Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 52007SC1599

    Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument mehmuż mal- Proposta għal Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà - Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni ta’ l-impatt {KUMM(2007) 766 finali} {SEG(2007) 1598}

    /* SEK/2007/1599 finali */

    52007SC1599

    Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument mehmuż mal- Proposta għal Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà - Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni ta’ l-impatt {KUMM(2007) 766 finali} {SEG(2007) 1598} /* SEK/2007/1599 finali */


    Brussel 5.12.2007

    SEG(2007) 1599

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    Dokument mehmuż mal- Proposta għal PROPOSTA GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT {KUMM(2007) 766 finali}{SEG(2007) 1598}

    SOMMARJU EŻEKUTTIV

    1. INTRODUZZJONI

    Għal aktar minn erbgħin sena, materji ta’ difiża u sigurtà kienu esklużi mill- integrazzjoni Ewropea. Bħala konsegwenza, is-swieq tad-difiża baqgħu de facto barra mis-suq waħdieni u frammentati fuq linji nazzjonali.

    Mit-tmiem tal-Gwerra Bierda, din il-frammentazzjoni saret dejjem aktar problematika. Bil-limitazzjonijiet kbar tal-baġit minn naħa, u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu għat-tagħmir militari min-naħa l-oħra, is-swieq tad-difiża nazzjonali fl-Ewropa ta’ spiss saru wisq żgħar biex jipproduċu u jakkwistaw tagħmir ta’ kwalità għolja bi prezzijiet li jintlaħqu. Saru indispensabbli riformi fit-tul jekk l-Ewropa trid iżżomm industrija tad-difiża vijabbli u tgħammar il-forzi armati tagħha b’mod xieraq.

    F’dan il-kuntest, it-twaqqif ta’ Suq Ewropew għat-Tagħmir tad-Difiża (EDEM –European Defence Equipment Market) huwa ta’ importanza partikolari. Għal dan il-għan, fil-Komunikazzjoni tagħha "Lejn Politika Ewropea għat-Tagħmir tad-Difiża" ta’ Marzu 2003 il-Kummissjoni ppreżentat proposti għall-azzjoni f’oqsma relatati ma’ l-industriji u s-swieq tad-difiża, partikolarment fil-qasam ta’ l-appalti marbuta mad-difiża.

    2. KWISTJONIJIET TA' PROċEDURA U KONSULTAZZJONI

    Il-Kummissjoni mbagħad organizzat laqgħat ta’ ħidma mal-gvernijiet u l-industrija biex tidentifika l-istennijiet tagħhom fir-rigward tal-possibbiltà ta’ azzjoni mill-Komunità f’dan il-qasam. Dan ħejja l-bażi għall-Green Paper dwar l-akkwisti marbuta mad-difiża, adottata f’Settembru 2004.

    Il-konsultazzjoni dwar il-Green Paper ikkonfermat li l-qafas leġiżlattiv għall-akkwisti marbuta mad-difiża fl-Ewropa għandu n-nuqqasijiet li ġejjin:

    1. Għad baqa’ inċertezzi dwar l-użu ta’ l-Artikolu 296 tat-Trattat (TKE – It-Trattat tal-Komunità Ewropea), li jippermetti lill-Istati Membri li jekk ikun meħtieġ jidderogaw minn regoli tal-Komunità Ewropea (KE) għall-ħarsien ta’ l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom.

    2. Id-Direttiva dwar l-Appalti Pubbliċi (PP – Public Procurement), anki fil-verżjoni riveduta (2004/18/KE), hija ġeneralment meqjusa mhux addattata għal ħafna tipi ta’ kuntratti tad-difiża.

    Il-Kummissjoni, sabiex tittratta dawn il-problemi, ħabbret żewġ inizjattivi f’Diċembru 2005: l-adozzjoni ta’ "komunikazzjoni interpretattiva dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 296 TKE fil-qasam ta’ l-akkwisti marbuta mad-difiża"; u t-tħejjija għall-possibbiltà ta’ direttiva dwar l-akkwisti tad-difiża.

    Il-Komunikazzjoni Interpretattiva, li tiggwida l-awtoritajiet kontraenti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-kuntratti ta' appalt jistgħux jiġu eżentati jew le, ġiet adottata f’Diċembru 2006. B’mod parallel, il-Kummissjoni kompliet tħejji għall-possibbiltà ta’ direttiva dwar l-appalti tad-difiża. Il-partijiet interessati kienu involuti mill-qrib permezz tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (EDA – European Defense Agency) u laqgħat bilaterali. Barra minn dan, il-gvernijiet u l-industrija ġew ikkonsultati fil-qafas tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt.

    Ir-rapport preżenti jindirizza kemm l-offerti tad-difiża (armi, munizzjon u materjal tal-gwerra akkwistat għall-forzi armati) u kuntratti pubbliċi dwar sigurtà sensittiva (tagħmir b’karatteristiċi simili għal tagħmir militari akkwistat għall-forzi tas-sigurtà mhux militari). Dawn ta’ l-aħħar daħlu aktar tard fid-dibattitu fuq talba ta’ l-Istati Membri. L-argument prinċipali għat-twessigħ tad-dibattitu kienet l-evoluzzjoni ta’ l-ambjent strateġiku, fejn il-linja diviżorja bejn sigurtà esterna u interna, militari u mhux militari saret imċajpra. Minkejja dan, il-punt fokali ta’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni jibqa’ dwar id-difiża. Rigward is-sigurtà mhux militari, il-kwistjoni hi "sempliċiment" jekk strument tal-KE għad-difiża għandux ikun japplika għal ċerti kuntratti pubbliċi partikolarment sensittivi.

    3. DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

    Ħafna Stati Membri jużaw l-Artikolu 296(1)(a) TKE b’mod estensiv biex jeżentaw il-appalti pubbliċi għat-tagħmir tad-difiża mir-regoli tal-KE. L-istess problema, għalkemm inqas prominenti, teżisti għall-appalti pubbliċi għal sigurtà sensittiva, fejn l-Istati Membri jużaw jew l-Artikolu 296(1)(a) TKE jew l-Artikolu 14 tad-Direttiva PP biex jevadu r-regoli tal-KE. Din il-prattika hija inkonsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti, li tistipula li tali eżenzjonijiet għandhom ikunu ristretti għal każijiet eċċezzjonali.

    Il-kawża tal-problema tinsab fin-nuqqas ta’ regoli tal-KE addattati għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratti tad-difiża u tas-sigurtà sensittiva, b’mod partikolari l-kumplessità (li tirrikjedi flessibbiltà) u l-ħtiġijiet speċjali għas-sigurtà tal-provvista u s-sigurtà ta’ l-informazzjoni. Peress li r-regoli eżistenti tal-KE ġew żviluppati għall-appalti mhux militari u mhux sensittivi, huma ma jqisux dawn il-fatturi biżżejjed.

    Bħala konsegwenza, il-parti l-kbira tat-tagħmir għad-difiża u s-sigurtà sensittiva hija akkwistata fuq il-bażi ta’ regoli nazzjonali mhux koordinati, li jvarjaw bil-kbir f’termini ta’ pubblikazzjoni, proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, kriterji tas-selezzjoni u l-għoti tal-kuntratti, kumpens, eċċ. Din id-diversità regolatorja hija ostaklu kbir fit-triq lejn EDEM u tiftaħ il-bibien għan-nuqqas ta’ tħaris tal-prinċipji tat-Trattat. Nuqqas ta’ trasparenza u diskriminazzjoni kontra fornituri minn Stati Membri oħra jwassal għal nuqqas ta’ ftuħ fis-swieq tad-difiża, b’effetti negattivi fuq il-partijiet interessati kollha.

    Dan jidher inqas fil-każ tas-sigurtà sensittiva milli tad-difiża, prinċipalment minħabba l-fatt li s-sigurtà mhux militari hija aktar diversa, b’varjetà kbira ta’ klijenti, utenti u baġits fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Madankollu, il-problema (eżenzjoni mifruxa mir-regoli tal-KE), il-kawża tagħha (karatteristiċi speċifiċi kuntrattwali li għalihom ir-regoli tal-KE mhumiex addattati), u l-konsegwenzi tagħha (nuqqas ta’ ftuħ) huma l-istess kemm għall-kuntratti pubbliċi tad-difiża u kemm għal dawk tas-sigurtà sensittiva.

    Il-problema speċifika, għalhekk, hi minn naħa waħda l-ispariġġ bejn it-Trattat u l-ġurisprudenza tal-QEĠ (il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja), u min-naħa l-oħra l-prattika ta’ l-akkwisti ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni, bħala l-kustodju tat-Trattat, għandha d-dmir li taġixxi sabiex issolvi l-problema.

    4. GħANIJIET

    L-għan ġenerali tal-Kummissjoni huwa li tistabbilixxi EDEM miftuħ u kompetittiv. Idealment, dan l-EDEM jippermetti lill-fornituri stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri li jaqdi lill-utenti pubbliċi fl-Istati Membri kollha mingħajr restrizzjoni. Fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, dan jeħtieġ qafas regolatorju li jiffunzjona sew fil-livell ta’ l-UE għall-għoti tal-kuntratti fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà.

    L-għan operazzjonali tal-Kummissjoni hu li tillimita l-użu ta’ eżenzjonijiet skond l-Artikolu 296 TKE u l-Artikolu 14 tad-Direttiva PP għal każijiet eċċezzjonali, b'konformità mal-ġurisprudenza tal-QEĠ. Il-parti l-kbira tal-kuntratti fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, inklużi dawk għall-akkwist ta’ armi, munizzjon u materjal tal-gwerra, għandhom għalhekk jingħataw fuq il-bażi tar-regoli tal-KE sabiex tittejjeb l-ugwaljanza tat-trattament u t-trasparenza u titnaqqas id-diskriminazzjoni. Fl-istess waqt, għandhom jitħarsu l-interessi tas-sigurtà ta’ l-Istati Membri.

    5. GħAżLIET TA’ POLITIKA

    Sabiex jintlaħaq dan l-għan, hemm tliet għażliet possibbli: li ma tittieħed l-ebda azzjoni, li tiġi proposta miżura mhux leġiżlattiva, jew miżura leġiżlattiva.

    Jekk ma titteħidx azzjoni oħra , id- direttiva PP attwali, il- Kodiċi ta’ l-Etika amministrat mill-EDA u l- Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-użu ta’ l-Artikolu 296 TKE jibqgħu l-uniċi strumenti fil-qasam tal-kuntratti tad-difiża.

    Miżuri mhux leġiżlattivi jistgħu jinkludu komunikazzjoni interpretattiva dwar l-użu ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva PP fil-qasam tas-sigurtà ; politika infrazzjonali aktar pro-attiva; u taħriġ għall-awtoritajiet kontraenti nazzjonali u l-persunal tal-Kummissjoni biex jevalwaw l-eżenzjonijiet possibbli.

    Miżuri leġiżlattivi possibbli jinkludu regolament , direttiva speċifika għas-settur li tkun tapplika għall-kuntratti kollha mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li joperaw fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, u direttiva li tintroduċi fil-liġi tal-KE regoli ġodda mfassla apposta għall-kuntratti tad-difiża u s-sigurtà sensittiva, permezz jew ta’ emenda għad-Direttiva PP jew permezz ta’ direttiva ġdida .

    Għażliet imwarrba jew miżmuma għal aktar kunsiderazzjoni

    Miżuri mhux leġiżlattivi huma siewja, iżda waħedhom x’aktarx ma jilħqux l-għan li jitnaqqas l-użu ta’ l-eżenzjonijiet. Dan jista’ jintlaħaq biss jekk il-liġi tal-kuntratti tal-KE jkollha regoli li jqisu n-natura speċifika tal-kuntratti tad-difiża u s-sigurtà sensittiva. Billi bħalissa tali regoli ma jeżistux, dawn iridu jiddaħħlu permezz ta’ miżura leġiżlattiva.

    Għalhekk inżammu żewġ għażliet għal aktar kunsiderazzjoni:

    1. L-ebda azzjoni;

    2. It-teħid ta’ miżura leġiżlattiva li tintroduċi fil-liġi tal-KE regoli ġodda mfassla apposta għall-kuntratti tad-difiża u s-sigurtà sensittiva. Minħabba flessibbiltà akbar, direttiva tidher aktar addattata minn regolament għal dan il-għan.

    Għat-tieni għażla, jeżistu għażliet sekondarji fuq tliet livelli:

    - Tip ta’ strument ġuridiku. Direttiva speċifika għas-settur twarrbet bħala inkompatibbli mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar. Għalhekk, l-għażliet miżmuma kienu direttiva emendatorja jew direttiva separata .

    - Qasam ta’ applikazzjoni. Dan jista’ jiġi determinat jew permezz ta’ lista jew b’definizzjoni ġenerali; hu jista’ jeskludi b’mod espliċitu ċerti kuntratti jew sempliċiment jirreferi għall-eżenzjonijiet permessi skond it-Trattat, u jista’ jew jinkludi limiti ġodda jew iżomm dawk stabbiliti fid-Direttiva PP attwali.

    - Kontenut. Għażliet differenti huma possibbli fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, is-sigurtà ta’ informazzjoni, il-kumpens u l-proċeduri ta’ l-għoti.

    6. EVALWAZZJONI TA’ L-IMPATTI

    L-għażliet differenti

    Għażla 1. Mingħajr azzjoni ulterjuri mill-UE, l-użu mifrux ta’ l-eżenzjoni ta’ l-appalti militari u tas-sigurtà sensittiva mir-regoli tal-KE żgur li jissokta. Il-Komunikazzjoni Interpretattiva tista’ trażżan l-użu ta’ l-Artikolu 296 TKE għall-akkwist ta’ tagħmir mhux militari, iżda x’aktarx li ftit ikollha effett fuq l-akkwist ta’ tagħmir militari u l-ebda effett fuq l-akkwist ta’ tagħmir tas-sigurtà sensittiv. Il-Kodiċi ta’ Etika ta’ l-EDA, l-aktar l-aktar, jillimita l-konsegwenzi negattivi ta’ l-eżenzjoni skond l-Artikolu 296 TKE, iżda mhux l-użu ħażin tagħha. Is-suq tat-tagħmir militari u tas-sigurtà sensittiva ma jiksibx aktar trasparenza u ftuħ b’riżultat ta’ dan. Il-konsegwenzi negattivi għall-ispejjeż, l-effiċjenza u l-kompetittività jibqgħu.

    Għażla 2. Qabel l-evalwazzjoni ta’ l-impatti ta’ direttiva possibbli, iridu jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-karatteristiċi prinċipali tagħha.

    (a) Direttiva separata kontra direttiva emendatorja

    L-għażla ta’ strument hija prinċipalment kwistjoni ta’ teknika leġiżlattiva u ssejset fuq erba’ kriterji: it-titjib ta’ l-acquis, konformità mal-prinċipji ta’ regolazzjoni aħjar, ċertezza legali u viżibbiltà.

    Direttiva separata tkun aktar viżibbli, aktar ċara, eħfef biex tinqara u għalhekk tkun strument aktar faċli għall-użu mill-awtoritajiet kontraenti. Barra minn dan, hi tagħmilha eħfef biex jitħares l-acquis. (jiġifieri d-dispożizzjonijiet tad-direttiva PP attwali) u toffri flessibilità akbar għat-tfassil ta’ dispożizzjonijiet apposta. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri jippreferu direttiva separata.

    (b) Qasam ta’ applikazzjoni

    Il-qasam ta’ applikazzjoni għandu jirrifletti l-għan prinċipali, jiġifieri t-tnaqqis ta’ l-użu ta’ eżenzjonijiet għal każijiet eċċezzjonali. Bħala konsegwenza, il-qasam potenzjali ta’ l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda għandu jinżamm wiesa’ kemm jista’ jkun. Fl-istess waqt, id-drittijiet ta’ l-Istati Membri bis-saħħa tat-Trattat li ma japplikawx il-liġi tal-KE f’materji ta’ sigurtà essenzjali għandhom ikunu mħarsa. Skond dawn il-kriterji, l-aħjar għażliet huma:

    - il-qasam ta’ applikazzjoni tiddeterminah definizzjoni ġenerali u mhux lista.

    - in-numru ta’ esklużjonijiet espliċiti jiġu limitati minflok ma ssir referenza għad-derogi msemmija fit-Trattat;

    - jinżammu l-limiti attwali ta’ l-UE.

    (c) Kontenut

    - Ir-regoli l-ġodda għandhom jimmiraw għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tas-suq waħdieni fid-difiża. Min-naħa l-oħra, huma għandhom joffru salvagwardji u flessibbiltà biżżejjed biex jiżguraw l-interess tas-sigurtà ta’ l-Istati Membri. Fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ kriterji, l-aħjar għażliet huma:

    - Għas- sigurtà tal-provvista , li l-awtoritajiet kontraenti jitħallew (1) jitolbu evidenza mingħand il-fornituri dwar il-ħila tagħhom li jirrispettaw obbligi ta’ l-esportazzjoni, it-trasferiment u t-tranżitu; (2) jużaw is-sigurtà tal-provvista bħala kriterju ta’ l-għażla fl-evalwazzjoni tal-kapaċità teknika tal-fornituri, kif ukoll jitolbu lill-fornituri jobbligaw ruħhom li jonoraw l-esiġenzi dwar is-sigurtà tal- provvista fil-futur.

    - Għas- sigurtà ta’ l-informazzjoni , li l-awtoritajiet kontraenti jitħallew (1) ma jikxfux informazzjoni kunfidenzjali matul il-proċedura ta’ l-offerti; (2) jużaw il-fakultà li jiżguraw is-sigurtà ta’ l-informazzjoni bħala kriterju fl-evalwazzjoni tal-kapaċità teknika tal-fornituri.

    - Il- kumpens (offsets) , ma jissemmiex. Peress li l-kumpens min-natura tiegħu ġeneralment jinvolvi diskriminazzjoni, dan jikkuntrasta direttament mat-Trattat. Bħala konsegwenza, ir-regoli tal-KE dwar l-akkwisti ma jistgħux la jippermettuh u lanqas jirregolawh. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni tal-kumpens b’mod espliċitu fid-direttiva jista’ joħloq l-impressjoni li hu jkun awtomatikament permess għall-kuntratti tad-difiża li huma eżentati skond l-Artikolu 296 TKE. Dan, madankollu, hu ħażin. Jidher għalhekk li jkun jaqbel li r-responsabbiltà għall-konformità tal-ħtieġijiet ta' kumpens mal-liġi ta’ l-UE titħalla f'idejn l-Istati Membri.

    - Li l-proċedura negozjata bil-pubblikazzjoni minn qabel titħalla bħala proċedura standard, iżda jiġi limitat l-użu tal-proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni għall-każijiet fejn ikun strettament meħtieġ.

    Impatti ta’ l-għażliet

    - L-impatti legali . Direttiva għandha ttejjeb konsiderevolment il-qafas regolatorju attwalment frammentat għall-appalti tad-difiża. Din ittejjeb ukoll b’mod sinjifikanti ċ-ċarezza legali. L-awtoritajiet aġġudikanti jkunu jistgħu jevalwaw liema leġiżlazzjoni għandhom japplikaw u jekk ikun meħtieġ jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħhom. Dan itejjeb ukoll iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha.

    - Spejjez amministrattivi . L-impatti negattivi possibbli jkunu baxxi kemm għall-industrija u kemm għall-awtoritajiet aġġudikanti. Fi żmien medju u fit-tul, trasparenza akbar żgur li tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għall-kumpaniji, b’mod partikolari għall-SMEs.

    - Impatti ekonomiċi . Dawn jiddependu ħafna fuq l-aċċettazzjoni tad-direttiva mill-awtoritajiet aġġudikanti. Din l-aċċettazzjoni żgur li tevolvi biż-żmien. Inizjalment, id-direttiva jista’ jkollha impatt l-aktar fuq akkwisti mill-istokk ta’ tagħmir teknoloġikament inqas sofistikat. Ftuħ akbar fis-swieq għandu jtejjeb il-possibbiltajiet għall-kumpaniji li jirbħu kuntratti trans-konfinali, u b’hekk jippermetti lill-kumpaniji Ewropej l-aktar kompetittivi li jilħqu l-ekonomiji ta’ l-iskala. It-tnaqqis ta’ l-ispejjeż għal kull unità jwassal biex il-prodotti tagħhom isiru aktar kompetittivi fis-suq dinji. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kontraenti jiksbu valur aħjar għal flushom.

    - Aspetti internazzjonali. L-introduzzjoni ta’ regoli dwar l-appalti tal-KE għad-difiża u s-sigurtà sensittiva ma tbiddilx is-sitwazzjoni rigward il-kummerċ ta’ l-armi ma’ terzi pajjiżi. Dawn ta’ l-aħħar jibqgħu irregolati mir-regoli tad-WTO, u b’mod aktar speċifiku mill-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi. L-awtoritajiet aġġudikanti xorta jibqgħu ħielsa li jilqgħu offerti mill-kumpaniji ta’ l-UE biss jew ukoll mid-ditti minn barra l-UE.

    7. ARRANġAMENTI GħAL MONITORAġġ U L-EVALWAZZJONI

    Il-Kummissjoni se tkompli tikkalkula sena b’sena l-indikaturi ekonomiċi prinċipali biex issir l-evalwazzjoni tat-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-swieq tad-difiża. Hi se tkompli wkoll id-djalogu politiku ma’ l-Istati Membri. L-ewwel valutazzjoni ta’ l-impatti tad-direttiva fuq l-ispejjeż amministrattivi għandha titwettaq ħames snin wara l-adozzjoni. Valutazzjoni ta’ l-impatt ekonomiku għandha tiġi kkontemplata iktar 'il quddiem.

    8. KONKLUżJONI

    L-introduzzjoni ta’ regoli mfassla apposta għall-kuntratti tad-difiża u s-sigurtà sensittiva fil-liġi tal-kuntratti tal-KE tidher indispensabbli biex tillimita l-użu ta’ l-eżenzjoni skond l-Artikolu 296 TKE u l-Artikolu 14 tad-Direttiva PP għal każijiet eċċezzjonali, kif stipulat mill-QEĠ. Direttiva separata tidher li hija l-aktar strument addattat biex dan isir.

    L-adozzjoni ta’ direttiva dwar l-appalti għad-difiża u s-sigurtà sensittiva hija l-pass loġiku wara l-Komunikazzjoni Interpretattiva ta’ Diċembru 2006, li tispjega l-kundizzjonijiet ta’ l-użu ta’ l-Artikolu 296 TKE fil-qasam ta’ l-akkwisti tad-difiża. Fl-istess waqt, hija żieda naturali għall-Kodiċi ta’ l-Etika ta’ l-EDA, li hu mmirat lejn it-trawwim ta’ trasparenza fil-kuntratti tad-difiża li tissodisfa l-kriterji ta’ l- applikazzjoni ta’ l-Artikolu 296 TKE.

    Meta jitqies l-għadd kbir ta’ fatturi li jsawru s-swieq tad-difiża, il-kwantifikazzjoni ta’ l-impatt ekonomiku mistenni minn direttiva bħal din hija diffiċli. B’mod ġenerali, madanakollu, hi għandha l-potenzjal li tagħmel id-differenza. L-inklużjoni ta’ l-armi, il-munizzjon u l-materjal tal-gwerra flimkien mat-tagħmir tas-sigurtà sensittiva fis-suq waħdieni hija fiha nfisha sinjal politiku qawwi tar-rieda ta’ l-UE li tibni EDEM. Bil-koordinament tal-proċeduri nazzjonali, id-direttiva se tnaqqas id-diversità regolatorja li teżisti bħalissa. Hi se tagħmilha eħfef għall-Istati Membri li jużaw ir-regoli tal-KE, iżda wkoll aktar diffiċli għalihom li jiġġustifikaw l-eżenzjonijiet. B’hekk, dan se jnaqqas in-numru ta’ eżenzjonijiet u għalhekk itejjeb it-trasparenza, inaqqas id-diskriminazzjoni u jżid il-ftuħ fis-swieq tad-difiża fl-UE.

    Sabiex ir-regoli l-ġodda jkunu effikaċi kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni għandha tipprevedi sensiela ta’ miżuri akkumpanjanti. Korsijiet ta’ taħriġ speċjali għall-persunal tal-Kummissjoni u l-allokazzjoni ta’ aktar riżorsi għall-monitoraġġ attiv tas-swieq tad-difiża u s-sigurtà jidhru partikolarment importanti. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll inizjattivi kontinwi fl-oqsma relatati, jiġifieri dawk tas-sigurtà tal-provvista u l-istandardizzazzjoni, u tipprevedi azzjonijiet ġodda, partikolarment fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-informazzjoni u l-kumpens.

    Il-preparazzjoni tar-regoli tal-appalti tal-KE għat-tagħmir tad-difiża u sensittiv hija biss pass wieħed, iżda importanti, lejn it-twaqqif tas-Suq Ewropew tat-Tagħmir tad-Difiża (u s-Sigurtà).

    Naar boven