Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0709

    Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata {SEG(2007)1496} {SEG(2007)1497}

    /* KUMM/2007/0709 finali - COD 2007/0243 */

    52007PC0709

    Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata {SEG(2007)1496} {SEG(2007)1497} /* KUMM/2007/0709 finali - COD 2007/0243 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 15.11.2007

    KUMM(2007) 709 finali

    2007/0243 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata

    (preżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2007)1496}{SEG(2007)1497}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Il-kuntest tal-proposta

    - Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sistemi ta' Prenotazzjoni Kompjuterizzata (CRS) twaqqfu fl-1989 permezz tar-Regolament 2299/89 meta l-maġġoranza qawwija tal-prenotazzjonijiet tal-vjaġġi bl-ajru kienu jsiru permezz tas-CRSs u bosta mis-CRSs kienu proprjetà u taħt il-kontroll tal-linji ta’ l-ajru. Żviluppi sinifikanti fis-suq, bħaż-żieda fil-modi alternattivi ta' prenotazzjoni, wasslu sabiex il-Kodiċi ta’ Kondotta ma jkunx adegwat għall-kundizzjonijiet tas-suq: fil-fatt, qed iwassal biex ixekkel il-kompetizzjoni u b’hekk jikkontribwixxi għal spejjeż ogħla milli meħtieġ ta’ distribuzzjoni.

    Il-proposta timmira sabiex tissimplifika konsiderevolment il-Kodiċi ta’ Kondotta u tinforza l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-CRS filwaqt li żżomm is-salvagwardji bażiċi kontra l-abbużi potenzjali tal-kompetizzjoni, speċjalment fil-każ ta’ rabtiet mill-qrib bejn is-CRSs u l-linji ta’ l-ajru, u tiżgura l-forniment ta’ informazzjoni newtrali lill-konsumaturi.

    - Il-kuntest ġenerali

    Is-Sistemi ta’ Prenotazzjoni Kompjuterizzata (CRSs) jipprovdu lill-klijenti b’informazzjoni istantanja dwar d-disponibbiltà tas-servizzi tat-trasport bl-ajru u l-prezzijiet għal tali servizzi. Huma jippermettu lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, kemm jekk manwalment jew onlajn, biex jagħmlu prenotazzjonijiet ikkonfermati minnufih għan-nom tal-konsumaturi.

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sistema ta’ Prenotazzjoni Kompjuterizzata (“il-Kodiċi ta’ Kondotta”) twaqqaf għall-ewwel darba fl-1989 bl-adozzjoni tar-Regolament 2299/89. Dak iż-żmien il-parti l-kbira tal-prenotazzjonijiet għall-vjaġġi bl-ajru kienu jsiru permezz tas-CRSs. Għall-ivvjaġġar bl-ajru, il-konsumaturi prattikament setgħu joqogħdu biss fuq mezz wieħed ta’ informazzjoni u distribuzzjoni, dak kostitwit mis-CRSs u l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, bosta mis-CRSs kienu proprjetà u taħt il-kontroll tal-linji ta’ l-ajru. Din il-ġabra ta’ fatti ħolqot riskji partikolari ta’ abbuż kompetittiv li għalihom ir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni ma kienux adegwati u li għalihom regoli speċifiċi ad hoc fil-forma ta’ Kodiċi ta’ Kondotta kienu meħtieġa. Il-Kodiċi ta’ Kondotta twaqqaf bl-għan li jtejjeb it-trasparenza u jipprevjeni l-kondotta diskriminatorja kemm mill-bejjiegħa tas-sistemi nfushom kif ukoll mil-linji ta' l-ajru, speċjalment trasportaturi prinċipali ta’ CRSs. Fuq naħa, il-bejjiegħa ta’ sistema kienu meħtieġa li jittrattaw bl-istess mod mat-trasportaturi u l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kollha, filwaqt li, mill-banda l-oħra, trasportaturi prinċipali ta’ CRS kienu meħtieġa li ma jiffavorixxux dik is-sistema fuq l-oħrajn.

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta kien ta’ suċċess fil-prevenzjoni ta’ abbużi tas-setgħa fis-suq, imma għandu konsegwenza inċidentali minħabba li jsir dejjem anqas adegwat għat-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq. L-ewwelnett, bosta linji ta’ l-ajru ddivestew s-sjieda tagħhom fis-CRS. Tlieta minn erbgħa CRSs m'għadx għandhom sjieda minn xi linja ta’ l-ajru, waqt li tliet linji ta’ l-ajru għandhom ishma minoritarji fir-raba’ waħda. It-tieninett, minħabba l-iżvilupp ta’ mezzi alternattivi ta’ distribuzzjoni, bħas-sitiweb ta’ l-internet tal-linji ta’ l-ajru jew iċ-ċentri tagħhom tat-telefonati, illum il-konsumaturi għandhom aċċess għall-firxa ta’ mezzi ta’ informazzjoni u prenotazzjoni għas-servizzi tat-trasport bl-ajru. Madwar 40% tal-biljetti tal-linji ta’ l-ajru fl-UE jiġu prenotati b’mezzi alternattivi u madwar 60% permezz ta’ aġenti ta’ l-ivvjaġġar u CRSs.

    Ir-rekwiżiti ta’ nuqqas ta' diskriminazzjoni tal-Kodiċi jxekklu l-kompetizzjoni fil-prezz u l-innovazzjoni minħabba li jirristrinġu bil-qawwi l-libertà tal-linji ta’ l-ajru u l-fornituri tas-CRS biex jinnegozjaw t-tariffi tal-prenotazzjoni u l-kontenut tan-nolijiet offruti permezz tas-CRSs. In-nuqqas ta’ kompetizzjoni li tirriżulta, iżżomm it-tariffi tal-prenotazzjonijiet ogħla milli hu meħtieġ. Għaldaqstant, il-linji ta’ l-ajru ħafna drabi jiddistribwixxu parti dejjem tiżdied tal-biljetti tagħhom b’mezzi alternattivi bħal ma huma s-sitiweb ta’ l-Internet tagħhom, li jiġuhom orħos u teknikament aktar flessibbli.

    Barraminhekk, billi swieq tas-CRS f’inħawi oħra fid-dinja ġew deregolati, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-linji ta' l-ajru u l-fornituri CRS, mill-UE u mhux, jikkompetu f’kuntest ekwu.

    Il-konsultazzjoni pubblika wriet li l-partijiet ikkonċernati huma favur ir-reviżjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta biex jiġi adattat għall-kundizzonijiet tal-lum, imma jinżammu d-dispożizzjonijiet ewlenin li jiżguraw il-forniment ta’ informazzjoni newtrali għall-konsumaturi u salvagwardji kontra abbużi potenzjali fil-każ ta’ rabtiet mill-qrib bejn trasportaturi ta’ l-ajru u fornituri CRS.

    - Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Ir-Regolament 2299/89 kif emendat bir-Regolamenti 3089/93 u 323/99 se jiġi sostitwit b'din il-proposta.

    - Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni

    Mhux applikabbli.

    2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

    - Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta' dawk li wieġbu

    Qabel ma tħejjiet din il-proposta, kien hemm konsultazzjoni pubblika sabiex ikunu jistgħu jinġabru kemm jista’ jkun kummenti u suġġerimenti mill-individwi u l-entitajiet ikkonċernati. Dan l-eżerċizzju żamm ma’ l-istandards minimi għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati kif definiti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2002 (COM(2002) 704 finali).

    Saret konsultazzjoni miftuħa fuq l-Internet bejn it-23 ta’ Frar 2007 u s-27 ta’ April 2007. Il-Kummissjoni rċeviet 48 kontribuzzjoni, maqsuma skond dawn il-gruppi:

    - Trasportaturi ta’ l-ajru u korpi rappreżentattivi: 18

    - Fornituri CRS u fornituri tas-servizzi IT: 5

    - Konsumaturi/vjaġġaturi u korpi rappreżentattivi: 9

    - Aġenti ta’ l-ivvjaġġar u korpi rappreżentattivi: 10

    - Is-settur tat-trasport bil-ferrovija 1

    - Oħrajn: 5

    Fit-2 ta’ Mejju 2007, partijiet ikkonċernati u organizzazzjonijiet ta’ partijiet ikkonċernati ġew mistiedna għal laqgħa fi Brussell sabiex jagħtu spjegazzjoni qasira tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

    Sinteżi tat-tweġibiet u kif tqiesu

    Il-konsultazzjoni wriet li ftit biss mill-partijiet ikkonċernati – fost il-linji ta’ l-ajru u l-fornituri CRS – huma favur it-tneħħija tal-Kodiċi ta’ Kondotta. Bosta mill-partijiet ikkonċernati jippreferu jżommu l-Kodiċi ta’ Kondotta, imma huma favur reviżjoni tal-Kodiċi preżenti sabiex jiġi adattat għall-iżviluppi tas-suq billi jagħti aktar libertà lil-linji ta' l-ajru u l-fornituri CRS sabiex jinnegozjaw tariffi tal-prenotazzjoni u kontenut tan-nolijiet.

    L-aġenti ta’ l-ivvjaġġar jibżgħu minn aktar libertà fl-ipprezzar u huma favur l-emendar tar-Regolament biex jiġi żgurat aċċess mingħajr aktar spejjeż għall-kontenut sħiħ li għandhom il-linji ta’ l-ajru.

    L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi widdbu li reviżjoni għandha ssir bir-reqqa sabiex jiġi garantit l-forniment ta’ informazzjoni newtrali u komprensiva lill-konsumaturi.

    Bosta mill-partijiet ikkonċernati esprimew preferenza ċara li jinżammu r-regoli eżistenti applikabbli għat-trasportaturi prinċipali tal-fornituri CRS, jiġifieri l-parteċipazzjoni obbligatorja tat-trasportaturi prinċipali fis-CRSs kollha (l-Artikolu 4a tal-Kodiċi) u l-projbizzjoni li l-inċentivi jew id-diżinċentivi jintrabtu ma’ l-użu ta’ CRS partikolari (l-Artikolu 8).

    Ħarsa aktar dettaljata lejn l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u l-mod li bih ġew meqjusa ngħatat fir-rapport tal-valutazzjoni ta’ l-impatt li jakkumpanja din il-proposta.

    Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika bl-Internet huma disponibbli fuq:

    http://ec.europa.eu/transport/air_portal/consultation/2007_04_27_en.htm.

    - Ġbir u użu ta’ għarfien espert

    Ma kienx meħtieġ għarfien espert estern.

    - Valutazzjoni ta’ l-impatt

    F’din il-valutazzjoni ta’ l-impatt, żewġ alternattivi għar-reviżjoni – deregolamentazzoni parzjali jew sħiħa – tqabblu mal-każ bażi fejn kollox jibqa’ kif inhu. L-ewwel alternattiva - deregolamentazzjoni parzjali - kienet maqsuma fi tliet subalternattivi li huma differenti fir-rigward tal-miżuri ta’ salvagwardja fil-każ ta’ rabtiet mill-qrib bejn linji ta’ l-ajru u CRSs. L-alternattivi kollha jimmiraw li jżidu l-iskop tal-kompetizzjoni fis-suq CRS:

    - Alternattiva 0: kollox jibqa' kif inhu

    - Alternattiva 1: deregolamentazzjoni parzjali

    - Alternattiva 1a: deregolamentazzjoni parzjali bil-qsim ( unbundling ) tal-kontroll tal-linji ta’ l-ajru u s-CRSs;

    - Alternattiva 1b: deregolamentazzjoni parzjali b’dispożizzjonijiet speċifiċi għat-trasportaturi prinċipali;

    - Alternattiva 1c: deregolamentazzjoni parzjali mingħajr dispożizzjonijiet speċifiċi għat-trasportaturi prinċipali;

    - Alternattiva 2: deregolamentazzjoni sħiħa (tneħħija tal-Kodiċi ta’ Kondotta).

    Li jibqa’ kollox kif inhu (alternattiva 0) ġie rifjutat minħabba li r-restrizzjonijiet tar-Regolament eżistenti fuq il-libertà ta’ l-ipprezzar u n-negozjar qed iħallu impatti negattivi eskalenti, partikolarment f’termini ta' l-ispejjeż għolja tad-distribuzzjoni.

    Deregolamentazzjoni sħiħa (alternattiva 2) ġiet rifjutata fl-istat attwali tas-suq. Bosta vjaġġaturi tal-kumpaniji jibqgħu dipendenti ħafna fuq il-mezz waħdieni ta’ distribuzzjoni magħmul mill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar u s-CRSs. L-istess jgħodd għall-ivvjaġġaturi fl-Istati Membri b’rati baxxa ta’ użu ta’ l-Internet: anqas minn nofs il-popolazzjoni ta’ l-UE għandha aċċess għall-Internet – li huwa l-aktar mezz alternattivi importanti ta’ distribuzzjoni.

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-riskji ta’ abbuż kompetittiv huma ogħla minn f’setturi ekonomiċi oħra u d-dipendenza sħiħa fuq ir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni ma tkunx biżżejjed, speċjalment fil-każ ta’ rabtiet mill-qrib bejn il-linji ta’ l-ajru u s-CRSs. Barraminhekk, ċerti kondotti fis-suq tas-CRSs (eż. diskriminazzjoni fil-viżwal) ikunu ta’ detriment għall-konsumaturi anki jekk dawn ma kienux l-effett ta’ abbuż kompetittiv.

    Il-valutazzjoni ta’ l-impatt turi li l-altenattiva 1b toffri l-aktar riżultat favorevoli f’termini ta’ kompetizzjoni akbar, salvagwardji kontra abbuż kompetittiv, informazzjoni newtrali, trasparenti u komprensiva għall-konsumaturi u l-promozzjoni tat-trasport bil-ferrovija fil-viżwal CRS.

    Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni ta’ l-impatt elenkat fil-Programm ta’ Ħidma, li r-rapport tiegħu huwa disponibbli fuq:http://ec.europa.eu/transport/air_portal/internal_market/networks_en.htm

    3. ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA

    - Sommarju ta' l-azzjoni proposta

    Din il-proposta se tisssostitwixxi r-Regolament 2299/89 kif emendat bir-Regolamenti 3089/93 u 323/99.

    - Bażi ġuridika

    L-Artikoli 71 u 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

    - Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

    - Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja(in).

    Ir-Regolament 2299/89 jikkonferixxi l-kompetenza esklussiva lill-Kummissjoni. Minħabba n-natura internazzjonali ta’ l-operazzjonijiet CRS u d-diffikultà biex jiġu ssorveljati dawn l-attivitajiet fuq bażi nazzjonali, ir-reviżjoni u s-simplifikazzjoni proposti tar-regolament iżommu l-kompetenza fil-livell ta’ l-UE.

    Ir-reviżjoni u s-simplifikazzjoni proposta tar-Regolament ma taffettwax l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u tnaqqas il-piż amministrattiv diġà limitat fuq l-operaturi ekonomiċi.

    - L-għażla ta’ l-istrumenti

    Strument propost: Regolament.

    Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja(in).

    Regolament huwa l-aktar mezz adegwat għar-raġuni(jiet) li ġejja/in:

    - Il-proposta tikkonċerna r-reviżjoni ta’ Regolament eżistenti;

    - Ir-Regolament jikkonċerna attività ekonomika ta’ natura internazzjonali li tkun diffiċli li tkun irregolata fuq livell nazzjonali.

    4. IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI

    Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità.

    5. INFORMAZZJONI SUPPLIMENTARI

    - Simplifikazzjoni

    Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta rivedut tas-CRS tfassal u ġie strutturat b’mod li jiftiehem faċilment. Dispożizzjonijiet superfluwi mir-Regolament 2299/89 tneħħew, speċjalment meta jkunu ta’ tfixkil għal effiċjenza akbar fis-suq.

    Il-proposta hija inkluża fil-programm attwali tal-Kummissjoni għall-aġġornament u s-simplifikazzjoni ta' l- acquis communautaire u l-Programm ta' Ħidma u ta' Leġiżlazzjoni taħt ir-referenza 2002/TREN/29.

    - Ir-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    L-adozzjoni tal-proposta se twassal għar-revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti.

    - Klawżola ta' analiżi/reviżjoni/estinzjoni awtomatika

    Il-proposta tinkludi klawżola ta' analiżi.

    - Iż-Żona Ekonomika Ewropea

    L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

    - Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

    Deregolamentazzjoni parzjali tas-suq CRS

    Il-proposta temenda l-Kodiċi ta’ Kondotta għas-CRS sabiex jiġi adattat għall-kuntest attwali tas-suq – partikolarment l-iżvilupp ta’ mezzi alternattivi ta’ distribuzzjoni - u tissaħħaħ il-kompetizzjoni bejn il-fornituri CRS. Billi tingħata aktar flessibbiltà lis-CRSs u l-linji ta' l-ajru, il-proposta tippermetti s-CRSs sabiex jikkompetu b'mod aktar effettiv bil-mezzi alternattivi tad-distribuzzjoni, kemm f'termini ta' prezz kif ukoll is-servizzi offruti.

    Is-simplifikazzjoni tal-Kodiċi prinċipalment żżid il-libertà tan-negozjar tal-parteċipanti fis-suq: il-linji ta’ l-ajru u l-bejjiegħa tas-CRSs se jkunu ħielsa li jinnegozjaw dwar it-tariffi tal-prenotazzjonijiet mitluba mis-CRS u l-kontenut tan-nolijiet mogħtija mil-linji ta’ l-ajru. Ir-restrizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta attwali fir-rigward tal-kontenut tan-nol, l-aċċess għall-faċilitajiet tad-distribuzzjoni u l-prezzijiet għall-prenotazzjoni se jitneħħew (bl-eċċezzjoni tas-salvagwardji msemmija hawn taħt).

    Salvagwardji

    Il-proposta żżomm għadd ta’ salvagwardji kontra abbużi kompetittivi potenzjali, speċjalment fil-każ ta’ rabtitet mill-qrib bejn CRSs u fornituri tas-servizzi tat-trasport. Dawn is-salvagwardji jirriflettu l-opinjoni espressa minn bosta partijiet ikkonċernati u kkonfermata mill-valutazzjoni ta’ l-impatt, li fil-kuntest attwali tas-suq, rabtiet mill-qrib bħal dawn għadhom jirrappreżentaw riskji kompetittivi li jeħtieġu regoli speċifiċi barra r-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni.

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta simplifikat iżomm id-dispożizzjonijiet li ġejjin biex jipprevjeni abbużi kompetittivi u jiżgura l-forniment ta' informazzjoni newtrali għall-konsumatur:

    - salvagwardji biex jipproteġu l-pariri newtrali ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar (l-Artikolu 6), bħall-projbizzjoni għall-bejjiegħa tas-sistema biex jabbinaw kundizzjonijiet ta’ esklussività mal-kuntratti tagħhom ma’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar. Il-proposta żżid il-projbizzjoni għall-bejjiegħa tas-sistema biex jidentifikaw l-aġenti ta' l-ivvjaġġar fil-Listi ta' Dejta dwar Informazzjoni tal-Kummerċjalizzazzjoni ( Marketing Information Data Tapes ) (MIDT); din id-dispożizzjoni tevita li linja ta’ l-ajru tista’ tuża d-dejta biex tagħmel pressjoni biex l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar inaqqsu l-prenotazzjonijiet tagħhom ma’ linji ta’ l-ajru konkorrenti;

    - l-obbligu għall-bejjiegħa tas-sistema sabiex ċarament jisseparaw is-CRSs minn kwalunkwe sistema interna ta’ linja ta’ l-ajru għall-prenotazzjoni (l-Artikolu 4.2), bħal li jiġi evitat li trasportatur prinċipali jkollu aċċess privileġġat għas-CRS;

    - il-projbizzjoni għall-bejjiegħa tas-sistema biex jirriżervaw kwalunkwe faċilitajiet ta’ distribuzzjoni għat-trasportaturi prinċipali tagħhom (l-Artikolu 4.1), bħal li jiġu evitati vantaġġi għat-trasportaturi prinċipali fuq it-trasportaturi parteċipanti l-oħra;

    - l-obbligu għall-bejjiegħa tas-sistema biex jipprovdu viżwal newtrali u mhux diskriminatorju (l-Artikolu 5) sabiex jiżguraw informazzjoni newtrali għall-konsumaturi u jevitaw kwalunkwe diskriminazzjoni fuq l-iskrin favur linji ta’ l-ajru speċifiċi;

    - l-obbligu għall-bejjiegħa tas-sistema sabiex jipprovdu MIDT fuq bażi mhux diskriminatorja (l-Artikolu 7);

    - l-obbligu għal trasportatur prinċipali sabiex jipprovdi CRS oħra minn dik tagħhom bl-istess informazzjoni dwar is-servizzi tiegħu tat-trasport jew biex jaċċetta prenotazzjonijiet minn CRS oħra li ma tkunx tiegħu (l-Artikolu 10.1) sabiex jiġi evitat li t-trasportaturi prinċipali jxekklu l-kompetizzjoni minn CRSs oħra;

    - il-projbizzjoni għal trasportaturi prinċipali sabiex jorbtu inċentivi u diżinċentivi ma' l-użu ta' CRS speċifika (l-Artikolu 10.3) sabiex tiġi evitata preferenza sistematika tas-CRS proprji;

    - salvagwardji li jippermettu lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura trattament ugwali tal-linji ta' l-ajru ta’ l-UE fir-rigward tas-CRSs f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 8).

    - dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tad-dejta personali li tiddettalja u tikkumplimenta dawk tad-Direttiva 95/45/KE ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (l-Artikolu 11).

    Is-Servizzi ferrovjarji

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta japplika wkoll għas-servizzi ferrovjarji li huma integrati f’CRS tat-trasport bl-ajru (ma tapplikax għal sistemi “esklussivament ferrovjarji”) Il-Kodiċi jiżgura li s-servizzi ferrovjarji jingħataw trattament mhux diskriminatorju fis-CRS. Madankollu, id-dispożizzjonijiet attwali fir-rigward ta’ pprezzar mhux diskriminatorju jwasslu għal diskriminattion de facto tas-servizzi ferrovjarji minħabba li dawn jintalbu l-istess ħlas ta’ prenotazzjoni minkejja l-valur medju tal-biljetti huwa anqas. Bl-istabbiliment tal-libertà ta’ l-ipprezzar fir-rigward tat-tariffi tal-prenotazzjoni, il-proposta tippermetti lill-kumpaniji ferrovjarji jinnegozjaw it-tariffi tal-prenotazzjoni li jkunu aktar xierqa għall-valur tal-biljetti tagħhom u għalhekk joħolqu inċentiv għall-kumpaniji ferrovjarji sabiex joffru s-servizzi tagħhom fuq is-CRSs ukoll. Id-dispożizzjonijiet fir-rigwards tat-trasportaturi prinċipali u n-newtralità tal-viżwal tkompli tapplika għas-servizzi ferrovjarji wkoll.

    2007/0243 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikoli 71 u 80(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[3],

    Billi:

    (1) Ir-Regolament (KEE) Nru 2299/89 ta' l-24 ta' Lulju 1989 dwar kodiċi ta' kondotta għal sistemi ta' riservazzjoni [prenotazzjoni] kompjuterizzata[4] ta kontribut kbir biex jiżgura kundizzjonijiet ġusti u mhux preferenzjali għat-trasportaturi bl-ajru b'sistemi ta' prenotazzjoni kompjuterizzata (hawn taħt imsejħa “CRS”), u b'hekk jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi.

    (2) Parti konsiderevoli tal-prenotazzjonijiet ta' l-ajru għadha ssir permezz ta' sistemi ta' prenotazzjoni kompjuterizzata.

    (3) Żviluppi teknoloġiċi u tas-suq jippermettu simplifikazzjoni sostanzjali tal-qafas leġiżlattiv billi joffru aktar flessibbiltà lill-bejjiegħa CRS u t-trasportaturi bl-ajru biex jinnegozjaw it-tariffi tal-prenotazzjoni u l-kontenut tan-nol. Dan jippermettilhom jadattaw b'mod flessibbli għall-bżonnijiet u t-talbiet ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar u l-konsumaturi u biex jiddistribwixxu b'mod aktar effiċjenti l-prodotti tagħhom tat-trasport.

    (4) Fil-kuntest attwali tas-suq madankollu jibqa’ meħtieġ li jinżammu ċerti dispożizzjonijiet dwar is-CRSs, sakemm ikunu jinkludu prodotti tat-trasport, sabiex ma jitħallewx abbużi kompetittivi u jiġi żgurat il-forniment ta’ informazzjoni newtrali għall-konsumatur.

    (5) Meta trasportaturi prinċipali jirrifjutaw li jipprovdu l-istess informazzjoni dwar skedi, nolijiet u aċċess għal sistemi oħra barra dawk tagħhom stess, u jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjonijiet magħmula permezz ta' dawk is-sistemi, dan jista' jgħawweġ serjament il-kompetizzjoni bejn sistemi kompjuterizzati ta' prenotazzjoni.

    (6) Il-bejjiegħa tas-sistema għandhom jisseparaw b’mod ċar is-CRSs minn kwalunkwe sistema interna ta’ linja ta’ l-ajru għall-prenotazzjoni u għandhom iżommu lura milli jipprenotaw faċilitajiet ta’ distribuzzjoni għat-trasportaturi prinċipali tagħhom, sabiex jiġi evitat li trasportatur prinċipali jkun jista’ jkollu aċċess privileġġat għas-CRS.

    (7) Sabiex jitħarsu l-interessi tal-konsumaturi, huwa meħtieġ li l-viżwal inizjali ppreżentat lil utenti ta’ CRS ma jkunx preferenzjali u li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar it-trasportaturi parteċipanti kollha tkun aċċessibli b’mod ekwu sabiex ma tiffavorixxix trasportatur wieħed kontra l-ieħor.

    (8) Il-bejjiegħa tas-sistema għandhom jiżguraw li d-dejta kummerċjali tas-CRS tkun disponibbli għat-trasportaturi parteċipanti kollha mingħajr diskriminazzjoni, u l-fornituri tat-trasport m'għandhomx ikunu jistgħu jużaw tali dejta sabiex jinfluwenzaw kif mhux xieraq l-għażla ta' l-aġent ta' l-ivvjaġġar.

    (9) Għandu jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ informazzjoni dwar servizzi ferrovjarji weħidhom jew ferrovjarji flimkien ma’ bl-ajru fuq il-viżwal CRS.

    (10) Trasportaturi bl-ajru Komunitarji u minn pajjiżi terzi għandhom jingħataw trattament indaqs fir-rigward tas-servizzi CRS.

    (11) Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħat xierqa ta' infurzar, inkluż il-possibbiltà li tinvestiga ksur, kemm minn rajha jew abbażi ta’ lment, biex tordna l-impriżi kkonċernati sabiex itemmu tali ksur u biex timponi multi.

    (12) Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.

    (13) Il-ħarsien ta’ l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-dejta personali huwa rregolat bid-Direttiva 95/45/KE ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[5]. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jiddettaljaw u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ CRS.

    (14) Ir-Regolament (KE) Nru 2299/89 għandu jitħassar,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Taqsima 1

    Dispożizzjonijiet introduttorji

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-ambitu

    Dan ir-Regolament japplika għal kwalunkwe sistema ta' prenotazzjoni kompjuterizzata (hawn taħt imsejħa “CRS”), sakemm tkun tinkludi prodotti ta' trasport bl-ajru, meta offruti għal użu jew użati fit-territorju tal-Komunità.

    Dan ir-Regolament japplika għall-prodotti tat-trasport ferrovjarju, li jkunu inkorporati flimkien mal-prodotti tat-trasport bl-ajru fil-viżwal ewlieni ta’ CRS.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) ‘prodott tat-trasport’ tfisser il-ġarr ta’ passiġġieri bejn żewġ ajruporti jew stazzjonijiet ferrovjarji;

    (b) ‘servizzi skedati bl-ajru’ tfisser serje ta' titjiriet li jkollha dawn il-karatteristiċi kollha:

    (i) fuq kull titjira, s-sijts u/jew kapaċità tat-trasport tal-merkanzija u/jew posta jkunu disponibbli għax-xiri individwali mill-pubbliku (kemm direttament mit-trasportatur bl-ajru jew mill-aġenti awtorizzati tiegħu);

    (ii) din tkun operata biex isservi traffiku bejn l-istess tnejn jew aktar ajruporti, jew:

    - skond skeda tal-ħin ippubblikata; jew

    - bit-titjiriet tant regolari jew spissi li jikkostitwixxu serje li tista’ titqies sistematika.

    (c) 'nolijiet' tfisser il-prezzijiet li għandhom jitħallsu mill-passiġġieri lil trasportaturi bl-ajru jew operaturi tat-trasport ferrovjarju, l-aġenti tagħhom jew bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ dawk il-passiġġieri permezz ta' servizzi ta’ trasport u kwalunkwe kundizzjonijiet li bihom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet offruti lill-aġenzija u servizzi awżiljarji oħra;

    (d) ‘sistema ta' prenotazzjoni kompjuterizzata’ tfisser sistema elettronika li fiha informazzjoni dwar, fost l-oħrajn, skedi, disponibbiltà, nolijiet, servizzi relatati, ta’ trasportatur bl-ajru wieħed jew aktar, bil-faċilitajiet jew mingħajrhom li permezz tagħhom jistgħu jsiru l-prenotazzjonijiet, jew jinħarġu l-biljetti, sakemm dawn is-servizzi kollha jew uħud minnhom ikunu disponibbli għall-abbonati;

    (e) ‘faċilitajiet ta' distribuzzjoni’ tfisser il-faċilitajiet ipprovduti minn bejjiegħ ta' sistema għall-forniment ta' l-informazzjoni dwar skedi ta' trasportaturi bl-ajru u ta’ operaturi tat-trasport ferrovjarju, disponibbiltà, nolijiet u servizzi relatati u biex isiru l-prenotazzjonijiet u/jew jinħarġu biljetti, u għal servizzi relatati oħra;

    (f) ‘bejjiegħ tas-sistema’ tfisser kull entita u l-affiljati tagħha li hi jew huma responsabbli għall-operazzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' CRS;

    (g) ‘trasportatur prinċipali’ tfisser kull trasportatur bl-ajru jew operatur tat-trasport ferrovjarju li direttament jew indirettament, waħdu jew flimkien ma' oħrajn, ikollu s-sjieda jew effettivament jikkontrolla bejjiegħ tas-sistema, kif ukoll kwalunkwe trasportatur bl-ajru jew operatur tat-trasport ferrovjarju li jkollu s-sjieda jew effettivament il-kontroll tagħhom;

    (h) (ġ) 'kontroll effettiv' tfisser kull relazzjoni kostitwita permezz ta' jeddijiet, kuntratti jew kull mezz ieħor li, jew separatament jew konġuntivament u li b' konsiderazzjonijiet ta' fatt jew liġi nvoluta, jagħtu l-possibiltà li direttament jew indirettament jeżerċitaw kull influwenza deċiżiva fuq kull impriża, b'mod partikolari permezz ta':

    (i) id-dritt li jintuża kull ass jew parti minnu ta' impriża;

    (ii) jeddijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċiżiva fuq il-kostituzzjoni, votazzjoni jew deċiżjonijiet tal-korpi ta' impriża jew mod ieħor jagħtu influwenza deċiżiva fuq it-tħaddim tal-operat kummerċjali ta’ l-impriża;

    (i) ‘trasportatur parteċipant’ tfisser trasportatur bl-ajru jew operatur tat-trasport ferrovjarju li jkollu ftehim ma' bejjiegħ tas-sistema għad-distribuzzjoni ta' prodotti tat-trasport permezz ta' CRS.

    (j) ‘abbonat’ tfisser persuna, barra l-konsumatur, jew impriża, barra trasportatur parteċipanti, li juża CRS skond kuntratt jew arranġament finanzjarju ieħor ma' bejjiegħ tas-sistema. ‘Arranġament finanzjarju’ tfisser li sar ħlas speċifiku għas-servizzi tal-bejjiegħ tas-sistema jew li nxtara prodott tat-trasport;

    (k) ‘viżwal ewlieni’ tfisser il-viżwal newtrali komprensiv tad-dejta dwar servizzi tat-trasport bejn pari ta’ bliet, f'perjodu ta' żmien speċifiku;

    (l) 'biljett' tfisser dokument validu li jagħti dritt ta' trasport jew l-ekwivalenti f'forma mhux fuq il-karta, maħruġ jew awtorizzat mit-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-trasport ferrovjarju jew minn aġent awtorizzat.

    Taqsima 2

    Regoli ta' kondotta għall-bejjiegħa tas-sistemi

    Artikolu 3

    Relazzjonijiet mal-fornituri tat-trasport

    1. Bejjiegħ tas-sistema m'għandux:

    (a) jorbot kundizzjonijiet mhux raġonevoli ma' kwalunkwe kuntratt ma' trasportatur parteċipant jew jeħtieġ l-aċċettazzjoni ta' kundizzjonijiet ulterjuri li, min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom ebda rabta mal-parteċipazzjoni fis-CRS tiegħu;

    (b) jagħmel bħala kundizzjoni ta' parteċipazzjoni fis-CRS tiegħu li trasportatur parteċipant ma jkunx jista’ fl-istess żmien ikun parteċipant f'sistema oħra.

    2. Bejjiegħ tas-sistema għandu jdaħħal u jipproċessa dejta mogħtija minn trasportaturi parteċipanti bl-istess attenzjoni u prontezza, suġġett biss għal-limitazzjonijiet tal-metodu ta' loading magħżul minn trasportaturi parteċipanti individwali.

    Artikolu 4

    Faċilitajiet tad-distribuzzjoni

    1. Bejjiegħ tas-sistema m'għandux jirriserva xi proċedura ta' loading u/jew proċessar, jew xi faċilita ta' distribuzzjoni oħra, jew kwalunkwe titjib għal dawn, għal trasportatur prinċipali wieħed jew aktar tiegħu.

    2. Bejjiegħ tas-sistema għandu jiżgura li l-faċilitajiet ta' distribuzzjoni tiegħu jkunu separati, ta’ lanqas permezz ta’ softwer u b'mod ċar u verifikabbli, minn inventarju privat u faċilitajiet ta’ ġestjoni u kummerċjalizzazzjoni ta' kwalunkwe trasportatur.

    Artikolu 5

    Viżwal

    1. Bejjiegħ tas-sistema għandu jipprovdi viżwal ewlieni jew viżwal għal kull tranżazzjoni individwawli permezz tas-CRS tiegħu u għandu jinkludi fih id-dejta pprovduta minn trasportaturi parteċipanti b’mod newtrali u komprensiv u mingħajr diskriminazzjoni jew preferenzi. Il-kriterji li għandhom jintużaw fil-prijoritizzazzjoni m'għandhomx ikunu bbażati fuq xi fattur direttament jew indirettament relatat ma' l-identità ta' trasportatur u għandhom jiġu applikati fuq bażi mhux diskriminatorja lit-trasportaturi parteċipanti kollha. Il-viżwal ewlieni għandu jħares ir-regoli stipulati fl-Anness 1.

    2. Fil-każ ta' informazzjoni provduta minn CRS, abbonat għandu juża viżwal newtrali skond il-paragrafu 1 sakemm viżwal ieħor ikun meħtieġ biex jissodisfa l-preferenza indikata minn konsumatur.

    3. Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal CRS użat minn trasportatur bl-ajru, jew operatur tat-trasport ferrovjarju, jew grupp ta’ trasportaturi bl-ajru, jew ta’ operaturi tat-trasport ferrovjarju, fl-uffiċini tagħhom u l-punti tal-bejgħ identifikati bħala tali.

    Artikolu 6

    Rapporti ma’ abbonati

    1. Bejjiegħ tas-sistema m’għandux jagħmel kundizzjonijiet mhux raġonevoli marbuta ma’ kuntratt ma’ abbonat, bħal projbizzjoni lil abbonat milli jabbona f’sistemi oħra jew jużahom, bil-ħtieġa ta’ l-aċċettazzjoni ta’ kundizzjonijiet ulterjuri li ma jkollhom l-ebda rabta ma’ l-abbonament fis-CRS tiegħu, jew jimponi obbligu li tiġi aċċettata offerta ta’ tagħmir tekniku jew softwer.

    2. Meta abbonat ikun intrapriża awtonoma li timpjega anqas minn 50 persuna u li l-fatturat annwali tiegħu u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ annwali ma jkunx jaqbeż l-EUR 10 miljuni, dan jista’ jittermina l-kuntratt tiegħu ma' bejjiegħ tas-sistema billi jagħti avviż, li mhux meħtieġ ikun aktar minn tliet xhur, biex jiskadi mhux qabel it-tmiem ta’ l-ewwel sena tiegħu. F'dan il-każ, bejjiegħ tas-sistema m'għandux ikun intitolat li jieħu lura aktar milli l-ispejjeż direttament relatati mat-terminazzjoni tal-kuntratt.

    Artikolu 7

    Listi ta' Dejta dwar Informazzjoni tal-Kummerċjalizzazzjoni ( Marketing Information Data Tapes ) (MIDT)

    Il-bejjiegħa tas-sistema jistgħu jagħmlu disponibbli kwalunkwe dejta kummerċjali, dwar prenotazzjoni jew bejgħ sakemm:

    (a) tali dejta tkun offruta bl-istess prontezza u fuq bażi mhux diskriminatorja lit-trasportaturi parteċipanti kollha, inklużi trasportatur prinċipali. Id-dejta tista' u, fuq talba, għandha tkopri t-trasportaturi parteċipanti u/jew abbonati kollha;

    (b) meta tali dejta tirriżulta mill-użu ta' faċilitajiet ta’ distribuzzjoni ta’ CRS minn abbonat stabbilit fit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea, din tinkludi l-identifikazzjoni direttament jew indirettament ta’ dak l-abbonat.

    Artikolu 8

    Trattament ekwivalenti f’pajjiżi terzi

    Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet internazzjonali li fihom huma parti l-Kummissjoni jew l-Istati Membri, meta t-trattament mogħti lil trasportaturi bl-ajru Komunitarji minn bejjiegħ tas-sistema li jopera f’pajjiż terz ma jkunx ekwivalenti t-trattament mogħti lil trasportaturi parteċipanti minn pajjiz terz fir-rigward ta’ kwalunkwe materja f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ il-bejjiegħa tas-sistema kollha li joperaw fil-Komunità li jittrattaw it-trasportaturi bl-ajru ta’ dak il-pajjiż terz bl-istess mod li huwa ekwivalenti għat-trattament mogħti lit-trasportaturi bl-ajru Komunitarji f’dak il-pajjiż terz.

    Taqsima 3

    Regoli ta' kondotta għall-fornituri tat-trasport

    Artikolu 9

    Dejta pprovduta minn trasportaturi parteċipanti

    Trasportaturi parteċipanti, u intermedjarji li jiħħendiljaw id-dejta, għandhom jiżguraw li d-dejta li jissottomettu lil CRS tkun preċiża u li jippermettu l-bejjiegħ tas-sistema li jħares id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness I.

    Artikolu 10

    Regoli speċifiċi għat-trasportaturi prinċipali

    1. It-trasportatur prinċipali ma jistax jiddiskrimina kontra CRS kompetitur billi jirrifjuta li jipprovdilu, fuq talba u bl-istess prontezza, l-istess dejta dwar skedi, nolijiet u disponibbiltà dwar il-prodotti tiegħu tat-trasport bħal dak li dan jipprovdi lis-CRS tiegħu, jew li jiddistribwixxi l-prodotti tat-trasport tiegħu permezz ta' CRS ieħor, jew billi jirrifjuta li jaċċetta jew jikkonferma bl-istess prontezza prenotazzjoni magħmula permezz ta’ CRS kompetitur għal xi wieħed mill-prodotti tat-trasport tiegħu li jkun distribwit permezz tas-CRS tiegħu. It-trasportatur prinċipali għandu jkun obbligat li jaċċetta u li jikkonferma biss dawk il-prenotazzjonijiet li jkunu konformi man-nolijiet u kundizzjonijiet tiegħu.

    2. It-trasportatur prinċipali m'għandux ikun obbligat li jaċċetta xi spejjeż f'dan ir-rigward minbarra dawk għal riproduzzjoni tad-dejta li għandha tingħata u għall-prenotazzjonijiet aċċettati. Il-prezz tal-prenotazzjoni pagabbli lil CRS għal prenotazzjoni aċċettata li tkun saret skond il-paragrafu 1 m'għandux jaqbeż il-prezz mitlub mill-istess CRS jew mis-CRS tiegħu stess lil trasportaturi parteċipanti oħra għal transazzjoni ekwivalenti.

    3. Trasportatur prinċipali m'għandux, kemm direttament jew indirettament, jorbot l-użu ta' xi CRS speċifika minn abbonat ma’ l-akkwist ta' xi senserija jew inċentiv jew disinċentiv ieħor għall-bejgħ ta' prodotti tat-trasport tiegħu.

    4. It-trasportatur prinċipali m'għandux, kemm direttament jew indirettament, jeħtieġ l-użu ta' xi CRS speċifika minn abbonat għal bejgħ jew ħruġ ta' biljetti għal kwalunkwe prodott tat-trasport fornut kemm direttament jew indirettament minnu.

    Taqsima 4

    Protezzjoni tad-dejta personali

    Artikolu 11

    1. Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata matul l-attivitajiet ta’ CRS esklussivament għall-fini li ssir prenotazzjoni jew jinħarġu l-biljetti għal prodotti tat-trasport. Fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ tali dejta, CRS għandha titqies bħala kontrollur tad-dejta skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE.

    2. Id-dejta personali għandha biss tiġi pproċessata sakemm l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettieq ta’ kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-dejta jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-dejta qabel ma jidħol f’kuntratt.

    3. Meta jkunu involuti kategoriji speċjali ta’ dejta msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE, tali dejta għandha biss tiġi pproċessata meta s-suġġett tad-dejta espliċitament jagħti l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar ta’ dik id-dejta.

    4. L-informazzjoni fil-kontroll tal-bejjiegħ tas-sistema dwar prenotazzjonijiet individwali identifikabbli għandha tiġi maħżuna offlajn fi żmien tnejn u sebgħin siegħa minn meta jkun tlesta l-aħħar element ta' prenotazzjoni individwali u għandha tinqered fi żmien tliet snin. L-aċċess għal tali dejta għandu jitħalla biss għal raġunijiet ta' tilwim dwar il-kontijiet.

    5. Dejta kummerċjali, ta’ prenotazzjoni u bejgħ li CRS tagħmel disponibbli m’għandhiex tinkludi l-identifikazzjoni, kemm diretta jew indiretta, ta’ persuna fiżika jew, fejn applikabbli, ta’ organizzazzjonijiet jew kumpaniji li jkunu qed jirrappreżentaw.

    6. L-abbonat għandu jinforma lill-konsumatur dwar l-isem u l-indirizz tal-bejjiegħ tas-sistema, l-għanijiet ta' l-ipproċessar, it-tul taż-żamma tad-dejta personali u l-mezzi disponibbli għas-suġġett tad-dejta biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta' aċċess.

    7. Is-suġġett tad-dejta għandu jkun intitolat li jkollu aċċess mingħajr ħlas għad-dejta dwaru irrispettivament minn jekk id-dejta tkunx maħżuna mis-CRS jew mill-abbonat.

    8. Id-drittijiet rikonoxxuti minn dan l-Artikolu huma kumplimentari u b'żieda għad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta stipulati fid-Direttiva 95/46/KE u fid-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta’ din.

    9. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jiddettaljaw u jikkumplementaw id-Direttiva 95/46/KE għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Għajr fejn speċifikat xorta oħra, id-definizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva għandhom japplikaw. Meta d-dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-dejta personali fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ CRS stipulati f’dan l-Artikolu ma japplikawx, dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ din.

    Taqsima 5

    Ksur u penali

    Artikolu 12

    Ksur

    Fejn il-Kummissjoni, taġġixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva tagħha, issib li hemm ksur ta’ dan ir-Regolament, hi tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi kkonċernati jġibu fit-tmiem dan il-ksur.

    Artikolu 13

    Setgħat investigattivi

    Sabiex twettaq id-doveri assenjati lilha b’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, sempliċiment b’talba jew b’deċiżjoni, tirrikjedi l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi biex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja.

    Artikolu 14

    Multi

    1. Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi multi li ma jeċċedux aktar mil-10 % tal-fatturat fis-sena preċedenti tan-negozju fejn, intenzjonalment jew b’negliġenza, jiksru dan ir-Regolament.

    2. Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi ta’ mhux aktar minn 1% tal-fatturat totali fis-sena preċedenti tan-negozju fejn, intenzjonalment jew b’negliġenza, dawn jipprovdu informazzjoni skorretta jew nieqsa jew ma jipprovdux l-informazzjoni fiż-żmien rikjest fuq talba magħmula b'riżultat ta' deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 13.

    3. Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi għandhom jitqiesu kemm il-gravità kif ukoll it-tul tal-ksur.

    4. Il-multi m'għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

    5. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni tkun waħħlet multa. Hija tista' tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa.

    Artikolu 15

    Proċeduri

    1. Qabel ma tieħu deċiżjonijiet skond l-Artikoli 12 sa 14, il-Kummissjoni għandha toħroġ lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi kkonċernati dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u tagħtihom opportunità jissottomettu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u, meta jitolbu, waqt smiegħ.

    2. Il-Kummissjoni m’għandhiex tiżvela informazzjoni tat-tip kopert mill-obbligu tas-sigriet professjonali li tkun kisbet skond dan ir-Regolament.

    Kull persuna li tissottometti informazzjoni lill-Kummissjoni skond dan ir-Regolament għandha b'mod ċar tidentifika kull materjal li tikkunsidra kunfidenzjali, waqt li tagħti raġunijiet, u tipprovdi verżjoni separata mhux kunfidenzjali sad-data stabbilita mill-Kummissjoni.

    3. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li abbażi ta' l-informazzjoni fil-pussess tagħha hemm raġunijiet insuffiċjenti biex taġixxi dwar ilment, hija għandha tgħarraf lil min jagħmel l-ilment bir-raġunijiet tagħha u tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih min jagħmel l-ilment jista' jagħti l-opinjoni tiegħu bil-miktub.

    Jekk min jagħmel l-ilment jagħti tagħrif dwar il-veduti tiegħu fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni u s-sottomissjonijiet bil-miktub magħmula minn min jagħmel l-ilment ma jwasslux għal valutazzjoni differenti ta' l-ilment, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-ilment b'deċiżjoni. Jekk min jagħmel l-ilment jonqos li jagħti l-opinjoni tiegħu fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, l-ilment għandu jitiqies li ġie irtirat.

    Meta l-Kummissjoni toħroġ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, għandha tipprovdi lil min qed jilmenta b’kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali u tistipula limitu ta’ żmien sa meta min qed jilmenta jkun jista’ jressaq l-opinjoni tiegħu bil-miktub.

    4. Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-partijiet lil lilhom tkun indirizzat id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet u lil min qed jilmenta. L-aċċess għandu jingħata wara n-notifika tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl m’għandux jinkludi aċċess għas-sigrieti tan-negozju, informazzjoni kunfidenzjali oħra u dokumenti interni tal-Kummissjoni.

    5. Fejn tqis neċessarju, il-Kummissjoni tista’ wkoll tisma’ lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra.

    Taqsima 6

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 16

    Revoka

    1. Ir-Regolament (KE) 2299/89 qed jitħassar.

    2. Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 17

    Analiżi

    Fi żmien ħames snins mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li għandu jivvaluta l-ħtieġa li jinżamm, jiġi emendat jew jitħassar dan ir-Regolament.

    Artikolu 18

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    ANNESS I

    Regoli applikabbli għall-viżwal ewlieni

    1. Meta n-nolijiet jintwerew fil-viżwal ewlieni, u/jew meta b’għażla jiġu elenkati f’ordni skond in-nolijiet, in-nolijiet għandhom jinkludu t-taxxi, spejjeż u tariffi kollha applikabbli u inevitabbli li għandhom jitħallsu lill-fornitur tat-trasport.

    2. M'għandha ssir l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta' l-ajruporti jew stazzjonijiet ferrovjarji li jservu l-istess belt meta jiġu stabbiliti u magħżula l-prodotti tat-trasport għal par ta' bliet partikolari biex tidħol f’viżwal ewlieni.

    3. It-titjiriet minbarra s-servizzi skedati l-oħra ta' l-ajru għandhom ikunu identitifikabbli b'mod ċar. Konsumatur għandu jkun intitolat li, fuq talba, ikollu viżwal ewlieni limitat għal servizzi skedati jew mhux skedati biss.

    4. It-titjiriet li jkun fihom waqfiet matul il-vjaġġ għandhom ikunu identifikabbli b'mod ċar.

    5. Meta t-titjiriet jiġu operati minn trasportatur ta' l-ajru li ma jkunx it-trasportatur ta' l-ajru identifikat mill-kodiċi nominattiv tat-trasportaturi, l-operatur attwali tat-titjira għandu jkun identifikat b'mod ċar. Dan ir-rikwiżit għandu jgħodd fil-każijiet kollha, minbarra f'arranġamenti għal żmien qasir ad hoc .

    6. Informazzjoni dwar ġabra ta’ prodotti – i.e. taħlitiet prestabbiliti ta’ trasport flimkien ma' servizzi mhux anċellari għat-trasport u offruti bi prezz inklussiv – m’għandhom jintwerew fil-viżwal ewlieni.

    ANNESS II

    Tabella ta’ Korrelazzjoni

    Ir-Regolament 2299/89 | Dan ir-Regolament |

    Artikolu 1 | Artikolu 1 |

    Artikolu 2 | Artikolu 2 |

    Artikolu 3(1) u (2) | - |

    Artikolu 3(3) | Artikolu 3(1) |

    Artikolu 3(4) | Artikolu 4(1) |

    Artikolu 3a | Artikolu 10(1) u (2) |

    Artikolu 4(1) | Artikolu 9 |

    Artikolu 4(2) | - |

    Artikolu 4(3) | Artikolu 3(2) |

    Artikolu 4a(1) u (2) | Artikolu 4(1) |

    Artikolu 4a (3) | Artikolu 4(2) |

    Artikolu 4a (4) | - |

    Artikolu 5 | Artikolu 5 |

    Artikolu 6 | Artikoli 7 u 11 |

    Artikolu 7 | Artikolu 8 |

    Artikolu 8 | Artikolu 10(3) u (4) |

    Artikolu 9 | Artikolu 6 |

    Artikolu 9a | Artikoli 5(2) u 11 |

    Artikolu 10 | - |

    Artikolu 11 | Artikolu 12 |

    Artikolu 12 | Artikolu 13 |

    Artikolu 13 | Artikolu 13 |

    Artikolu 14 | Artikolu 15(2) |

    Artikolu 15 | Artikolu 13 |

    Artikolu 16 | Artikolu 14 |

    Artikolu 17 | - |

    Artikolu 18 | - |

    Artikolu 19 | Artikolu 15(1) u (5) |

    Artikolu 20 | - |

    Artikolu 21 | - |

    Artikolu 21a | - |

    Artikolu 21b | - |

    Artikolu 22 | Artikolu 11 |

    Artikolu 23 | Artikolu 17 |

    Anness I | Anness I |

    [1] ĠU C ….

    [2] ĠU C ….

    [3] ĠU C ….

    [4] ĠU L 220, 29.07.1989, p.1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 3089/93 (ĠU L 278, 11.11.1993, p.1) u r-Regolament (KE) Nru 323/1999 (ĠU L 40, 13.2.1999, p.1)

    [5] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    Top