This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007XC1123(05)
Publication of an amendment application pursuant to Article 8(2) of Council Regulation (EC) No 509/2006 on agricultural products and foodstuffs as traditional specialities guaranteed
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti
ĠU C 280, 23.11.2007, p. 20–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 280/20 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti
(2007/C 280/10)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006
Applikazzjoni għal emenda skond l-Artikoli 11 u 19(3)
“PANELLETS”
Nru tal-KE: ES/TSG/107/0018/29.10.2003
1. Grupp applikant:
Isem: |
Federació Catalana de Patisseria |
Indirizz: |
Avda Gaudí 28, 1o 2a |
Tel.: |
(34) 93 34 80 90 47 |
Faks: |
(34) 93 436 28 46 |
Posta elettronika: |
— |
2. Stat Membru jew Pajjiż terz
Spanja
3. Intestatura ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott milquta mill-modifika
|
Isem il-prodott |
|
Riżerva ta' l-isem (skond l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006) |
X |
Deskrizzjoni u metodu tal-produzzjoni |
X |
Deskrizzjoni tal-prodott |
X |
Oħrajn: Emenda tar-rekwiżiti minimi u tal-proċeduri ta' kontroll ta' l-ispeċifiċità tal-prodott. |
4. Tip ta' emenda/i
X. |
Emenda ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' l-ispeċjalità tradizzjonali garantita |
|
Modifika temporanja ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott minħabba l-impożizzjoni ta' miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006) — (agħti provi ta' l-eżistenza ta' dawn il-miżuri) |
5. Modifiki:
5.1. Deskrizzjoni u metodu tal-produzzjoni
Dan il-prodott tipiku huwa ħafna aktar varjat milli jidher mid-deskrizzjoni mogħtija fl-ispeċifikazzjoni oriġinali mressqa lill-Kummissjoni, billi hemm firxa wiesgħa ta' metodi lokali ta' produzzjoni li jżewqu l-prodott.
Panellets magħmulin minn marżipan bażiku
Il-lista tal-panellets mhijiex eżawrjenti: id-deskrizzjonijiet tat-tipi differenti ta' panellets huma biss gwida ġenerali, billi kull dulċier ikollu l-istil tiegħu li jiġi rifless fil-prodott, filwaqt li jżomm il-karatteristiċi bażiċi li jiddefinixxu l-prodott f'termini ta' ingredjenti u togħma.
Panellets tal-ġewż ta' l-Indi (coconut)
L-“abjad tal-bajd” tinbidel b'“bajd sħiħ”.
Panellets tal-ġellewż
L-“abjad tal-bajd” tinbidel b'“bajd sħiħ”.
Panellets magħmulin minn marżipan oħxon
L-“abjad tal-bajd” tinbidel b'“bajd sħiħ”.
Is-sostituzzjoni ta' “abjad tal-bajd” għal “bajd sħiħ, kif ukoll l-ilma fejn meħtieġ” hija dovuta għall-fatt li, wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament tal-Panellets fil-ĠUUE, ħafna dulċiera artiġjani stqarrew li fl-esperjenza tagħhom, l-abjad tal-bajd iwassal għal panellets li jkunu xotti wisq.
Il-bajd sħiħ (l-abjad u l-isfar) ma għandux l-istess effett peress li l-prodott iżommu umdu filwaqt li jagħtih it-togħma, u b'hekk iwassal għal panellets b'forma regolari u b'dehra li taqbel ma' dak li jfittex il-konsumatur f'dan il-prodott. Barra minn hekk, iż-żejt fil-lewż li jintuża biex isir il-marżipan bażiku jew il-varjetajiet differenti ta' panellet jista' jirriżulta f'għaġina ratba wisq (skond il-proporzjon ta' żejt li l-lewż ikun fih, il-varjetà, l-età, il-ħsad, eċċ). Iż-żieda tal-bajd sħiħ (l-abjad u l-isfar) tpatti għal dan l-effett u tagħti prodott aktar stabbli.
5.2. Deskrizzjoni tal-prodott
Karatteristiċi fiżiko-kimiċi:
|
Hija pprojbita biss iż-żieda ta' koloranti artifiċjali, u għaldaqstant, iż-żieda ta' koloranti naturali hija permessa. Dan kien żball fl-ispeċifikazzjoni, u nqisu li din il-modifika ma għandhiex tqajjem problemi għax ma tolqot la l-kwalità u lanqas in-natura tradizzjonali ta' dan il-prodott artiġjanali. Diversi studji wrew li l-aċċettabbiltà ta' prodott ta' l-ikel mill-konsumatur tiddependi ħafna mid-dehra tiegħu, u għaldaqstant minn lewnu wkoll. Din hija l-ġustifikazzjoni ewlenija għall-użu ta' koloranti fl-ikel. Il-koloranti ma jtejbux il-kwalità tal-prodott f'termini ta' preżervazzjoni jew valur alimentari, iżda jiżdiedu biss biex itejbu d-dehra tiegħu u jagħmluh iħajru aktar, jew biex iroddu lura l-kulur li jkun intilef matul il-proċess ta' produzzjoni. Billi l-panellet huwa prodott artiġjanali, huwa soġġett għal aktar varjabbiltà sensorjali mill-prodotti industrijali. Għalhekk, l-artiġjani jqisu mill-aktar meħtieġ l-użu ta' koloranti naturali abbażi tal-frott u l-ħxejjex, li jikkoreġu kwalunkwe telf ta' kulur li jkun sar matul il-proċess ta' produzzjoni, iżda mhux l-użu ta' koloranti artifiċjali, li jolqtu ħażin il-kwalità tal-prodott. |
5.3. Rekwiżiti minimi u proċeduri ta' kontroll ta' l-ispeċifiċità tal-prodott
Tneħħija tal-kliem “ta' kuljum” mir-reġistru ta' produzzjoni
It-tneħħija tar-referenza temporali “ta' kuljum” mir-reġistru tal-produzzjoni tal-panellets hija ġġustifikata mill-proċess ta' produzzjoni nnifsu, li jsir f'żewġ fażijiet konsekuttivi u definiti bis-sħiħ. Fl-ewwel fażi jiġu prodotti l-marżipan bażiku u l-marżipan fin. Din il-fażi tista' ddum jum jew aktar, skond il-volum ta' produzzjoni ta' l-artiġjan ikkonċernat. Wara dan tibda t-tieni fażi, fejn jiġu prodotti d-diversi varjetajiet tal-panellets. Għaldaqstant, id-dulċiera artiġjani huma tal-fehma li ma jagħmilx sens li jissemma reġistru tal-produzzjoni ta' kuljum ta' panellets, għax minkejja li dawn huma l-prodott aħħari, il-proċess tal-produzzjoni jibda jum jew ftit jiem qabel, meta jinkiseb il-marżipan bażiku.
SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT AĠĠORNATA
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006
“PANELLETS”
Nru tal-KE: ES/TSG/107/0018/29.10.2003
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:
Isem: |
Subdirección General de Sistemas de Calidad Diferenciada. Dirección General de Alimentación. Secretaría General de Agricultura y Alimentación del Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación. |
||
Indirizz: |
|
||
Tel.: |
(34) 913 47 53 97 — (34) 913 47 52 98 |
||
Faks: |
(34) 913 47 54 10 — (34) 913 47 51 70 |
||
Posta elettronika: |
sgcaproagro@mapya.es |
2. Grupp:
Isem: |
Federació Catalana de Pastisseria |
||
Indirizz: |
|
||
Tel.: |
(34) 93 348 09 47 |
||
Faks: |
(34) 93 436 28 46 |
||
Posta elettronika: |
— |
||
Kompożizzjoni: |
Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( ) |
3. Tip ta' prodott:
Klassi 2.3: Ħelu, ħobż, prodotti moħmija, prodotti tad-dulċiera, galletti u gallettini.
4. Speċifikazzjoni:
4.1. Isem: “Panellets”
4.2. Deskrizzjoni u metodu ta' produzzjoni: Il-panellets huma pastini li jkollhom diversi forom, magħmulin essenzjalment mill-marżipan u minn ingredjenti li jagħtu togħmiet u aromi karatteristiċi lill-prodott.
Hemm firxa wiesgħa ta' panellets magħmulin minn tliet tipi differenti ta' marżipan: marżipan bażiku, marżipan oħxon u marżipan fin.
Fil-varjetajiet tal-panellets li jkunu bil-frott, jistgħu jiżdiedu ma' l-għaġina prodotti tal-frott (ġammijiet u marmellati), kif ukoll aromi biex iqawwu t-togħma. Fil-każijiet kollha, iż-żieda ta' lamtu (tal-patata jew tal-patata ħelwa), tat-tuffieħ, ta' preżervattivi jew ta' koloranti artifiċjali hija pprojbita.
PANELLETS MAGĦMULIN MINN MARŻIPAN BAŻIKU
Hawn isfel tingħata deskrizzjoni tal-varjetajiet l-aktar komuni ta' panellets. Il-lista mhijiex eżawrjenti: id-deskrizzjonijiet tat-tipi differenti ta' panellets huma biss gwida ġenerali, billi kull dulċier ikollu l-istil tiegħu li jiġi rifless fil-prodott, filwaqt li jżomm il-karatteristiċi bażiċi li jiddefinixxu l-prodott f'termini ta' ingredjenti u togħma.
Il-marżipan bażiku jsir billi jiżdied, għal kull kilo lewż imqaxxar u mitħun, kilo zokkor u bajd sħiħ, kif ukoll l-ilma fejn meħtieġ. It-taħlita tintgħaġen sew u titħalla toqgħod għal madwar 24 siegħa sakemm il-konsistenza ssir omoġenja. Wara dan, l-għaġina jingħatawlha l-forom diversi u jiżdidulha t-togħmiet. Jista' jintuża proporzjon ogħla ta' lewż minn dak indikat. Il-varjetarjiet l-aktar komuni ta' panellets huma:
Għal kull kilo ta' marżipan bażiku, jiżdidulu 10 g qoxra maħkuka ta' lumija. Porzjonijiet ta' madwar 20 g jinksew totalment b'ġewż ta' l-arżnu mxarrab bil-bajd. Tingħatalhom forma ta' ballun u jerġgħu jindilku bil-bajd, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 280 °C u 290 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Dehbi u mixwi |
Konsistenza |
Qoxra ta' barra mixwija |
Aroma |
Ġewż ta' l-arznu u lumi |
Togħma |
Ġewż ta' l-arżnu u lewż |
Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 10 g qoxra maħkuka ta' lumija. Porzjonijiet ta' madwar 20 g jinksew totalment b'lewż mitħun imxarrab bil-bajd. Tingħatalhom forma tawwalija u kemmxejn tonda, jerġgħu jindilku bil-bajd, u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 260 °C u 270 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Dehbi u mixwi |
Konsistenza |
Ratba fin-naħa ta' ġewwa |
Aroma |
Vanilla |
Togħma |
Lewż iqarmeċ |
Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 150 g ġewż ta' l-Indi maħkuk, 150 g trab taz-zokkor u 100 g bajd sħiħ. Porzjonijiet ta' madwar 25 g tingħatalhom forma ta' muntanji żgħar bil-ponta, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 260 °C u 270 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Flambé |
Konsistenza |
Qoxra ta' barra rqiqa u mixwija, rabta fin-naħa ta' ġewwa |
Aroma |
Ġewż ta' l-Indi |
Togħma |
Ġewż ta' l-Indi u lewż |
Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 150 g ġellewż mixwi maħkuk, 150 g trab taz-zokkor u 100 g bajd sħiħ. Porzjonijiet ta' madwar 22 g tingħatalhom forma ta' ballun u jinksew biz-zokkor mitħun. Titqiegħed ġellewża f'nofs kull porzjon, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 240 °C u 250 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Kannella |
Konsistenza |
Wiċċ zokkri |
Aroma |
Ġellewż |
Togħma |
Ġellewż u marżipan |
Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 200 g qoxra maħkuka sew tal-larinġ immarmellat. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma tawwalija, jinksew biz-zokkor mitħun, u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 240 °C u 250 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Jagħti fl-oranġjo |
Konsistenza |
Qoxra ta' barra zokkrija, ratba fin-naħa ta' ġewwa |
Aroma |
Larinġ |
Togħma |
Larinġ u lewż |
Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 10 g qoxra maħkuka ta' lumija u żewġ isfra tal-bajd. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma ta' ballun, jinksew biz-zokkor mitħun, u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 240 °C u 250 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Isfar ċar |
Konsistenza |
Qoxra ta' barra tqarmeċ minħabba il-kisi ta' zokkor, u ratba fin-naħa ta' ġewwa, bi frak tal-lumi |
Aroma |
Lumi |
Togħma |
Lumi u lewż |
Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 150 g krema pastiċċera u 1 g vanilla. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma ta' ballun u jinksew b'zokkor fin tal-ġelu bix-xaba', u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 220 °C u 230 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Isfar ċar |
Konsistenza |
Lixxa |
Aroma |
Bajd u lewż |
Togħma |
Bajd u lewż |
Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 8 g kafè mitħun, kif ukoll karamella biex tagħtih il-lewn mixtieq. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma tawwalija, jinksew bit-trab taz-zokkor, u mbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 220 °C u 230 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Kannella skura |
Konsistenza |
Qoxra ta' barra mixwija, ratba fin-naħa ta' ġewwa |
Aroma |
Kafè |
Togħma |
Kafè u lewż |
Għal kull kilo marżipan bażiku, tiżdiedlu kwantità raġonevoli ta' ġamm tal-frawli, kif ukoll bajda. Porzjonijiet ta' madwar 26 g tingħatalhom forma ta' ballun u jinksew bit-trab taz-zokkor, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 220 °C u 230 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Tal-frawli |
Konsistenza |
Ratba |
Aroma |
Tal-frawli |
Togħma |
Frawli u lewż |
Għal kull kilo marżipan bażiku, jiżdidulu 300 g pasta tal-marron glacé. Porzjonijiet ta' madwar 22 g tingħatalhom forma ta' ballun u jinksew bit-trab taz-zokkor, imbagħad jinħmew fil-forn f'temperatura ta' bejn 220 °C u 230 °C.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Kannella skura |
Konsistenza |
Ratba |
Aroma |
Qastan u lewż |
Togħma |
Qastan u lewż |
PANELLETS MAGĦMULIN MINN MARŻIPAN OĦXON
Għal kull kilo marżipan bażiku (prodott skond id-deskrizzjoni ta' fuq), jiżdidulu 150 g lewż mitħun u bajd sħiħ biex jagħtuh il-konsistenza mixtieqa. Porzjonijiet ta' madwar 26 g jinqatgħu f'forom diversi. L-aktar forom tradizzjonali huma: ta' qastan, ta' faqqiegħ, ta' zukkletta, ta' strixxi mimlijin frott immarmellat, u ta' sfarġel.
PANELLETS MAGĦMULIN MINN MARŻIPAN FIN
1 300 g zokkor b'400 g ilma u 6 g kremor tat-tartru jiġu mgħollija sa temperatura ta' 118 °C. Jiżdidulu kilo lewż mitħun sew u 200 g glukożju. Din il-bażi titħalla toqgħod għal 24 siegħa, imbagħad tissaffa u tkun lesta għall-użu.
Minn din il-bażi ta' marżipan fin, jinqatgħu porzjonijiet ta' madwar 18 g u tingħatalhom forma ta' qastan, li mbagħad jinksew biċ-ċikkulata.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Kannella |
Konsistenza |
Qoxra ta' barra tqarmeċ, ratba fin-naħa ta' ġewwa |
Aroma |
Ċikkulata |
Togħma |
Ċikkulata u lewż |
Il-bażi tal-marżipan fin tinfetaħ b'lenbuba b'kanali maħduma fiha. Tindilek fuqha krema tal-bajd u tinqata' f'biċċiet ta' madwar 30 g. Dawn il-biċċiet jinksew bil-ġeli, imbagħad jindilku bix-xropp.
Karatteristiċi organolettiċi |
|
Lewn |
Abjad, zokkri |
Konsistenza |
Ratba |
Aroma |
Isfar tal-bajd |
Togħma |
Isfar tal-bajd u marżipan |
4.3. Karatteristiċi tradizzjonali: Fil-letteratura Katalana tas-seklu 18, hemm referenzi li fil-Ciutat Vella (ċentru storiku) ta' Barċellona, dak iż-żmien diġà kienet tittella' kull sena fiera tal-qastan u tal-panellets. Il-panellets għadhom sal-lum jittieklu flimkien mal-qastan u nbid ħelu fil-festa tal-Qaddisin Kollha. F'din il-fiera kienu jintwerew trejs kbar ta' panellets b'diversi forom u togħmiet, u xi drabi kienu jitqiegħdu b'mod li kienu jiffurmaw stampi u figuri kurjużi. Diġà fil-fiera ta' l-1796 kien hemm 'il fuq minn 200 post tal-wiri, li fost l-oħrajn kienu joffru panellets, li kienu jitqassmu fost in-nies permezz ta' tlugħ bix-xorti. Din it-tradizzjoni ta' lotterija tal-panellets, li ġeneralment kienu jieħdu ħsiebha d-dulċiera, infirxet f'ħafna bliet u rħula tar-reġjun.
In-nies kienu jġorru l-panellets sal-knisja f'basktijiet, qfief jew bxiekel. Il-panellets kienu jitbierku mill-qassis, imbagħad in-nies kienu jikluhom fil-knisja mal-bqija tal-komunità bħala att liturġiku kollettiv.
Biex tingħata idea tal-livell ta' konsum tal-panellets fil-belt ta' Barċellona, biżżejjed ngħidu li diġà fl-1920, il-Forn de Sant Jaume (wieħed mill-aktar furnara prestiġjużi tal-belt) xtara elf kilo ġewż imqaxxar ta' l-arżnu esklussivament għall-produzzjoni tal-panellets. Skond il-Gremio provincial de pasteleria y confitería [l-Għaqda provinċjali tad-dulċiera] ta' Barċellona, fil-ħarifa ta' l-1999 ittieklu fil-belt u fiż-żona metropolitana ta' Barċellona madwar 600 000 kilo panellets, bl-aktar varjetà popolari tkun dik tal-ġewż ta' l-arżnu (50 %), segwita mill-varjetà tal-lewż (15 %).
Barra minn hekk, skond studji etnografiċi, il-panellets fihom sinifikat ċerimonjali, bħall-pastiċċerija kollha tradizzjonali li tittiekel fil-jiem festivi.
4.4. Deskrizzjoni tal-prodott: Karatteristiċi organolettiċi: Peress li l-karatteristiċi organolettiċi (il-lewn, it-togħma, l-aroma u l-konsistenza) jkunu differenti skond il-varjetà tal-panellets, dawn ġew ikkunsidrati separatament f'kull waħda mit-taqsimiet ta' hawn fuq.
Karatteristiċi fiżiko-kimiċi: Il-kompożizzjoni tad-diversi panellets tvarja skond it-tip ta' marżipan (bażiku, oħxon jew fin) li minnu jkunu magħmulin, kif ukoll skond il-varjetà kkonċernata. Madankollu, fil-każijiet kollha, l-użu tal-patata, tal-patata ħelwa, tat-tuffieħ, ta' preżervattivi u ta' koloranti artifiċjali huwa pprojbit.
Karatteristiċi mikrobijoloġiċi: Il-kriterji mikrobijoloġiċi li għandhom jintlaħqu huma stipulati fil-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-saħħa (id-Direttiva tal-Kunsill 43/93/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel).
Preżentazzjoni: Ġeneralment, il-panellets jinbiegħu bl-imnut, fi kwantitajiet kbar, fid-dulċiera u fi ħwienet oħra. Meta l-panellets jinbiegħu f'pakkett, il-kaxex li jkun fihom il-panellets għandhom ikunu ttikkettati skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
4.5. Rekwiżiti minimi u proċeduri ta' kontroll ta' l-ispeċifiċità: Il-panellets irreġistrati bħala “speċjalità tradizzjonali garantita” għandu jkollhom karatteristiċi speċifiċi li jagħżluhom minn panellets oħrajn. Għaldaqstant, fil-produzzjoni tal-marżipan bażiku, għandhom jintużaw biss lewż niexef imqaxxar, zokkor u bajd sħiħ. Iż-żieda ta' lamtu (tal-patata jew tal-patata ħelwa), tat-tuffieħ, ta' preżervattivi jew koloranti artifiċjali huwa pprojbit.
Għandhom isiru l-kontrolli li ġejjin: kontroll tal-karatteristiċi organolettiċi; kontroll tan-nuqqas ta' lamtu (permezz ta' test bis-soluzzjoni I2), tan-nuqqas ta' preżervattivi (aċidu sorbiku/sorbat, aċidu benżojku/benżoat) u ta' koloranti artifiċjali (permezz tal-metodu kromatografiku likwidu ta' rendiment għoli (HPLC)), u tan-nuqqas ta' tuffieħ (permezz tad-detezzjoni ta' fibra ta' l-ikel solubbli b'mezzi kimiċi). Għall-varjetajiet ta' panellets li ma fihomx il-frott, dawn il-kontrolli jsiru fuq il-prodott finali, filwaqt li għal dawk li fihom il-frott, il-kontrolli jsiru fuq l-għaġina tal-marżipan.
L-elementi msemmijin hawn fuq għandhom jiġu kkontrollati mill-organi ta' spezzjoni Mesa Veritas Español, kif ukoll minn organi oħrajn li jiggarantixxu l-konformità ta' l-istandard EN-45011. L-organi ta' spezzjoni għandhom jimmonitorjaw is-sistema ta' kontroll tal-produttur, kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodott. Dawn l-organi għandhom iwettqu wkoll spezzjonijiet ta' segwitu kull tant żmien.
L-organi ta' spezzjoni għandhom jikkontrollaw il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott aħħari. Għandhom jagħtu ċertifikat inizjali lill-impriżi kkonċernati, li min-naħa tagħhom għandhom iressqu talba bil-miktub lil wieħed mill-organi ta' spezzjoni awtorizzati, li fiha jintrabtu li jirrispettaw ir-rekwiżiti mogħtija fl-ispeċifikazzjoni, u li jwettqu l-kontrolli meħtieġa biex jiggarantixxu l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti.
L-artiġjani u l-produtturi għandhom iżommu dokumenti bil-miktub li fihom jiddeskrivu l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodott aħħari. Barra minn hekk, għandhom iżommu reġistru tal-produzzjoni ta' panellets.
Ladarba jingħata ċ-ċertifikat ta' konformità, l-organi ta' ċertifikazzjoni għandhom iwettqu kontrolli ta' segwitu u verifika kull tant żmien, skond in-natura staġjonali tal-prodott (iż-żmien tas-sena li fih jiġi kkonsmat l-aktar) u l-volum ta' produzzjoni ta' kull produttur. Il-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tkun ikkontrollata bl-ivverifikar tas-sistemi ta' kontroll tal-prodottur, bl-eżami tad-dokumentazzjoni pprovduta u permezz ta' kontrolli każwali matul il-produzzjoni.
5. Applikazzjoni għall-protezzjoni skond l-Artikolu 13(2): Le