Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC0870

Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni Dokument ta' akkumpanjament tal- Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ l-Assigurazzjoni u r-Rijassigurazzjoni - Solvenza II - Sommarju tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM(2007) 361 finali} {SEG(2007) 871}

/* SEK/2007/0870 finali */

52007SC0870

Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni Dokument ta' akkumpanjament tal- Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ l-Assigurazzjoni u r-Rijassigurazzjoni - Solvenza II - Sommarju tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM(2007) 361 finali} {SEG(2007) 871} /* SEK/2007/0870 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.7.2007

SEG(2007) 870

DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Dokument ta' akkumpanjament tal- Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ l-Assigurazzjoni u r-Rijassigurazzjoni

SOLVENZA II SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT

{KUMM(2007) 361 finali}{SEG(2007) 871}

RAPPORT TA' L-ISTIMA TA' L-IMPATT TAS-SOLVENZA II

SOMMARJU EŻEKUTTIV

Il-proġett Solvenza II ġie żviluppat b'mod għal kollox trasparenti u b'kollaborazzjoni mal-partijiet interessati kollha. Għall-istima ta' l-impatt tħejjew bosta rapporti minn: mill-Kumitat tas-Sorveljaturi ta' l-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS), CEA, AISAM & ACME[1], il-Bank Ċentrali Ewropew, FIN-USE[2] u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Barra minn hekk, CEIOPS wettaq żewġ Studji Kwantitattivi dwar l-Impatt (SKI) u kien hemm smigħ pubbliku organizzat mill-Kummissjoni fl-2006.

1. ID-DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

L-importanza ekonomika u soċjali ta' l-assigurazzjoni hija tali li l-intervent mill-awtoritajiet pubbliċi, fil-forma tas-superviżjoni prudenzjali, huwa ġeneralment aċċettat bħala meħtieġ. L-assiguraturi mhux biss jipprovdu ħarsien għal ġrajjiet fil-ġejjieni li jistgħu jirriżultaw f'telf, iżda jidderieġu flus imfaddla tan-nies lejn is-swieq finanzjarji u fl-ekonomija reali. L-intervent mill-awtoritajiet pubbliċi sikwit iffoka fuq l-introduzzjoni ta' miżuri li jfittxu li jiggarantixxu s-solvenza ta' l-impriżi, jew li jnaqqsu t-tfixkil u t-telf ikkawżati mill-insolvenza.

1.1. Is-sistema attwali ta' l-UE

Il-ħsieb wara l-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar l-assigurazzjoni huwa li jiġi ffaċilitat Suq Uniku fis-servizzi ta' l-assigurazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat livell xieraq ta' ħarsien tal-konsumatur. L-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv meħtieġ beda fis-Sebgħinijiet bid-Direttivi dwar l-Assigurazzjoni ta' l-ewwel ġenerazzjoni[3], iżda tlesta biss kmieni fid-Disgħinijiet bid-Direttivi dwar l-Assigurazzjoni tat-tielet ġenerazzjoni. Id-Direttivi dwar l-Assigurazzjoni tat-tielet ġenerazzjoni stabbilixxew "sistema ta' passport ta' l-UE" (liċenzja waħdanija) għall-assiguraturi, ibbażata fuq il-kunċett ta' l-armonizzazzjoni minima u l-għarfien reċiproku.

1.2. Dgħjufijiet tas-sistema kurrenti ta' l-UE

Id-Direttivi kienu jeħtieġu lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni tar-rekwiżiti dwar is-solvenza. Riforma limitata iżda mgħaġġla [4] - Solvenza I - ġiet mifthiema fl-2002, wara dik ir-reviżjoni Madankollu, ħareġ biċ-ċar waqt il-proċess Solvenza I li kien għad baqa' xi dgħjufijiet:

- Nuqqas ta' sensittività għar-riskju: Għadd ta' riskji ewlenin, fosthom ir-riskji tas-suq, tal-kreditu u operattivi, mhumiex ikkunsidrati b'mod xieraq mis-sistema kurrenti ta' l-UE Barra minn hekk, is-sistema ma tħarisx 'il quddiem, fiha ftit li xejn rekwiżiti kwalitattivi fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji u l-governanza, u me teħtiġx lis-superiżuri jwettqu reviżjonijiet regolari ta' dawn l-aspetti kwalitattivi. In-nuqqas ta' sensittività għar-riskju ma jagħtix inċentiv lill-assiguraturi biex jiġġestixxu r-riskji tagħhom b'mod xieraq, u lanqas li jtejbu jew jinvestu fil-ġestjoni tar-riskju. Is-sistema preżenti ma tiżgurax intervent preċiż u f'waqtu mis-superviżuri, u lanqas ma tiffaċilita l-aħjar allokazzjoni tal-kapital. Bħala riżultat, is-sistema kurrenti ta' l-UE ma tħarisx lit-titolari tal-poloz daqs kemm tista'.

- Restrizzjonijiet fuq il-funzjonament tajjab tas-Suq Uniku Il-qafas preżenti ta' l-UE jistipula standards minimi li jistgħu jiġu supllimentati b'regoli addizzjonali fuq livell nazzjonali. Dawn ir-regoli addizzjonali jxekklu u ma jagħtux l-impotanza meħtieġa lill-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku fl-assigurazzjoni. Dan iżid l-ispejjeż għall-asiguraturi ta' l-UE (u d-detenturi tal-poloz) u jxekkel il-kompetizzjoni fi ħdan l-UE. Jibqgħu wkoll differenzi sinifikanti fil-mod kif titmexxa s-superviżjoni, u dan ikompli jxekkel is-Suq Uniku.

- Arranġamenti mhux adegwati għas-superviżjoni tal-gruppi Il-mod kurrenti ta' kif qed issir is-superviżjoni tal-gruppi sar kull ma jmur maqtugħ mir-realtà ta' kif il-gruppi huma attwalment strutturati u organizzati, peress li jiffoka fuq l-entitajiet ġuridiċi. L-organizzazzjoni tal-gruppi saret dejjem aktar ċentralizzata hekk kif ġew introdotti sistemi ta' ġestjoni tar-riskju madwar l-impriżi u ġew ikkonsolidati funzjonijiet ewlenin. Id-differenza li hemm bejn il-mod kif inhuma ġestiti u supervizzati l-gruppi mhux biss iżid l-ispejjeż għall-gruppi ta' l-assigurazzjoni, iżda jżid ukoll il-periklu li xi riskji ewlenin għal-gruppi ma jingħatawx kas.

- Nuqqas ta' konverġenza internazzjonali u konverġenza trans-settorjali Il-ħidma ta' l- International Association of Insurance Supervisors u l- International Accounting Standard Board dwar l-iżvilupp ta' standards ta' solvenza ġodda u dwar il-valutazzjoni ta' dispożizzjonijiet tekniċi miexja lejn approċċ eknomiku bbażat fuq ir-riskju, li huwa radikalment differenti mill-filosofija lissejjes is-sistema kurrenti ta' l-UE Intant, sistema bbażata fuq ir-riskju ġiet introdotta għall-banek permezz tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali[5]. Nuqqas ta' konverġenza internazzjonali u trans-settorjali ifixxklu l-kompetittività ta' l-assiguraturi ta' l-UE. In-nuqqas ta' konsistnza minn settur għall-ieħor iżżid ukoll il-possibbiltà ta' arbitraġġ regolatorju.

1.3. Hija meħtieġa l-azzjoni fuq il-livell ta' l-UE?

Minkejja li fit-teorija huwa possibbli għall-Istati Membri li jintroduċu sistemi regolatorji simili, li jindirizzaw id-dgħjufijiet tas-sistema kurrenti, u għall-awtoritajiet ta' superviżjoni biex jikkordinaw aħjar l-attivitajiet superviżorji tagħhom, biex b'hekk ineħħu l-ostakli għat-tħaddim kif xieraq tas-Suq Uniku, ftit li xejn hemm ħjiel li dan qed iseħħ fil-prattika. L-esperjenza attwali saħansitra tagħti x'tifhem li qed iseħħ l-oppost. Trid tittieħed azzjoni sabiex bidla bħal din tiġi ffaċilitata, u din l-azzjoni trid tittieħed fuq il-livell ta' l-UE sabiex tkabbar l-armonizzazzjoni.

2. L-GħANIJIET TAL-PROġETT SOLVENZA II

Minħaba d-dgħjufijiet tas-sistema kurrenti ta' l-UE, ġew maqbula dawn l-għanijiet ġenerali għall-proġett Solvenza II:

- Aktar integrazzjoni tas-suq ta' l-UE ta' l-assigurazzjoni;

- Aktar protezzjoni għat-titolari tal-poloz u l-benefiċjarji;

- It-titjib tal-kompetittività internazzjonali ta' l-assiguraturi u r-rijassiguraturi ta' l-UE;

- Il-promozzjoni ta’ Regolamentazzjoni Aħjar

Sabiex jiġu vvalutati l-effettività u l-effiċjenza ta' l-għażliet ta' politiki varji fir-rigward ta' l-għanijiet ġenerali, ġew identifikati għadd ta' għanijiet speċifiċi u operattivi.

3. GħAżLIET TA' POLITIKA, ANALIżI TA' L-IMPATT U TQABBIL

L-għażliet ta' politiki varji nqasmu f'għażliet ta' politika ta' livell għoli u livell baxx, għall-għanijiet tal-proġett.

- Għażliet ta' Politika ta' Livell Għoli għandhom x'jaqsmu mad-disinn globali tas-Solvenza II, inkluż jekk hemmx bżonn bidla, u jekk iva, liema proċedura leġiżlattiva trid tiġi segwita. Mistoqsijiet ewlenin oħra li ġew analizzati kienu: sa fejn wieħed seta' jitgħallem mill-Basel II u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali; kif għandhom ikunu supervizzati l-gruppi ta' l-assigurazzjoni; kif għandhom jiġu ttrattati l-assiguraturi żgħar u medji; jekk il-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi għandux ikun armonizzat; u liema approċċ għandu jittieħed fir-rigward tal-kalkolu tar-rekwiżti kapitali (Ara t-Tabella 1).

- Għażliet ta' Politika ta' Livell Baxx jinkludu: metodi għall-kalkolu ta' dispożizzjonijiet tekniċi; il-livell ta' kalibrar tar-rekwiżiti kapitali; u kif għadhom jiġu strutturati r-rekwiżiti kapitali. Barra minn hekk, tqiesu bosta għażliet fir-rigward tat-trattament ta' l-investimenti (Ara t-Tabella 2).

4. L-IMPATT GLOBALI MISTENNI TA' SOLVENZA II

L-analiżi li twettqet u r-rispons mill-partijiet interessati rigward l-għażliet varji ta' politika jindikaw l-introduzzjoni ta' sistema ekonomika ġdida bbażata fuq ir-riskju, li tagħmel użu sħiħ mill-arkittetura Lamfalussy , hija l-aktar mezz effettiv u effiċjent sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tal-proġett Solvenza II.

4.1. L-approċċ magħżul għal Solvenza II: approċċ ibbażat fuq ir-riskju

Sistema msejsa fuq prinċipji ta' valutazzjoni eknomika soda sejra tikxef il-pożizzjoni finanzjarja reali ta' l-assiguraturi, u b'hekk iżżid it-trasparenza u l-kunfidenza fis-settur kollu L-introduzzjoni ta' rekwiżiti regolatorji bbażatii fuq ir-riskju se tiżgura li jkun hemm ekwilibriju ġust bejn ħarsien qawwi tat-titolari tal-polza u spejjeż raġonevoli għall-assiguraturi.

B'mod partikolari, ir-rekwiżiti se jirriflettu l-profil ta' riskju speċifiku għal kull kumpanija ta' l-assigurazzjoni. L-assiguraturi li jiġġestixxu r-riskji tagħhom sew - minħabba li jkollhom politiki rigorużi, jużaw tekniċi xierqa ta' mitigazzjoni tar-riskju, jew jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom - se jiġu ppremjati u jitħallew iżommu inqas kapital. Min-naħa l-oħra, assiguraturi li mhumiex ġestiti sew, jew assiguraturi b'aptit akbar għar-riskju, se jintalbu jżommu aktar kapital sabiex jiżguraw li l-klejms tat-titolari tal-polza jintlaħqu meta dann isiru dovuta.

Solvenza II se jirriżulta f'enfażi ħafna akbar fuq il-ġestjoni tar-riskju u kontrolli interni sodi. Ir-responsabbiltà għall-integrità finanzjarja ta' l-assiguratur se titreġġa' lura lejn il-ġestjoni, fejn suppost tkun. L-assiguraturi se jingħataw aktar ħelsien – i.e. ikunu meħtieġa jimxu skond prinċipji sodi iktar milli regoli arbitrarji. Ir-rekwiżiti regolatorji u l-prassi ta' l-industrija se jinġiebu konformi ma' xulxin u l-assiguraturi se jiġu ppremjati għaliex jintroduċu sistemi ta' ġestjoni ta' riskju u ta' kapital li jixirqu l-aħjar għall-ħtiġijiet u l-profil ta' riskju kumplessiv tagħhom. Min-naħa l-oħra, ikunu soġġetti għal stħarriġ superviżorju msaħħaħ.

Is-sistema l-ġdida sejra wkoll itejjeb it-trasparenza u l-iżvelar pubbliku. L-assiguraturi li japplikaw l-aħjar prassi se jiġu ppremjati dejjem aktar mill-investituri, il-parteċipanti fis-suq u l-konsumaturi.

L-arkitettura Lamflussy se tgħin lis-sistema l-ġdida żżomm ma' żviluppi futuri tas-suq u teknoloġiċi kif ukoll żviluppi internazzjonali fir-regolamentazzjoni tal-kontabilità u ta' l-assigurazzjoni. Barra minn hekk, minkejja li l-istess prinċipji ta' livell għoli se japplikaw għall-assiguraturi kollha, il-miżuri ta' implimentazzjoni se jgħinu biex ir-regoli jiġu adattati sabiex ikunu applikati proporzjonalment għan-natura, l-iskala u l-kumplessità ta' kull assiguratur. L-arkittettura Lamfalussy l-ġdida, permezz tal-fatt li tmexxi 'l quddiem il-konverġenza u l-kooperazzjoni superviżorja, se tirriżulta wkoll fi trattament aktar armonizzat ta' l-assiguraturi madwar l-Ewropa.

Minbarra dan, il-kodifikazzjoni ta' l-acquis u l-integrazzjoni tal-prinċipji l-ġodda f'dokument wieħed se jrendu l-liġi Ewropea aktar ċara u aċessibbli għall-partijiet interessati kollha, b'konformità ma' l-Aġenda għar-Regolamentazzjoni Aħjar.

4.2. Benefiċċji għall-partijiet interessati

Kumplessivament, huma mistennija benefiċċji konsiderevoli mill-proġett Solvenza II u l-impatt mistenni fuq il-partijiet interessati huwa pożittiv.

- L-Industrija: Il-benefiċjarji diretti tas-Solvenza II se jkunu l-assiguraturi. Minbarra l-promozzjoni ta' ġestjoni soda tar-riskju, konformità tar- rekwiżiti għas-superviżjoni, mal-prattiċi tas-suq u l-ippremjar tal-kumpaniji mmexxija tajjeb, is-sistema l-ġdid sejra wkoll tistabbilixxi ambjent ta' negozju li tassew ikun ekwu u se tikkontribwixxi għal integrazzjoni ulterjuri tas-suq ta' l-UE ta' l-assigurazzjoni. Il-kompetittività internazzjonali ta' l-assiguraturi u r-rijassiguraturi ta' l-UE se tittejjeb billi r-rekwiżiti kwantitattivi regolatorji se jiġu allinjati ma' l-ispiża ekonomika reali tar-riskji tagħhom.

- Superviżuri: Is-superviżuri se jiksbu għodod superviżorji aħjar, li jippermettu azzjoni aktar effettiva u f'waqtha, kif ukoll setgħat sabiex isir stħarriġ kompernsiv tar-riskji kollha li jiffaċċjaw l-assiguraturi. Il-qsim tal-kompiti bejn superviżuri weħidhom u fi grupp se jipprovdi għal komprensjoni aħjar ta' l-entitajiet li jiffurmaw parti minn grupp ta' assigurazzjoni u se jtejbu l-kooperazzjoni u l-konverġenza superviżorja.

- Id-detenturi tal-poloz: Il-benefiċjarji diretti ewlenin tas-Solvenza II se jkunu t-titolari tal-poloz. L-ewwelnett, is-sistema l-ġdida se tiżgura livell uniformi u mtejjeb ta' ħarsien tat-titolari tal-polza madwar l-UE, u dan inaqqas il-probabbiltà li jmorru minn taħt it-titolari tal-polza jekk l-assiguratur jiġi f'diffikultà finanzjarja. It-tieni, l-introduzzjoni ta' approċċ ekonomiku bbażat fuq ir-riskju se jagħti lid-detenturi tal-poloz kunfidenza akbar fil-prodotti offerti mill-assiguraturi, billi s-Solvenza II se jippromwovi ġestjoni aħjar tar-riskju, ipprezzar sod u superviżjoni msaħħa. It-tielet, Solvenza II se jkattar il-kompetizzjoni, l-aktar għal linji tan-negozju involti fil-bejgħ bl-imnut fil-kobor, bħall-assigurazzjoni ta' vetturi u djar, biex b'hekk jonqsu bosta l-prezzijiet ta' l-assigurazzjoni, u tiżdied l-għażla billi tiġi inkoraġġita l-innovazzjoni tal-prodott.

- L-ekonomija kollha kemm hi: Filwaqt li tikber il-kompetittività internazzjonali ta' l-assiguraturi, l-allinjament tar-rekwiżiti regolatorji mar-realtà ekonomika se jipprovdi għal allokazzjoni aħjar tal-kapital fuq il-livell ta' l-impriża, fuq il-livell ta' l-industrija, u fi ħdan l-ekonomija ta' l-UE. Dan se jirriżulta fi tnaqqis fl-ispiża għall-ġbir tal-kapital għas-settur ta' l-assigurazzjoni, u possibbilment ukoll għall-ekonomija ta' l-UE kollha kemm hi, permezz tar-rwol ta' l-industrija ta' l-assigurazzjoni bħala investitur istituzzjonali. Allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskju u tal-kapital fi ħdan l-ekonomija tista' wkoll tippromwovi l-istabilità finanzjarja għaż-żmien medju sa dak fit-tul.

4.3. Effetti kollaterali potenzjali għaż-żmien fil-qosor

Minkejja li l-impatt kumplessiv tas-Solvenza II fuq il-partijiet kollha se jkun pożittiv, ix-xogħol analitiku mwettaq qajjem għadd ta' kwistjonijiet potenzjali għaż-żmien fil-qosor li jridu jitqiesu. Dawn il-kwistjonijiet huma primarjament marbuta ma' fatturi eżistenti tas-swieq ta' l-assigurazzjoni li sejrin joħorġu bl-introduzzjoni ta' sistema ekonomika ta' solvenza bbażata fuq ir-riskju. Skond ir-reazzjoni tal-partijiet interessati, jista' jkun hemm xi impatti negattivi għaż-żmien fil-qosor. B'mod ġenerali, aktar ma l-assiguraturi jaħsbu minn qabel għall-introduzzjoni tas-Solvenza II, inqas hemm probabbiltà li dawn l-impatti fuq żmien qasir iseħħu.

- Spejjeż inizjali għall-implimentazzjoni Solvenza II mhux se jikkawża spejjeż inizjali sinifikanti, sew għall-industrija sew għas-superviżuri, sakemm ma jkunux diġà daħlu sistemi moderni ta' ġestjoni tar-riskju jew inkella mxew lejn sistema ta' superviżjoni bbażata fuq ir-riskju. Ix-xogħol analitiku mwettaq fit-tħejjija ta' dan ir-rapport jantiċipa li l-ispiża netta inizjali għall-implimentazzjoni ta' Solvenza II għall-industrija ta' l-assigurazzjoni ta' l-UE kollha kemm hi se tkun ta' €2-3 biljun. Mandankollu, fiż-żmien fit-tul, il-benefiċċji mistennija jagħmlu tajjeb għal dawn l-ispejjeż.

- Assigurabbiltà: Billi r-riskji se jirċievu trattament regolatorju skond il-valur eknomiku reali tagħhom, linji ta' assigurazzjoni fuq żmien fit-tul/ta' severità għolja se jiġbdu rekwiżiti kwantitattivi akbar. Fiż-żmien fil-qosor, dan għandu mnejn jirriżulta fi tnaqqis ta' kopertura għal xi tipi ta' assigurazzjoni, għalkemm, meta l-attività ta' l-assigurazzjoni tkun ġeneralment ekonomikament vijabbli, l-assiguraturi sejrin, għaż-żmien fit-tul, ikunu jistgħu jibqgħu jipprovdu din it-tip ta' kopertura, permezz ta' l-użu ta' tekniki tat-taffija tar-riskju, l-introduzzjoni ta' prodotti innovattivi ġodda u l-aġġustament tal-prezzijiet.

- Interfinanzjament L-ipprezzar trasparenti se juri interfinanzjament possibbli li qed isir fil-preżent bejn linji ta' negozju ta' frekwenza għolja/severità baxxa (eż. assigurazzjoni tal-vetturi) u linji ta' frekwenza baxxa/severità għolja (eż. assigurazzjoni ta' l-avjazzjoni). Ma jistax jiġi eskluż li l-assiguraturi jiddeċiedu li jillimitaw l-interfinanzjament, li jista' jwassal għal żieda fil-prezzijiet f'ċerti oqsma.

- Investmenti fl-ekwità Kuntrarjament għas-sistema preżenti, ir-riskji tas-suq se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti kapitali taħt Solvenza II u l-qafas il-ġdid jista' għalhekk ikollu impatt fuq l-istrateġija ta' investiment ta' l-assiguraturi. B'mod partikolari, b' Solvenza II l-assi bi dħul fiss se jingħataw eżiġenza ta' fondi proprji aktar baxxa minn dawk ta' l-ekwità ordinarja, billi huma inqas volatili. Bħala riżultat, l-assiguraturi jistgħu jiddeċiedu li jibbilanċjaw mill-ġdid il-portafolli tagħhom, sabiex iqabblu aħjar l-attivi u l-passivi tagħhom, u jixtru aktar bonds milli azzjonijiet, jekk jiddeterminaw li rendiment potenzjalment akbar fuq l-ekwità ma jagħmilix tajjeb għall-ispiża biex jinżamm aktar kapital. Dan għandu mnejn jeffettwa s-swieq ta' l-azzjonijiet ta' l-UE għaż-żmien fil-qosor.

- Konsolidazzjoni L-għarfien ta' l-effetti tad-diversifikazzjoni jimplika li l-entitajiet iddiversifikati sew, jew dawk li huma parti minn grupp ta' assigurazzjoni, sejrin fil-prattika jkollhom rekwiżiti kapitali aktar baxxi mill-entitajiet waħdiena li huma inqas diversifikati. Minkejja li dan huwa għal kollox konformi mal-prinċipji ekonomiċi li jsejsu l-proposta, u ma jimplikax anqas protezzjoni għat-titolari tal-poloz, jista' madankollu jkun katalist għax-xejra li diġà teżisti tal-konsolidazzjoni tas-suq ta' l-assigurazzjoni ta' l-UE u jżid il-pressjonijiet kompetittivi diġà eżistenti fuq l-assiguraturi żgħar u medji. Madankollu, bosta SMEs huma assiguraturi speċjalizzati li jissorveljaw u jġestixxu r-riskji tagħhom b'attenzjoni, u jgawdu milli jkunu qrib il-klijenti tagħhom. F'każijiet bħal dawn, dawn il-vantaġġi kompetittivi naturali se jingħarfu għal kollox u se jirriżulaw f'rekwiżiti kapitali aktar baxxi għal dawn l-SMEs. Barra minn hekk, l-assiguraturi żgħar ħafna se jkomplu jiġu eżentati taħt Solvenza II.

4.4. Il-perikli jekk ma jiġix segwit approċċ ibbażat fuq ir-riskju

Jekk Solvenza II ma jirriżultax fl-assiguraturi li jkunu meħtieġa jżommu l-kapital mal- valur eknomiku tar-riskji tagħhom, dan jista' jimmina l-effettività u l-effiċjenza ta' Solvenza II. B'mod partikulari, jista' jkabbar il-probabbiltà u s-severità ta' l-effetti kollaterali potenzjali fuq qasir żmien deskritti fuq.

5. L-IżVILUPP TA' MIżURI TA' IMPLIMENTAZZJONI, MONITORAġġ U EVALWAZZJONI

Id-Direttiva Solvenza II se tqiegħed il-priċipji ewlenin li jsejsu s-sistema ġdida tas-solvenza. L-arkitettura kumplessiva tas-sistema, inkluż l-istruttura enerali tar-rekwiżiti kapitali, se tkun parti ewlenija mid-Direttiva. Darba d-Direttiva tkun ġiet adotatta, il-miżuri ta' implimentazzjoni se jiġu żviluppati u introdotti bl-użu tal-komitoloġija.

Il-Kummissjoni se ssaqsi lil CEIOPS biex tmexxi aktar studji kwantitattivi ta' l-impatt li jkopru l-aspetti kollha tas-sistema l-ġdida. Ir-riżultati tat-tielet studju kwantitattiv ta' l-impatt (QIS3) għandhom joħorġu fit-tieni nofs ta' l-2007 u se jaslu fil-ħin għan-negozjati tal-Parlament u tal-Kunsill. Skond l-eżitu, dan jista' jirriżulta f'emendi li jsiru lill-istruttura ġenerali tar-rekwiżiti kapitali stipulat fid-Direttiva proposta tas-Solvenza II.

Ir-riżultati tar-raba' studju kwantitattiv dwar l-impatt (QIS4) se jkun il-kontribut kwantitattiv ewlieni għall-parir futur tal-CEIOPS dwar miżuri possibbli ta' implimentazzjoni Il-Kummissjoni ma teskludix madankollu l-possibbiltà li studju kwantitattiv ta' l-impatt ieħor ikun meħtieġ wara QIS4 sabiex jintraqam il-kalibrar tas-sistema l-ġdida tas-solvenza qabel ma tidħol fis-seħħ.

Tabella 1 Sommarju ta' Tqabbil ta' Għażla ta' Politika ta' Livell Għoli |

Għażla ta' Politika | Klassifika ta' Valutazzjoni ta' Għażla ta' Politika kontra l-Għanijiet Rilevanti |

Sett | Nru | Deskrizzjoni | Effettività | Sostenibbiltà | Effiċjenza | Stabilità |

Status Quo jew Bidla? | 1.1 | L-ebda bidla | 3 | 3 |

1.2 | L-aġġornament ta' direttivi eżistenti | 2 | 3 |

1.3 | Wieħed jistenna għal soluzzjoni internazzjonali | 2 | 2 |

2.2 | Aġġornament tad-direttivi eżistenti b'leġiżlazzjoni tal-Livell 1 u 2 | 2 | 1 |

2.3 | Kodifikazzjoni tad-direttivi eżistenti b'leġiżlazzjoni tal-Livell 1 biss | 3 | 2 |

3.2 | L-adozzjoni tal-pilastri Basel 1 u 2 | 3 | 1 |

3.3 | L-adozzjoni tal-pilastri Basel 1, 2 u 3 | 2 | 2 |

Għażla ta' Politika | Klassifika tal-Valutazzjoni ta' l-Għażla ta' Politika skond Għanijiet Rilevanti | Koerenza ma' Għażliet ta' Livell Għoli Ppreferuti |

Sett |Nru |Deskrizzjoni |Effettività |Sostenibbiltà |Effiċjenza |Stabilità | | |Metodu ta' kalkolu tal-proviżjon |8.1 |L-aħjar stima mingħajr skont b'kalkolu perċentwali tal-marġni tar-riskju |3 |3 |2 |2 |3 | | |8.2 |L-aħjar stima bi skont b'kalkolu perċentwali tal-marġni tar-riskju |2 |2 |1 |2 |2 | | |8.3 |L-aħjar stima bi skont u l-kost tal-kalkolu perċentwali tal-marġni tar-riskju |1 |1 |1 |1 |1 | |Kalibrar RKS |9.1 |Probabbiltà ta' rovina ta' 0.5% fuq medda ta' sena għal RKS |1 |1 | | |1 | | |9.2 |Probabbiltà aktar baxxa ta' rovina għal RKS (rekwiżit kapitali ogħla) |2 |2 | | |2 | | |9.3 |Probabbiltà akbar ta' rovina għal RKS (rekwiżit kapitali aktar baxx) |3 |2 | | |2 | |Għażla ta' miżuri għar-Riskju |10.1 |L-użu tal-miżura tal-Valur mar-Riskju |1 |2 |2 | |2 | | |10.2 |L-użu tal-miżura tal-Valur Tail mar-Riskju (esponiment estrem) |2 |3 |3 | |3 | | |10.3 |L-użu tal-miżura tal-Valur mar-Riksju b'xi eċċezzjonijiet |1 |1 |1 | |1 | |Strutturar tal-Formula RKS |11.1 |L-użu ta' approċċ ibbażat fuq ix-xenarju għall-moduli ta' risku RKS kollha |2 |3 | | |3 | | |11.2 |L-użu ta' approċċ imħallat (approċċ ibbażat fuq ix-xenarji u l-fatturi) |2 |2 | | |2 | | |11.3 |L-użu ta' approċċ imħallat (approċċ ibbażat fuq ix-xenarji u l-fatturi) li jiiprovdi għal approċċi simplifikati ibbażati fuq il-fatturi f'dawk il-moduli fejn jintużaw ix-xenarji. |1 |1 | | |1 | | |11.4 |L-użu ta' approċċ ibbażat fuq ix-xenarju għall-moduli ta' riskju kollha |2 |2 | | |3 | |Kakkolu RKM |12.1 |RKM ikkalkulat bħala % tar-RKS |1 |1 | | |1 | | |12.2 |RKM ikkalkulat bl-użu ta' verżjoni simplifikata tar-RKS |1 |1 | | |1 | | |12.3 |RKM ikkalkulat bħala % tar-rekwiżit kurrenti tal-marġni ta' solvenza |2 |2 | | |2 | |Regoli ta' l-nvestiment |13.1 |Iż-żamma tar-regoli kurrneti ta' l-investiment u l-opzjoniiet ta' l-Istati Membri |4 |3 | | |3 | | |13.2 |L-introduzzjoni ta' regoli armonizzati dwar l-investiment |3 |2 | | |2 | | |13.3 |It-tneħħija tar-regoli ta' l-investiment iżda ż-żamma tal-prinċipju tal- bonus paterfamilias |1 |1 | | |1 | | |13.4 |It-tneħħija tar-regoli ta' l-investiment u l-prinċipju tal- bonus paterfamilias |2 |1 | | |2 | |

[1] Comité européen des assurances (CEA), Association Internationale des Sociétés d'Assurance Mutuelle (AISAM) u Association of European Cooperative and Mutual Insurers (ACME).

[2] FIN-USE huwa forum stabbilit mill-Kummissjoni fl-2004 ta' utenti esperti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

[3] id-Direttiva 79/267/KEE; id-Direttiva 73/239/KEE; Id-Direttiva 73/240/KEE.

[4] Id-Direttiva 2002/12/KE u 2002/13/KE.

[5] id-Direttiva 2006/48/KE u d-Direttiva 2006/49/KE;

Top