EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC0056

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta' akkumpanjament mal- Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass (gażolju) u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-toroq u li temenda d-direttiva tal-Kunsill 99/32/KE, rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant li jintuża mill-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni u li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE Valutazzjoni ta’ l-Impatt tar-Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant – Sommarju Eżekuttiv {KUMM(2007) 18 finali} {SEG(2007) 55}

/* SEK/2007/0056 finali */

52007SC0056

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta' akkumpanjament mal- Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass (gażolju) u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-toroq u li temenda d-direttiva tal-Kunsill 99/32/KE, rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant li jintuża mill-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni u li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE Valutazzjoni ta’ l-Impatt tar-Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant – Sommarju Eżekuttiv {KUMM(2007) 18 finali} {SEG(2007) 55} /* SEK/2007/0056 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 31.1.2007

SEG(2007) 56

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Dokument ta' akkumpanjament mal- Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass (gażolju) u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-toroq u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 99/32/KE, rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant li jintuża mill-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni u li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE Valutazzjoni ta’ l-Impatt tar-Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant – Sommarju Eżekuttiv

{KUMM(2007) 18 finali}{SEG(2007) 55}

WERREJ

1. Kwistjonijiet proċedurali u konsultazzjoni mal-partijiet interessati 3

1.1. L-organizzazzjoni u ż-żmien 3

1.2. Il-konsultazzjoni u l-kompetenza 3

2. Id-definizzjoni tal-problema 3

3. L-għanijiet 3

4. L-għażliet ta’ politika u l-Analiżi ta’ l-impatti 4

4.1. Il-Karta Dinjija dwar il-Karburant ( World Wide Fuel Charter ) 4

4.2. Il-limitu fuq il-kontenut ta’ bijodiżil (FAME) fid-diżil 4

4.3. L-ispeċifikazzjonijiet tal-LPG, tas-CNG u tal-Bijokarburanti 4

4.4. L-ispeċifikazzjoni tal-karburanti tal-flotta vinkolata 5

4.5. Id-data finali għal 10ppm ta’ kubrit fid-diżil 5

4.6. L-emissjonijiet mill-Vetturi ta' Strapazz (HDVs) 5

4.7. Ir-Reviżjoni tal-ftehim volontarju dwar is-CO2 u l-karozzi 6

4.8. Ir-Reviżjoni tad-Direttiva 99/30 6

4.9. L-Idrokarboni Poli-Aromatiċi. 6

4.10. Id-Diżil mhux tat-triq. 7

4.11. Id-Deterġenti 7

4.12. L-Additivi Metalliċi 8

4.13. Id-Densità tad-Diżil 8

4.14. Il-kontenut ta’ ossiġenati fil-petrol. 8

4.15. Il-Pressjoni massima tal-fwar tal-petrol. 9

4.16. L-Emissjonijiet tal-Gassijiet Serra Tul Ċiklu ta’ Ħajja. 9

5. Il-Monitoraġġ u l-evalwazzjoni 10

1. KWISTJONIJIET PROċEDURALI U KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI

1.1. L-organizzazzjoni u ż-żmien

Ir-Referenza 2006/ENV/19 tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2006 hija reviżjoni tad- Direttiva 98/70/KE. Wara l-ġbir tad-data u l-konsultazzjoni fl-2005, f’Mejju 2006 twaqqaf Grupp bejn is-Servizzi u dan iltaqa’ 4 darbiet. B’kollaborazzjoni ma’ dan il-grupp, id-DĠ Ambjent ipprepara l-Valutazzjoni ta’ l-Impatt.

1.2. Il-konsultazzjoni u l-kompetenza

L-istandards minimi tal-Kummissjoni għall-konsultazzjoni ġew sodisfatti. Intalbet kontribuzzjoni għar-reviżjoni mill-partijiet interessati rilevanti. Primarjament dawn huma l-industriji differenti, l-Istati Membri u l-NGOs. Fl-2005 saru żewġ laqgħat mal-partijiet interessati. Sit web li huwa aċċessibbli pubblikament fejn jinstabu preżentazzjonijiet, kummenti mill-partijiet interessati u dokumentazzjoni oħra minn dawn il-laqgħat huwa aċċessibbli fis-sit "http://forum.europa.eu.int/Public/irc/env/fuel_quality/home"

2. ID-DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

Id-Direttiva 98/70/KE stabbiliet speċifikazzjoni minima għall-karburanti tal-petrol u tad-diżil għall-użu fit-trasport fit-toroq. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ġew stabbiliti għal raġunijiet sanitarji u ambjetali wara l-proċess ta’ l-Auto Oil. Id-Direttiva 2003/17/KE immodifikat id-Direttiva f’għadd ta’ aspetti inkluż rekwiżit li għandha ssir reviżjoni. Il-progress tekniku kontinwu f’teknoloġija awtomotiva u tal-karburanti u x-xewqa kontinwa li jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni ambjentali u sanitarja jiġi ottimizzat jeħtieġu reviżjoni perjodika ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-karburant. Ir-reviżjoni tivvaluta jekk il-politika dwar il-limiti ta’ emissjoni mill-vetturi, it-tnaqqis tas-CO2 mill-karozzi, il-kwalità ta’ l-arja, il-karburant alternattiv jew l-iżviluppi fl-addittivi jeħtiġux bidliet fid-Direttiva.

3. L-GħANIJIET

Id-Direttiva tiżgura suq wieħed għall-karburanti billi tiffissa speċifikazzjoni minima biex dawn jiġu kkummerċjalizzati abbażi ta’ raġunijiet ambjentali u sanitarji. Meta jitqies jekk l-ispeċifikazzjoni għandhiex tiġi riveduta, dan it-tħassib jibqa’ ta’ importanza kbira.

Għadd ta’ strateġiji Komunitarji jipprovdu linji ta’ gwida għad-direzzjoni tar-reviżjoni. L-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta’ l-Arja[1] iffissat miri ta’ livell għoli għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja. Għanijiet oħra pertinenti għar-reviżjoni jinsabu fl-aġenda ta’ Liżbona, fl-istrateġija ta’ żvilupp sostenibbli, fil-politika tal-bidla fil-klima u fl-istrateġija dwar il-bijokarburanti.

4. L-GħAżLIET TA’ POLITIKA U L-ANALIżI TA’ L-IMPATTI

Fir-reviżjoni tiġi koperta firxa wiesgħa ta’ suġġetti. Dawn tqassmu f’oqsma diskreti għall-analiżi. Safejn ikun possibbli dan jevita interazzjonijiet bejn l-oqsma differenti. Dawn l-oqsma ġew stabbiliti hawn taħt b’deskrizzjoni ġenerali tal-problema, b’analiżi u b’għażla ppreferuta.

4.1. Il-Karta Dinjija dwar il-Karburant ( World Wide Fuel Charter )

Il- Karta Dinjija dwar il-Karburant (WWFC) ġiet proposta minn manifatturi tal-karozzi sabiex jiġu armonizzati l-istandards tal-karburanti. Qed jiġi ddikjarat li l-adozzjoni għandha tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi f’ħafna swieq differenti. Il-WWFC tindirizza firxa ta’ parametri li kull wieħed minnhom jeħtieġ li jiġi valutat għal benefiċċju ambjentali u għall-effikaċja fl-infiq. Minħabba dan, il-WWFC fl-intier tagħha ma tiġix ivvalutata, imma fejn ikun xieraq, il-parametri rilevanti jiġu vvalutati individwalment.

4.2. Il-limitu fuq il-kontenut ta’ bijodiżil (FAME) fid-diżil

L-ispeċifikazzjoni tad-diżil fid-Direttiva ma tinkludix limitu għall-FAME. Tali limitu jeżisti fl-Istandard Ewropew EN 590, minħabba li ġie rrappurtat li l-użu ta’ proporzjonijiet ogħla ta’ FAME jwassal għal problemi tekniċi. L-industrija tal-FAME talbet li fid-Direttiva jiġi stabbilit limitu, madankollu l-analiżi ma identifikat l-ebda raġuni sanitarja jew ambjentali sabiex jiġi stabbilit tali limitu. Skond regolamentazzjoni aħjar, ma ġiet proposta l-ebda bidla, iżda l-Kummissjoni talbet lis-CEN (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) sabiex jirrivedi l-limitu tal-FAME ffissat fl-EN 590.

4.3. L-ispeċifikazzjonijiet tal-LPG, tas-CNG u tal-Bijokarburanti

Jista’ jkun hemm raġunijiet ambjentali jew sanitarji sabiex fid-Direttiva jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet għal dawn il-karburanti. Il-valutazzjoni ta’ dawn il-karburanti u ta’ karburanti oħra inkluż l-Idroġenu, il-karburanti ta’ emulsjoni u l-Etere Di-Metil (DME – Di-Methyl Ether ) tikkonkludi li ma hemmx raġunijiet sabiex dawn il-karburanti jiġu inklużi fid-Direttiva.

Minħabba n-nuqqas ta’ benefiċċju u skond regolamentazzjoni aħjar, l-ispeċifikazzjonijiet għal dawn il-karburanti ma ġewx proposti sabiex ikunu inklużi fid-Direttiva.

4.4. L-ispeċifikazzjoni tal-karburanti tal-flotta vinkolata

Jista’ jkun hemm benefiċċji ambjentali jew sanitarji milli jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet speċjali għall-karburanti li jintużaw minn flotot vinkolati, minħabba fl-użu tagħhom f’żoni urbani fejn jista’ jkun hemm problemi speċifiċi fil-kwalità ta’ l-arja. L-analiżi turi li ħafna alternattivi huma disponibbli sabiex jiġu indirizzati problemi fl-emissjonijiet tat-trasport u fil-kwalità ta’ l-arja. L-istabbiliment ta’ speċifikazzjoni għall-karburanti għall-flotot vinkolati joffri ftit li xejn benefiċċju, jekk tabilħaqq joffri, fuq metodi oħra.

Id-Direttiva tippermetti li f’ċerti ċirkostanzi tintuża speċifikazzjoni tal-karburanti aktar stretta. Mill-istabbiliment ta’ speċifikazzjoni għal flotta vinkolata ma ġie identifikat l-ebda benefiċċju addizzjonali u ma ġiet proposta l-ebda azzjoni.

4.5. Id-data finali għal 10ppm ta’ kubrit fid-diżil

Id-diżil b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10ppm huwa karburant li jippermetti effiċjenza ogħla tal-vettura u jnaqqas id-dijossidu tal-kubrit u l-emissjonijiet tal-partikulati. Il-kubrit javvelena wkoll is-sistemi tat-trattament ta’ wara De-NOx li x’aktarx se jiġu introdotti fil-futur. Id-Direttiva tinkludi data provviżorja ta’ tmien sabiex id-diżil ikollu kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10ppm.

Id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda żieda ġenerali fl-emissjonijiet tal-Gassijiet Serra (GHGs), imma dan ma jistax jiġi stabbilit b’ċertezza. L-analiżi bbażata fuq Vetturi li Ma Tantx Jifilħu Strapazz tindika li l-punt fejn la jkun hemm profitt u lanqas telf jista’ jkun aktar tard mid-data provviżorja ta’ l-2009. Madankollu, dan jinjora kwalunkwe tnaqqis possibbli minn Vetturi ta' Strapazz, fejn benefiċċju żgħir ikollu impatt kbir. Mhemm l-ebda benefiċċju ċar milli d-data tiddawwar lilhinn mill-2009 minbarra t-tnaqqis żgħir possibbli, imma inċert, ta’ gassijiet serra.

Il-konferma ta’ l-2009 tagħti xi benefiċċju tal-kwalità ta’ l-arja u tassigura lill-manifatturi tal-vetturi dwar id-disponibbiltà tal-karburant, biex b’hekk tkun iffaċilita l-kisba tal-limiti ta’ emissjoni Euro 5. Mhuwiex possibbli li l-konklużjoni tiġi bbażata fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra biss, imma fid-dawl tal-benefiċċji u tal-progress li sar s’issa, qed jiġi propost li d-data għall-10ppm ta’ kubrit tiġi konfermata bħala l-1 ta’ Jannar 2009.

4.6. L-emissjonijiet mill-Vetturi ta' Strapazz (HDVs)

Bi preparazzjoni għall-proposta li tiffissa l-limiti ta’ emissjoni Euro VI, il-partijiet interessati ġew mistoqsija mill-Kummissjoni dwar liema kwalità ta’ karburant tkun meħtieġa għal xenarji differenti ta’ valuri limitu. Ir-risposti ma taw l-ebda indikazzjoni li l-kompożizzjoni tal-karburant se jkollha tinbidel sabiex tkun konformi ma’ kwalunkwe bidla probabbli fir-rekwiżiti ta’ emissjoni għall-Vetturi ta' Strapazz. Minħabba dan, ma ġiet proposta l-ebda bidla.

4.7. Ir-Reviżjoni tal-ftehim volontarju dwar is-CO 2 u l-karozzi

Bħala parti mill-ftehimiet volontarji tagħhom, l-ACEA, il-JAMA u l-KAMA, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, wettqu reviżjonijiet tas-sitwazzjoni u esprimew sodisfazzjon ġenerali bil-kwalitajiet tal-karburanti provduti matul il-perjodu ta’ reviżjoni. Matul il-konsultazzjoni, il-partijiet interessati ma talbu espressament l-ebda modifika għall-ispeċifikazzjoni tal-karburanti fir-rigward ta’ l-impenji voluntarji kurrenti dwar is-CO2 u l-karozzi. Minħabba dawn il-fatti, ma ġiet proposta l-ebda bidla.

4.8. Ir-Reviżjoni tad-Direttiva 1999/30/KE

Id- Direttiva 1999/30/KE tistabbilixxi l-valuri ta' limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċ-ċomb fl-arja ambjentali. Id-Direttiva ġiet riveduta bħala parti mill-programm Arja Nadifa Għall-Ewropa (CAFE) li wassal għall-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Tematika dwar it-tniġġis ta’ l-arja.

Id-dijossidu tal-kubrit u l-emissjonijiet taċ-ċomb li jniġġsu m’għadhomx kawża ewlenija ta’ tħassib mit-trasport fit-toroq. Għaċ-ċomb, mhija meħtieġa l-ebda azzjoni oħra. Il-kontenut tal-kubrit fid-diżil ġie indirizzat fit-taqsima 4.7 t’aktar ’il fuq. Għall-futur prevedibbli, l-isfidi ewlenin għat-trasport fit-toroq biex tinkiseb kwalità ta’ l-arja huma l-ossidi tan-nitroġenu u l-partikuli.

Bħalissa mhemm l-ebda evidenza konvinċenti ta’ bidliet oħra fl-ispeċifikazzjoni tal-karburant li għandha tnaqqas dawn l-emissjonijiet, jew li din għandha tipprovdi l-aktar metodu effettiv fl-infiq biex isir dan. Minħabba dan ma ġiet proposta l-ebda bidla.

4.9. L-Idrokarboni Poli-Aromatiċi.

Ċerti Idrokarboni Poliċikliċi Aromatiċi (PAHs - Polycyclic Aromatic Hydrocarbons ) huma karċinoġeniċi. L-Idrokarboni Poliċikliċi Aromatiċi jiġu emessi fl-egżosts tal-vetturi u d-Direttiva tistabbilixxi kontenut massimu ta’ Idrokarboni Poliċikliċi Aromatiċi fid-diżil ta’ 11 %. Matul id-diskussjonijiet mal-partijiet interessati, l-ACEA (l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Karrozzi Ewropea) talbet tnaqqis fil-kontenut ta’ Idrokarboni Poliċikliċi Aromatiċi fid-diżil fil-waqt li l-EUROPIA (l-Assoċjazzjoni ta’ l-Industrija tal-Petroleum Ewropea) tiddikjara li l-kontenut ta’ Idrokarboni Poliċikliċi Aromatiċi ma jeħtieġx li jitnaqqas aktar minħabba li dan m’għandux effett sinifikanti fuq l-emissjonijiet ta’ l-Idrokarboni Poliċikliċi Aromatiċi.

Madankollu, l-industrija taż-żejt uriet li tnaqqis għal 8 % jista’ jinkiseb b’mod parallel mat-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit għal 10ppm bl-ebda spiża. Minħabba dan, qed jiġi propost li l-limitu jitnaqqas għal 8 %.

4.10. Id-Diżil mhux tat-triq.

Makkinarju mobbli mhux tat-toroq jikkonsma xi 9% ta’ karburant tad-diżil. Fir- reviżjoni preċedenti tagħha tad-Direttiva 98/70/KE il-Kummissjoni nnotat li l-kontenut ta’ kubrit fil-karburant mhux tat-toroq ikollu jiġi emendat sabiex jippermetti standards ta’ emissjoni aktar stretti.

Id-Direttiva 2004/26/KE tistabbilixxi limiti ta’ emissjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-toroq. It-tagħmir imtejjeb għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti l-ispeċifikazzjonijiet jeħtieġ karburant ta’ kwalità aħjar. L-abbozz ta’ din id-Direttiva ppreveda l-ħtieġa għal karburant b’10 sa 50 ppm ta’ kubrit. Il-manifatturi tal-magni jiffavorixxu 10ppm ta’ kubrit, biex b’hekk ikun aktar faċli li jissodisfaw il-limiti ta’ emissjoni u jtejbu l-affidabilità.

Il-passaġġi ta’ l-ilma interni għandhom limiti ta’ emissjoni inqas stretti, imma saret talba għal karburant b’livell inqas ta’ kubrit min-naħa ta’ l-operaturi tal-bastimenti tal-passaġġi ta’ l-ilma interni. Id-Direttiva antiċipat l-użu ta’ 1000ppm ta’ karburant, għalkemm il-karburant ta’ referenza rilevanti fih 300ppm ta’ kubrit.

L-analiżi tikkonkludi li l-karburant għal tagħmir ibbażat fuq l-art għandu jkollu 10ppm ta’ kubrit filwaqt li dak għall-passaġġi ta’ l-ilma interni għandu jkun ta’ 300ppm. Id-Direttiva 99/32/KE (dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi) tirreferi għal karburant għall-passaġġi ta’ l-ilma interni u jeħtieġ li tiġi emendata bħala riżultat ta’ din il-bidla. Se jkun meħtieġ aktar tnaqqis meta jiġu miftiehma limiti ta’ emissjoni aktar stretti għall-magni u dan qed jiġi propost għall-2011.

4.11. Id-Deterġenti

Jistgħu jitrabbew depożiti f’magni bħala riżultat ta’ tħaddim normali. Id-deterġenti tal-karburanti jintużaw sabiex tiġi solvuta din il-problema. Id-deterġenti ma jinfluwenzawx direttament l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu; jistgħu jnaqqsu jew jevitaw żieda possibbli fl-emissjonijiet minħabba depożiti li huwa magħruf li jaffettwaw l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu, il-faċilità fis-sewqan u l-ekonomija tal-karburant.

Il-manifatturi tal-karozzi iridu jiżguraw dejjem aktar li l-vetturi jikkonformaw ma’ rekwiżiti ta’ emissjoni matul il-ħajja kollha tagħhom. Minħabba dan, li jiġu evitati depożiti f’magni qed isir dejjem aktar importanti għalihom. Bħalissa, jistgħu jiġu miżjuda deterġenti mal-karburant, imma mhemm l-ebda obbligu. Il-fornituri tal-karburanti jagħmlu dikjarazzjonijiet konsiderevoli għal karburanti aktar avvanzati li jinkludu pakketti ta’ detergenti sofistikati u għalhekk il-manifatturi tal-karozzi jitolbu li l-użu ta’ dawn isir obbligatorju.

Bħalissa mhemm l-ebda test ta’ malajr, irħis u effettiv li jivvaluta d-deterġenza tal-karburant u għalhekk dan ma jistax jiġi valutat billi jittieħdu kampjuni tal-karburant. L-uniku metodu effettiv ikun li jiġu determinati rati xierqa ta’ trattament tal-karburant, tiġi monitorjata ż-żieda tad-deterġent u b’hekk jiġi żgurat indirettament l-użu xieraq.

Id-diffikultajiet deskritti fil-qosor jindikaw li l-proċessi u l-proċeduri huma l-aktar mezzi xierqa sabiex jiġi indirizzat deterġent konformi ma’ regolamentazzjoni aħjar. Iktar xogħol jista’ jħejji t-triq sabiex jiġu speċifikati istandards effettivi ta' prestazzjoni għad-deterġenti. Minħabba t-titjib iddikjarat fl-effiċjenza tal-vetturi, l-użu tad-deterġenti jista’ jiġi promoss mill-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ propost għall-Gassijiet Serra tul ċiklu ta’ ħajja.

4.12. L-Additivi Metalliċi

Fil-karburanti tat-trasport jintużaw għadd ta’ adittivi metalliċi, pereżempju biex tittejjeb il-kombustjoni jew jittejjeb l-ottanu. Hemm ċertu tħassib dwar l-effetti fuq is-saħħa ta’ emissjonijiet minn karburant li fih addittivi u l-impatt ta’ l-addittivi fuq magni u fuq tagħmir għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet. Minkejja dan it-tħassib, ma jidhirx possibbli li jiġi ddikjarat b’ċertezza li l-additivi mettalliċi jikkawżaw dannu. Biex jittejjeb il-fehim, tqies li ta’ min jistabbilixxi protokoll għat-testijiet biex jiġi determinat l-effett tagħhom.

Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza konvinċenti biżżejjed, la għal projbizzjoni ġeneralizzata fuq l-addittivi metalliċi, u lanqas għal projbizzjoni ta’ prodott speċifiku. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-protokoll għat-testijiet. B’mod parallel, l-industriji rilevanti jeħtieġ li jipprovdu informazzjoni lill-klijenti tagħhom biex b’hekk ikunu jistgħu jevitaw kwalunkwe impatt mhux mixtieq.

4.13. Id-Densità tad-Diżil

Tiġi ffissata densità massima tad-diżil minħabba r-rabta tiegħu ma’ l-emissjonijiet li jniġġsu. Żieda toħloq riskju ta’ żieda fl-emissjonijiet. Il-Metil Ester Xaħmi (FAME) huwa aktar dens minn dan il-limitu u ġie ssuġġerit li l-limitu jirrestrinġi l-użu tiegħu. L-analiżi turi li r-restrizzjoni hija waħda minuri u x’aktarx tiġi bbilanċjata bl-introduzzjoni ta’ diżil sintetiku inqas dens, partikolarment dak magħmul mill-bijomassa. Ma jidhirx li hemm każ għal bidla u ma ġiet proposta l-ebda waħda.

4.14. Il-kontenut ta’ ossiġenati fil-petrol.

Id-Direttiva tillimita l-proporzjon massimu permess ta’ ossiġenti li jista’ jintuża fil-petrol. Dan sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet mill-karozzi u tkun żgurata l-kompatibilità tal-karburant mal-flotta eżistenti tal-vetturi.

Il-problema ewlenija hija li l-etanol huwa inkompatibbli ma’ wħud mis-sistemi tal-karburanti tal-vetturi. Minħabba li jista’ jkun hemm xi dannu f’uħud mill-karozzi, kontenut ogħla ta’ etanol jista’ jiġi permess biss bħala taħlita separata għal vetturi kompatibbli.

Hemm ukoll riskji ambjentali assoċjati ma’ konenut ogħla ta’ etanol u ta’ ossiġenati. Kontenut ogħla ta’ ossiġenati jista’ jwassal għal emissjonijiet ogħla ta’ Nox primarjament minn vetturi li huma aktar qodma. Żieda fil-kontenut ta’ l-etanol joħloq riskju ta’ emissjonijiet ogħla ta’ komposti organiċi volatili minħabba tnaqqis fl-effikaċja tal-kontrolli evaporattivi tal-vetturi. Żieda fil-kontenut ta’ l-etanol ’il fuq mil-livelli kurrenti żżid ukoll il-permeazzjoni tal-komposti organiċi volatili. Taħlita ogħla ta’ etanol jeħtieġ li jkollha pressjoni tal-fwar aktar baxxa mill-petrol konvenzjonali minħabba fl-imġiba mhux lineari tagħha jekk titħallat ma’ petrol li jkollu kontenut aktar baxx ta’ etanol.

Biex tiġi ffaċilitata l-espansjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti, huwa mixtieq ossiġenat permess ogħla u għalhekk jintuża metodu li jnaqqas ir-riskji ambjentali. Qed tiġi proposta taħlita ta’ 10% ta’ etanol bħala taħlita mmarkata b’mod ċar.

4.15. Il-Pressjoni massima tal-fwar tal-petrol.

Iż-żieda ta’ l-etanol mal-petrol tgħolli l-pressjoni tal-fwar tiegħu. Ġie ssuġġerit li tiġi miżjuda l-pressjoni massima permessa tal-fwar għal taħlitiet tal-petrol li fihom l-etanol, li għandu jirriżulta f’żieda fl-emissjonijiet tal-komposti organiċi volatili. L-immudellar juri li żieda ta’ 10kPa b’mod ġenerali żżid l-emissjonijiet tal-komposti organiċi volatili b’madwar 1% filwaqt li l-mira Komunitarja hija għal tnaqqis ta’ 50% sa l-2020. Il-livell totali ta’ l-impatt mhuwiex ċert.

Li ssir tali eċċezzjoni għal taħlitiet ta’ l-etanol mhix xiħaġa mixtieqa u l-problema tista’ tiġi indirizzata billi jitneħħew komponenti oħra ħfief mill-petrol bħall-Butan. Li ssir regola speċjali għal parti waħda mill-industrija tal-bijokarburanti ma jkunx tekonoġikament newtrali. Ladarba l-fornituri ta’ l-etanol huma f’kompetizzjoni diretta kemm mal-fornituri ta’ l-eteri (eż. l-ETBE) kif ukoll ma’ bijokarburanti oħra, de facto dan jiffavorixxi mogħdija waħda ta’ produzzjoni fuq l-oħrajn.

Mhi qed tiġi proposta l-ebda bidla għal-limitu u qed tiġi ċċarata l-eżenzjoni fuq il-pressjoni tal-fwar ipprovduta għal kundizzjonijiet xitwin ħorox sabiex tiġi provduta ċertezza legali.

4.16. L-Emissjonijiet tal-Gassijiet Serra Tul Ċiklu ta’ Ħajja.

L-avvanzi tekonoloġiċi, l-ispejjeż ta’ l-enerġija u t-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija wasslu għal numru ta’ avvanzi f’rotot mhux konvenzjonali sabiex ikun fornut karburant tat-trasport fit-toroq. Uħud mill-proċessi għandhom livell ogħla ta’ emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra filwaqt li oħrajn għandhom livell aktar baxx. Barra minn hekk, il-produzzjoni tal-karburanti sintetiċi hija possibbli minn numru ta’ materji primi, li għandhom emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra differenti ħafna. Din il-problema ġiet meqjusa b’mod limitat għalhemm ġiet rikonoxxuta fl-Istrateġija għall-Bijokarburanti.

Sabiex din tiġi indirizzata, għandu jiġi introdott rekwiżit għall-fornituri tal-karburanti biex jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul ċiklu ta’ ħajja tal-karburant li jfornu. Proċedura ta’ Kumitat se tiżviluppa d-dettalji tal-monitoraġġ. Sussegwentement ikun meħtieġ tnaqqis obbligatorju f’dawn l-emissjonijiet, biex b’hekk tkun appoġġata l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-bijokarburanti.

5. IL-MONITORAġġ U L-EVALWAZZJONI

L-indikatur sabiex jintlaħqu l-miri tad-Direttiva 98/70/KE huwa konformità mal-parametri tal-karburanti. Ġiet stabbilita sistema ta’ Monitoraġġ tal-Kwalità tal-Karburanti u l-ħames rapport għas-sena 2005 se jiġi ppublikat fl-aħħar tas-sena 2006. Il-Kummissjoni tressaq rapporti annwali quddiem il-Kunsill u l-Parlament. Id- data kollha hija disponibbli fuq l-internet minn http://europa.eu.int/comm/environment/air/fuel_quality_monitoring.htm. Skond il-bidliet proposti se jkun meħtieġ li jiġi introdott rappurtaġġ u monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-karburant tat-trasport fit-toroq.

[1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew; Strateġija Tematika dwar it-tniġġis ta’ l-arja; KUMM(2005) 446, 21.9.2005.

Top