EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1109(05)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u affarijiet ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

ĠU C 267, 9.11.2007, p. 40–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 267/40


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u affarijiet ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

(2007/C 267/15)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA' SPEĊJALITAJIET TRADIZZJONALI GARANTITI (STG)

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

“PÓŁTORAK”

Nru tal-KE: PL/TSG/007/0034/06.09.2005

1.   Isem u indirizz tal-grupp applikant

Isem:

Krajowa Rada Winiarstwa i Miodosytnictwa przy Stowarzyszeniu Naukowo — Technicznym Inżynierów i Techników Przemysłu Spożywczego

Indirizz:

ul. Czackiego 3/6

PL-00-043 Warszawa

Tel.:

(48-22) 828 27 21

Posta Elettronika:

krwim@sitspoz.pl

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Polonja

3.   Speċifikazzjoni tal-Prodott

3.1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat

“Półtorak”

Meta l-prodott jitqiegħed fis-suq, it-tikketta jista' jkun fiha t-tagħrif kif ġej: “miód pitny wytworzony zgodnie ze staropolską tradycją” (mead magħmul skond tradizzjoni Pollakka antika). Dan it-tagħrif għandu jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali l-oħra.

3.2.   Indika jekk l-isem:

Image

hux speċifiku fih innifsu

Image

jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikoli jew ta' l-oġġett ta' l-ikel

Id-denominazzjoni “półtorak” ġejja min-numru “1.5” (PL: “półtora”) u jirrelata direttament mal-kompożizzjoni u l-metodu ta' produzzjoni storiċi stabbiliti ta' “półtorak” — il-proporzjonijiet ta' għasel u ilma fil-mead wort li jkun parti għasel ma' 0.5 parti ilma. L-isem għalhekk jesprimi n-natura speċifika tal-prodott. Billi t-terminu “półtorak” huwa kelma li tintuża biss għal tip speċifiku ta' mead, l-isem għandu jitqies bħala speċifiku fih innifsu.

3.3.   Indika jekk hix meħtieġa r-riżerva ta' l-isem skond l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

Image

Reġistrazzjoni b'riżerva ta' l-isem

Image

Reġistrazzjoni mingħajr riżerva ta' l-isem

3.4.   Tip ta' prodott

Klassi 1.8. — Prodotti oħra ta' l-Anness I

3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel li għandu l-isem indikat fil-punt 3.1

“Półtorak” huwa mead, xarba ċara iffermentata mill-mead wort, magħrufa minħabba l-aroma karatteristika tagħha ta' l-għasel u t-togħma tal-materja prima użata.

It-togħma ta' “półtorak” tista' tittejjeb permezz tal-ħwawar li jintużaw. Lewn il-“półtorak” ivarja bejn dehbi u ambra skur u jiddependi mit-tip ta' għasel użat fil-produzzjoni.

L-indikaturi fiżiko-kimiċi tipiċi tal-mead“półtorak” huma:

kontenut ta' alkoħol: 15-18 % vol.,

zokkor għar-riduzzjoni wara l-inverżjoni: aktar minn 300 g/l,

aċidità totali espressa f'aċidu maliku: 3,5-8 g/l,

aċidità volatili espressa f'aċidu aċetiku: massimu ta' 1,4 g/l,

zokkor totali, abbażi tal-konċentrazzjoni reali ta' l-alkoħol (f' % vol.) multiplikat bi 18: min. 600 g,

estratt mhux taz-zokkor: mhux anqas minn

30 g/l,

35 g/l fil-każ ta' mead tal-frott (melomel),

irmied: minimu ta' 1,3 g/l — fil-każ ta' mead tal-frott.

Huwa projbit l-użu ta' preżervattivi, stabilizzaturi u koloranti artifiċjali u sustanzi artifiċjali li jagħtu togħma fil-produzzjoni ta' “półtorak”.

3.6.   Deskrizzjoni tal-metodi ta' produzzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel li għandu l-isem indikat fil-punt 3.1

Materja prima:

Għasel naturali skond il-parametri li ġejjin:

kontenut ta' ilma: massimu ta' 20 % (m/m),

kontenut ta' zokkor għar-riduzzjoni: minimu ta' 70 % (m/m),

kontenut ta' taħlita ta' sukrożju u melezitożi: massimu ta' 5 % (m/m),

aċidità totali — 1 mol/soluzzjoni ta' l NaOH għal kull 100 g għasel: ta' kontenut bejn 1-5 ml,

5-hydroxy-methyl-furfurol (HMF): massimu ta' 4,0 mg għal kull 100 g għasel.

Ħmira tal-mead b'attenwazzjoni għolja — adegwata għall-attenwazzjoni ta' estratti għoljin fil-wort miżjud bil-ħmira biex jiffermenta (pitched wort)

Ħxejjex aromatiċi u ħwawar: imsiemer tal-qronfol, kannella, noċemuskata jew ġinġer.

Meraq tal-frott naturali jew frott frisk.

Alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola (possibbilment).

Metodu ta' produzzjoni:

Fażi 1

Produzzjoni tal-birra (tgħollija) tal-mead wort f'temperatura ta' 95-105 °C. Il-proporzjonijiet meħtieġa ta' għasel u ilma għall-“półtorak” huma parti għasel ma' 0,5 parti ilma (jew ilma mħallat mal-meraq tal-frott) fil-prodott finali. Minħabba l-fatt li l-konċentrazzjoni taz-zokkor hija għolja wisq għall-ħmira biex tħalli effett fil-proċess ta' fermentazzjoni, jitħejja wort bil-proporzjonijiet li ġejjin: parti għasel ma' żewġ partijiet ilma, li magħhom jistgħu jiżdiedu ħxejjex aromatiċi jew ħwawar. F'każ ta' meads tal-frott, talanqas 30 % ta' l-ilma huwa sostitwit bil-meraq tal-frott. Sabiex jinżammu l-proporzjonijiet adegwati ta' għasel u ilma li huma karatteristiċi tal-“półtorak”, tiżdied il-bqija ta' l-għasel fil-fażi finali tal-fermentazzjoni jew matul il-maturazzjoni.

Osservanza stretta tal-proporzjonijiet ta' l-ilma u ta' l-għasel u l-ksib ta' l-estratt meħtieġ fit-tank tal-wort li jkollu kopertura biex iżżomm is-sħana bil-fwar (steam jacket). Dan il-metodu ta' tgħollija jimpedixxi l-karamelizzazzjoni taz-zokkor.

Fażi 2

It-tkessiħ tal-wort għal 20-22 °C, it-temperatura ideali biex il-ħmira tippropoga. It-tkessiħ tal-wort għandu jsir dakinhar stess tal-produzzjoni, u l-perjodu tat-tkessiħ jiddependi mill-effiċjenza tal-kessieħ. It-tkessiħ jiggarantixxi s-sikurezza mikrobijoloġika tal-wort.

Fażi 3

Pitching — iż-żieda ta' soluzzjoni tal-ħmira mal-wort f'tank tal-fermentazzjoni.

Fażi 4

A.

Fermentazzjoni mgħaġġla — bejn 6-10 ijiem. Iż-żamma tat-temperatura għal-livell massimu ta' 28 °C tiggarantixxi li l-proċess ta' fermentazzjoni jimxi b'mod tajjeb.

B.

Fermentazzjoni bil-mod — bejn 3-6 ġimgħat. Il-perjodu ta' fermentazzjoni jiggarantixxi li jintlaħqu l-parametri fiżiko-kimiċi tajbin.

F'din il-fażi huwa possibbli li tiżdied il-bqija ta' l-għasel sabiex tinkiseb il-proporzjon meħtieġa fil-“półtorak”.

Fażi 5

Tiswib (racking) tal-wort attenwat miżjud bil-ħmira biex jiffermenta (pitched wort).

Wara li jkun intlaħaq kontenut ta' alkoħol ta' għall-inqas 12 % vol, għandu jsir it-tiswib qabel il-maturazzjoni. Dan jiggarantixxi li l-mead ikollu l-karatteristiċi fiżiko-kimiċi u organolettiċi xierqa. Jekk il-pitched wort jitħalla fuq fis-sediment [lees] għal aktar żmien mill-perjodu ta' fermentazzjoni bil-mod dan jaffettwa negattivament il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, minħabba l-awtoliżi [autolysis] tal-ħmira.

Fażi 6

Il-maturazzjoni u s-sifonaġġ (it-tferriegħ mingħajr ma jitqanqal il-fond [decanting]) — dan jirrepeti ruħu kemm-il darba jkun neċessarju biex jipprevjeni milli jseħħu proċessi mhux mixtieqa fis-sediment [lees] (awtoliżi tal-ħmira). Matul il-perjodu ta' maturazzjoni jkun possibbli li jsiru operazzjonijiet bħall-pasturizzazzjoni u l-filtrazzjoni. F'din il-fażi u fil-każ li dan ma jkunx sar fil-fażi finali tal-fermentazzjoni, huwa possibbli li tiżdied il-bqija ta' l-għasel sabiex jinkiseb il-proporzjon meħtieġ fil-“półtorak”. Din il-fażi hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-prodott ikollu l-karatteristiċi organolettiċi korretti.

Il-perjodu ta' maturazzjoni minimu għall-“półtorak” huwa ta' tliet snin.

Fażi 7

L-aġġustament fit-togħma (il-kompożizzjoni) — din il-fażi tikkonċerna t-tħejjija tal-prodott finali bil-karatteristiċi organolettiċi u fiżiko-kimiċi xierqa għall-“półtorak”, kif speċifikat fil-punt 3.5 — Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel. Sabiex jiġi żgurat li l-parametri meħtieġa jintlaħqu, jkun possibbli li jiġu kkoreġuti l-karatteristiċi organolettiċi u fiżiko-kimiċi billi:

jiżdied l-għasel biex il-mead isir ħelu

jiżdiedu l-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar,

jiżdied l-alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola.

L-għan ta' din il-fażi huwa li jinkiseb prodott bil-bouquet karatteristika tal-“półtorak.”

Fażi 8

Tferrigħ f'kontenituri individwali f'temperatura ta' 18-25 °C. Huwa rrakkomandat li l-“półtorak” jiġi ppreżentat fi ppakkjar tradizzjonali, bħal: damiġġjani, kontenituri taċ-ċeramika jew btieti tal-ballut.

3.7.   In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew l-oġġett ta' l-ikel

In-natura speċifika tal-“półtorak” tirriżulta minn:

tħejjija tal-wort (il-kompożizzjoni u l-proporzjon tal-materja prima),

il-maturazzjoni,

il-karatteristiċi fiżiko-kimiċi u organolettiċi tiegħu.

It-tħejjija tal-wort (kompożizzjoni)

In-natura speċifika tal-“półtorak” tirriżulta b'mod partikolari mill-użu ta' u l-osservanza stretta ma' l-proporzjonijiet stabbiliti ta' għasel u ilma — parti għasel ma' 0,5 parti ilma — fil-mead wort. Dan il-proporzjon huwa l-fattur determinanti f'kull fażi ieħor li ssegwi fil-produzzjoni tal-“półtorak” li jagħti l-karattersitiċi uniċi tiegħu.

Maturazzjoni:

Skond riċetta antika tradizzjonali Pollakka, in-natura tal-prodott jiddependi mill-maturazzjoni tiegħu għal perjodu ta' żmien speċifiku. Fil-każ ta' “półtorak” dan il-perjodu għandu jkun mhux anqas minn tliet snin.

Karatteristiċi fiżiko-kimiċi u organolettiċi:

L-osservanza tal-fażijiet kollha tal-produzzjoni inklużi fl-ispeċifikazzjoni tiggarantixxi li jinkiseb prodott b'togħma u aroma uniċi. It-togħma u l-aroma uniċi tal-“półtorak” jirriżultaw minn kontenut adegwat ta' zokkor u alkoħol:

zokkor għar-riduzzjoni wara l-inverżjoni; >300 g/l,

zokkor totali, abbażi tal-konċentrazzjoni reali ta' l-alkoħol (f' % vol.) multiplikat bi 18: min. 600 g,

alkoħol: 15-18 % vol.

Minħabba l-proporzjonijiet stretti definiti ta' l-ingredjenti użati fil-produzzjoni tiegħu, il-“półtorak” għandu konsistenza tipikament likwida u viskuża li tiddistingwih minn tipi oħra ta' mead.

3.8.   In-natura tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel

Metodu tal-produzzjoni tradizzjonali:

Il-produzzjoni tal-mead fil-Polonja hija tradizzjoni li tmur lura eluf ta' snin u hija kkaratterizzata minn diversità kbira. L-iżvilupp u t-titjib tal-metodu tal-produzzjoni matul is-sekli irriżultaw f'ħafna tipi ta' mead. L-istorja tal-produzzjoni tal-mead tmur lura għall-bidu tas-sovranità Pollakka. Fid-966, id-diplomatiku, negozjant u vjaġġatur Spanjol, Ibraħim ibn Jaqub kiteb: “Minbarra l-ikel, il-laħam u l-art għall-ħrit, il-pajjiż ta' Mieszko I jabbonda bil-mead, kif jissejħu l-inbejjed u x-xorb li jsakkar Slavi” (Mieszko I kien l-ewwel re storiku tal-Polonja). Il-Kronaki ta' Gallu Anonimu, li rreġistraw l-istorja Pollakka fi tmiem is-sekli 11 u 12, kien fihom ukoll bosta referenzi għall-produzzjoni tal-mead.

Il-poeżija epika nazzjonali Pollakka “Pan Tadeusz” ta' Adam Mickiewicz, li tirrakkonta l-istorja tan-nobbiltà bejn l-1811 u l-1812, fiha ħafna informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-konsum u t-tipi differenti ta' mead. Il-mead jissemma wkoll fil-poeżiji ta' Tomasz Zan (1796–1855) u fit-triloġija ta' Henryk Sienkiewicz li tiddeskrivi l-ġrajjiet tal-Polonja tas-seklu 17 (“Ogniem i mieczem”, ippubblikata fl-1884; “Potop”, ippubblikata fl-1886 u “Pan Wołodyjowski”, ippubblikata fl-1887 u 1888).

Is-sorsi oriġinali li jiddeskrivu d-drawwiet kulinarji Pollakki tas-sekli 17 u 18 mhux biss fihom referenzi ġenerali dwar il-mead, iżda wkoll referenzi għat-tipi differenti ta' mead. Dawn kienu jissejħu “półtorak”, “dwójniak”, “trójniak” u “czwórniak” skond il-metodu tal-produzzjoni. Kull wieħed minn dawn l-ismijiet jirrigwarda tip differenti ta' mead, prodott abbażi ta' proporzjonijiet differenti ta' għasel u ilma jew meraq tal-frott, u ta' perjodi tal-maturazzjoni differenti. It-teknika tal-produzzjoni ta' “półtorak” ilha tintuża, bi ftit modifiki, għal sekli sħaħ.

Kompożizzjoni tradizzjonali:

Il-qsim tradizzjonali tal-mead f'“półtorak”, “dwójniak”, “trójniak” u “czwórniak” fil-Polonja ilu jeżisti sekli sħaħ u hekk għadu llum il-ġurnata f'moħħ il-konsumaturi. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija saru tentattivi sabiex il-qsim tradizzjonali tal-mead tiġi rregolata f'erba' kategoriji. Dan il-qsim fl-1948 fl-aħħar ġie mnaqqax fil-liġi Polakka permezz ta' l-Att dwar il-produzzjoni ta' l-inbejjed, most ta' l-inbid, meads u l-kummerċ f'dawn il-prodotti bħal dawn (Gazzetta tal-Liġijiet tar-Repubblika tal-Polonja tat-18 ta' Novembru 1948). Dan l-Att fih regoli dwar il-produzzjoni tal-meads, u jispeċifika l-proporzjonijiet ta' għasel u ilma u r-rekwiżiti teknoloġiċi. Il-proporzjon ta' ilma u għasel għall-“półtorak” jingħata hekk: “Il-mead prodott esklussivament minn parti għasel naturali u nofs parti ilma jista' jissejjaħ półtorak”.

3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri ta' kontroll tan-natura speċifika tal-prodott

Il-kontroll obbligatorju jinkludi:

l-osservanza tal-proporzjonijiet stabbiliti ta' l-ingredjenti fil-mead wort.

l-osservanza tal-perjodu tal-maturazzjoni

karatteristiċi organolettiċi tal-prodott finali (togħma, fwieħa, kulur, ċarezza),

l-indikaturi fiżiko-kimiċi tal-prodott finali: kontenut ta' alkoħol, zokkor totali, zokkor għar-riduzzjoni wara l-inverżjoni, aċidità totali, aċidità volatili, estratt mhux ta' zokkor u rmied fil-każ tal-meads tal-frott — il-valuri għandhom jikkorrispondu ma' dawk indikati fil-punt 3.5 ta' l-ispeċifikazzjoni.

Kontrolli obbligatorji jsiru talanqas darba fis-sena.

Huwa rrakkomandat li kontrolli jsiru wkoll matul il-fażijiet tal-produzzjoni elenkati hawn. Il-kontrolli fil-fażijiet tal-produzzjoni elenkati hawn m'humiex obbligatorji, iżda huma rrakkomandati minħabba li jgħinu fl-eliminazzjoni ta' l-iżbalji li jistgħu jsiru matul il-fażijiet differenti tal-produzzjoni:

Fażi 4:

Matul il-proċess ta' fermentazzjoni, għandhom isiru testijiet fil-laboratorji regolari fuq il-karatteristiċi organolettiċi (togħma u fwieħa) u l-parametri fiżiko-kimiċi bħall-kontenut ta' l-alkoħol u l-kontenut taz-zokkor li huma soġġetti għal bidla matul il-proċess tal-fermentazzjoni alkoħoliku.

Fażi 6:

Matul il-maturazzjoni, għandhom isiru kontrolli regolari abbażi tal-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott u l-indikaturi fiżiko-kimiċi bħall-kontenut ta' l-alkoħol, iz-zokkor totali u l-aċidità volatili.

Fażi 8:

Qabel it-tqegħid fil-fliexken, għandhom isiru kontrolli fuq il-parametri fiżiko-kimiċi u organolettiċi speċifikati f'3.5 — Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-ikel.

4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

4.1.   Isem u Indirizz

Isem:

Główny Inspektorat Jakości Handlowej Artykułów Rolno — Spożywczych

Indirizz:

ul. Wspólna 30, PL-00-930 Warszawa

Tel.:

(48-22) 623 29 00

Faks:

(48-22) 623 29 98

Posta Elettronika:


Image

Pubblika

Image

Privata

4.2.   Kompiti speċifiċi ta' l-awtorità jew ta' l-entità

L-awtorità ta' spezzjoni msemmija hawn hija responsabbli għall-verifika ta' l-ispeċifikazzjonijiet kollha.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.


Top