Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AG0026

    Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 26/2008 adottata mill-Kunsill fit- 2 ta’ Ottubru 2008 , bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU C 280E, 4.11.2008, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    CE 280/1


    POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 26/2008

    adottata mill-Kunsill fit-2 ta' Ottubru 2008

    bil-għan li jadotta ir-Regolament (KE) Nru .../2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-… dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2008/C 280 E/01)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tadotta programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) (3), tenniet li l-element statistiku tas-sistema ta' l-informazzjoni dwar is-saħħa pubblika ġie żviluppat b'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri bl-użu kif meħtieġ, tal-Programm Statistiku tal-Komunità sabiex tiġi promossa s-sinerġija u tiġi evitata d-duplikazzjoni. Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (4) indikat li l-għan tagħha li tiġġenera u tiddisemina l-informazzjoni u l-għarfien dwar is-saħħa jiġi mwettaq permezz ta' azzjonijiet li jiżviluppaw ulterjorment sistema sostenibbli ta' monitoraġġ tas-saħħa b'mekkaniżmi għall-ġbir ta' data u informazzjoni komparabbli, b'indikaturi adatti, u li jiżviluppaw, bil-Programm Statistiku Komunitarju, l-element statistiku ta' din is-sistema.

    (2)

    L-informazzjoni tal-Komunità dwar is-saħħa pubblika ġiet żviluppata sistematikament permezz tal-programmi Komunitarji għas-saħħa pubblika. Ħarġet issa lista ta' Indikaturi tas-Saħħa fil-Komunità Ewropea (ECHI — European Community Health Indicators) li tibni fuq din il-ħidma u li tipprovdi perspettiva ġenerali ta' l-istatus tas-saħħa, il-fatturi determinanti tas-saħħa u tas-sistemi tas-saħħa. Sabiex ikun disponibbli s-sett tad-data statistika minima meħtieġa għall-kalkolu ta' l-ECHI, l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pibblika għandha tkun konsistenti, meta jkun rilevanti u possibbli, ma' l-iżviluppi u l-kisbiet li jirriżultaw mill-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika.

    (3)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2002 dwar Strateġija Komunitarja ġdida għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (2002-2006) (5) talbet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex titħaffef il-ħidma attwali ta' armonizzazzjoni ta' l-istatistika dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard relatat max-xogħol, sabiex ikun hemm data komparabbli disponibbli li minnha tkun tista' ssir valutazzjoni oġġettiva ta' l-impatt u l-effettività tal-miżuri li jittieħdu taħt l-istrateġija Komunitarja l-ġdida, kif ukoll enfasizzat, f'taqsima speċifika, fuq il-bżonn li jittieħed kont taż-żieda fil-proporzjon ta' nisa fis-suq tax-xogħol u li jiġu ttrattati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom fir-rigward tal-linji politiċidwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ġunju 2007 dwar it-tieni strateġija Komunitarja dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (2007-2012) (6) il-Kunsill talab lill-Kummissjoni sabiex tikkopera ma' l-awtoritajiet leġislattivi sabiex tiġi stabbilita sistema adatta ta' statistika Ewropea fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, li tieħu kont tas-sistemi nazzjonali differenti u tevita l-impożizzjoni ta' aktar piżijiet amministrattivi. Fl-aħħarnett, fir-Rakkomandazzjoni tagħha tad-19 ta' Settembru 2003 dwar l-iskeda Ewropea tal-mard relatat max-xogħol (7), il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri progressivament jagħmlu l-istatistika tagħhom dwar il-mard relatat max-xogħol waħda kompatibbli ma' l-iskeda Ewropea, b'konformità mal-ħidma li qed titwettaq fuq is-sistema ta' armonizzazzjoni ta' l-istatistika Ewropea dwar il-mard relatat max-xogħol.

    (4)

    Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 rrikonoxxa tliet prinċipji ta' gwida għar-riforma tas-sistemi tal-kura tas-saħħa: aċċessibbiltà għal kulħadd, kura ta' kwalità għolja u sostenibbiltà finanzjarja għal perijodu ta' żmien twil. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' April 2004 intitolata “L-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali għall-iżvilupp ta' kura tas-saħħa u kura fit-tul ta' kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli: appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali li jużaw il-'metodu miftuħ ta' koordinazzjoni”, ipproponiet li tinbeda ħidma sabiex jiġu identifikati indikaturi possibbli għal għanijiet konġunti sabiex jiġu żviluppati sistemi ta' kura abbażi ta' attivitajiet li jitwettqu fil-kuntest tal-programm ta' azzjoni Komunitarju għas-saħħa, ta' l-istatistika ta' l-Eurostat dwar is-saħħa u ta' koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Fl-istabbiliment ta' dawn l-indikaturi, għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-użu u l-komparabbiltà ta' l-awtovalutazzjoni tas-saħħa kif rappurtata fl-istħarriġ.

    (5)

    Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (8) tinkludi azzjoni dwar l-ambjent u s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja bħala prijorità ambjentali ċentrali, filwaqt li sejħet għad-definizzjoni u l-iżvilupp ta' indikaturi tas-saħħa u l-ambjent. Barra minn dan, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Indikaturi Strutturali tat-8 ta' Diċembru 2003 talbu l-inklużjoni ta' indikaturi dwar il-bijodiversità u s-saħħa, taħt it-titolu “ambjent”, fid-database ta' l-indikaturi strutturali użati fir-Rapport tar-Rebbiegħa annwali lill-Kunsill Ewropew; l-indikaturi tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol huma inklużi wkoll f'din id-database, taħt it-titolu “impjiegi”. Is-sett ta' l-indikaturi ta' l-iżvilupp sostenibbli adottat mill-Kummissjoni fl-2005 jinkludi wkoll tema dwar l-indikaturi tas-saħħa pubblika.

    (6)

    Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010 jirrikonoxxi l-bżonn li titjieb il-kwalità, il-komparabbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data dwar l-istatus tas-saħħa fir-rigward ta' mard u disturbi relatati ma' l-ambjent, bl-użu tal-Programm Statistiku Komunitarju.

    (7)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-promozzjoni ta' l-impjieg u l-integrazzjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità (9), talbet lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jiġbru materjal statistiku dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità, inkluż dwar l-iżvilupp tas-servizzi u l-benefiċċji għal dan il-grupp. Barra minn dan, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Ottubru 2003 intitolata “Opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabilità: Pjan ta' Azzjoni Ewropew”, iddeċidiet li tiżviluppa indikaturi tal-kuntest, li huma komparabbli fl-Istati Membri kollha, sabiex tivvaluta l-effettività tal-linji politiċi dwar id-diżabilità. Din indikat li għandu jsir użu massimu mis-sorsi u l-istrutturi tas-Sistema Statistika Ewropea, partikolarment permezz ta' l-iżvilupp tal-moduli armonizzati tas-surveys, sabiex tinkiseb l-informazzjoni statistika komparabbli internazzjonalment għall-monitoraġġ tal-progress.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata r-rilevanza u l-komparabbiltà tad-data u tkun evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol, l-attivitajiet tal-Kummissjoni (Eurostat) fil-qasam tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol għandhom jitwettqu b'koperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet speċjali tagħha, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), fejn ikun rilevanti u possibbli.

    (9)

    Il-Kummissjoni (l-Eurostat) diġà tiġbor fuq bażi regolari, data statistika dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol mill-Istati Membri, li jipprovdu din id-data fuq bażi volontarja. Din tiġbor ukoll data dwar dawk l-oqsma minn sorsi oħra. Dawk l-attivitajiet huma żviluppati b'kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri. Fil-qasam ta' l-istatistika tas-saħħa pubblika b'mod partikolari, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni huma mmexxija u organizzati skond l-istruttura ta' sħubija bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri. Madankollu, għad hemm il-bżonn ta' akbar preċiżjoni, affidabbiltà, koerenza u komparabbilta', kopertura, azzjonijiet f'waqthom u puntwalità fir-rigward tal-ġbir tad-data statistika eżistenti u huwa neċessarju wkoll li jiġi żgurat li ġbir ulterjuri li jkun maqbul u żviluppat ma' l-Istati Membri jiġi implimentat sabiex jinkiseb is-sett tad-data statistika minima neċessarja fil-livell Komunitarju fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

    (10)

    Il-produzzjoni ta' statistika Komunitarja speċifika hija regolata permezz tar-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità (10).

    (11)

    Dan ir-Regolament jiżgura rispett sħiħ lejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif previst fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (11).

    (12)

    Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (12) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (13) japplikaw fil-kuntest ta' dan ir-Regolament. Ir-rekwiżiti statistiċi li jinqalgħu fl-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika, mill-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ta' kura tas-saħħa ta' kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli, u mill-istrateġija tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, kif ukoll ir-rekwiżiti li jinqalgħu b'rabta ma' l-indikaturi strutturali, l-indikaturi ta' l-iżvilupp sostenibbli u l-ECHI u settijiet oħra ta' indikaturi meħtieġa li jiġu żviluppati għal skopijiet ta' monitoraġġ ta' l-azzjonijiet politiċi u l-istrateġiji Komunitarji u nazzjonali fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, jikkostitwixxu interess pubbliku sostanzjali.

    (13)

    It-trażmissjoni tad-data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika hija regolata mis-sett ta' regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (14). Il-miżuri meħuda skond dawk ir-Regolamenti jiżguraw il-ħarsien fiżiku u loġiku tad-data kunfidenzjali u jiżguraw li l-ebda żvelar illegali jew użu mhux għal skop statistiku ma jsir meta tiġi proċessata u disseminata l-istatistika Komunitarja.

    (14)

    Fil-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' statistika Komunitarja taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet ta' l-istatistika nazzjonali u Komunitarji għandhom jieħdu kont tal-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi tal-Prattika Ewropew għall-Istatistika, adottat mill-Kumitat tal-Programm Statistiku fl-24 ta' Frar 2005.

    (15)

    Ġaladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif ta' qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, ma jista'x jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (16)

    Waqt li jirrikonoxxi li l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi ta' kura tas-saħħa huma materji ta' kompetenza nazzjonali u li l-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar il-postijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol hija primarjament ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, dan ir-Regolament jiżgura rispett sħiħ għall-kompetenza ta' l-Istati Membri għas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

    (17)

    Huwa importanti li s-sess u l-età jiġu inklużi fil-varjabbli tas-suddiviżjoni peress li dan jippermetti li jittieħed kont ta' l-impatt tad-differenzi bejn is-sessi u l-etajiet fis-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

    (18)

    Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni (15).

    (19)

    B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-miżuri implimentattivi li jkopru il-karatteristiċi ta' ċerti suġġetti u s-suddiviżjoni, il-perijodi ta' referenza, l-intervalli u l-limiti ta' żmien applikabbli għalihom għall-forniment tad-data kif ukoll għall-forniment tal-metadata. Peress li dawk huma miżuri b'ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b' elementi ġodda li mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (20)

    Il-finanzjament komplimentarju għall-ġbir tad-data fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol għandhom jiġu provduti rispettivament fi ħdan il-oqsfa tat-tieni programm ta' Azzjoni komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) u tal-Programm Komunitarju għall-Impjiegi u s-Solidarjetà soċjali — Progress (16). Fi ħdan dawk l-oqfsa, ir-riżorsi finanzjarji għandhom jintużaw sabiex jgħinu lill-Istati Membri jkomplu jibnu l-kapaċitajiet nazzjonali sabiex jimplimentaw titjib u għodod ġodda għall-ġbir ta' data statistika fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

    (21)

    Il-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat.

    (22)

    Il-Kumitat tal-Programm Statistiku ġie kkonsultat konformement ma' l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom (17),

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. L-istatistika għandha tiġi prodotta konformement ma' standards ta' imparzjalità, affidabilità, oġġettività, kost-effettività u konfidenzjalità statistika.

    2.   L-istatistika għandha tinkludi, fil-forma ta' sett ta' data armonizzat u komuni, l-informazzjoni meħtieġa għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika, għas-sostenn ta' l-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ta' kura tas-saħħa ta' kwalità għolja, universalment aċċessibbli u sostenibbli kif ukoll għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

    3.   L-istatistika għandha tipprovdi d-data għal indikaturi strutturali, indikaturi ta' żvilupp sostenibbli u Indikaturi tas-Saħħa fil-Komunità Ewropea (ECHI), kif ukoll settijiet ta' indikaturi oħra li jeħtieġu li jiġu żviluppati għal skopijiet ta' azzjonijiet Komunitarji ta' monitoraġġ fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

    Artikolu 2

    Ambitu

    L-Istati Membri għandhom jissuplixxu statistika lill-Kummissjoni (l-Eurostat) dwar is-d-dominji li ġejjin:

    l-istatus tas-saħħa u l-fatturi determinanti għas-saħħa, kif definiti fl-Anness I,

    il-kura tas-saħħa, kif definita fl-Anness II,

    il-kaġunijiet tal-mewt, kif definiti fl-Anness III,

    l-inċidenti fuq ix-xogħol, kif definiti fl-Anness IV,

    il-mard relatat max-xogħol u problemi ta' saħħa u mard ieħor relatati max-xogħol, kif definiti fl-Anness V.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

    (a)

    “statistika Komunitarja” għandu jkollha t-tifsira mogħtija lilha fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

    (b)

    “produzzjoni ta' statistika” għandu jkollha t-tifsira mogħtija lilha fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

    (c)

    “saħħa pubblika” għandha tfisser l-elementi kollha relatati mas-saħħa, jiġifieri l-istatus tas-saħħa, inklużi l-morbożità u d-diżabilità, il-fatturi determinanti li jaffettwaw dak l-istatus tas-saħħa, il-bżonnijiet ta' kura tas-saħħa, ir-riżorsi allokati għall-kura tas-saħħa, l-għoti tal-kura tas-saħħa u l-aċċess universali għaliha kif ukoll in-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-finanzjament tagħha, u l-kaġunijiet tal-mortalità;

    (d)

    “saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol” għandha tfisser l-elementi kollha relatati mal-prevenzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol fl-attivitajiet tagħhom fil-preżent jew fl-imgħoddi, b'mod partikolari inċidenti fuq ix-xogħol, mard relatat max-xogħol u problemi ta' saħħa u mard ieħor relatat max-xogħol.

    (e)

    “mikro-data” għandha tfisser rekords statistiċi individwali;

    (f)

    “trażmissjoni ta' data kunfidenzjali” għandha tfisser it-trażmissjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità Komunitarja ta' data kunfidenzjali li ma tħallix identifikazzjoni diretta, f'konformità ma' l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 322/97 u mar-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90.

    (g)

    “data personali” għandha tfisser kull informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, skond l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE.

    Artikolu 4

    Sorsi

    L-Istati Membri għandhom jiġbru id-data dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol minn sorsi li, skond is-setturi u s-suġġetti u skond il-karatteristiċi tas-sistemi nazzjonali, għandhom jikkonsistu f'surveys fid-djar jew simili jew moduli ta' surveys, jew inkella sorsi nazzjonali amministrattivi jew ta' rappurtar.

    Artikolu 5

    Metodoloġija

    1.   Fil-metodi użati għall-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data għandhom jieħdu kont ta', inkluż fil-każ ta' attivitajiet ta' tħejjija, l-esperjenza u l-ħiliet esperti nazzjonali, u l-ispeċifiċitajiet, il-kapaċitajiet u l-ġbir tad-data eżistenti nazzjonali, fil-qafas tan-netwerks kollaborattivi u strutturi oħrajn tas-Sistema Statistika Ewropea (SSE) ma' l-Istati Membri stabbiliti mill-Kummissjoni (l-Eurostat). Il-metodoloġiji għall-ġbir tad-data regolari li jirriżulta minn proġetti b'dimensjoni statistika mwettqa taħt programmi Komunitarji oħrajn bħall-programmi tas-saħħa pubblika jew ta' riċerka għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

    2.   Il-metodoloġiji statistiċi u l-ġbir tad-data li għandhom jiġu żviluppati għall-ġbir ta' l-istatistika dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fil-livell Komunitarju għandhom jieħdu kont tal-bżonn ta' koordinazzjoni, kull meta jkun rilevanti, ma' l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-komparabbiltà internazzjonali ta' l-istatistika u l-konsistenza tal-ġbir tad-data kif ukoll li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' l-isforz u tal-kunsinni tad-data mill-Istati Membri.

    Artikolu 6

    Studji pilota u analiżijiet tal-kost-benefiċċju

    1.   Kull meta tkun meħtieġa aktar data ma' dik diġà miġbura u ma' dik li diġà jeżistu metodoloġiji għaliha, jew meta tkun identifikata insuffiċjenza fil-kwalita' tad-data fid-dominji msemmija fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha twettaq studji pilota li jitlestew mill-Istati Membri fuq bażi volontarja. L-għan ta' dawn l-istudji-pilota għandu jkun dak li jittestjaw il-kunċetti u l-metodi u jivvalutaw il-vijabbiltà tal-ġbir tad-data relatata, inklużi l-kwalità statistika, il-komparabbiltà u l-kost-effettivita', skond il-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta' Prattika dwar l-Istatistika Ewropea.

    2.   Kull meta tkun prevista l-preparazzjoni ta' miżura implimentattiva skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2), għandha titwettaq analiżi tal-kost-benefiċċju, li tieħu kont tal-benefiċċji tad-disponibbiltà tad-data mqabbla ma' l-ispiża tal-ġbir tad-data u l-piż fuq l-Istati Membri.

    3.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tħejji rapport li jevalwa s-sejbiet ta' l-istudji pilota u/jew l-analiżi tal-kost-benefiċċju, inkluż l-effetti u l-implikazzjonijiet ta' l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, fil-qafas tan-netwerks kollaborattivi u strutturi oħrajn ta' l-SSE.

    Artikolu 7

    Trażmissjoni, trattament u disseminazzjoni tad-data

    1.   Meta dan ikun meħtieġ għall-produzzjoni ta' statistika Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-mikrodata kunfidenzjali jew, skond is-settur jew is-suġġett konċernat, id-data kumulattiva, skond id-dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tad-data soġġetta għal kunfidenzjalità stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għat-trattament tad-data mill-Kummissjoni (Eurostat), safejn id-data tkun kunsidrata kunfidenzjali fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 322/97. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data trażmessa ma tippermettix l-identifikazzjoni diretta ta' l-unitajiet statistiċi (l-individwi) u li d-data personali tkun protetta f'konformità mal-prinċipji stabbiliti bid-Direttiva 95/46/KE.

    2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data u l-metadata meħtieġa skond dan ir-Regolament f'forma elettronika skond standard ta' skambju maqbul bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri. Id-data għandha tiġi provduta konformement mal-limiti ta' żmien stabbiliti, fl-intervalli previsti, u b'rispett tal-perijodi ta' referenza indikati, fl-Annessi jew fil-miżuri implimentattivi adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 10(2).

    3.   Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex ittejjeb id-disseminazzjoni, l-aċċessibbiltà u d-dokumentazzjoni ta' l-informazzjoni statistika, konformement mal-prinċipji ta' komparabbiltà, affidabbiltà u kunfidenzjalità statistika stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    Artikolu 8

    Evalwazzjoni ta' kwalità

    1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-dimensjonijiet li ġejjin ta' evalwazzjoni ta' kwalità għandhom japplikaw għall-istatistika li għandha tiġi trażmessa:

    (a)

    “ir-rilevanza” għandha tirreferi għall-grad ta' kemm l-istatistika tilħaq il-bżonnijiet kurrenti u potenzjali ta' l-utenti;

    (b)

    “il-preċizjoni” għandha tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

    (c)

    “il-wasla fil-ħin” għandha tirreferi għad-dewmien ta' żmien bejn id-disponibilità ta' l-informazzjoni u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

    (d)

    “il-puntwalità” għandha tirreferi għad-dewmien ta' żmien bejn id-data ta' rilaxx tad-data u d-data mmirata meta suppost kellha tintbagħat;

    (e)

    “l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” għandha jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

    (f)

    “il-kumparabilità” għandha tirreferi għall-kejl ta' l-impatt tad-differenzi fil-kunċetti statistiċi u għodod u proċeduri applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

    (g)

    “il-koerenza” għandha tirreferi għall-adegwatezza tad-data li tkun marbuta b'mod affidabbli b'modi differenti u għal użu varju.

    2.   Kull ħames snin kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni (l-Eurostat) rapport dwar il-kwalità tad-data trażmessa. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità ta' data trażmessa u tippubblika rapporti.

    Artikolu 9

    Miżuri implimentattivi

    1.   Il-miżuri implimentattivi għandhom ikopru:

    (a)

    il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti koperti fl-Annessi I sa V;

    (b)

    is-suddiviżjoni tal-karatteristiċi;

    (c)

    il-perijodi ta' referenza, l-intervalli u l-limiti ta' żmien għal-forniment tad-data;

    (d)

    il-forniment ta' metadata.

    Dawn il-miżuri għandhom jieħdu kont, b'mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(2) u (3) u l-Artikolu 7(1), kif ukoll tad-disponibbiltà, kemm huma adatti, u l-kuntest legali tas-sorsi tad-data Komunitarji eżistenti wara eżami tas-sorsi kollha relatati mad-dominji u s-suġġetti rispettivi.

    2.   Jekk ikunu meħtieġa, derogi u perijodi ta' transizzjoni għal xi Stati Membri, ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3).

    Artikolu 10

    Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit bid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4) u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    Artikolu 11

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, …

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 103.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2007 (għadha m'hijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2008 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta'... (għadha m'hijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1. Deċiżjoni mħassra bid-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE.

    (4)  ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.

    (5)  ĠU C 161, 5.7.2002, p. 1.

    (6)  ĠU C 145, 30.6.2007, p. 1.

    (7)  ĠU L 238, 25.9.2003, p. 28.

    (8)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

    (9)  ĠU C 175, 24.7.2003, p. 1.

    (10)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

    (11)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

    (12)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (14)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.

    (15)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (16)  Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali — Progress (ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1).

    (17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom tad-19 ta' Ġunju 1989 li tistabbilixxi Kumitat għall-Programmi Statistiċi tal-Komunita' (ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47).


    ANNESS I

    DOMINJU: STATUS TAS-SAĦĦA U L-FATTURI DETERMINANTI TAS-SAĦĦA

    (a)

    Għanijiet

    L-għan ta' dan is-settur huwa l-forniment ta' statistika dwar l-istatus u d-determinanti tas-saħħa.

    (b)

    Ambitu

    Dan id-dominju jkopri l-istatistika dwar l-istatus tas-saħħa u d-determinanti tas-saħħa li huma bbażati fuq awto-valutazzjoni u miġbura minn surveys tal-popolazzjoni bħas-Survey ta' Saħħa Ewropea permezz ta' Intervista (EHIS) kif ukoll statistika oħra miġbura minn sorsiamministrattivi bħal dawkdwar il-morbidità jew l-inċidenti jew il-korrimenti. Persuni li jgħixu f'istituzzjonijiet kif ukoll it-tfal mill-età 0-14-il sena għandhom jiġu inklużi, fejn adatt u f'intervalli ad hoc rilevanti, suġġetti għal studji pilota preċedenti li jkunu irnexxew.

    (c)

    Perijodi ta' referenza, intervalli u limiti ta' żmien għall-forniment tad-data

    Mill-EHIS għandha tiġi provduta statistika kull ħames snin; tista' tkun meħtieġa frekwenza differenti għal ġbir ieħor tad-data bħal dawk dwar il-morbidità jew l-inċidenti jew il-korrimenti, kif ukoll għal xi moduli ta' surveys speċifiċi; il-miżuri relatati ma' l-ewwel sena ta' referenza, l-interval u l-limitu ta' żmien għall-forniment tad-data għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

    (d)

    Suġġetti koperti

    Is-sett ta' data armonizzat u komuni li għandu jingħata għandu jkopri l-lista ta' suġġetti li ġejja:

    l-istatus tas-saħħa, inklużi perċezzjonijiet dwar is-saħħa u l-funzjonament, limitazzjonijiet u diżabilitjiet fiżiċi u mentali,

    morbożità speċifika għad-dijanjosi,

    protezzjoni kontra l-eventwalità ta' pandemiji u mard li jittieħed,

    inċidenti u korrimenti, inklużi dawk relatati mas-sigurtà tal-konsumatur, u, kull meta possibbli, ħsara relatata ma' l-alkoħol u mad-drogi,

    stil ta' ħajja, bħall-attività fiżika, id-dieta, it-tipjip, il-konsum ta' alkoħol u l-użu ta' drogi, u fatturi ambjentali, soċjali u relatati max-xogħol,

    aċċess u użu ta' faċilitajiet ta' kura tas-saħħa preventivi u kurattivi, kif ukoll servizzi ta' kura fit-tul (survey tal-popolazzjoni),

    informazzjoni demografika u soċjo-ekonomika ta' l-isfond dwar l-individwi.

    Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament ikunu koperti ma' kull forniment ta' data. Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u d-dettalji tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

    L-implimentazzjoni tas-Survey ta' l-Eżami tas-Saħħa għandha tkun fakultattiva fil-qafas ta' dan ir-Regolament. Il-ħin medju ta' l-intervista għal kull dar m'għandux ikun aktar minn siegħa għall-EHIS u 20 minuta għall-moduli ta' surveys l-oħrajn.

    (e)

    Metadata

    Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar karatteristiċi ta' stħarriġ u sorsi oħrajn użati, il-popolazzjoni koperta u l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


    ANNESS II

    DOMINJU: KURA TAS-SAĦĦA

    (a)

    Għanijiet

    L-għan ta' dan id-dominju huwa l-forniment ta' statistika dwar il-kura tas-saħħa.

    (b)

    Ambitu

    Dan id-dominju ikopri l-attivitajiet mwettqa minn istituzzjonijiet jew minn individwi li jkunu qed jaħdmu sabiex, permezz ta' l-applikazzjoni ta' l-għarfien u t-teknoloġija mediċi, paramediċi u ta' l-infermiera, jilħqu l-mira tas-saħħa, inkluż il-kura għal żmien twil, kif ukoll l-attivitajiet amministrattivi u maniġerjali relatati.

    Id-data għandha tiġi miġbura prinċipalment minn sorsi amministrattivi.

    (c)

    Perijodi ta' referenza, intervalli u limiti ta' żmien għall-forniment tad-data

    L-istatistika għandha tiġi pprovduta darba fis-sena. Il-miżuri li jirrigwardaw l-ewwel sena ta' referenza, l-intervall u l-limitu ta' żmien għall-forniment tad-data għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

    (d)

    Suġġetti koperti

    Is-sett ta' data armonizzat u komuni li għandu jingħata għandu jkopri l-lista ta' suġġetti li ġejja:

    faċilitajiet ta' kura tas-saħħa,

    riżorsi umani għall-kura tas-saħħa,

    utilizzazzjoni u servizzi individwali u kollettivi tal-kura tas-saħħa,

    infiq u finanzjament għall-kura tas-saħħa.

    Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament ikunu koperti ma' kull forniment ta' data. Is-sett ta' data għandu jiġi stabbilit wara l-klassifikazzjonijiet internazzjonali rilevanti u wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi u l-prattiki fl-Istati Membri.

    Il-mobbiltà tal-pazjenti, jiġifieri l-użu minnhom ta' faċilitajiet għall-kura tas-saħħa f'pajjiż li mhux dak tar-residenza tagħhom, u tal-professjonisti tas-saħħa, bħal dawk li jipprattikaw il-professjoni tagħhom barra mill-pajjiż fejn kisbu l-ewwel liċenzja tagħhom, għandha titqies fil-ġbir tad-data. Fil-ġbir tad-data għandha titqies ukoll il-kwalità tal-kura tas-saħħa.

    Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u s-suddiviżjoni tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

    (e)

    Metadata

    Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar karatteristiċi tas-sorsi u l-ġabriet użati, il-popolazzjoni koperta u l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


    ANNESS III

    DOMINJU: KAĠUNIJIET TAL-MEWT

    (a)

    Għanijiet

    L-għan ta' dan id-dominju huwa l-forniment ta' statistika dwar il-kaġunijiet tal-mewt.

    (b)

    Ambitu

    Dan id-dominju jkopri l-istatistika tal-kaġunijiet tal-mewt kif derivati miċ-ċertifikati mediċi tal-mewt b'kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO. L-istatistika li għandha tiġi miġbura tirreferi għall-kaġun prinċipali li huwa definit mid-WHO bħala “l-marda jew il-korriment li tkun tat bidu għas-sensiela ta' okkorrenzi morbużi li jkunu wasslu direttament għall-mewt, jew għaċ-ċirkostanzi ta' l-inċident jew vjolenza li pproduċew il-korriment fatali”. L-istatistika għandha tinġabar għall-imwiet kollha u għat-trabi kollha li jitwieldu mejta f'kull Stat Membru, b'distinzjoni bejn residenti u non-residenti. Kull meta jkun possibbli, id-data dwar il-kaġun tal-mewt għar-residenti li jmutu barra minn pajjiżhom għandha tkun inkluża fl-istatistika tal-pajjiż tar-residenza tagħhom.

    (c)

    Perijodi ta' referenza, intervalli u limiti ta' żmien għall-forniment tad-data

    L-istatistika għandha tiġi provduta darba fis-sena. Il-miżuri li jirrigwardaw l-ewwel sena ta' referenza għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2). Id-data għandha tiġi preżentata mhux aktar tard minn 24-il xahar wara tmiem is-sena ta' referenza. Data provviżorja jew li tkun ġiet kalkulata tista' tiġi provduta qabel. Fil-każ ta' inċidenti tas-saħħa pubblika, jista' jiġi stabbilit ġbir ta' data speċjali addizzjonali, dwar l-imwiet kollha jew dwar kaġunijiet speċifiċi ta' mewt.

    (d)

    Suġġetti koperti

    Is-sett ta' data armonizzat u komuni li għandu jingħata għandu jkopri l-lista ta' suġġetti li ġejja:

    il-karatteristiċi tal-mejjet/mejta,

    ir-reġjun,

    il-karatteristiċi tal-mewt, inkluż il-kaġun prinċipali tal-mewt.

    Id-data dwar il-kaġunijiet tal-mewt għandha tiġi stabbilita fil-qafas tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard tal-WHO u għandha ssegwi r-regoli ta' l-Eurostat u r-rakkomandazzjonijiet tan-NU u l-WHO għall-istatistika tal-popolazzjoni. Il-forniment ta' data dwar il-karatteristiċi ta' trabi ta' jitwieldu mejta għandu jkun fuq bażi volontarja. Il-forniment ta' data dwar imwiet ta' trabi tat-twelid (imwiet sa età ta' 28 jum) għandu jirrikonoxxi d-differenzi nazzjonali fil-prattika tar-reġistrazzjoni ta' kaġunijiet multipli tal-mewt.

    Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u d-dettalji tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

    (e)

    Metadata

    Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar il-popolazzjoni koperta u l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


    ANNESS IV

    DOMINJU: INĊIDENTI FUQ IX-XOGĦOL

    (a)

    Għanijiet

    L-għan ta' dan is-settur huwa l-forniment ta' statistika dwar inċidenti fuq ix-xogħol.

    (b)

    Ambitu

    Inċident fuq il-post tax-xogħol huwa definit bħala “okkorrenza diskreta matul ix-xogħol li twassal għal ħsara fiżika jew mentali”. Id-data għandha tinġabar, għall-forza tax-xogħol kollha, għal inċidenti fatali fuq ix-xogħol u inċidenti fuq ix-xogħol li jirriżultaw f'aktar minn tlett ijiem ta' assenza minn fuq ix-xogħol, bl-użu ta' sorsi amministrattivi komplementati b'sorsi addizzjonali rilevanti kull meta jkun meħtieġ u fattibbli għal gruppi speċifiċi ta' ħaddiema jew sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi. Subsett limitat tad-data bażika dwar l-inċidenti li jirriżultaw f'inqas minn erbat ijiem ta' assenza minn fuq ix-xogħol tista' tinġabar, meta tkun disponibbli u fuq bażi fakultattiva, fil-qafas tal-kollaborazzjoni ma' l-ILO.

    (c)

    Perijodi ta' referenza, intervalli u limiti ta' żmien għall-forniment tad-data

    L-istatistika għandha tiġi provduta darba fis-sena. Il-miżuri li jirrigwardaw l-ewwel sena ta' referenza għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2). Id-data għandha tiġi preżentata mhux aktar tard minn 18-il xahar wara tmiem is-sena ta' referenza.

    (d)

    Suġġetti koperti

    Is-sett ta' mikrodata armonizzat u komuni li jingħata għandu jkopri l-lista ta' suġġetti li ġejja:

    karatteristiċi tal-persuna korruta,

    karatteristiċi tal-korriment, inkluż il-gravità (numru ta' ġranet mitlufin),

    karatteristiċi ta' l-intrapriża inkluż l-attività ekonomika,

    karatteristiċi tal-post tax-xogħol,

    karatteristiċi ta' l-inċident, inkluża s-sekwenza ta' l-okkorrenzi li kkaratterizzaw il-kaġunijiet u ċ-ċirkostanzi ta' l-inċident.

    Is-sett tad-data dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol għandu jiġi stabbilit fil-qafas ta' l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija ta' l-Istatistika Ewropea dwar l-Inċidenti fuq ix-Xogħol (ESAW), b'kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-prattiki fl-Istati Membri.

    Il-forniment ta' data dwar in-nazzjonalità tal-persuna korruta, id-daqs ta' l-intrapriża u l-ħin ta' l-inċident għandhom ikunu fuq bażi volontarja. Dwar is-suġġetti tal-Fażi III tal-metodoloġija ta' l-ESAW, jiġifieri l-post tax-xogħol u s-sekwenza ta' okkorrenzi li kkaratterizzaw il-kawżi u ċ-ċirkostanzi ta' l-inċident, għandhom jiġu provduti ta' l-inqas tliet varjabbli. L-Istati Membri għandhom fuq bażi volontarja jipprovdu wkoll aktar data li tikkonforma ma' l-ispeċifikazzjonijiet tal-Fażi III ta' l-ESAW.

    Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u d-dettalji tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

    (e)

    Metadata

    Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar il-popolazzjoni koperta, ir-rati ta' dikjarazzjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol u, meta jkun rilevanti, il-karatteristiċi tat-teħid tal-kampjuni, kif ukoll l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


    ANNESS V

    DOMINJU: MARD RELATAT MAX-XOGĦOL U PROBLEMI TA' SAĦĦA U MARD IEĦOR RELATATI MAX-XOGĦOL

    (a)

    Għanijiet

    L-għan ta' dan id-dominju huwa l-forniment ta' l-istatistika dwar każijiet rikonoxxuti ta' mard relatat max-xogħol u problemi ta' saħħa u mard ieħor relatati max-xogħol.

    (b)

    Ambitu

    Każ ta' mard relatat max-xogħol huwa definit bħala każ magħruf mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mir-rikonoxximent ta' mard relatat max-xogħol. Għandha tinġabar id-data dwar il-mard fuq il-post tax-xogħol u l-imwiet minn inċidenti dovuti għal mard relatat max-xogħol.

    Problemi tas-saħħa u mard relatati max-xogħol huma dawk il-problemi tas-saħħa u l-mard li jistgħu jkunu kkawżati, aggravati jew ikkawżati konġuntivament mill-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan jinkludi problemi tas-saħħa fiżiċi u psikosoċjali. Każ ta' problema tas-saħħa u mard relatat max-xogħol mhux neċessarjament jirreferi għal rikonoxximent minn awtorità u d-data relatata tista' tinġabar minn surveys eżistenti tal-popolazzjoni bħas-Survey Ewropew ta' Intervisti dwar is-Saħħa (EHIS) jew survey soċjali ieħor.

    (c)

    Perijodi ta' referenza, intervalli u limiti ta' żmien għall-forniment tad-data

    Għall-mard relatat max-xogħol, l-istatistika għandha tiġi provduta kull sena u tiġi preżentata mhux aktar tard minn 15-il xahar wara tmiem is-sena ta' referenza. Il-miżuri li jirrigwardaw il-perijodi ta' referenza, l-intervalli u l-limiti ta' żmien għall-forniment ta' ġabriet ta' data oħrajn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

    (d)

    Suġġetti koperti

    Is-sett ta' data armonizzat u komuni li jiġi provdut għall-mard relatat max-xogħol għandu jkopri l-lista ta' suġġetti li ġejja:

    karatteristiċi tal-persuna marida, inkluż is-sess u l-età,

    karatteristiċi tal-marda, inkluż il-gravità,

    karatteristiċi ta' l-intrapriża u l-post tax-xogħol, inkluż l-attività ekonomika,

    il-karatteristiċi ta' l-aġent jew fattur kawżattiv.

    Is-sett tad-data dwar il-mard relatat max-xogħol għandu jiġi stabbilit fil-qafas ta' l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fil-metodoloġija ta' l-Istatistika Ewropea dwar il-Mard Relatat max-Xogħol (ESAW), b'kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-prattiki fl-Istati Membri.

    Is-sett ta' data armonizzat u komuni li jiġi provdut għall-problemi tas-saħħa relatati max-xogħol għandu jkopri l-lista ta' suġġetti li ġejja:

    karatteristiċi tal-persuna li ssofri mill-problema tas-saħħa, inkluż is-sess, l-età u l-istatus ta' l-impjieg,

    karatteristiċi tal-problema tas-saħħa relatata max-xogħol, inkluż il-gravità,

    karatteristiċi ta' l-intrapriża u l-post tax-xogħol, inkluż id-daqs u l-attività ekonomika,

    karatteristiċi ta' l-aġent jew il-fattur li kkawża l-problema tas-saħħa jew iggravaha.

    Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament ikunu koperti ma' kull forniment ta' data.

    Il-miżuri rigward il-karatteristiċi, jiġifieri l-varjabbli, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tas-suġġetti elenkati hawn fuq, u d-dettalji tal-karatteristiċi, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).

    (e)

    Metadata

    Il-miżuri dwar forniment ta' metadata, inkluż metadata dwar il-popolazzjoni koperta u l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-ġbir ta' statistika u indikaturi komparabbli, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(2).


    DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

    I.   DAĦLA

    1.

    Fis-7 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha (1) għal Regolament ġdid rigward l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, ibbażata fuq l-Artikolu 285(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

    2.

    Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari (2) fit-13 ta' Novembru 2007.

    3.

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-opinjoni tiegħu fil-5 ta' Settembru 2007 (3) u l-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fil-25 ta' Ottubru 2007 (4).

    4.

    Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fit-2 ta' Ottubru 2008 skont l-Artikolu 251 tat-Trattat.

    II.   GĦAN

    1.

    Il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tistabbilixxi l-qafas tal-produzzjoni sistematika tal-istatistika Komunitarja f'żewġ oqsma:

    (i)

    is-saħħa pubblika;

    (ii)

    is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

    2.

    L-istatistika għandu jkollha l-forma ta' ġabra ta' data armonizzata u komuni u ser tiġi prodotta mis-Sistema Statistika Ewropea (jiġifieri l-Eurostat flimkien mal-istituti nazzjonali tal-istatistika u kull awtorità nazzjonali oħra inkarigata mill-fornitura ta' statistika uffiċjali f'dawn l-oqsma).

    3.

    L-abbozz ta' Regolament jiffoka esklussivament fuq l-attivitajiet ta' statistika żviluppati skont l-Artikolu 285 tat-Trattat. Huwa mhux ikkonċernat bi żviluppi tal-linji ta' politika fiż-żewġ oqsma msemmija hawn fuq, li jaqgħu taħt l-Artikoli 152 u 137 tat-Trattat.

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

    (a)   In ġenerali

    1.

    Fil-votazzjoni Plenarja tiegħu tat-13 ta' Frar 2007, il-Parlament Ewropew adotta 12-il emenda fl-ewwel qari. Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tinkorpora għaxra minnhom bis-sħiħ u waħda parzjalment. Hija tinkludi, b'mod partikolari, il-modifiki għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni, li jimmiraw li jsaħħu d-dimensjonijiet tas-sessi u tal-età fil-fatturi varjabbli tat-tqassim sabiex tinkiseb informazzjoni rigward id-differenzi eventwali bejn is-sessi u l-gruppi ta' età fil-qasam tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

    2.

    Emenda waħda (Emenda 8) biss dwar l-inklużjoni tar-rintraċċar ta' kwalunkwe marda li l-inċidenza tagħha qiegħda tiżdied jew tonqos fil-lista tas-suġġetti koperti ma kinitx meqjusa peress li l-Kunsill, bħall-Kummissjoni, qies li bidla fl-inċidenza ta' marda kienet bid-definizzjoni stess tagħha, element importanti tal-analiżi u tat-tixrid ta' data dwar il-morbożità u ma jistax ikun suġġett kopert separatament.

    3.

    Il-pożizzjoni komuni fiha wkoll ċertu numru ta' modifiki sostantivi minbarra dawk previsti fl-opinjoni mogħtija mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Saru wkoll xi modifiki ta' abbozzar biex it-test ikun aktar preċiż jew biex tiġi garantita l-koerenza fir-regolament.

    4.

    Il-Kummissjoni aċċettat il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill.

    (b)   Emendi tal-Parlament Ewropew

    1.

    Il-Kunsill integra fil-pożizzjoni komuni l-ħdax-il emenda li ġejjjin:

    Premessi

    L-Emendi 1 (bis-sħiħ) u 2 (l-aħħar parti), li jikkonċernaw l-inklużjoni tad-dimensjoni tas-sessi u tal-età fil-fatturi varjabbli tat-tqassim fiż-żewġ oqsma tar-regolament, jiġifieri s-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, ġew miżjuda sabiex tinkiseb informazzjoni rigward id-differenzi eventwali bejn is-sessi u l-gruppi ta' età fiż-żewġ oqsma.

    L-Emenda 3 (bis-sħiħ) ġiet aċċettata bil-ħsieb li tgħin lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom bil-ħsieb tal-istabbiliment ta' għodod ġodda għall-ġbir tal-istatistika permezz ta' mezzi finanzjarji addizzjonali u komplementari pprovduti mill-programmi Komunitarji fiż-żewġ oqsma tar-regolament.

    Artikoli

    L-Emenda 4 (bis-sħiħ) ġiet inkluża fil-pożizzjoni komuni sabiex jiġu previsti l-kondizzjonijiet u l-istandards li jirregolaw il-produzzjoni tal-istatistika Komunitarja.

    L-Emendi 5 (bis-sħiħ) u 6 (bis-sħiħ) ġew introdotti biex tiġi ssottolinjata l-importanza tal-ġbir tad-data għall-appoġġ tal-istrateġiji nazzjonali biex jiggarantixxu l-aċċess universali għas-servizzi tas-saħħa pubblika fl-Istati Membri.

    L-Emenda 7 (fis-sustanza — għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 9(1)) dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' statistika Komunitarji ma' dawk ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra ttieħdet fil-kont sabiex jiġu limitati l-piżijiet fuq l-Istati Membri. Il-Kunsill ħa approċċ aktar ġenerali mingħajr ma semma l-lista tal-organizzazzjonijiet internazzjonali jew Ewropej kollha attivi fl-oqsma koperti mir-regolament. Ir-referenza għas-sorsi ta' data Komunitarja eżistenti tinsab fl-Artikolu 9.

    L-Annessi

    L-Emendi 11 (bis-sħiħ) u 12 (bis-sħiħ) ġew miżjuda biex tiġi inkluża l-protezzjoni kontra pandemiji u mard trasmissibbli eventwali u l-ħsara kkważata mill-alkoħol u d-droga fost is-suġġetti koperti mill-qasam “Status tas-saħħa u d-determinanti tas-saħħa” (Anness I).

    L-Emenda 9 (bis-sħiħ) dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-qasam “Mard fuq il-post tax-xogħol u problemi ta' saħħa u mardiet oħra marbuta max-xogħol” (Anness V) ittieħdet f'konsiderazzjoni b'tali mod li jiġu koperti l-mard u l-problemi ta' natura fiżika kif ukoll mentali kkawżati, iggravati jew ikkawżati b'mod konġunt mill-ambjent tax-xogħol.

    L-Emenda 10 (bis-sħiħ) ġiet aċċettata biex jiġu inklużi s-sess, l-età u l-istatus professjonali tal-persuna u d-daqs tal-attività ekonomika tal-impriża fis-suġġetti koperti mill-Anness V.

    (c)   Tibdil ieħor magħmul mill-Kunsill

    It-tibdil prinċipali l-ieħor introdott mill-pożizzjoni komuni jirrigwarda:

    premessa 16 ġdida dwar ir-rispett sħiħ tal-kompetenza nazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol;

    l-Artikolu 5 li nqasam f'żewġ artikoli (5 u 6) biex jiġu definiti aħjar l-istadji differenti tal-iżvilupp metodoloġiku, l-istudji pilota u l-analiżi tal-kost-effettività;

    l-introduzzjoni ta' referenza għar-Regolament (KE) Nru 1588/90 fl-Artikolu 3 biex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-trasmissjoni ta' data kunfidenzjali bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità Komunitarja;

    l-introduzzjoni ta' referenza għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 fl-Artikolu 7 biex jiġu stabbiliti biċ-ċar l-obbligi tal-Kummissjoni (Eurostat) vis-à-vis l-individwi u biex tiġi protetta l-informazzjoni statistika ta' natura personali;

    l-Artikolu 8 li issa jinkludi l-evalwazzjoni tal-kwalità tad-data li għandha tiġi trasmessa;

    l-annessi li huma aktar speċifiċi f'dak li jikkonċerna l-intervalli u l-limiti ta' żmien għat-trasmissjoni tad-data u s-suġġetti koperti.

    IV.   KONKLUŻJONI

    1.

    Il-Kunsill iqis li l-pożizzjoni komuni tiegħu tirrappreżenta soluzzjoni bilanċjata u realistika għal ċertu numru ta' tħassib espress mill-Istati Membri dwar il-proposta tal-Kummissjoni, li, fl-istess ħin, tieħu kont sewwa tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew.

    2.

    Il-Kunsill jistenna b'interess li jkun jista' jiġi kkonfermat fi żmien qasir il-qbil mal-Parlament Ewropew dwar din il-pożizzjoni komuni biex dan ir-regolament ikun jista' jiġi adottat malajr.


    (1)  ĠU C 138, 7.12.2007, p. 9.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU C 295, 7.12.2007, p. 1.

    (4)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 103.


    Top