Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0097

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-suq intern – viżjoni soċjali u s-servizzi ta’ interess ġenerali

    ĠU C 120, 28.5.2009, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 120/6


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-suq intern – viżjoni soċjali u s-servizzi ta’ interess ġenerali

    2009/C 120/02

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jaqbel mal-Kummissjoni li s-suq intern għandu jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi u l-SMEs, jgħin lill-Ewropa tibbenefika mill-globalizzazzjoni, jegħleb l-ostakli li jxekklu l-għarfien u l-innovazzjoni, jiffaċilità t-tkabbir ekonomiku għall-ħolqien tal-impjiegi, jagħmel lill-Ewropa kompetittiva b’konformità mal-objettivi ta’ Liżbona, u jinkludi dimensjoni soċjali u ambjentali qawwija;

    jiddispjaċih li l-punti mqajma fil-Komunikazzjoni huma ta’ natura kemxejn ġenerali. Għalhekk, fil-futur il-proposti konkreti tal-Kummissjoni, maħsuba biex jintlaħqu l-objettivi li jinsabu f’din il-Komunikazzjoni u b’mod partikolari fil-kuntest tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom ikunu suġġetti għal analiżi aktar fil-fond;

    jinsab konvint li s-suq intern jista’ jaħdem b’suċċess biss bis-saħħa tal-kompetittività tal-intrapriżi u tal-ħolqien ta’ benefiċċji soċjali ġenwini għaċ-ċittadini Ewropej; għaldaqstant jemmen fl-importanza li tkompli titwessa’ t-triq li nfetħet bid-Direttiva dwar is-servizzi, bil-għan li tkompli tiżviluppa l-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi, u b’hekk issaħħaħ il-kompetizzjoni reali u ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern Ewropew.

    Rapporteur

    :

    Dr Michael Schneider (DE/PPE), Segretarju tal-Istat, Rappreżentant tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt fl-Istat Federali tal-Ġermanja

    Dokumenti ta’ referenza

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21

    COM(2007) 724 finali

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Anċillari mal-Komunikazzjoni “Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21” – Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid

    COM(2007) 725 finali

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21

    COM(2007) 726 finali

    Kummenti ġenerali

    Il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar fl-opinjoni ta’ prospettiva tiegħu dwar dan is-suġġett bit-titolu “Il-futur tas-suq uniku u l-evalwazzjoni tas-soċjetà Ewropea” tat-23 ta’ Marzu 2007, li fiha rakkomandazzjonijiet importanti biex is-suq intern ikompli jiżviluppa.

    L-isfond

    Is-suq intern Ewropew jaqdi rwol kruċjali fid-dinja globalizzata u fil-kuntest tal-istrateġija ta’ Liżbona għax huwa jippromovi l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, u b’hekk jistimola t-tkabbir u l-impjiegi. Fl-istess ħin huwa jsaħħaħ ukoll il-kwalità tal-ħajja u l-prosperità taċ-ċittadini Ewropej. Għaldaqstant, s’issa s-suq intern huwa wieħed mill-ikbar suċċessi tal-Unjoni Ewropea.

    Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ l-pakkett ta’ miżuri li ressqet il-Kummissjoni bil-fehmiet tagħha dwar l-iżvilupp avvanzat u l-forma futura tas-suq intern bl-iskop li tqanqal id-diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet. Dan huwa pass importanti sabiex fil-futur inkunu nistgħu nilqgħu l-isfidi tal-globalizzazzjoni li kulma jmur qegħdin jikbru.

    Komunikazzjoni dwar is-“Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21”

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jaqbel mal-Kummissjoni li s-suq intern għandu jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi u l-SMEs, jgħin lill-Ewropa tibbenefika mill-globalizzazzjoni, jegħleb l-ostakli li jxekklu l-għarfien u l-innovazzjoni, jiffaċilità t-tkabbir ekonomiku għall-ħolqien tal-impjiegi, jagħmel lill-Ewropa kompetittiva b’konformità mal-objettivi ta’ Liżbona, u jinkludi dimensjoni soċjali u ambjentali qawwija.

    2.

    jiddispjaċih li l-punti mqajma fil-Komunikazzjoni huma ta’ natura kemxejn ġenerali. Għalhekk, fil-futur il-proposti konkreti tal-Kummissjoni, maħsuba biex jintlaħqu l-objettivi li jinsabu f’din il-Komunikazzjoni u b’mod partikolari fil-kuntest tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom ikunu suġġetti għal analiżi aktar fil-fond;

    3.

    jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà hu element essenzjali tal-ordni politiku u legali tal-Unjoni Ewropea, madankollu jsostni wkoll li ħafna mill-isfidi li qed tiffaċċja l-UE bħalissa huma ta’ natura globali (il-globalizzazzjoni, il-ħtieġa ta’ protezzjoni soċjali, l-influwenza tas-swieq globali tal-finanzi, il-bidla fil-klima, eċċ.) u għalhekk fl-oqsma li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-livell lokali, reġjonali jew tal-Istati Membri jinħtieġu soluzzjonijiet komuni msejsa fuq prinċipji komuni.

    4.

    jinsab konvint li s-suq intern jista’ jaħdem b’suċċess biss bis-saħħa tal-kompetittività tal-intrapriżi u tal-ħolqien ta’ benefiċċji soċjali ġenwini għaċ-ċittadini Ewropej; għaldaqstant jemmen fl-importanza li tkompli titwessa’ t-triq li nfetħet bid-Direttiva dwar is-servizzi bil-għan li tkompli tiżviluppa l-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi, u b’hekk issaħħaħ il-kompetizzjoni reali u ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern Ewropew.

    5.

    bħall-Kummissjoni jemmen li ħafna mill-konsumaturi fl-UE għandhom jiġu konvinti mill-vantaġġi li joffri s-suq intern Ewropew fil-ħajja ta’ kuljum. Dan għaliex l-appoġġ għall-UE jiżdied biss meta ċ-ċittadini jduqu personalment il-benefiċċji li toffrilhom.

    6.

    iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkomunikaw b’mod iktar iffokat dwar ir-rabtiet bejn is-suq intern fuq naħa, u l-ħarsien tal-konsumatur, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq in-naħa l-oħra. Hawnhekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol fundamentali.

    7.

    għaldaqstant jirrakkomanda, kif diġà saħaq fl-opinjoni “Il-futur tas-suq uniku u l-evalwazzjoni tas-soċjetà Ewropea”, li l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jtejbu l-komunikazzjoni tagħhom dwar il-ġestjoni tal-aġġustamenti ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetizzjoni sabiex iserrħu moħħ iċ-ċittadini kif ukoll l-intrapriżi.

    8.

    jilqa’ l-ħsieb tal-Kummissjoni li fl-iżvilupp avvanzat tas-suq intern tqis b’mod partikolari l-ħtiġijiet tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, li jiffaċilitaw it-tkabbir u l-ħolqien u d-diversifikazzjoni tal-impjiegi. Għal din ir-raġuni għandu jsir iktar sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-suq intern. B’hekk ikunu jistgħu jikbru b’mod iktar effiċjenti u jisfruttaw aħjar il-potenzjal intraprenditorjali tagħhom. Il-clusters u ċ-ċentri, b’mod partikolari, joffru metodu eċċellenti biex l-SMEs, fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u kull ma jmur anke f’dak transnazzjonali, jespandu l-bażi, il-kuntatti, l-opportunitajiet tas-suq u l-profitti tagħhom, u b’hekk jinħolqu iktar impjiegi.

    9.

    għalhekk jerġa’ jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jikkonsultaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-għaqdiet tal-intrapriżi u lill-imsieħba soċjali, u biex jiftħu djalogu magħhom dwar liema huma l-ostakli burokratiċi għall-intrapriżi, u b’mod speċjali għall-SMEs – li l-iktar li jsofru minn ostakli burokratikiċi li għadhom jeżistu fis-suq intern – li għandhom jitneħħew. F’dan l-eżerċizzju għandha titqies il-korrelazzjoni bejn it-tnaqqis tal-piż burokratiku għall-SMEs u ż-żieda fil-piż għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    10.

    għaldaqstant jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fiż-żewġ inizjattivi tagħha bil-għan li tgħin lill-SMEs. Fil-qafas ta’ Regolament speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, skont il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir” għandhom jittieħdu diversi miżuri biex jappoġġjaw l-SMEs. Il-KtR jilqa’ wkoll il-proposta tal-Kummissjoni li jinħoloq statut għall-kumpaniji privati Ewropej sabiex jiffaċilita l-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs. Is-semplifikazzjoni ppjanata tal-istrutturi tal-liġi tal-kumpaniji hija adatta biex ittejjeb il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej. Regoli sempliċi, effiċjenti u mhux burokratiċi jgħinu direttament fil-ħolqien ta’ kompetittività bbilanċjata u stabbiltà ekonomika. Il-miżuri ta’ suċċess f’dan il-qasam għandhom impatt pożittiv dirett fuq l-ekonomija. L-ispejjeż tal-konsulenza legali u l-konsulenza marbuta mat-twaqqif tal-intrapriża jistgħu jonqsu. Fil-kuntest ta’ dawn ir-riflessjonijiet kollha, wieħed għandu joqgħod attent li l-miżuri fil-livell Ewropew ikunu konformi mal-istrutturi fis-sistemi legali nazzjonali, u jħarsu l-istandards soċjali attwali.

    11.

    jilqa’ l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-vantaġġi tal-globalizzazzjoni, iżda jirrimarka li dawn il-vantaġġi ser jinħassu biss daqs kemm qed tgħid il-Kummissjoni jekk l-atturi l-oħra fis-suq dinji verament jaċċettaw l-istandards Ewropej. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-istandards differenti Ewropej jistgħu saħansitra jxekklu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.

    12.

    f’dan il-kuntest jenfasizza li l-UE għandha bżonn strateġija ġdida tal-globalizzazzjoni li tkun ibbażata mhux biss fuq il-kompetittività, iżda wkoll fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjieg għal kulħadd, il-koeżjoni soċjali u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Dawn l-aspetti għandhom jiġu integrati wkoll fl-istimi tal-impatt li għad iridu jsiru.

    13.

    jinnota li minħabba t-tisħiħ tal-globalizzazzjoni u l-kompetizzjoni dejjem tikber permezz ta’ ekonomiji nazzjonali bbażati fuq l-għarfien li din iġġib magħha, l-intrapriżi Ewropej għandhom isiru iktar innovattivi u kreattivi biex ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi.

    14.

    b’rabta ma’ dan jagħraf il-fatt li l-objettiv li stipula l-Kunsill Ewropew, jiġifieri li n-nefqa tal-Unjoni Ewropea fuq ir-riċerka titla’ għal 3 % tal-PGD, huwa fattur ċentrali għall-kompetittività u s-sostenibbiltà futura tal-ekonomija Ewropea.

    15.

    jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ – u b’hekk l-iżvilupp tal-ħiliet tul il-ħajja – jirrappreżentaw sfida kbira għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u r-reġjuni. Flimkien mal-kompetizzjoni, l-ispirtu intraprenditorjali, l-innovazzjoni u l-investimenti, din hija waħda mill-ixpruni li jżidu l-produttività. Għalhekk għandhom jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet biex jinvestu fil-kapital uman bil-għan li l-kunċett ta’ tagħlim tul il-ħajja jsir realtà.

    16.

    jirrakkomanda, b’mod partikolari, li tingħata aktar attenzjoni lill-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni billi f’dawn l-oqsma għad hemm potenzjal li mhux qed jiġi sfruttat.

    17.

    għalhekk ifakkar fl-importanza li d-diretturi, sew fis-settur privat sew f’dak pubbliku, joħolqu ambjent li jħeġġeġ lill-impjegati jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, u fil-ħtieġa li wieħed jipprova joħloq impjiegi ta’ kwalità għolja.

    18.

    jaqbel mal-Kummissjoni li l-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali hija fattur ewlieni għal suq intern effettiv. Il-protezzjoni effikaċji tal-proprjetà intelletwali mhux biss tippromovi l-innovazzjoni u l-kreattività, iżda twassal ukoll għal iktar kompetittività u għall-ħolqien ta’ iktar impjiegi.

    19.

    flimkien mal-Kummissjoni jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni ekoloġika u soċjali fis-suq intern. Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-bidla fil-klima, għandhom jiżdiedu l-isforzi għall-ħarsien tal-ambjent. Però jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet adegwati għall-ispejjeż marbuta mal-istrateġija tas-sostenibbiltà biex iċ-ċittadini tal-UE ma jkunux mgħobbija b’piż finanzjarju żejjed biex dawk il-kumpaniji li diġà investew fi standards ambjentali għoljin ħafna jkunu jistgħu jibqgħu fl-Ewropa. Ir-rilokazzjoni ta’ kumpaniji Ewropej bi standards ambjentali għoljin lejn reġjuni barra mill-Ewropa mingħajr standards bħal dawn toħloq ir-riskju wkoll li l-objettivi dinjija tal-ħarsien tal-klima ma jintlaħqux.

    20.

    jaqbel mal-Kummissjoni li l-mobilità tal-ħaddiema hija fattur importanti għall-organizzazzjoni tas-suq intern. Huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jfasslu r-regoli tas-suq tax-xogħol tagħhom b’mod awtonomu skont ħtiġijiethom, iżda huwa importanti li jitnaqqsu jew saħansitra jitneħħew l-ostakli għall-moviment ħieles li mhumiex ġustifikati fir-rigward tar-rispett tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali.

    21.

    jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li s-suq intern wassal għal bidla fit-tendenzi tal-mobilità fl-UE. L-aġġustamenti meħtieġa joħolqu d-diffikultajiet għal ċerti ħaddiema, u għalhekk dawn jinsabu mħassba dwar dan l-iżvilupp. Għaldaqstant, il-Kumitat tar-Reġjuni jaqbel mal-Kummissjoni li d-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jibqgħu garantiti, b’mod partikolari bis-saħħa tal-applikazzjoni korretta tal-liġi tax-xogħol Ewropea.

    22.

    jinnota li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea hija pilastru ewlieni tal-integrazzjoni. It-tfassil futur tal-politika ta’ koeżjoni huwa marbuta mill-qrib mal-politika tat-tkabbir u tax-xogħol tal-UE. Fil-fatt, ir-riżorsi mill-Fond Soċjali Ewropew kienu u għadhom fattur importanti għall-għajnuna tal-ħaddiema u l-intrapriżi fil-modernizzazzjoni meħtieġa fid-dinja tax-xogħol kif ukoll fit-titjib tal-opportunitajiet ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. B’hekk ikunu jistgħu jintlaqgħu aħjar il-ħtiġijiet ta’ żona ekonomika globalizzata.

    23.

    jilqa’ l-fatt li fil-Komunikazzjoni l-Kummissjoni tisħaq kemm-il darba fuq dawn il-punti: “Regolamentazzjoni Aħjar”, l-istima tal-impatt, il-valutazzjoni u s-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali, u l-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija. Mhux biss il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, iżda anke l-Istati Membri u r-reġjuni jridu jagħmlu progress f’dawn l-oqsma, billi kemm in-nies kif ukoll in-negozji jibbenefikaw minn regolamentazzjoni aħjar. B’hekk ikun żgurat livell ta’ sodisfazzjon ogħla fir-rigward tal-kooperazzjoni Ewropea.

    Dokument anċillari “Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid”

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    24.

    jinnota b’dispjaċir li l-Kummissjoni tiddedika biss dokument anċillari għall-kwistjoni fundamentali tas-servizz ta’ interess ġenerali. Dan id-dokument anċillari huwa ’l bogħod ferm mill-istennijiet li ħarġu fil-kuntest tal-konsultazzjoni marbuta mal-White Paper dwar servizzi ta’ interess ġenerali mill-Kumitat tar-Reġjuni (1) u l-Parlament Ewropew (2).

    25.

    jappoġġja l-ħsieb tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar in-natura, l-iskop, l-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ dawn is-servizzi.

    26.

    jaqbel mal-Kummissjoni li s-servizzi ta’ interess ġenerali huma importanti ħafna għall-benesseri taċ-ċittadini, l-integrazzjoni soċjali, il-garanzija tal-koeżjoni soċjali u t-titjib tal-livell tal-impjiegi.

    27.

    jenfasizza l-fatt li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li ma jaqgħux taħt ir-regoli settorjali tal-UE, normalment huma influwenzati mill-kultura reġjonali u lokali kif ukoll mid-drawwiet tal-post u għalhekk jinħtieġu azzjonijiet adegwati fil-livell lokali u reġjonali.

    28.

    jilqa’ bi pjaċir l-artikolu l-ġdid, Artikolu 14, tat-Trattat ta’ Liżbona li jintroduċi bażi legali ġdida għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ). Bis-saħħa ta’ din il-bażi legali, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ser ikunu jistgħu jistabbilixxu, permezz ta’ regolamenti u b’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-prinċipji u l-kundizzjonijiet, l-iktar dawk ekonomiċi u finanzjarji, li bihom ikunu jistgħu jitwettqu sewwa l-objettivi tas-SIEĠ u li ser ineħħu l-inċertezza legali li nħolqot bl-approċċ leġiżlattiv (direttivi settorjali) u kontroversjali ta’ każ b’każ, li s’issa kien preferut mill-Kummissjoni. Għalhekk jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni dwar servizzi ta’ interess ġenerali ssemmi biss l-Artikolu 14 u ma tiżviluppax l-impatt tiegħu.

    29.

    barra minn hekk jilqa’ l-fatt li t-Trattat ta’ Riforma jinkludi “Protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali” li jenfasizza l-importanza ta’ dawn is-servizzi. Bis-saħħa ta’ dan il-protokoll ser jingħarfu d-diversità tas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-kompetenza prijoritarja tal-Istati Membri fir-rigward tal-forniment ta’ dawn is-servizzi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrimarka li l-Protokoll jenfasizza b’mod espliċitu l-flessibbiltà wiesgħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-adattament tas-servizzi għall-bżonnijiet tal-utenti, l-akkwist pubbliku u l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi.

    30.

    jemmen li s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSIĠ), għalkemm jiġu żviluppati b’mod differenti fl-Istati Membri, jirrappreżentaw element essenzjali mill-mudell soċjali Ewropew, u għalhekk jeħtieġ li fil-livell Komunitarju jiġi assigurat qafas legali stabbli u trasparenti għall-iżvilupp tas-SSIĠ b’konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u b’mod partikolari mal-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-objettivi, il-ġestjoni u l-finanzjament ta’ dawn is-servizzi.

    31.

    jinnota li minkejja t-talba tal-Kumitat tar-Reġjuni (3) u tal-Parlament Ewropew (4) għal proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li tiggarantixxi ċertezza legali ġenwina għall-forniment tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, il-proposti li jiġu stipulati fil-Komunikazzjoni dwar servizzi ta’ interess ġenerali huma limitati għal sensiela ta’ tweġibiet għall-“mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss”, li jistgħu jkunu utli iżda m’għandhomx valur legali vinkolanti.

    32.

    jagħraf il-fatt li fid-dokument anċillari l-Kummissjoni tipprova tagħmel distinzjoni iktar ċara bejn is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u s-servizzi ta’ interess mhux ekonomiku ġenerali. Però l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni huma tant ġenerali li mhux dejjem jipprovdu definizzjoni ċara li hija meħtieġa għaċ-ċertezza legali f’każi individwali.

    33.

    jirrimarka li ma jeżisti l-ebda “mudell soċjali Ewropew” uniformi, u li għalhekk għandhom jiġu rispettati u kkunsidrati d-differenzi u l-varjetà fl-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali fl-Istati Membri individwali. Id-diskrezzjoni tal-Istati Membri meta jiddeterminaw x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali m’għandhiex tkun limitata bi strumenti legali vinkolanti ġodda jew bi proċessi oħra ta’ koordinazzjoni. Bl-istess mod l-Artikolu 14 il-ġdid tat-Trattat ta’ Liżbona m’għandux jiġi interpretat b’mod li jxekkel is-setgħa tal-Istati Membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

    34.

    jenfasizza li għandha tiġi evitata l-estensjoni tar-rekwiżiti burokratiċi u tal-obbligu li jsir rapport kif ukoll statistiċi oħra.

    35.

    isostni li l-liġi Komunitarja tinfluwenza b’diversi modi s-sistemi nazzjonali tal-prestazzjoni tas-servizzi soċjali. Fil-passat rajna li bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-akkwistipubbliċi, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat l-UE kellha impatt qawwi fuq l-organizzazzjoni tas-servizzi komunali ta’ interess ġenerali, però ma ġiet assigurata l-ebda ċertezza legali ġenwina għall-fornituri u għal dawk li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi.

    36.

    f’dan il-kuntest iġib l-eżempju tal-kooperazzjoni interkomunali mislut mil-liġi Komunitarja tal-akkwist pubbliku. Din il-kooperazzjoni ġġib magħha potenzjal kbir biex issaħħaħ l-effiċjenza għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Bħala strument tal-kooperazzjoni amministrattiva, normalment dan il-potenzjal ma jkun soġġett għall-ebda eżiġenza marbuta mal-akkwist pubbliku. Dan il-potenzjal iktar għandu jitqies bħala deċiżjoni marbuta mal-organizzazzjoni li tittieħed ġewwa l-Istat, li mhix soġġetta għal-liġi tal-akkwist pubbliku u li għandha tiġi rispettata mill-Kummissjoni.

    37.

    jenfasizza li l-liġi Komunitarja dwar l-akkwist pubbliku hija importanti immens, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. B’xorti ħażin, fil-komunikazzjoni interpretattiva dwar l-akkwist pubbliku li jaqa’ taħt il-limitu, il-Kummissjoni turi nuqqas ta’ sensibbiltà għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’diskussjonijiet futuri dwar dan is-suġġett, jeħtieġ għalhekk li jinsabu soluzzjonijiet politiċi li jagħtu garanzija li jkun hemm ċertezza legali, fl-interess tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali.

    38.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, indipendentement mir-riżultat tal-proċess imsemmi hawn fuq, tirrifletti dwar il-possibbiltà li ttaffi jew tirtira għal kollox il-ħtiġijiet imressqin fil-komunikazzjoni interpretattiva.

    Komunikazzjoni “Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21”

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    39.

    jaħseb li l-importanza dejjem tikber tal-politika soċjali Ewropea hija riflessa wkoll fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Riforma ta’ Liżbona billi fl-Artikolu 2 tat-Trattat jiġu stipulati objettivi soċjali ġodda għall-UE: “Hija għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal”. L-opportunitajiet ta’ Ewropa iktar soċjali huma stipulati wkoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-preskrizzjoni obbligatorja tal-“klawsola soċjali trasversali” u fil-protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali. It-Trattat joffri wkoll l-opportunitajiet biex tiġi garantita “kooperazzjoni msaħħa” li l-Istati Membri jistgħu jippromovu u jużaw fil-qasam soċjali (5).

    40.

    jaqbel mal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-isfidi li qed jinbidlu, it-titjib tal-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà jistgħu jippromovu l-benesseri fl-Ewropa. Il-Kummissjoni ġustament tiġbed l-attenzjoni għal dawn l-oqsma: iż-żgħażagħ, il-karrieri, ħajja itwal u iktar b’saħħitha, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-inklużjoni u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni attivi, il-mobilità u l-integrazzjoni li tirnexxi kif ukoll il-parteċipazzjoni, il-kultura u d-djalogu.

    41.

    jaqbel mal-Kummissjoni li ma jeżisti l-ebda kunċett uniformi madwar l-UE għat-trawwim tal-opportunitajiet ugwali – prinċipju li jaqdi rwol ċentrali fil-kuntest tal-viżjoni għas-seklu 21, u li f’ħafna oqsma tal-politika soċjali, id-diversi strumenti u prattiki politiċi u l-eteroġeneità tal-korpi nazzjonali qed ixekklu l-armonizzazzjoni. Għalhekk jikkontesta l-affermazzjoni li problemi simili jew identiċi huma awtomatikament problemi komuni wkoll, li għandhom bżonn azzjonijiet komuni, b’mod partikolari fil-livell tal-UE.

    42.

    jaqbel mal-Kummissjoni li s-soluzzjonijiet innovattivi meħtieġa fil-qasam tal-politika ekonomika u soċjali għandhom jinsabu l-ewwel u qabel kollox fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; u jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-imsieħba soċjali f’dan il-kuntest.

    43.

    jenfasizza li l-azzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun strettament konformi mal-kompetenzi li ngħatawlha fit-Trattati – li bażikament huma limitati għall-għajnuna li l-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni.

    44.

    jagħraf l-importanza kbira tal-edukazzjoni u l-kwalifiki taż-żgħażagħ bħala waħda mill-prerekwiżiti għall-ħolqien tal-impjiegi, l-integrazzjoni soċjali u b’hekk għas-suċċess tas-suq intern.

    45.

    ma jaqbel xejn mal-fehma li l-Kummissjoni tressaq fil-Komunikazzjoni tagħha, li teżisti “sistema edukattiva u ta’ taħriġ tal-Ewropa” (6), u jenfasizza li l-UE hija obbligata tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut tal-kurrikula u għall-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom.

    46.

    jagħraf li, b’konformità mal-limiti li jinsabu fit-Trattati, l-UE tista’ taqdi rwol importanti fl-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki, l-appoġġ għall-ħidma li ssir fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, u l-promozzjoni tal-għarfien dwar is-suġġett.

    47.

    fil-kuntest tal-objettivi msemmija, il-KESE jilqa’ l-iskambju tal-esperjenzi u l-eżempji tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew, inkluża l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    48.

    jagħraf li, fid-dawl tal-problemi ta’ implimentazzjoni f’bosta Stati Membri, fil-kuntest tal-isfidi, il-Kummissjoni pproponiet analiżi u adattament tal-qafas legali attwali rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Però jirrifjuta li d-dispożizzjonijiet rilevanti jiġu estiżi għal oqsma oħra.

    Brussell, 12 ta’ Frar 2009

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  Opinjoni dwar il-“White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar servizzi ta’ interess ġenerali” (CdR 327/2004) – ĠU C 164, 5.7.2005.

    (2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-White Paper tal-Kummissjoni dwar servizzi ta’ interess ġenerali (2006/2101(INI)), 27.9.2006.

    (3)  Opinjoni tas-6 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ Lisbona: Is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea” COM(2006) 177 finali (CdR 181/2006).

    (4)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Marzu 2007 dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea (2006/2134(INI)).

    (5)  Artikolu 6, 5(a) u 27 rispettivament.

    (6)  Nota tat-traduttur: f’kapitlu 2 tal-Komunikazzjoni, il-verżjoni Ġermaniża tirreferi għall-kwalità u l-effettività tas-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ Ewropea, filwaqt li l-verżjoni Ingliża tirreferi għall-kwalità u l-effettività tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Ewropa.


    Top