Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1005(03)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    ĠU C 233, 5.10.2007, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 233/10


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

    (2007/C 233/10)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “AJO MORADO DE LAS PEDROÑERAS”

    Nru tal-KE: ES/PGI/005/0228/12.03.2002

    DPO ( ) IĠP ( X )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni għal skop informattiv.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Subdirección General de Calidad Agroalimentaria y Agricultura Ecológica. Dirección General de Industria Agroalimentaria y Alimentación. Subsecretaria de Agricultura, Pesca y Alimentación del Ministerio de Agricultura, Pesca y Alimentación

    Indirizz:

    Paseo Infanta Isabel, 1

    E-28071 Madrid

    Tel:

    (34) 913 47 53 94

    Feks:

    (34) 913 47 54 10

    Posta elettronika:

    sgcaproagro@mapya.es

    2.   Għaqda:

    Isem:

    COOPAMAN S.C.L.

    Indirizz:

    C/ General Borrero, s/n.

    E-16660 Las Pedroñeras (Cuenca)

    Tel:

    (34) 967 16 05 36

    Feks:

    (34) 967 16 07 04

    Posta elettronika:

    Magħmula minn:

    Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

    3.   Tip ta' prodott:

    Kategorija: Frott, ħaxix u ċereali fl-istat oriġinali jew ipproċessati

    4.   Speċifikazzjoni:

    (Sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem il-prodott: “Ajo Morado de Las Pedroñeras”

    4.2.   Deskrizzjoni:: L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) “Ajo Morado de Las Pedroñeras” se tipproteġi basal tat-tip ekoloġiku indiġenu ta' l-ispeċijiet Allium sativum L. magħrufa bħala “Morado de Las Pedroñeras” (tal-varjetà “Morado de Cuenca”), li huwa intenzjonat għal tqassim lill-konsumatur fi stat niexef, f'irjus separati, tal-kategoriji Extra jew I, sakemm ikollhom dijametru minimu ta' 45 mm għal Extra u 41 mm għal kategorija I, mkejjel fuq il-basla mqaxxra għal wisa', u li nqalgħu mill-art anqas minn sena qabel.

    Karatteristiċi fiżiċi: Il-basla jew ir-ras ta' l-Ajo Morado de Las Pedroñeras hija tonda jew sferika u ta' daqs medju. Minbarra hija bajda jew kemmxejn kkulurita u rrigata. Is-snien huma miksija b'qoxra protettiva ta' kulur karatteristiku ikħal għall-vjola, irrigata wkoll. Is-snien huma żgħar jew ta' daqs medju, forma ta' nofs qamar u ta' kulur abjad safrani. Ma hemmx snien periferali.

    Karatteristiċi kimiċi: L-Ayo Morado de Las Pedroñeras hija rikka fil-kontenut ta' organosulfurati, u ta' komposti volatili u reattivi ħafna b'piż molekolari ħafif, b'kontenut għoli ta' kubrit, jodju u silika u karatteristiċi farmakoloġiċi ta' ġid. Waħda minn dawn il-komposti hija l-alliċina, sors ewlieni tat-togħma u r-riħa tat-tewm.

    Karatteristiċi organolettiċi: L-Ajo Morado de Las Pedroñeras għandha riħa qawwija u togħma pikkanti u stimulanti. Dawn il-karatteristiċi joħorġu iżjed meta jinqatgħu s-snien, meta l-komposti volatili msemmija hawn fuq jiġu rilaxxati.

    4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona ġeografika tkopri mitejn u ħamsa u għoxrin lokalità fid-distretti ta' La Mancha, Mancha, Mancha Alta, Mancha Baja, Manchuela u Centro, fil-provinċji ta' Albacete, Ciudad Real, Cuenca u Toledo, fil-Komunità Awtonoma ta' Castilla–La Mancha.

    L-impriżi kollha li bħalissa qegħdin fil-kummerċ ta' l-Ajo Morado de Las Pedroñeras jinstabu fiż-żona ta' produzzjoni. Madankollu, il-prodott jista' jiġi ppreparat, ippakkjat u mqiegħed fis-suq minn impriżi oħrajn f'lokalitajiet oħra, sakemm jikkonforma mar-rekwiżiti kollha stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti mill-korp ta' sorveljanza awtorizzat.

    4.4.   Prova ta' l-oriġini: L-oriġini tat-tewm vjola kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta hija garantita kif ġej:

    Is-snien użati għal produzzjoni ta' għelejjel ġodda jinġiebu biss minn basal safi tat-tip ekoloġiku tat-tewm vjola “Morado de Las Pedroñeras”.

    It-tewm jitkabbar fiż-żona ta' produzzjoni indikata, fuq raba' rreġistrat f'reġistri ssorveljati mill-Korp ta' Ċertifikazzjoni.

    It-tewm jiġi ppreparat u ppakkjat minn ċerti kumpaniji sorveljati mill-Korp ta' Ċertifikazzjoni. Meta l-konsenji ta' basal jaslu għall-ħatt fiċ-ċentri tal-faċilitajiet, jiġu spezzjonati waħda waħda, sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-karatteristiċi meħtieġa kollha. F'kull waqt, it-tewm protett huwa ttratat separatament minn tipi oħra ta' tewm.

    Huwa biss dak it-tewm li jgħaddi mill-ispezzjonijiet kollha ta' matul il-preparazzjoni li jiġi ppakkjat u mqiegħed fis-suq. Il-prodott irid jinbiegħ f'pakketti bil-logo partikolari ta' l-Indikazzjoni Ġeografika b'tali mod li ma jkunx jista' jerġa' jintuża.

    4.5.   Metodu tal-produzzjoni:

    Prattika agrikola

    It-tewm, min-natura tiegħu, huwa pjanta erbaċja bijennali, li meta mnissel mill-basal tiegħu, fis-sens kummerċjali jitqies bħala pjanta annwali.

    Wara li l-ħamrija tkun ġiet ippreparata u tħaffru r-raded għaż-żrigħ, it-tewm jinżera' mill-bidu ta' Diċembru sa nofs Jannar. Iż-żerriegħa tkun ippreparata minn qabel, is-snien jinqalgħu minn basliet magħżulin, li jkunu tnaddfu. Ħafna mit-tewm jitkabbar fuq art irrigata, u ma tantx jintuża raba' mhux irrigat.

    L-Ajo Morado de Las Pedroñeras tinqala' mill-aħħar ta' Ġunju sa l-aħħar ta' Lulju. Rari li tinqala' fl-ewwel jiem ta' Awissu. L-art tagħti medja ta' bejn 9-10 tunnellati/ettaru, li jista' jitla' sa 13-il tunnellata skond fatturi ta' produzzjoni esterni u interni u skond kif jiġi ttrattat il-wiċċ waqt it-tkabbir.

    Fiż-żona fejn jitkabbar l-Ajo Morado de Las Pedroñeras, il-qlugħ isir f'żewġ stadji: l-ewwel, bil-moħriet, li b'apparat apposta, jaqla' r-radda mill-qiegħ, u jferrex il-ħamrija. B'hekk, it-tewm jitħalla f'qiegħ ir-radda, bil-faxxina 'il fuq. Wara, it-tewm jinġabar bl-idejn u jitpoġġa fis-“surcos gavilleros” (raded għall-ġbir) b'tali mod li l-faxxina tipproteġi l-basal mix-xemx. Dan ix-xogħol jibda kmieni filgħodu u jieqaf għal nofsinhar.

    L-istadju li jmiss huwa l-irbit. Dan jikkonsisti milli jsiru qatet tat-tewm fuq xulxin, b'qatta fuq naħa u qatta fuq in-naħa l-oħra. Dawn jintrabtu b'għoqda apposta, li tgeddishom flimkien f'daqs iżgħar biex ikunu jistgħu jinġarru faċilment. Imbagħad jittieħdu fil-post fejn ser jitnixxfu.

    Għalkemm jeżistu magni li jistgħu jaqalgħu t-tewm, jaqtgħu l-għeruq u l-faxxina u jpoġġuhom f'kaxxi jew xkejjer, dawn ma tantx jintużaw. Dawn il-magni jagħmlu ħsara lir-ras u jnaqqsu l-prezz fis-suq.

    Trattament wara l-qlugħ. Tnixxif u ppakkjar.

    Biex titnaqqas l-umdità żejda fil-weraq (magħrufa bħala “porrinas”) u fl-irjus, il-qatet tat-tewm jiddendlu biex jinxfu fix-xemx jew f'kurrenti ta' l-arja. Aktar tard jinqatgħu l-għeruq u l-weraq, u t-tewm ikompli jinxef sakemm jittieħed fl-impriżi li jippreparawh.

    Preparazzjoni, ippakkjar u ħażna.

    Fic-ċentri tal-faċilitajiet ta' preparazzjoni fejn tinġabar, kull konsenja ta' basal tiġi spezzjonata, biex jiġi żgurat li hija niexfa biżżejjed u li tilħaq ir-rekwiżiti ta' l-istandards kummerċjali.

    Jekk il-konsenja tkun aċċettata, tinħatt f'delu tal-mili, it-tewm jiġi ggradat u mnaddaf minn xi ħamrija, trab u l-qoxra ta' barra nett. Fl-aħħarnett, kwalunkwe qoxra maqsuma jew maqlugħa titneħħa bl-idejn, biex l-irjus tat-tewm jidhru isbaħ.

    Meta dan ix-xogħol jitlesta, it-tewm jiġi ppakkjat fid-diversi tipi ta' ppakkjar li jinbiegħ fih. Jista' jinħażen f'temperatura ta' l-ambjent sat-30 ta' Settembru tas-sena rilevanti tas-suq biss.

    Wara dik id-data jrid jinħażen f'kamra bl-umdità u temperatura kkontrollati (bejn -2 u -4 gradi Celsius). Il-kontenituri jew kaxxi jridu jitpoġġew b'tali mod li jitħallew passaġġi u spazji bejniethom biex jippermettu ventilazzjoni adegwata. Għal dan l-iskop, mill-anqas 10 % tal-volum tal-kmamar irid jitħalla vojt. Id-data ta' meta ġie aċċettat trid tkun immarkata b'mod ċar fuq il-kontenituri jew kaxxi. Tewm li ilu maħżun għal sena jew aktar mid-data ta' meta nqala' ma jistax jinbiegħ bħala l-Indikazzjon Ġeografika Protetta “Ajo Morado de Las Pedroñeras”.

    4.6.   Rabta: It-tewm huwa magħruf b'mod estensiv kemm fuq livell lokali u reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Dan kollu ġej minn bosta fatturi relatati direttament ma' l-istorja u l-kultura, id-drawwiet u l-festi, il-gastronomija, eċċ.

    L-ewwel mill-eqdem referenzi storiċi għall-qawwa tat-tewm tinstab fil-Volum XII tad-“Diccionario Geográfico-Estadístico-Histórico de España y sus posesiones de Ultramar” (għar-referenza sħiħa ara l-Aness V “Referenzi Storiċi u Kulturali”), fejn l-avukat, politiku u kittieb Pascual Madoz Ibáñez (Pamplona 1805-Génova 1879), isemmi t-tewm fil-biedja u l-kummerċ f'Las Pedroñeras. Dan jipprova l-fatt li dak iż-żmien it-tewm kien qed jitkabbar u jitqiegħed fil-kummerċ f'dik iż-żona, li juri li f'nofs is-seklu dsatax in-nies tal-post kienu diġà magħrufa għall-kapaċità tagħhom f'dan il-qasam.

    Il-fatt li t-tkabbir tat-tewm kienet attività popolari huwa rifless fid-drawwiet li ssokktaw, bħall-kompetizzjonijiet ta' l-irbit tal-qatet tat-tewm, fil-folklor u fil-festi, il-kanzunetti u l-istejjer, eċċ.

    L-effett tat-tkabbir tat-tewm jidher biċ-ċar fil-kċina tar-reġjun u t-tewm jiddaħħal essenzjalment f'kull riċetta: atascaburras, caldereta, moje de pimientos, perdiz en escabeche, revueltos, migas, gachas, eċċ.

    Tewm vjola tat-tip ekoloġiku “Morado de Las Pedroñeras”, huwa prodott adattat kompletament għat-tipi u karatteristiċi tal-ħamrija tar-raba' f'La Mancha, li jirreżisti sew il-kundizzjonijiet agro-klimatiċi ħżiena li jinstabu f'dik iż-żona.

    4.7.   Korp ta' spezzjoni:

    Isem:

    Servicios de Inspección y Certificación, S.L. (SIC)

    Indirizz:

    C/ Ciudad no 13 — 1o

    E-45002 Toledo

    Tel:

    (34) 925 28 51 39

    Feks:

    (34) 925 28 51 39

    Posta elettronika:

    sic-toledo@sicagro.org

    SIC hija organizzazzjoni awtorizzata mill-awtorità kompetenti u tilħaq ir-rekwiżiti ta' l-istandard UNE-EN 45011.

    4.8.   Tikkettar: It-tikketta għandu jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa bir-regoli tal-kummerċ li jkunu fis-seħħ.

    Kull ippakkjar użat għal kummerċ tal-prodott protett għandu juri l-logo ta' l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta f'post li jidher u għandu jkollu siġill garantit, tikketta jew tikketta sekondarja mogħtija mill-Korp ta' Ċertifikazzjoni, li ma tistax terġa' tintuża.

    Il-logo li jrid jintuża:


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top