Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC0015

    Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument li jakkumpanja l- Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-miri fl-artikolu 7(2)(b) tad-direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw - Valutazzjoni ta’ l-impatt fil-qosor [COM(2007)5 finali] [SEC(2007)14]

    /* SEK/2007/0015 */

    52007SC0015

    Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument li jakkumpanja l- Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-miri fl-artikolu 7(2)(b) tad-direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw - Valutazzjoni ta’ l-impatt fil-qosor [COM(2007)5 finali] [SEC(2007)14] /* SEK/2007/0015 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 16.1.2007

    SEG(2007)15

    DOKUMENT TA' ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Dokument li jakkumpanja l-

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW DWAR IL-MIRI FL-ARTIKOLU 7(2)(b) TAD-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI MA GĦADHOMX JINTUŻAW

    Valutazzjoni ta’ l-impatt fil-qosor [COM(2007)5 finali] [SEC(2007)14]

    Daħla

    Fil-bidu tas-seklu, madwar 75% tal-vetturi li ma kenux għadhom jintużaw ġew riċiklati u l-fdalijiet tagħhom fil-parti l-kbira ntremew fil-miżbliet.

    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/53/KE tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw[1] (id-Direttiva ELV) timmira, inter alia, li jiżdiedu r-riċiklaġġ u l-irkupru ta' dawn il-fdalijiet. L-ewwel miri ta' 85% ta' rkupru u ta' 80% ta' riċiklaġġ huma ffissati għall-2006, iżda l-informazzjoni dwar l-ilħiq ta' dawn il-miri hija limitata u se tiġi biss ikkonfermata mir-rapporti ta' implementazzjoni ta' l-Istati Membri li għandhom jaslu sa' Ġunju 2008. L-Artikolu 7 tad-Direttiva ELV fih ukoll ġabra ta' miri ghar-riċiklaġġ u l-irkupru li għandhom jintlaħqu sa l-2015, jiġifieri 95% ta' l-irkupru u 85% tar-riċiklagg ("miri 2015").

    Id-Direttiva tipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina l-bżonn li timmodifika l-miri ta' l-2015 fid-dawl ta' l-iżvilupp tal-kompożizzjoni tal-materjali tal-vetturi u kwalunkwe aspetti ambjentali oħra li għandhom x'jaqsmu mal-vetturi, u tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha f'rapport indirizzat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew. Dan id-Dokument jiġbor fil-qosor tal-Valutazzjonijiet ta' l-Impatt ta' miri differenti għat-trattament mis-sena 2015. Dan l-Abbozz sar skond il-Linji ta' Gwida tal-Kummissjoni (SEC 791/2).

    Is-sitwazzjoni u l-prattiki attwali

    Id-Direttiva tipprovdi li, wara li jinġabru, il-vetturi li ma għadhomx jintużaw għandhom jiġu ddekontaminati u żarmati parzjalment għal għanijiet ta' riċiklaġġ. Dawn għandhom imbagħad jitqattgħu flimkien ma' fdalijiet ta' affarijiet li jintużaw fl-elettriku (WEEE). 75% tal-produzzjoni tax- shredder hija frazzjoni metallika li tiġi riċiklata, filwaqt li 25% hija residwu tax- shredder li llum, fil-parti l-kbira tiegħu, jiġi mitfugħ fil-miżbliet, b'użu limitat ta' inċinerazzjoni. Dan l-aħħar, minħabba żvilupp f'tekniki tat-trattament ta' l-iskart, qiegħed jinġabar ammont akbar ta' fdalijiet.

    Il-miri ffissati mid-Direttiva ELV ta' l-2015 jimplikaw żieda ta' 5% fir-riċiklagg u żieda ta' 10% fl-irkupru ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw mil-livelli ta' l-2006, li jnaqqas ukoll ir-radam tal-fdalijiet (fil-parti l-kbira tagħhom materjali plastiċi) b'aktar min-nofs.

    Minħabba li t-tul ta' ħajja ta' vettura hu bejn 12 u 15-il sena, vetturi li se jsiru skart madwar l-2015 ilhom fit-toroq mill-2002. Ghalhekk, il-karatteristiċi tagħhom, bħal piż u l-kompożizzjoni tal-materjal, huma magħrufin. Din hi raġuni waħda għalfejn il-miri tad-Direttiva ELV għall-2015 mhux se jinfluwenzaw id-disinn tal-karozzi. Sa mill-2015 dawn il-vetturi għandhom ikunu jsarrfu għal aktar minn 14-il miljun tunnellata ta' skart (illum, 10 miljun tunnellata), li l-biċċa l-kbira tagħhom se jkunu materjali sekondarji utli[2].

    Fl-2015, l-ammont ta' fdalijiet tax- shredder minn vetturi li ma għadhomx jintużaw għandu jitla' għal aktar minn 3.5 miljun tunnellata fis-sena. Jekk il-prattiki attwali jissuktaw, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn il-fdalijiet jispiċċaw fil-miżbliet, joħolqu problemi ambjentali sinifikanti u jsarrfu f'telf għall-ekonomija ta' l-UE ta' madwar 2.5 miljun tunnellata fis-sena ta' skart li jista' jerga' jinġabar, li jkun jista' jieħu post l-importazzjoni ta' enerġija u materji primi. Għalhekk, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta' din il-frazzjoni għandu jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-impatti ambjentali ta' l-użu tar-riżorsi.

    L-approċċ tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt

    Din il-Valutazzjoni ta' l-Impatt tqis l-impatti tal-miri hawn taħt msemmija bħalkieku kienu ffissati mil-lum għall-2015:

    Għażla ta’ politika | Illustrazzjoni |

    Riċiklaġġ | Irkupru |

    L-ebda Tibdil fil-Politika (linja ta' bażi) | 85% | 95% |

    Mira Mnaqqsa ta' Riċiklaġġ | 80% | 95% |

    Mira Mnaqqsa ta' Rkupru | 85% | 90%* |

    Tagħqid tat-tnaqqis fil-miri ta' Riċiklaġġ u Rkupru | 80%* | 85%* |

    * eżempju ta' mira possibbli

    Din il-valutazzjoni tikkunsidra li l-prattiki, is-swieq u t-teknoloġija li jintużaw illum se jkunu nbidlu sal-2015 u li l-għażliet li jkunu possibbli f'dak iż-żmien, jinfluwenzaw dawn it-tibdiliet. Il-prattiki u l-kundizzjonijiet fl-2006 huma l-bidu tat-tbassir, filwaqt li hemm bżonn wieħed jikkunsidra l-istat tad-dinja fl-2015, u mhux tal-lum, sabiex jiffissa l-miri għall-2015.

    Minħabba li l-iżvilupp tat-teknoloġija jiddependi minn miri li jiġu ffissati mil-lum, l-impatt ewlieni tal-politika hu l-influwenza tagħha fuq il-progress teknoloġiku fit-trattament ta' l-iskart sa' l-2015 u wara. Hu dan il-livell ta' teknoloġija li se jkun wieħed mill-fatturi ewlenin li jiddetermina il-benefiċji u l-ispejjeż neċessarji sabiex jintlaħqu l-miri. Ghalhekk, it-tbassir tal-futur huwa neċessarju, iżda dan jinvolvi l-inċertezzi. Ir-Rapport ta' Valutazzjoni jispjega dawn l-inċertezzi billi jikkunsidra r-reazzjonijiet għall-miri ta' politika kemm ta' innovazzjoni għolja u kemm ta' innovazzjoni baxxa.

    Il-bidla ewlenija għall-metodu attwali ta' trattament ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw għandha tiġi mill-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tat-trattament li jsir wara x- shredder li jifirdu biċċiet ta' materjal mill-fdalijiet tax- shredder li mbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jiġu trattati. Dan għandu jwassal għad-devjazzjoni ta' ċerti materjali mill-miżbliet għall-irkupru u r-riċiklaġġ.

    Riċentament, ġew żviluppati teknoloġiji avvanzati ta' separazzjoni wara l-istadju tax- shredder , illi jisseparaw materjali li jinstabu fil-fdalijiet tax- shredder . Il-problema ewlenija fil-ġestjoni ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw hi li bħalissa dawn it-teknoloġiji mhumiex qed jiġu żviluppati kummerċjalment u jixxerdu fis-suq, b'ċerti ostakli jmewtu r-ritmu ta' dan it-tixrid.

    Konklużjonijiet prinċipali mill-Valutazzjoni ta' l-Impatt

    Żvilupp teknoloġiku

    F'dan iż-żmien, fl-UE, ħafna fallimenti fis-suq – li xejn ma għenithom l-inċertezza kontinwa dwar il-miri futuri għall-vetturi li ma għadhomx jintużaw – itellfu l-iżvilupp u t-tixrid ta' teknoloġiji avanzati dwar x'jiġri wara l-istadju tax- shredder . Jekk jinżammu l-miri korrenti tal-2015, jistgħu jiġu mnaqqsa' dawn il-fallimenti billi jinħolqu swieq għal dawn it-teknoloġiji u dan jgħin fit-tixrid tat-teknoloġiji eżistenti u dawk li qed jiżviluppaw. Dan għandu jżid l-effiċjenza tar-riżorsi billi jħaffef ir-riċiklaġġ ta' aktar materjali plastiċi mill-vetturi li ma għadhomx jintużaw u ta' fdalijiet ta' affarijiet li jintużaw fl-elettriku, permezz ta' produzzjoni ta' materjali sekondarji ta' kwalita' aqwa, u billi joffri dawn il-prodotti bi prezz irħas minn dak tal-materjali li jissostitwixxi. Anke bi ftit żvilupp teknoloġiku, l-aqwa teknoloġiji li jeżistu llum joffru vantaġġi ekonomiċi fuq prattiki attwali. Fil-futur, aktarx li dawn il-vantaġġi jiżdiedu sostanzjalment, hekk kif il-prezz ta' teknoloġiji ġodda jkompli jonqos.

    Il-pass ta' l-iżvilupp teknoloġiku se jiddependi fuq il-livelli tal-miri. Għad fadal seba' snin ta' kummerċjalizzazzjoni u aktar riċerka u żvilupp flimkien ma' sentejn oħra għall-introduzzjoni kummercjali ta' teknoloġiji sabiex jintlaħqu l-miri sal-2015.

    Stimulazzjoni ta' riċerka u żvilupp fil-qasam ta' trattament tal-iskart tax- shredder jista' jqiegħed lill-UE quddiemnett f'suq dinji tat-teknoloġija li għandu potenzjal kbir, u jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala esportatur tat-teknoloġija.

    Impatti ambjentali tal-miri tal-2015

    Id-differenzi fl-impatti ambjentali dwar it-trattament ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw jiddependu fuq kif materjali plastiċi uzati fil-karozzi jiġu trattati, peress li l-impatti ambjentali tar-riċiklaġġ u l-irkupru jvarjaw. Għalhekk, hi neċessarja l-kunsiderazzjoni ta' metodi differenti ta' trattament sabiex jiġu determinati l-impatti tal-miri. Ir-riċiklaġġ ta' materjali plastiċi hu biss ta' benefiċju għall-ambjent fil-każi fejn il-proċess ta' separazzjoni u r-riċiklaġġ ta' wara l-istadju tax- shredding joħloq impatti ambjentali inqas minn dawk maħluqgħin mill-proċess li jagħmel il-materjali plastiċi mill-materji primi. L-impatti ambjentali relattivi ta' l-irkupru tal-materjali plastiċi jiddependu fuq il-metodi ta' rkupru użati, it-tip ta' materjal plastiku, u r-riżorsi li ġew sostitwiti. Il-prestazzjoni ambjentali tal-biċċiet ta' materjali plastiċi kontenuti fil-vetturi li ma għadhomx jintużaw ivarjaw minn tip ta' reżina għal oħra. Il-polipropelin (tip ta' bamper PP/EPDM) intuża sabiex jiġu kkalkulati l-impatti peress li hu l-aktar probabbli li jiġi rriċiklat u għandu mpatti ambjentali li huma ferm rapprezentattivi ta' polimeri oħra.

    Il-benefiċċji ambjentali ewlenin għandhom jiġu minn riċiklaġġ ta' parti tal-materjal plastiku separat li, fil-piż, jirrapreżenta bejn 2% u 7% tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw. L-ammont ta' materjali plastiċi riċiklati jiddependi fuq il-miri magħżula: Aktar ma jkunu għoljin il-miri, aktar probabbli li jiġu riċiklati aktar materjali plastiċi, u akbar ikun il-vantaġġ ambjentali miksub. Għall-UE, hu stmat li dan għandu jsarraf f'iffrankar li jlaħħaq sa' 980 000 tunnellata ta' ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju fis-sena. Żieda fir-riċiklaġġ ta' materjali plastiċi għandha twassal ukoll għal tnaqqis fl-ossidazzjoni fotokimika, aċidifikazzjoni fl-arja, ewtrofikazzjoni ta' l-ilma u l-iskart ġenerat. Fl-istess ħin, irkupru akbar jista' jnaqqas l-emissjonijiet ta' dijossidu karboniku b'aktar minn 200 000 tunnellata ta' ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju fis-sena, fil-parti l-kbira billi jisostitwixxi karburanti oħra b'materjali plastiċi. Il-livell ta' 85% riċiklaġġ isaħħaħ ukoll ir-riċiklaġġ tal-metalli kollha, b'benefiċji ambjentali u ekonomiċi ovvji.

    Il-mira ta' 80% riċiklaġġ tista' tintlaħaq mingħajr l-użu ta' teknoloġiji ġodda, bi ftit sforzi sabiex jiżdied l-iżżarmar t'oġġetti plastiċi kbar, ħġieġ jew tajers, kif ħareġ mill-esperjenza ta' Pajjiżi Membri. Mira aktar baxxa ta' riċiklaġġ tippermetti għal aktar irkupru u inċinerazzjoni minflok riċiklaġġ, li jaffettwa l-benefiċji ambjentali. Barra dan, tnaqqis tal-mira minn 85% jtellef b'mod sinifikanti l-iżvilupp ta' teknoloġiji ekoeffiċjenti ġodda, u għalhekk joqtol inċentivi għal żvilupp teknoloġiku u jżid ir-riskji għal dawk il-kumpaniji li jkollhom pjani għal investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.

    Billi titbaxxa l-mira ta' rkupru (ez. 90%) filwaqt li r-rata ta' riċiklaġġ tinżamm 85%, dan għandu jwassal għal żieda fir-rimi ta' materjali plastiċi fil-miżbliet u tnaqqis fl-iffrankar ta' gass li jżid it-tisħin ta' l-atmosfera. Bl-istess mod, jekk issir projbizzjoni fuq il-miżbliet minflok jinżammu l-miri, dan inaqqas il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali miksuba biż-żieda ta' riċiklaġġ b'ammont sinifikanti. Iż-żamma tal-mira ta' 85% għar-riċiklaġġ u ta' 95% għall-irkupru twassal għal benefiċċji netti akbar minn dawk ta' kull għażla oħra.

    Impatti ekonomiċi tal-miri ta' l-2015

    L-ispejjeż u l-benefiċji ta' miri differenti jiddependu mill-qagħda ta' l-iżvilupp teknoloġiku fl-2015. Għalhekk, l-impatti ekonomiċi ta' għażliet differenti, kif stmati, jeħtiġilhom jiġu deskritti bħala firxiet ta' valuri. F'xenarju ta' innovazzjoni għolja, il-valur nett miżjud mit-trattament ta' vettura li ma għadhiex tintuża jista' jkun ta' bejn €120 u €90 għal kull vettura li ma għadhiex tintuża. Għalhekk, il-valur totali massimu tal-proċess ta' trattament tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw għall-għadd ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw li hu stmat li jintlaħaq fl-2015 għandu joqrob il-€1.6 biljun fis-sena. Mingħajr żvilupp teknoloġiku, dan għandu jkun bejn €55 u €80 għal kull vettura li ma għadhiex tintuża.

    Għal mira ta' riċiklagg ta' 80%, skond ix-xenarju ta' l-iżvilupp teknoloġiku, il-katina ta' trattament ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw għandu jirriżultalha telf fil-valur nett li jwassal sa' €1.1 biljun fis-sena.

    Jekk il-prezzijiet tal-miżbliet ikunu baxxi biss, tista' mira tal-irkupru taħt il-95% preżenti taffettwa l-ispejjeż ekonomiċi. Bi prezzijiet għoljin tal-miżbliet, li jirriflettu x-xejriet attwali, tnaqqis fil-mira ta' l-irkupru ma jagħmel l-ebda differenza ekonomika. Meta tikkunsidra kollox, bil-miri ta' 85% riċiklaġġ u 95% irkupru, it-trattament tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw għandu benefiċċji ekonomiċi netti kbar.

    Impatti oħra

    Taħt kull sett ta' miri, ir-responsabbiltà amministrattiva tar-rekwiżiti ta' l-għoti ta' informazzjoni aktarx li ma tinbidilx peress li ħtiġijiet ta' informazzjoni dwar il-miri fil-livelli tal-2006 għandhom ikunu qrib ħafna għal dawk ta' miri differenti fl-2015.

    Bidliet fil-miri ma għandhomx joħolqu impatti soċjali sinifikanti.

    Impatti ta' għażliet alternattivi ssuġġeriti minn partijiet ikkonċernati

    Il-partijiet ikkonċernati ssuġġerew l-għazla li l-miri jiġu sostitwiti bi projbizzjoni fuq il-miżbliet, jew talanqas it-tneħħija tal-mira mnaqqsa għar-riċiklaġġ.

    Madankollu, kull sett ta' miri inqas minn dawk li ġew iffissati preżentament għall-2015 inaqqas il-benefiċji potenzjali kemm ambjentali kif ukoll ekonomiċi. Projbizzjoni fuq il-miżbliet u tnaqqis fuq il-miri tal-miżbliet għandhom effett simili għal dak tal-miri ta' rkupru fir-ridirezzjonar ta' skart mill-miżbliet. Madankollu, jeħtieġ li dawn jitqiesu f'rabta ma' dik l-għażla ta' ġestjoni ta' l-iskart li possibbilment tista' tintuża sussegwentement biex jinkiseb l-ikbar benefiċċju ambjentali.

    Il-partijiet ikkonċernati affettwati

    Il-partijiet ikkonċernati li huma direttament affettwati bid-differenza fl-għażliet huma l-industrija tal-ġestjoni ta' l-iskart tal-UE, il-fornituri tat-teknoloġija ta' l-iskart u, potenzjalment, il-konsumaturi. L-impatti fuq l-industrija tal-karozzi donnhom li huma inqas sinifikattivi, mhux l-inqas peress li d-disinn tal-vetturi ma jiġix affettwat. Miri ogħla jkollhom impatt ikbar fuq Stati Membri fejn tiġi ġġenerata l-biċċa l-kbira ta' l-iskart mill-vetturi li ma għadhomx jintużaw.

    Konklużjonijiet

    Bil-miri attwali għall-2015, l-oġġettivi tad-Direttiva ELV għandhom jintlaħqu, inkluż tnaqqis fir-rimi ta' l-iskart mill-vetturi li ma għadhomx jintużaw, titjib fil-prestazzjoni ambjentali fit-trattament ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw, u żieda fl-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-ġestjoni ta' l-iskart. It-tnaqqis potenzjali ta' wieħed miż-żewġ miri għandu jwassal għal żieda kemm fl-ispejjeż ekonomiċi kif ukoll f'dawk ambjentali.

    Filwaqt li kull stima ta' l-impatti futuri fuq perjodu ta' 9 snin fiha inċertezzi u tibbaża fuq suppożizzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miri ta' 85% użu mill-ġdid/reċiklaġġ u ta' 95% użu mill-ġdid/irkupru huma preżentament l-aħjar kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' prestazzjoni ambjentali kif ukoll dik ekonomika u għandhom jibqgħu stabbli sabiex jiggarantixxu sigurta' għall-investiment fit-teknoloġija tat-trattament ta' l-iskart aktar effettiv, kemm fl-infiq kif ukoll mil-lat ambjentali.

    [1] Id-Direttiva 2000/53/KE ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.

    [2] Il-piż medju ta' vetturi koperti mid-Direttiva ELV qiegħed jiżdied, u l-informazzjoni dwar il-piż effettiv ta' l-ELV ma taqbilx. F'dan ir-Rapport, għal ELV ta' l-2015, ġie użat piż medju ta' 1 025kg. Madankollu, medji meqjusa għall-manifatturi tal-karozzi jindikaw piż ogħla ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw li sa l-2019 jkun ta' madwar 1 280kg. Jekk jintuża dan il-piż ogħla, id-direzzjoni ta' l-impatti tkun l-istess, iżda d-daqs ta' l-impatti jkun akbar. Differenza li ġejja minn suppożizzjoniet dwar il-piż hi deskritta fid-dettall fil-Valutazzjoni ta' l-Impatt u fl-Annessi tagħha.

    Top