzzjonijiet permezz tal-ICT għandhom ikunu disponibbli minnufih u applikati bis-sħiħ;

4.

itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għandha tingħata prijorità f'kull għażla ta' politika Ewropea għall-enerġija. Għalhekk, huwa kuntent li fil-komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara li trid tuża l-ICTs biex tkabbar l-effiċjenza tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-kummerċ tal-enerġija;

5.

peress li kien ta attenzjoni partikolari lid-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-ICT fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-inizjattivi i2010 reċenti tal-Kummissjoni, il-Kumitat huwa kuntent li l-Kummissjoni issa qed tikkunsidra l-aspetti ambjentali tas-soċjetà tal-informazzjoni;

6.

jenfasizza li l-ICTs għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-ICTs huma ta' benefiċċju għall-iżvilupp bis-saħħa ta' teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet kummerċjali u jippromovu tibdil strutturali fl-użu ta' riżorsi naturali billi jużaw il-proċessi l-aktar intelliġenti u l-aktar nodfa;

7.

jenfasizza l-fatt li l-potenzjal kbir tal-ICTs biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u jżid l-opportunitajiet kummerċjali fil-livell lokali u reġjonali.

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

8.

huwa konvint li l-Kummissjoni għamlet l-għażla t-tajba bl-għotja ta' prijorità lill-kooperazzjoni mal-komunitajiet urbani u lill-kontribut tagħhom għall-ivvalidar u t-testjar tal-ideat u jħoss li dan huwa b'konformità mal-kummenti preċedenti tal-Kumitat dwar l-istrateġija i2010;

9.

jemmen li huwa preċiżament il-livell lokali u reġjonali tal-amministrazzjoni, għal finijiet ta' bżonnijiet prattiċi, li jista' joħroġ bl-inizjattivi l-aktar kreattivi u innovattivi li jappoġġjaw l-istrateġija i2010 tal-UE;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom bosta strumenti għad-dispożizzjoni tagħhom li jgħinuhom jisfruttaw il-possibbiltajiet li joffru l-ICTs għall-ġestjoni tal-bidla fil-klima, bħal pereżempju r-responsabbiltajiet u s-setgħat fl-oqsma tal-ippjanar tal-użu tal-art, tal-provvista tal-enerġija, tal-kostruzzjoni u tat-trasport;

11.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà jagħmlu użu estensiv mill-ICTs f'ħafna mill-attivitajiet tagħhom bil-għan li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet, bħal pereżempju:

id-dwal f'postijiet pubbliċi. Pereżempju, il-messaġġi testwali (SMS) jew l-Internet jistgħu jintużaw biex jinxtegħlu d-dwal f'faċilitajiet sportivi fuq barra għal ċertu ħin u d-dwal fit-toroq jistgħu jiġu rregolati awtomatikament skont il-bżonnijiet li dejjem jinbidlu;

il-kontroll tat-tisħin, tal-arja kondizzjonata u tad-dwal fil-bini. It-teknoloġija għandha rwol partikolarment importanti fir-rigward ta' bini li juża ħafna enerġija bħal pixxini fuq ġewwa;

is-sorveljanza remota ta' bini u ta' spazji pubbliċi oħra. Din ukoll tagħti informazzjoni dwar l-użu tal-enerġija fil-bini u kwalunkwe tibdil fl-istess użu;

is-sistemi ta' kontroll tat-traffiku li jirrispettaw aktar l-ambjent, pereżempju dwal tat-traffiku li jadattaw skont it-tibdil fil-fluss tat-traffiku u sistemi li jipprovdu informazzjoni dwar il-konġestjonijiet tat-traffiku;

il-fatt li t-trasport pubbliku jsir aktar kompetittiv. Ħafna mill-awtoritajiet lokali diġà jaġġornaw l-iskedi tat-trasport f'ħin reali skont is-sistemi ta' pożizzjonament u l-bejgħ tal-biljetti permezz tal-Internet;

l-iżvilupp tal-loġistika lokali. It-Teknoloġija tal-Informazzjoni tista' tintuża biex tabbina l-operazzjonijiet tat-trasport u bosta servizzi mobbli f'lokalità partikolari, u b'hekk tnaqqas l-emissjonijiet b'mod ġenerali, u biex tottimizza r-rotot b'mod li jirrispetta l-ambjent;

it-tkabbir tal-għarfien tal-konsumatur. Il-kejl remot bil-miter jista' jintuża biex jipprovdi informazzjoni f'ħin reali lill-konsumatur. Bis-saħħa ta' din l-interazzjoni, titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jonqsu l-emissjonijiet;

il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, fejn it-Teknoloġija tal-Informazzjoni diġà tintuża biex jiġu kkontrollati l-proċessi;

12.

jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li, f'dan l-istadju, l-kumpaniji tal-ICT jingħataw rwol ewlieni fil-bidla strutturali bil-għan li titnaqqas il-marka ekoloġika tal-ICTs,

13.

barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ICTs joffru opportunitajiet kbar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ikabbru l-produttività, itejbu s-servizzi tagħhom u fl-istess ħin inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet. Madankollu, sabiex wieħed ikun jista' jisfrutta dawn l-opportunitajiet, ħafna mid-drabi jkun hemm bżonn ta' riforma strutturali usa' fil-prattika amministrattiva, bħal pereżempju billi:

x-xogħol isir aktar flessibli u b'hekk jiżdied it-teleworking;

naqilbu minn sistema fejn id-dokumenti jiġu stampati fuq il-karti għal sistema ta' proċessar elettroniku tal-kummerċ, u fl-istess waqt nirriformaw il-proċeduri interni u esterni;

tiġi provduta firxa komprensiva ta' servizzi li jkopru setturi u organizzazzjonijiet differenti f'one-stop-shops qrib il-pubbliku, fejn jista' jingħata għarfien espert aktar fil-fond u pereżempju servizz ta' interpretazzjoni permezz ta' vidjokonferenzi;

14.

jiddikjara li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa u n-netwerks tagħhom huma kuntenti li ser jieħdu sehem fil-proċess ta' konsultazzjoni u ta' sħubija għall-ICT dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fit-tixrid ta' prattika tajba;

15.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tfassal mudelli adegwati ta' finanzjament, li jikkunsidraw ukoll il-bżonnijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u sabiex tagħmel l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b'mod ġenerali u s-soluzzjonijiet bbażati fuq l-ICT b'mod partikolari, oqsma ta' prijorità għas-sorsi kollha ta' finanzjament.

Kummenti oħra

16.

iħoss li, minkejja l-fatt li diġà qed jitħejjew bosta inizjattivi, it-trasport kellu jiġi inkluż fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala wieħed mill-oqsma li għandu jingħata attenzjoni fl-istadju inizjali peress li għandu potenzjal qawwi għall-iffrankar tal-enerġija u għall-opportunitajiet ta' applikazzjoni tal-ICT u huwa qasam kruċjali mil-lat tal-amministrazzjoni lokali u reġjonali;

17.

jaqbel mal-Kummissjoni li huwa importanti li jkun hemm appoġġ għall-iżvilupp ta' kompjuters li jaħlu anqas enerġija u jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tinvesti aktar fl-iżvilupp ta' metodi li jippermettu l-irkupru aktar effettiv tal-enerġija tas-sħana ġġenerata ġewwa kmamar kbar tal-kompjuters;

18.

b'żieda mal-potenzjal tal-ICTs għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif enfasizzat il-Kummissjoni, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-manifattura, t-trasport u l-qerda tal-prodotti tal-IT għandhom impatt kbir fuq il-marka ekoloġika tas-settur u jikkunsidra li huwa importanti li wieħed jipprova jnaqqas dan l-impatt kemm permezz ta' ftehim volontarju kif ukoll, fejn hemm il-bżonn, permezz ta' leġiżlazzjoni;

19.

jipproponi li jitfasslu linji gwida ġenerali għall-iżvilupp tar-riċerka dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija bbażata fuq l-ICT, bil-għan li r-riżorsi Ewropej, nazzjonali u reġjonali fframmentati jiġu abbinati sabiex l-objettivi komuni jinkisbu b'mod aħjar;

20.

jenfasizza l-importanza ta' riċerka bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-klijenti u jemmem li prerekwiżit għas-suċċess tagħha huwa l-kooperazzjoni mill-qrib bejn ir-riċerka xjentifika, l-ICT u kumpaniji oħra, il-produtturi tal-enerġija, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur;

21.

fid-dawl tal-importanza ewlenija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, iħeġġeġ li jingħataw rwol importanti fil-programm qafas ta' riċerka tal-UE u f'programmi ta' qafas nazzjonali simili, u, fuq kollox, f'proġetti pilota fuq skala kbira li janalizzaw il-marka ekoloġika li jħallu l-ICTs msemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

22.

huwa mħasseb li, minkejja l-importanza tal-kwistjoni, ma kienx hemm investiment biżżejjed fl-introduzzjoni ta' innovazzjonijiet f'forma ta' prodotti u servizzi għas-suq tal-massa, u jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minbarra li għandhom rwol ta' pijunieri fl-isfruttar tal-innovazzjonijiet, jistgħu joffru ambjent ekonomikament pożittiv lill-kumpaniji tas-settur;

23.

jikkunsidra n-nuqqas ta' standards komuni bħala problema kbira mil-lat ta' tkabbir tas-suq, b'mod partikolari f'oqsma tat-teknoloġija marbuta mill-qrib mal-amministrazzjoni lokali u reġjonali, bħal pereżempju s-sistemi ta' kontroll intelliġenti tal-bini, il-kontroll tad-dawl u s-sistemi tat-traffiku. In-nuqqas ta' standards jfixkel l-interoperabilità teknika, jillimita l-kompetizzjoni tas-suq u jxekkel l-akkwist pubbliku;

24.

jinnota li l-oqsma ta' prijorità msemmija mill-Kummissjoni huma nieqsa minn metodi ta' kejl standardizzati li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jevalwaw l-utilità ta' soluzzjonijiet differenti;

25.

jinnota li l-ġenerazzjoni ddistribwita tal-enerġija fil-livell lokali u reġjonali hija adegwata mil-lat ta' ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sigurtà u tista' tabbina metodi differenti ta' produzzjoni. Għalhekk, jaqbel bis-sħiħ mal-pjan tal-Kummissjoni li jkun hemm aktar skambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba għal mudelli ġodda ta' intrapriżi bbażati fuq l-ICT għall-ġenerazzjoni ddistribwita u li jkun hemm investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam;

26.

jinnota li l-komunikazzjoni ma ssemmix il-promozzjoni ta' ICTs favur l-ambjent fl-akkwist pubbliku u jsejjaħ għat-tfassil ta' proċeduri li jagħmluha aktar faċli sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu prijorità lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-akkwist pubbliku, b'mod partikolari lill-proċedura tal-akkwist pubbliku prekummerċjali, u lill-iżvilupp tal-ICT f'dan il-qasam;

27.

jilqa' l-kumment tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni li beħsieba tikkoopera mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni u jipproponi li:

b'rabta mal-avveniment Ewropew dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jiġu organizzati wirja u kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-aħjar proġetti ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tal-ICTs u huwa lest jipparteċipa kemm fil-wirja kif ukoll fl-avveniment;

il-Kummissjoni tfassal gwida prattika, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni u partijiet interessati oħra, dwar kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jisfruttaw l-ICTs fil-pjanijiet tagħhom għall-bidla fil-klima;

28.

jipproponi li fil-komunikazzjoni li jmiss dwar l-ICTs u l-ambjent, mistennija għar-rebbiegħa tal-2009, il-Kummissjoni:

twessa' l-ambitu tal-komunikazzjoni biex mhux biss tinkludi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll l-iżvilupp sostenibbli;

tehmez ma' din il-komunikazzjoni pjan ta' azzjoni konkret li jistabbilixxi objettivi, miżuri u skadenzi preċiżi;

tinkludi oqsma ġodda, tal-anqas, it-trasport u l-bżonn ta' bidla fil-prattika tal-amministrazzjoni pubblika;

tikkunsidra r-rwol u l-ħtiġijiet tal-amministrazzjoni lokali u reġjonali.

Fehmiet ewlenin tal-Kumitat tar-Reġjuni

29.

Kif diġà stqarr il-Kumitat f'okkażjonijiet preċedenti, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ż-żieda fl-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandhom ikunu elementi ewlenin fil-politika Ewropea għall-enerġija. Il-fatt li jiżdied l-investiment fl-ICTs li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġġestixxu l-bidla fil-klima, jżidu l-ġenerazzjoni ddistribwita tal-enerġija u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u joffri opportunitajiet kummerċjali ġodda lill-kumpaniji lokali.

30.

Il-Kumitat jagħti importanza kbira lill-pjanijiet tal-Kummissjoni li tibni fuq l-esperjenza tal-komunitajiet urbani fir-rigward tal-ivvalidar u t-testjar tal-ideat u li taħdem magħhom u ma' netwerks eżistenti ta' awtoritajiet lokali u reġjonali. Minħabba r-rwolijiet diversi tagħhom (bħal pereżempju r-rwolijiet ta' regolatur, ta' konsumatur, ta' fornitur ta' servizz, ta' utent u fornitur tal-enerġija, ta' inizjatur, ta' espert u ta' fornitur ta' linji gwida), l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ħafna raġunijiet sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ l-isfruttar tal-ICT bil-għan li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-Kumitat ser jagħmel sforz sabiex juża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex ikabbar l-għarfien dwar dawn l-opportunitajiet fost il-komunitajiet urbani u n-netwerks tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ser iħeġġiġhom jieħdu sehem fil-proċess ta' sħubija.

31.

Il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni timpennja ruħha aktar sabiex tistabilixxi standards f'dan il-qasam ħalli l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom aċċess għal prodotti b'interoperabilità imtejba. L-istandardizzazzjoni u l-kriterji ta' kwalità wkoll jgħinu biex titrawwem kompetizzjoni fis-suq u jagħmluha aktar faċli għall-awtoritajiet biex jixtru prodotti li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija.

32.

Bħala parti mir-responsabbiltà konġunta tagħhom għall-ambjent, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu, bl-appoġġ tal-UE u tal-Istati Membri, jkunu pijunieri u jagħtu eżempju lill-oħrajn billi jużaw l-ICTs bil-għan li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan ir-rwol ta' pijunieri jinkludi t-twaqqif ta' sħubijiet ġodda mal-kumpaniji tal-ICT u l-produtturi tal-enerġija, l-fatt li jinstabu metodi sabiex il-bini pubbliku jagħmel użu intelliġenti tal-enerġija, l-introduzzjoni ta' sistema ta' dawl intelliġenti f'postijiet pubbliċi, u ż-żieda tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-provvista tal-aministrazzjoni u tas-servizzi.

33.

Il-Kumitat jipproponi li fil-komunikazzjoni li jmiss dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni Ewropea tippublika l-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-użu tal-ICT għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li l-analiżi ġenerali tkopri wkoll it-trasport u li l-pjan ta' azzjoni jinkludi e-strategy estensiva għat-tnaqqis tad-dijossidju tal-karbonju, objettivi settorjali kwantitattivi għal dawn l-emissjonijiet u l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-UE u mill-Istati Membri sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi u, barra minn hekk, t-tfassil ta' indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress.

Brussell, is-27 ta' Novembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top