EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC1267

Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni Dokument ta' akkumpanjament mal- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija - Taqsira ta' l-istima ta' l-impatt {KUMM(2007) 568 finali} {KUMM(2007) 569 finali} {SEG(2007) 1265}

/* SEK/2007/1267 finali */

52007SC1267

Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni Dokument ta' akkumpanjament mal- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija - Taqsira ta' l-istima ta' l-impatt {KUMM(2007) 568 finali} {KUMM(2007) 569 finali} {SEG(2007) 1265} /* SEK/2007/1267 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.10.2007

SEG(2007) 1267

DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Dokument ta' akkumpanjament mal- KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija TAQSIRA TA' L-ISTIMA TA' L-IMPATT

{KUMM(2007) 568 finali}{KUMM(2007) 569 finali}{SEG(2007) 1265}

Taqsira eżekuttiva

Il-Kummissjoni qed tipproponi Politika tal-Komunikazzjoni Ewropea biex tikkonsolida r-riformi ta' l-istrutturi interni ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni mnedija skond il-Pjan ta' Azzjoni[1]; biex tingħata kontinwità lid-djalogu maċ-ċittadini li kien inbeda bil-Pjan D[2]; u biex ikunu tradotti f'azzjoni l-aspettativi li tfasslu matul il-proċess ta' konsultazzjoni fuq il-White Paper[3].

Il-komunikazzjoni dwar "Nikkomunikaw Ewropa fi Sħubija" tuża r-riżultati ta' l-inizjattivi ta' hawn biex jissaħħu l-attivitajiet attwali u biex jitfassal sett ta' proposti konkreti li għandhom iservu bħala l-bażi ta' Politika tal-Komunikazzjoni Ewropea msaħħa. Hija tistipula l-għanijiet u l-oqsma prinċipali ta' azzjoni għal politika ta' komunikazzjoni ta' l-UE li tkun integrata u tħares 'il quddiem, fosthom politika b'kontenut orjentat lejn iċ-ċittadin ibbażat fuq is-smigħ u l-konsultazzjoni pubblika kif ukoll it-tisħiħ ta' linja ta' sħubija ma' istituzzjonijiet oħra, korpi u Stati Membri ta' l-UE u li tinvolvihom ta' komunikazzjoni ta' temi Ewropej.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li taġixxi fi tliet modi marbuta flimkien:

- Tisħiħ ta' l-attivitajiet tagħha tal-komunikazzjoni billi tkun provduta informazzjoni ċara, addattata għal kuntesti nazzjonali, reġjonali u lokali, u billi tkun promossa ċ-ċittadinanza Ewropea attiva;

- Żvilupp ta' Sfera Pubblika Ewropea billi tissaħħaħ il-komunikazzjoni trans-konfinali fuq il-politika Ewropea u billi jkunu promossi strutturi li jistgħu jsaħħu d-dibattitu politiku Ewropew u r-rappurtaġġ tiegħu fil-mezzi tal-massa

- Tisħiħ ta' sħubiji u koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-Istati Membri ta' l-UE.

Fl-aħħarnett, il-komunikazzjoni tagħmel proposti preliminari fuq il-qafas istituzzjonali biex imexxi 'l quddiem din il-politika b'mod koerenti, u tipproponi t-twaqqif ta' Ftehim Interistituzzjonali (IIA).

SEZZJONI 1

Temi proċedurali u konsultazzjoni ta' partijiet interessati

Matul perjodu li dam mill-pubblikazzjoni tal-White Paper sa Jannar 2007 (it-30 ta' Settembru 2006 għal konsultazzjoni fuq il-website) individwi u istituzzjonijiet setgħu jikkummentaw fuq u jiddiskutu l-ideat prinċipali msemmija fil-ħames kapitli tal-White Paper. B'mod globali, bosta kontribuzzjonijiet kemm mill-konsultazzjoni fuq il-website u kemm mill-konferenzi ta' partijiet interessati ġew tradotti f'rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-Kummissjoni biex tpoġġihom fl-istrateġija tal-komunikazzjoni li jmiss. Barra minn hekk, il-White Paper tistipula sensiela ta' stħarriġiet ta' l-opinjoni pubblika, bil-ħsieb li tikkumplimenta l-opinjonijiet espressi fil-konsultazzjoni pubblika u tqabbilhom mar-riżultati ta' diversi stħarriġiet.

1.1. Proċedura istituzzjonali

Kif twaqqaf Grupp Inter-servizz, u l-abbozz tal-komunikazzjoni bl-annessi tiegħu kien diskuss estensivament f'għadd ta' okkażjonijiet. Barra minn dan, saru diversi rawnds ta' diskussjoni mas-servizzi relevanti f'laqgħat bilaterali, kif ukoll fin-Netwerk tal-Komunikazzjoni Esterna tal-Kummissjoni (ECN).

1.2. Opinjoni tal-Bord ta' l-Istima ta' l-Impatt

Abbozz ta' Stima ta' l-Impatt kien ippreżentat lill-Bord ta' l-Istima ta' l-Impatt nhar is-17 ta' April 2007. Il-kummenti tad-DĠ COMM li daħlu mingħand l-IAB kollha ngħataw kas, u fil-15 ta' Mejju 2007 l-IAB ħareġ l-opinjoni finali tiegħu.

1.3. Id-data użata

Id-data użata fl-Istima ta' l-Impatt ġejja minn żewġ stħarriġiet Flash Ewrobarometru ta' Novembru 2006, konsultazzjoni pubblika online u l-erba' konferenzi għall-partijiet interessati.

TAQSIMA 2

Id-definizzjoni tal-problema

Il-problema prinċipali hija n-nuqqas ta' għarfien dwar l-Unjoni Ewropea, ħafna drabi minħabba impenn limitat ta' l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri ta' l-UE. Dan il-fatt jidher ċar f'kuntrast mal-ħteġijiet dejjem jikbru għal informazzjoni taċ-ċittadini provduti b'informazzjoni ta' kwalità u kwantità insuffiċjenti.

Bħala konsegwenza, il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fl-affarijiet Ewropej hija baxxa u l-appoġġ għall-Unjoni Ewropea mar għal-agħar b'mod konsistenti fl-imgħoddi riċenti. Per eżempju, il-konkorrenza reali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew baqgħet ta' 45.6 fil-mija. Il-qalba tal-kwistjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni f'livell ta' l-UE, barra li hemm biss interess moderat fil-parteċipazzjoni fil-politika ta' kull xorta, tidher li qegħda fil-loġistika. Iċ-ċittadini Ewropej mhumiex żguri dwar l-istruttura ta' l-UE u huma inċerti dwar lejn min jistgħu jduru jekk ikollhom kwistjoni jew inkwiet. Huma ma jafux min jiddeċiedi. Għal żewġ terzi ta' l-Ewropej, mhuwiex ċar min jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew. Minkejja dan, aktar minn tmienja minn kull għaxar Ewropej iħossu li huwa importanti li jkunu infurmati dwar temi Ewropej. Fil-25 Stat Membru, il-pluralità taċ-ċittadini jqisu lill-gvern nazzjonali responsabbli li jinfurmahom dwar x'qed tagħmel l-UE u kif dan jaffettwa l-ħajja tagħhom ta' kuljum. Tliet kwarti taċ-ċittadini ta' l-UE jemmnu li l-gvern tagħhom għandu jipprovdi aktar informazzjoni aħjar dwar kwistjonijiet ta' l-UE.

L-istess jgħodd għall-mezzi tal-massa. Kważi żewġ terzi ta' l-Ewropej jaqsmu l-idea li l-informazzjoni relata ma' l-UE provduta mill-mezzi tal-massa nazzjonali hija "ftit wisq". Kwart biss taċ-ċittadini Ewropej jaħsbu li l-informazzjoni li jirċievu hija fil-kwantità t-tajba. Proporzjon żgħir tal-popolazzjoni ta' l-UE jgħid li huma jirċievu informazzjoni eċċessiva dwar l-UE.

TAQSIMA 3

Għanijiet

Il-mira ċentrali hija li ċ-ċittadini jingħataw is-saħħa biex ikunu infurmati aħjar dwar l-Unjoni Ewropea ħalli jkunu jistgħu jsemmgħu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-affarijiet Ewropej. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni mistennija li ssaħħaħ l-attivitajiet tal-komunikazzjoni tagħha billi tipprovdi informazzjoni adattata għal kuntesti nazzjonali, reġjonali u lokali, tippromwovi ċ-ċittadinanza Ewropea u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sfera pubblika Ewropea.

Internament, il-Kummissjoni qed timmira lejn azzjoni effettiva u integrata tas-servizzi kollha tagħha u se tistinka biex ikun hemm mobilizzazzjoni sħiħa tar-riżorsi disponibbli b'mod koerenti biex jinkiseb l-aħjar impatt possibbli.

Esternament, il-Kummissjoni, filwaqt li żżomm fis-sħiħ il-prerogattivi istituzzjonali tagħha, beħsiebha taħdem fi sħubija mill-qrib ma' l-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE, l-Istati Membri u l-partijiet kollha interessati u multiplikaturi fi prijoritajiet ta' komunikazzjoni annwali magħżula.

TAQSIMA 4

L-għażliet ta' politika

Bħalissa, l-attitivitajiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-prerogattivi istituzzjonali tal-Kummissjoni li jikkostitwixxu l-"bażi legali" għat-twettiq tal-baġit. Il-White Paper tissuġġerixxi żewġ miżuri biex tiggwida l-attivitajiet ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar temi Ewropej u biex tinvolvi l-atturi kollha f'impenn komuni: Karta jew Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Komunikazzjoni. L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u s-soċjetà ċivili appellaw biex l-azzjoni tal-komunikazzjoni futura tkun ankrata f'qafas li jkun aktar strutturali. Fir-riżultat li ħareġ mill-konferenza f'Berlin bit-tema "Nikkomunikaw l-Ewropa Flimkien" ħarġu l-għażliet li ġejjin:

- Tkomplija bħal qabel fuq il-bażi tal-poteri prerogattivi tal-Kummissjoni;

- Tfassil ta' ftehim Interistituzzjonali (bbażat fuq il-prerogattivi eżistenti);

- Tfassil ta' programm Komunitarju bbażat fuq bażi legali.

TAQSIMA 5

5.1. Għażla magħżula: Tfassil ta' Ftehim Interistituzzjonali (IIA)

Biex tissaħħaħ is-sitwazzjoni attwali fejn attivitajiet ta' komunikazzjoni ta' l-UE ta' diversi atturi mhumiex ikkoordinati, kien deċiż li Ftehim Interistituzzjonali (IIA) jista' jipprovdi qafas istituzzjonali xieraq għal kooperazzjoni aħjar dwar il-proċess ta' komunikazzjoni ta' l-UE, filwaqt li tkun rispettata l-awtonomija ta' l-Istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-UE u ta' l-Istati Membri. L-IIA jista' jankra l-impenn politiku ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-UE u ta’ l-Istati Membri biex jieħdu r-responsabbiltà li jinfurmaw u jikkomunikaw maċ-ċittadini dwar materji ta' l-UE. Ftehim politiku bħal dan jitfa' enfasi fuq il-prinċipji u d-drittijiet prinċipali li jridu jkunu rispettati fil-komunikazzjoni dwar l-Ewropa, jassigura sinerġija u jiddefinixxi modalitajiet ta' kooperazzjoni fost l-imsieħba involuti, billi tkun assigurata sorveljanza u kontabilità politika xierqa.

Din l-għażla għandha appoġġ ċar mill-Parlament Ewropew (Rapport Herrero) u s-servizzi tal-Kummissjoni u kienet żviluppata b'kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat Ġenerali, is-Servizz Ġuridiku u d-DĠ BUDG.

5.2. Valur miżjud ta' IIA

Il-valur miżjud ta' IIA se jkun rifless fl-aspetti li ġejjin:

- Ikun stabbilit djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Istati Membri dwar attivitajiet u prijoritajiet tal-komunikazzjoni,

- Tmexxija tal-proċess tal-komunikazzjoni fuq bażi multi-annwali,

- Jissaħħaħ l-impenn ta' l-Istati Membri kollha interessati u l-istituzzjonijiet,

- Tissaħħaħ il-viżibbiltà ta' l-attivitajiet tal-komunikazzjoni ta' l-atturi kollha.

5.3. Setgħa liċ-ċittadini

Hemm xewqa pubblika għal dibattitu aktar miftuħ, fejn iċ-ċittadini jkollhom id-dritt li jesprimu opinjonijiet u jinstemgħu. Mill-banda l-oħra, l-Unjoni Ewropea teħtieġ tiżviluppa strutturi, mezzi u kompetenzi xierqa biex tissodisfa l-obbligu tagħha ħalli jkun assigurat li tkun disponibbli informazzjoni xierqa.

L-esperjenza ta' l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u l-Pjan D uriet li "l-enfasi lokali" hija essenzjali biex tkun provduta informazzjoni xierqa u li tinvolvi liċ-ċittadini f'dibattitu Ewropew. Il-proġett bi prova li jsaħħaħ ħdax mir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u erbgħa mill-antenni reġjonali tagħhom b'persunal addizzjonali għen biex ikun pass għal bidla fil-għadd u l-kwalità ta' l-attivitajiet tagħhom, billi ppromovew id-dibattitu, id-diskussjoni u l-involviment dwar kwistjonijiet Ewropej fi ħdan kulturi politiċi nazzjonali. Se jkun ukoll il-każ ta' l-Ispazji Pubbliċi Ewropej, maħluqa fil-postijiet komuni tal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew.

B'segwitu għall-konklużjonijiet minn Berlin, il-komunikazzjoni mistennija li titratta l-kwistjoni tan-netwerks. Azzjoni kkoordinata aktar mill-qrib bejn in-netwerks issaħħaħ il-ħila tal-Kummissjoni li tikkomunika billi dan it-tip ta' komunikazzjoni orizzontali – l-iskambju ta' fehmiet u esperjenzi fi ħdan (u bejn) gruppi soċjali, professjonijiet, setturi, atturi reġjonali jew lokali – jista' jikkumplimenta b'mod siewi l-fluss ta' informazzjoni vertikali (minn fuq għal isfel).

5.3.1. Ċittadinanza Ewropea attiva

Il-kompetenza li jkun hemm għarfien u kontribut għal deċiżjonijiet politiċi f'livell Ewropew hija differenti mill-kompetenza li jkun hemm parteċipazzjoni f'politika lokali jew nazzjonali. Li ċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet pubbliċi jkunu kollegati billi l-UE ssir aktar kapaċi li tirrispondi, tkun miftuħa u aċċessibbli huwa essenzjali biex tkun ittrattata din il-kwistjoni, kif kien konfermat matul il-konsultazzjoni pubblika u b'mod partikulari fil-konferenza għall-partijiet interessati mas-soċjetà ċivili li saret f'Bergamo.

L-edukazzjoni u t-taħriġ għal ċittadinanza attiva hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri. F’10 Stati Membri, id-drittijiet u l-obbligi tan-nies bħala ċittadini Ewropej huma parti mill-kurrikulu ta' l-iskola, u f'20 Stat Membru, hija inkluża l-istorja ta' l-integrazzjoni Ewropea. Iżda, il-Kummissjoni diġà tappoġġja l-edukazzjoni ċivika fuq iċ-ċittadinanza Ewropea permezz ta' l-"Ewropa għaċ-Ċittadini", id-"Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza" u programmi oħra li jippromwovu ċittadinanza Ewropea attiva u jinkuraġġixxu parteċipazzjoni akbar fil-ħajja demokratika ta' l-UE.

5.4. Żvilupp ta' Sfera Pubblika Ewropea

Il-komunikazzjoni u d-dibattitu jeħtieġ imorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dan kien rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni ta' Laeken, li fiha l-Kapijiet ta' Stat Ewropej nedew il-proċess kostituzzjonali, u li saħqet dwar il-ħtieġa "li tkun żviluppata żona pubblika Ewropea" li tassigura d-demokrazija, it-trasparenza u l-effiċjenza ta' l-Unjoni.

Iżda, hemm bosta xkiel għall-iżvilupp ta' żona pubblika Ewropea bħal din, fosthom dawk tal-kultura, il-lingwa u l-istorja. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-kanali ta' komunikazzjoni lil hinn mill-fruntiera jippromwovu d-dibattitu u d-djalogu dwar temi ta' interess komuni skond aġenda Ewropea li tirrispondi għax-xogħol tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill.

Il-Kummissjoni tista' tagħmel il-kontribuzzjoni tagħha biex ikunu żviluppati dawn il-kanali permezz ta' proposti biex tkun żviluppata l-ħidma tal-partiti politiċi Ewropej u li jkunu involuti l-Parlamenti nazzjonali fi kwistjonijiet Ewropej, permezz ta' ħidmietha ma' mezzi differenti tal-massa, u billi ttejjeb l-abbiltà tagħha biex tisma' u tirrispondi għall-opinjoni pubblika lil hinn mill-fruntiera.

5.5. Tisħiħ tal-linja ta' sħubija

Il-gvernijiet nazzjonali għandhom parti ċentrali f'li jikkomunikaw il-politiki tagħhom liċ-ċittadini. Riżultati ta' stħarriġ juru li ċ-ċittadini jistennew lill-gvern nazzjonali tagħhom li jkun prinċipalment responsabbli biex jinfurmahom dwar x'qed tagħmel l-UE u kif dan jaffettwa l-ħajja tagħhom ta' kuljum. Il-gvernijiet huma wkoll meqjusa bħala li huma l-ewwel fir-responsabbiltà li jagħtu kas ta' l-opinjonijiet tan-nies dwar l-UE. Il-Kummissjoni tista' u għandha, iżda, tipprovdi appoġġ prezzjuż.

Mill-konsultazzjoni fuq il-White Paper ħareġ appoġġ ċar għal sħubiji aktar wiesgħa bejn l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-Istati Membri f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se tara li ssaħħaħ is-sħubija tagħha ma' atturi fil-livelli kollha. Is-"sħubija fit-tmexxija" se ssir l-għodda prinċipali għal inizjattivi bi sħab bejn l-UE u l-Istati Membri. Din il-linja ta' ħidma ssaħħaħ fuq bażi volontarja l-kordinazzjoni ta' attivitajiet tal-komunikazzjoni fuq temi ta' l-UE, toħloq sinerġiji billi jkun hemm qsim ta' riżorsi umani u finanzjarji u jkunu evitat xogħol doppju. Hija tgħin ukoll biex il-komunikazzjoni tkun addattata għaċ-ċirkostanzi lokali u tkun kollegata ma' aġendi politiċi nazzjonali.

TAQSIMA 6

Analiżi ta' l-impatti

Il-linja l-ġdida tipproponi qabża kwalitattiva lejn diċentralizzazzjoni ta' l-attivitajiet tal-komunikazzjoni ta' l-UE, djalogu aktar b'saħħtu mal-partijiet interessati ewlenin u komunikazzjoni li jkollha liċ-ċittadin bħala ċ-ċentru tagħha, bil-ħsieb li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika f'livell Ewropew. Konsegwentament, l-azzjonijiet għandu jkollhom impatt fuq għadd kbir ta' ċittadini ta' l-UE.

F'dan ir-rigward, l-inizjattiva għandu jkollha impatt kbir fuq iż-żieda fl-għarfien u l-għerf taċ-ċittadin fuq l-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadin f'materji ta l-UE. L-involviment tal-partijiet interessati fil-konsultazzjoni dwar il-politika jkun inkoraġġit biex jitjieb il-proċess tat-tfassil tal-politika. Sħubiji u koordinazzjoni fost atturi ewlenin fil-livelli kollha: ikunu msaħħa l-istituzzjonijiet ta' l-UE, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-mezzi tal-massa u n-netwerks. L-atturi u l-partijiet interessati kollha jkunu ttrattati b'rispett għad-diversità u l-awtonomija tagħhom.

L-implimentazzjoni tal-miżuri proposti taffettwa b'mod pożittiv l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Għalhekk, id-drittijiet ta' l-individwu u r-relazzjonijiet ma' l-amministrazzjoni pubblika jkunu msaħħa. Barra minn hekk il-linja ta' "enfasi lokali" għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet pubbliċi ma' l-istituzzjonijiet ta' l-UE f'livell reġjonali u lokali, partikolarment billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-Kummisjsoni li twassal għal riżultati fid-diversità lingwistika fil-kuntest ta' l-UE. Fil-konsegwenza, il-pubbliku jkun infurmat aħjar dwar temi ta' l-UE u jkun faċilitat l-aċċess tiegħu għall-informazzjoni.

Tul ta’ l-azzjoni u ta’ l-impatt finanzjarju

L-azzjonijiet huma ppjanati għall-perjodu 2007-2013. Matul dan il-perjodu, l-impatt finanzjarju ma jkunx jirrikjedi reviżjoni tal-programm tal-baġit għat-Titlu 15 ta' l-Intestatura 3b tal-Perspettiva Finanzjarja kif ikun previst fil-APB 2008.

6.2. Taqsira tar-riżorsi

Ir-riżorsi jibqgħu fi ħdan il-qafas tal-programm finanzjarju multi-annwali, kif stabbilit fid-dokumenti SEG(2007) 500 u SEG(2007) 530 .

TAQSIMA 7

Sorveljanza u valutazzjoni

Is-sistema interna ta' rappurtaġġ operattiv li qed titħaddem għal attivitajiet eżistenti se tkun estiża għall-azzjonijiet il-ġodda. Jistgħu jkunu mistennija rapporti lill-Kulleġġ kif ukoll dibattiti fil-Parlament u l-IGI. Il-Ftehim Interistituzzjonali se jkun sorveljat skond il-proċedura mniżżla fil-ftehim innifsu.

[1] Ara l-Anness I.

[2] Ara l-Anness II.

[3] Ara l-Anness III.

Top