Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1109(04)

Avviż ta' bidu ta' proċedura ta' anti-dumping li tikkonċerna importazzjonijiet ta' ċerti qafliet ( fasteners) tal-ħadid jew ta' l-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

ĠU C 267, 9.11.2007, p. 31–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 267/31


Avviż ta' bidu ta' proċedura ta' anti-dumping li tikkonċerna importazzjonijiet ta' ċerti qafliet (fasteners) tal-ħadid jew ta' l-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2007/C 267/11)

Il-Kummissjoni rċeviet ilment skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċerti qafliet (fasteners) tal-ħadid jew ta' l-azzar, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), qed ikunu suġġetti għal dumping u b'hekk qed jikkawżaw dannu materjali lill-industrija Komunitarja.

1.   L-ilment

L-ilment kien ippreżentat fis-26 ta' Settembru 2007 mill-European Industrial Fasteners Institute (E.I.F.I. — l-Istitut Ewropew ta' l-Oġġetti li Jorbtu Industrijali) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 25 %, mill-produzzjoni Komunitarja totali ta' ċerti qafliet tal-ħadid jew ta' l-azzar.

2.   Il-prodott

Il-prodott li allegatament qed ikun suġġett għal dumping huma ċerti qafliet tal-ħadid jew ta' l-azzar, għajr l-azzar li ma jsaddadx, jiġifieri l-viti ta' l-injam (għajr il-viti tal-kowċ), il-viti li jagħlqu minnhom infushom, viti u boltijiet oħra bl-irjus (kemm jekk ikunu bl-iskorfini jew bil-wòxers tagħhom jew le, iżda esklużi l-viti mdawra minn żbarri, minn vireg, minn profili jew minn wajers, minn biċċiet solidi, b'parti ta' ħxuna li ma taqbiżx is-6 mm u esklużi l-viti u l-boltijiet għat-twaħħil ta' materjal ta' kostruzzjoni tal-linji tal-ferrovija) u wòxers, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), normalment iddikjarati bil-kodiċijiet NM 7318 12 90, 7318 14 91, 7318 14 99, 7318 15 59, 7318 15 69, 7318 15 81, 7318 15 89, 7318 15 90, 7318 21 00 u 7318 22 00. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss bħala informazzjoni.

3.   L-allegazzjoni ta' dumping

Minħabba d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-kwerelant stabbilixxa l-valur normali għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f'pajjiż b'ekonomija tas-suq, li jissemma fil-punt 5.1(d). L-allegazzjoni ta' dumping hija bbażata fuq paragun tal-valur normali, li ġie kkalkolat b'dan il-mod, mal-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lill-Komunità.

Fuq din il-bażi, il-marġni tad-dumping li ġie kkalkolat huwa sinifikanti.

4.   L-allegazzjoni ta' dannu

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u f'termini ta' sehem tas-suq.

Qed jiġi allegat li l-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat ikkonċernat, fost konsegwenzi oħra, kellhom impatt negattiv fuq il-livell ta' l-ishma tas-suq miżmuma u fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija Komunitarja, li rriżultaw f'effetti avversi sostanzjali fuq ir-rendiment ġenerali ta' l-industrija Komunitarja.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, fuq konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment kien ippreżentat minn u f'isem l-industrija Komunitarja u li hemm biżżejjed evidenza sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta' proċedura, il-Kummissjoni b'dan qed tagħti bidu għal investigazzjoni skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

5.1.   Il-proċedura biex ikunu determinati d-dumping u d-dannu

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hux qed ikun suġġett għal dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax dannu.

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Minħabba n-numru kbir apparenti ta' partijiet involuti f'din il-proċedura, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tieħu xi kampjuni skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   It-teħid ta' kampjuni għall-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni hux meħtieġ u, jekk iva, biex tkun tista' tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, b'dan qed jintalbu jippreżentaw irwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom, fit-terminu ffissat fil-punt 6(b)(i) u skond il-format indikat fil-punt 7:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz ta' l-email, in-numri tat-telefon u tal-faks, u l-persuna ta' kuntatt,

il-fatturat f'munita lokali u l-volum f'tunnellati metriċi tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mill-kumpanija tiegħek u mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità matul il-perjodu 1.10.2006 — 30.9.2007,

il-fatturat f'munita lokali u l-volum tal-bejgħ f'tunnellati metriċi tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mill-kumpanija tiegħek u mibjugħ fis-suq domestiku matul il-perjodu 1.10.2006 — 30.9.2007,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija rigward il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (2) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun,.

Billi tipprovdi l-informazzjoni msemmija hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel ma' l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fil-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx ma' l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni ġew stabbiliti fil-punt 8 hawn isfel.

Sabiex tinkiseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' l-esportaturi/produtturi, minbarra dan, il-Kummissjoni se tikkuntattja lill-awtoritajiet tal-pajjiż li qed jesporta, u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

(ii)   It-teħid ta' kampjuni għall-importaturi

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni hux meħtieġ u, jekk iva, biex tkun tista' tagħżel kampjun, l-importaturi kollha jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, b'dan qed jintalbu jippreżentaw irwieħhom quddiem il-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fit-terminu ffissat fil-punt 6(b)(i) u skond il-formati indikati fil-punt 7:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz ta' l-email, in-numri tat-telefon u tal-faks, u l-persuna ta' kuntatt,

il-fatturat totali f'euro tal-kumpanija matul il-perjodu 1.10.2006 — 30.9.2007,

in-numru totali ta' impjegati,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija rigward il-prodott ikkonċernat,

il-volum f'tunnellati u l-valur f'euro ta' l-importazzjonijiet fi u l-bejgħ mill-ġdid li sar fis-suq Komunitarju matul il-perjodu 1.10.2006 — 30.9.2007 tal-prodott importat ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (3) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun,

Billi tipprovdi l-informazzjoni msemmija hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel ma' l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fil-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx ma' l-inklużjoni possibbli jew ma' l-inklużjoni tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni ġew stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi, minbarra dan, il-Kummissjoni se tikkuntattja kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

(iii)   It-teħid ta' kampjuni għall-produtturi Komunitarji

Minħabba n-numru kbir ta' produtturi Komunitarji li appoġġjaw l-ilment, il-Kummissjoni biħsiebha tinvestiga d-dannu lill-industrija Komunitarja billi tieħu xi kampjuni.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tagħżel kampjun, il-produtturi Komunitarji kollha b'dan qed jintalbu jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fit-terminu ffissat fil-punt 6(b)(i):

l-isem, l-indirizz, l-indirizz ta' l-email, in-numri tat-telefon u tal-faks, u l-persuna ta' kuntatt,

il-fatturat totali f'euro tal-kumpanija matul il-perjodu 1.10.2006 — 30.9.2007,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija rigward il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat,

il-valur f'euro tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat li sar fis-suq Komunitarju matul il-perjodu 1.10.2006 — 30.9.2007,

il-volum f'tunnellati ta' bejgħ tal-prodott ikkonċernat li sar fis-suq Komunitarju matul il-perjodu 1.10.2006 — 30.9.2007,

il-volum f'tunnellati tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu 1.10.2006 — 30.9.2007,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (3) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun,

billi tipprovdi l-informazzjoni msemmija aktar 'il fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel ma' l-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fil-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx ma' l-inklużjoni possibbli jew ma' l-inklużjoni tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

(iv)   L-għażla finali tal-kampjuni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu kwalunkwe informazzjoni rilevanti rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fit-terminu ffissat fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat lill-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjuni jridu jwieġbu kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(b)(iii) u jridu jikkooperaw fi ħdan il-qafas ta' l-investigazzjoni.

Skond l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, jekk ma tingħatax biżżejjed kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista' tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli. Sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli tista' tkun inqas vantaġġjuża għall-parti kkonċernata, kif ġie spjegat fil-punt 8.

(b)   Il-kwestjonarji

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja inkluża fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' produtturi fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi inklużi fil-kampjun fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi, lill-importaturi inklużi fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' importaturi msemmija fl-ilment, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż li qed jesporta kkonċernat.

Minħabba l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 17(3) u 9(6) tar-Regolament bażiku, l-esportaturi/il-produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li qed jitolbu marġni individwali jridu jressqu kwestjonarju mimli fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(ii) ta' dan l-avviż. Għalhekk iridu jitolbu kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i). Madankollu, partijiet bħal dawn għandhom ikunu konxji li jekk jittieħed kampjun fost l-esportaturi/il-produtturi, minkejja dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ma tikkalkolalhomx marġni individwali, jekk in-numru ta' esportaturi/produtturi jkun tant kbir li eżami individwali jkun wisq problematiku u ma jħallix li l-investigazzjoni titlesta fi żmien xieraq.

(ċ)   Il-ġbir ta' l-informazzjoni u meta jsiru s-seduti

Il-partijiet interessati kollha b'dan qed jiġu mistiedna sabiex jippreżentaw fehmiethom, iressqu informazzjoni għajr tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' appoġġ. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta' appoġġ jridu jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(iii).

(d)   L-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, huwa previst li l-Indja tintgħażel bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq xieraq sabiex ikun stabbilit valur normali rigward ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. B'dan, il-partijiet interessati qed jiġu mistiedna jikkummentaw dwar kemm hija xierqa din l-għażla fil-limitu ta' żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(ċ).

(e)   It-trattament ta' ekonomija tas-suq

Għal dawk l-esportaturi/il-produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li qed jitolbu u jipprovdu biżżejjed evidenza li jaħdmu f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, il-valur normali se jkun iddeterminat skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. L-esportaturi/il-produtturi li biħsiebhom iressqu talbiet dovutament sostanzjati jridu jagħmlu dan fit-terminu speċifiku ffissat fil-punt 6(d). Il-Kummissjoni se tibgħat formoli ta' talbiet lill-esportaturi/produtturi kollha fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jew ġew inklużi fil-kampjun jew li ssemmew fl-ilment u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi msemmija fl-ilment, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

5.2.   Il-proċedura għal valutazzjoni ta' l-interess Komunitarju

Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u f'każ li l-allegazzjonijiet ta' dumping u ta' dannu kkawżat minħabba fih jiġu sostanzjati, se tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta' miżuri anti-dumping tkunx kontra l-interess Komunitarju. Għal din ir-raġuni, l-industrija Komunitarja, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' l-utenti u tal-konsumaturi, sakemm jipprovaw li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, fil-limiti ġenerali ta' żmien stabbiliti fil-punt 6(a)(ii), jistgħu jippreżentaw irwieħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni. Il-partijiet li aġixxew skond il-preċedent jistgħu jitolbu smigħ fejn isemmu r-raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(iii). Għandu jiġi nnotat li kwalunkwe informazzjoni mressqa skond l-Artikolu 21 se titqies biss jekk tkun appoġġjata minn evidenza fattwali fiż-żmien meta titressaq.

6.   Il-limiti ta' żmien

(a)   Il-limiti ġenerali ta' żmien

(i)   Għall-partijiet biex jitolbu kwestjonarju jew formoli oħra ta' talbiet

Il-partijiet interessati kollha għandhom jitolbu kwestjonarju jew formoli oħra ta' talbiet mill-aktar fis possibbli, imma mhux aktar tard minn 10 ijiem wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(ii)   Għall-partijiet, sabiex jippreżentaw irwieħhom, iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju u kwalunkwe informazzjoni oħra

Il-partijiet interessati kollha, jekk matul l-investigazzjoni jridu li jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom, iridu jippreżentaw irwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw fehmiethom u jressqu tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. L-esportaturi/il-produtturi kkonċernati kollha minn din il-proċedura, li jixtiequ japplikaw għal eżami individwali skond l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, anki huma jridu jressqu tweġiba għall-kwestjonarju fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjal ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi fuq il-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-perjodu msemmi aktar 'il fuq.

Il-kumpaniji magħżula f'kampjun iridu jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju fit-termini speċifikati fil-punt 6(b)(iii).

(iii)   Is-seduti

Il-partijiet interessati kollha jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

(b)   Il-limitu ta' żmien speċifiku rigward it-teħid ta' kampjuni

(i)

L-informazzjoni speċifikata fil-punti 5.1(a)(i), 5.1(a)(ii) u 5.1(a)(iii) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, meta jitqies li l-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tiegħu f'perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(ii)

L-informazzjoni l-oħra kollha li tkun rilevanti għall-għażla tal-kampjun, kif jissemma fil-punt 5.1(a)(iv), trid tasal għand il-Kummissjoni f'perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(iii)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-partijiet inklużi fil-kampjun iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika ta' l-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

(ċ)   Il-limitu speċifiku ta' żmien għall-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Il-partijiet għall-investigazzjoni jista' jkollhom ix-xewqa li jikkummentaw dwar kemm hija xierqa l-għażla ta' l-Indja, li kif issemma fil-punt 5.1(d), hija prevista bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq sabiex ikun stabbilit valur normali rigward ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(d)   Il-limitu ta' żmien speċifiku biex jitressqu t-talbiet għal trattament ta' ekonomija tas-suq u/jew għal trattament individwali

Talbiet dovutament sostanzjati għal trattament ta' ekonomija tas-suq (kif jissemma fil-punt 5.1(e)) u/jew għal trattament individwali skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

7.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha min-naħa tal-partijiet interessati jridu jsiru bil-miktub (mhux f'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor u jridu jiġu indikati l-isem, l-indirizz, l-indirizz ta' l-email, in-numri tat-telefon u tal-faks tal-parti interessata). Is-sottomissjonijiet bil-mitkub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan l-avviż, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Limitata (Limited) (4) u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li se tiġi mmarkata “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati'” (“For inspection by interested parties”).

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ

Direttorat H

Uffiċċju: J-79 4/22

B-1049 Brussell

Faks (32-2) 295 65 05.

8.   In-nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każi fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta' żmien, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jistgħu jsiru sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew li tqarraq, l-informazzjoni għandha tiġi skartata u għandhom jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kooperat.

9.   L-iskeda ta' l-investigazzjoni

Skond l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni se tiġi konkluża fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, mhux aktar tard minn 9 xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu imposti miżuri provviżorji.

10.   L-ipproċessar tad-data personali

Jekk jogħġbok innota li kull data personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data (5).

11.   L-Uffiċjal tas-Smigħ

Jekk jogħġbok innota li jekk tqis li qed tiltaqa' ma' diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta' difiża tiegħek, inti tista' titlob l-intervent ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ tad-DĠ għall-Kummerċ. Huwa jagħmilha ta' kollegament bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, fejn joffri, meta jkun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jolqtu l-protezzjoni ta' l-interessi tiegħek f'din il-proċedura, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tat-termini ta' żmien u t-trattament ta' sottomissjoni bil-miktub u/jew orali tal-fehmiet. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, ara l-paġni web ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  Għal gwida dwar it-tifsira ta' kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(3)  Għal gwida dwar it-tifsira ta' kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(4)  Dan ifisser li d-dokument huwa għal użu intern biss. Ikun protett skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Ikun dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u skond l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping).

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top