Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0619

    Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

    /* KUMM/2007/0619 finali - COD 2007/0216 */

    52007PC0619

    Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri /* KUMM/2007/0619 finali - COD 2007/0216 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 18.10.2007

    KUMM(2007) 619 finali

    2007/0216 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Ir-Regolament (KE) 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri ma jinkludix eċċezzjonijiet għat-teħid tal-marki tas-swaba’. Għalhekk huwa neċessarju li jiddaħħlu dispożizzjonijiet li jeskludu minn dan ir-rekwiżit it-tfal taħt l-età ta’ 6 snin u l-persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’. |

    120 | Il-kuntest ġenerali Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) 2252/2004 dwar l-istandards tas-sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti oħra ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri[1] fit-13 ta’ Diċembru 2004. Fiż-żmien tal-proposta mill-Kummissjoni u d-diskussjonijiet dwarha fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ma kienu disponibbli l-ebda esperjenzi bl-użu ta’ data bijometrika għal applikazzjonijiet fuq skala kbira fid-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar. Dawn it-teknoloġiji l-ġodda ta’ l-inserzjoni ta’ ċipep b’data bijometrika kienu għadhom ma ġewx applikati jew ippruvati. Matul proġetti pilota ta’ xi Stati Membri deher li l-marki tas-swaba’ tat-tfal taħt l-età ta’ 6 snin ma kinux ta' kwalità suffiċjenti għal verifika personali ta’ l-identità. Barra dan, huma suġġett għal tibdil importanti li jagħmilha diffiċli li jiġu verifikati matul il-perjodu kollu ta’ validità tal-passaport. Kemm minħabba raġunijiet legali u minħabba raġunijiet ta’ sigurtà huwa f’idejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-eċċezzjonijiet mill-obbligu li jkunu pprovduti marki tas-swaba’ għall-passaporti u dokumenti oħra ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri. B’konsegwenza, il-Kummissjoni tipproponi emenda għar-Regolament (KE) 2252/2004 sabiex tipprovdi eċċezzjonijiet armonizzati: it-tfal taħt l-età ta’ 6 snin u persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’, għandhom ikunu eżentati minn dan ir-rekwiżit. Barra dan, bħala miżura supplimentari ta’ sigurtà u sabiex ikun provdut ħarsien addizzjonali għat-tfal, ser jiġi introdott il-prinċipju ta’ “persuna waħda-passaport wieħed”. Huwa wkoll rakkomandat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u dan jiżgura li l-passaport u l-karatteristiċi bijometriċi huma marbuta biss mad-detentur tal-passaport. Huwa iktar sikur jekk kull persuna jkollha l-passaport tagħha. Jekk, pereżempju, jinħareġ passaport li jinkludi wkoll it-tfal tal-persuna, b’isimhom biss u mingħajr ir-ritratti, id-data bijometrika tal-ġenitur rispettiv biss tiġi introdotta fuq iċ-ċippa. L-informazzjoni bijometrika tat-tfal ma tkunx imdaħħla. B’konsegwenza, l-identità tat-tfal ma tistax tiġi vverifikata b’mod affidabbli. Dan jista’ jiffavorixxi t-traffikar tat-tfal. L-introduzzjoni tal-prinċipju “persuna waħda-passaport wieħed” jevita dan l-effett negattiv. Proċedura ġdida ta’ Komitoloġija Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet proċedura regolatorja bi skrutinju għal miżuri ta’ ambitu ġenerali ddisinnjata biex temenda elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat. Ir-Regolament (KE) 2252/2004 jistabbilixxi proċedura ta’ Komitoloġija sabiex jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 2 li huma neċessarji għall-implimentazzjoni tar-Regolament. Ir-Regolament ma nbidel f’xejn. L-ispeċifiċitajiet tekniċi huma kumplimentari għar-Regolament u jistabbilixxu, pereżempju, kif l-aċċess għaċ-ċippa huwa sikurizzat. Jekk dawn l-ispeċifiċitajiet tekniċi għandhom jibqgħu sigrieti biex jiġi evitat li falsifikaturi jew persuni b’intenzjonijiet ħżiena jista’ jkollhom aċċess u jużawhom għal raġunijiet malintenzjonati, il-kumitat tal-komitoloġija jista’ jiddeċiedi skond l-Artikolu 3 li għandhom ikunu sigrieti. Lanqas din id-deċiżjoni ta' komitoloġija mhi ser taffettwa lir-Regolament. Din tippreżenta biss eżekuzzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament partikolarment li d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ikollhom livell ta’ sigurtà ogħla. B’konsegwenza, il-proċedura tal-komitoloġija bi skrutinju ma tapplikax. |

    130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Din il-proposta tara li temenda r-Regolament (KE) 2252/2004 li bħalissa ma jkoprix eċċezzjonijiet mir-rekwiżit tal-marki tas-swaba’. Għalhekk l-introduzzjoni tal-prinċipju “persuna waħda-passaport wieħed” u li jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit it-tfal ta’ taħt l-età ta’ 6 snin u l-persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’, hija żieda neċessarja għal-leġiżlazzjoni eżistenti. |

    141 | Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. |

    IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

    Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

    219 | Dan ir-Regolament huwa emenda għar-Regolament (KE) 2252/2004 eżistenti. Rigward l-ewwel emenda, l-eċċezzjoni ta’ l-obbligu li jingħataw il-marki tas-swaba’, ġiet indirizzata matul id-diskussjoni dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża fejn Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) u l-grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni tad-data fl-Artikolu 29 ġew ikkonsultati. Il-KEPD iddikkjara li għandhom jiġu introdotti proċeduri ta’ rimedju għal dawk il-persuni li ma jistgħux jipprovdu identifikaturi bijometriċi, anke matul id-diskussjonijiet ta’ l-Emenda għall-Istruzzjonijiet Komuni Konsolari li jintroduċu l-bijometrika. B’rabta mat-tieni emenda, l-introduzzjoni tal-prinċipju “persuna waħda-passaport wieħed”, ħafna Stati Membri diġà qed jimxu ma’ dan il-prinċipju minħabba li huwa rakkomandat ukoll mill-Organizzazzjoni ta’ l-Avjazzjoni Ċivili. |

    Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert |

    229 | Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern addizzjonali (ara fuq). |

    230 | Valutazzjoni ta’ l-impatt Ma twettqitx valutazzjoni ta’ l-impatt. Din il-proposta qed tikkumplimenta r-Regolament (KE) 2252/2004. Din tintroduċi l-prinċipju ta’ “persuna waħda-passaport wieħed” u teżenta minn dan ir-rekwiżit lit-tfal taħt l-età ta’ 6 snin u persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’. Għal ta’ l-ewwel, ħafna Stati Membri diġà qed isegwu dan il-prinċipju u, għalhekk, mhux ser ikun hemm spejjeż addizzjonali għal dawk l-Istati Membri. Barra dan, l-Istati Membri li joħorġu passaporti tal-familja diġà qed jipprevedu l-possibbiltà li joħorġu, fuq talba, passaporti individwali għaliex huma, pereżempju, neċessarji għall-ivvjaġġjar fl-Istati Uniti. Għalhekk, anke f’dawn il-każijiet mhux ser jiġu ġġenerati spejjeż addizzjonali. Madankollu, ser ikun hemm xi spejjeż addizzjonali għaċ-ċittadini. Ser ikollhom iħallsu miżata għal kull passport. Madankollu, il-passaport huwa neċessarju biss għall-ivvjaġġar f’pajjiżi terzi għaliex għall-ivvjaġġar fl-UE hija biżżejjed karta ta’ l-identità. Barra dan, l-ivvjaġġar isir iktar sikur minħabba li t-tfal huma mħarsa aħjar. B’rabta ma’ tat-tieni – l-eċċezzjonijiet mill-obbligu li jingħataw il-marki tas-swaba’ – l-emenda hija tweġiba għat-talba għall-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ rimedju. |

    L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

    305 | Sommarju ta' l-azzjoni proposta Il-Kummissjoni tipproponi emenda għar-Regolament (KE) 2252/2004 sabiex tarmonizza l-eżenzjoni indispensabbli minn dan ir-rekwiżit tat-tfal taħt l-età ta’ 6 snin u persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’. Barra dan, għal raġunijiet li tiġi żgurata s-sigurtà tad-dokumenti l-prinċipju ġenerali li huwa wkoll rakkomandat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), riferut bħala "persuna waħda-passaport wieħed", huwa introdott. Dan għandu jgħin biex jiġi evitat it-traffikar tat-tfal. Ser ikollhom il-passaport tagħhom bl-identifikaturi bijometriċi tagħhom stess, li jħaffef il-verifiki fil-fruntiera. |

    310 | Bażi ġuridika L-Artikolu 62(2)(a) TKE. |

    329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Ir-Regolament (KE) 2252/2004 ġie adottat mill-Komunità. Il-Komunità għandha wkoll il-kompetenza li tipprovdi armonizzazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għar-rekwiżit li jingħataw il-marki tas-swaba’. |

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalita għar-raġuni(jiet) li ġejja(in). |

    331 |

    332 | Din il-proposta temenda r-Regolament (KE) 2252/2004 u tintroduċi l-prinċipju ta’ “persuna waħda-passaport wieħed” u teżenta minn dan ir-rekwiżit lit-tfal taħt l-età ta’ 6 snin u persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’. |

    L-għażla ta’ l-istrumenti |

    341 | L-istrument propost: Regolament. |

    342 | Mezzi oħra ma jkunux addattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Ir-Regolament (KE) 2252/2004 għandu jiġi emendat b’Regolament. |

    IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT |

    409 | Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Komunità. |

    1. 2007/0216 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 62(2) a) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[2],

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[3],

    Billi:

    (1) Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessalonika ikkonferma li jinħtieġ approċċ koerenti fl-UE fir-rigward l-identifikaturi bijometriċi jew id- data bijometrika għad-dokumenti taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għall-passaporti taċ-ċittadini ta’ l-UE u għas-sistemi ta’ informazzjoni (il-VIS u s-SIS II).

    (2) F’dan il-kuntest, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2252/2004 fit-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri[4] bħala pass importanti lejn l-użu ta’ elementi ġodda, li jagħmlu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar iktar sikuri u li jistabbilixxu rabta iktar affidabbli bejn id-detentur u l-passaport bħala kontribuzzjoni importanti biex jiġi żgurat li huwa protett kontra użu falz.

    (3) Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 jipprovdi għal obbligu ġenerali li jingħataw il-marki tas-swaba’ li jiddaħħlu f’ċippa tat-tip ta’ bla kuntatt fil-passaport. Madankollu, l-esperjenza mit-testijiet uriet li hemm bżonn ta’ eċċezzjonijiet. Matul proġetti pilota ta’ xi Stati Membri deher li l-marki tas-swaba’ tat-tfal taħt l-età ta’ 6 snin ma kienux kwalità suffiċjenti għal verifika personali ta’ l-identità. Barra dan, huma suġġett għal tibdil importanti li jagħmilha diffiċli li jiġu verifikati matul il-perjodu kollu ta’ validità tal-passaport.

    (4) L-armonizzazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għar-rekwiżit tal-marki tas-swaba’ hija essenzjali sabiex jinżammu standards komuni ta’ sigurtà u biex jiġu ssimplifikati l-kontrolli fil-fruntiera. Kemm minħabba raġunijiet legali u minħabba raġunijiet ta’ sigurtà huwa f’idejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-eċċezzjonijiet mill-obbligu li jkunu pprovduti marki tas-swaba’ għall-passaporti u dokumenti oħra ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri.

    (5) Barra dan, bħala miżura supplimentari ta’ sigurtà u sabiex ikun provdut ħarsien addizzjonali għat-tfal, għandu jiġi introdott il-prinċipju ta’ “persuna waħda-passaport wieħed”. Huwa wkoll rakkomandat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u dan jiżgura li l-passaport u l-karatteristiċi bijometriċi huma marbuta biss mad-detentur tal-passaport. Huwa iktar sikur jekk kull persuna jkollha l-passaport tagħha.

    (6) Dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li hemm bżonn sabiex jintlaħqu l-għanjiet segwiti skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat.

    (7) F'konformità ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta miegħu jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, billi dan ir-Regolament jimmira li jibni fuq l- acquis ta' Schengen skond id-disposizzjonijiet tat-tielet parti tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta dan ir-Regolament jekk tittrasponihiex fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (8) Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet dwar l- acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ l- acquis ta’ Schengen [5] ; għalhekk ir-Renju Unit mhux qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u la hu marbut biha u lanqas soġġett għaliha.

    (9) Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l- acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' l- acquis ta' Schengen [6] . Għalhekk l-Irlanda mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (10) Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta' l- acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l- acquis ta' Schengen [7] , li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[8].

    (11) Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l- acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1 punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/849/KE[9] u 2004/860/KE[10].

    (12) Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 għandu jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2252/2004 huwa emendat kif ġej:

    (1) il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    "1. Il-passaporti u d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati membri għandhom ikunu konformi ma’ l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness.

    Dawn għandhom jinħarġu bħala dokumenti individwali.”;

    (2) il-paragrafu 2a li ġej huwa mdaħħal wara l-paragrafu 2:

    "2a. Dawn il-persuni għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit tal-marki tas-swaba’:

    (a) tfal taħt l-età ta’ 6 snin;

    (b) persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’".

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha b'mod konformi mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, [...]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1.

    [2] ĠU C […], […], p. […].

    [3] ĠU C […], […], p. […].

    [4] ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1.

    [5] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    [6] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    [7] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    [8] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31

    [9] ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26-27

    [10] ĠU L 370, 17.12.2004, p.78-79

    Top