Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AP0295

    Kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (COM(2007)0531 — C6-0320/2007 — 2007/0198(COD))
    P6_TC1-COD(2007)0198 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit- 18 ta' Ġunju 2008 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru…2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku

    ĠU C 286E, 27.11.2009, p. 136–148 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 286/136


    L-Erbgħa, 18 ta' Ġunju 2008
    Kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku ***I

    P6_TA(2008)0295

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (COM(2007)0531 — C6-0320/2007 — 2007/0198(COD))

    2009/C 286 E/44

    (Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2007)0531),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0320/2007),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0228/2008),

    1.

    Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

    2.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    L-Erbgħa, 18 ta' Ġunju 2008
    P6_TC1-COD(2007)0198

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' Ġunju 2008 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru…2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ║,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Is-suq intern tal-elettriku, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999, għandu l-mira li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha tal-Komunità, kemm jekk huma ċittadini kemm negozji, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta' negozju u aktar kummerċ transkonfinali sabiex jiġu żgurati gwadanji f'termini ta' effiċjenza, prezzijiet kompetittivi, standards ogħla ta' servizz, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostennibbiltà.

    (2)

    Id-Direttiva Nru 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku║ (4) u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1228/2003 tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-network għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku għamlu kontributi sinifikanti lejn il-ħolqien ta' suq intern tal-elettriku (5).

    (3)

    Madankollu, bħalissa, l-Unjoni Ewropea ma tistax tiggarantixxi lill-ebda kumpanija fil-Komunità d-dritt li tbigħ l-elettriku fl-ebda Stat Membru fuq termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġ. B'mod partikolari, aċċess mhux diskriminatorju għan-network, u livell ugwalment effettiv ta' superviżjoni regolatorja f'kull Stat Membru, għad ma jeżistux filwaqt li għadhom jeżistu swieq iżolati .

    (4)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 intitolata “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa”║ saħqet fuq l-importanza li s-suq intern tal-elettriku jitkompla kif ukoll li jkun hemm ambjent ekwu għall-impriżi kollha tal-elettriku fil-Komunità. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-istess data dwar prospetti għas-suq intern tal-gass u l-elettriku║ u fir-rigward tal-inkjesta skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-setturi Ewropej tal-gass u l-elettriku ║urew li r-regoli u l-miżuri ta' bħalissa la jipprovdu il-qafas meħtieġ u lanqas jipprovdu għall-ħolqien ta' konnessjonijiet fiżiċi biex jintlaħaq l-għan ta' suq intern li jaħdem tajjeb, b'mod effiċjenti u b'mod miftuħ .

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 jeħtieġ li jiġi addattat f'konformità ma' dawn il-komunikazzjonijiet sabiex jittejjeb il-qafas regolatorju għas-suq intern tal-elettriku.

    (6)

    B'mod partikolari, il-ħolqien ta' konnessjonijiet fiżiċi u l- kooperazzjoni u koordinazzjoni akbar bejn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni huma meħtieġa biex jiżguraw kompatibbiltà progressiva tal-kodiċi tekniċi u kummerċjali għal forniment u tmexxija ta' aċċess effettiv u trasparenti għan networks transkonfinali ta' trażmissjoni, ║biex jiżguraw ippjanar koordinat u li jħares biżżejjed 'il quddiem għall-ġejjieni u evoluzzjoni teknika soda tas-sistema ta' trażmissjoni fil-Komunità, b'kont adegwat meħud tal-ambjent u tal-promozzjoni ta' effiċjenza fl-enerġija u riċerka u innovazzjoni b' mod partikulari rigward il-penterazjoni ta' l-enerġija mġedda u it-tixrid ta' teknoloġija b'livell baxx ta' karbonju. Operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni għandhom iħaddmu n-networks tagħhom skond dawn il-kodiċi kompatibbli tekniċi u tas-suq.

    (7)

    Jeħtieġ li jitwaqqaf network Ewropew ta' operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni sabiex jiżgura tmexxija tajba tan-network tat-trażmissjoni tal-elettriku u jippermetti kummerċ u forniment ta' elettriku lil klijenti transkonfinali li jixtru bl-imnut fil-Komunità. Il-kompiti tiegħu jridu jitwettqu b'konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji li jibqgħu applikabbli għad-deċiżjonijiet dwar in-network Ewropew tal-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni. Il-kompiti tagħhom għandhom jiġu definiti tajjeb u l-metodu ta' ħidma tagħhom għandu jiżgura l-effiċjenza, ir-rappreżentanza u t-trasparenza. Minħabba l-fatt li strateġija fil-livell reġjonali tkun tista' tikseb progress aktar effettiv, l-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu strutturi reġjonali fi ħdan l-istruttura kumplessiva ta' kooperazzjoni, filwaqt li jiżguraw li riżultati fil-livell reġjonali jkunu kompatibbli ma' kodiċijiet u pjanijiet ta' investiment fil-livell Komunitarju. L-Istati Membri għandhom jippromovu l-kooperazzjoni u jissorveljaw l-effettivitá tan-network f'livell reġjonali. Il-kooperazzjoni f'livell reġjonali għandha tkun kompatibbli mal-progress li jwassal għal suq intern kompetittiv u effiċjenti għall-elettriku.

    (8)

    Sabiex tkun żgurata aktar trasparenza dwar in-network kollu ta' trażmissjoni tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tfassal, tippubblika u taġġorna b'mod regolari pjan direzzjonali. In-networks possibbli kollha ta' trażmissjoni tal-elettriku u l-konnessjonijiet reġjonali possibbli għandhom ikunu inklużi f'dan il-pjan direzzjonali.

    (9)

    Is-sorveljanza tas-suq li ilha titwettaq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mill-Kummissjoni dawn l-aħħar snin uriet li r-rekwiżiti ta' trasparenza u r-regoli attwali dwar l-aċċess għall-infrastrutturi mhumiex biżżejjed biex jiżguraw suq intern ġenwin, li jaħdem tajjeb, effiċjenti, u miftuħ .

    (10)

    Jeħtieġ aċċess indaqs għall-informazzjoni dwar l-istatus fiżiku u l-effiċjenza tas-sistema, sabiex il-parteċipanti kollha fis-suq ikunu jistgħu jivvalutaw is-sitwazzjoni globali ta' domanda u ta' provvista u jidentifikaw ir-raġunijiet għaċ-ċaqliq fil-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa. Dan jinkludi tagħrif aktar preċiż dwar il-ġenerazzjoni, il-provvista u d-domanda tal-elettriku, il-kapaċità tan-network, il-flussi u l-manutenzjoni, l-ibbilanċjar kif ukoll il-kapaċità ta' riżerva.

    (11)

    Sabiex tiżdied il-kunfidenza fis-suq, il-parteċipanti tas-suq jeħtieġu li jkunu ċerti li jistgħu jittieħdu sanzjonijiet effettivi kontra mġiba abbużiva. L-Awtoritajiet kompetenti għandha tingħatalhom is-setgħa li jinvestigaw b'mod effettiv allegazzjonijiet ta' abbuż tas-suq. Għal dan il-għan hu meħtieġ l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għad-datali tipprovdi informazzjoni dwar deċiżjonijiet operattivi li jittieħdu minn impriżi fornituri. Fis-suq tal-elettriku bosta deċiżjonijiet rilevanti jittieħdu mill-ġeneraturi, li għandhom iżommu ║l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma dan disponibbli u faċilment aċċessibbli mill -awtoritajiet kompetenti għal perjodu stipulat. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, barra minn dan, jissorveljaw b'mod regolari l-konformitá mar-regoli tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. Ġeneraturi żgħar mingħajr possibbiltà reali li jgħawġu s-suq għandhom jkunu eżenti minn dan l-obbligu.

    (12)

    Il-kompetizzjoni fis-settur tal-konsumaturi domestiċi tirrikjedi li l-fornituri ma jiġux imblukkati meta jiġu biex jidħlu fis-swieq ġodda tal-bejgħ bl-imnut. Għaldaqstant jeħtieġ li r-regoli u r-responsabbiltajiet li jiddefinixxu l-katina ta' forniment isiru magħrufin mill-partiċipanti kollha fis-suq, u jeħtieġ li jiġu armonizzati sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tas-suq Komunitarju. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw b'mod regolari l-konformitá mar-regoli tal-parteċipanti tas-suq.

    (13)

    Għandna nippromwovu bis-sħiħ investimenti f'infrastrutturi ewlenin ġodda filwaqt li niżguraw il-funzjoni xierqa tas-suq intern tal-elettriku. Sabiex intejbu l-effett pożittiv ta' interkonnetturi tal-kurrent dirett eżentati fuq kompetizzjoni u sigurtà tal-provvista, irid jiġi ttestjat l-interess fis-suq matul il-fażi ta' ppjanar tal-proġett u jridu jiġu implimentati regoli tat-tmexxija ta' konġestjoni. Meta interkonetturi tal-kurrent dirett jinstabu fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni ta' Regolaturi tal-Enerġija stabbilita mir-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … [li jistabbilixxi l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni bejn ir-Regolaturi tal-Enerġija]  (6) jridu jipproċessaw it-talba għall-eżenzjoni sabiex jitqiesu aħjar l-implikazzjonijiet transkonfinali tagħha u jiffaċilitaw l-ipproċessar amministrattiv tagħha. Barra minn hekk, minħabba l-profil eċċezzjonali ta' riskju fil-bini ta' dawn il-proġetti kbar ta' infrastruttura eżentati, għandu jkun possibbli li tingħata deroga temporanja għall-impriżi ta' forniment u ta' produzzjoni mill-impatt sħiħ tar-regoli kollha ta' separazzjoni għall-proġetti kkonċernati.

    (14)

    Ir-Regolament (KE) Nru1228/2003 jipprovdi li għandhom jiġu adottati ċerti miżuri skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

    (15)

    Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE (8), li introduċiet proċedura regolatorja bi skrutinju għal miżuri ta' ambitu ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia, billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi ssupplimentat biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali.

    (16)

    Skond id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tall-Kunsill u tal-Kummissjoni (9) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regulatorja bi skrutinju tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat u li diġà huma fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu emendati skond il-proċeduri applikabbli.

    (17)

    Il-Kummissjoni għandha tingħatalha s-setgħa sabiex taddotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 sabiex tistabbilixxi jew tadotta l-linji gwida meħtieġa għall-provvediment tal-livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 billi jżidu magħhom elementi ġodda mhux esssenzjali, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (18)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jiffaċilita l-iżvilupp ta' suq ▐ bl-ingrossa li jaħdem tajjeb u li jkun trasparenti b'livell għoli ta' sigurtà tal-provvista. Għal dan il-għan , jipprovdi mekkaniżmi biex jarmonizza dawn ir-regoli.”

    (2)

    Fl-Artikolu 2(2), għandu jiżdied il-punt li ġej:

    “(h)

    ‘Aġenzija’ tfisser l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni ta' Regolaturi tal-Enerġija stabbilita bir-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … [li jistabbilixxi l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni bejn ir-Regolaturi tal-Enerġija]  (10)

    (3)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 2a sa 2h li ġejjin:

    “Artikolu 2a

    Network Ewropea ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku

    L-operaturi kollha ta' Sistema ta' Trażmissjoni għandhom jikkooperaw fil-livell Komunitarju permezz tan-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku sabiex tiġi żgurata tmexxija ottima u evoluzzjoni teknika soda tan-network Ewropew tat-trażmissjoni tal-elettriku u biex jgħinu sabiex jitlesta s-suq intern tal-elettriku .

    Artikolu 2b

    Twaqqif ta' Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku

    1.   Sa mhux aktar tard mill […] l-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta' statuti, lista ta' membri futuri u abbozz ta' regoli ta' proċedura ▐ bil-għan li jistabbilixxu n-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku.

    2.   Fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievihom, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni lill-Kumissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, lista ta' membri u abboż ta' regoli ta' proċedura.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz ta' statuti, lista ta' membri u abbozz ta' regoli ta' proċedura fi żmien 3 xhur minn meta tirċievi l-opinjoni tal-Aġenzija.

    4.   Fi żmien 3 xhur minn meta jirċievu l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku, jadottaw l-istatuti u r-regoli ta' proċedura tiegħu u jippubblikahom.

    Artikolu 2c

    Kompiti ta' Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku

    1.    Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2a in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jaqbel u jippreżenta lill-Aġenzija għall-approvazzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2d flimkien mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru …/2008 [li jistabbilixxi l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni bejn ir-Regolaturi tal-Enerġija] dan li ġej :

    a)

    abbozz ta' kodiċijiet tan-network fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 3 elaborati f'kooperazzjoni mal-parteċipanti tas-suq u mal-utenti tan-network ;

    b)

    għodod operattivi ta' network komuni u pjanijiet ta' riċerka;

    c)

    pjan ta' investiment għal 10 snin, inkluż prospett dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni kull sentejn;

    d)

    miżuri li jiżguraw koordinazzjoni f'ħin reali tal-operat tax-xibka f'kundizzjonijiet normali u ta' emerġenza;

    e)

    linji gwida dwar il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni teknika bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni Komunitarja u operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' pajjiżi terzi;

    f)

    programm ta' ħidma annwali bbażat fuq il-prijoritajiet stabbiliti mill-Aġenzija ;

    g)

    rapport annwali; u

    h)

    prospetti annwali dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni għas-sajf u għax-xitwa.

    2.   Il-programm ta' ħidma annwali msemmi fil-paragrafu 1(f) għandu jkun fih lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tan-network , pjan fuq operat komuni tan-network u attivitajiet ta' riċerka u żvilupp, li jridu jitfasslu t-tnejn matul dik is-sena u kalendarju indikattiv.

    3.   Il-kodiċijiet dettaljati tan-network għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin, skond il-prijoritajiet definiti fil-programm ta' ħidma annwali:

    a)

    regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà inklużi regoli tal-interoperabilità u proċeduri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza ;

    b)

    regoli dwar il-konnessjoni max-xibka u l-aċċess;

    c)

    allokazzjoni transkonfinali ta' kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta' konġestjoni;

    d)

    regoli dwar it-trasparenza li għandhom x'jaqsmu man-network ;

    e)

    regoli dwar l-ibbilanċjar u l-likwidazzjoni , inklużi regoli dwar r-riżerva tal-enerġija;

    f)

    ▐ regoli dwar il-kumpens bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (inter-TSO);

    g)

    effiċjenza fl-enerġija tan-networks tal-elettriku.

    4.   L- Aġenzija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-networks min-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku .

    5.   In-Network Ewropew għall-Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment għal 10 snin għall-Komunità kollha kull sentejn wara l-approvazzjoni tiegħu mill-Aġenzija . Dan il-pjan ta' żvilupp għandu jinkludi t-tfassil tan-network integrat, l-iżvilupp tax-xenarju, rapport dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni, u valutazzjoni tas-saħħa tas-sistema. Il-pjan ta' investiment għandu, b'mod partikolari, jibni fuq pjanijiet nazzjonali ta' investiment filwaqt li jikkunsidra l-aspetti reġjonali u tal-Komunitá dwar l-ippjanar tan-network inklużi l-Linji gwida għal networks tal-Enerġija Trans-Ewropej skond id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Il-pjan ta' investiment għandu jidentifika n-nuqqasijiet ta' investiment, notevolment fir-rigward ta' kapaċitajiet transkonfinali, u għandu jinkludi l-investimenti fl-interkonnessjoni u fl-infrastruttura l-oħra meħtieġa għall-kummerċ effettiv u l-kompetizzjoni kif ukoll għas-sigurtà tal-provvista. Reviżjoni tal-ostakli għaż-żieda fil-kapaċitá transkonfinali tan-network, li ġejjin mill-proċeduri jew prattiki ta' approvazzjoni differenti, għandha tkun annessa mal-pjan tal-investiment .

    L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jimplimentaw il-pjan ta' investiment ippubblikat.

    6.   ▐ In-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku, fuq inizjattiva tiegħu stess, jista' jipproponi lill-Aġenzija abbozz ta' kodiċijiet tan-network f'qasam li mhux imniżżel fil-paragrafu 3 bil-għan li jintlaħaq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 2a. L-Aġenzija għandha tadotta l-kodiċijiet tan-networks skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2f waqt li tiżgura li dawk il-kodiċijiet ma jikkontradixxux il-linji gwida adottati skond l-Artikolu 2e.

    Artikolu 2d

    Sorveljanza mill-Aġenzija

    1.   L-Aġenzija trid tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 2c(1) tan-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku.

    2.     In-Network Ewropew tal-Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandha tiġbor l-informazzjoni kollha relevanti rigward l-implimentazzjoni ta' kodiċijiet tan-network u għandha tippreżentaha lill-Aġenzija għall-evalwazzjoni.

    3.   In-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandha tippreżenta lill-Aġenzija għall-approvazzjoni abbozzi ta' kodiċijiet tan-network u d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 2c(1) .

    L-Aġenzija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network, il-pjan ta' investiment għal 10 snin u ▐ l-programm ta' ħidma annwali u tinkludi r-riżultati tal-ħidmiet ta' sorveljanza tagħha fir-rapport annwali tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' konformità mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni mal-kodiċi tan-network, mal-pjan ta' investiment ta' 10 snin jew mal-programm ta' ħidma annwali l-Aġenzija għandha tinforma dwar dan lill-Kummissjoni .

    Artikolu 2e

    Żvilupp tal-linji gwida

    1.     Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-Aġenzija, tistabbilixxi lista annwali ta' prijoritajiet biex tidentifika kwistjonijiet ta' importanza primarja għall-iżvilupp tas-suq intern għall-elettriku.

    2.     Wara li tikkunsidra l-lista prijoritarja, il-Kummissjoni għandha tagħti mandat lill-Aġenzija biex tiżviluppa, f'mhux aktar minn sitt xhur, abbozz ta' linji gwida li jistabbilixxu prinċipji bażiċi, ċari u objettivi għall-armonizzazzjoni tar-regoli, kif stabbilit fl-Artikolu 2c.

    3.     Fit-tfassil ta' dawk il-linji gwida, l-Aġenzija għandha formalment tikkonsulta n-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku u partijiet interessati oħrajn, b'mod miftuħ u trasparenti.

    4.     L-Aġenzija għandha tadotta l-abbozz tal-linji gwida fuq il-bażi ta' dik il-konsultazzjoni. Hi għandha tispeċifika l-osservazzjoniiet li rċeviet waqt il-konsultazzjoni u tispjega kif dawn ġew meqjusa. Għandha tagħti r-raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma ġewx meqjusa.

    5.     Il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba mill-Aġenzija, tista' tibda l-istess proċedura għall-aġġornament tal-linji gwida.

    Artikolu 2f

    Żvilupp ta' kodiċijiet tan-network

    1.     Fi żmien sitt xhur minn meta l-Aġenzija tadotta l-linji gwida, bi qbil mal-Artikolu 2ea, il-Kummissjoni għandha tagħti mandat lin-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku biex jiżviluppa abbozz ta' kodiċijiet tan-network f'konformitá sħiħa mal-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida.

    2.     Fit-tfassil ta' dawk il-kodiċijiet, in-Network ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jikkunsidra opinjonijiet ta' esperti tekniċi minn fost il-parteċipanti tas-suq u minn utenti tan-network u għandu jżommhom infurmati dwar il-progress.

    3.     In-Network ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jressaq l-abbozz ta' kodiċijiet tan-network lill-Aġenzija.

    4.     L-Aġenzija għandha twettaq konsultazzjoni formali dwar l-abbozz ta' kodiċijiet tan-network b'mod miftuħ u trasparenti.

    5.     L-Aġenzija għandha tadotta l-abbozz tal-kodiċijiet tan-network fuq il-bażi ta' dik il-konsultazzjoni. Hi għandha tispeċifika l-osservazzjoniiet li rċeviet waqt il-konsultazzjoni u tispjega kif dawn ġew meqjusa. Għandha tagħti r-raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma ġewx meqjusa.

    6.     L-Aġenzija, fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba min-Network ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku, tista' twettaq reviżjoni tal-kodiċijiet eżistenti billi ssegwi l-istess proċedura.

    7.     Il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Aġenzija, tista' tressaq il-kodiċijiet tan-network lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) għall-adozzjoni finali tiegħu b'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).

    Artikolu 2g

    Konsultazzjonijiet

    1.   Waqt il-qadi tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tikkonsulta formalment , ▐ b'mod miftuħ u trasparenti, ▐ mal-parteċipanti tas-suq adatti kollha; il-konsultazzjoni għandha tinkludi impriżi ta' forniment u ġenerazzjoni, klijenti, utenti tas-sistemi, operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni, inklużi assoċjazzjonijiet (tal-industrija) rilevanti, korpi tekniċi u pjattaformi ta' partijiet interessati.

    2.   Id-dokumenti kollha u l-minuti tal-laqgħat relatati ma' dawn il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi.

    3.   Qabel ma jiġu adottati l-linji gwidi u l-kodiċijiet, l-Aġenzija għandha tispeċifika l-osservazzjonijiet li jkunu daħlu waqt il-konsultazzjoni u tispjega kif dawn l-osservazzjonijiet tqiesu. L-Agenzija għandha tagħti r-raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma tqisux.

    4.     In-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku għandu jikkoopera mal-parteċipanti fis-suq u l-utenti tan-networks skond l-Artikolu 2f(2).

    Artikolu 2h

    Spejjeż

    L-ispejjeż relatat mal-attivitajiet tan-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku msemmi fl-Artikoli 2a sa 2j għandhom jitħallsu mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u għandhom ikunu inklużi fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikunu raġonevoli u proporzjonati.

    Artikolu 2i

    Kooperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

    1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni reġjonali fi ħdan in-Network Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku sabiex din tikkontribwixxi għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 2c(1). B'mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuqu.

    Il-pjan ta' investiment reġjonali ma jistax jikkontradixxi l-pjan ta' investiment ta' 10 snin imsemmi fl-Artikolu 2c(1)(c).

    2.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operattivi sabiex jiżguraw aħjar tmexxija tan-network, u, fejn ikun effiċjenti , jippromwovu l-iżvilupp ta' skambji tal-enerġija, l-allokazzjoni koordinata tal-kapaċità transkonfinali ▐ u l-kompatibilità ta' mekkaniżmi transkonfinali ▐li jġibu bilanċ .

    Artikolu 2j

    Kooperazzjoni teknika bejn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni tal-Komunità u dawk ta' pajjiżi terzi

    1.     Kooperazzjoni teknika bejn operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni tal-Komunità u dawk ta' pajjiżi terzi għandha tkun sorveljata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

    2.     Jekk jitfaċċaw problemi ta' inkompatibilità mar-regoli u l-kodiċijiet adottati mill-Aġenzija matul it-twettiq tal-kooperazzjoni teknika, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikseb kjarifika mill-Aġenzija.

    (4)

    L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

    a)

    It-titolu għandu jinbidel b'dan li ġej: “L-għoti ta' tagħrif”;

    b)

    għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “4.   Operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw id-data rilevanti fuq domanda mbassra u attwali, fuq disponabbiltà u użu attwali ta' assi ta' ġenerazzjoni u tagħbija, fuq disponibbiltà u użu tan-network u interkonneturi, u fuq bilanċ ta' kapaċita ta' enerġija u ta' riserva.

    5.   Il-parteċipanti fis-suq ikkonċernati għandhom jagħtu lill-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni d-data rilevanti.

    6.   Kumpaniji ta' ġenerazzjoni li huma proprjetarji jew joperaw assi ta' ġenerazzjoni, li wieħed minnhom għandu kapaċità stallata ta' għall-anqas 250 MW, għandhom iħallu għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni, tal-awtorità regolatorja nazzjonali, tal-awtorità nazzjonali ta' kompetizzjoni, u tal-Aġenzija u, għal ħames snin kull data ta' kull siegħa ta' kull impjant li hu meħtieġ biex jivverifika kull deċiżjoni operattiva ta' trażmissjoni u l-aġir ta' offerti fi skambji tal-elettriku, irkanti ta' interkonnessjonijiet, swieq ta' riserva u ta' OTC. L-informazzjoni għal kull impjantu u kull siegħa li trid tiġi miżmuma tinkludi, iżda mhux limitata biss għal, data fuq kapaċità ta' ġenerazzjoni disponibbli u riservi mwarrba, inkluż allokazzjoni ta' dawn ir-riservi mwarrba fuq livell ta' kull impjant, fil-waqt ta' meta jsiru l-offerti u meta sseħħ il-produzzjoni.”

    (5)

    L-Artikolu 6(1), għandhu jiġi emendat kif ġej:

    a)

    fil-paragrafu 1, għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin: L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw il-ġestjoni tal-konġestjoni fis-sistemi tal-elettriku nazzjonali u fuq l-interkonnetturi.

    L-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni għandhom jippreżentaw il-proċeduri għall-ġestjoni tal-konġestjoni tagħhom inkluża l-kapaċità tal-allokazzjoni għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jitolbu emendi għal dawn il-proċeduri qabel japprovawhom.

    b)

    ║Il-paragrafu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej:”

    “6.   Kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' interkonnessjoni għandu jintuża għall-iskopijiet li ġejjin ▐:

    a)

    biex jiggarantixxi d-disponibbilità attwali tal-kapaċità allokata; u

    b)

    għall-manutenzjoni ta' investimenti fin-network jew għaż-żieda ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni;

    Fil-każ li d-dħul ma jkunx jista' jintuża għall-iskopijiet stipulati fil punti (a) jew (b) huwa għandu jitqiegħed f'kont separat sakemm ikun jista' jintefaq fuq dawk l-għanijiet. F'dak il-każ, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bl-approvazzjoni tal-Aġenzija, jistgħu jikkunsidraw l-ammont disponibbli meta japprovaw il-metodoloġija biex jikkalkulaw it-tariffi tan-network, meta jevalwaw jekk it-tariffi għandhomx ikunu modifikati min naħa l-waħda u/jew biex jiddeċiedu jekk iwaqqfux sinjali tal-lokalità u/jew jitolbux miżuri sekondarji bħal trasferiment tad-domanda (load shifting) jew “counter-trading” min naħa l-oħra .”

    (6)

    L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Interkonnetturi ġodda

    1.   Interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett bejn l-Istati Membri, jistgħu fuq talba, jiġu eżentati, għal perjodu limitat, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6(6) ta' dan ir-Regolament u l- Artikoli 8, 10 u 20 u l-Artikolu 22c(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2003/54/KE taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    l-investiment għandu jkabbar il-kompetizzjoni fil-provvista tal-elettriku;

    b)

    il-livell ta' riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

    c)

    l-interkonnettur għandu jkun propjetà ta' persuna naturali jew ġuridika li hija separata għall inqas fil-forma ġuridika tagħha mill-operaturi tas-sistema li fis-sistemi tagħhom ser jinbena dak l-interkonnettur;

    d)

    ħlasijiet huma imposti fuq utenti ta' dak l-interkonnettur;

    e)

    minħabba il-ftuħ parzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE, l-ebda parti mill-ispejjeż kapitali jew operazzjonali tal-interkonnettur ma kienu rkuprati minn xi komponent ta' ħlasijiet imposti għall-użu ta' sistemi ta' trasmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati mal-interkonnettur; u

    f)

    l-eżenzjoni mhijiex għad-detriment tal-kompetizzjoni jew il-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku, jew il-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll, f'każijiet eċċezzjonali, għal interkonnetturi ta' kurrent li jalterna, sakemm l-ispejjeż u r-riskji tal-investiment partikolari involuti huma partikolarment għoljin meta mqabbla mal-ispejjeż u riskji normalment iffaċċjati meta jkunu qegħdin jiġu mqabbda żewġ sistemi nazzjonali ġara ta' trażmissjoni minn interkonnettur ta' kurrent li jalterna,

    3.   Il-paragrafu 1 għandu jgħodd ukoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità ta' interkonnetturi eżistenti.

    4.   L-Aġenzija tista, fuq bażi ta' każ b'każ, tiddeċiedi fuq l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. Eżenzjoni tista' tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha, tal-interkonnettur il-ġdid, jew tal-interkonnettur eżistenti b'kapaċita miżjuda sinifikament.

    Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandha titqies, fuq bażi ta' kull każ individwalment, il-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-dewmien tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur. Meta tittieħed deċiżjoni rigward il-kundizzjonijiet f'dan is-subparagrafu, għandhom jitqiesu b'mod partikolari l-kapaċità addizzjonali li ser tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, l-oriżżont ta' ħin tal-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

    Qabel ma tingħata eżenzjoni l-Aġenzija għandha tiddeċiedi fuq ir-regoli u l-mekkaniżmi għat-tmexxija u l-allokazzjoni tal-kapaċità. L-Aġenzija għandha tirrekjedi regoli ta' tmexxija ta' konġestjoni biex tinkludi l-obbligu li toffri kapaċità mhux użata fis-suq, u għandha titlob l-utenti tal-faċilità li jkunu intitolati li jagħmlu kummerċ fil-kapaċitjiet kuntrattwali tagħhom fuq is-suq sekondarju. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (f) ║, l-Aġenzija għandha tqis ir-riżultati tal-proċedura tal-allokazzjoni ta' kapaċità.

    Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe kondizzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, għandha tkun debitament raġonata u ppubblikata. L-Aġenzija għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji kkonċernati.

    5.   L-Aġenzija għandha titrassmetti lill-Kummissjoni mingħajr dewmien kopja ta' kull talba għal eżenzjoni hekk kif tirċeviha. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-Aġenzija lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista' tingħata lill-Kummissjoni f'forma aggregata, li tippermetti lill-Kumissjoni tasal għal deċiżjoni fuq bażi tajba. B'mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun fiha:

    a)

    ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom l-Aġenzija tat l-eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

    b)

    l-analiżi li tkun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku li jirriżultaw mill-għoti tal-eżenzjoni;

    c)

    ir-raġunijiet għall-perjodu taż-żmien u għas-sehem tal-kapaċità totali tal-interkonnettur ikkonċernat li għalihom ingħatat l-eżenzjoni;

    d)

    ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati.

    6.   Fi żmien xahrejn wara li tkun rċeviet notifika, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni li titlob lill-Aġenzija temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali hija tista' tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahrejn mill-jum wara dak li fih tkun rċeviet l-informazzjoni addizzjonali kollha. Dan il-perjodu ta' xahrejn jista' jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Aġenzija. In-notifika għandha titqies li ġiet irtirata jekk l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet ipprovvduta fil-perjodu stipulat fit-talba, sakemm qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, dan ma jkunx ġie estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Aġenzija, jew tal-Aġenzija, fi stqarrija motivata kif xieraq, tkun informat lill-Kummissjoni li tikkunsidra li n-notifika hija kompluta.

    L-Aġenzija għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tħassar id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien erba' ġimgħat, u għandha tinforma lill-Kummissjoni skond dan.

    Il-Kummissjoni għandha tippreserva l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

    L-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta' deċiżjoni dwar eżenzjoni għandu jiskadi sentejn wara l-adozzjoni tagħha jekk, il-bini tal-interkonnettur ma jkunx għadu beda, u ħames snin wara l-adozzjoni tagħha jekk, l-interkonnettur ma jkunx ġie operazzjonali, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidiex li kwalunkwe dewmien huwa dovut għall-ostakoli amministrattivi kbar jew xi kawża oħra rilevanti għad-deċiżjoni iżda barra mill-kontroll tal-applikant.

    7.   Il-Kummissjoni tista' temenda l-linji gwida eżistenti għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u biex tistipula l-proċedura li trid tiġi segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 4 u 5. Tali miżuri maħsuba biex temenda elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi tissupplimentah għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2).

    8.     L-eżenzjonijiet mogħtija skond dan l-Artikolu u applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru…/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … [li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku]  (12) għandhom ikomplu japplikaw awtomatikament.

    (7)

    Għandhom jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin :

    Artikolu 7a

    Tneħħija tal-ostakli amministrattivi biex tiżdied il-kapaċità

    L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-proċeduri tagħhom bil-għan li jidentifikaw u jneħħu l-ostakli amministrattivi għaż-żieda tal-kapaċità fl-interkonnessjoni. L-Istati Membri għadhom jidentifikaw is-segmenti tan-network li jridu jissaħħu biex jiżdied il-livell globali tal-kapaċità ta' interkonnessjoni transkonfinali f'konformità mal-objettiv ta' integrazzjoni wiesgħa tas-suq.

    ║Artikolu 7b

    Swieq bl-imnut

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' swieq ▐ li jaħdmu tajjeb u li jkunu effiċenti u trasparenti ▐ fil-livell reġjonali kif ukoll Ewropew, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu definiti fid-dettall r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni, tal-operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni, tal-fornituri u l-klijenti kif ukoll, jekk meħtieġ, ta' parteċipanti oħrajn fis-suq, fir-rigward ta' arranġamenti kuntrattwali, impenn lejn il-klijenti, regoli dwar l-iskambju tad-data u l-issettiljar, il-proprjetà tad-data u r-responsabbiltà dwar il-metraġġ.

    Dawk ir-regoli għandhom isiru pubbliċi ▐ u għandhom jiġu soġġetti għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.”

    (8)

    L-Artikolu 8 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Linji gwida relatati mal-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' intertrażmissjoni

    1.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida relatati mal-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta'intertrażmissjoni li jistgħu jispeċifikaw, skond il-prinċipji stipulati fl-Artikoli 3 u 4:

    a)

    dettalji tal-proċedura biex jiġi stabbilit liema operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni huma soġġetti għal ħlas ta' kumpens għal fornimenti li jaqsmu l-fruntieri fosthom dawk dwar il-qsim bejn l-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw flussi li jaqsmu l-fruntieri u s-sistemi fejn il-flussi jaslu, skond l-Artikolu 3(2);

    b)

    dettalji tal-proċedura ta' ħlas li għandhom ikunu segwiti, inkluża d-determinazzjoni tal-ewwel perjodu ta' żmien li għalih ikollu jitħallas kumpens skond it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(3);

    c)

    dettalji ta' metodoloġiji biex jistabbilixxu l-flussi li jaqsmu l-fruntieri miżmuma li għalihom għandu jitħallas kumpens taħt l-Artikolu 3, f'termini kemm ta' kwantità u ta' tipi ta' flussi, u d-deskrizzjoni tal-kobor ta' dawn il-flussi kif joriġinaw u/jew jaslu sa sistemi ta' trażmissjoni ta' Stati Membri individwali, skond l-Artikolu 3(5);

    d)

    dettalji tal-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż u l-benefiċċji għax ikunu miżmuma flussi li jaqsmu l-fruntieri, skond l-Artikolu 3(6);

    e)

    dettalji tat-trattament fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kumpens bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għal flussi tal-elettriku li joriġinaw jew jaslu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea; u

    f)

    il-parteċipazzjoni ta' sistemi nazzjonali li jkunu interkonnessi permezz ta' linji ta' kurrent dirett, skond l-Artikolu 3.

    2.   Il-linji gwida dwar mekkaniżmi ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' intertrażmissjoni għandhom jistabbilixxu wkoll regoli xierqa li jwasslu għall-armonizzazzjoni progressiva tal-prinċipji li huma l-bażi li fuqhom jiġu stabbiliti ħlasijiet applikati għall-produtturi u l-konsumaturi (tagħbija) taħt sistemi nazzjonali ta' tariffi, inkluż ir-riflessjoni tal-mekkaniżmu ta' kumpens bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fi ħlasijiet ta' networks nazzjonali u d-disposizzjoni għal sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, skond il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 4.

    Il-linji gwida dwar mekkaniżmi ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta' intertrażmissjoni għandhom jipprovdu għal sinjali tal-lokalità armonizzati xierqa u effiċjenti f'livell Kommunitarju.

    Kull armonizzazzjoni f'dan is-sens ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw mekkaniżmi biex jiżguraw li ħlasijiet għal aċċess għan-networks mill-konsumaturi (tagħbija) jkunu mqabbla fit-territorju kollu tagħhom.

    3.   Fejn adattat, il-Kummissjoni tista' tipproponi gwida addizzjonali li tipprovdi livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġa biex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament ▐.

    4.   Linji gwida dwar it-tmexxija u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' trasferiment disponibbli ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali huma stipulati fl-Anness.

    ▐”

    (9)

    L-Artikolu 12(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    1.     Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ikollhom il-kompetenza li jiżguraw b'mod effettiv il-konformità ma' dan ir-Regolament billi jipprovdulhom, jew lil awtoritajiet oħra, il-kompetenzi legali biex joħorġu ordnijiet ta' konformità u jimponu multi effettivi, dissważivi u proporzjonati. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan sa l-1 ta' Jannar 2010 u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

    (10)

    Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi ║,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)   ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23 .

    (2)   ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55 .

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2008.

    (4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

    (5)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1.

    (6)  ĠU L ….

    (7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (8)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

    (9)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.

    (10)  ĠU L …”

    (11)  ĠU L 262, 22.9.2006, p.1.”

    (12)   ĠU L …


    Top