Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC0801(01)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel

    ĠU C 179, 1.8.2007, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 179/15


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' l-oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel

    (2007/C 179/06)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “MIÓD WRZOSOWY Z BORÓW DOLNOŚLĄSKICH”

    Nru tal-KE: PL/PGI/005/0449/18.02.2005

    DPO ( X ) IĠP ( X )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

    1.   Dipartiment Responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Ministerstwo Rolnictwa i Rozwoju Wsi

    Indirizz:

    ul. Wspólna 30, PL-00-930 Warszawa

    Tel:

    (48-22) 623 27 07

    Feks:

    (48-22) 623 25 03

    Posta elettronika:

    jakub.jasinski@minrol.gov.pl

    2.   Grupp:

    Isem:

    Regionalny Związek Pszczelarzy we Wrocławiu

    Il-grupp jinkludi produtturi tal-għasel fl-organizzazzjonijiet li ġejjin:

    Związek Pszczelarzy Ziemi Legnickiej

    Regionalny Związek Pszczelarzy w Jeleniej Górze

    Regionalne Zrzeszenie Pszczelarzy w Oławie

    Stowarzyszenie Pszczelarzy Rzeczypospolitej Polskiej we Wrocławiu

    Indirizz:

    ul. Mazowiecka 17, PL-50-412 Wrocław

    Tel:

    (48-71) 363 28 99

    Faks:

    (48-71) 363 28 99

    Posta elettronika:

    hurtownia@oleje.net

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/proċessaturi: ( X ) oħrajn: ( )

    3.   Tip ta' Prodott:

    Klassi 1.4 — Għasel

    4.   Speċifikazzjoni:

    (sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem: “Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich”

    4.2.   Deskrizzjoni:

    Karatteristiċi organolettiċi:

    L-għasel qabel il-kristallazzjoni huwa minn oranġjo skur sa kannella ħamrani fil-kulur iżda wara l-kristallizzazzjoni jkanġi minn isfar oranġjo sa kannella. Għandu konsistenza magħquda u jipproduċi fluwidu ġelatinuż qisu ġel. L-għasel tal-heather jikkristallizza fi frak ta' daqs medju. It-togħma hija daqsxejn ħelwa, qarsa u morra. Jinxtamm qawwi; ir-riħa hija simili għar-riħa tal-heather.

    Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi:

    il-kontenut ta' l-ilma mhuwiex iktar minn 22 %

    il-kontenut tal-glukożju u tal-fruktożju mhuwiex inqas minn 60 g/100 g

    il-kontenut tas-sukrożju ma jaqbiżx 4 g/100 g

    il-kontenut ta' sustanzi li ma jinħallux ma jaqbiżx 0,1 g/100 g

    n-numru tad-diastaze (skala Schade) mhuwiex inqas minn 8.

    il-kontenut tal-5-hydroxymethylofurfural (HMF) ma jaqbiżx 40 mg/hg

    il-kontenut proline ma jaqbiżx 30 mg/100 g

    il-pH huwa bejn 4 u 4,5

    Il-kontenut medju tal-proline ħieles fl-għasel magħmul min-nektar tal-heather normalment huwa ħafna ogħla — xi 64,6 mg/100 mg Madankollu, il-kontenut għandu firxa wiesgħa: minn 30,9 sa 103,3 mg/100 g. Il-kontenut ta' l-aċtu amino ħieles fil-“Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich” huwa ta' madwar 36 mg/100 g. Il-kontenut ta' l-aċtu amino ħieles bil-proteini li jinħolqu permezz ta' l-idrolisi huwa ta' madwar 875 mg għal kull 100 g ta' għasel — huwa reponsabbli għall-proċess thixotropy.

    Karatteristiċi mikroskopiċi:

    Il-proporzjon tal-għabra tad-dakra tal-heather, bħala l-għabra tad-dakra ewlenija, ma għandux ikun ta' inqas minn 50 %. L-għabra tad-dakra fl-għasel huwa estratt mill-heathers — mill-familja “Ericaceae”.

    4.3.   Żona Ġeografika: Il-konfini taż-żona fejn jikbru l-ispeċijiet tal-heather li minnhom jinkiseb il-prodott Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich huma dawn li ġejjin:

    Il-konfini tan-Nofsinhar jibdew mill-belt ta' Zgorzelec matul it-triq Nru 353 sa l-E40 fid-direzzjoni ta' Bolesławiec, imbagħad matul it-triq minn Bolesławiec sa Chojnów (parzjalment l-E40 li mbagħad f'Lubkowek tinbidel fit-triq Nru 94.)

    Il-konfini tal-Lvant jibdew matul it-triq Nru 335 mill-belt ta' Chojnów imbagħad matul it-triq minn ġewwa Brunów, Szklary Dolne, Trzmielów sa Chocianów; minn Chocianów il-konfini jestendu matul it-triq Nru 331 sa Parchów, li tinsab fil-konfini tax-Xlokk taż-żona ta' ġestjoni tal-foresta Chocianów; matul il-konfini tal-Grigal sa dawk tan-nofsinhar taż-żona ta' ġestjoni tal-foresterija Przemków sal-konfini tad-Direttorat Reġjunali tal-Foresti Nazzjonali (il-kanal tan-Nofsinhar) sat-triq Nru 328 fid-direzzjoni ta' Niegosławice

    Il-konfini tat-Tramuntana jestendu minn Niegosławice matul it-triq għal Szprotawa, u minn ġewwa Sucha Dolna u Henryków Wichlice. Fi Szprotawa jestendu matul it-triq Nru 12 fid-direzzjoni ta' Żagań u minn hemm matul l-istess triq ġewwa Żary sa Żarki Wielkie, li tinsab fuq il-konfini tal-Punent tal-Polonja biswit ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Il-konfini tal-Punent jestendu matul il-konfini Pollakk-Ġermaniż minn Żarki Wielkie f'direzzjoni lejn in-Nofsinhar sakemm jilħqu l-belt ta' Zgorzelec.

    4.4.   Il-prova ta' l-oriġini: Il-kontroll ta' l-awtentiċità tal-post ta' l-oriġini u l-kwalità tal-“Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich” jgħaddi minn bosta fażijiet u jitwettaq f'għadd ta' stadji; jibda bil-produzzjoni u jispiċċa bil-kontroll ta' prodott lest fis-suq. Il-kontroll joħloq sistema koerenti ta' sorveljanza tal-kwalità xierqa tal-prodott finali.

    L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich” tikkonċerna biss l-għasel li ġej minn produtturi li jinsabu elenkati f'reġistri li jinżammu mill-entità ta' spezzjoni. L-entità ta' spezzjoni żżomm ir-reġistri li ġejjin:

    reġistru ta' operaturi li jipproduċu u jferrgħu l-għasel skond l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich”

    reġistru ta' tikketti użati minn operaturi li jipproduċu u jferrgħu l-għasel skond l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich”

    L-operaturi elenkati fir-reġistri huma suġġetti għal kontroll minn entità ta' spezzjoni li timmira li tivverifika jekk il-prodotti tutelati mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich” humiex manifatturati f'konformità mal-leġiżlazzjoni u ma' l-ispeċifikazzjoni. Il-kontrolli jieħdu l-forma ta' spezzjoni ta' operaturi li jipproduċu u jferrgħu l-għasel. Jiġi vverifikat ukoll jekk il-livell tal-bejgħ jikkorrespondi għal-livell tal-produzzjoni.

    4.5.   Il-Metodu ta' produzzjoni: Qabel ma jittrasportaw il-kaxxa tan-naħal bil-kolonji tan-naħal sal-post fejn jikber il-heather, l-għasel li ġej minn sorsi oħra ta' alimentazzjoni għandu jiġi ċċentrifugat, u għandhom jiddaħħlu speċi ta' ħitan interni biex isostnu l-kostruzzjoni tax-xehda u b'hekk ukoll, in-naħal ikunu jistgħu jingħataw suppliment ta' xropp taz-zokkor. Il-kolonji għandhom jingħataw dożi żgħar, li ma jaqbżux 0,5 % għal kull 24 siegħa. L-alimentazzjoni għandha tieqaf mhux iktar tard minn sebat ijiem qabel mal-kolonji tan-naħal jiġu ttrasportati fejn hemm il-heather. L-alimentazzjoni tan-naħal waqt il-perjodi tal-ġbir tal-“Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich” mhuwiex ammissibbli.

    It-trasport għandu jsir b'attenzjoni fir-rigward tar-regoli ta' l-iġjene u l-ventilazzjoni tal-kaxex tan-naħal. Il-ġbir tan-nektar għandu jsir fiż-żona ta' Bory Dolnośląskie meta l-heather ikun qed jifjorixxi (fl-aħħar ta' Awwissu sal-bidu ta' Settembru). Iċ-ċentrifugazzjoni ta' l-għasel permezz ta' l-użu ta' l-estratturi ta' l-għasel (ċentrifugali — tanġentjali jew radjali) titwettaq f'workshops itineranti fil-post fejn jinkiseb l-għasel jew f'postijiet fissi propjetà ta' dawk li jrabbu n-naħal.

    In-naħal jitqiegħed f'reċipjenti konformi mal-Kodiċi tal-Prattika Tajba fit-Trobbija tan-Naħal u skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ. L-għasel jitqiegħed f'diversi reċipjenti — normalment ta' volum li ma jaqbiżx l-1 500 g. Huma pprojbiti l-filtrazzjoni, l-iskrematura u l-pastorizzazzjoni, kif ukoll it-tisħin artifiċjali ta' l-għasel. F'kull stadju ta' produzzjoni, it-temperatura ta' l-għasel ġewwa x-xehda ma tistax taqbeż 45 oC.

    Huma biss in-naħal mill-ispeċi li ġejjin jew minn speċi mħallta ma dawn li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta' “Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich”:

    Apis mellifera mellifera (in-naħla Ġermaniża/ in-naħla Ewropea),

    Apis mellifera carnica (in-naħla Karnika),

    Apis mellifera caucasica (in-naħla Kawkaża).

    4.6.   Rabta: L-ewwel referenzi għat-trobbija tan-naħal f'reġistri mfassla għal Karlu Manju fl-aħħar tas-sekli 8 u 9 juru li ġie mpost tribut fil-forma ta' għasel u xemgħa fuq it-tribujiet mirbuħa.

    Fl-1900, iż-żona tar-raba' xagħri, tant apprezzata minn dawk li jrabbu n-naħal, ġiet affetwata minn nar enormi. Dan wassal għad-degradazzjoni fl-għadd ta' siġar u l-iżvilupp tar-raba' xagħri. Minn studju li sar fl-1958 ntwera' li l-ogħla kontenut ta' għabra tad-dakra tal-heather bħala għabra tad-dakra ewlenija kien jinsab fl-għasel tal-heather ta' Bory Dolnośląskie, b'firxa minn 59 % sa 98 %.

    Il-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw ir-reputazzjoni ta' “Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich” huma t-tradizzjoni twila tal-ġbir ta' l-għasel f'din iż-żona kif ukoll il-kwalità għolja ta' l-għasel innifsu. Din ir-reputazzjoni ġiet ikkonfermata ukoll permezz tal-bosta premjijiet li ngħataw lil dan l-għasel fil-Ġurnata ta' l-Għasel u l-Inbid fi Przemków, ir-riżultati ta' stħarriġ dwar l-għasel, kif ukoll prezzu — minn 3 sa 8 zloty ogħla minn għasel ieħor tal-heather.

    Ir-reputazzjoni ta' l-għasel intweriet ukoll mill-fatt li dan il-prodott, l-uniku għasel mir-reġjun, huwa fost ġabra ta' l-ispeċjalitajiet mir-reġjun, li l-Marixxall ta' Dolnosląskie Voivodship normalment jippreżenta lil mistednin barranin tiegħu jew jieħdu barra miegħu biex jagħtih bħala rigal. “Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich” huwa l-għasel l-iktar magħruf tad-Dolnośląskie Voivodship. Dan huwa ppreżentat bħala prodott tipiku tar-reġjun f'diversi fieri u wirjiet, fejn jintwerew prodotti tipiċi minn reġjuni diversi.

    Il-fatt li ż-żona ta' Bory Dolnośląskie l-heather jikber b'abbundanza ġie ppruvat f'diversi inizjattivi marbuta ma' din il-pjanta. Fil-villaġġ żgħir ta' Borówki, pereżempju, insibu l-“wrzosowa chata” (id-dwejra tal-heather) — xorta ta' mużew arkeoloġiku li jbigħ il-prodotti lokali, kif ukoll, biex jingħata eżempju ieħor, il-grupp ta' azzjoni lokali, li jikkonsisti minn rappreżentattivi ta' dan ir-reġjun, iġib l-isem ta' “Wrzosowa Kraina” (l-art tal-heather). Fil-boskijiet ta' Bory Dolnośląskie, speċjalment fl-artijiet ta' l-eżerċitazzjoni militari fiż-żoni ta' Świętoszów u Przemków, hemm ħafna raba' xagħri li jkopri madwar 10 000 ettaru. Iż-żona tal-boskijiet ta' Bory Dolnośląskie, minbarra li hija kkaratterizzata minn temperatura medja annwali partikolarment elevata, tgawdi wkoll minn ħafna xemx, u b'hekk il-produzzjoni tan-nektar dejjem tkun abbondanti anki fis-snin meta jkun hemm ħafna xita. Ir-reġjun Bory Dolnośląskie huwa kkaratterizzat ukoll minn biedja estensiva, distanzi mdaqqsa miċ-ċentri urbani u r-rotot ta' komunikazzjoni mexxejja.

    Il-“Miód wrzosowy z Borów Dolnośląskich” mhuwiex biss magħruf, rikonoxxut u marbut b'mod wiesa' maż-żona ta' l-oriġini, iżda huwa kkaratterizzat ukoll mill-kompożizzjoni unika tiegħu. Għandu kontenut għoli ħafna ta' proline (mhux inqas minn 30 mg/ 100 g), kontenut baxx ta' sukrożju (mhux aktar minn 4 g /100 g) u kontenut baxx ta' ilma (mhux iktar minn 22 %). Il-“Miód wrzosowy z Borów Dolnoÿlÿskich” huwa kkaratterizzat ukoll minn pH stabbli (minn 4 sa 4,5), minn livell għoli ta' għabra tad-dakra tal-heather bħala għabra tad-dakra dominanti (mhux inqas minn 50 %) u mill-fatt li fil-produzzjoni tiegħu jipparteċipaw esklussivament razez magħżula ta' naħal.

    4.7.   Entità ta' spezzjoni:

    Isem:

    Inspekcja Jakości Handlowej Artykułów Rolno-Spożywczych

    Indirizz:

    ul. Wspólna 30, PL-00-930 Warszawa

    Tel:

    (48-22) 623 29 00

    Feks:

    (48-22) 623 29 98, (48-22) 623 29 99

    Posta elettronika:

    sekretariat@ijhars.gov.pl

    4.8.   Tikkettar: Kull manifattur li jbigħ il-“Miód Wrzosowy z Borów Dolnośląskich” huwa obbligat li juża biss tikketta waħda komuni fuq ir-reċipjenti bl-għasel. It-tikketti huma ddistribwiti mir-Regionalny Związek Pszczelarzy f'Wrocław. Ir-regoli u l-proċeduri adottati dwar id-distribuzzjoni huma trażmessi lill-entità ta' spezzjoni. Dawk ir-regoli u l-proċeduri adottati ma għandhom jiddiskriminaw bl-ebda mod kontra l-produtturi ġejjin mir-Regionalny Związek Pszczelarzy f'Wrocław


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top