Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AP0287

    L-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl- 1 ta' Jannar 2009 * Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl- 1 ta' Jannar 2009 (COM(2008)0249 — C6-0198/2008 — 2008/0092(CNS))

    ĠU C 286E, 27.11.2009, p. 100–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 286/100


    It-Tlieta, 17 ta' Ġunju 2008
    L-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2009 *

    P6_TA(2008)0287

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2009 (COM(2008)0249 — C6-0198/2008 — 2008/0092(CNS))

    2009/C 286 E/39

    (Proċedura ta’ konsultazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0249),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2008 (COM(2008)0248) dwar il-konverġenza tas-Slovakkja u r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ Mejju 2008 dwar il-konverġenza,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tabroga d-Deċiżjoni 2005/182/KE dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fis-Slovakkja (SEC(2008)0572),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar ir-rapport annwali għall-2007 dwar iz-zona tal-euro (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta’ tkabbir ulterjuri taz-zona euro (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taz-zona tal-euro (3),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/223/KE tal-21 ta’ Marzu 2003 dwar l-emenda tal-Artikolu 10(2) tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (4),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2003 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għal proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar emenda tal-Artikolu 10(2) tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(2) tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0198/2008),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0231/2008),

    A.

    billi s-Slovakkja kkonformat mal-kriterji ta’ Maastricht skond l-Artikolu 121 tat-Trattat KE u l-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza msemmi fih,

    B.

    billi d-delegazzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu żaret is-Slovakkja biex tevalwa kemm dak il-pajjiż huwa lest biex jidħol fiz-zona tal-euro, li kienet l-ewwel darba li saret tali żjara,

    C.

    billi, għaxar snin wara li kienet stabbilita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-esperjenza wriet li l-inċentivi biex issir riforma strutturali jonqsu wara li pajjiż ikun issieħeb maz-zona tal-euro, u li l-kwistjoni tas-sostenibilità żdiedet fl-importanza,

    D.

    billi l-President tal-Kunsill tal-Ecofin kiteb ittra lill-Kunsill, li ltaqa’ fil-livell tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-gvernijiet, fejn ippreżenta l-miżuri u l-impenji politiċi li ġew adottati mill-Gvern Slovakk biex tiġi żgurata s-sostenibilità tal-konverġenza,

    1.

    Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

    2.

    Huwa favur l-adozzjoni tal-euro mis-Slovakkja fl-1 ta’ Jannar 2009;

    3.

    Jinnota li l-Artikolu 121 tat-Trattat KE jiddefinixxi l-kisba ta’ livell għoli ta’ konverġenza sostenibbli permezz ta’ referenza għal kemm kull Stat Membru jkun issodisfa l-kriterji li ġejjin: il-kisba ta’ livell għoli ta’ stabbilità fil-prezzijiet; is-sostenibilità tal-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern; l-osservanza tal-marġini normali ta’ varjazzjoni previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju; kemm iddum il-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u r-riflessjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea fil-livelli ta’ rati tal-imgħax fuq perjodu twil ta’ żmien;

    4.

    Jinnota li r-Rapport dwar il-Konverġenza tal-BĊE għall-2008 jidentifika riskji rigward is-sostenibilità tar-rata baxxa ta’ inflazzjoni miksuba u jħeġġeġ sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa biex tkun evitata l-inflazzjoni;

    5.

    Huwa mħasseb dwar id-diskrepanzi bejn ir-Rapporti dwar il-Konverġenza tal-Kummissjoni u tal-BĊE rigward is-sostenibilità tal-inflazzjoni;

    6.

    Jirrakkomanda li l-Gvern Slovakk iwaqqaf osservatorju biex jimmonitorja l-prezz ta’ ċertu numru ta’ prodotti bażiċi kull ġimgħa sabiex jikkumbatti l-perċezzjonijiet ħżiena dwar iż-żidiet fil-prezzijiet;

    7.

    Jistieden lill-Gvern tas-Slovakkja biex jiżgura li jkomplu r-riformi strutturali meħtieġa fis-swieq tax-xogħol, tas-servizzi u tal-prodotti, waqt li jiżgura, b’mod partikulari, iktar mobbiltà fix-xogħol u investiment fil-kapital uman; jistieden lill-Gvern Slovakk biex jiżgura li jkun hemm il-kompetizzjoni, b’mod partikulari f’oqsma sensittivi bħall-enerġija;

    8.

    Jistieden lill-Gvern Slovakk biex jiżġura, bil-koperazzjoni tal-Bank Ċentrali Slovakk, ambjent stabbli b’inflazzjoni baxxa, li jista’ jinkiseb permezz ta’ aktar konsolidazzjoni fiskali, u politika fiskali stretta biżżejjed bl-għan li jibbilanċja l-baġit f’perjodu ta’ żmien medju; jistieden lill-imsieħba soċjali fis-Slovakkja biex iżommu ż-żidiet fil-pagi konformi mat-tkabbir fil-produttività fil-futur prevedibbli;

    9.

    Jitlob lill-Eurogroup biex itejjeb il-koordinazzjoni u biex jissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji politiċi li ġew adottati mill-istati membri taz-zona tal-Euro għas-sostenibilità tal-konverġenza;

    10.

    Jenfasizza li l-politiki fiskali fl-Istati Membri li jipparteċipaw fiz-zona tal-euro jridu jkunu konsistenti mal-prinċipji ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali;

    11.

    Itenni l-fehma tiegħu, li jemmen fiha bis-sħiħ, li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jadottaw il-pożizzjoni li proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv li tikkonċerna Stat Membru trid tkun ingħalqet qabel ma tkun evalwata l-konformità mal-kriterji ta’ Maastricht kif stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza; jiddispjaċih li, għal darb’oħra, il-Kummissjoni naqset milli tapplika korrettament it-Trattat KE f’dan ir-rigward;

    12.

    Jemmen li l-miżuri kollha rilevanti adottati mill-Istati Membri li japplikaw għal sħubija fiz-zona tal-Euro, wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ konverġenza tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kunsill fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Parlament u għandhom jiġu integrati fil-proċess ta’ sorveljanza;

    13.

    Jistieden lill-Istati Membri biex iħallu lill-Kummissjoni tevalwa l-konformità mal-kriterji ta’ Maastricht fuq il-bażi ta’ data definita, attwali, affidabbli, u ta’ kwalità għolja;

    14.

    Huwa mħasseb minħabba li m’hemmx wisq appoġġ għall-euro fost iċ-ċittadini Slovakki; jistieden lill-awtoritajiet Slovakki, għalhekk, biex iżidu l-intensità tal-kampanja ta’ informazzjoni pubblika bl-għan li tispjega l-benefiċċji tal-munita unika u biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimminimizzaw żidiet fil-prezzijiet tul il-perjodu tal-bidla;

    15.

    Jinnota l-isforzi li saru min-naħat kollha biex itejbu l-kundizzjonijiet li fihom il-Parlament jeżerċita d-dritt ta’ konsultazzjoni tiegħu skond l-Artikoli 121 u 122 tat-Trattat KE f’termini ta’ informazzjoni u kemm din tingħata fil-ħin u jilqa’ l-inizjattiva tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji li jorganizza żjara ta’ studju fis-Slovakkja biex hu stess jagħmel evalwazzjoni tas-sitwazzjoni;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE biex iqisu l-aspetti kollha meta jirrakkomandaw ir-rata tal-kambju finali għall-koruna Slovakka;

    17.

    Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

    18.

    Jitlob lill-Kunsill biex jerġa’ jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod sustanzjali;

    19.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Eurogrupp u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0348.

    (2)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p.251.

    (3)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 249.

    (4)  ĠU L 83, 1.4.2003, p. 66.

    (5)  ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 374.


    Top