Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0457

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni li għandhom jieħdu il-Komunitajiet fil-Bord Regolatorju taċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija, konkluż bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, waqt li jaġixxu bħala Parti waħda, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea

    /* KUMM/2007/0457 finali */

    52007PC0457

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni li għandhom jieħdu il-Komunitajiet fil-Bord Regolatorju taċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija, konkluż bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, waqt li jaġixxu bħala Parti waħda, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea /* KUMM/2007/0457 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 31.7.2007

    KUMM(2007) 457 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

    dwar il-pożizzjoni li għandhom jieħdu il-Komunitajiet fil-Bord Regolatorju taċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija, konkluż bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, waqt li jaġixxu bħala Parti waħda, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Fis-27 ta’ Novembru 1992, il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, waqt li jaġixxu bħala parti waħda (minn hawn ’il quddiem “il-Komunitajiet”), iffirmaw ftehim ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Ġappun u l-Federazzjoni Russa, li jwaqqaf Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”). Il-Komunitajiet ikkonkludew dan il-Ftehim permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3955/92 u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 3956/92 tal-21 ta' Diċembru 1992. Fl-2004, il-Kanada ngħaqdet maċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (ISTC) bħala membru sħiħ tal-Bord Regolatorju.

    2. L-ISTC (minn hawn 'il quddiem "iċ-Ċentru") jaġixxi bħala organizzazzjoni intergovernattiva bil-kapaċità ġuridika tagħha stess, skond il-liġijiet u r-regolamenti tal-Partijiet. L-għanijiet taċ-Ċentru huma li jagħtu lix-xjenzati u l-inġiniera ta’ l-armamenti, b’mod partikolari dawk li għandhom l-għarfien u l-kapaċitajiet dwar armi tal-qerda tal-massa jew dwar sistemi ta' missili li jġorru dawn l-armi, fir-Russja u Stati oħra tal-Komunità ta' Stati Indipendenti (CIS), opportunitajiet biex jiridderiġu t-talenti tagħhom lejn attivitajiet paċifiċi u jikkontribwixxu għas-soluzzjoni ta’ problemi tekniċi internazzjonali u nazzjonali u lejn l-għanijiet usa’ ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija msejsa fuq is-suq li taqdi ħtiġijiet ċivili.

    3. Fis-27 ta’ Frar 2007, il-Konfederazzjoni Żvizzera avżat lill-Bord Regolatorju taċ-Ċentru illi kienet beħsiebha ssir Parti għall-Ftehim. Esprimiet ix-xewqa tagħha li tappoġġa l-isforz taċ-Ċentru biex irażżan it-tixrid ta’ għarfien espert dwar armi tal-qerda tal-massa. Għal dan il-għan, fissret il-fehma tagħha favur proġetti u sinerġiji kollaborattivi bejn il-komunitajiet xjentifiċi Żvizzeri, b’mod partikolari l-Iskejjel Politekniċi Federali u n-netwerk ta’ istituti benefiċjarji u ta’ organizzazzjonijiet sħab minn kull Parti għall-Ftehim. Il-proġetti li jinvolvu organizzazzjonijiet Żvizzeri għandu jkollhom l-għanijiet paċifiċi u ċivili, f’bosta oqsma xjentifiċi.

    4. L-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tippromwovi aktar l-għanijiet taċ-Ċentru u hija wkoll skond il-ħsieb tal-Partijiet li jkabbru n-numru tagħhom, fir-rikonoxximent li s-suċċess taċ-Ċentru jesiġi appoġġ qawwi mill-gvernijiet, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet akkademiċi u xjentifiċi, u organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi oħra.

    5. Skond l-Artikolu XIII tal-Ftehim, hija r-responsabbiltà tal-Bord Regolatorju taċ-Ċentru li japprova din l-adeżjoni. L-adeżjoni teħtieġ l-approvazzjoni tar-rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (waqt li jaġixxu bħala Parti waħda) fi ħdan il-Bord. Għalkemm iż-żewġ Komunitajiet jitqiesu bħala Parti waħda fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, hemm madankollu proċeduri differenti li jridu jiġu segwiti fil-qasam ta’ Ftehimiet internazzjonali taħt it-Trattati li jistabbilixxu kull waħda mill-Komunitajiet. Għalhekk, biex iż-żewġ Komunitajiet jesprimu l-pożizzjoni tagħhom fil-Bord Regolatorju taċ-Ċentru dwar l-adeżjoni ta' l-Iżvizzera, tenħtieġ deċiżjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

    6. Wara li kkunsidrat dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

    7. japprova l-abbozz tad-deċiżjoni anness għan-nom tal-Komunità Ewropea;

    8. jawtorizza lir-rappreżentanti tal-Presidenza tal-Kunsill fuq il-Bord Regolatorju taċ-Ċentru biex japprovaw l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-Ftehim li jistabbilixxi ċ-Centru;

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

    dwar il-pożizzjoni li għandhom jieħdu il-Komunitajiet fil-Bord Regolatorju taċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija, konkluż bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, waqt li jaġixxu bħala Parti waħda, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3955/92 tal-21 ta’ Diċembru 1992 li jikkonċerna l-konklużjoni għan-nom tal-Komunità Ekonomika Ewropea ta' Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, waqt li jaġixxu bħala Parti waħda, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea[1], u b’mod partikolari l-Artikoli 3(1), (3) u (4) tiegħu, u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 3956/92 tal-21 ta’ Diċembru 1992 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika ta' Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, waqt li jaġixxu bħala Parti waħda, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu[2],

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[3],

    Billi:

    (1) Fil-21 ta’ Diċembru 1992, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea, waqt li jaġixxu bħala parti waħda (minn hawn ’il quddiem “il-Komunitajiet”) ikkonkludew il-Ftehim li jistabbilixxi Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”),

    (2) Fis-27 ta’ Frar 2007 il-Konfederazzjoni Żvizzera nnotifikat lill-Bord Regolatorju taċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (minn hawn ’il quddiem "iċ-Ċentru") illi kien beħsiebha ssir Parti għall-Ftehim.

    (3) Skond l-Artikolu XIII tal-Ftehim, hija r-responsabbiltà tal-Bord Regolatorju taċ-Ċentru li japprova din l-adeżjoni.

    (4) Il-Komunitajiet huma rrappreżentati fuq il-Bord taċ-Ċentru mill-Presidenza tal-Kunsill u mill-Kummissjoni.

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-Ftehim li jistabbilixxi ċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija, konkluż bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Ġappun, il-Federazzjoni Russa u, waqt li jaġixxu bħala Parti waħda, il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Komunità Ekonomika Ewropea, hija b’dan approvata għan-nom tal-Komunitajiet.

    Artikolu 2

    Ir-rappreżentanti tal-Presidenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fuq il-Bord Regolatorju taċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija huma awtorizzati biex japprovaw l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-Ftehim li jistabbilixxi ċ-Ċentru.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni

    Il-President Il-President

    [1] ĠU L 409, 31.12.1992, p.1.

    [2] ĠU L 409, 31.12.1992, p.10.

    [3] ĠU C XXX, p.X.

    Top